Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta' Apríl 2012 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta' Frar 2012 fil-Kawża F-23/11, AY vs Il-Kunsill

(Kawża T-167/12 P)

Lingwa tal-kawża: il-franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bauer u A. -F. Jensen, aġenti)

Parti l-oħra għall-proċeduri: AY (Bousval, il-Belġju)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Europea (l-Ewwel Awla) tat-8 ta' Frar 2012, AY vs Il-Kunsill (F-23/11);

tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tikkundanna l-konvenuta għall-ispejjeż kollha tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta' liġi fil-kuntest tar-raġuni mressqa mit-TSP waqt l-eżami tal-motiv li tqajjem fl-ewwel istanza bbażat fuq ksur tal-Artikoli 24a u 45(1), tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea inkwantu l-Kunsill ma kienx, waqt l-eżami komparattiv tal-meriti u speċjalment it-taħriġ professjonali, ikkunsidra s-suċċess tal-persuna kkonċernata fl-eżamijiet tal-programm ta' taħriġ ippjanat fil-kuntest tal-proċedura ta' ċertifikazzjoni tal-uffiċjali fil-grupp ta' funzjonijiet AST biex jaċċessaw għall-grupp ta' funzjonijiet AD (ara l-punti 23 sa 32 tas-sentenza appellata). Il-Kunsill isostni li l-konstatazzjoni fil-punt 28 tas-sentenza li ċ-ċertifikazzjoni ta' uffiċjali fil-grupp ta' funzjonijiet AST taqa', b'definizzjoni, taħt it-taħriġ professjonali huwa legalment żbaljat, jew għall-inqas, impreċiż.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi (ara l-punti 33 sa 37 tas-sentenza appellata), peress illi t-TSP ma sab ebda sostenn fil-proċess biex jikkonkludi fil-punt 35 tas-sentenza appellata li "l-Awtorità tal-Ħatra ma ħadet ebda kont taċ-ċertifikazzjoni tal-uffiċjali fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-meriti ta' dawn tal-aħħar qabel ma stabbilit il-lista tal-uffiċjali fil-grad AST 8 promossi għall-grad ta' AST 9 skont il-proċedura ta' promozzjoni 2010" [traduzzjoni ma hijiex uffiċjali].

____________