Language of document :

Appell ippreżentat fit-12 ta' April 2010 minn V mis-sentenza mogħtija fil-21 ta' Ottubru 2010 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-33/09, V vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-510/09 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: V (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: E. Boigelot, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat u, konsegwentement,

tannulla s-sentenza appellata mogħtija fil-21 ta' Ottubru 2009 mill-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża F-33/08, u nnotifikata lill-appellanti fis-26 ta' Ottubru 2009, li biha hija tiċħad bħala infondat ir-rikors tal-appellanti intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-15 ta' Mejju 2007 li biha l-Kummissjoni informatha li hija ma ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet ta' kapaċità fiżika meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha u għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallasha d-danni għad-dannu li hija tallega li subiet ;

tilqa' t-talbiet tal-appellanti li hija ressqet quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan l-appell, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP), tal-21 ta' Ottubru 2009, mogħija fil-kawża V vs Il-Kummissjoni, F-33/08, li tiċħad ir-rikors li għandu bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma timpjegax lill-appellanti għar-raġuni li hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta' kapaċità fiżika meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet, kif ukoll talba għad-danni.

In sostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tressaq tliet aggravji bbażati fuq żbalji ta' liġi, fuq żnaturament tal-provi fil-proċess, kif ukoll fuq motivazzjoni żbaljata u insuffiċjenti.

Fl-ewwel lok, l-appellanti tikkontesta s-sentenza appellata sa fejn it-Tribunal qies li ma kienx ġie stabbilit li l-irregolarità relatata mal-intervent tat-tabib K kienet influwenzat il-passi proċedurali li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Fit-tieni lok, l-appellanti tqis l-TSP kiser l-obbligu ta' osservanza tas-sigriet mediku u d-dritt tal-pażjent, bħala individwu, għall-osservanza tiegħu, sa fejn huwa qies li l-invokazzjoni ta' dan il-prinċipju mill-appellanti kienet timpedixxih milli jeżerċita l-istħarriġ tiegħu tal-legalità tal-opinjoni ta' inkapaċità maħruġa mill-Kummissjoni Medika.

Fit-tielet lok, l-appellanti tqis li r-raġunament tal-TSP kien ivvizzjat minn nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta' inklużjoni tal-President tal-Kummissjoni Medika fil-lista tal-Kunsill Mediku Belġjan.

____________