Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta' April 2009 mid-digriet mogħti fit-18 ta' Frar 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-42/08, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-157/09 P)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellant

tannulla, fit-totalità tiegħu, u mingħajr ebda eċċezzjoni, id-digriet tat-18 ta' Frar 2009, mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla) fil-Kawża F-42/08, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (iktar 'il quddiem, il-"kawża inkwistjoni") ;

tiddikjara li r-rikors fl-ewwel istanza, li fil-kuntest tiegħu ngħata d-digriet ikkontestat, kien perfettament ammissibbli; u, barra minn hekk,

Prinċipalment :

tilqa' fit-totalità tagħha u mingħajr ebda eċċezzjoni t-talba tal-appellant fir-rikors fl-ewwel istanza, li għandha tinftiehem bħala li ġiet espressament riprodotta għall-effetti legali kollha;

tordna lill-appellata tikkumpensa lill-appellant għall-ispejjeż kollha sostnuti minnu kemm fl-istadju tal-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju tal-proċedura tal-appell preżenti; jew

Sussidjarjament :

tirrinvija l-kawża preżenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, diversament kompost, sabiex jiddeċiedi din il-kawża mill-ġdid.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell preżenti huwa dirett kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-18 ta' Frar 2009, li jiċħad bħala manifestament inammissibbli r-rikors ippreżentat mill-appellant u li għandu bħala suġġett talba għal kumpens għad-dannu allegatament subit minnu, meta l-Kummissjoni bagħtitlu nota fuq numru ta' faks li għaliha huwa ma kellux aċċess.

Insostenn tat-talbiet tiegħu, l-appellant isostni nuqqas assolut ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda:

l-inammissibbiltà tat-talba għal kumpens għad-dannu;

l-inammissibbiltà tat-talbiet intiżi, fost oħrajn, sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku "jivverifika l-illegalità tal-fatt li wassal għad-dannu inkwistjoni";

id-data tal-preżentata tar-risposta; fuq dan il-punt huwa invokat vizzju tal-proċedura, tat-tip li jippreġudika l-interessi tal-appellant, minħabba n-nuqqas ta' rispett tal-obbligu li ma jiġix ikkunsidrat il-kontenut tar-risposta fil-każ li din tkun ġiet ippreżentata tard.

L-appellant isostni wkoll il-ksur tar-regoli ta' smigħ xieraq, tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________