Language of document : ECLI:EU:C:2022:363

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑5 ta’ Mejju 2022 (1)

Kawża C57/21

RegioJet a. s.

fil-preżenza ta’

České dráhy a.s.,

Česká republika, Ministerstvo dopravy

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prattiki antikompetittivi – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Azzjonijiet għad-danni fid-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea – Talba għall-produzzjoni ta’ provi għall-finijiet tal-azzjoni għad-danni – Proċeduri pendenti quddiem il-Kummissjoni Ewropea – Sospensjoni tal-proċeduri nazzjonali li jirrigwardaw din l-azzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Filwaqt li jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ diskrepanza fl-informazzjoni fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-kamp privat, il-leġiżlatur tal-Unjoni armonizza, permezz tad-Direttiva 2014/104/UE (2), ir-regoli fil-qasam tal-produzzjoni tal-provi mitluba għall-finijiet tal-azzjonijiet għad-danni.

2.        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi r-regoli li, flimkien, jifformaw sistema ġenerali f’dan il-qasam. B’żieda ma’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi r-regoli speċifiċi li jirrigwardaw il-produzzjoni ta’ provi li jinsabu fil-fajls tal-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-kamp pubbliku.

3.        Għalkemm l-interpretazzjoni tar-regoli msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/104 diġà kienet is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (3), min-naħa l-oħra, din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippronunzja ruħha fuq l-interpretazzjoni tar-regoli msemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

4.        Fil-fatt, id-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju saru fil-kuntest iktar wiesa’ ta’ proċedura li tirrigwarda azzjoni għall-kumpens tal-allegat dannu li sofriet RegioJet minħabba l-aġir tal-kumpannija České dráhy a.s., li jaffettwa s-suq ferrovjarju u jikser ir-regoli tal‑kompetizzjoni. F’dan il-kuntest, għalkemm l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, hija tikkonċerna, essenzjalment, il-problema tar-rabta bejn l-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-kamp privat u l-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt fil-kamp pubbliku. Għal dak li jirrigwarda l-erba’ domandi li ġejjin magħmulin mill-qorti tar-rinviju, dawn jirrigwardaw speċifikament l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        L-Artikolu 5(1) u (8) tad-Direttiva 2014/104 jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti relatati ma’ azzjoni għal danni fl-Unjoni fuq talba ta’ attur li jkun ippreżenta ġustifikazzjoni raġunata li tkun tinkludi fatti u evidenza disponibbli b’mod raġonevoli suffiċjenti biex isostnu l-plawsibbiltà tal-pretensjoni tiegħu għad-danni, il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw lill-konvenut jew lil parti terza biex jiddivulgaw evidenza rilevanti li huma jkunu jikkontrollaw, soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu, fuq talba tal-konvenut, jordnaw lill-attur jew lil parti terza biex jiddivulgaw l-evidenza rilevanti.

[…]

8.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 7 u għall-Artikolu 6, dan l-Artikolu ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli jkollhom jew jintroduċu regoli li jwasslu għal divulgazzjoni akbar ta’ evidenza.”

6.        L-Artikolu 6(5)(a) u (9) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“5.      Il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni tal-kategoriji ta’ evidenza li ġejjin biss wara li awtorità tal-kompetizzjoni, bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’mod ieħor, tkun temmet il-proċedimenti tagħha:

a)      informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni;

[…]

9.      Id-divulgazzjoni tal-evidenza fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni li ma taqax taħt waħda mill-kategoriji elenkati f’dan l-Artikolu tista’ tiġi ordnata f’azzjonijiet għal danni fi kwalunkwe mument, mingħajr preġudizzju għal dan l-Artikolu.”

B.      Iddritt Ċek

1.      Izzákon č. 143/2001

7.        Iz-zákon č. 143/2001 Sb. o ochraně hospodářské soutěže (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni), tal‑4 ta’ April 2001, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 143/2001”), tipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tagħha li hija “tiżgura l-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi […] kontra kull prattika li tipprekludi, tillimita, twassal għal distorsjoni jew thedded il-kompetizzjoni”.

8.        L-Artikolu 21ca(2) tal-Liġi Nru 143/2001 jipprovdi, essenzjalment, li d-dokumenti u l-informazzjoni ppreparata u prodotta għall-finijiet ta’ proċedura amministrattiva pendenti quddiem l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jingħataw lill-awtoritajiet pubbliċi biss wara l-għeluq tal-investigazzjoni jew wara d-deċiżjoni finali tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fuq l-għeluq tal-proċedura amministrattiva.

2.      Izzákon č. 262/2017

9.        Iz-zákon č. 262/2017  Sb., o náhradě škody v oblasti hospodářské soutěže (il-Liġi Nru 262/2017 dwar id-Danni fil-Qasam tal-Kompetizzjoni), tal-20 ta’ Lulju 2017, tittrasponi d-Direttiva 2014/104 fl-ordinament ġuridiku Ċek.

10.      L-Artikolu 2(2)(c) ta’ din il-liġi jipprovdi li jikkostitwixxu informazzjoni kunfidenzjali protetta b’obbligu ta’ kunfidenzjalità, b’mod partikolari, id-dokumenti ġustifikattivi u l-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta espressament għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva quddiem l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

11.      L-Artikolu 15(4) tal-imsemmija liġi jipprovdi li l-obbligu li wieħed jipproduċi informazzjoni kunfidenzjali, imsemmi fl-Artikolu 2(2)(c) ta’ din il-liġi, jista’ jiġi impost biss, l-iktar kmieni, wara li tkun saret definittiva d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li tikkonċerna l-għeluq tal-proċedura amministrattiva.

12.      L-Artikolu 16(1)(c) tal-istess liġi jipprovdi, essenzjalment, li f’każ ta’ talba għall-aċċess għad-dokumenti li jkun fihom informazzjoni kunfidenzjali u li jkunu jinsabu fil-fajl tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, il-president tal-awla għandu jeżamina jekk il-produzzjoni tagħhom tippreġudikax l-applikazzjoni effikaċi tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Skont l-Artikolu 16(3) ta’ din il-liġi, id-dokumenti li jkun fihom l-informazzjoni kunfidenzjali jistgħu jiġu prodotti biss wara l-għeluq tal-investigazzjoni jew wara d-deċiżjoni definittiva tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni dwar l-għeluq tal-proċedura amministrattiva.

III. Ilfatti u lproċedura filkawża prinċipali

13.      Fil‑25 ta’ Jannar 2012, l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže (l-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, iktar ’il quddiem l-“awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka”) fetaħ ex officio proċedura amministrattiva li tirrigwarda l-possibbiltà ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti mwettaq minn České dráhy.

14.      Fil‑25 ta’ Novembru 2015 (4), RegioJet ressqet azzjoni għad-danni quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), intiża għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni kkaġunati minħabba l-allegat aġir li jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni ta’ České dráhy.

15.      Fl‑10 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (5), fil-Każ Nru AT.40156 – Czech Rail.

16.      Fl‑14 ta’ Novembru 2016, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ssospendiet il-proċedura amministrattiva tagħha billi kkunsidrat li l-proċedura tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda, minn perspettiva materjali, l-istess aġir li kien is-suġġett tal-eżami tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

17.      Fil‑11 ta’ Ottubru 2017, RegioJet ippreżentat, quddiem il-qorti nazzjonali, talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti, skont l-Artikoli 10 et seq. kif ukoll l-Artikolu 18 tal-Liġi Nru 262/2017, tal‑20 ta’ Lulju 2017, għall-finijiet tal-azzjoni għad-danni. Din it-talba kienet intiża għall-produzzjoni, b’mod partikolari, ta’ dokumenti li RegioJet ippreżumiet li kienu fil-pussess ta’ České dráhy, jiġifieri, b’mod partikolari, rendikonti maqsumin f’partiti u rendikonti li jirrigwardaw it-trasport pubbliku ferrovjarju u l-kontabbiltà tas-settur kummerċjali ta’ din il-kumpannija.

18.      Filwaqt li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 21ca(2) tal-Liġi Nru 143/2001, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka indikat li d-dokumenti mitluba li hija kellha fil-pussess tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva tagħha ma setgħux jiġu prodotti, u dan sal-għeluq definittiv tal-proċedura amministrattiva kkonċernata fil-mertu. Barra minn hekk, hija indikat li d-dokumenti l-oħra mitluba kienu jaqgħu taħt il-kategorija tad-dokumenti li jikkostitwixxu ġabra koerenti ta’ dokumenti u rrifjutat li tipproduċihom, minħabba li dan seta’ jnaqqas l-effikaċità tal-politika tal-prosekuzzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

19.      Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-qorti adita bit-talba għall-produzzjoni ta’ provi, il-Kummissjoni enfasizzat, f’ittra tas‑26 ta’ Frar 2018, li meta tiddeċiedi fuq il-produzzjoni tal-provi, il-qorti jkollha, fl-interess tal-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-partijiet kollha fil-proċedura u ta’ dawk tat-terzi persuni, tapplika b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità u tadotta l-miżuri intiżi li jipproteġu tali informazzjoni. Hija rrakkomandat is-sospensjoni tal-proċedura fil-mertu dwar l-azzjoni għad-danni.

20.      Permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Marzu 2018, il-qorti tal-ewwel istanza ordnat lil České dráhy tipproduċi, billi ddaħħal fil-proċess, ġabra ta’ dokumenti li kien fihom, minn naħa, informazzjoni espressament ippreparata minn din il-kumpannija għall-finijiet ta’ proċedura quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni ppreparata u maħżuna b’mod obbligatorju barra mill-kuntest ta’ din il-proċedura, bħalma huma r-rendikonti tal-linji tal-ferroviji, ir-rendikonti trimestrali fuq it-trasport pubbliku ferrovjarju, kif ukoll il-lista tal-linji operati minn České dráhy. Għall-kuntrarju, din il-qorti ċaħdet it-talbiet ta’ RegioJet intiżi li jiksbu, minn naħa, il-produzzjoni tal-kontabbiltà tas-settur kummerċjali ta’ České dráhy, inkluż il-kodiċi ta’ korrispondenza skont il-linja u t-tip ta’ ferrovija u, min-naħa l-oħra, il-produzzjoni tal-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi ta’ České dráhy, għax-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2011.

21.      Fid‑19 ta’ Diċembru 2018, il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li tissospendi l-proċedura fil-mertu dwar l-azzjoni għad-danni sal-għeluq tal-proċedura fir-rigward tal-prattiki antikompetittivi mibdija mill-Kummissjoni kontra České dráhy fl‑10 ta’ Novembru 2016. Fil-fatt, skont l-Artikolu 27(1) tal-Liġi Nru 262/2017, tal‑20 ta’ Lulju 2017, fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda azzjoni għad-danni, il-qorti hija marbuta bid-deċiżjoni ta’ qorti oħra, tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka u tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni u dwar l-identità tal-awtur tagħha. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali timponi, hija wkoll, l-obbligu fuq il-qorti biex tissospendi l-proċedura ċivili għad-danni peress li tkun qiegħda tiġi deċiża, fi proċedura oħra, kwistjoni li minnha tiddependi d-deċiżjoni tal-qorti u li l-qorti ma jkollhiex kompetenza taqta’ fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

22.      Permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Novembru 2019, il-Vrchní soud v Praze (il-Qorti Superjuri ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), bħala qorti tal-appell, ikkonfermat id-digriet tal‑14 ta’ Marzu 2018 u, sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-provi prodotti, adottat il-miżuri li jikkonsistu filli tqiegħed lill-imsemmija provi taħt l-awtorità tagħha u tipproduċihom biss lill-partijiet, lir-rappreżentanti tagħhom u lill-esperti, u dan, f’kull każ, dejjem fuq il-bażi ta’ talba bil-miktub motivata u wara approvazzjoni minn qabel tal-qorti adita bil-kawża skont it-tqassim tax-xogħol.

23.      České dráhy ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra dan id-digriet quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju.

IV.    Ittalba għal deċiżjoni preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

24.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2020, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2021, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Approċċ li jikkonsisti f’li qorti tiddeċiedi li tordna l-iżvelar tal-provi anki jekk il-Kummissjoni fl-istess waqt tmexxi proċedura bil-għan li tagħti deċiżjoni bis-saħħa tal-Kapitolu III tar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003] [(6)], fejn b’riżultat ta’ dan il-qorti fuq din il-bażi tissospendi l-proċeduri għal kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa konformi mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 2014/104/UE]?

2)      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(5)(a) u tal-Artikolu 6(9) tad-Direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-iżvelar ta’ kull informazzjoni li tkun ġiet sottomessa fil-kuntest ta’ proċedura fuq talba tal-awtorità tal-kompetizzjoni [Ċeka], u dan ukoll meta jirrigwarda informazzjoni li parti fil-proċedura għandha obbligu tipprepara u taħżen (jew tippreparaha u taħżinha) fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet legali oħra irrispettivament mill-proċedura ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni?

3)      Sitwazzjoni fejn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ssospendiet il-proċedura immedjatament wara li l-Kummissjoni ressqet proċedura bil-għan li tagħti deċiżjoni bis-saħħa tal-Kapitolu III tar-Regolament [Nru 1/2003] ukoll tista’ titqies bħala ‘mod ieħor’ ta’ kif tintemm il-proċedura fis-sens tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva?

4)      Fid-dawl tal-funzjonijiet u tal-għanijiet tad-Direttiva, approċċ adottat mill-qorti nazzjonali li tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 6(7) tad-Direttiva b’analoġija għal tali kategoriji ta’ informazzjoni bħall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(5) tad-Direttiva, jiġifieri li tiddeċiedi dwar l-iżvelar tal-provi dejjem sakemm il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri istruttorji jinkludux informazzjoni li persuna fiżika jew ġuridika ppreparat speċifikament għall-ħtiġijiet tal-proċedura mmexxija mill-awtorità tal-kompetizzjoni (fis-sens tal-Artikolu 6(5)[(a)] tad-Direttiva), tiġi eżaminata mill-qorti wara li dawn il-provi jkunu ġew prodotti quddiemha, huwa konformi mal-Artikolu 5(1) flimkien mal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva?

5)      Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva [2014/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri effettivi ta’ protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali adottati mill-qorti jistgħu jwasslu twassal għall-esklużjoni tar-rikorrent jew ta’ partijiet oħra fil-proċedura u r-rappreżentanti tagħhom mill-aċċess għall-provi żvelati qabel l-għoti ta’ deċiżjoni definittiva mill-qorti dwar jekk il-provi żvelati jew parti minnhom jaqgħux taħt il-kategorija ta’ provi konformement mal-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva?”

25.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Elleniku u Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni. České dráhy u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fit‑3 ta’ Frar 2022.

V.      Analiżi

26.      Biex tkun tista’ tingħata risposta utli għad-domandi preliminari (Taqsima C), jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi eżaminat jekk dawn humiex ammissibbli fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba mill-qorti tar-rinviju (Taqsima A) u, fit-tieni lok, li jsiru xi kummenti fuq is-sistema tal-produzzjoni tal-provi li tinsab fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni (Taqsima B).

A.      Fuq lapplikabbiltà ratione temporis tadDirettiva 2014/104

27.      Għalkemm id-Direttiva 2014/104, fuq livell testwali, ma tagħmilx distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet sostantivi u d-dispożizzjonijiet proċedurali (7), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li din id-direttiva fiha dispożizzjoni speċjali, jiġifieri l-Artikolu 22 tagħha, li tistabbilixxi b’mod espliċitu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet proċedurali u sostantivi (8).

28.      Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis huma differenti għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet. Biex tingħata deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/104 fil-proċedura fil-kawża prinċipali, jeħtieġ għaldaqstant li jiġi stabbilit jekk l-Artikoli 5 u 6 tagħha humiex dispożizzjonijiet proċedurali jew dispożizzjonijiet sostantivi.

29.      Fil-qosor, ir-regoli sostantivi jiddeterminaw l-eżistenza u l-portata tar-responsabbiltà tal-persuni implikati fil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, filwaqt li r-regoli proċedurali jiddeterminaw l-iżvolġiment ta’ proċedura. Dawn tal-aħħar ma jitilfux in-natura proċedurali tagħhom minħabba l-fatt li l-applikazzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda azzjoni għad-danni jista’ jkollha effett fuq id-determinazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà fi tmiem din il-proċedura (9). F’din il-loġika, kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PACCAR (10), anki jekk l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2014/104 jidhru li jagħtu drittijiet lill-individwi, dawn id-drittijiet jistgħu madankollu jiġu eżerċitati biss fil-kuntest ta’ proċedura quddiem qorti nazzjonali u jirrigwardaw, essenzjalment, miżuri proċedurali li jippermettu lil din il-qorti li tistabbilixxi l-fatti li jinvokaw il-partijiet fil-proċedura. Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva huma għaldaqstant stabbiliti fl-Artikolu 22(2) tagħha.

30.      Skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri kellhom jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali adottata sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ din id-direttiva ma kinitx tapplika għal azzjonijiet għad-danni mressqa quddiem qorti qabel is‑26 ta’ Diċembru 2014. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta, a contrario, li l-Istati Membri kellhom setgħa diskrezzjonali biex jiddeċiedu, waqt it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jekk ir-regoli nazzjonali intiżi li jittrasponu d-dispożizzjonijiet proċedurali tal-imsemmija direttiva japplikawx għall-azzjonijiet għad-danni mibdija wara s‑26 ta’ Diċembru 2014, imma qabel d-data tat-traspożizzjoni tal-istess direttiva jew ukoll għal dawk mibdija, l-iktar tard qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, jiġifieri qabel is‑27 ta’ Diċembru 2016 (11).

31.      F’dan ir-rigward, nirrileva, minn banda, li l-appell ta’ kassazzjoni ġie ppreżentat kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati tal-ewwel u tat-tieni istanza dwar it-talba għall-produzzjoni tal-provi ppreżentata minn RegioJet fil‑11 ta’ Ottubru 2017, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/104 fl-ordinament ġuridiku Ċek.

32.      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-persuni kkonċernati, l-azzjoni għad-danni li għall-finijiet tagħha tressqet it-talba għall-produzzjoni tal-provi ġiet ippreżentata fil‑25 ta’ Novembru 2015, jiġifieri qabel id-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104. Madankollu, mil-Liġi Nru 262/2017, tal‑20 ta’ Lulju 2017, jirriżulta li l-leġiżlatur Ċek iddeċieda li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ din id-direttiva japplikaw, b’mod dirett u inkundizzjonat, ukoll għall-azzjonijiet ippreżentati qabel din id-data ta’ traspożizzjoni (12).

33.      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2014/104 huma rilevanti għall-proċedura prinċipali.

34.      Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li l-azzjoni għad-danni inkwistjoni tidher li tirrigwarda l-aġir li seħħ qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/104. Fil-fatt, l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva jipprekludi biss l-applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-dispożizzjonijiet sostantivi tagħha. Issa, l-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmija direttiva huma ta’ natura proċedurali.

35.      L-imsemmija kunsiderazzjoni lanqas ma hija invalidata mill-fatt li l-provi li l-produzzjoni tagħhom ġiet mitluba f’din il-kawża jinsabu fil-fajl tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka, li fetħet il-proċedura tagħha fil‑25 ta’ Jannar 2012. Fil-fatt, meta jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet proċedurali, l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104 jagħmel riferiment mhux għad-data tal-ftuħ ta’ proċedura minn awtorità tal-kompetizzjoni, li l-interess tagħha huwa protett skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, imma għad-data li fiha tiġi adita l-qorti nazzjonali b’azzjoni għad-danni. B’dan il-mod, bil-fatt li tiffoka fuq il-proċedura tal-qorti nazzjonali, din id-dispożizzjoni tiddelimita s-setgħat ta’ dik il-qorti fir-rigward tal-produzzjoni tal-provi li jkunu jinsabu fil-fajl tal-awtorità tal-kompetizzjoni.

36.      Għaldaqstant, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2014/104 ma għandha manifestament ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Minn dan isegwi li d-domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huma ammissibbli.

B.      Fuq ilproduzzjoni talprovi li jinsabu filfajl ta’ awtorità talkompetizzjoni

37.      Kif fakkart fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/104 jistabbilixxi regoli ta’ natura ġenerali fil-qasam tal-produzzjoni tal-provi, filwaqt li l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jissupplimenta din is-sistema ġenerali b’regoli li jikkonċernaw speċifikament il-produzzjoni ta’ provi li jkunu jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni.

38.      Din l-aħħar dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn diversi kategoriji ta’ provi, b’mod partikolari:

–        għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-informazzjoni mħejjija minn persuna fiżika jew ġuridika, speċifikament għall-finijiet ta’ proċedura mibdija minn awtorità tal-kompetizzjoni, l-informazzjoni stabbilita mill-awtorità tal-kompetizzjoni u mibgħuta lill-partijiet matul il-proċedura tagħha kif ukoll il-proposti ta’ tranżazzjoni li ġew irtirati, l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104 jipprovdi li l-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw il-produzzjoni tagħhom biss meta l-awtorità tal-kompetizzjoni, bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’mod ieħor, tkun temmet il-proċedura tagħha (din il-lista ta’ provi ser tissemma iktar ’il quddiem il-“lista griża”);

–        għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-dikjarazzjonijiet magħmula sabiex tinkiseb il-klemenza u l-proposti ta’ tranżazzjoni għall-azzjonijiet għad-danni, l-Artikolu 6(6) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali ma jkunux jistgħu fi kwalunkwe mument jordnaw il-produzzjoni tagħhom (din il-lista ta’ provi ser tissejjaħ iktar ’il quddiem il-“lista sewda”), u

–        għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-provi li joriġinaw mill-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, li ma jaqgħu taħt ebda waħda mill-kategoriji preċedentement elenkati fl-Artikolu 6, il-paragrafu 9 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-produzzjoni tagħhom tista’ tiġi ordnata f’azzjonijiet għad-danni fi kwalunkwe mument, mingħajr preġudizzju għal dan l-artikolu (din il-lista ta’ provi ser tissejjaħ iktar ’il quddiem il-“lista bajda”).

39.      Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-produzzjoni ta’ provi li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji, id-Direttiva 2014/104 tipprovdi mekkaniżmu ta’ bbilanċjar tal-interessi involuti, jiġifieri dawk tal-vittmi ta’ ksur, dawk tal-awturi tal-ksur, dawk tat-terzi persuni u dawk tal-isfera pubblika waqt l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, taħt il-kontroll strett tal-qrati nazzjonali, speċjalment għal dak li jikkonċerna r-rilevanza tal-provi mitluba kif ukoll in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżuri li jirrigwardaw il-produzzjoni tagħhom (13). Għal dan il-għan, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-kriterji li jirrigwardaw l-eżerċizzju ta’ dan il-kontroll, issupplimentati b’dawk stabbiliti fl-Artikolu 6 tagħha.

40.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kummenti li jeħtieġ li jiġu eżaminati d-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju.

C.      Fuq iddomandi preliminari

1.      Fuq lewwel domanda preliminari

41.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 jipprekludix li qorti nazzjonali tordna l-produzzjoni tal-provi għall-finijiet ta’ proċedura li tirrigwarda l-azzjoni għad-danni fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, minkejja li l-proċedura li tikkonċerna dan il-ksur tkun pendenti quddiem il-Kummissjoni, bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 li jkollha bħala konsegwenza s-sospensjoni ta’ din il-proċedura nazzjonali.

42.      Biex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li tiġi ċċarata l-pożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tas-sospensjoni minn qorti nazzjonali ta’ proċedura pendenti quddiemha, minħabba l-ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura li tirrigwarda l-azzjoni għad-danni. Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix qorti nazzjonali milli tordna l-produzzjoni ta’ provi għall-finijiet ta’ proċedura li tirrigwarda azzjoni għad-danni (14).

a)      Fuq issospensjoni ta’ proċedura li tirrigwarda azzjoni għaddanni

43.      Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, il-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni jneħħi l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri biex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE għal dak li jikkonċerna l-istess ksur. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, qorti nazzjonali adita b’azzjoni għad-danni ma titlifx awtomatikament, minħabba l-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni, il-kompetenza tagħha biex tapplika l-Artikoli 101 u 102 TFUE u biex tiddeċiedi fuq il-ksur eżaminat minn din il-istituzzjoni. Barra minn hekk, din il-qorti ma hijiex obbligata tissospendi l-proċedura tagħha.

44.      Fil-fatt, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li “[m]eta l-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. [Fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni, il-qrati nazzjonali] jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu [jissospendu] dawn il-proċeduri”.

45.      Id-Direttiva 2014/104 lanqas ma tobbliga lill-qrati nazzjonali jissospendu l-proċeduri tagħhom. Mill-qari tal-Artikolu 6(5) u (9) ta’ din id-direttiva jirriżulta li dan jikkorrobora l-interpretazzjoni li proċedura li tirrigwardaw azzjoni għad-danni tista’ titkompla wkoll meta tkun għadha pendenti proċedura quddiem awtorità tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-provi li jaqgħu taħt il-lista griża ma jistgħux jiġu prodotti qabel ma l-awtorità tal-kompetizzjoni tagħlaq il-proċedura tagħha (Artikolu 6(5) tal-imsemmija direttiva), il-produzzjoni ta’ provi li jaqgħu taħt il-lista bajda tista’ tiġi ordnata “f’azzjonijiet għal danni fi kwalunkwe mument” (Artikolu 6(9) tal-istess direttiva).

46.      Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, is-sospensjoni ta’ proċedura li tirrigwarda azzjoni għad-danni ma hijiex għaldaqstant obbligatorja minħabba l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni. Ċertament, mill-perspettiva ta’ dan id-dritt, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk qorti nazzjonali tissospendix jew le l-proċeduri tagħha, din għandha tiżgura, b’mod partikolari, li ma tiħux deċiżjoni li tmur kontra d-deċiżjoni prevista mill-Kummissjoni. Madankollu u a fortiori b’riżerva għal-limitazzjonijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, bħalma huma dawk li jirriżultaw min-neċessità li jiġi żgurat l-effett utli ta’ dan id-dritt, prevista fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, jew mill-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, l-effetti ta’ tali sospensjoni jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali.

47.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, f’din il-kawża, il-proċedura li tirrigwarda l-azzjoni għad-danni ġiet sospiża minħabba l-obbligu li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mistoqsija dwar il-kwistjoni ta’ jekk tali “obbligu” huwiex kompatibbli mad-drittijiet li jisiltu mid-dritt tal-Unjoni l-persuni li sofrew dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ma huwiex l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk, bla ħsara għal-limitazzjonijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali tistax, skont il-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali tagħha, tieħu miżuri wara li tkun issospendiet il-proċedura tagħha. F’dan il-każ, tqum biss il-kwistjoni dwar jekk, minħabba tali sospensjoni, id-Direttiva 2014/104 tipprekludix li qorti nazzjonali tordna l-produzzjoni ta’ provi skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva.

b)      Fuq lordni għallproduzzjoni ta’ provi

48.      Kif innotajt f’kuntest ieħor (15), id-Direttiva 2014/104 ma tidhirx li tiddefinixxi r-rabta li għandha, teknikament, teżisti, fuq livell proċedurali, bejn talba għall-produzzjoni ta’ provi u azzjoni għad-danni (talba għall-produzzjoni ta’ provi bħala miżura fi proċeduri fil-mertu, talba eżaminata fil-kuntest ta’ proċeduri inċidentali jew ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri separata). F’dan l-istess kuntest ieħor, jien ikkunsidrajt li talba għall-produzzjoni ta’ provi magħmula qabel il-preżentata ta’ azzjoni għad-danni tista’ wkoll taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva (16). A fortiori, fl-ewwel lok, is-sospensjoni ta’ proċedura li tirrigwarda azzjoni għad-danni ma twassalx biex il-miżuri ta’ produzzjoni tal-provi adottati għall-finijiet ta’ din il-proċedura joħorġu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx konvinċenti li jiġi argumentat li din issir applikabbli mill-ġdid wara li jerġgħu jinbdew il-proċeduri. Fit-tieni lok, tal-inqas mill-perspettiva tal-istess direttiva, is-sospensjoni ta’ proċedura li tirrigwarda azzjoni għad-danni ma tipprekludix awtomatikament lill-qorti nazzjonali milli tordna l-produzzjoni ta’ provi għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

49.      L-istess japplika meta tali proċedura tiġi sospiża minħabba l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni, sospensjoni li ma hijiex obbligatorja taħt id-dritt tal-Unjoni (17). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, bla ħsara għall-modalitajiet speċifiċi li jirrigwardaw il-provi li jaqgħu taħt il-lista sewda u griża, id-Direttiva 2014/104 ma tipprekludix, tal-inqas fil-prinċipju, li qorti nazzjonali tordna l-produzzjoni tal-provi li jkunu jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni qabel ma din l-awtorità tagħlaq il-proċedura tagħha.

50.      Meta tagħmel dan, dik il-qorti nazzjonali għandha madankollu tosserva r-rekwiżiti kollha li joħorġu mid-Direttiva 2014/104 u, b’mod partikolari, tillimita l-produzzjoni ta’ provi għal dak li huwa rilevanti, proporzjonat u neċessarju. Kif enfasizzajt fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn ir-rekwiżiti jikkostitwixxu element ċentrali tal-mekkaniżmu previst sabiex jiżgura l-ibbilanċjar tal-interessi involuti mill-qrati nazzjonali, b’mod partikolari dawk tal-kamp pubbliku fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

51.      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 6(4)(b) tad-Direttiva 2014/104 jippreċiża li meta l-qrati nazzjonali jeżaminaw il-proporzjonalità ta’ ordni għall-produzzjoni ta’ informazzjoni, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kwistjoni ta’ jekk “il-parti li titlob id-divulgazzjoni tkunx qed tagħmel dan b’rabta ma’ azzjoni għad-danni quddiem qorti nazzjonali”. Minn dan niddeduċi li, fil-kuntest ta’ dan l-eżami ta’ din il-proporzjonalità, magħmul b’attenzjoni, speċjalment meta jkunu provi li jkunu jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni (18), qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-proċedura li tirrigwarda l-azzjoni għad-danni tkun ġiet sospiża.

52.      Il-kunsiderazzjoni li d-Direttiva 2014/104 ma tipprekludix, fil-prinċipju, li qorti nazzjonali tordna l-produzzjoni ta’ provi għall-finijiet ta’ proċedura li tirrigwardaw azzjoni għad-danni li tkun ġiet sospiża minħabba l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni ma hijiex invalidata mill-obbligu li “[m]eta l-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE], [h]uma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni” (19).

53.      Skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, il-portata tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 hija limitata għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE jew, fi kliem ieħor, għall-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni minn qorti nazzjonali. Ordni għall-produzzjoni ta’ provi, li tikkostitwixxi biss deċiżjoni proċedurali, ma taqax taħt il-portata tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament.

54.      Mingħajr ma rrid inqiegħed f’dubju l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni u l-konklużjoni li waslet għaliha, jiena miftuħ għal interpretazzjoni iktar sfumata. Fil-fatt, kemm, min-naħa, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, msemmi fl-Artikolu 4(3) TFUE kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-għan ta’ applikazzjoni effikaċi u uniformi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, li huma riflessi wkoll fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (20), jeżiġu, fil-fehma tiegħi, li qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni l-proċedura pendenti quddiem il-Kummissjoni waqt l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni jew miżura matul proċedura li tirrigwarda azzjoni għad-danni, speċjalment meta din id-deċiżjoni jew miżura tkun tikkonċerna, anki okkażjonalment, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

55.      F’dan ir-rigward, nirrileva li, biex qorti nazzjonali tordna l-produzzjoni ta’ provi mitluba minn persuna li tallega li hija vittma ta’ ksur, il-plawsibbiltà tal-pretensjoni tad-danni li għaliha tintalab din il-produzzjoni għandha tkun ikkorroborata (21).

56.      L-interess li jiġu evitati l-kunflitti bejn id-deċiżjonijiet, li jirriżulta mir-rieda li tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali ma huwiex, fil-prinċipju, imqiegħed f’dubju meta qorti nazzjonali tordna l-produzzjoni ta’ provi għall-finijiet ta’ proċedura li tirrigwarda azzjoni għad-danni li tkun ġiet sospiża minħabba l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni (22).

57.      Fil-fatt, mis-sentenzi Gasorba et (23) u Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni (24) jirriżulta li l-Kummissjoni, minn naħa, “tikkontempla tadotta deċiżjoni li teżiġi li jintemm il-ksur” u, min-naħa l-oħra, tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li trendi vinkolanti l-impenji għall-impriżi kkonċernati, fejn il-qrati nazzjonali ma jistgħux jadottaw fir-rigward tal-aġir ikkonċernat id-deċiżjonijiet “negattivi”, li jikkonstataw l-assenza ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Il-fatt li tiġi ordnata l-produzzjoni ta’ provi, wara li jiġi kkunsidrat li l-plawsibbiltà tat-talba għad-danni, li għall-finijiet tagħha l-produzzjoni tal-provi tkun ġiet mitluba, tkun ġiet ikkorroborata, ma jistax jixxebbah ma’ deċiżjoni “negattiva” fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni tkompli bil-proċedura tagħha u tfittex tiddetermina jekk jeżistix ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

58.      Barra minn hekk, mis-sentenza Masterfoods u HB (25)jirriżulta li meta, “biex tevita li tieħu deċiżjoni li tmur kontra dik tal-Kummissjoni”, qorti nazzjonali tissospendi l-proċeduri minħabba l-fatt li s-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha tiddependi mill-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 101 jew 102 TFUE, li tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat mid-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni, “huwa [l-kompitu tal-imsemmija qorti nazzjonali] li teżamina n-neċessità li tordna l-miżuri provviżorji sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-partijiet sakemm hija tiddeċiedi b’mod finali”. A fortiori, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-interess li jiġu evitati l-kunflitti bejn id-deċiżjonijiet ma jistax jipprekludi qorti nazzjonali li tissospendi l-proċedura tagħha, minħabba l-ftuħ tal-proċedura minn din l-istituzzjoni, milli tikkunsidra li l-plawsibbiltà tat-talba għad-danni tkun ġiet ikkorroborata u milli tordna l-produzzjoni ta’ provi.

59.      Għaldaqstant, meta qorti nazzjonali tiddeċiedi li tordna l-produzzjoni ta’ provi għall-finijiet ta’ proċedura li tirrigwarda azzjoni għad-danni li tkun ġiet sospiża minħabba l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni, hija ma għandhiex tieħu, fil-prinċipju, deċiżjoni li tista’ tmur kontra d-deċiżjoni kkontemplata mill-Kummissjoni f’dik il-proċedura fis-sens tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti preċedenti, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti nazzjonali tordna l-produzzjoni ta’ provi għall-finijiet ta’ proċedura nazzjonali li tirrigwarda azzjoni għad-danni wara ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, anki meta l-proċedura li tikkonċerna dan il-ksur tkun pendenti quddiem il-Kummissjoni, bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 li jkollha bħala konsegwenza s-sospensjoni ta’ dik il-proċedura nazzjonali.

2.      Fuq ittielet domanda preliminari

61.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li jeħtieġ li tiġi eżaminata qabel it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-sospensjoni min-naħa ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-proċedura tagħha, minħabba li l-Kummissjoni tkun fetħet proċedura skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003, tistax titqies bħala għeluq ta’ din il-proċedura “bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’mod ieħor” fis-sens tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104.

62.      Bħala tfakkira, skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104, il-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw il-produzzjoni tal-provi li jinsabu fil-lista griża biss meta awtorità tal-kompetizzjoni tkun għalqet il-proċedura tagħha bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’mod ieħor. Il-premessa 25 ta’ din id-direttiva tippreċiża li l-għeluq tal-proċedura jseħħ bl-adozzjoni, pereżempju, ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 (26), “bl-eċċezzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar miżuri temporanji”.

63.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tordna li l-ksur jiġi mitmum, tordna miżuri provviżorji, taċċetta impenji u timponi multi, pagamenti ta’ penalità jew xi pieni oħra previsti mid-dritt nazzjonali tagħha. Skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 5, meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jikkunsidraw, fuq il-bażi tal-informazzjoni li huma jkollhom, li l-kundizzjonijiet għal projbizzjoni ma jkunux issodisfatti, huma jistgħu jiddeċiedu li ma jkunx hemm lok li jieħdu azzjoni min-naħa tagħhom (27). Għaldaqstant, bla ħsara għall-miżuri provviżorji u b’differenza minnhom, l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jirrigwardaw deċiżjonijiet adottati meta awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tikkunsidra li, fid-dawl tal-informazzjoni miġbura matul il-proċedura tagħha, ikun possibbli jew anki meħtieġ li tagħti deċiżjoni fuq din il-proċedura u tagħlaqha.

64.      B’dan premess, jidher li l-qorti tar-rinviju tenfasizza, għal dak li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ għeluq, fuq l-alternattiva prevista fl-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104, jiġifieri l-għeluq tal-proċedura “b’mod ieħor”.

65.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-proposta inizjali għal direttiva (28) kienet tipprevedi, f’waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha, li l-iżvelar tal-provi li jaqgħu taħt il-lista griża jista’ jiġi ordnat “biss wara li awtorità tal-kompetizzjoni tkun temmet il-proċedimenti tagħha jew tkun ħadet deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jew fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003” (29).

66.      Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienet is-suġġett ta’ dibattiti matul ix-xogħlijiet preparatorji. B’mod partikolari, mill-abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew (30) jirriżulta li din l-istituzzjoni ipprovat tbiddel din il-formulazzjoni biex tirrifletti, f’termini iktar ġenerali, l-idea li skontha l-iżvelar tal-provi li jaqgħu taħt il-lista griża jkun jista’ jiġi ordnat biss wara li l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun għalqet il-proċedura tagħha “bi kwalunkwe mod li jkun”.

67.      Fl-aħħar mill-aħħar, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni tal-proposta inizjali ġiet riprodotta fil-premessa 25 tad-Direttiva 2014/104, bil-preċiżazzjoni li din hija eżempju (“tkun għalqet il-proċedimenti tagħha, pereżempju bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 5 jew skont il-Kapitolu III tar-[Regolament Nru 1/2003]”) (31).

68.      Iktar importanti minn hekk, jidher li l-idea mogħtija fl-abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament ispirat il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104 (“bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’mod ieħor, tkun temmet il-proċedimenti tagħha”), mingħajr ma biddlet fir-realtà l-proposta inizjali tal-Kummissjoni (“wara li awtorità tal-kompetizzjoni tkun temmet il-proċedimenti tagħha jew tkun ħadet deċiżjoni […]”). Kienet sempliċement kwistjoni li jiġi ċċarat li d-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, dawn ukoll “itemmu”, fis-sens tal-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva, il-proċedura ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

69.      Għaldaqstant, meta d-Direttiva 2014/104 tirreferi għall-għeluq tal-proċedura “bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’mod ieħor”, dawn huma miżuri li, fir-rigward tas-sustanza u tal-għan tagħhom, jiġu adottati meta awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tiddeċiedi li, fid-dawl tal-informazzjoni miġbura matul il-proċedura, ikun possibbli jew ukoll meħtieġ li din tiġi deċiża u konkluża (“mitmuma”). Għaldaqstant, is-sospensjoni tal-proċedura min-naħa tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi mxebbha mal-għeluq tal-proċedura minn din l-awtorità “b’mod ieħor”.

70.      L-istess japplika għal dak li jikkonċerna s-sospensjoni tal-proċedura minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni minħabba l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni.

71.      Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi rrilevat, l-istess kif għamel il-Gvern Elleniku, li, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 (32), il-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni ma jneħħix, b’mod permanenti u definittiv, il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni. Din il-kompetenza tiġi stabbilita mill-ġdid malli tintemm il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni (33). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jżommu s-setgħa tagħhom li jaġixxu fil-kuntest kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, anki jekk il-Kummissjoni stess tkun diġà ħadet deċiżjoni, bil-kundizzjoni li huma ma jiħdux deċiżjonijiet li jmorru kontra dik adottata mill-Kummissjoni (34).

72.      L-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104 timmilita favur l-interpretazzjoni proposta fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

73.      L-ewwel sentenza tal-premessa 25 tad-Direttiva 2014/104 tindika r-raison d’être tal-protezzjoni temporanja tal-provi li jaqgħu taħt il-lista griża: “Għandha tapplika eżenzjoni fir-rigward ta’ kull divulgazzjoni li, jekk tingħata, tinterferixxi bla bżonn ma’ investigazzjoni li tkun għaddejja minn awtorità tal-kompetizzjoni rigward il-ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni”.

74.      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-proċedura tal-Kummissjoni li wasslet għas-sospensjoni tal-proċedura tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka għadha dejjem pendenti. Għaldaqstant huwa wkoll l-interess tal-proċedura ta’ din l-istituzzjoni li, skont il-loġika tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104, jista’ jiġi ppreġudikat bl-iżvelar tal-provi li jinsabu fil-fajl tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka. Il-proċedura mibdija minn din l-awtorità jirrigwardaw l-istess okkorrenzi ta’ ksur bħal dawk eżaminati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-fatt li l-kompetenza tal-imsemmija awtorità tista’, teoretikament, tiġi stabbilita mill-ġdid, l-interess tal-proċedura tagħha jikkostitwixxi dejjem kawża valida sabiex tingħata protezzjoni temporanja għall-provi li jinsabu fil-fajl tal-istess awtorità.

75.      Konsegwentement, l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sospensjoni tal-proċedura tagħha minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzoni minħabba li l-Kummissjoni fetħet proċedura, skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003, ma tistax titqies mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni bħala għeluq tal-proċedura tagħha “bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’mod ieħor”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

3.      Fuq ittieni domanda preliminari

76.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(8), l-Artikolu 6(5)(a) u (9) tad-Direttiva 2014/104 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita temporanjament, skont l-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva, il-produzzjoni tal-informazzjoni kollha “sottomessa” għall-finijiet tal-proċedura mibdija mill-awtorità tal-kompetizzjoni, u mhux biss l-informazzjoni “mħejjija” speċifikament għal dan il-għan.

77.      Fil-fatt, għalkemm it-tieni domanda preliminari, kif ifformulata, tidher li tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(5) u (9) tad-Direttiva 2014/104, dik il-qorti tixtieq tkun taf, biex nirriproduċi t-termini tat-talba għal deċiżjoni preliminari, jekk din id-direttiva tipprekludix l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li twessa’ l-portata tal-informazzjoni li l-produzzjoni tagħha hija eskluża sakemm iddum il-proċedura quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni. Il-marġni ta’ manuvrar li għandhom l-Istati Membri għal dak li jikkonċerna t-traspożizzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmija direttiva huwa limitat permezz tal-Artikolu 5(8) tal-istess direttiva. Jidhirli għaldaqstant neċessarju li t-tieni domanda preliminari għandha tiġi rriformulata u l-portata tagħha estiża għal din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

78.      Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ ċarezza, huwa ċertament minnu li l-formulazzjoni tat-tieni domanda tirreferi għall-“informazzjoni li parti fil-proċedura għandha obbligu tipprepara u taħżen (jew tippreparaha u taħżinha) fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet legali oħra irrispettivament mill-proċedura ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni”. Madankollu, minn din il-formulazzjoni (“u dan ukoll meta jirrigwarda”), moqrija fid-dawl ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari (35), jirriżulta li dan ir-riferiment jikkostitwixxi biss eżempju tal-provi previsti minn din id-domanda preliminari.

79.      Qabel nanalizza t-tieni domanda kif irriformulata, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tagħha, u dan peress li din ġiet ikkontestata minn České dráhy.

a)      Fuq lammissibbiltà tattieni domanda preliminari

80.      České dráhy issostni li din id-domanda hija prematura u ipotetika peress li, f’dan il-mument, il-qrati nazzjonali Ċeki għadhom ma ddeċidewx il-punt dwar jekk id-dokumenti li huma s-suġġett tat-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti kinux ġew speċifikament imħejjija għall-proċedura quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka jew għall-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni.

81.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji biex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha.

82.      Issa, ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għall-imsemmija domanda ser taffettwa l-identifikazzjoni tal-provi li jaqgħu taħt il-lista bajda u li, jekk ikun il-każ, jistgħu jkunu prodotti minkejja l-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka ma għalqitx il-proċedura tagħha. Minn dan isegwi li t-tieni domanda preliminari hija ammissibbli.

b)      Fuq ilmertu

83.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 2014/104, jaqgħu taħt il-lista griża mhux, kif tippreżumi l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet Ċeki li jittrasponu din id-direttiva, l-informazzjoni kollha sottomessa għall-finijiet ta’ din il-proċedura, imma biss l-informazzjoni mħejjija speċifikament għall-finijiet tal-proċedura ta’ awtorità tal-kompetizzjoni.

84.      Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 2014/104, moqri fid-dawl tal-premessa 25 tagħha (36), jirriżulta li l-protezzjoni temporanja mogħtija skont din l-ewwel dispożizzjoni tikkonċerna mhux l-informazzjoni kollha li kienet sottomessa speċifikament, b’mod spontanju jew fuq talba tal-awtorità tal-kompetizzjoni, għall-finijiet ta’ tali proċedura, imma biss l-informazzjoni li kienet speċifikament imħejjija għall-finijiet ta’ proċedura mibdija minn din l-awtorità.

85.      Dan ir-riżultat tal-interpretazzjoni testwali huwa kkonfermat mill-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mill-interpretazzjoni sistematika.

86.      Fl-ewwel lok, qabelxejn, l-Artikolu 6(9) tad-Direttiva 2014/104, li jikkonċerna l-provi li jaqgħu taħt il-lista bajda, jipprovdi li l-produzzjoni ta’ provi li joriġinaw mill-fajl tal-awtorità tal-kompetizzjoni li ma jaqgħux taħt il-lista griża u dik sewda tista’ tiġi ordnata f’kull mument fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni. Sussegwentement, il-premessa 28 ta’ din id-direttiva, li tippreċiża l-kontenut normattiv ta’ din id-dispożizzjoni, tuża l-kliem “evidenza li teżisti indipendentement mill-proċedimenti ta’ awtorità ta’ kompetizzjoni (‘informazzjoni preeżistenti’)” biex tirreferi għall-provi li ma humiex dawk imsemmija fl-Artikolu 6(5) u (6) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, din tirrigwarda kull prova li l-produzzjoni tagħha ma hijiex awtomatikament ipprojbita mill-istess direttiva, minħabba l-appartenenza tagħha għal-lista griża jew sewda, minħabba l-interess tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-kamp pubbliku. Finalment, il-punt 17 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “informazzjoni preeżistenti” bħala “evidenza li teżisti irrispettivament mill-proċedimenti ta’ awtorità kompetenti, kemm jekk tali informazzjoni tinsabx jew le fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni”. Minn din id-definizzjoni, u speċjalment mill-aħħar parti tagħha, jirriżulta li l-provi li jinsabu f’tali fajl jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-lista bajda (37). B’mod partikolari, l-informazzjoni li parti fil-proċedura għandha l-obbligu li tipprepara u taħżen (jew tippreparaha u taħżinha) fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni oħra irrispettivament mill-proċedura ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi, preċiżament, l-informazzjoni preeżistenti, li l-qrati nazzjonali jistgħu, fil-prinċipju, jordnaw il-produzzjoni tagħha f’kull mument.

87.      Fit-tieni lok, filwaqt li jirrifletti l-idea li skontha jeħtieġ, min-naħa, li l-protezzjoni mogħtija lill-provi li jaqgħu taħt il-lista griża u dik sewda tiġi limitata għall-każijiet fejn din il-protezzjoni tkun effettivament meħtieġa u, għalhekk, xierqa mill-perspettiva tal-għanijiet tad-Direttiva 2014/104 u, min-naħa l-oħra, li jkun awtorizzat aċċess raġonevolment wiesa’ għall-provi, l-Artikolu 6(8) ta’ din id-direttiva jipprovdi li jekk huma biss ċerti partijiet tal-provi mitluba li jaqgħu taħt il-lista sewda (“li huma koperti mill-paragrafu 6”, il-partijiet li jibqa’ għandhom, skont il-kategorija li jaqgħu fiha, jiġu prodotti f’konformità mal-paragrafi rilevanti tal-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva (38).

88.      L-Artikolu 5(8) tad-Direttiva 2014/104, jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jadottaw ir-regoli li jwasslu għal produzzjoni iktar wiesgħa ta’ provi, mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 7 ta’ dan l-artikolu u għall-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

89.      Minn dan isegwi li, filwaqt li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/104 huwa bbażat fil-prinċipju fuq armonizzazzjoni minima, l-Artikolu 6 tagħha jwassal għal armonizzazzjoni eżawrjenti. Konsegwentement, min-naħa, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati li, waqt it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jikkwalifikaw il-kundizzjonijiet li skonthom il-provi jiġu kklassifikati bħala li jaqgħu taħt il-lista griża, sewda jew bajda (“[m]ingħajr preġudizzju […] għall-Artikolu 6)”(39). Min-naħa l-oħra, biex nirriproduċi kliem il-qorti tar-rinviju, il-possibbiltà li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jwessgħu l-portata tal-informazzjoni li taqa’ taħt il-lista griża twassal, fil-fehma tiegħi, għal produzzjoni iktar limitata ta’ provi, u dan imur kontra l-loġika tal-Artikolu 5(8) tal-imsemmija direttiva.

90.      Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Artikolu 5(8), l-Artikolu 6(5)(a) u (9) tad-Direttiva 2014/104 jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita, temporanjament, taħt l-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva, mhux biss il-produzzjoni tal-informazzjoni “mħejjija” speċifikament għall-finijiet tal-proċedura mibdija mill-awtorità tal-kompetizzjoni, imma wkoll il-produzzjoni tal-informazzjoni kollha “sottomessa” għal dan il-għan.

91.      Għal finijiet ta’ kompletezza, jeħtieġ infakkar li, meta japplikaw id-dritt intern li juża termini identiċi għal dawk ta’ direttiva jew termini differenti minnhom, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha (40).

4.      Fuq irraba’ domanda preliminari

a)      Irriformulazzjoni taddomanda preliminari

92.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari, li jien nipproponi li tiġi rriformulata għar-raġunijiet esposti fil-punti preċedenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, moqri flimkien mal-Artikolu 6(5)(a) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li qorti nazzjonali tiddeċiedi fuq il-produzzjoni ta’ provi u tordna li tpoġġihom taħt l-awtorità tagħha, filwaqt li tipposponi l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk dawn il-provi fihomx “informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni” fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, għall-mument fejn din il-qorti jkollha aċċess għal dawn il-provi.

93.      Għalkemm il-formulazzjoni tar-raba’ domanda tagħmel riferiment għall-applikazzjoni, b’analoġija, tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 6(7) tad-Direttiva 2014/104 għall-provi li jistgħu jaqgħu taħt il-lista griża, il-qorti tar-rinviju tindika madankollu li, b’din id-domanda, hija tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk qorti tistax tordna l-produzzjoni ta’ provi, irregolata bl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, sabiex tevalwa jekk dawn il-provi fihomx “informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 6(5)(a) tal-imsemmija direttiva.

94.      Barra minn hekk, il-problema legali mqajma b’din id-domanda issib l-oriġini tagħha fid-digriet tad-29 ta’ Novembru 2019. Jeħtieġli nosserva, f’dan ir-rigward, li l-miżuri meħudin minn din il-qorti ma jikkorrispondux perfettament għall-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 6(7) tad-Direttiva 2014/104 (41). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi mekkaniżmu ta’ verifika minn qabel tal-kontenut tal-provi li jistgħu jaqgħu taħt il-lista sewda. Skont l-imsemmija dispożizzjoni, l-applikant jista’ jippreżenta talba motivata intiża biex qorti nazzjonali taċċedi għal tali provi, għall-iskop biss biex din tiżgura li l-kontenut tagħhom ikun jeħtieġ li jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt il-lista sewda. Madankollu, f’dan il-każ, it-talba tal-applikant kienet nieqsa. Barra minn hekk, il-produzzjoni ta’ provi ġiet ordnata fl-istess ħin bħall-miżuri li jippermettu li jiġi vverifikat jekk dawn il-provi fihomx informazzjoni li tinsab fil-lista griża.

95.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, biex tingħata risposta utli għar-raba’ domanda preliminari, ftit li xejn jimporta li, għal dak li jikkonċerna l-provi li jistgħu jaqgħu taħt il-lista griża, l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 6(7) tad-Direttiva 2014/104 tkunx, skont din id-direttiva, awtorizzata jew le. Jeħtieġ, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija direttiva tiġi interpretata sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddetermina jekk l-approċċ adottat mill-qorti tat-tieni istanza huwiex konformi mal-istess direttiva. Għaldaqstant, jeħtieġ li din id-domanda tiġi rriformulata fis-sens imsemmi fil-punt 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

96.      Fid-dawl ta’ din ir-riformulazzjoni, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument ta’ České dráhy li skontu r-raba’ domanda preliminari hija ipotetika peress li l-qrati tal-ewwel u tat-tieni istanzi ma applikawx, anki b’analoġija, id-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 6(7) tad-Direttiva 2014/104.

b)      Levalwazzjoni

97.      Jeħtieġ li nosserva, qabelxejn, li l-proposta inizjali għad-Direttiva 2014/104 ma kinitx tipprovdi mekkaniżmu ta’ verifika minn qabel bħal dak previst fl-Artikolu 6(7) ta’ din id-direttiva. Dan il-mekkaniżmu jidher li oriġina f’emenda diskussa fil-kuntest ta’ abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament. Issa, b’kuntrast mas-soluzzjoni adottata fl-imsemmija direttiva, jidher li din l-emenda kienet intiża li tawtorizza lill-qrati nazzjonali jaċċedu għall-provi li jkunu jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni u janalizzawhom. Din l-awtorizzazzjoni kienet tikkonċerna mhux biss il-provi li jistgħu jaqgħu taħt il-lista sewda, imma wkoll dawk li jistgħu jaqgħu taħt il-lista griża (42).

98.      Għaldaqstant, jeħtieġ li wieħed jistaqsi jekk l-assenza, fid-Direttiva 2014/104, ta’ tali awtorizzazzjoni għal dak li jikkonċerna l-provi li jistgħu jaqgħu taħt il-lista griża timplikax awtomatikament li l-approċċ adottat mill-qorti tat-tieni istanza ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’dan il-mod, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tip ta’ armonizzazzjoni li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva kif ukoll il-poteri li l-imsemmija direttiva tagħti lill-qrati nazzjonali għal dak li jikkonċerna l-aċċess għall-provi li jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni.

1)      Ittip ta’ armonizzazzjoni

99.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/104 huwa bbażat fuq armonizzazzjoni eżawrjenti (43). Għal dak li jikkonċerna l-provi li jistgħu jaqgħu taħt il-lista griża, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprovdiex mekkaniżmu ta’ verifika minn qabel bħal dak previst fl-Artikolu 6(7) ta’ din id-direttiva. Infakkar madankollu li, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni ta’ applikazzjoni b’analoġija u/jew b’estensjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal tali provi.

100. Biex jiġi deċiż jekk l-armonizzazzjoni eżawrjenti tipprekludix l-approċċ segwit mill-qorti tat-tieni istanza, ma huwiex suffiċjenti għaldaqstant li jsir riferiment għat-termini tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/104. Fil-fehma tiegħi, biex jinsabu l-limiti tal-armonizzazzjoni eżawrjenti li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jikseb permezz ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni kif ukoll ir-raġunijiet li wasslu lil-leġiżlatur tal-Unjoni jipproċedi għall-armonizzazzjoni eżawrjenti tal-materji koperti bl-imsemmija dispożizzjoni.

101. Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 2014/104, “[l]-effettività u l-konsistenza tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeħtieġu approċċ komuni fl-Unjoni rigward id-divulgazzjoni tal-evidenza li hija inkluża fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni” u “[d]-divulgazzjoni tal-evidenza ma għandhiex tnaqqas l-effettività tal-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni”. Minn dan isegwi li l-armonizzazzjoni eżawrjenti twettqet mil-leġiżlatur tal-Unjoni prinċipalment favur l-interess tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-kamp pubbliku.

102. Issa, skont l-Artikolu 6(4)(c) tad-Direttiva 2014/104, “il-bżonn li tkun salvagwardjata l-effettività tal-eżekuzzjoni pubblika tal-liġi tal-kompetizzjoni” jikkostitwixxi wkoll wieħed mill-elementi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali meta huma jevalwaw il-proporzjonalità ta’ ordni għall-produzzjoni ta’ provi li jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-iżgurar li l-iżvelar ta’ provi li jinsabu f’tali fajl ma jippreġudikax l-effikaċità tal-proċeduri tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni jaqa’, bħala kompitu kondiviż, taħt ir-responsabbiltà tal-leġiżlaturi kif ukoll tal-qrati nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-azzjonijiet għad-danni.

103. Skont din il-loġika, għalkemm qorti nazzjonali għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni din in-neċessità meta tiddeċiedi fuq il-produzzjoni ta’ provi li jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, wieħed ma jistax imbagħad jeskludi li, minkejja din l-armonizzazzjoni, ċerti aspetti li jirrigwardaw il-materji koperti b’din id-dispożizzjoni jistgħu jkunu ppreċiżati u/jew ikkwalifikati minn Stat Membru. Fil-fehma tiegħi, l-approċċ adottat mill-qorti ta’ tieni istanza f’din il-kawża jmiss wieħed minn dawn l-aspetti.

104. Barra minn hekk, billi pproċeda bl-armonizzazzjoni eżawrjenti tal-materji koperti mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/104, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma injorax l-interess tal-persuni li jsostnu li huma vittmi ta’ ksur u l-effikaċità tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-kamp privat. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tiffavorixxi produzzjoni raġonevolment wiesgħa tal-provi li jkunu jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, li ma jaqgħux fil-lista griża u f’dik sewda (44). Għaldaqstant, inkwantu jiffavorixxi l-produzzjoni ta’ provi li jaqgħu taħt il-lista bajda, l-approċċ segwit mill-qorti tat-tieni istanza f’din il-kawża kien jaqa’ taħt din il-loġika.

105. Għall-finijiet ta’ ċarezza, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(7) tad-Direttiva 2014/104 jobbliga lill-Istati Membri jagħtu dritt proċedurali lil “pretendent” li, meta l-eżenzjoni tiġi invokata skont l-Artikolu 6(6) ta’ din id-direttiva, ikun jista’ jitlob lill-qorti nazzjonali biex din taċċedi għall-provi sabiex tivverifika jekk il-kontenut tagħhom joħroġhomx mil-lista sewda (45). Madankollu, l-approċċ adottat mill-qorti tat-tieni istanza f’din il-kawża ma huwiex ibbażat fuq l-eżistenza ta’ dritt li l-individwi jistgħu sistematikament jinvokaw fil-kuntest tal-proċeduri li jirrigwardaw l-azzjonijiet għad-danni. F’dan il-każ, kien hemm intervent speċifiku ta’ din il-qorti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-proċedura fil-kawża prinċipali u, probabbilment, bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess għall-provi li jaqgħu taħt il-lista bajda. Jien għalhekk naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li skontha, fid-dawl tal-imsemmija direttiva, huwa possibbli, f’każijiet individwali, li jiġi applikat, skont id-dritt nazzjonali, approċċ bħalma hu dak segwit mill-qorti tat-tieni istanza f’din il-kawża.

106. L-argumenti l-oħra ta’ České dráhy u tal-Kummissjoni, li jikkonċernaw, essenzjalment, ir-rwol li għandhom il-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-produzzjoni ta’ provi li jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, ma jistgħux iqiegħdu f’dubju din il-kunsiderazzjoni.

2)      Inneċessità li tiġi ppreżervata leffikaċità talimplimentazzjoni taddritt talkompetizzjoni millkamp pubbliku

107. Huwa ċertament minnu li l-approċċ segwit f’din il-kawża mill-qorti tat-tieni istanza jista’ jkun fastidjuż wisq kemm għall-qorti nazzjonali kif ukoll għall-persuna li tintalab tipproduċi l-provi u għaldaqstant, jekk ikun il-każ, għal konvenut jew għal awtorità tal-kompetizzjoni.

108. Madankollu, min-naħa, il-firxa ta’ provi li jinsabu fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni li l-produzzjoni tagħhom tista’ tintalab mingħand parti fil-proċedura hija limitata bl-eżami tal-proporzjonalità. Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna tali provi, dan l-eżami għandu jsir b’attenzjoni, kif jinsab indikat fil-premessa 23 tad-Direttiva 2014/104. Kif tindika wkoll din il-premessa, “it-talbiet għad-divulgazzjoni ma għandhomx jitqiesu proporzjonati meta jirreferu għad-divulgazzjoni ġenerika tad-dokumenti fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni relatati ma’ każ speċifiku, jew id-divulgazzjoni ġenerika ta’ dokumenti ppreżentati minn parti fil-kuntest ta’ każ partikolari”.

109. Min-naħa l-oħra, kif indikajt fil-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet, waqt l-eżami tal-proporzjonalità, il-qrati nazzjonali jieħdu inkunsiderazzjoni “n-neċessità li jippreżervaw l-effikaċità tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-kamp pubbliku”. Skont din il-loġika, il-kummentarji jikkunsidraw li l-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li l-iżvelar ta’ dokumenti ma jkunx eċċessivament fastidjuż għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (46).

3)      Ilpossibbiltà li tiġi vverifikata lveraċità talaffermazzjoni li skontha lprovi mitluba jaqgħu taħt il-lista griża

110. České dráhy issostni li fl-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ verifika minn qabel, bħal dak previst fl-Artikolu 6(7) tad-Direttiva 2014/104, ikun impossibbli għal qorti nazzjonali li tivverifika l-veraċità tal-affermazzjonijiet ta’ parti fil-proċedura, dwar l-azzjoni għad-danni, fir-rigward tal-fatt li l-provi mitluba jaqgħu taħt il-lista sewda. Għall-kuntrarju, skont České dráhy, mhux l-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-provi li jistgħu jaqgħu taħt il-lista griża.

111. Issa, għal dak li jikkonċerna l-awtur tal-affermazzjonijiet li skonthom il-provi mitluba jaqgħu taħt il-lista sewda, l-istruttura tal-Artikolu 6(7) tad-Direttiva 2014/104 tissuġġerixxi li r-rwol prinċipali f’dan il-kuntest huwa mogħti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi, qabelxejn, li l-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu l-għajnuna mingħand l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti. Huwa biss sussegwentement li l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-fatt li l-awturi tal-provi inkwistjoni jistgħu jinstemgħu wkoll. Madankollu, mill-Artikolu 6(7) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, anki għal dak li jikkonċerna l-lista sewda, l-aħħar kelma hija tal-qorti nazzjonali (47).

112. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li, peress li l-produzzjoni tal-provi li jaqgħu taħt il-lista sewda hija rrifjutata b’mod permanenti, il-preġudizzju kkawżat b’eventwali rifjut żbaljat li tiġi ordnata l-produzzjoni ta’ tali provi huwa ħafna iktar gravi minn dak ikkawżat minn rifjut li tiġi ordnata l-produzzjoni ta’ provi li jaqgħu taħt il-lista griża. Issa, ir-“rifjut żbaljat” li għalih tirreferi l-Kummissjoni, jiġifieri dak li jkun ġej mingħand qorti nazzjonali, jista’ jseħħ ukoll waqt il-verifika li din il-qorti tagħmel fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ verifika minn qabel, previst fl-Artikolu 6(7) tad-Direttiva 2014/104. Iktar importanti minn hekk, dan il-mekkaniżmu għandu bħala għan prinċipali mhux li jikkoreġi l-iżbalji tal-qrati nazzjonali, imma li jillimita r-riskju ta’ rifjut u/jew ta’ oppożizzjoni infondati mill-persuna mitluba tipproduċi provi. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 27 ta’ din id-direttiva, li tindika li l-imsemmi mekkaniżmu jikkonċerna l-aċċess tal-qrati nazzjonali għad-“dokumenti li għalihom tiġi invokata l-eżenzjoni”.

113. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li anki l-provi li jaqgħu taħt il-lista sewda huma protetti mhux fir-rigward ta’ qorti nazzjonali imma fir-rigward tal-applikant u tat-terzi persuni. L-aħħar kelma fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala “provi li jaqgħu taħt il-lista sewda” hija tal-qorti nazzjonali. A fortiori, il-provi li l-produzzjoni tagħhom hija, fil-prinċipju, inqas dannuża għall-interess tal-kamp pubbliku, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-lista griża, ma għandhomx neċessarjament ikunu protetti b’mod iktar strett kontra l-aċċess ta’ din il-qorti nazzjonali.

114. F’dan il-każ, l-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka opponiet għall-produzzjoni, minn České dráhy, ta’ provi li din l-awtorità “kellha fil-pussess tagħha” fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva tagħha, li nbdiet fl-2012, kif ukoll għall-produzzjoni tad-“dokumenti l-oħra mitluba mir-rikorrenti”, minħabba l-fatt li dawn jikkostitwixxu “lista koerenti ta’ dokumenti u rrifjutat li tipproduċihom, minħabba li dan seta’ jnaqqas l-effikaċità tal-politika tal-prosekuzzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni” (48).

115. Madankollu, biex il-provi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja li tingħata minħabba l-appartenenza tagħhom għal-lista griża, huma għandhom jikkorrispondu għad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2014/104. Għal dak li jikkonċerna t-talba li tesponi b’mod raġonevolment iddettaljat il-provi mitluba (49), rifjut u/jew oppożizzjoni għal dak li jikkonċerna l-produzzjoni tal-provi kkonċernati ma jistgħux jiġu fformulati “en bloc” u lanqas ikunu bbażati fuq kunsiderazzjoni ġenerali fis-sens li l-iżvelar tagħhom ikun jista’ jnaqqas l-effikaċità tal-politika tal-prosekuzzjoni tal-ksur.

116. Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna l-provi li ma jaqgħux taħt dawn id-definizzjonijiet, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-lista bajda, il-qorti nazzjonali għandha tipproċedi hija stess b’eżami li fil-kuntest tiegħu hija tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li tippreżerva l-effikaċità tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-kamp pubbliku (50). Persuna li tintalab tipproduċi provi ma tistax tipproċedi b’tali eżami u tissostitwixxih għal dak tal-qorti nazzjonali. Skont din il-loġika, fid-dawl tan-neċessità li tirrimedja l-assimetrija tal-informazzjoni u li tiżgura l-effikaċità tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-kamp privat, neċessità li fuqha hija bbażata d-Direttiva 2014/104, din id-direttiva ma tidhirx li tipprekludi li qorti nazzjonali jkollha, skont il-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali, strument li jippermettilha tipprovdi rimedju għall-użu eċċessiv tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 6(5) tal-imsemmija direttiva. Tali strument proċedurali jsaħħaħ l-effett utli tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u jikkontribwixxi għall-effikaċità tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-kamp privat.

117. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, moqri flimkien mal-Artikolu 6(5)(a) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar il-produzzjoni ta’ provi u tordna li tpoġġihom taħt l-awtorità tagħha, filwaqt li tipposponi l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk dawn il-provi fihomx “informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni” fis-sens ta’ din it-tieni dispożizzjoni, għall-mument li fih din il-qorti jkollha aċċess għal dawn il-provi.

5.      Fuq ilħames domanda preliminari

118. Permezz tal-ħames domanda tagħha, magħmula f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk qorti nazzjonali tistax, qabel ma tkun ivverifikat jekk il-provi li l-produzzjoni tagħhom ġiet ordnata jaqgħux taħt l-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 2014/104, tirrifjuta, lill-applikant u lill-partijiet l-oħra, l-aċċess għal dawn il-provi, u dan skont l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva.

119. Għalkemm il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għall-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2014/104, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tidhirx li hija meħtieġa sabiex tingħatalha risposta utli. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva jikkonċerna l-miżuri meħudin għall-finijiet tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, fl-interess ta’ parti fil-proċedura jew ta’ terza persuna, jiġifieri fl-“interess privat”, l-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva jikkonċerna n-neċessità li jkun protett l-interess tal-kamp pubbliku fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, jiġifieri l-“interess pubbliku”. Fi kwalunkwe każ, huwa suffiċjenti li tiġi interpretata din it-tieni dispożizzjoni biex tingħata risposta utli għall-ħames domanda preliminari.

120. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 2014/104, il-qrati nazzjonali għandhom mhux biss id-dritt, kif tippreżumi l-ħames domanda (“miżuri effettivi ta’ protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali adottati mill-qorti jistgħu”) (51) imma wkoll l-obbligu li jiżguraw li parti oħra fil-proċedura ma jkollhiex aċċess, matul il-proċedura mibdija minn awtorità tal-kompetizzjoni, għall-“informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-[din il-proċedura]”. Skont din il-loġika, jekk qorti nazzjonali tordna l-produzzjoni ta’ provi li jistgħu jaqgħu taħt il-lista griża sabiex tivverifika jekk dan ikunx il-każ, dik il-qorti għandha tiżgura li parti oħra fil-proċedura ma jkollhiex aċċess għal dawn il-provi, meta dawn ikunu jaqgħu taħt il-lista bajda, qabel ma hija tlesti din il-verifika jew, meta dawn ikunu jaqgħu taħt il-lista griża, qabel ma l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti tagħlaq il-proċedura tagħha.

121. Għaldaqstant, l-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta qorti nazzjonali tipposponi l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-provi li l-produzzjoni tagħhom tkun mitluba fihomx “informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni”, din il-qorti għandha tiżgura li parti oħra fil-proċedura ma jkollhiex aċċess għal dawn il-provi, meta dawn ikunu jaqgħu taħt il-lista bajda, qabel ma hija tkun lestiet din il-verifika jew, meta dawn ikunu jaqgħu taħt il-lista griża, qabel ma l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti tkun għalqet il-proċedura tagħha.

VI.    Konklużjoni

122. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) bil-mod kif ġej:

1)      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti nazzjonali tordna l-produzzjoni ta’ provi għall-finijiet ta’ proċedura nazzjonali li tirrigwarda azzjoni għad-danni wara ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, anki meta l-proċedura li tikkonċerna dan il-ksur tkun pendenti quddiem il-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE], li jkollha bħala konsegwenza s-sospensjoni ta’ din il-proċedura nazzjonali.

2)      L-Artikolu 5(8) u l-Artikolu 6(5)(a) u (9) tad-Direttiva 2014/104 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita, temporanjament, skont l-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva, il-produzzjoni tal-informazzjoni kollha “sottomessa” għall-finijiet tal-proċedura mibdija mill-awtorità tal-kompetizzjoni u mhux biss tal-informazzjoni “mħejjija” speċifikament għal dan il-għan.

3)      L-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sospensjoni tal-proċedura tagħha minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzoni minħabba li l-Kummissjoni tkun fetħet proċedura, skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003, ma tistax titqies bħala għeluq tal-proċedura tagħha mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni “bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew b’mod ieħor”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

4)      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, moqri flimkien mal-Artikolu 6(5)(a) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar il-produzzjoni ta’ provi u tordna li tpoġġihom taħt l-awtorità tagħha, filwaqt li tipposponi l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk dawn il-provi fihomx “informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni”, fis-sens ta’ din it-tieni dispożizzjoni, għall-mument li fih din il-qorti jkollha aċċess għal dawn il-provi.

5)      L-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta qorti nazzjonali tipposponi l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-provi li l-produzzjoni tagħhom tkun mitluba fihomx “informazzjoni li tħejjiet minn persuna fiżika jew ġuridika speċifikament għall-proċedimenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni”, din il-qorti għandha tiżgura li parti oħra fil-proċedura ma jkollhiex aċċess għal dawn il-provi, meta dawn ikunu jaqgħu taħt il-lista bajda, qabel ma hija tkun lestiet din il-verifika jew, meta dawn ikunu jaqgħu taħt il-lista griża, qabel ma l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti tkun għalqet il-proċedura tagħha.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).


3      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PACCAR (C‑163/21, ECLI:EU:C:2022:286).


4      Din l-informazzjoni tirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati.


5      Regolament tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 3, p. 81).


6      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 205).


7      Fil-fatt, filwaqt li, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104 jirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali “adottati […] sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi” ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 22(2) tal-imsemmija direttiva jsemmi biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali “minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1” tal-istess direttiva. Madankollu, kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PACCAR (C‑163/21, ECLI:EU:C:2022:286, punt 55), mil-loġika tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jista’ jiġi dedott li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104 jikkonċerna d-dispożizzjonijiet proċedurali.


8      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 25).


9      Fuq l-istess linja ta’ din il-loġika, kull regola proċedurali tista’ tirriżulta vantaġġuża għal parti fil-proċedura u żvantaġġuża għall-oħra. Dan lanqas ma jwassal biex regoli titlef in-natura proċedurali tagħha.


10      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PACCAR (C‑163/21, ECLI:EU:C:2022:286, punt 57).


11      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 28).


12      Skont l-Artikolu 36 ta’ din il-liġi, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżitorji”, “[i]l-proċeduri ta’ kumpens għad-danni kkawżati mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll il-proċeduri għal talbiet taħt din il-liġi minn rikorrenti solidalment responsabbli għad-danni, mibdija wara l-25 ta’ Diċembru 2014, għandhom jintemmu skont din il-liġi; l-effetti legali tal-atti mwettqa fil-kuntest tal-proċedura qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi ma humiex affettwati”.


13      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PACCAR (C‑163/21, ECLI:EU:C:2022:286, punt 89).


14      Infakkar li, f’din il-kawża, il-produzzjoni tal-provi ġiet ordnata bid-digriet tal‑14 ta’ Marzu 2018 u ġiet ikkonfermata bid-digriet tad‑29 ta’ Novembru 2019. Fil-frattemp, fid‑19 ta’ Diċembru 2018, il-proċedura fir-rigward tal-azzjoni għad-danni kienet ġiet sospiża.


15      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PACCAR (C‑163/21, ECLI:EU:C:2022:286, punt 41).


16      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PACCAR (C‑163/21, ECLI:EU:C:2022:286, punt 43).


17      Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


18      Skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2014/104, “[i]r-rekwiżit tal-proporzjonalità għandu jiġi vvalutat b’attenzjoni meta jkun hemm riskju li d-divulgazzjoni tikxef l-istrateġija ta’ investigazzjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni billi jiġi divulgat liema dokumenti huma parti mill-fajl jew riskji li għandhom effett negattiv fuq il-mod li bih l-impriżi jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni”.


19      Dan l-obbligu joħroġ mill-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, (ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


20      Skont l-ewwel sentenza tal-premessa 22 tar-Regolament Nru 1/2003: “[s]abiex tiżgura qbil mal-prinċipji ċerti legali u l-applikazzjoni uniformi tal-liġijiet tal-kompettività [tal-Unjoni] f’sistema ta poteri paralleli, deċizzjonijiet li huma f’kunflit għandhom jiġu evitati”. Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB (C‑344/98, EU:C:2000:689, punt 51), li ġiet ikkodifikata fit-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni (C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punt 112), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għall-“applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali”.


21      Ara l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104.


22      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Gasorba et  (C‑547/16, EU:C:2017:891, punt 29).


23      Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017 (C‑547/16, EU:C:2017:891, punt 5).


24      Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020 (C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punt 113).


25      Sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB (C‑344/98, EU:C:2000:689, punti 57 u 58).


26      Għalkemm din il-premessa ssemmi wkoll deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003, dan il-kapitolu jikkonċerna madankollu id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biss.


27      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska (C‑375/09, EU:C:2011:270, punti 22 u 23).


28      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (COM(2013) 404 final).


29      Ara l-Artikolu 6 ta’ din il-proposta. Bl-istess mod, il-premessa 20 tal-imsemmija proposta kienet tippreċiża li tali provi setgħu jiġu żvelati biss ladarba l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun ikkonstatat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni jew tkun għalqet il-proċedura tagħha.


30      Abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, dokument C7‑0170/2013.


31      Enfasi miżjuda minni.


32      Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 79 u 80).


34      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 84 u 85).


35      Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36      Il-premessa 25 tad-Direttiva 2014/104 tindika li huma kklassifikati bħala li jaqgħu taħt il-lista griża, b’mod partikolari “l-informazzjoni li tħejjiet minn awtorità tal-kompetizzjoni matul il-proċedimenti tagħha għall-infurzar tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni u li ntbagħtet lill-partijiet għal dawk il-proċedimenti (bħal, pereżempju, ‘Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet’) jew imħejjija minn parti f’dawk il-proċedimenti (bħal pereżempju tweġibiet għat-talbiet ta’ informazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni jew dikjarazzjonijiet tax-xhieda)”.


37      Dan ir-riżultat isib konferma fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2014/104 li jirreferi għall-“evidenza li tinkiseb minn persuna fiżika jew ġuridika biss permezz tal-aċċess għall-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni u li ma taqax [taħt il-lista griża jew sewda]”.


38      Dan l-approċċ jirrifletti wkoll il-premessi 26 u 27 tad-Direttiva 2014/104. Fil-fatt, il-premessa 26 ta’ din id-direttiva tippreċiża, fl-aħħar sentenza tagħha, li “[s]abiex jiġi żgurat li [l-eżenzjoni stabbilita favur provi li jaqgħu taħt il-lista sewda] ma tinterferixxix mingħajr raġuni mad-drittijiet ta’ partijiet milquta għal kumpens, għandha tiġi limitata għal dawk id-dikjarazzjonijiet volontarji u awtoinkriminanti”. Barra minn hekk, il-premessa 27 tal-imsemmija direttiva tenfasizza, fl-aħħar sentenza tagħha, li “[k]walunkwe kontenut li jaqa’ barra [il-lista sewda] għandu jista’ jkun divulgat taħt il-kondizzjonijiet rilevanti”. Il-provi li jaqgħu taħt il-lista griża joħorġu effettivament mil-lista sewda. Il-fakultà li tintalab il-produzzjoni tagħhom, kif ukoll dik ta’ provi li jirriżultaw mil-lista bajda, tagħmel parti mill-garanzija li, biex nirriproduċi kliem l-ewwel sentenza tal-premessa 27 tal-istess direttiva, “[i]l-partijiet li jkunu ġarrbu ħsara jibqa’ jkollhom mezzi alternattivi suffiċjenti li bihom jiksbu aċċess għall-evidenza li jeħtieġu sabiex iħejju l-azzjonijiet tagħhom għad-danni”. Ara wkoll, f’din l-istess linja, għal dak li jikkonċerna l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u l-informazzjoni fattwali fuq il-ksur li jinsab fiha, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Evonik Degussa vs Il‑Kummissjon(C‑162/15 P, EU:C:2016:587, punti 204 u 205).


39      Ara wkoll il-premessa 21 tad-Direttiva 2014/104, li skontha “[l]-effettività u l-konsistenza tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeħtieġu approċċ komuni fl-Unjoni rigward id-divulgazzjoni tal-evidenza li hija inkluża fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni. Id-divulgazzjoni tal-evidenza ma għandhiex tnaqqas l-effettività tal-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni”.


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24).


41      Barra minn hekk, České dráhy issostni li, fid-digriet tagħha tad‑29 ta’ Novembru 2019, il-qorti tat-tieni istanza ma semmietx id-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 6(7) tad-Direttiva 2014/104, filwaqt li l-Kummissjoni tindika, f’dan ir-rigward, li din il-qorti semmiet hemmhekk dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva.


42      Skont dan l-abbozz, il-qrati nazzjonali aditi b’talba għall-produzzjoni ta’ provi li tkun tinsab fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni li ma tistax normalment tiġi żvelata kienu jkunu jistgħu “jaċċedu għal dan id-dokument u janalizzawh”.


43      Ara l-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Ara l-punti 87 sa 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Ara l-premessa 27 tad-Direttiva 2014/104.


46      Andersson, H., “The Quest for Evidence – Still an Uphill Battle for Cartel Victims?”, EU Competition Litigation: Transposition and First Experiences of the New Regime, Strand, M., Bastidas Venegas, V., Iacovides. M.C. (edituri) Hart Publishing, Oxford, 2019, p. 141.


47      Ara, f’dan is-sens, Chirita, A.D., “The Disclosure of Evidence Under the ‘Antitrust Damages’ Directive 2014/104/EU”, EU Competition and State Aid Rules: Public and Private Enforcement, Tomljenović, V., Bodiroga-Vukobrat, N., Butorac Malnar, V., Kunda, I. (edituri), Springer, Berlin, 2017, p. 156.


48      Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Ara l-punt 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Ara l-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Enfasi miżjuda minni.