Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Frar 2021 minn Química del Nalón SA, li kienet Industrial Química del Nalón SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-635/18, Industrial Química del Nalón SA vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-73/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Química del Nalón SA, li kienet Industrial Química del Nalón SA (rappreżentanti: P. Sellar, advocaat, K. Van Maldegem, avocat, M. Grunchard, avocate)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju ta’ Spanja u L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-argument tal-appellanti li jgħid li l-Kummissjoni wettqet żball manifest mhux neċessarjament jimplika wkoll l-argument li l-Kummissjoni kienet kisret id-dmir li taġixxi b’mod diliġenti, hija żbaljata fil-liġi.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata fil-liġi meta użat nuqqas allegat ta’ ċarezza legali tal-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 1 bħala raġuni għaċ-ċaħda tal-argument legali li fil-fatt kien qiegħed isir mill-appellanti.

It-tielet aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni li l-qafas legali kien kumpless sabiex tiskuża n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza tas-solubbiltà taż-ŻQFTGĦ (żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja). Il-Qorti Ġenerali kienet fil-fatt iddeċidiet l-oppost fi proċeduri relatati preċedenti (Kawża T 689/13 DEP, Bilbaina de Alquitranes SA et vs Il-Kummissjoni Ewropea). Mingħajr l-ebda spjegazzjoni sabiex jiġi deċiż l-oppost, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa insuffiċjenti u kontradittorju.

Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat it-test ordinarju ta’ diliġenza dovuta. Billi kkonstatat li l-Kummissjoni aġixxiet bħalma tagħmel kull awtorità amministrattiva ordinarja u debitament diliġenti oħra, hija użat punt ta’ paragun inkorrett u mhux xieraq sabiex tevalwa d-diliġenza dovuta u l-ordinarjetà tal-Kummissjoni.

Il-ħames aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija insuffiċjenti u kontradittorja sa fejn din il-qorti kkonstatat, mingħajr ma indikat l-ebda prova u billi bbażat ruħha biss fuq l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali, li l-Kummissjoni setgħet kellha diffikultajiet sabiex tikkoreġi l-iżball ta’ evalwazzjoni manifest tagħha, u b’hekk tissuġġerixxi li l-approċċ tal-Kummissjoni jista’ jkun skużat.

Is-sitt aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata fil-liġi meta kkonkludiet li l-iżball tal-Kummissjoni jista’ jiġi skużat b’riferiment għall-prinċipju ta’ prekawzjoni minħabba li hija ġurisprudenza stabbilita li dan il-prinċipju ma jistax jiġi invokat matul il-klassifikazzjoni ta’ sustanza.

____________

1     Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8).