Language of document : ECLI:EU:T:2014:896

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

16 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Elettriku — Tariffa preferenzjali — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Għajnuna ġdida — Ugwaljanza fit-trattament — Terminu raġonevoli”

Fil-Kawża T‑291/11,

Portovesme Srl, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn F. Ciulli, G. Dore, M. Liberati u A. Vinci, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u É. Gippini Fournier, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament totali, jew parzjali “sa fejn meqjus raġonevoli”, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/746/UE, tat-23 ta’ Frar 2011, dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Italja lil Portovesme Srl, ILA SpA, Eurallumina SpA u Syndial SpA (Miżuri ta’ għajnuna mill-Istat C 38/B/04 (ex NN 58/04) u C 13/06 (ex N 587/05) (ĠU L 309, p. 1), u, sussidjarjament, talba għall-annullament tad-deċiżjoni msemmija sa fejn fiha hemm ordnat il-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Portovesme Srl, hija produttur ta’ metalli li ma fihomx ħadid, fost liema hemm, f’dak li jikkonċerna l-fabbriki tagħha ta’ Portoscuso (l-Italja) u San Gavino (l-Italja), iż-żingu, il-fidda u ċ-ċomb.

2        Permezz tal-Artikolu 1 tad-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tas-6 ta’ Frar 2004 (GURI Nru 93, tal-21 ta’ April 2004, p. 5; iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-2004”), “il-kundizzjonijiet [tariffarji] stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Digriet tal-Ministeru għall-Industrija, Kummerċ u Artiġjanat tad-19 ta’ Diċembru 1995 [ġew estiżi] għall-provvista tal-enerġija elettrika għall-produzzjoni tal-aluminju, ċ-ċomb, il-fidda u ż-żingu limitati għal impjanti li diġà jeżistu fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet u li jinsabu fuq gżejjer u li huma kkaratterizzati minn nuqqas jew insuffiċjenza ta’ mezzi ta’ konnessjoni mal-grids nazzjonali tal-elettriku u l-gass”.

3        B’hekk, id-Digriet tal-2004 ppermetta lil benefiċjarji ġodda, fosthom lir-rikorrenti, li tiġi applikata fil-konfront tagħhom it-tariffa preferenzjali diġà mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 2005 lil Alcoa Trasformazioni Srl, produttur tal-aluminju stabbilita f’Sardegna (l-Italja), bid-Digriet Ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 1995 (GURI Nru 39, tas-16 ta’ Frar 1996, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-1995”). Din l-estensjoni kellha tkun ta’ natura temporanja u tintemm bl-implementazzjoni u bir-rinfurzar tal-konnessjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jew, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2007.

4        Għandu jiġi ppreċiżat li d-Digriet tal-1995 kien jidħol fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ Alumix SpA. Din il-privatizzazzjoni wasslet għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri l-oħra u lill-persuni interessati oħra, b’mod konformi mal-Artikolu[88](2) [KE], dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Gvern Taljan favur Alumix, innotifikata lir-Repubblika Taljana u ppubblikata fl-1 ta’ Ottubru 1996 (ĠU C 288, p. 4; iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Alumix”).

5        Id-Digriet tal-2004 jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, li l-Autorità per l’energia elettrica e il gas (Awtorità Taljana għall-enerġija elettrika u l-gass, iktar ’il quddiem l-“AEEG”) “tiftiehem il-kundizzjonijiet tariffarji previsti fil-punt 2” tad-Digriet tal-1995. Dan tal-aħħar jinkludi fih ħames punti, li l-ewwel tnejn minnhom huma rilevanti għal din il-kawża. Il-punt 1 tal-imsemmi digriet jipprovdi li “l-iskala tal-provvista ta’ elettriku għall-produzzjoni ta’ aluminju primarju li tinsab fit-tabella A-9 annessa mad-Deċiżjoni Nru 15 tal-14 ta’ Diċembru 1993 hija mħassra mill-1 ta’ Jannar 1996” u li, “[m]inflok japplikaw it-tariffi skont is-sigħat previsti fit-tabella A-6 ta’ din il-miżura”. Il-punt 2 tad-Digriet tal-1995 jipprovdi li “is-sistema ta’ taxxa addizzjonali prevista mill-miżura iċ-CIP Nru 13 tal-24 ta’ Lulju 1992 u l-emendi ulterjuri tagħha, li għandha tiġi applikata għal kull provvista intiża għall-produzzjoni ta’ aluminju primarju fil-limiti tal-istrutturi eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet, għandha titħassar mill-31 ta’ Diċembru 2005.”

6        F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fl-Italja, huwa l-Comitato interministeriale dei prezzi (Kumitat interministerjali tal-prezzijiet; iktar ’il quddiem iċ-“CIP”) li għandu jiffissa l-livell ta’ prezz u l-kundizzjonijiet relatati mal-provvista tal-elettriku. It-tariffa tal-elettriku tinkludi parti fissa “korrispondenti għall-enerġija elettrika mwegħda jew ipprovduta” u parti varjabbli, “skont l-enerġija kkonsmata” (punt 2.5.1 tad-Deċiżjoni Alumix). Din il-parti varjabbli tinkludi fiha stess żewġ komponenti, il-“prezz tal-enerġija” u t-“taxxa addizzjonali termika”. L-istess bħall-parti fissa, il-“prezz tal-enerġija” jservi “biex ikopri […] l-ispejjeż amministrattivi u finanzjarji tal-produzzjoni tal-elettriku” (l-istess punt tad-Deċiżjoni Alumix) filwaqt li t-“taxxa addizzjonali termika” “hija marbuta mal-prezzijiet tal-karburanti użati għall-produzzjoni tal-elettriku u l-prezzijiet tax-xiri ta’ elettriku b’oriġini nazzjonali jew barranija” (l-istess punt tad-Deċiżjoni Alumix).

7        Il-parti fissa u l-“prezz tal-enerġija” kienu ġew iddeterminati, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Alumix, bid-Deċiżjoni Nru 45/1990 taċ-CIP, filwaqt li t-“taxxa addizzjonali termika” ġiet iddeterminata bid-Deċiżjoni Nru 26/1989. Bid-Deċiżjoni Nru 13/1992 taċ-CIP, it-“taxxa addizzjonali termika” għall-produzzjoni ta’ aluminju tal-ewwel fużjoni fil-funderija li tinsab fit-territorju tal-komun ta’ Portovesme, f’Sardegna, tnaqqset b’żewġ terzi, minn liri Taljani (ITL) 26,6 għal kull kilowatt/sigħa għal ITL 8,8. Din it-tariffa (iktar ’il quddiem it-“tariffa qabel Alumix”) tippreċedi d-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet Taljani, fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ Alumix, dwar it-tariffi tal-elettriku applikabbli għall-funderiji tal-aluminju stabbiliti fit-territorju tal-komuni ta’ Portovesme u ta’ Fusina, fil-Veneto (l-Italja).

8        F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet indikat li, “[fir-rigward tat-]tariffa l-antika applikabbli għall-funderija ta’ Portovesme abbażi tad-Deċiżjoni Nru 13/[1992] tas-CIP, li kienet tipprevedi tnaqqis fit-taxxa addizzjonali termika, [kellu] jiġi konkluż li tan it-tnaqqis termiku [kien] jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat”, peress li din id-deċiżjoni, “adottata unilateralment mill-Gvern Taljan, [naqqset] il-prezz imħallas minn din il-funderija, mingħajr ma tat il-benefiċċju ta’ din il-miżura lil industriji oħra fil-bqija tal-Italja” (punt 4.2 tad-Deċiżjoni Alumix).

9       Sussegwentement, it-tariffa qabel Alumix ġiet eżaminata “mill-angolu tat-tfittix tal-għan ta’ żvilupp reġjonali fuq żmien twil fis-sens tal-Artikolu 92(3)[(a)] KE” (punt 4.2 tad-Deċiżjoni Alumix) u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dawn it-tariffi preferenzjali kienu tħassru mill-1 ta’ Jannar 1996. B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-“injezzjonijiet ta’ kapital, il-ħlas tad-djun iffriżati u [“t-tariffa qabel Alumix” kienu jiffurmaw parti] mid-derogi previsti fl-Artikolu 92(3)[(a) u (ċ)] KE” (punt 5 tad-Deċiżjoni Alumix).

10      Il-privatizzazzjoni ta’ Alumix (li wasslet għat-trasferiment tal-parti l-kbira tal-attiv tal-grupp Alumix lil Alcoa Italia SpA, li saret, fl-aħħar ta’ dan il-proċess, Alcoa Trasformazioni) kienet wasslet lil-leġiżlatur Taljan biex jadotta sensiela ta’ miżuri, li xi wħud minnhom kienu jikkonċernaw it-tnaqqis tat-tariffi tal-elettriku applikabbli għal din il-kumpannija. Għal dan il-għan kienu ġew adottati tliet tariffi differenti, waħda li tikkonċerna l-fabbrika li tinsab f’Portovesme, it-tnejn l-oħra li jikkonċernaw il-fabbrika li tinsab f’Fusina. Għal dawn iż-żewġ fabbriki, it-tariffa kienet tinkludi l-prezz marġinali ta’ produzzjoni tal-elettriku fir-reġjun ikkonċernat, jiġifieri ITL 36 għal kull kilowatt/siegħa għall-fabbrika ta’ Portovesme u ITL 39 għal kull kilowatt/siegħa għall-fabbrika ta’ Fusina, liema bażi kienet miżjuda bil-parteċipazzjoni fil-prezzijiet fissi.

11      It-tabella riprodotta wara r-raba’ paragrafu tal-punt 2.5.2 tad-Deċiżjoni Alumix tesponi t-tariffa applikabbli għall-funderija li tinsab f’Portovesme mill-1996 sal-2005. Fir-rigward tal-funderija ta’ Fusina, il-provvista tagħha kienet is-suġġett ta’ żewġ kuntratti distinti, wieħed konkluż bejn l-Ente nazionale per l’energia elettrica (ENEL) u SAVA, impriża mixtrija minn Alumix, l-ieħor li jiffissa tariffa kkalkolata abbażi tal-prezz marġinali medju tal-elettriku prodott, jiġifieri ITL 39 għal kull kilowatt/siegħa. Huma l-ewwel u t-tielet tariffa li kienu jikkostitwixxu, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Alumix, l-aħħar evoluzzjoni tat-tariffi preferenzjali tal-elettriku (iktar ’il quddiem it-“tariffa Alumix”).

12      Fl-ewwel każ, f’dak li jikkonċerna l-fabbrika ta’ Portovesme, il-Kummissjoni kkunsidrat is-segwenti:

“[F]iċ-ċirkustanzi attwali, ENEL għandha l-imġiba normali ta’ impriża kummerċjali u […] t-tariffa li din tipprattika ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 92(1) [KE].” (punt 4.2 tad-Deċiżjoni Alumix).

13      Fit-tieni każ, li jikkonċerna l-fabbrika ta’ Fusina, hija adottat raġunament simili fir-rigward tat-tielet tariffa, ikkalkolata abbażi tal-prezz marġinali medju tal-elettriku prodott.

14      Finalment, dejjem f’dak li jikkonċerna lil din il-fabbrika, iżda fir-rigward tal-kuntratt konkluż bejn ENEL u SAVA (it-tieni tariffa), hija indikat li din kienet operazzjoni kummerċjali normali u li, minflok ma’ tħallas f’daqqa, il-ħlas ta’ ħames ċentrali idroelettriċi u tan-netwerk korrispondenti kien ġie skalat fuq diversi snin u kien sar taħt forma ta’ provvista tal-elettriku.

15      B’hekk il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn it-tliet tariffi — fosthom it-tariffa Alumix — ma kien fihom “ebda element ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 92(1) [KE]” (l-aħħar paragrafu tal-punt 4.2 tad-Deċiżjoni Alumix).

16      L-implementazzjoni tat-tariffa preferenzjali li tirriżulta mid-Digriet tal-2004, esposta fil-punti 2 u segwenti iktar ’il fuq, kienet tippresupponi li l-AEEG tieħu deċiżjoni f’dan is-sens.

17      Din adottat id-Deċiżjoni Nru 110/04, tal-5 ta’ Lulju 2004, li tissuġġetta l-għoti tat-tariffa preferenzjali għar-riżultat pożittiv tal-proċedura ta’ notifika, fis-sens tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

18      Madankollu, irriżulta li l-awtoritajiet Taljani ma kinux wettqu n-notifika msemmija, iżda li kien b’riżultat tal-komunikazzjoni li kienet saritilha ta’ artikli tal-istampa li l-Kummissjoni kienet talbet lir-Repubblika Taljana, b’ittri tat-22 ta’ Jannar u tad-19 ta’ Marzu 2004, għal kjarifiki fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni. B’ittri tad-9 ta’ Frar, 9 ta’ Ġunju u 20 ta’ Settembru 2004, dan l-Istat Membru ppreżenta preċiżazzjonijiet lill-Kummissjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-Digriet tal-2004, informa lill-AEEG bil-kuntest li fih kienu ġew ipprovduti dawn l-elementi u taha istruzzjonijiet biex timplementa d-digriet imsemmi, liema ħaġa saret permezz tad-Deċiżjoni Nru 148/04, tad-9 ta’ Awwissu 2004.

19      B’deċiżjoni nnotifikata lir-Repubblika Taljana b’ittra tas-16 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/2004 (ex NN 58/04) – Għajnuna favur il-kumpannija Portovesme Srl (miġbura fil-qosor fil-ĠU 2005, C 30, p. 7).

20      Fis-17 ta’ Diċembru 2004, l-AEEG informat lill-ministru tal-Attivitajiet produttivi Taljani bil-fatt li, fid-dawl tad-deċiżjoni msemmija, hija kienet ser tinterrompi qabel iż-żmien l-applikazzjoni tas-sistema li tirriżulta mid-Digriet tal-2004.

21      Mill-informazzjoni kkomunikata mir-Repubblika Taljana fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jirriżulta li, b’applikazzjoni tas-sistema msemmija, għall-elettriku kkonsmat bejn April u Ottubru 2004, ir-rikorrenti rċeviet mingħand l-organiżmu pubbliku Cassa Conguaglio per il settore elettrico (Fond ta’ Aġġustament Taljan għas-settur tal-elettriku) ħlasijiet f’ammont totali ta’ EUR 12 845 892.82, li jirrappreżenta l-kumpens miksub mid-differenza bejn il-prezz ipprattikat mill-fornitur tal-elettriku tar-rikorrenti u t-tariffa preferenzjali ffissata mill-Istat, multiplikata bil-kwantità ta’ enerġija elettrika kkonsmata.

22      Madankollu, fl-14 ta’ Marzu 2005, l-awtoritajiet Taljani adottaw id-Digriet Liġi Nru 35 (GURI Nru 111, tal-14 ta’ Mejju 2005, p. 4), li nqaleb f’liġi, wara emenda, bil-Liġi Nru 80, tal-14 ta’ Mejju 2005 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 91, tal-14 ta’ Mejju 2005; iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2005”).

23      Abbażi tal-Artikolu 11(12) tal-Liġi tal-2005, it-tariffa preferenzjali mogħtija lir-rikorrenti ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2010. Madankollu, filwaqt li d-Digriet tal-2004 ma kienx is-suġġett ta’ notifika lill-Kummissjoni, hekk kif lanqas l-Artikolu 11(11) tal-Liġi tal-2005, dwar it-tariffa preferenzjali applikata lil Alcoa Trasformazioni, l-Artikolu 11(12) ta’ din l-istess liġi ġie nnotifikat lill-Kummissjoni b’mod konformi mal-Artikolu 88(3) KE fit-23 ta’ Novembru 2005, filwaqt li ittra supplimentari ntbagħtet fit-28 ta’ Novembru segwenti.

24 B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni talbet preċiżazzjonijiet addizzjonali lir-Repubblika Taljana, li din ipprovdiet b’ittra tat-3 ta’ Marzu 2006.

25       B’deċiżjoni nnotifikata lir-Repubblika Taljana b’ittra tas-26 ta’ April 2006, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, dwar l-għajnuna mill-Istat C 13/06 (ex N 587/05) – Tariffa tal-elettriku preferenzjali mogħtija lil ċerti industriji ta’ konsum kbir tal-enerġija f’Sardegna (miġbura fil-qosor fil-ĠU C 145, p. 8).

26      Fit-22 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni talbet preċiżazzjonijiet addizzjonali, li r-Repubblika Taljana pprovdiet b’ittra tat-28 ta’ Settembru 2006.

27      Peress li l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mill-Artikolu 11(12) tal-Liġi tal-2005 hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, fid-dawl tan-notifika li saret, is-sistema msemmija ma ġietx implementata.

28      Fid-29 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet li teżamina separatament it-tariffa preferenzjali stabbilita mid-Digriet tal-2004 skont jekk tikkonċernax, minn naħa, lil Alcoa Trasformazioni u, min-naħa l-oħra, lill-benefiċjarji l-ġodda tat-tariffa msemmija, fosthom ir-rikorrenti.

29      Wara diversi skambji bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana, deher li t-tariffa preferenzjali li kienet tibbenefika minnha Alcoa Trasformazioni ma kinitx, fil-fatt, ġiet estiża bid-Digriet tal-2004, peress li din tal-aħħar kienet għada rregolata bid-Digriet tal-1995 sad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 11(11) tal-Liġi tal-2005.

30      Bid-Deċiżjoni 2011/746/UE, tat-23 ta’ Frar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/B/04 (ex NN 58/04) u C 13/06 (ex N 587/05) implementata mill-Italja favur Portovesme Srl, ILA SpA, Eurallumina SpA u Syndial SpA (ĠU L 309, p. 1; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni, minn naħa, fir-rigward tal-għajnuna li tirriżulta, skontha, mill-Artikolu 11(12) tal-Liġi tal-2005, ikkunsidrat li din kienet inkompatibbli mas-suq intern u, konsegwentement, ipprekludiet lir-Repubblika Taljana milli timplementaha u, min-naħa l-oħra, dwar l-għajnuna li tirriżulta, skontha, mid-Digriet tal-2004, ikkunsidratha bħala inkompatibbli wkoll mas-suq intern u, konsegwentement, ordnat lir-Repubblika Taljana biex tipproċedi bl-irkupru tagħha mingħand minn ibbenefika minnha.

31      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti fil-31 ta’ Marzu 2011.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

[omissis]

39      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla totalment, jew parzjalment “sa fejn meqjus raġonevoli”, id-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni msemmija sa fejn fiha hemm ordnat il-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

41      Fil-kuntest tat-talbiet prinċipali tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali biex tipproċedi, qabel kollox, bl-annullament totali tad-deċiżjoni kkontestata u, sussegwentement, fin-nuqqas, bl-annullament parzjali ta’ din tal-aħħar “sa fejn meqjus raġonevoli”. Fil-kuntest tat-talbiet sussidjarji tagħha, din titlob lill-Qorti Ġenerali biex tipproċedi bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata “sa fejn fiha hemm ordnat il-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni”.

42      Madankollu, mitluba mill-Qorti Ġenerali, waqt is-seduta, biex tippreċiża l-portata tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti indikat li l-kapijiet tat-talbiet tagħha kellhom jinftehmu fis-sens li jillimitaw ruħhom għal talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna lilha, liema indikazzjoni ttieħdet nota tagħha fil-proċess tas-seduta.

43      Dawn il-preċiżazzjonijiet iwasslu biex ir-rikors jitqies bħala ammissibbli sa fejn ir-rikorrenti titlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna lilha u, sussidjarjament, l-annullament ta’ din l-istess deċiżjoni sa fejn din tobbligaha tħallas lura l-għajnuna li kienet ingħatatilha.

44      Madankollu, f’dak li jikkonċerna t-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata “sa fejn meqjus raġonevoli”, għandu jitfakkar li, meta quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea titressaq talba għal annullament ta’ att imsemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-ġurisdizzjoni tagħha hija limitata għall-istħarriġ tal-legalità tal-att ikkontestat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, DSM vs Il-Kummissjoni, C‑5/93 P, Ġabra p. I‑4695, punt 36, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ġunju 2009, NDSHT vs Il-Kummissjoni, T‑152/06, Ġabra p. II‑1517, punt 73).

45      B’hekk, il-konstatazzjoni ta’ illegalità, għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandha twassalha biex tannulla, skont il-każ, totalment jew parzjalment, l-att imsemmi, skont, b’mod partikolari, in-natura u l-portata tal-illegalità msemmija, mingħajr ma tista’ tiddeċiedi dwar dan l-annullament jew tibdel il-portata tiegħu għal kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ekwità jew mal-opportunità (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Micha vs Il-Kummissjoni, T‑50/04, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑1499, punt 46), għal liema kunsiderazzjonijiet tidher li tirreferi r-rikorrenti bl-użu tal-espressjoni “sa fejn meqjus raġonevoli”.

46      Għalhekk, ir-rikors huwa ammissibbli, bl-eċċezzjoni tat-tieni parti tal-kap tat-talbiet ippreżentat prinċipalment mir-rikorrenti, intiża għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata “sa fejn meqjus raġonevoli”.

 Fuq il-mertu

47      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħdax-il motiv.

48      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-Artikoli 4, 7, 10 u 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU L 83, p. 1), it-tieni motiv huwa bbażat fuq l-espożizzjoni żbaljata u inkompleta tal-kuntest legali applikabbli għal din il-kawża, u fuq il-ksur konsekuttiv tad-dmir ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni, it-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn Alcoa Trasformazioni u r-rikorrenti, ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni adottat premessi ineżatti biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, is-sitt motiv huwa bbażat fuq in-natura ineżistenti tal-għajnuna inkwistjoni, is-seba motiv huwa bbażat fuq il-kompatibbiltà tagħha “mas-suq komuni”, it-tmien motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 2 KE, 3 KE, 5 KE u 12 KE kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza ta’ trattament u ta’ proporzjonalità, id-disa’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 174 TFUE u tad-Dikjarazzjoni Nru 30, relattiva għall-gżejjer, anness mal-att finali tat-Trattat ta’ Amsterdam, li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti konnessi (ĠU 1997, C 340, p. 136, iktar ’il quddiem “id-dikjarazzjoni relattiva għall-gżejjer”), l-għaxar motiv ibbaża fuq il-ksur tal-Artikolu 107(3)(a) sa (ċ) TFUE, tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali (ĠU 1998, C 74, p. 9) u n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali għall-perijodu 2007-2013 (ĠU 2006, C 54, p. 13), u l-ħdax-il motiv, l-istess bħall-ewwel, huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

[omissis]

 Fuq it-tmien motiv, relattiv għall-ksur tal-Artikoli 2 KE, 3 KE, 5 KE u 12 KE kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

[omissis]

 Fuq ir-raba’ motiv, fir-rigward tat-tieni parti tiegħu, f’dak li jikkonċerna t-tieni lment ta’ dan tal-aħħar, relattiv għall-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-Artikoli 4, 7, 10 u 14 tar-Regolament Nru 659/1999, u l-ħdax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

[omissis]

 Fuq it-tieni motiv, li jirrigwarda l-espożizzjoni żbaljata u inkompleta tal-kuntest legali applikabbli għal din il-kawża, u fuq il-ksur konsekuttiv tad-dmir ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni

80      Ir-rikorrenti ssostni li d-determinazzjoni, bid-Digriet tal-2004 u d-deċiżjonijiet li implementawh, tat-tariffa preferenzjali twassal għal tariffa identika għat-tariffa qabel Alumix, meqjusa mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni fid-Deċiżjoni Alumix. Hija tqis li għandha d-dritt li tinvoka dan il-preċedent biex l-għajnuna titqies li hija kompatibbli mas-suq intern. Jekk dan ikun il-każ, ir-rikorrenti ma tkunx marbuta li tħallas lura l-ammonti rċevuti abbażi tal-miżura msemmija. Madankollu, dan jippresupponi li l-prassi deċiżjonali inkwistjoni hija legali u invokabbli (għaliex il-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, iżda hija marbuta, min-naħa l-oħra, mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-istess għajnuna).

81      Ir-rikorrenti tibbaża l-analiżi tagħha fuq is-segwenti raġunament: id-Digriet tal-2004, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, jirreferi għall-punt 2 tad-Digriet tal-1995, li huwa stess jirreferi għad-Deċiżjoni Nru 13/92 taċ-CIP. Issa, din id-deċiżjoni stabbilixxiet, b’mod partikolari fir-rigward tat-“taxxa addizzjonali termika”, it-tariffa qabel Alumix. Hija għalhekk din it-tariffa, rikonoxxuta, fl-1996, bħala kompatibbli mas-suq komuni, li ġiet applikata fil-konfront tagħha fl-2004, liema ħaġa naturalment timplika, skontha, l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata fuq din il-kwistjoni.

82      It-tieni motiv tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.

83      Għandu qabel kollox jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ Alumix, ir-Repubblika Taljana kienet intrabtet fil-konfront ta’ Alcoa Italia li tirrispetta t-tariffa Alumix [din tal-aħħar kellha anki d-dritt kuntrattwali li tissospendi l-operat tal-fabbriki msemmija iktar ’il fuq jekk, “matul tliet xhur jew iktar, fuq perijodu ta’ sitt xhur, it-tariffi tal-elettriku [kienu] jaqbżu b’mill-inqas 5 % it-tariffi previsti” (punt 2.7 tad-Deċiżjoni Alumix)], b’tali mod li, meta ġie adottat id-Digriet tal-1995, dan irriproduċa l-karatteristiċi tat-tariffa Alumix, hekk kif ġie kkonfermat mill-Kummissjoni waqt is-seduta. Għalhekk, id-Deċiżjoni Alumix, adottata fl-1996, tivvalidaha b’mod impliċitu.

84      Hekk kif tfakkar fil-punti 6 sa 15 iktar ’il fuq, it-tariffa preferenzjali approvata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Alumix kienet tkopri realtà multiformi, jiġifieri, qabel kollox, it-tariffa oriġinali, mogħtija minn ENEL lil Alumix abbażi, b’mod partikolari, tad-Deċiżjoni Nru 13/1992 tas-CIP (it-tariffa qabel Alumix) u, sussegwentement, it-tariffi kkonsentiti lil Alumix fid-dawl tal-privatizzazzjoni tagħha u kkonfermati bid-Digriet tal-1995 favur ix-xerrej prinċipali tal-grupp Alumix, Alcoa Italia, li saret Alcoa Trasformazioni (it-tariffa Alumix).

85      Sussegwentement għandu jiġi rrilevat li għalkemm, minn perspettiva formali, huwa minnu li d-Digriet tal-2004 jagħmel riferiment għall-punt 2 tad-Digriet tal-1995, xorta jibqa’ l-fatt li, kif tindika ġustament il-Kummissjoni, dan ma jistax jinqara b’mod iżolat mill-punt 1. Skont dan tal-aħħar, kif imfakkar fil-punt 5 iktar ’il fuq, is-sistema speċifika ta’ prezz għall-aluminju primarju li tinsab fit-tabella A-9 annessa mad-Deċiżjoni Nru 15/93 taċ-CIP tħassret mill-1 ta’ Jannar 1996, favur sistema li tinkludi tariffi skont is-sigħat, li tinsab fit-tabella A-6 annessa mad-deċiżjoni msemmija, mingħajr ma dan iwassal għal bidla fir-rigward tat-“taxxa addizzjonali termika” ddefinita b’mod konformi mad-Deċiżjoni Nru 13/92 taċ-CIP.

86      Konsegwentement, kemm it-tariffa qabel Alumix kif ukoll it-tariffa Alumix kien fihom, fost l-elementi li jippermettu d-determinazzjoni tagħhom, it-“taxxa addizzjonali termika” ridotta, l-uniku element li jidħol fid-determinazzjoni tal-prezz finali tal-elettriku ddefinit bid-Deċiżjoni Nru 13/92 tas-CIP.

87      Għalhekk, la hija t-tariffa qabel Alumix u lanqas it-tariffa Alumix li ġiet applikata fil-konfront tar-rikorrenti, iżda s-sistema li ġiet stabbilita bid-Digriet tal-1995 hekk kif evolviet sal-livell tal-2004. B’hekk, fl-2004, l-estensjoni tat-tariffa msemmija għal benefiċjarji oħra bid-Digriet tal-2004 ma kellhiex iktar l-istess skop bħall-1996, id-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Alumix.

88      Dan iwassal biex it-tieni motiv jiġi miċħud, inkluż fir-rigward tal-ħtieġa ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni, peress li din ittrattat bl-istess mod lir-rikorrenti u lil Alcoa Trasformazioni mill-adozzjoni tal-miżuri l-ġodda (jiġifieri d-Digriet tal-2004 u l-Liġi tal-2005), liema ħaġa ser tiġi żviluppata f’iktar dettall mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tar-risposta tagħha għat-tielet motiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn Alcoa Trasformazioni u r-rikorrenti

89      Ir-rikorrenti tosserva, fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, li l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni 2010/460, ikkunsidrat li t-tariffa preferenzjali kkonsentita lil Alcoa Trasformazioni kienet illegali biss għall-perijodu wara l-31 ta’ Diċembru 2005, it-terminu tal-validità, skont din l-istituzzjoni, tad-Deċiżjoni Alumix. Issa, ir-rikorrenti hija tal-fehma li peress li t-tariffa applikata lil Alcoa Trasformazioni u dik li ġiet applikata lilha mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-AEEG Nru 148/04 huma identiċi (abbażi tad-Digriet tal-1995, u wara, skontha, tad-Digriet tal-2004, għal Alcoa Trasformazioni,u mid-Digriet tal-2004 waħdu, għaliha), id-differenza fit-trattament ma tidhirx li hija ġġustifikata la fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ illegalità tal-għajnuna u lanqas, konsegwentement, fir-rigward tat-talba għall-ħlas lura tal-kumpensi rċevuti abbażi tad-Digriet tal-2004.

90      Għandu jiġi rrilevat li tali motiv ma jistax jirnexxi. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament teħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun, C‑248/04, Ġabra p. I‑10211, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      F’dan il-każ, Alcoa Trasformazioni u r-rikorrenti ma kinux, inizjalment, f’sitwazzjoni legali paragunabbli: Alcoa Trasformazioni kienet tibbenefika minn tariffa preferenzjali, ivvalidata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Alumix, u din ġiet estiża, filwaqt li r-rikorrenti hija benefiċjarja ġdida tat-tariffa msemmija abbażi tad-Digriet tal-2004, li fil-prattika, ma ġiex applikat fil-konfront ta’ Alcoa Trasformazioni. Barra minn hekk, il-Liġi tal-2005 tinkludi fiha żewġ dispożizzjonijiet differenti, waħda, l-Artikolu 11(11) li ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni, li kien jikkonċerna lil Alcoa Traformazioni, u l-ieħor, l-Artikolu 11(12) li kien jikkonċerna lill-benefiċjarji l-ġodda tat-tariffa preferenzjali u ġie nnotifikat regolarment lill-Kummissjoni. Dawn l-elementi diverġenti huma barra minn hekk suffiċjenti biex jiġġustifikaw l-għażla tal-Kummissjoni li taqsam l-evalwazzjoni tal-kawżi skont jekk kinux jikkonċernaw il-benefiċjarju inizjali tat-tariffa preferenzjali jew lill-benefiċjarji l-ġodda tagħha.

92      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tariffa preferenzjali, hekk kif evolviet, iż-żewġ kumpanniji kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni u ġew ittrattati b’mod identiku mill-Kummissjoni, li, fiż-żewġ każijiet, qieset it-tariffa msemmija bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli u, konsegwentement, ordnat il-ħlas lura tal-għajnuna.

93      Ċertament huwa minnu li, peress li t-tariffa preferenzjali wara l-31 ta’ Diċembru 2005 titqies bħala illegali fid-deċiżjoni kkontestata u peress li hija identika għal dik eżatt qabel din id-data, ir-rikorrenti tinvoka b’mod rilevanti li l-Kummissjoni kienet fondata li taġixxi qabel, minħabba bidla sostanzjali fin-natura tal-għajnuna inizjalment ivvalidata. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li Alcoa Trasformazioni setgħet tirċievi, minħabba l-emendi li seħħew fir-rigward tad-determinazzjoni u l-ħlas tat-tariffa preferenzjali lilha, fl-aħħar tal-perijodu inizjali (1995-2005), u b’mod iktar preċiż fl-2004 u 2005, għajnuna mill-Istat illegali (liema ħaġa hija, qabel kollox, konformi b’mod sħiħ mad-Deċiżjoni 2010/460 u l-fatt li l-estensjoni tat-tariffa preferenzjali tqieset li tikkostitwixxi tali għajnuna).

94      Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi rrikonċiljat mal-osservanza tal-legalità, liema ħaġa tissupponi li ħadd ma jista’ jinvoka, favurih, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1984, Witte vs Il-Parlament, 188/83, Ġabra p. 3465, punt 15; tal-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14, u tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group, C‑259/10 u C‑260/10, Ġabra p. I‑10947, punt 62).

It-tielet motiv

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

[omissis]

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni adottat premessi ineżatti biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq in-natura eżistenti tal-għajnuna inkwistjoni

112    Għandu jitfakkar li għandhom jitqiesu bħala għajnuna ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst mill-Artikolu 108(3) TFUE il-miżuri li huma intiżi biex jistabbilixxu jew biex jemendaw għajnuna, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-emendi jistgħu jirrigwardaw kemm għajnuna eżistenti, kif ukoll proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1984, Heineken Brouwerijen, 91/83 u 127/83, Ġabra p. 3435, punti 17 u 18, u tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C‑44/93, Ġabra p. I‑3829, punt 13).

113    F’dan il-każ, in-natura ġdida tal-att hija kjarament stabbilita.

114    Minn naħa, l-emendi ekonomiċi u legali li seħħew wara l-adozzjoni tat-tariffa Alumix juru l-passaġġ minn prezz ipprattikat minn fornitur għal tariffa sussidjata mir-Repubblika Taljana. Filwaqt li, fil-każ tat-tariffa Alumix, il-prezz ikkonsentit kien ekwivalenti għat-tnaqqis mogħti mill-imsemmi fornitur, anki jekk f’sitwazzjoni ta’ monopolju (ENEL), lil wieħed mill-iktar klijenti importanti tagħha, il-miżuri li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata jinvolvu tnaqqis fil-prezz iffissat mill-awtoritajiet Taljani, iffinanzjat minn tnaqqis parafiskali li jippermetti rimbors lir-rikorrenti tad-differenza bejn it-tariffa normalment iffatturata lill-impriżi u t-tariffa preferenzjali li ġiet irrikonoxxuta lilha.

115    Għalhekk għandu jitqies li l-evoluzzjoni li seħħet bejn il-metodi ta’ għoti u ta’ determinazzjoni tat-tariffa preferenzjali inizjalment mogħtija lil Alcoa Trasformazioni abbażi tad-Digriet tal-1995 u dik li kienet is-suġġett tad-Digriet tal-2004, u wara tal-Liġi tal-2005, tippermetti, minnha nnifisha, li jitqies li kienet għajnuna ġdida.

116    Min-naħa l-oħra, l-istess japplika a fortiori fir-rigward tal-estensjoni tal-għajnuna hekk evoluta lil benefiċjarji ġodda, li ma jifformawx parti mill-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna diġà awtorizzata, iżda jingħataw għajnuna li kellha biss, sa dak iż-żmien, benefiċjarju wieħed.

[omissis]

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni “mas-suq komuni”

[omissis]

 Fuq id-disa’ motiv, li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 174 TFUE u tad-dikjarazzjoni relattiva għall-gżejjer

[omissis]

 Fuq l-għaxar motiv, li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 107(3)(a) sa (ċ) TFUE, tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali u n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali għall-perijodu 2007-2013

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

139    Peress li l-Kummissjoni talbet għall-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż, u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok, b’applikazzjoni tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Portovesme Srl hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ottubru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.