Language of document : ECLI:EU:T:2014:817

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

25 ta’ Settembru 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali – Forma ta’ għodda għall-issikkar ta’ kamin (turnbuckle) – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑171/12,

Peri GmbH, stabbilita f’Weißenhorn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Dönch, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Walicka, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tas-26 ta’ Jannar 2012 (Każ R 1209/2011‑1), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal tridimensjonali kkostitwit minn forma ta’ għodda għall-issikkar ta’ kamin (turnbuckle) bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ April 2012,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Lulju 2012,

wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-5 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti, Peri GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        Il-forma tridimensjonali li għaliha ġiet ippreżentata applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark hija riprodotta iktar ’il quddiem:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 6 u 19 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 6: “Forom tal-konkrit u l-aċċessorji tagħhom tal-metall”;

–        klassi 19: “Forom tal-konkrit u l-aċċessorji tagħhom li ma humiex tal-metall”.

4        Fil-21 ta’ April 2011, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-prodotti kkonċernati kollha fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

5        Fis-7 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat appell, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        B’deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata lir-rikorrenti fit-13 ta’ Frar 2012, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell peress li, f’dak li jirrigwarda l-prodotti inkwistjoni, is-sinjal tridimensjonali li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja kien nieqes minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett

9        Meta mistoqsija matul is-seduta fuq l-osservazzjonijiet sussegwenti li hija fformulat dwar ir-rapport għas-seduta, ir-rikorrenti informat lill-Qorti Ġenerali bix-xewqa tagħha li din tiġi mibdula sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni r-restrizzjoni tal-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni. Meta mistoqsija f’dan is-sens, hija ppreċiżat li din ir-restrizzjoni kienet sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din seħħet fit-23 ta’ Mejju 2014, u li hija kienet tipprovdi, fir-rigward tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, deskritti fil-punt 3 iktar ’il fuq, din il-kjarifika: “bl-eċċezzjoni tal-illokkjar tal-forom”.

10      L-UASI oġġezzjona t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din it-talba mill-Qorti Ġenerali, hekk kif jirriżulta fil-fehma tiegħu mill-ġurisprudenza [sentenza tal-20 ta’ Novembru 2007, Tegometall International vs UASI – Wuppermann (TEK), T‑458/05, Ġabra, EU:T:2007:349], sa fejn din twassal għal emenda irregolari tas-suġġett, bis-saħħa tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

11      Skont l-UASI, huwa veru li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li dikjarazzjoni mill-applikant għat-trade mark, wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li permezz tagħha dan ikun irtira l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ ċerti prodotti jew servizzi li oriġinarjament kienu inklużi, jista’ jiġi interpretat bħala li jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata biss sa fejn dan jirrigwarda l-bqija tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, u għalhekk ma jibdilx is-suġġett. Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, peress li r-restrizzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark ma twassalx għall-irtirar tal-prodott, iżda jikkonsisti f’bidla fid-deskrizzjoni tal-prodotti inkwistjoni.

12      Minkejja din l-oġġezzjoni, ir-rikorrenti kompliet issostni l-analiżi tagħha.

13      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Ġenerali tista’ tannulla jew temenda d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-UASI jekk, fil-mument meta ngħatat, din kienet ivvizzjata minn waħda mir-raġunijiet ta’ annullament jew ta’ bidla pprovduti fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament, il-Qorti Ġenerali għandu jiddeċiedi fir-rigward tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża hekk kif tressqet quddiem il-Bord ta’ Appell (ara s-sentenza TEK, punt 10 iktar ’il fuq, EU:T:2007:349, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni ma tistax tiġi annullata jew emendata għal raġunijiet li jinbtu wara li tkun mogħtija [sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C‑416/04 P, Ġabra, EU:C:2006:310, punt 55, u tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra, EU:T:2008:268, punt 24].

15      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 26(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, “Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tikkonsisti f’dawn li ġejjin […] lista ta’ prodotti jew servizzi fir-rigward ta’ liem irreġistrazzjoni hija mitluba”.

16      L-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li “[l]-applikant jista’ f’kull ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja jew jirrestrinġi l-lista ta’ prodotti jew servizzi li jkunu jinsabu fiha”.

17      F’din il-kawża, huwa stabbilit li r-rikorrenti pproċediet b’miżura ta’ restrizzjoni tal-prodotti previsti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha ta’ trade mark Komunitarja wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

18      Minn dan jirriżulta li, bħala prinċipju, restrizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 207/2009, tal-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi li jinsabu f’applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, li seħħet wara li ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata mill-Bord tal-Appell quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tistax taffettwa l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni, li hija l-unika waħda kkontestata quddiem din l-aħħar qorti (ara s-sentenza Mozart, punt 14 iktar ’il fuq, EU:T:2008:268, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-UASI tista’ tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali biss f’dak li jirrigwarda ċerti prodotti jew servizzi li huma inklużi fil-lista koperta mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata. F’każ bħal dan, din id-deċiżjoni ssir definittiva għall-prodotti jew għas-servizzi l-oħra li huma inklużi fl-istess lista (sentenza Mozart, punt 14 iktar ’il fuq, EU:T:2008:268, punt 26).

20      Fid-dawl ta’ din il-possibbiltà, il-Qorti Ġenerali interpretat dikjarazzjoni tal-applikant għat-trade mark quddiemha u, għalhekk, wara li ngħatat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li tipprovdi li huwa rtira l-applikazzjoni tiegħu għal ċerti prodotti koperti mill-applikazzjoni inizjali, bħala dikjarazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija biss ikkontestata sa fejn tkopri l-bqija tal-prodotti kkonċernati, jew bħala rinunzja parzjali għall-atti, fil-każ fejn din id-dikjarazzjoni ssir fi stadju avvanzat tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza Mozart, punt 14 iktar ’il fuq, EU:T:2008:268, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Madankollu, jekk, permezz tar-restrizzjoni tiegħu tal-lista tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, l-applikant għat-trade mark ma għandux l-intenzjoni li jirtira prodott wieħed jew iktar minn din il-lista, iżda li jibdel karatteristika waħda jew iktar, ma jistax jiġi eskluż li din il-bidla jista’ jkollha effett fuq l-eżami tat-trade mark Komunitarja mwettaq mid-dipartimenti tal-UASI matul il-proċeduri amministrattivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammissjoni ta’ din il-bidla fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali hija ekwivalenti għal bidla tas-suġġett fl-istanza, ipprojbita mill-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Għalhekk, restrizzjoni bħal din ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali għall-eżami tal-mertu tar-rikors [sentenzi TEK, punt 10 iktar ’il fuq, EU:T:2007:349, punt 25, u tal-20 ta’ Frar 2013, Caventa vs UASI – Anson’s Herrenhaus (B BERG), T‑631/11, EU:T:2013:85, punt 23].

22      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-restrizzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata li saret fit-23 ta’ Mejju 2014, li r-rikorrenti rreferiet għaliha matul is-seduta, tistax tiġi interpretata bħala dikjarazzjoni tar-rikorrenti li hija tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata biss meta din tirrigwarda l-prodotti li jidhru fil-lista emendata, jew bħala rinunzja parzjali għall-atti.

23      Dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, permezz ta’ din ir-restrizzjoni, ir-rikorrenti ma rtiratx prodotti mil-lista ta’ dawn il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, li jibqgħu, minn naħa, jikkonċernaw il-klassi 6, il-forom tal-konkrit u l-aċċessorji tagħhom tal-metall, u jikkonċernaw il-klassi 19, il-forom tal-konkrit u l-aċċessorji tagħhom li ma humiex tal-metall, iżda indikat li dawn il-prodotti għandhom jinftehmu “bl-eċċezzjoni tal-illokkjar tal-forom”. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li, meta għamlu hekk, ir-rikorrenti wettqu bidla li tista’ taffettwa l-eżami tat-trade mark Komunitarja mwettqa mid-dipartimenti tal-UASI matul il-proċeduri amministrattivi. Madankollu, hekk kif intqal fil-punt 21 iktar ’il fuq, tali restrizzjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, peress li tbiddel is-suġġett.

24      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-prodotti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-rikors preżenti huma dawk inklużi fil-lista tal-prodotti previsti mill-applikazzjoni għal trade mark inizjali tar-rikorrenti (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

25      Konsegwentement, it-talba tar-rikorrenti msemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

26      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u t-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

27      Ir-rikorrenti ssostni, li minħabba fil-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, kompost minn professjonisti, li huwa ikbar mil-livell ta’ attenzjoni li jikkaratterizza l-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, kif ukoll il-karatteristiċi rikonoxxibbli ħafna tal-għodda għall-issikkar irrappreżentat mis-sinjal inkwistjoni, il-Bord tal-Appell kellu jikkonstata l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

28      Hija ssostni li l-Bord tal-Appell ma pprovdiex fatti konkreti insostenn tal-analiżi tiegħu, iżda bbaża ruħu fuq sempliċi suppożizzjonijiet li ma humiex issostanzjati. Hija żiedet li dawn huma kontradetti mill-provi prodotti quddiem l-UASI, b’mod partikolari permezz tal-istħarriġ li hija pproduċiet u li l-Bord tal-Appell kien b’mod żbaljat ikkunsidra bħala li jikkonċerna biss il-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż, filwaqt li l-għodda għall-issikkar huwa sinjal li jista’ jkun “moqri” mingħajr il-bżonn tal-ebda għarfien lingwistiku.

29      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv”.

31      Il-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari u b’hekk li ssir distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħra [ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2010, Wilo vs UASI (Kaxxa tal-krank (crankcase) b’uċuħ ta’ mutur elettriku u rappreżentazzjoni ta’ wċuħ ħodor), T‑253/09, u T‑254/09, EU:T:2010:507, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata].

32      Dan il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u min-naħa l-oħra, b’rigward għall-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti, magħmul mill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, tal-imsemmija prodotti jew servizzi għandu tagħhom (ara s-sentenza Kaxxa tal-krank (crankcase) b’uċuħ ta’ mutur elettriku u rappreżentazzjoni ta’ wċuħ ħodor, punt 31 iktar ’il fuq, EU:T:2010:507, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks li jikkonsistu fid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra tat-trade marks (ara s-sentenza Kaxxa tal-krank (crankcase) b’uċuħ ta’ mutur elettriku u rappreżentazzjoni ta’ wċuħ ħodor, punt 31 iktar ’il fuq, EU:T:2010:507, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-preċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma huwiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fl‑assenza ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, ma għandhomx id-drawwa li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq il-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva (ara s-sentenza Kaxxa tal-krank (crankcase) b’uċuħ ta’ mutur elettriku u rappreżentazzjoni ta’ wċuħ ħodor, punt 31 iktar ’il fuq, EU:T:2010:507, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, iktar mal-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun qrib tal-forma li x’aktarx jieħu l-prodott inkwistjoni, iktar ikun probabbli li l-imsemmija forma tkun nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma jew mill-użanzi tas-settur u, minħabba f’dan, tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha tal-oriġini li ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara s-sentenza Kaxxa tal-krank (crankcase) b’uċuħ ta’ mutur elettriku u rappreżentazzjoni ta’ wċuħ ħodor, punt 31 iktar ’il fuq, EU:T:2010:507, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

37      Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra, li dan kien pubbliku speċjalizzat (punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata). Filwaqt li taqbel ma’ din l-analiżi, ir-rikorrenti tikkonkludi li l-pubbliku rilevanti huwa għalhekk il-pubbliku kompost minn professjonisti, li huwa biss parzjalment korrett. Peress li, hekk kif tammetti r-rikorrenti, ir-relazzjoni ta’ dan il-pubbliku mal-qasam ikkonċernat jimplika b’mod iktar usa’ persuni “li huma fundamentalment ikkonċernati” din tista’, skont il-każ, b’differenza mill-aċċettazzjoni ta’ dawn l-aħħar termini użati mir-rikorrenti, tmur lil hinn mill-kuntest ta’ dak li huwa strettament professjonali.

38      Wara li saret din il-kjarifika, għandu jiġi nnotat li l-partijiet ġustament jaqblu fuq il-konklużjoni li għandha tittieħed li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn pubbliku speċjalizzat, jiġifieri l-livell ta’ attenzjoni ogħla li għandu dan il-pubbliku fil-konfront ta’ sinjal tridimensjonali bħas-sinjal inkwistjoni, li b’mod partikolari jidher mill-fatt li “jagħti attenzjoni lill-karatteristiċi tekniċi ta’ tali sistema ta’ llokkjar (rispettivament lill-kwalità tal-materjal u tal-kostruzzjoni)” (punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li minħabba fil-livell għoli ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, il-karatteristiċi tal-għodda għall-issikkar koperti mis-sinjal tridimensjonali li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja, jiġifieri, b’mod partikolari, il-filliera ta’ snien esposti u l-parti ċentrali li taqta’ fil-virga vertikali ta’ ankoraġġ, ma jistgħux ma jiġux innotati u għalhekk jagħtu lil din it-trade mark karattru distintiv, li jikkorrobora r-riżultat ta’ stħarriġ. Hija tikkritika lill-Bord tal-Appell għaliex ma pproduċa l-ebda prova konkreta li hija ta’ natura li tiġġustifika r-rifjut tiegħu li jirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

40      Il-Bord tal-Appell, min-naħa tiegħu, ikkunsidra li, preċiżament minħabba l-livell għoli ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, enfasizzat fil-punt 38 iktar ’il fuq, dan jifhem qabel kollox l-elementi funzjonali inkwistjoni bħala mezzi tekniċi għall-konnessjoni jew għall-għeluq b’mod partikolari, ta’ elementi ta’ ħajt jew ta’ partijiet tal-konkrit. Dawn l-elementi tekniċi huma preżenti f’għodod oħra għall-issikkar, u d-differenzi żgħar li jippreżenta l-għodda għall-issikkar inkwistjoni ma’ dawn tal-aħħar, fil-fehma tal-Bord tal-Appell, ma jippermettix li t-trade mark tridimensjonali li għaliha saret applikazzjoni tkun ikkunsidrata bħala li għandha disinn uniku u sinjifikattiv.

41      Għandu jiġi enfasizzat li, fil-qasam tat-trade marks tridimensjonali, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma jew mill-użanzi tas-settur u, minħabba f’dan, tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha tal-oriġini li ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv.

42      Din l-analiżi tibqa’ rilevanti meta l-pubbliku inkwistjoni huwa pubbliku speċjalizzat [ara, fir-rigward ta’ ċirku ristrett ta’ konsumaturi, dwar mikrofoni, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Neumann vs UASI (Forma ta’ ras ta’ mikrofonu), T‑358/04, Ġabra, EU:T:2007:263, punt 46, ta’ tined u kapunew li jagħtu d-dell, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, Somm vs UASI (Struttura li tagħti d-dell), T‑351/07, EU:T:2008:591, punt 29, u ta’ arloġġi tal-idejn ta’ lussu u wċuħ ta’ arloġġi tal-idejn ta’ lussu, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2009, Lange Uhren vs UASI (Arranġamenti ġeometriċi fuq il-wiċċ ta’ arloġġ tal-idejn), T‑152/07, EU:T:2009:324, punt 87].

43      Għalhekk permezz ta’ applikazzjoni eżatta tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell innota l-assenza ta’ disinn uniku u sinjifikattiv tal-għodda għall-issikkar hawn irrappreżentata, b’dan tal-aħħar juri biss differenzi żgħar minn prodotti oħra ta’ dan it-tip. Fil-fatt, l-għodda għall-issikkar inkwistjoni ma jidhirx li, f’din il-kawża, jippreżenta tali natura li ma hijiex tas-soltu li jkun possibbli li jiġi kkunsidrat li r-rappreżentazzjoni tridimensjonali tiegħu waħedha jippermetti li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi kkunsidrata bħala li għandha l-kapaċità intrinsika li tiddistingwi l-prodotti li hija intiża sabiex tkopri minn dawk tal-kompetituri tagħha.

44      Għalkemm ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell ma pproduċa l-ebda prova konkreta insostenn ta’ din l-affermazzjoni, dan l-argument huwa fattwalment inkorrett. F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell eżamina l-eżempji tal-għodod għall-issikkar prodotti mill-kompetituri tar-rikorrenti, u nnota li dawn sempliċement jippermettu li jiġi stabbilit li t-tnalji jista’ “jkollhom disinni funzjonali jew estetiċi differenti”, iżda li “dawn il-varjazzjonijiet tal-prodott” ma jimplikawx il-konstatazzjoni ta’ “funzjoni ta’ trade mark fl-impressjoni ġenerali tagħhom” (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ġustament indikat lir-rikorrenti li ma kienx biżżejjed li l-pubbliku jista’ jirrikonoxxi d-differenzi bejn l-għodod għall-issikkar differenti, li fil-fatt, jista’ jseħħ mill-pubbliku speċjalizzat f’din il-kawża, iżda li għandu jkun kapaċi li jipperċepixxi l-varjanti tal-forma ta’ għodda għall-issikkar ta’ kamin (turnbuckle) ippreżentata mir-rikorrenti bħala “hekk kbira [li] tingħaraf bħala indikazzjoni tal-oriġini” (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hekk kif sostna b’mod rilevanti l-Bord tal-Appell, id-differenzi ppreżentati mill-għodda għall-issikkar inkwistjoni, li huma ċertament identifikabbli, madankollu, dawn jidhru bħala sempliċi varjazzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-għodda għall-issikkar ta’ kamin. Dawn il-karatteristiċi ma humiex għalhekk ta’ natura tali li jiddistingwu l-prodott inkwistjoni u jindikaw huma stess oriġini kummerċjali speċifika.

45      Fl-aħħar nett, dwar in-natura probatorja tal-istħarriġ ipprovdut mir-rikorrenti matul il-proċeduri quddiem l-UASI dwar il-karattru distintiv tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni, għandu jiġi enfasizzat li ġustament il-Bord tal-Appell sostna li dan kien sar biss fil-konfront tal-pubbliku speċjalizzat li jitkellem bil-Ġermaniż u mhux il-pubbliku speċjalizzat tal-Unjoni Ewropea, li huwa l-pubbliku rilevanti f’din il-kawża. Fil-fatt, anki jekk din kienet applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali, li ma għandhiex bżonn ta’ konoxxenzi lingwistiċi sabiex tkun “moqrija”, hekk kif ġustament issostni r-rikorrenti, jibqa’ l-fatt li l-pubbliku speċjalizzat li jitkellem bil-Ġermaniż huwa iktar familjari mal-prodotti kkummerċjalizzati mill-impriżi Ġermaniżi jew Awstrijaċi u għalhekk iwassal naturalment sabiex iktar ta’ spiss jissemma isimhom fi stħarriġ milli kieku jsir minn pubbliku speċjalizzat tal-Unjoni, kollha kemm hi.

46      Barra minn hekk, ir-rikorrenti, meta ssemmi r-riżultati ta’ dan l-istħarriġ, sostniet quddiem il-Bord tal-Appell (ir-raba’ inċiż tal-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata) li “perċentwali għolja tal-pubbliku speċjalizzat li jitkellem bil-Ġermaniż” kien identifika l-produttur tal-forma tridimensjonali li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja. Madankollu, il-karattru distintiv għandu jiġi pperċepit bħala tali mill-pubbliku rilevanti kollu (jiġifieri l-pubbliku rilevanti tal-Unjoni). Minn dan jirriżulta li ġustament il-Bord tal-Appell ma vvalidax dan l-istħarriġ bħala li ma jippermettix li jwassal għall-konklużjoni tagħha dwar l-assenza ta’ karattru distintiv tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni.

47      Sa fejn ir-rikorrenti tagħmel użu minn dawn ir-riżultati tal-istħarriġ sabiex tistabbilixxi l-karattru distintiv ta’ dan is-sinjal mal-pubbliku rilevanti dwar il-prodott li kien diġà kkummerċjalizzat minnha, li dan is-sinjal jirrappreżenta, għandu jiġi indikat li tali argument jirrigwarda l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu li kien sar tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għalhekk mingħajr ma kien wettaq żball ta’ liġi l-Bord tal-Appell irrileva li tali element ma setax iwassal għall-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ raġuni assoluta għal rifjut fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 mill-UASI [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2002, Mag Instrument vs UASI (Forma ta’ torċ tal-idejn), T‑88/00, Ġabra, EU:T:2002:28, punt 39], u dan jista biss jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, li fl-ebda waqt matul il-proċedura, ir-rikorrenti ma talbet għall-benefiċċju tiegħu.

48      Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata li t-trade mark tridimensjonali inkwistjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv għall-prodotti kollha kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

49      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 207/2009

50      Għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, fi tmiem din id-deċiżjoni semma’ l-possibbiltà li seta’ kellu l-eżaminatur li jiċħad ukoll l-applikazzjoni għal trade mark tar-rikorrenti taħt l-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 207/2009 bħala superfluwu, iżda ma għamilx użu minn dan. Jirriżulta, fil-fatt, mill-ifformular ta’ dan il-punt li, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-Bord tal-Appell irrinunzja li jirrinvija l-każ lill-eżaminatur għal deċiżjoni addizzjonali peress li l-talba kellha “xorta waħda tiġi miċħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009”, evalwazzjoni li l-legalità tagħha ġiet ikkonfermata fil-punti 30 sa 48 iktar ’il fuq.

51      Għalhekk, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 207/2009, hekk kif l-UASI osserva fir-risposta, il-motiv ibbażat fuq ksur tagħha jibqa’ mingħajr rilevanza għall-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

52      Għal din l-istess raġuni, l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, li taħtu d-deċiżjonijiet tal-UASI huma mmotivati, ma ġiex miksur. Peress li dan huwa element li fir-rigward tiegħu l-Bord tal-Appell iddeċieda li ma jiħux deċiżjoni ex officio dwaru, il-konsultazzjoni minn qabel tar-rikorrenti ovvjament ma kinitx meħtieġa.

53      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

54      Għalhekk, mingħajr il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tad-dokument prodott waqt is-seduta mir-rikorrenti, ir-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

55      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

56      Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Peri GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Settembru 2014.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.