Language of document : ECLI:EU:C:2020:234

Kawżi magħquda C558/18 u C563/18

Miasto Łowicz
vs
Skarb Państwa – Wojewoda Łódzki

u

Prokurator Generalny
vs
VX et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mis-Sąd Okręgowy w Łodzi u mis-Sąd Okręgowy w Warszawie)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas26 ta’ Marzu 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura – Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin nazzjonali – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 267 TFUE – Ammissibbiltà – Interpretazzjoni neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Kunċett”

1.        Id-dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura – Portata

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 51(1))

(ara l-punti 32 sa 36, 59)

2.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domandi ġenerali jew ipotetiċi – Assenza ta’ fattur ta’ konnessjoni bejn il-kawża prinċipali u d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi preliminari – Inammissabbiltà

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 45, 49, 51 sa 53, 60, u d-dispożittiv)

3.        Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza milli tagħmel domandi preliminari jew milli żżommhom, taħt piena ta’ miżuri dixxiplinari – Inammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 56, 57)


Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara inammissibbli żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari li jikkonċernaw il-miżuri Pollakki tal2017 li jistabbilixxu sistema għal proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin

Il-fatt li mħallef nazzjonali jkun għamel domanda preliminari li tirriżulta inammissibbli ma jistax, madankollu, iwassal għal proċeduri dixxiplinari kontrih

Fis-sentenza Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (Kawżi magħquda C‑558/18 u C‑563/18), mogħtija fis‑26 ta’ Marzu 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, iddikjarat inammissibbli t-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti Reġjonali ta’ Łódź (il-Polonja) u mill-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja (il-Polonja). Permezz ta’ dawn iż-żewġ talbiet, il-qrati tar-rinviju essenzjalment staqsew lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni Pollakka l-ġdida dwar is-sistema dixxiplinari tal-imħallfin mad-dritt tal-individwi għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, żgurat mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

L-ewwel kawża (C‑558/18) tidħol fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-belt ta’ Łowicz, fil-Polonja, u t-Teżor Pubbliku, dwar talba għall-ħlas ta’ sussidji pubbliċi. Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li kien probabbli li d-deċiżjoni li hija mitluba tagħti f’dan il-każ ser tkun sfavorevoli għat-Teżor Pubbliku. It-tieni kawża (C‑563/18) tikkonċerna, min-naħa tagħha, proċedura kriminali mibdija kontra tliet persuni għal reati mwettqa fl‑2002 u fl‑2003, fejn il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra li tagħtihom tnaqqis straordinarju tal-pieni peress li huma kkooperaw mal-awtoritajiet kriminali billi ammettew il-fatti allegati kontrihom. Iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari juru tħassib li tali deċiżjonijiet jistgħu jwasslu li jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra l-Imħallef uniku responsabbli għal kull kawża. Il-qrati tar-rinviju jsemmu r-riformi leġiżlattivi li seħħew reċentement fil-Polonja, li jwasslu sabiex jiġu kkontestati l-oġġettività u l-imparzjalità tal-proċeduri dixxiplinari fir-rigward tal-imħallfin u tiġi affettwata l-indipendenza tal-qrati Pollakki. Filwaqt li jenfasizzaw b’mod partikolari s-setgħa ta’ influwenza kunsiderevoli li issa ser jingħata l-Ministru tal-Ġustizzja fil-proċeduri dixxiplinari fir-rigward tal-imħallfin tal-qrati ordinarji, il-qrati tar-rinviju jinsistu dwar l-assenza ta’ garanziji adegwati li takkumpanja din is-setgħa. Għall-qrati tar-rinviju, proċeduri dixxiplinari hekk maħsuba jagħtu lill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi mezz li jeskludu lill-imħallfin li d-deċiżjonijiet tagħhom huma fastidjużi għalihom u b’dan il-mod jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li dawn għandhom jagħtu.

Wara li kkonfermat il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari. F’dan ir-rigward, qabelxejn hija fakkret li, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza”. Hija ppreċiżat ukoll li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari. Filwaqt li enfasizzat il-partikolarità tal-missjoni tagħha fil-kuntest tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri li tassisti lill-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tat-tilwima konkreta pendenti quddiem din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddikjarat li għandu jeżisti fattur ta’ konnessjoni bejn din it-tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba. Din ir-rabta għandha tkun b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, l-ewwel nett, li l-kawżi prinċipali ma għandhom l-ebda fattur ta’ konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li huwa s-suġġett tad-domandi preliminari. Għalhekk, hija ddeċidiet li l-qrati tar-rinviju ma humiex mitluba japplikaw dan id-dritt sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu ta’ dawn il-kawżi. Billi fakkret, it-tieni nett, li hija ċertament diġà ddeċidiet li domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju kkonċernata kellha tapplika sabiex tagħti s-sentenza tagħha huma ammissibbli (1), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din ma kinitx il-portata tad-domandi magħmula fiż-żewġ każijiet. It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li risposta għal dawn id-domandi lanqas ma tidher li hija ta’ natura li tagħti lill-qrati tar-rinviju interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilhom jiddeċiedu kwistjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali qabel ma jkunu jistgħu jiddeċiedu, skont il-każ, fuq il-mertu tal-kawżi prinċipali (2). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma kienx jirriżulta li jeżisti, bejn id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi preliminari u l-kawżi prinċipali, fattur ta’ konnessjoni li jirrendi neċessarja l-interpretazzjoni mitluba sabiex il-qrati tar-rinviju jkunu jistgħu, b’applikazzjoni tat-tagħlim li jirriżulta minn tali interpretazzjoni, jagħtu s-sentenzi rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, hija qieset li d-domandi magħmula huma ta’ natura ġenerali, u għalhekk it-talbiet għal deċiżjoni preliminari kellhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li dispożizzjonijiet nazzjonali li jesponu lill-qrati nazzjonali għal proċeduri dixxiplinari minħabba l-fatt li huma adixxew lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistgħux jintlaqgħu (3). Fil-fatt, tali perspettiva ta’ bidu ta’ proċeduri dixxiplinari hija ta’ natura li tippreġudika l-eżerċizzju effettiv, mill-qrati nazzjonali kkonċernati, tad-diskrezzjoni li jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja u tal-funzjonijiet ta’ qorti responsabbli mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma għandhom permezz tat-Trattati. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-assenza ta’ esponiment għal tali proċeduri jew sanzjonijiet dixxiplinari għal din ir-raġuni tikkostitwixxi, barra minn hekk, garanzija inerenti għall-indipendenza tagħhom.


1      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Frar 2011, Weryński (C‑283/09, EU:C:2011:85).


2      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (Kawżi magħquda C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).


3      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Ottubru 2018, Miasto Łowicz u Prokuratura Okręgowa w Płocku (Kawżi magħquda C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2018:923).