Language of document : ECLI:EU:T:2022:179

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

30 ta’ Marzu 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Iżvizzera dwar it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni ta’ elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru (sovrataxxa fuq il-karburant, sovrataxxa fuq is-sigurtà, ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Skambju ta’ informazzjoni – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Ksur uniku u kontinwu – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju tal-immunità – Ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ammont tal-multa – Valur tal-bejgħ – Gravità tal-ksur – Tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Inkoraġġiment tal-aġir antikompetittiv mill-awtoritajiet pubbliċi – Proporzjonalità – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑337/17,

Air France-KLM, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. Wachsmann, A. de La Cotardière u A.‑E. Herrada, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes u C. Giolito, aġenti, assistiti minn N. Coutrelis, avukata,

konvenuta,

li għandha bħala l-għan tagħha talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1742 final, tas-17 ta’ Marzu 2017, dwar proċedimenti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru), sa fejn issemmi lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq dawn tal-aħħar,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, J. Schwarcz, C. Iliopoulos, D. Spielmann u I.Reine, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

62      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti fetħet din il-kawża.

63      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Settembru 2017.

64      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Jannar 2018.

65      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Frar 2018.

66      Fl-24 ta’ April 2019, fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat lura din il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

67      Fl-24 ta’ Mejju 2019, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu stabbilit.

68      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2019.

69      Fit-18 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti ppreżentat id-dokument mitlub mil-Qorti Ġenerali fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2019.

70      Fl-24 ta’ Ġunju 2019, il-Qorti Ġenerali għalqet il-fażi orali tal-proċedura.

71      B’ordni tal-31 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla Estiża), billi qieset li ma kinitx infurmata biżżejjed u li kien hemm lok li tistieden lill-partijiet sabiex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar argument li ma kinux iddiskutew dwaru, ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-proċedura.

72      Il-partijiet wieġbu, fit-terminu stabbilit, għal serje ta’ mistoqsijiet li għamlitilhom il-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Awwissu 2020, u sussegwentement ressqu osservazzjonijiet dwar it-tweġibiet rispettivi tagħhom.

73      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Ġenerali għalqet il-fażi orali tal-proċedura.

74      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, sa fejn tikkonċerna lilha;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(1)(b), l-Artikolu 1(2)(b), l-Artikolu 1(3)(b) u l-Artikolu 1(4)(b), l-Artikolu 3(b), kif ukoll l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata u tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuqha fid-deċiżjoni kkontestata;

–        iktar sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3(b) u (d), tad-deċiżjoni kkontestata u tnaqqas l-ammont tal-multi imposta fuqha;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

75      Il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tbiddel l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti billi tirtiralha l-benefiċċju tat-tnaqqis ġenerali ta’ 50 % u t-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li d-dħul mill-bejgħ tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound ma setax ikun inkluż fil-valur tal-bejgħ;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

[omissis]

A.      Fuq it-talbiet għal annullament

[omissis]

1.      Fuq l-ewwel motiv, li jallega illegalitajiet imwettqa fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki tal-kumpannija preċedenti Air France u ta’ AF u ta’ parti mill-prattiki ta’ KLM

213    Dan il-motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, b’mod illegali, imputat lilha l-prattiki tal-kumpannija preċedenti Air France u ta’ AF u parti mill-prattiki ta’ KLM, huwa redatt f’żewġ partijiet relatati, l-ewwel waħda, ma’ illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki ta’ AF mill-15 ta’ Settembru 2004 u ta’ dawk ta’ KLM mill-5 ta’ Mejju 2004 u, it-tieni waħda, ma’ illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki tal-kumpannija preċedenti Air France li saru bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u l-15 ta’ Settembru 2004.

214    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ddikjarat, fil-premessa 1085 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija u AF kellhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ħadet l-ebda parti, diretta jew indiretta, fil-prattiki invokati, u kienet AF biss li ħadet sehem fihom.

215    Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar dan l-ilment flimkien mat-tieni parti ta’ dan il-motiv, sa fejn dawn it-tnejn huma marbutin ma’ xulxin b’mod intrinsiku.

a)      Fuq l-ewwel parti, relatata ma’ illegalitajiet fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki ta’ AF mill-15 ta’ Settembru 2004 u ta’ dawk ta’ KLM mill-5 ta’ Mejju 2004

216    Din il-parti, li permezz tagħha r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni imputat lilha b’mod illegali l-prattiki ta’ AF mill-15 ta’ Settembru 2004 u dawk ta’ KLM mill-5 ta’ Mejju 2004, tikkonsisti f’erba’ lmenti bbażati, l-ewwel, fuq żball fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki ta’ KLM mill-5 ta’ Mejju sal-15 ta’ Settembru 2004, it-tieni, fuq motivazzjoni insuffiċjenti għaċ-ċaħda tal-elementi li jagħtu prova tal-awtonomija ta’ AF u ta’ KLM, it-tielet, fuq żbalji fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki ta’ AF u ta’ KLM mill-15 ta’ Settembru 2004 u, ir-raba’, fuq il-ksur tal-prinċipji tar-responsabbiltà personali u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

217    Qabelxejn jeħtieġ li jiġi eżaminat it-tieni lment, li jikkonċerna l-osservanza tal-Kummissjoni ta’ rekwiżiti formali essenzjali.

1)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti għaċ-ċaħda tal-elementi li jagħtu prova tal-awtonomija ta’ AF u ta’ KLM

218    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti għaċ-ċaħda tal-elementi li jagħtu prova tal-awtonomija ta’ AF u ta’ KLM, u sempliċement għamlet riferiment impliċitu għalihom u allegat li, fir-rigward ta’ AF, dawn ma kinux suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet madankollu obbligata li teżamina b’mod konkret l-elementi kollha maħsuba sabiex juru tali awtonomija u li tadotta pożizzjoni ddettaljata dwar il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà. Is-sempliċi riferiment, fil-premessa 1083 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-ġurisprudenza prevista fil-premessa 1073 tal-istess deċiżjoni, kif ukoll l-elementi elenkati fl-anness kunfidenzjali tal-imsemmija deċiżjoni, ma jistgħux ikunu suffiċjenti. Fir-rigward ta’ KLM, l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni huwa wieħed msaħħaħ peress li hija rrikonoxxiet li ma kinitx applikat il-preżunzjoni tar-responsabbiltà. Madankollu, hija lanqas biss semmiet f’din id-deċiżjoni l-elementi maħsuba sabiex tiġi stabbilita l-awtonomija ta’ KLM. Quddiem il-Qorti Ġenerali, hija, barra minn dan, tirrikonoxxi li fid-deċiżjoni inkwistjoni, hija ma pprovdietx motivazzjoni għaċ-ċaħda tagħha tan-natura probatorja tal-elementi prodotti matul il-proċedura amministrattiva.

219    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

220    Preliminarjament, jeħtieġ jitfakkar li ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq minn sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta, minkejja li jkollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija omm, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet legali (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C-253/11 P, EU:C:2014:257, punt 30).

221    Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u b’hekk jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija omm mingħajr ma jkollha għalfejn tistabbilixxi l‑implikazzjoni personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 31).

222    Fil-każ partikolari fejn kumpannija omm tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, minn naħa, din il-kumpannija omm tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija omm effettivament teżerċita tali influwenza (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 32).

223    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija omm għandha l-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja sabiex ikun jista’ jiġi preżunt li din tal-ewwel effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija omm bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija omm, li għandha l-obbligu li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 33).

224    Minbarra dan, meta deċiżjoni ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tikkonċerna diversi destinatarji u tirrigwarda l‑imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tinkludi motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, għandhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija omm meqjusa responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, tali deċiżjoni għandha, bħala regola ġenerali, ikun fiha espożizzjoni tal-motivi tali li tiġġustifika l‑imputabbiltà tal-ksur lil din il‑kumpannija (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 34).

225    F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata esklużivament, fir-rigward ta’ ċerti destinatarji, fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni hija fi kwalunkwe każ obbligata li tipprovdi b’mod xieraq lil dawn id-destinatarji r‑raġunijiet li għalihom il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati ma kinux biżżejjed sabiex jikkonfutaw din il-preżunzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan din il-preżunzjoni tkun effettivament inkonfutabbli (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 35).

226    Madankollu, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija obbligata li tibbaża ruħha esklużivament fuq l-imsemmija preżunzjoni. Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lil din l-istituzzjoni milli tistabbilixxi l-eżerċizzju effettiv, minn kumpannija omm, ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha permezz ta’ provi oħra jew billi tikkombina tali provi mal-imsemmija preżunzjoni. F’dan l-aħħar imsemmi każ intuża dak li jissejjaħ il-metodu “bażi doppja” (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punti 36 u 37).

227    Fir-rigward ta’ deċiżjoni li tibbaża l-imputabbiltà lill-kumpannija omm ta’ ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha fuq metodu li jinkludi bażi doppja, evalwazzjoni globali tal-elementi avvanzati mill-kumpannija omm, sa fejn dawn huma rilevanti għall-finijiet tal-konfutazzjoni tal-imsemmija preżunzjoni, hija bħala prinċipju konformi mal-livell ta’ motivazzjoni li għandha tilħaq il-Kummissjoni, peress li hija ta’ natura li tippermetti lill-kumpannija omm tkun taf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ddeċidiet li timputa fuqha r-responsabbiltà tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 42).

228    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-Kummissjoni ċertament għandha l-obbligu li tipprovdi motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha billi ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha, ma huwiex meħtieġ li hija tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li tqajmu minn kull persuna kkonċernata matul il-proċedura amministrattiva, u b’mod partikolari li hija tadotta pożizzjoni fuq elementi li huma manifestament irrilevanti, insinjifikattivi jew b’mod ċar sekondarji (ara s-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, T‑40/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:61, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata).

229    F’dan il-każ, qabelxejn, fir-rigward taċ-ċaħda tal-elementi avvanzati mir-rikorrenti maħsuba li juru l-awtonomija ta’ AF, il-Kummissjoni, wara li fakkret, fil-premessi 1070 sa 1073 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prinċipji applikabbli għall-identifikazzjoni tal-persuni miżmuma responsabbli għal aġir li jikkostitwixxi ksur fi ħdan l-istess unità ekonomika, indikat fil-premessi 1081 sa 1084 tal-imsemmija deċiżjoni, dan li ġej:

“1081 Impjegati ta[’AF] ipparteċipaw fil-ksur mill-15 ta’ Settembru 2004 sal-14 ta’ Frar 2006.

1082 Madankollu, matul l-istess perjodu [ir-rikorrenti] kellha 100 % tad-drittijiet ekonomiċi u tad-drittijiet tal-vot f’[AF].

1083 Skont il-ġurisprudenza mfakkra [fil-paragrafu 6.1 ta’ dik id-deċiżjoni], huwa għalhekk preżunt [li,] matul dan il-perjodu, [ir-rikorrenti] eżerċitat influwenza determinanti fuq [AF]. [Ir-rikorrenti] ma ssottomettiex provi suffiċjenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li hija eżerċitat influwenza determinanti fuq [AF]. Konsegwentement, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim [KE-Żvizzera dwar it-trasport bl-ajru], [ir-rikorrenti] u [AF] jifformaw parti mill-istess impriża li wettqet il-ksur mill-15 ta’ Settembru 2004 sal-14 ta’ Frar 2006.

1084 Minbarra l-proprjetà sħiħa, hemm elementi oħra li juru li matul dan il-perjodu, [ir-rikorrenti] eżerċitat influwenza determinanti fuq [AF] jew tal-anqas li jikkorroboraw il-preżunzjoni f’dan is-sens (ara l-anness kunfidenzjali ta’ [l-istess deċiżjoni] aċċessibbli biss għal [ir-rikorrenti]).”

230    L-Anness kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata li telenka l-provi l-oħra previsti fil-premessa 1084 tal-imsemmija deċiżjoni jaqra, fil-każ ta’ AF, kif ġej:

[kunfidenzjali] (2)

231    Minn dan jirriżulta li, sabiex twettaq l-imputazzjoni tal-prattiki ta’ AF lir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha kemm fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv tal-influwenza determinanti, minħabba l-kontroll li jimplikaw il-pussess mir-rikorrenti tal-kapital kollu ta’ AF u tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-azzjonijiet ta’ AF, kif ukoll fuq serje ta’ indizji intiżi li jistabbilixxu tali eżerċizzju effettiv. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha, fl-ewwel lok, fuq is-setgħat ta’ direzzjoni, ta’ orjentazzjoni u ta’ kontroll tar-rikorrenti fuq l-attivitajiet ta’ AF permezz tad-diversi korpi korporattivi tagħha, fit-tieni lok, fuq l-eżistenza ta’ struttura komuni għal AF u għal KLM speċifikament fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija u fit-tielet lok, fuq il-kumulazzjoni tal-funzjonijiet ta’ diversi diretturi bejn ir-rikorrenti u AF.

232    Sussegwentement, fir-rigward taċ-ċaħda tal-elementi avvanzati mir-rikorrenti sabiex turi l-awtonomija ta’ KLM, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 1086 sa 1088 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“1086 Impjegati ta’ [KLM] ipparteċipaw fil-ksur mill-21 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006, jiġifieri matul il-perjodu kollu tal-ksur. Għaldaqstant, KLM għandha tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur.

1087 Kif spjegat [fil-paragrafu 2.2 tal-imsemmija deċiżjoni], fil-5 ta’ Mejju 2004 [il-kumpannija preċedenti Air France] akkwistat il-kontroll ta’ KLM. Mill-5 ta’ Mejju 2004, [ir-rikorrenti] kellha 97,5 % tad-drittijiet ekonomiċi u 49 % tad-drittijiet tal-vot f’KLM.

1088 Għar-raġunijiet imsemmija fl-anness kunfidenzjali [ta’ dik id-deċiżjoni] aċċessibbli biss għar-[rikorrenti], il-Kummissjoni tqis li mill-5 ta’ Mejju 2004, [ir-rikorrenti] eżerċitat influwenza determinanti fuq KLM.”

233    L-anness kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata li jelenka l-provi l-oħra previsti fil-premessa 1088 tal-imsemmija deċiżjoni jaqra, fil-każ ta’ KLM, kif ġej:

[kunfidenzjali]

234    Minn dan jirriżulta li, sabiex twettaq l-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki ta’ KLM bejn il-5 ta’ Mejju 2004 u l-14 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni bbażat ruħha kemm fuq il-kapital kif ukoll fuq id-drittijiet tal-vot li r-rikorrenti kellha f’KLM u fuq serje ta’ indizji addizzjonali intiżi li jistabbilixxu l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq din tal-aħħar. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija tibbaża ruħha fuq is-setgħat ta’ direzzjoni, ta’ orjentazzjoni u ta’ kontroll tar-rikorrenti fuq l-attivitajiet ta’ KLM permezz tal-korpi korporattivi differenti tagħha, fit-tieni lok, fuq l-eżistenza ta’ struttura komuni għal AF u għal KLM fir-rigward speċifiku tat-trasport tal-merkanzija u fit-tielet lok, fuq il-kumulazzjoni tal-funzjonijiet ta’ diversi diretturi bejn ir-rikorrenti u KLM.

235    Madankollu, ir-rikorrenti sempliċement indikat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija kienet “kumpannija holding mingħajr ebda attività operattiva fil-qasam tat-trasport bl-ajru” u li hija “fl-ebda każ ma kienet b’xi mod involuta fil-kuntest tal-prattiki allegati”.

236    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma jistax jiġi allegat b’mod validu li l-Kummissjoni ma pprovdietx motivazzjoni ddettaljata, f’konformità mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza, fir-rigward taċ-ċaħda tal-elementi li jagħtu prova tal-awtonomija ta’ AF u ta’ KLM.

237    Barra minn hekk, l-erba’ sentenzi invokati mir-rikorrenti fir-rikors, li jikkonċernaw il-livell ta’ motivazzjoni mitlub mill-Kummissjoni fil-preżenza ta’ elementi kuntrarji avvanzati matul il-proċedura amministrattiva u intiżi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, kienu f’kuntest differenti mill-każ preżenti.

238    Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620), kienet b’mod partikolari ħadet inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari marbuta ma’ bidla fil-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-użu sistematiku tal-metodu tal-bażi doppja (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Frar 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑421/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:60, punt 58).

239    Min-naħa l-oħra, hemm lok li tiġi evalwata l-portata tas-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, Air liquide vs Il‑Kummissjoni (T‑185/06, EU:T:2011:275), tas-16 ta’ Ġunju 2011, Edison vs Il‑Kummissjoni (T‑196/06, EU:T:2011:281), u tas-27 ta’ Novembru 2014, Alstom vs Il‑Kummissjoni (T‑517/09, EU:T:2014:999), fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punti 226 u 227 hawn fuq, li permezz tagħha l-Kummissjoni, meta tgħaqqad flimkien, bħal f’dan il-każ fir-rigward tal-imputazzjoni tal-prattiki ta’ AF, il-provi tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju bħal dan, tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għaċ-ċaħda tagħha tal-elementi fis-sens kuntrarju prodotti mill-impriża inkwistjoni billi tirrikorri għal evalwazzjoni globali li ma tindirizzax kull wieħed mill-imsemmija elementi.

240    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

2)      Dwar l-ewwel ilment, ibbażat fuq żball fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki ta’ KLM mill-5 ta’ Mejju sal-15 ta’ Settembru 2004

241    Ir-rikorrenti ssostni li hija ġiet inkorporata fil-forma ta’ kumpannija holding mhux qabel il-15 ta’ Settembru 2004. Madankollu, fil-fehma tagħha, kumpannija omm ma tistax tinżamm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha għall-perijodu li jippreċedi l-akkwist ta’ dik is-sussidjarja meta din tal-aħħar tkompli twettaq l-attività tagħha fis-suq inkwistjoni wara l-akkwist tagħha. Konsegwentement, hija tqis li ma tistax tinżamm responsabbli għall-prattiki ta’ KLM mill-5 ta’ Mejju 2004, għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mill-punt 1089 tad-deċiżjoni kkontestata.

242    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

243    F’dan il-każ, jirriżulta mill-premessa 1087 tad-deċiżjoni kkontestata li, mill-5 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti kellha 97.5 % tal-kapital u 49 % tad-drittijiet tal-vot f’KLM.

244    Ċertament, kif tirrileva ġustament ir-rikorrenti, l-entità li għandha dawn l-azzjonijiet u dawn id-drittijiet tal-vot f’KLM fid-data tal-5 ta’ Mejju 2004 kienet imsejħa Air France SA, jiġifieri l-kumpannija preċedenti Air France (ara, f’dan ir-rigward, punt 53 iktar ’il fuq).

245    Madankollu, huwa maqbul bejn il-partijiet li ir-rikorrenti u l-kumpannija preċedenti Air France jikkostitwixxu persuna ġuridika waħda. Ċertament, il-Kummissjoni rreferiet għall-kunċett ta’ “suċċessjoni legali” fil-premessa 1080 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, mill-premessa 22 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta b’mod ħieles minn kull ambigwità li l-kumpannija preċedenti Air France hija, wara trasformazzjoni tagħha f’kumpannija holding u bidla fl-isem tagħha, “saret” ir-rikorrenti.

246    B’mod partikolari, il-Kummissjoni indikat dan li ġej fil-premessa 22:

“Fil-5 ta’ Mejju 2004, [il-kumpannija preċedenti Air France] akkwistat il-kontroll esklussiv ta’ [KLM] wara l-offerta pubblika ta’ skambju ta[l-kumpannija preċedenti Air France] fuq l-azzjonijiet ta’ KLM. Minn dik id-data, [il-kumpannija preċedenti Air France] u KLM jifformaw parti mill-grupp [AF]-KLM. Fil-15 ta’ Settembru 2004, [il-kumpannija preċedenti Air France] saret kumpannija holding u ngħatat isem ġdid [AF]-KLM, filwaqt li l-attivitajiet tat-trasport bl-ajru ta[l-kumpannija preċedenti Air France] ġew trasferiti lil kumpannija sussidjarja msejħa “Air France Compagnie Aérienne” li ngħatat l-isem ġdid [AF]”.

247    Għalhekk, ir-rikorrenti kompliet, fir-rigward taż-żamma mill-5 ta’ Mejju sal-15 ta’ Settembru 2004, tal-kontroll ta’ KLM, teżerċita d-drittijiet tagħha u tassumi l-obbligi li kienet akkwistat meta kienet għadha ġġorr l-isem tal-kumpannija preċedenti Air France.

248    Għalhekk, huwa żbaljat li ir-rikorrenti tiddikjara li, billi imputat lilha l-prattiki ta’ KLM mill-5 ta’ Mejju sal-15 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni kienet żammitha responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha għall-perijodu qabel l-akkwist tagħha.

249    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud dan l-ilment.

3)      Dwar it-tielet ilment, ibbażat fuq żbalji fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki ta’ AF u ta’ KLM mill-15 ta’ Settembru 2004

250    Ir-rikorrenti ssostni li kien b’mod żbaljat li l-Kummissjoni imputat lilha l-prattiki ta’ AF u ta’ KLM mill-15 ta’ Settembru 2004, peress li hija ma kienet eżerċitat l-ebda influwenza determinanti fuq dawn il-kumpanniji. Hija tiddikjara li mill-15 ta’ Settembru 2004 hija kienet tikkostitwixxi biss holding finanzjarja li ma teżerċita l-ebda attività fis-settur tat-trasport tal-merkanzija. Hija ssostni li sempliċement kellha, minn naħa, rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ konsolidazzjoni finanzjarja li tiżgura l-osservanza tal-obbligi legali fil-qasam tal-kontabbiltà u fil-qasam tal-komunikazzjoni u t-trasparenza finanzjarja, u, min-naħa l-oħra, rwol fid-definizzjoni tal-istrateġija globali ta’ AF u ta’ KLM, mingħajr madankollu ma tinterferixxi fl-attivitajiet operattivi u kummerċjali tagħhom jew tagħtihom xi tip ta’ direzzjoni. AF u KLM jiddeterminaw b’mod awtonomu l-politika kummerċjali, l-istrateġija, il-baġit u l-aġir tagħhom fis-settur tat-trasport tal-merkanzija.

251    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-elementi invokata mill-Kummissjoni fl-Anness kunfidenzjali għad-deċiżjoni kkontestata ma jurux l-eżerċizzju tal-influwenza determinanti tagħha fuq AF u fuq KLM. Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-kumitat ta’ ġestjoni strateġika tagħha qatt ma għamel “rakkomandazzjonijiet vinkolanti” lil AF u lil KLM. Fit-tieni lok, hija tiddikjara li ma teżisti l-ebda relazzjoni ġerarkika, permezz tal-kunsill tal-amministrazzjoni u l-kumitat ta’ ġestjoni strateġika, bejnha, minn naħa, u AF u KLM, min-naħa l-oħra. Id-deċiżjonijiet kollha relatati mal-attività tat-trasport tal-merkanzija ta’ AF u ta’ KLM matul il-perijodu kkonċernat kienu jiġu fdati lill-AF Cargo u lil KLM Cargo kif ukoll lill-“Joint Cargo Management Committee” (iktar ’il quddiem “JCMC”). Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tenfasizza li l-ebda membru tal-korpi tat-tmexxija tagħha msemmija fl-imsemmi anness li, matul il-perijodu kkonċernat, kien sedenti fil-korpi ta’ tmexxija ta’ AF jew ta’ KLM, ma interferixxa fl-attivitajiet tat-trasport tal-merkanzija ta’ AF jew f’dawk ta’ KLM. Fir-raba’ lok, hija targumenta li l-JCMC jikkostitwixxi biss korp ta’ koordinazzjoni tal-attività tat-trasport tal-merkanzija ta’ AF u ta’ KLM li jintervjeni biss fil-livell ta’ dawn tal-aħħar, b’tali mod li hija ma setgħetx tużah sabiex tinterferixxi fil-politika kummerċjali ta’ AF jew ta’ KLM.

252    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

253    Preliminarjament, jeħtieġ li ssir distinzjoni skont jekk dan l-ilment huwiex dirett kontra l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-imputazzjoni tal-prattiki ta’ AF jew kontra dawk tal-imputazzjoni tal-prattiki ta’ KLM.

254    Fl-ewwel każ, fid-dawl tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti dovut għall-minħabba l-kontroll li timplika ż-żamma mir-rikorrenti tal-kapital kollu ta’ AF u tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-azzjonijiet ta’ AF, hija din il-kumpannija omm, f’konformità mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 223 iktar ’il fuq, li jeħtiġilha tipprovdi l-provi ta’ natura li juru b’mod suffiċjenti li s-sussidjarja tagħha kienet qiegħda taġixxi b’mod awtonomu fis-suq u, billi tagħmel dan, tikkonfuta l-imsemmija preżunzjoni.

255    Fit-tieni każ, fin-nuqqas tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti hija obbligata biss tistabbilixxi li l-Kummissjoni ma tatx prova sal-grad rikjest mil-liġi li KLM ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu.

256    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi osservat li r-rikorrenti tressaq diversi argumenti kontra elementi invokati mill-Kummissjoni fl-anness kunfidenzjali għad-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq AF. Madankollu hemm lok li jittieħed kont ta’ dawn l-argumenti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni qisitx b’mod korrett li r-rikorrenti ma kinitx ikkonfutat il-preżunzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-imsemmija argumenti huma bbażati, essenzjalment, fuq l-istess ċirkustanzi fattwali bħal dawk imressqa mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni. Fir-rigward tal-allegazzjonijiet fattwali invokati insostenn tal-argument dirett kontra dawn l-elementi iżda li ma ġewx riprodotti mir-rikorrenti għall-finijiet tal-konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni, hemm lok, għall-Qorti Ġenerali, li dan tieħdu inkunsiderazzjoni bħala element rilevanti għall-fini tal-evalwazzjoni dwar jekk AF tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il‑Kummissjoni, C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 33). Dan huwa partikolarment il-każ bl-allegazzjoni li ma kien hemm l-ebda “rakkomandazzjonijiet vinkolanti” maħruġa mill-kumitat ta’ ġestjoni strateġika tar-rikorrenti.

257    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġi eżaminat dan l-ilment.

258    Fl-ewwel lok, qabelxejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-invokazzjoni mir-rikorrenti tan-natura tagħha ta’ holding finanzjarja ma hijiex, bħala tali, suxxettibbli li tpoġġi f’dubju l-konstatazzjoni tal-eżerċizzju effettiv tagħha ta’ influwenza determinanti fuq AF u fuq KLM (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 2011, Legris Industries vs Il-Kummissjoni, T‑376/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:107, punti 50 u 51, u tal-14 ta’ Lulju 2011, Arkema France vs Il‑Kummissjoni, T‑189/06, EU:T:2011:377, punt 74). Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding, li tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp, hija kumpannija intiża li tikkonsolida l-holdings f’diversi kumpanniji u għandha l-funzjoni li tiżgura l-unità tad-direzzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ dan il-kontroll baġitarju (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, HIT Groep vs Il‑Kummissjoni, T‑436/10, EU:T:2015:514, punt 125).

259    Fir-rigward tad-definizzjoni mir-rikorrenti tal-istrateġija ġenerali ta’ AF u ta’ KLM u fir-rigward tal-ambitu wiesa’ ta’ din l-istrateġija, fis-sens li din tħaddan il-maġġoranza tal-lievi tal-iżvilupp tal-grupp li fih ir-rikorrenti hija l-kumpannija holding, dawn mhux talli ma jikkonfermawx assenza ta’ influwenza determinanti, iżda għall-kuntrarju, għandhom it-tendenza li jappoġġjaw il-konstatazzjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

260    Anki jekk jiġi preżunt, kif tiddikjara r-rikorrenti, li dan ir-rwol ma jwassalx għall-interferenza tagħha fl-attivitajiet operattivi u kummerċjali ta’ AF u ta’ KLM, jeħtieġ jitfakkar li l-influwenza determinanti li tista’ tiġġustifika l-imputazzjoni, lill-kumpannija omm, tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha, tista’ tkun tikkonċerna biss il-politika kummerċjali stricto sensu ta’ din is-sussidjarja (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Gigaset vs Il‑Kummissjoni, T‑395/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:23, punt 45), u mhux neċessarjament tkunu relatata mal-amministrazzjoni ta’ kuljum ta’ din tal-aħħar (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, The Dow Chemical Company vs Il‑Kummissjoni, C‑179/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:605, punt 64).

261    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li ma interferixxietx fl-attivitajiet operattivi u kummerċjali tas-sussidjarji tagħha mhux biss ma hijiex appoġġjata minn ebda prova, iżda hija parzjalment kontradetta mid-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħha, mogħtija fir-risposta tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2007 għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2007, li ġie indirizzat matul l-investigazzjoni u ppreżentat bħala anness għar-rikors. Skont dawn id-dikjarazzjonijiet, “[il-Kunsill ta’ amministrazzjoni tar-[rikorrenti] […] intervjena […] dwar l-orjentazzjonijiet kummerċjali ġenerali tan-negozji ewlenin tal-Grupp Air France-KLM”.

262    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li AF u KLM kienu jiddeterminaw b’mod awtonomu l-politika kummerċjali, l-istrateġija, il-baġit u l-imġiba tagħhom fis-settur tat-trasport tal-merkanzija, qabelxejn, hemm lok li jiġi osservat li ir-rikorrenti tissokta tagħmel mill-ġdid dikjarazzjonijiet sempliċi. Sussegwentement, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat essenzjalment fuq l-awtonomija tad-dipartimenti AF Cargo u KLM Cargo inkonnessjoni mal-entitajiet li jaqgħu taħthom AF u KLM rispettivament, b’tali mod li din ma tippermettix l-istabbiliment tal-awtonomija ta’ AF u ta’ KLM fir-rigward tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, l-eżempji ta’ oqsma, imsemmija mir-rikorrenti, li fir-rigward tagħhom tkun eżerċitata l-allegata awtonomija ta’ AF Cargo u ta’ KLM Cargo, bħal, fuq livell operattiv, l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ loġistika inerenti għall-attività tat-trasport tal-merkanzija jew, fuq livell strateġiku, il-ħolqien u l-iffissar ta’ sovrataxxa, ma humiex kontradittorji mat-tmexxija strateġika aktar ġenerali li r-rikorrenti issostni li tiżgura hija stess. Fil-fatt, diviżjoni tad-dmirijiet hija fenomenu normali fi grupp ta’ kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Arkema France vs Il‑Kummissjoni, T‑189/06, EU:T:2011:377, punt 76).

263    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-astensjoni tal-kumitat ta’ ġestjoni strateġika tar-rikorrenti milli jindirizza “rakkomandazzjonijiet vinkolanti” lil AF u lil KLM, din taffettwa r-rabtiet legali ta’ bejn ir-rikorrenti u s-sussidjarji tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm din l-astensjoni hija invokata sabiex jiġu kkontestati l-elementi elenkati fl-Anness kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li minn issa jiġi eżaminat jekk din hijiex ta’ natura li tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ awtonomija tas-sussidjarji tagħha.

264    Minn naħa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċietx l-inqas prova insostenn ta’ din l-allegazzjoni, bħall-proċess verbal jew minuti tal-laqgħat tal-kumitat ta’ ġestjoni strateġika.

265    Min-naħa l-oħra, huwa rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-kumitat ta’ ġestjoni strateġika ltaqa’ bejn il-ħolqien tiegħu fl-2004 u t-tmiem tal-perijodu li fih twettaq il-ksur. Barra minn dan, mir-risposta tagħha tad‑29 ta’ Ġunju 2007 għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2007 jirriżulta li l-imsemmi kumitat kien tabilħaqq iltaqa’ matul dan il-perijodu u li “[kien] […] intervjena prinċipalment dwar [il-mistoqsijiet strateġiċi]”.

266    Madankollu, fid-dawl tar-rwol u tar-responsabbiltajiet tal-kumitat ta’ ġestjoni strateġika, kif dawn jirriżultaw mill-estratti mir-rapporti annwali tar-rikorrenti għall-2004/2005 u l-2005/2006, annessi mat-tweġiba tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2007, jidher li ma huwiex kredibbli li d-deliberazzjonijiet ta’ dan il-kumitat ma kinux speċifikament maħsuba sabiex jikkoordinaw l-istrateġija tas-sussidjarji AF u KLM. Fil-fatt, skont dawn l-estratti, “id-deċiżjonijiet [tal-imsemmi kumitat] jesprimu l-pożizzjoni komuni ta’ AF u ta’ KLM għal kull deċiżjoni strateġika sinifikattiva relatata mal-oqsma kummerċjali, finanzjarji, tekniċi u operattivi […]”.

267    B’mod speċifiku, fir-rigward tar-“rakkomandazzjonijiet vinkolanti”, huwa speċifikat li “il-[kumitat ta’ ġestjoni strateġika] joħroġ rakkomandazzjonijiet imperattivi fuq is-suġġetti msemmija hawn fuq lill-Kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ [AF], lill-Bord Eżekuttiv u lill-Kunsill ta’ sorveljanza ta’ KLM” u li “[i]l-President tal-Bord Eżekuttiv ta’ KLM, il-President tal-Kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ [AF] u kull president u amministratur jew persunal ewlieni tal-entitajiet magħquda jew tas-sussidjarji tagħhom, skont il-każ, ma jistgħux jieħdu jew jimplimentaw deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-[kumitat ta’ ġestjoni strateġika] mingħajr ma dan tal-aħħar ikun għamel ir-rakkomandazzjoni imperattiva tiegħu”. Minn dan jirriżulta li l-intervent ta’ AF u ta’ KLM f’ċertu numru ta’ oqsma inerenti fl-attività tagħhom kien jiddependi mill-adozzjoni, fil-livell tal-kumitat ta’ ġestjoni strateġika tar-rikorrenti, ta’ rakkomandazzjonijiet vinkolanti (jew imperattivi). Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda prova u l-ebda element ta’ kuntest li jista’ jwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tifhem l-abbandun possibbli, mill-imsemmi kumitat, tal-prerogattivi li kienu tiegħu.

268    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tikkonfuta l-preżunzjoni, dedotta mill-kontroll li timplika ż-żamma tagħha tal-kapital kollu ta’ AF u tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-azzjonijiet f’AF, li skontha hija effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq AF matul il-perijodu ta’ bejn il-15 ta’ Settembru 2004 u l-14 ta’ Frar 2006.

269    Fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq KLM, ma jirriżulta l-ebda żball fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni mill-eżami, fil-punti 258 sa 267 hawn fuq, tal-ewwel serje ta’ argumenti tar-rikorrenti insostenn ta’ dan l-ilment.

270    Għalhekk jifdal issa li jiġu evalwati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar l-elementi elenkati fl-anness kunfidenzjali għad-deċiżjoni kkontestata dwar ir-rabtiet li kellha ma’ KLM, billi dawk relatati ma’ AF għandhom jitwarrbu bħala ineffettivi peress li r-rikorrenti naqset milli tipproduċi l-prova li l-Kummissjoni wettqet żball meta bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni inkwistjoni.

271    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-kumitat ta’ Ġestjoni strateġika ma adotta l-ebda “rakkomandazzjoni vinkolanti”, jeħtieġ li jsir riferiment għall-iżviluppi msemmija fil-punti 263 sa 267 hawn fuq. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-setgħa tal-imsemmi kumitat li jadotta tali rakkomandazzjonijiet (ara l-punt 233 iktar ’il fuq), li l-eżistenza tagħha ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti. Madankollu, il-possibbiltà għar-rikorrenti li b’hekk tiddetermina l-istrateġija tas-sussidjarja tagħha, fiha nnifisha tixhed favur l-eżistenza ta’ setgħa ta’ direzzjoni li tista’ tpoġġi f’dubju l-awtonomija tal-aġir ta’ din tal-aħħar.

272    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-ineżistenza ta’ “relazzjoni ġerarkika ta’ dipendenza” bejnha, permezz tal-kunsill ta’ amministrazzjoni u l-kumitat ta’ ġestjoni strateġika tagħha, u KLM, dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-punt 262 iktar ’il fuq.

273    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma hijiex fondata li ssostni li l-ebda membru tal-korpi tat-tmexxija tagħha msemmija fl-anness kunfidenzjali għad-deċiżjoni kkontestata, li, matul il-perijodu kkonċernat, kien sedenti fil-korpi ta’ tmexxija ta’ KLM, ma interferixxa fl-attivitajiet tat-trasport tal-merkanzija. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq iċ-ċirkustanza li d-deċiżjonijiet kollha relatati mal-attività tat-trasport tal-merkanzija kienu ġew fdati, fi ħdan KLM, lid-dipartiment KLM Cargo jew lill-JCMC.

274    Madankollu, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-punt 262 iktar ’il fuq.

275    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement tiddikjara, mingħajr provi li jsostnu tali dikjarazzjoni, li l-membri li flimkien għandhom funzjonijiet eżekuttivi jew mandati fi ħdan l-organi korporattivi tagħha u dawk ta’ KLM ma kinux jinterferixxu fl-attivitajiet tat-trasport tal-merkanzija. Madankollu, minbarra li ma hijiex sostnuta, din id-dikjarazzjoni ma għandhiex tendenza li xxejjen, bħala tali, l-eżistenza ta’ tali sovrapożizzjonijiet, billi skont ġurisprudenza stabbilita l-portata tal-involviment tal-kumpannija omm fil-ġestjoni tas-sussidjarja tagħha tista’ tintwera wkoll mill-preżenza, fit-tmexxija tas-sussidjarja, ta’ għadd ta’ persuni li jkollhom karigi ta’ tmexxija fi ħdan il-kumpannija omm (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Toshiba vs Il‑Kummissjoni, T‑104/13, EU:T:2015:610, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

276    Fir-raba’ lok, huwa inutli li r-rikorrenti ssostni li l-JCMC kien biss korp ta’ koordinazzjoni għall-attività tat-trasport tal-merkanzija ta’ AF u ta’ KLM li jintervjeni fil-livell ta’ dawn tal-aħħar, b’tali mod li ma setgħetx tużah sabiex tinterferixxi fil-politiki kummerċjali rispettivi tagħhom.

277    F’dan ir-rigward, fl-anness kunfidenzjali għad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li [kunfidenzjali] (ara l-punt 233 iktar ’il fuq). Madankollu, kif ir-rikorrenti ġustament tirrileva, l-elementi fil-fajl, u b’mod partikolari t-tweġiba tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2007 għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2007, jagħmlu riferiment għal struttura unika organizzata fil-livell tad-dipartimenti tat-trasport tal-merkanzija tas-sussidjarji AF u KLM. Minn dan ma jirriżultax li din l-istruttura kienet stabbilita fi ħdan ir-rikorrenti jew li, b’ xi mod ieħor, kienet timmanifesta l-influwenza determinanti li din tal-aħħar kienet teżerċita fuq is-sussidjarji tiegħu.

278    Xorta jibqa’ l-fatt li r-raġunijiet l-oħra, li ma ġewx ikkritikati b’mod validu, li ġew avvanzati mill-Kummissjoni insostenn tal-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki ta’ KLM mill-5 ta’ Mejju 2004, jiġifieri, fl-ewwel lok, iż-żamma ta’ 97.5 % tal-kapital u ta’ 49 % tad-drittijiet tal-vot ta’ KLM, fit-tieni lok, is-setgħat ta’ direzzjoni, ta’ orjentazzjoni u ta’ kontroll tar-rikorrenti fuq l-attivitajiet ta’ KLM permezz tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tagħha u tal-kumitat ta’ ġestjoni strateġika tagħha u, fit-tielet lok, il-preżenza fit-tmexxija ta’ KLM, minn bosta persuni li għandhom funzjonijiet ta’ direzzjoni jew mandati korporattivi fi ħdan ir-rikorrenti, huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq KLM.

279    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

4)      Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet

280    Ir-rikorrenti ssostni li l-imputazzjoni tal-prattiki ta’ AF mill-15 ta’ Settembru 2004 u ta’ KLM mill-5 ta’ Mejju 2004 tikser il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

281    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

282    Jeħtieġ jitfakkar li, skont il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalizzazzjoni tal-penali u tas-sanzjonijiet li huma applikabbli fi kwalunkwe proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal sanzjonijiet skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, impriża għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li ġew imputati lilha individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, EU:T:2001:288, punt 63); tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il‑Kummissjoni, T‑122/07 sa T‑124/07, EU:T:2011:70, punt 122, u tal-11 ta’ Lulju 2014, RWE u RWE vs Il‑Kummissjoni, T‑543/08, EU:T:2014:627, punt 68).

283    Madankollu, dan il-prinċipju għandu jiġi rrikonċiljat mal-kunċett ta’ impriża u mal-ġurisprudenza li l-fatt li l-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija omm ta’ grupp ta’ kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il‑Kummissjoni, T‑122/07 sa T‑124/07, EU:T:2011:70, punt 122, u tal-11 ta’ Lulju 2014, RWE u RWE Dea vs Il‑Kummissjoni, T‑543/08, EU:T:2014:627, punt 69). Fil-fatt, anki jekk il-kumpannija omm ma tipparteċipax direttament fil-ksur, hija teżerċita, f’ipoteżi bħal din, influwenza determinanti fuq is-sussidjarja jew is-sussidjarji li pparteċipaw fil-ksur. Minn dan jirriżulta li, f’dan il-kuntest, ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm ma tistax titqies bħala responsabbiltà mingħajr tort (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 77).

284    F’din iċ-ċirkustanza, il-kumpannija omm hija kkundannata għal ksur li huwa allegat li wettqet hija stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C-97/08 P, EU:C:2009:536, punt 77); tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, T‑299/08, EU:T:2011:217, punt 180, u tas-27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, T‑372/10, EU:T:2012:325, punt 52).

285    F’dan il-każ, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża dan l-ilment fuq in-nuqqas ta’ influwenza determinanti fuq AF u KLM, mingħajr ma tipproduċi elementi li ma ġewx diġà invokati fil-kuntest tal-ilmenti preċedenti, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li mill-eżami tal-ewwel u t-tielet ilmenti tal-ewwel motiv, jirriżulta li l-Kummissjoni wriet sal-grad rikjest mil-liġi li r-rikorrenti kienet teżerċita tali influwenza fuq is-sussidjarji tagħha matul il-perijodi inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li din l-ilment huwa bbażat fuq premessa żbaljata.

286    Barra minn hekk, sa fejn huwa ħieles mill-iżbalji u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 282 u 283 iktar ’il fuq, l-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki ta’ AF mill-15 ta’ Settembru 2004 u dawk ta’ KLM mill-5 ta’ Mejju 2004 ma tistax tikser il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

287    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

288    Konsegwentement, hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda bħala infondata fl-intier tagħha.

b)      Dwar it-tieni parti, ibbażata fuq illegalitajiet fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki tal-kumpannija preċedenti Air France bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u l-15 ta’ Settembru 2004

289    Din il-parti, li permezz tagħha ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet diversi illegalitajiet billi imputat lilha l-prattiki tal-kumpannija preċedenti Air France bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u l-15 ta’ Settembru 2004, liema fatt huwa kkontestat mill-Kummissjoni, tikkonsisti fi tliet ilmenti. Dawn tal-aħħar huma bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tienifuq żbalji fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-imsemmija prattiki għall-perijodu inkwistjoni u t-tielet, fuq ksur tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalizzazzjoni tal-penali u tas-sanzjonijiet.

290    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pproċediet fi tliet stadji. Fl-ewwel stadju, fil-premessa 1080 ta’ din id-deċiżjoni, hija imputat lir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ “suċċessur”, l-aġir tal-kumpannija preċedenti Air France għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-15 ta’ Settembru 2004. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li, fil-15 ta’ Settembru 2004, il-kumpannija preċedenti Air France kienet “saret” ir-rikorrenti, bħala riżultat ta’ trasformazzjoni f’kumpannija holding u ta’ bidla fl-isem u fl-għan tal-kumpannija, kif speċifikat fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata.

291    Fit-tieni stadju, għall-perijodu mill-15 ta’ Settembru 2004 sal-14 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessi 1083 u 1084 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq AF.

292    Fit-tielet stadju, fil-premessa 1085 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeduċiet mill-informazzjoni stabbilita fil-punti 290 u 291 iktar ’il fuq li r-rikorrenti u AF kellhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006.

293    Kif essenzjalment ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan ir-riferiment għall-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-persuna ġuridika involuta direttament fit-twettiq tal-ksur uniku u kontinwu sal-15 ta’ Settembru 2004 u r-rikorrenti kienu persuna ġuridika waħda, peress li kienu jiddistingwixxuhom biss l-isem u l-għan tal-kumpannija, li fil-frattemp ġew mibdula (ara l-punti 244 u 290 iktar ’il fuq).

1)      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

294    Ir-rikorrenti tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix motivazzjoni suffiċjenti għall-imputazzjoni lilha tal-prattiki tal-kumpannija preċedenti Air France bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u l-15 ta’ Settembru 2004. Hija tikkritika l-premessa 1080 tad-deċiżjoni kkontestata li ma tippermettix li jinftiehem l-istatus attribwit lilha fir-rigward tal-kumpannija preċedenti Air France għall-imsemmi perijodu u, b’mod partikolari, jekk kinitx ikkunsidrata bħala suċċessur ekonomiku jew suċċessur legali, jew it-tnejn, ta’ dik il-kumpannija.

295    Il-premessa 1080 tal-verżjoni Franċiża tad-deċiżjoni kkontestata ġiet emendata meta mqabbla mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010. Ir-rikorrenti tenfasizza li filwaqt li l-premessa 1056 ta’ dik id-deċiżjoni kienet tindika li hija u AF kienu rispettivament is-suċċessur ekonomiku u s-suċċessur legali tal-kumpannija preċedenti Air France, kif kienet teżisti qabel il-15 ta’ Settembru 2004, il-premessa 1080 tal-imsemmija deċiżjoni ma baqgħetx tuża l-avverb “rispettivament”. Din l-emenda tirriżulta mill-iżball irrikonoxxut mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali fil-każ li ta lok għas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, Air France-KLM vs Il-Kummissjoni (T‑62/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:996). Ir-rikorrenti tosserva wkoll li emenda bħal din ma saritx fil-verżjonijiet Olandiżi u Ingliżi tal-istess deċiżjoni, li skonthom, f’din l-aħħar imsemmija premessa, ma hijiex hi, iżda AF, li hija s-suċċessur ekonomiku tal-kumpannija preċedenti Air France.

296    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

297    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147).

298    L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati minnu fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta trid tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150, u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 45).

299    Kif indikat fil-punti 245 sa 247 iktar ’il fuq, jirriżulta mill-premessa 1080 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti kienet irriżultat mit-trasformazzjoni tal-kumpannija preċedenti Air France f’kumpannija holding sabiex timputa lilha l-prattiki ta’ din tal-aħħar matul il-perijodu inkwistjoni.

300    B’dan il-mod, il-Kummissjoni mmanifestat b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet li għalihom hija imputat dawn il-prattiki lir-rikorrenti, b’tali mod li jippermettilha tkun taf il-ġustifikazzjonijiet għall-miżura adottata u lill-Qorti Ġenerali biex teżerċita l-kontroll tagħha.

301    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jxejjen din il-konklużjoni.

302    Minkejja li ċertament huwa indikat fil-premessa 1080 tad-deċiżjoni kkontestata, kif tirrileva r-rikorrenti, li din tal-aħħar “u [AF] huma […] is-suċċessuri ekonomiċi u legali tal-[k]umpannija preċedenti Air France kif kienet teżisti qabel il-15 ta’ Settembru 2004”, dan ir-riferiment, madankollu, ma jistax jinqara b’mod iżolat.

303    Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fil-premessa 1080 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konstatazzjonijiet li jiġu immedjatament qabel ir-riferiment inkwistjoni u li huma espressi insostenn tiegħu, rispettivament, dwar il-kontinwità legali bejn il-kumpannija preċedenti Air France u r-rikorrenti u dwar il-kontinwità ekonomika bejn il-kumpannija preċedenti Air France u AF. Bl-istess mod, fil-verżjonijiet lingwistiċi Ingliżi u Olandiżi tal-imsemmija deċiżjoni, l-imsemmi riferiment jaqra kif ġej: “[ir-rikorrenti] u [AF] huma għalhekk, rispettivament, is-suċċessuri legali u ekonomiċi tal-[k]umpannija preċedenti Air France”. Minn dan isegwi li dan ir-riferiment għandu, minn naħa, jitqies bħala sempliċi żball tal-pinna u, min-naħa l-oħra, jiġi interpretat bħala li jżomm ir-responsabbiltà tar-rikorrenti esklużivament abbażi tal-kontinwità legali kkonstatata mal-kumpannija preċedenti Air France, liema interpretazzjoni, barra minn dan, qablet magħha l-Kummissjoni waqt is-seduta.

2)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq żbalji fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-prattiki tal-kumpannija preċedenti Air France għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-15 ta’ Settembru 2004

304    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni b’mod żbaljat, għall-perijodu ta’ qabel il-ħolqien tagħha, jiġifieri, bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u l-15 ta’ Settembru 2004, imputat lilha l-prattiki tal-kumpannija preċedenti Air France, li l-premessa 1080 tad-deċiżjoni kkontestata tiġi interpretata fis-sens li hija s-“suċċessur ekonomiku” tal-imsemmija kumpannija, jew is-suċċessur legali tagħha, jew it-tnejn, bl-istess mod bħall-AF.

305    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

306    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tipprevedi, fir-rikors, tliet xenarji li fihom hija tinżamm responsabbli għall-prattiki tal-kumpannija preċedenti Air France għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-15 ta’ Settembru 2004. Dawn huma, fl-ewwel lok, ix-xenarju li fih ir-rikorrenti tkun is-suċċessur ekonomiku tagħha, fit-tieni lok, ix-xenarju li fih hija tkun is-suċċessur legali tagħha u, fit-tielet lok, ix-xenarju li fih hija tkun is-suċċessur ekonomiku u legali tagħha. Mill-perspettiva tas-suċċessjoni legali, ir-rikorrenti sempliċement għamlet riferiment għal tfakkira tal-ġurisprudenza żviluppata fl-ewwel parti ta’ dan il-motiv. Din it-tfakkira tkopri, b’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet għall-imputazzjoni lil kumpannija omm tal-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja tagħha qabel l-akkwist ta’ din tal-aħħar.

307    Madankollu, ir-rikorrenti tonqos milli tispjega kif il-ġurisprudenza invokata twassal għall-esklużjoni tal-imputazzjoni lilha tal-prattiki tal-kumpannija preċedenti Air France. Barra minn hekk, is-sitwazzjonijiet koperti minn din il-ġurisprudenza huma differenti minn dawk tal-każ preżenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma akkwistatx il-kumpannija preċedenti Air France, iżda tirriżulta minn tibdil fl-isem u l-għan ta’ din tal-aħħar, u b’hekk tiżgura il-kontinwità legali tad-drittijiet u tal-obbligi tal-kumpannija preċedenti Air France fir-rigward tal-attivitajiet tagħha mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-15 ta’ Settembru 2004.

308    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti żiedet tgħid li jekk ir-responsabbiltà ta’ AF għall-aġir antikompetittiv tal-kumpannija preċedenti Air France tiġi msejsa fuq il-kontinwità ekonomika bejniethom din tkun tostakola “kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet” mar-rikorrenti. Il-Kummissjoni għalhekk ma setgħetx tiddeċiedi li tittrasferixxi r-responsabbiltà għall-aġir tal-kumpannija preċedenti Air France lill-AF u li, fl-istess ħin, twettaq imputazzjoni lir-rikorrenti għal dak l-aġir.

309    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, bħala prinċipju, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża kkonċernata fil-mument meta jkun twettaq il-ksur li għandha tirrispondi għalih, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-impriża tkun tqiegħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, EU:C:2000:626, punt 78).

310    Iċ-ċirkustanza li ċerti karatteristiċi tal-persuna li kienet tmexxi l-impriża kkonċernata fil-mument tal-ksur inbidlu, pereżempju isimha, ma taffettwax il-kontinwità tal-eżistenza legali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, EU:C:2000:633, punti 28 u 29).

311    Madankollu, f’dan il-każ, jidher mill-premessi 22 u 1080 tad-deċiżjoni kkontestata, u huwa stabbilit, li l-persuna ġuridika involuta fil-ksur uniku u kontinwu qabel il-15 ta’ Settembru 2004 baqgħet wara dik id-data, soġġetta għal bidla f’isimha u fl-għan tagħha. Il-kumpannija preċedenti Air France, entità legali operattiva, għalhekk “saret” ir-rikorrenti, kumpannija omm tal-grupp Air France-KLM.

312    Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 309 u 310 hawn fuq, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni użat il-kriterju tal-kontinwità legali sabiex tattribwixxi r-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-aġir tal-kumpannija preċedenti Air France mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-15 ta’ Settembru 2004.

313    Fir-rigward taċ-ċirkustanza li AF, bħala suċċessur ekonomiku, tiġi imputata wkoll dan l-aġir, hemm lok jitfakkar li deċiżjoni adottata fil-qasam tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ diversi impriżi, għalkemm redatta u ppubblikata fil-forma ta’ deċiżjoni waħda, għandha tiġi analizzata bħala sett ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw fir-rigward ta’ kull waħda mill-impriżi destinatarji l-ksur wieħed jew iktar attribwit lilha u li jimponu fuqha, fejn xieraq, multa (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 100). Għalhekk, jekk wieħed mid-destinatarji ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni tkun adita biss bl-elementi tad-deċiżjoni li tikkonċernah, filwaqt li dawk li jikkonċernaw destinatarji oħra bħala prinċipju ma jidħlux fis-suġġett tal-kawża li l-qorti tal-Unjoni hija mitluba li tiddeċiedi (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 66), b’eċċezzjoni għall-każ ta’ kumpannija omm li r-responsabbiltà tagħha tkun idderivata kompletament mis-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punti 43 u 49).

314    Madankollu, sa fejn ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-aġir tal-kumpannija preċedenti Air France ma hijiex idderivata minn dik tas-sussidjarja tagħha AF, jirriżulta li ma huwiex ammissibbli, fil-kuntest tar-rikors odjern, li hija tressaq oġġezzjoni kontra l-Kummissjoni talli din imputat lill-imsemmija sussidjarja l-aġir tal-kumpannija preċedenti Air France mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-15 ta’ Settembru 2004.

315    Fid-dawl tas-suespost, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet

316    Ir-rikorrenti ssostni li l-imputazzjoni lilha tal-prattiki tal-kumpannija preċedenti Air France preċedenti bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u l-15 ta’ Settembru 2004 tikser il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet. Hija ssostni li hija ma kinitx teżisti matul dan il-perijodu u li hija ma tikkostitwixxix is-suċċessur ekonomiku tal-kumpannija preċedenti Air France.

317    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

318    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li hija “ma kinitx teżisti” fid-data tal-aġir tal-kumpannija preċedenti Air France. Fil-fatt, kif inhu rrilevat fil-punti 293 u 311 iktar ’il fuq, il-kumpannija preċedenti Air France u r-rikorrenti huma persuna ġuridika waħda, li l-kostituzzjoni tagħha tippreċedi t-twettiq tal-aġir tal-kumpannija preċedenti Air France mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-15 ta’ Settembru 2004.

319    Fid-dawl ta’ dan li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud it-tielet ilment u, konsegwentement, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti fl-intier tagħha.

320    Jeħtieġ jiġi miċħud ukoll l-ilment imqajjem preliminarjament fil-kuntest tal-motiv preżenti, sa fejn dan huwa bbażat fuq l-assenza ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu. Fil-fatt, mill-eżami ta’ din il-parti jirriżulta li r-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-aġir tal-kumpannija preċedenti Air France mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-15 ta’ Settembru 2004 ma hijiex responsabbiltà idderivata. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

321    Ir-rikorrenti ssostni li l-provi prodotti minn Lufthansa fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha għall-immunità ma humiex ammissibbli u għandhom jiġu sfilzati. Fil-fatt, Lufthansa ma kinitx eliġibbli għall-immunità mill-multa, sa fejn hija ma ġabitx fi tmiemha l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwu wara li ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għall-immunità u sussegwentement kisret il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 11(b), tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002.

322    Madankollu, mingħajr il-provi inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tibda l-investigazzjoni, fatt li hija rrikonoxxiet fil-premessa 1302 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, dawn il-provi kienu jikkostitwixxu l-bażi ta’ din id-deċiżjoni, kif inhu enfasizzat fil-premessa 1250 tal-istess deċiżjoni. Għaldaqstant, l-isfilz ta’ dawn il-provi mill-fajl kellu jwassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni fl-intier tagħha.

323    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. Minn naħa, hija ssostni li dan il-motiv huwa ineffettiv, sa fejn l-irtirar tal-benefiċċju tal-immunità fil-konfront ta’ Lufthansa ma jwassalx għall-inammissibbiltà tad-dokumenti ppreżentati minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-immunità. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li Lufthansa kienet ġiet issensibilizzata għall-fatt li l-iżvelar possibbli tal-imsemmija applikazzjoni kien ikkunsidrat li jista’ jinċidi b’mod negattiv fuq l-iżvolġiment tal-investigazzjoni u fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li tinvestiga u trażżan l-akkordju kontenzjuż. Barra minn hekk, iż-żamma tal-kuntatti bejn Lufthansa u t-trasportaturi implikati l-oħra kienet isseħħ ukoll fuq talba ta’ awtorità tal-kompetizzjoni ta’ pajjiż terz.

324    Ir-rikorrent iwieġeb li dan il-motiv huwa ineffettiv u li l-argumenti li l-Kummissjoni żviluppat quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari li kienu jiġġustifikaw l-investigazzjoni tal-ksur minn Lufthansa wara l-preżentata tal-applikazzjoni għall-immunità huma inammissibbli, peress li ma ġewx inklużi fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tqis li tali argumenti, sa fejn dawn ġew moħbija minnha, jikkostitwixxu “ksur tad-drittijiet tad-difiża permezz ta’ ksur ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet”.

325    Konsegwentement, ir-rikorrenti għalhekk titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna lill-Kummissjoni sabiex tikkomunika d-“dettalji tal-provi” tal-elementi l-ġodda li jinsabu fid-difiża sabiex tkun tista’ tiġi infurmat bis-sħiħ dwar iċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni u l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ pajjiż terz ħeġġew lil Lufthansa li tkompli l-ksur wara s-7 ta’ Diċembru 2005.

326    Hemm lok li jiġi osservat li l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati kompletament fuq il-premessa li n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 11(b), tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 huwa ta’ natura li jwassal għall-inammissibbiltà ta’ provi prodotti fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-immunità.

327    Dan l-argument huwa bbażat fuq is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2012, Almamet vs Il‑Kummissjoni (T‑410/09, mhux ippubblikati, EU:T:2012:676, punti 39 u 40) u tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni (T‑655/11, EU:T:2015:383, punti 44, 46 u 80), li minnhom jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jippermetti provi miġbura b’nuqqas totali ta’ osservanza tal-proċedura prevista għall-istabbiliment tagħhom u intiża sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

328    Madankollu, hemm lok li jiġi osservat li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju tal-immunità mill-multi ma humiex regoli proċedurali relatati mal-istabbiliment tal-provi. Fil-fatt, huma relatati mal-motivazzjonijiet li jwasslu lil xhud sabiex jikkollabora mal-awtoritajiet u bħala tali ma għandhom l-ebda impatt fuq il-legalità tal-ġbir tal-provi u l-possibbiltà li dawn jiġu utilizzati (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-każ tal-FSL et vs Il‑Kummissjoni, C‑469/15 P, EU:C:2016:884, punti 76 u 77).

329    Barra minn hekk, sa fejn, skont l-argument tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-ammissjoni ta’ tali provi tmur kontra ċerti garanziji fundamentali jew rekwiżiti formali essenzjali, li barra minn hekk ma ġewx speċifikati fl-inkartamenti, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, impriża li tiddeċiedi li tissottometti dikjarazzjoni bil-għan li tikseb tnaqqis fl-ammont tal-multa hija konxja mill-fatt li, billi tnaqqis jingħatalha biss jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għal tnaqqis previsti fl-avviż, id-dikjarazzjoni fi kwalunkwe każ tifforma parti mill-fajl u tista’ tiġi invokata bħala prova (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il‑Kummissjoni, T‑352/09, EU:T:2012:673, punt 111).

330    Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali ċertament ibbażat ruħha fuq il-paragrafu 31 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU C 144, 23.4.2016, p. 23, iktar ’il quddiem “l-Avviż dwar il-klemenza tal-2006”), li ssostitwixxa l-Avviż dwar il-klemenza tal‑2002, li jipprovdi li “[k]ull dikjarazzjoni miktuba magħmula rigward il-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan l-avviż, tifforma parti mill-fajl tal-Kummissjoni”.

331    Madankollu, mill-paragrafu 37 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2006 jirriżulta li l-paragrafu 31 tal-imsemmi avviż huwa applikabbli għall-applikazzjonijiet għal klemenza pendenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-avviż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il‑Kummissjoni, T‑352/09, EU:T:2012:673, punti 27 u 111). Issa, dan huwa l-każ tal-applikazzjoni mressqa minn Lufthansa fis-7 ta’ Diċembru 2005 quddiem il-Kummissjoni. Fil-fatt, din l-applikazzjoni kienet għadha pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-avviż inkwistjoni, fit-8 ta’ Diċembru 2006.

332    Barra minn hekk, skont il-paragrafu 33 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, “[k]ull dikjarazzjoni miktuba magħmula rigward il-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan l-avviż, tifforma parti mill-fajl tal-Kummissjoni”. Konsegwentement, tali dikjarazzjoni tista’ tintuża bħala prova mill-Kummissjoni. Il-kliem tal-paragrafu 31 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2006 għalhekk jesprimi l-konsegwenzi li neċessarjament jirriżultaw miż-żamma fil-fajl tal-imsemmija dikjarazzjoni.

333    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, xejn ma’ jopponi li l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il‑Kummissjoni (T‑352/09, EU:T:2012:673), fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-applikant għal klemenza, jiġu estiżi għall-provi kollha prodotti minn impriża bil-ħsieb li tikseb il-benefiċċju tal-immunità mill-multi.

334    B’hekk, fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il‑Kummissjoni (T‑352/09, EU:T:2012:673), il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, essenzjalment, fuq in-natura volontarja tal-kooperazzjoni pprovduta mill-impriża li tkun tixtieq tikseb tnaqqis fl-ammont tal-multa kif ukoll fuq it-termini tal-Avviż dwar il-klemenza applikabbli għall-fatti inkwistjoni sabiex tikkonkludi li d-dikjarazzjoni tal-applikant għal klemenza tista’ tiġi invokata bħala prova, irrispettivament mit-tip tal-applikazzjoni tiegħu għal klemenza.

335    Madankollu, minn naħa, il-provi prodotti minn Lufthansa f’dan il-każ fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha għal immunità, fuq l-istregwa tad-dikjarazzjoni tal-applikant għal klemenza fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni (T‑352/09, EU:T:2012:673), ġew hekk prodotti b’mod volontarju.

336    Min-naħa l-oħra, la l-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 u lanqas dak tal-2006 ma jinkludu dispożizzjonijiet intiżi sabiex jinżammu, għall-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni, aspettattivi dwar it-tip ta’ provi prodotti minn dawk l-impriżi li, minkejja li bbenefikaw minn immunità kundizzjonali mill-multi (skont il-paragrafu 15 tal-Avviż tal-2002 jew il-paragrafu 18 tal-Avviż tal-2006), ma setgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw minn immunità definittiva (skont il-paragrafu 19 tal-Avviż tal-2002 jew il-paragrafu 22 tal-Avviż tal-2006). Din is-sitwazzjoni tikkuntrasta mal-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti mill-imsemmija avviżi dwar it-tip ta’ provi li għandhom jiġu prodotti insostenn ta’ applikazzjoni li l-Kummissjoni tqis li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju ta’ immunità kondizzjonali. F’każ bħal dan, il-kumpannija tista’ tirtira l-provi żvelati (ara l-paragrafu 17 tal-Avviż tal-2002 u l-paragrafu 20 tal-Avviż tal-2006).

337    Barra minn hekk, prassi fejn jiġu esklużi awtomatikament mill-fajl dawk il-provi prodotti minn impriża li fir-rigward tagħha jirriżulta li, minkejja li hija eliġibbli għall-immunità mill-multi fil-mument li hija ressqet l-applikazzjoni tagħha għall-immunità, hija ma tosservax il-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minnha b’mod definittiv fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, tikkomprometti l-effett utli tal-proċedura ta’ klemenza. Fil-fatt, il-Kummissjoni tkun imċaħħda minn provi, ipotetikament essenzjali għall-istabbiliment tal-ksur inkwistjoni u tal-parteċipazzjoni ta’ impriżi fih, fi stadju fejn il-possibbiltà li dan in-nuqqas jiġi kkumpensat permezz ta’ atti ta’ investigazzjoni addizzjonali titnaqqas b’mod konsiderevoli, partikolarment minħabba r-riskju ta’ telfien ta’ provi. Barra minn hekk, billi s-suċċess tal-proċedimenti ikun f’riskju li jitħalla f’idejn ir-rieda tajba tal-applikant għall-immunità, filwaqt li l-Kummissjoni tkun imxekkla fil-kontroll effettiv tagħha tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju tal-immunità mill-multi, it-theddida tan-nuqqas ta’ għotja titlef il-kredibbiltà, fid-dawl tal-konsegwenzi marbuta magħha.

338    Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ osservanza minn Lufthansa tal-kundizzjoni prevista fil-paragrafu 11(b) tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, jekk jiġi preżunt li seħħ, ma huwiex ta’ natura li jċaħħad lill-Kummissjoni mill-possibbiltà li tuża l-provi prodotti fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha għal klemenza.

[omissis]

3.      Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq żbalji u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kalkolu tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ AF fil-ksur uniku u kontinwu

498    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ddeċidiet li AF kienet ipparteċipat fil-ksur uniku u kontinwu b’mod mhux interrott bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u l-14 ta’ Frar 2006. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni, apparti l-kuntatt bejn AF u Japan Airlines tas-7 ta’ Diċembru 1999 imsemmi fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, għandha biss provi suffiċjenti fil-konfront tagħha għall-perijodu ta’ bejn id-19 ta’ Jannar 2001 u d-19 ta’ Ottubru 2005.

499    Il-kuntatti li fuqhom il-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuqhom sabiex tiddeċiedi favur il-parteċipazzjoni ta’ AF fil-koordinazzjoni marbuta ma’ STK matul il-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1999 sad-19 ta’ Jannar 2001 u l-perijodu ta’ wara d-19 ta’ Ottubru 2005 ma setgħux, fil-fatt, jiġu kklassifikati bħala antikompetittivi, peress li kienu jikkonċernaw skambji ta’ informazzjoni pubblika (il-premessi 137, 140 sa 142, 554, 563 u 574 tad-deċiżjoni kkontestata), implimentati barra miż-ŻEE (il-premessi 146, 152 u 182 tal-imsemmija deċiżjoni) jew li għalihom il-Kummissjoni ma pprovatx li kienu ta’ natura antikompetittiva (il-premessi 530 u 556 ta’ dik id-deċiżjoni).

500    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova valida tal-parteċipazzjoni ta’ AF fil-komponenti tal-ksur uniku u kontinwu b’rabta ma’ STS u fir-rifjut ta’ ħlas tal-kummissjonijiet għall-perijodi sussegwenti, rispettivament, fid-19 ta’ Ottubru 2005 u fl-14 ta’ Ottubru 2005.

501    Fir-replika, ir-rikorrenti iżżid li l-Kummissjoni ma tistax tobbligaha tipprovdi prova li hija ddistanzjat ruħha pubblikament mill-akkordju kontenzjuż wara d-19 ta’ Ottubru 2005. Fil-fehma tagħha, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur wara dik id-data.

502    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

503    Jeħtieġ li jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, il-kuntatti li r-rikorrenti issostni li kienu jikkonċernaw skambji ta’ informazzjoni pubblika (il-premessi 137, 140 sa 142, 554, 563 u 574 tad-deċiżjoni kkontestata), fit-tieni lok, dawk li fil-fehma tagħha li ġew implimentati barra miż-ŻEE (il-premessi 146, 152 u 182 ta’ dik id-deċiżjoni) u, fit-tielet lok, dawk li fir-rigward tagħhom issostni li ma ntwerietx b’mod suffiċjenti n-natura antikompetittiva (il-premessi 530 u 556 tal-imsemmija deċiżjoni).

504    Fir-rikors, ir-rikorrenti invokat ukoll il-kuntatti deskritti fil-premessa 563 tad-deċiżjoni kkontestata fosthom dawk li, fil-fehma tagħha, kienu implimentati barra miż-ŻEE. Madankollu, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, hija speċifikat li kienet qiegħda titlob li dawn jiġu esklużi minħabba li n-natura antikompetittiva tagħhom ma ġietx stabbilita b’mod suffiċjenti.

505    Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fost il-kuntatti li r-rikorrenti issostni li kienu jikkonċernaw skambji ta’ informazzjoni pubblika, hemm fir-realtà tliet tipi ta’ skambji.

506    L-ewwel tip huma l-kuntatti inkwistjoni li jinkludu posta elettronika interna ta’ trasportaturi oħrajn implikati li fihom jissemmew speċifikament il-kuntatti ma’ AF. Għalhekk, fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal posta elettronika interna ta’ Japan Airlines tal-20 ta’ Diċembru 1999. Din il-posta elettronika tikkonsisti fi skambju bejn impjegat ta’ Japan Airlines u rappreżentant ta’ AF fil-Ġappun. Madankollu, dan l-iskambju, li jsegwi l-kuntatt bejn il-Japan Airlines u AF tas-7 ta’ Diċembru 1999, u li n-natura antikompetittiva tiegħu ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti (il-premessa 136 tal-imsemmija deċiżjoni), ma kienx jikkonċerna biss l-introduzzjoni ta’ STK, li kienet tħabbret pubblikament minn AF fl-istess jum. Fil-kuntest tal-imsemmi skambju, ir-rappreżentant ta’ AF fil-Ġappun jindika wkoll lill-Japan Airlines li “dan [sejjer] jitħabbar f’kull suq fi u wara t-22 ta’ Diċembru” u li l-uffiċċju rreġistrat ta’ AF kien daħal f’kuntatt ma’ trasportaturi oħra, inkluża l-Lufthansa, “bil-għan li jħeġġeġ l-implimentazzjoni bl-istess mod bħall-AF”.

507    It-tieni tip hija l-posta elettronika msemmija fil-premessi 140 sa 142 tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonsisti f’eżempji ta’ posta elettronika interna ta’ trasportaturi oħra li fihom ma jsir l-ebda kuntatt speċifiku bejn AF u trasportatur ieħor wieħed jew aktar. Dawn l-eżempji ta’ posta elettronika, datati l-21 ta’ Diċembru 1999 u t-3 ta’ Jannar 2000, jindikaw sempliċement l-intenzjoni ta’ AF u trasportatur ieħor jew trasportaturi oħra sabiex jistabbilixxu STK. Madankollu, kif indikat fil-punt 506 hawn fuq, AF kienet diġà ħabbret pubblikament l-istabbiliment ta’ STK fl-20 ta’ Diċembru 1999. Il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova oħra ta’ natura li turi li l-awturi tal-posta elettronika interna msemmija fil-premessi kienu kisbu konjizzjoni tal-intenzjonijiet ta’ AF b’xi mod ieħor għajr minn din it-tħabbira. Fir-rigward tar-riferiment, fil-posta elettronika interna msemmija fil-premessa 141 tal-imsemmija deċiżjoni għal “komunikazzjonijiet u [għal] notifiki lis-swieq” dwar is-STK li kellhom isiru “fil-jiem li ġejjin”, dan huwa vag wisq sabiex juri dan.

508    F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata, fil-premessa 724 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinterpreta l-posta elettronika interna msemmija fil-premessi 140 sa 142 tal-imsemmija deċiżjoni fis-sens li dawn kienu jappoġġjaw l-eżistenza ta’ skambji ta’ informazzjoni bejn AF u trasportaturi oħrajn.

509    It-tielet tip hija l-posta elettronika prevista fil-premessi 554, 563 u 574 tad-deċiżjoni kkontestata huma eżempji ta’ posta elettronika li tagħhom AF hija l-emittent jew waħda mid-destinatarji.

510    Huwa minnu li l-informazzjoni li r-rikorrenti kkondividiet fil-kuntest ta’ dawn l-eżempji ta’ posta elettronika kienet diġà s-suġġett ta’ tħabbira pubblika minn qabel. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-imsemmija eżempji ta’ posta elettronika ma setgħux jintużaw kontra r-rikorrenti.

511    Fil-fatt, minn naħa, jeħtieġ li jitfakkar li l-iskambju ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku jikser l-Artikolu 101(1) tat-TFUE meta jikkostitwixxi l-appoġġ ta’ mekkaniżmu antikompetittiv ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 281). Madankollu, f’dan il-każ, il-posta elettronika msemmija fil-premessi 554, 563 u 574 tad-deċiżjoni kkontestata kollha kienu jikkonċernaw bidliet futuri fl-ammont tas-STK, li r-rikorrenti ma tikkontestax li, dak iż-żmien, kien is-suġġett ta’ koordinazzjoni antikompetittiva bejn it-trasportaturi implikati.

512    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-informazzjoni skambjata fil-kuntest tal-posta elettronika msemmija fil-premessi 554, 563 u 574 tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx limitata għal dik li diġà tħabbret pubblikament minn AF. Fil-premessa 554 ta’ dik id-deċiżjoni, hemm riferiment għal posta elettronika tal-15 ta’ Novembru 2005 li fiha AF mhux biss tenniet iż-żieda fl-ammont tas-STK li kienet ħabbret il-jum ta’ qabel, iżda kkonfermatha. Madankollu, permezz ta’dan, AF kompliet tnaqqas l-inċertezza dwar l-evoluzzjoni tal-livell tas-STK.

513    Fil-premessi 563 u 574 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi skambji ta’ informazzjoni bejn il-membri tal-Air Cargo Council Switzerland (il-Kunsill tat-Trasport tal-Merkanzija bl-Ajru Żvizzeru, iktar ’il quddiem l-“ACCS”). L-iskambju previst fil-premessa 563 tal-imsemmija deċiżjoni beda fit-28 ta’ Novembru 2005 u ġie tterminat fl-1 ta’ Diċembru ta’ wara. L-iskambju previst fil-premessa 574 ta’ dik id-deċiżjoni jmur lura għas-6 u s-7 ta’ Frar 2006. Dawn iż-żewġ skambji kienu jikkonċernaw mhux biss il-bidla fil-livell tas-STK li AF kienet qiegħda tippjana li timplimenta, iżda wkoll il-bidla li trasportaturi oħrajn implikati, fosthom Swiss u SIA, kellhom l-intenzjoni li jimplimentaw. Madankollu, AF la tistabbilixxi u lanqas biss tallega li din l-informazzjoni kienet diġà soġġetta għal tħabbira minn qabel lill-pubbliku.

514    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntatti li għalihom ir-rikorrenti tiddikjara li dawn ġew implimentati barra miż-ŻEE, għandu jiġi osservat li hija ssostni li dawn jaqgħu barra mill-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni. Għalhekk essenzjalment hija ssostni, li t-tliet kuntatti deskritti fil-premessi 146 u 152 tal-imsemmija deċiżjoni kienu jikkonċernaw konnessjonijiet inbound u li kienu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 411/2004 u tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 40/2005. Fir-rigward tal-kuntatt deskritt fil-premessa 182 ta’ dik id-deċiżjoni, dan kien jikkonċerna l-konnessjonijiet li jitilqu mill-Iżvizzera u kien qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-KE u l-Iżvizzera dwar it-trasport bl-ajru.

515    Jekk wieħed jassumi li l-kuntatti msemmija fil-premessi 146, 152 u 182 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jikkonċernaw esklużivament konnessjonijiet li, fil-perijodi inkwistjoni, kienu barra mill-kompetenza tal-Kummissjoni, hemm lok li jitfakkar li din tal-aħħar tista’ tibbaża ruħha fuq kuntatti qabel il-perijodu li fih sar il-ksur sabiex tibni stampa ġenerali tas-sitwazzjoni u b’hekk tikkorrobora l-interpretazzjoni ta’ ċerti provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata, EU:T:2008:255,punti 427 u 428). Dan huwa l-każ anki fil-każ li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni qabel dak il-perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, T‑198/03, EU:T:2006:136, punt 89, u tat-22 ta’ Marzu 2012, Slovak Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑458/09 u T‑171/10, EU:T:2012:145, punti 45 sa 52).

516    Fil-premessi 107 u 108 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt il-punt 4.1, intitolata “Prinċipji bażiċi u struttura tal-akkordju”, il-Kummissjoni indikat li l-investigazzjoni tagħha kienet żvelat akkordju ta’ dimensjoni globali bbażat fuq netwerk ta’ kuntatti bilaterali u multilaterali, li seħħ “f’diversi livelli fi ħdan il-kumpaniji kkonċernati […] u li [kienu] jirrigwardaw, f’xi każijiet, diversi żoni ġeografiċi”.

517    Fil-premessi 109, 110, 876, 889 u 1046 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1323 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat il-modalitajiet tal-funzjonament ta’ din l-organizzazzjoni “f’diversi livelli”. Fil-fehma tagħha, is-sovrataxxi kienu miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li ma kinux speċifiċi għal konnessjoni, iżda kienu maħsuba sabiex jiġu applikati għall-konnessjonijiet kollha fil-livell globali. Id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw is-sovrataxxi ġeneralment ikunu ttieħdu fil-livell tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kull trasportatur. Għaldaqstant, l-uffiċċji rreġistrati tat-trasportaturi kienu “f’kuntatt reċiproku” meta bidla fil-livelli tas-sovrataxxi kienet imminenti. Fil-livell lokali, it-trasportaturi kienu jikkoordinaw, bil-għan, minn naħa, li jwettqu aħjar l-istruzzjonijiet tal-uffiċċji rreġistrati rispettivi tagħhom u li jadattawhom għall-kundizzjonijiet u r-regolamenti tas-suq lokali u, min-naħa l-oħra, jikkoordinaw u jimplimentaw l-inizjattivi lokali. Fil-premessa 111 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni speċifikat li l-assoċjazzjonijiet lokali tar-rappreżentanti tat-trasportaturi kienu ntużaw għal dan il-għan, b’mod partikolari fl-Iżvizzera.

518    Il-kuntatti msemmija fil-premessi 146, 152 u 182 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jaqgħu preċiżament f’dan il-kuntest. Fil-fatt, fl-ewwel lok, dawn il-kuntatti kollha kienu jikkonċernaw l-istabbiliment jew l-implimentazzjoni tas-STK f’Singapor (il-premessa 146), fl-Indja (il-premessa 152) u fl-Iżvizzera (il-premessa 182). Fit-tieni lok, dawn il-kuntatti kienu jew kontemporanji ta’ diskussjonijiet bejn l-uffiċċji rreġistrati jew ta’ deċiżjonijiet meħuda fil-livell ta’ dawn tal-aħħar dwar sovrataxxi (il-premessa 146), jew inkella jirrapportaw istruzzjonijiet sabiex jiġi kkonsultat l-uffiċċju rreġistrat jew kienu jirriflettu fil-livell lokali tat-tħabbir imwettaq jew ta’ deċiżjonijiet meħuda minn qabel fil-livell ċentrali (il-premessi 152 u 182). Fit-tielet lok, dawn il-kuntatti kollha saru fil-kuntest jew barra mill-kuntest ta’ assoċjazzjonijiet lokali ta’ rappreżentanti tal-linji tal-ajru.

519    Madankollu, fil-premessi 724 u 792 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-imsemmija kuntatti sabiex tikkorrobora l-interpretazzjoni tagħha ta’ provi oħra, li ma huwiex allegat li dawn kienu barra mill-kompetenza tagħha. Għalhekk, l-imsemmija kuntatti huma fost il-ħafna kuntatti kontenzjużi li l-Kummissjoni kkwotat fil-premessa 724 ta’ dik id-deċiżjoni sabiex tiddeċiedi li AF kienet żammet “kuntatti mal-kompetituri fil-livell lokali”. Huma wkoll fost diversi kuntatti ta’ qabel id-19 ta’ Jannar 2001 li l-Kummissjoni opponiet lil AF fil-premessi 722 sa 724 tal-imsemmija deċiżjoni.

520    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma eċċedietx il-limiti tal-kompetenza tagħha meta bbażat ruħha fuq il-kuntatti msemmija fil-premessi 146, 152 u 182 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tibni stampa ġenerali tal-akkordju kontenzjuż u b’hekk tikkorrobora l-interpretazzjoni tal-provi li għażlet sabiex tattribwixxi lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-komponenti ta’ ksur uniku u kontinwu marbut mas-STK.

521    Madankollu, hemm lok li jiġi osservat, kif għamlet ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma stabbilitx il-parteċipazzjoni ta’ AF f’wieħed minn dawn il-kuntatti, jiġifieri l-laqgħa uffiċjali tas-SCC tal-BAR fl-Indja deskritta fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, ir-rikorrenti ma tikkontestax li AF kienet mistiedna għall-imsemmija laqgħa, kif kienu l-membri kollha tas-SCC tal-BAR. Madankollu, il-fatt li t-trasportaturi inkwistjoni kellhom l-intenzjoni li jindirizzaw is-suġġett tas-STK ma’ AF fih innifsu jikkostitwixxi indikazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-komponenti tal-ksur uniku u kontinwu marbut mas-STK (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2012, GDF Suez vs Il‑Kummissjoni, T‑370/09, EU:T:2012:333, punt 226). Jirriżulta ukoll mill-elementi tal-fajl li kienet konxja mill-għan ta’ din il-laqgħa. Fil-fatt, fi tmiem il-laqgħa informali deskritta wkoll fl-imsemmija premessa u li fiha r-rikorrenti ma tikkontestax li pparteċipat AF, il-President tas-SCC tal-BAR kien ippropona li jorganizza laqgħa formali tas-SCC tal-BAR sabiex ikun jista’ jintlaħaq ftehim dwar is-STK bejn it-trasportaturi kkonċernati. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tqis, fil-kuntest ta’ firxa usa’ ta’ indizji, l-istedina ta’ AF għal din il-laqgħa sabiex tikkonkludi, fil-premessa 724 tal-imsemmija deċiżjoni, favur il-parteċipazzjoni tagħha fid-diskussjonijiet marbuta mat-TKS fi ħdan is-SCC tal-BAR fl-Indja.

522    Minn dan li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tinvoka l-kuntatti deskritti fil-premessi 146, 152 u 182 tad-deċiżjoni kkontestata kontra AF.

523    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kuntatti li r-rikorrenti tikkontesta n-natura antikompetittiva tagħhom, għandu jiġi osservat li dawn jinkludu laqgħa u diversi sejħiet telefoniċi. F’din il-laqgħa, li saret fid-19 ta’ Ottubru 2005 u li sar riferiment għaliha fil-premessa 530 tad-deċiżjoni kkontestata, AF u Lufthansa “żguraw ruħhom b’mod reċiproku dwar l-applikazzjoni konsistenti tas-sovrataxxi, qablu li l-ebda miżura unilaterali ulterjuri bħal-limitu massimu tas-STK minn AF ma tiġi ripetuta, u li l-ispedituri tal-merkanzija ma għandhomx jirċievu kommissjonijiet fuq is-sovrataxxi”. Għaldaqstant, in-natura antikompetittiva ta’ din il-laqgħa ma tistax tiġi kkontestata. Fir-risposta tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li l-laqgħa inkwistjoni kienet tifforma parti minn provi li setgħu jintużaw kontriha.

524    Għaldaqstant, il-kontestazzjoni tar-rikorrenti hija kkonċentrata fuq it-telefonati previsti fil-premessi 530 u 556 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, dawn it-telefonati saru fuq l-inizjattiva ta’ Lufthansa, għall-uniku skop li jsostni l-fajl ta’ klemenza tiegħu. Hija targumenta li dawn huma “kuntatti ta’ segwitu”, li ma indirizzawx suġġetti ġodda, iżda kienu maħsuba biss sabiex iżommu “rabta artifiċjali” ma’ AF. Barra minn hekk, hija ssostni li t-telefonati tal-21 ta’ Novembru 2005 previsti fil-premessa 556 tal-imsemmija deċiżjoni kienu ta’ żmien qasir ħafna u li huwa impossibbli li jiġi konkluż li kellhom bħala l-għan tagħhom skambju ta’ informazzjoni ta’ natura antikompetittiva, peress li AF kienet ħabbret tnaqqis fis-STK fl-istess jum.

525    L-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jista’ jiġi aċċettat.

526    Fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrenti li t-telefonati previsti fil-premessi 530 u 556 tad-deċiżjoni kkontestata kellhom l-għan ewlieni li tinżamm rabta artifiċjali ma’ AF sabiex jiġi sostnut il-fajl tal-immunità ta’ Lufthansa ma huwa fondat fuq l-ebda prova konkreta. Barra minn hekk, l-elementi tal-fajl għandhom it-tendenza li juru l-kuntrarju. Għalhekk, minn naħa waħda, it-telefonata prevista fil-premessa 530 tal-imsemmija deċiżjoni ssostitwixxiet il-laqgħa ta’ segwitu għal-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 2005, li l-karattru antikompetittiv tagħha huwa stabbilit (ara l-punt 523 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rreferiet għal diversi kuntatti oħra li kienu saru matul dak il-perijodu u li fihom kienet ipparteċipat AF (ara, b’mod partikolari, il-premessi 525 u 563). Min-naħa l-oħra, iż-żewġ telefonati previsti fil-premessa 556 tal-istess deċiżjoni saru fil-21 ta’ Novembru 2005, jiġifieri fl-istess jum tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa ta’ Lufthansa li tħabbar tnaqqis tas-STK u jumejn wara l-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 2005, li n-natura antikompetittiva tagħhom hija stabbilita (ara l-punt 523 hawn fuq).

527    Fit-tieni lok, it-telefonati msemmija fil-premessa 556 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jitwarrbu minħabba li huwa impossibbli li jiġi konkluż li kellhom bħala l-għan tagħhom skambju ta’ informazzjoni ta’ natura antikompetittiva. Fil-fatt, minbarra l-fatt li dawn it-telefonati saru fl-istess jum tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa ta’ Lufthansa li ħabbret tnaqqis fis-STK u jumejn wara l-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 2005, l-awtur tagħhom kien id-direttur ta’ Lufthansa għall-politika tal-prezzijiet, li fir-rigward tiegħu, ir-rikorrenti stess tirrikonoxxi li “kellu rwol ċentrali fil-prattiki fil-livell internazzjonali”. Barra minn hekk, dan l-impjegat ta’ Lufthansa kien diġà sejjaħ lil AF sabiex jiddiskuti s-sovrataxxi f’okkażjonijiet preċedenti (premessi 357, 525 u 552 tal-imsemmija deċiżjoni).

528    Fir-rigward tal-fatt li t-telefonati previsti fil-premessi 530 u 556 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jinvolvu lill-impjegati ta’ Lufthansa li allegatament kienu jafu li kienet qed titħejja applikazzjoni għall-immunità, għandu jiġi osservat, minn naħa, li din ma tnaqqasx min-natura antikompettitiva tagħhom. Min-naħa l-oħra, jekk jitwarrbu t-telefonati previsti fl-imsemmija premessi għal din ir-raġuni, jista’ jitpoġġa f’riskju l-effett utli tal-proċedura ta’ klemenza billi dan jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni provi miġbura bejn id-data li fiha impjegat ikkonċernat isir konxju mill-intenzjoni ta’ min iħaddmu li jitlob l-immunità u d-data tat-terminazzjoni tal-ksur.

529    Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li AF kienet ħabbret tnaqqis tas-STK fil-21 ta’ Novembru 2005 mhux talli ma tpoġġix f’dubju n-natura antikompetittiva tal-kuntatti previsti fil-premessa 556 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda għandha tendenza li tikkorroboraha. Fil-fatt, kif jirriżulta minn din il-premessa, l-istqarrija għall-istampa li Lufthansa bagħtet lil Lan Airlines fl-istess ġurnata, eżatt qabel ma ġiet ippubblikata, ukoll kienet tħabbar tnaqqis tas-STK.

530    Fit-tielet lok, kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma huwa bl-ebda mod neċessarju li kuntatt ikun jirrigwarda suġġett ġdid jew li jkun ta’ ċertu tul sabiex jintuża kontra impriża fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

531    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet fondata tinvoka kontra r-rikorrenti, it-telefonati previsti fil-premessi 530 u 556 tad-deċiżjoni kkontestata.

532    Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-Kummissjoni setgħet tuża kontra AF il-kuntatti previsti fil-premessi 137, 146, 152, 182, 530, 554, 556, 563 u 574 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda ma setgħetx tattribwixxi lilha dawk deskritti fil-premessi 140 sa 142 tal-imsemmija deċiżjoni.

533    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li huwa xieraq li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni setgħetx iżżomm lil AF responsabbli għall-ksur bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u d-19 ta’ Jannar 2001 u wara d-19 ta’ Ottubru 2005.

534    Fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u d-19 ta’ Jannar 2001, li matulu s-STK biss kienet fis-seħħ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha diversi provi li setgħet b’mod validu tuża kontra AF. Dawn kienu, fl-ewwel lok, l-iskambju bejn AF u Japan Airlines ta’ Diċembru 1999 (il-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata), fit-tieni lok, dikjarazzjoni tas-CPA rigward iż-żamma ta’ laqgħa fl-Indja “madwar Jannar tal-2000” (il-premessa 152 tal-imsemmija deċiżjoni), fit-tielet lok, il-minuti ta’ laqgħa tas-SCC tal-BAR tat-3 ta’ Frar 2000 (il-premessa 146 ta’ din id-deċiżjoni) u, fir-raba’ lok, il-minuti tal-laqgħa tal-ACCS tas-17 ta’ Jannar 2001 (il-premessa 182 tal-istess deċiżjoni). Il-perijodu li matulu l-Kummissjoni ma kinitx qed iżżomm kuntatt fil-konfront ta’ AF għalhekk beda fl-4 ta’ Frar 2000 u ntemm fis-17 ta’ Jannar 2001. Għalhekk dan il-perijodu jammontax għal “kważi sena u xahar u nofs”, iżda l-iktar l-iktar għal ħdax-il xahar u tlettax-il jum.

535    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, tali perijodu huwa twil biżżejjed sabiex ikun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-parteċipazzjoni ta’ AF fil-ksur uniku u kontinwu kinitx interrotta bejn l-4 ta’ Frar 2000 u s-17 ta’ Jannar 2001.

536    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-fatt li ma tressqitx il-prova diretta tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur inkwistjoni matul perijodu determinat ma jipprekludix li din il-parteċipazzjoni tkun ikkonstatata, ukoll matul dan il-perijodu, sakemm din il-konstatazzjoni tkun ibbażata fuq indizji oġġettivi u konkordanti (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Total Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

537    Il-fatt li, fil-każ ta’ ksur kumpless, l-impriża kkonċernata ma tipparteċipax f’kuntatt kollużiv wieħed jew aktar jew ma tindikax il-qbil tagħha mar-riżultati ta’ wieħed minnhom ma jfissirx li waqfet milli tipparteċipa fil-ksur inkwistjoni (sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Kaimer et vs Il‑Kummissjoni, T‑379/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:110, punt 66).

538    Għall-kuntrarju, it-tbegħid pubbliku jikkostitwixxi fatt importanti li jista’ jistabbilixxi l-waqfien ta’ aġir antikompetittiv. B’mod reċiproku, in-nuqqas ta’ tbegħid pubbliku jikkostitwixxi sitwazzjoni fattwali li l-Kummissjoni tista’ tinvoka sabiex tipprova t-tkomplija ta’ aġir antikompetittiv ta’ impriża. Madankollu, huwa biss element wieħed fost l-oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk impriża tkunx effettivament kompliet tipparteċipa f’reat jew, għall-kuntrarju, waqfet tagħmel dan. Ma huwiex suffiċjenti li l-konstatazzjoni ta’ parteċipazzjoni mhux interrotta tal-impriża kkonċernata tkun fondata meta, matul perijodu sinifikattiv, saru diversi kuntatti kollużivi fl-assenza tar-rappreżentanti tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija obbligata tipproduċi provi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Total Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punti 23 u 28).

539    Dawn il-provi jistgħu b’mod partikolari jkunu relatati man-natura tal-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il‑Kummissjoni, T‑113/07, EU:T:2011:343, punt 237), mal-funzjonament tal-akkordju kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias y Energía vs Il-Kummissjoni, T‑348/08, EU:T:2011:621, punti 243 u 244), mal-aġir tal-impriża kkonċernata fis-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑303/02, EU:T:2006:374, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il‑Kummissjoni, T‑113/07, EU:T:2011:343, punt 241); mar-reġistrazzjoni tal-aġir ikkonċernat fi ksur wieħed li jinkludi diversi komponenti oħra, jew mal-effetti prodotti mill-imsemmi aġir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il‑Kummissjoni, T‑113/07, EU:T:2011:343, punti 242 u 245).

540    Fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li, “[tal-]inqas mill-aħħar tal-1999, l-introduzzjoni tas-STK, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi tas-STK u l-introduzzjoni ta’ emendi għal dawn tal-aħħar [kienu] s-suġġett ta’ koordinazzjoni bejn bosta mit-[trasportaturi implikati]”. Fil-premessi 133 sa 153 tal-istess deċiżjoni, hija ddeskriviet il-provi intiżi li juru li, bejn il-bidu ta’ Diċembru 1999 u Frar jew Marzu tal-2000, diversi trasportaturi, fosthom AF, kienu involuti f’kuntatti bil-ħsieb li tiġi stabbilita s-STK fil-livell ċentrali fil-bidu tal-2000 u li tiġi implimentata fil-livell lokali. Dan huwa l-kuntest li jaqgħu taħtu l-kuntatti previsti fil-premessi 136, 137, 146 u 152 ta’ din id-deċiżjoni, li l-Kummissjoni użat kontra AF.

541    Fil-premessa 884 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, madankollu, enfasizzat li “l-frekwenza tal-kuntatt bejn it-trasportaturi [kienet] var[jat] matul iż-żmien”. Hija kkonstatat li l-kuntatti relatati mas-STK kienu “partikolarment frekwenti meta l-indizji tal-karburant kienu qed joqorbu lejn livell li jista’ jwassal għal żieda jew tnaqqis, iżda [setgħu] kienu inqas frekwenti f’mumenti oħra”.

542    Madankollu, ladarba s-STK ġiet introdotta fil-bidu tal-2000, kien biss, kif jidher mill-premessi 157 sa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sajf tal-2000 li l-prezz tal-karburant kien żdied biżżejjed sabiex iwassal lit-trasportaturi biex jibdew, f’Settembru u f’Ottubru tal-istess sena, diskussjonijiet dwar iż-żieda jew l-istabbiliment tas-STK, għat-trasportaturi li kienu għadhom ma għamlux dan. Madankollu, il-provi deskritti fl-imsemmija premessi isemmu biss numru żgħir ta’ kuntatti, li proporzjon sinifikattiv minnhom ħadu forma bilaterali.

543    Huwa biss, kif jidher mill-premessi 166 sa 183 tad-deċiżjoni kkontestata, meta Lufthansa ħabbret tnaqqis fis-STK fil-bidu tas-sena 2001, li saru kuntatti aktar frekwenti u multilaterali bejn it-trasportaturi implikati dwar is-STK. Madankollu, AF kienet fost dawn it-trasportaturi u r-rikorrenti la tistabbilixxi u lanqas ma tallega li AF sadanittant kienet tbiegħdet pubblikament mill-ksur uniku u kontinwu bejn l-4 ta’ Frar 2000 u s-17 ta’ Jannar 2001. Hija lanqas ma ssostni li, matul dan il-perijodu, AF kienet issoktat b’aġir ta’ kompetizzjoni leali u indipendenti fis-suq inkwistjoni u lanqas ma tikkontesta li l-effetti tal-koordinazzjoni relatata mas-STK komplew matul il-perijodu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball, iżżomm lil AF responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu matul l-imsemmi perijodu.

544    Fir-rigward tal-perijodu ta’ wara d-19 ta’ Ottubru 2005, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kellha diversi provi li setgħet tuża kontra AF. Dawn huma, f’dak li għandu x’jaqsam mas-STK, is-sejħa telefonika ma’ Lufthansa fl-aħħar ta’ Novembru 2005 (premessa 530 tad-deċiżjoni kkontestata), il-posta elettronika lill-Japan Airlines tal-15 ta’ Novembru 2005 (il-premessa 554 tal-imsemmija deċiżjoni), it-telefonati ma’ Lufthansa tal-21 ta’ Novembru 2005 (il-premessa 556 ta’ dik id-deċiżjoni) u posta elettronika skambjata bejn it-28 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru 2005 u s-6 u s-7 ta’ Frar 2006 (il-premessi 563 u 574 tal-istess deċiżjoni).

545    Għall-kuntrarju, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif tirreleva r-rikorrenti, l-ebda prova li għandha l-Kummissjoni dwar is-STS u r-rifjut tal-ħlas tal-kommissjonijiet ma hija wara d-19 ta’ Ottubru 2005 u l-14 ta’ Ottubru 2005, rispettivament. L-aħħar provi li l-Kummissjoni invokat kontra AF immorru lura għall-14 ta’ Ottubru 2005 għar-rifjut tal-ħlas tal-kummissjonijiet (il-premessa 697 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tas-STS, il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda kuntatt konkret li fih AF ipparteċipat fl-2005, minkejja li indikat fil-premessa 639 tal-imsemmija deċiżjoni, li d-direttur tal-bejgħ ta’ Lufthansa għall-Belġju, Franza, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Konfederazzjoni Żvizzera minn Jannar 2005 kien irrapporta li ltaqa’ ma’ impjegat tar-rikorrenti rigward il-limitu massimu tas-STS.

546    Madankollu, għandu jiġi osservat li ir-rikorrenti minn dan kollu ma jislet l-ebda konsegwenza partikolari fl-atti tiegħu. Sa fejn hija ssostni li waqfet tipparteċipa fil-komponenti tal-ksur uniku u kontinwu relatat mas-STS u r-rifjut tal-ħlas ta’ kummissjonijiet wara l-14 ta’ Ottubru jew id-19 ta’ Ottubru 2005, hemm lok li jiġi osservat li hija wettqet żball. L-ewwel nett, qabelxejn, AF kompliet tipparteċipa fil-komponenti tal-imsemmi ksur relatat mas-STK wara d-19 ta’ Ottubru 2005 (ara l-punti 544 u 545 hawn fuq) u ma tallegax li hija injorat il-fatt li t-trasportaturi implikati l-oħra komplew jikkoordinaw dwar is-STS u r-rifjut li jħallsu kummissjonijiet wara dik l-aħħar imsemmija data. Sussegwentement, ir-rikorrenti ma pproduċietx l-inqas prova li turi, min-naħa ta’ AF, it-tkomplija ta’ aġir ta’ kompetizzjoni leali u indipendenti fis-suq inkwistjoni jew rieda ddikjarata li titbiegħed mill-komponenti tal-ksur uniku u kontinwu relatat mas-STS u mar-rifjut tal-pagamenti tal-Kummissjoni wara d-19 ta’ Ottubru 2005. Hija lanqas ma tikkontesta li l-effetti ta’ dawn il-komponenti baqgħu jippersistu wara dik id-data. Fl-aħħar, l-implimentazzjoni tas-STS u tar-rifjut tal-ħlas tal-kummissjonijiet kienu jeħtieġu kuntatti li kienu sinjifikattivament inqas frekwenti mill-implimentazzjoni tas-STK. Fil-fatt, għall-kuntrarju tas-STK, is-STS ma kinitx ibbażata fuq indiċi, li l-evoluzzjoni tiegħu kienet teħtieġ aġġustamenti regolari. Dan jispjega li, ladarba ġiet introdotta fl-aħħar tal-2001, din kienet is-suġġett ta’ kuntatti okkażjonali biss bejn it-trasportaturi rigward l-implimentazzjoni tagħha (ara l-premessa 579 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tar-rifjut tal-ħlas tal-kummissjonijiet, dan kien jikkonsisti sempliċement fir-rifjut li jingħataw skontijiet lill-ispedituri tal-merkanzija u għalhekk ma kienx jeħtieġ aġġustamenti regolari bħas-STK. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tiddeduċi mill-provi disponibbli għaliha li l-parteċipazzjoni ta’ AF fil-komponenti ta’ dan il-ksur fis-STS u fir-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet ma kinitx intemmet f’Ottubru tal-2005.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha.

3)      Air France-KLM għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll żewġ terzi ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Spielmann

 

      Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Marzu 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.


2      Data kunfidenzjali moħbija.