Language of document : ECLI:EU:T:2014:817

Kawża T‑171/12

Peri GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali – Forma ta’ għodda għall-issikkar ta’ kamin (turnbuckle) – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-25 ta’ Settembru 2014

1.      Trade mark Komunitarja – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell – Annullament jew bidla għal kawżi li jseħħu wara li tingħata d-deċiżjoni – Esklużjoni

(Regolament tal‑Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 65(2) u 76)

2.      Trade mark Komunitarja – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni – Limitazzjoni tal-lista tal-prodotti u s-servizzi wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell – Konsegwenzi

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 135(4)) (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 43(1))

3.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Evalwazzjoni tal-karattru distintiv – Kriterji

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

4.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Trade mark tridimensjonali kkostitwita mill-forma tal-prodott – Karattru distintiv – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

5.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 13, 14)

2.      Bħala prinċipju, restrizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komuntarja, tal-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi li jinsabu f’applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, li seħħet wara li ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata mill-Bord tal-Appell quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tistax taffettwa l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni, li hija l-unika waħda kkontestata quddiem din l-aħħar qorti. Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tista’ tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali biss f’dak li jirrigwarda ċerti prodotti jew servizzi li huma inklużi fil-lista koperta mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata. F’każ bħal dan, din id-deċiżjoni ssir definittiva għall-prodotti jew għas-servizzi l-oħra li huma inklużi fl-istess lista.

B’hekk, dikjarazzjoni tal-applikant għat-trade mark quddiem il-Qorti Ġenerali u, għalhekk, wara li ngħatat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li tipprovdi li huwa rtira l-applikazzjoni tiegħu għal ċerti prodotti koperti mill-applikazzjoni inizjali, tista’ tiġi interpretata bħala dikjarazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija biss ikkontestata sa fejn tkopri l-bqija tal-prodotti kkonċernati, jew bħala rinunzja parzjali għall-atti, fil-każ fejn din id-dikjarazzjoni ssir fi stadju avvanzat tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Madankollu, jekk, permezz tar-restrizzjoni tiegħu tal-lista tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, l-applikant għat-trade mark ma għandux l-intenzjoni li jirtira prodott wieħed jew iktar minn din il-lista, iżda li jibdel karatteristika waħda jew iktar, ma jistax jiġi eskluż li din il-bidla jista’ jkollha effett fuq l-eżami tat-trade mark Komunitarja mwettaq mid-dipartimenti tal-UASI matul il-proċeduri amministrattivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammissjoni ta’ din il-bidla fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali hija ekwivalenti għal bidla tas-suġġett fl-istanza, ipprojbita mill-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Għalhekk, restrizzjoni bħal din ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali għall-eżami tal-mertu tar-rikors.

(ara l-punti 18-21)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31, 32)

4.      Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks li jikkonsistu fid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra tat-trade marks Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-preċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma huwiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji ma għandhomx id-drawwa li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq il-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva. Barra minn hekk, iktar mal-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun qrib tal-forma li x’aktarx jieħu l-prodott inkwistjoni, iktar ikun probabbli li l-imsemmija forma tkun nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma jew mill-użanzi tas-settur u, minħabba f’dan, tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha tal-oriġini li ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

(ara l-punti 33-35)

5.      Huwa nieqes minn karattru distintiv meta mqabbel mal-prodotti kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, is-sinjal tridimensjonali kkostitwit minn forma ta’ għodda għall-issikkar ta’ kamin (turnbuckle), li għalih ġiet ippreżentata applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal “Forom tal-konkrit u l-aċċessorji tagħhom tal-metall” u “Forom tal-konkrit u l-aċċessorji tagħhom li ma humiex tal-metall” li jaqgħu taħt il-klassijiet 6 u 19 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, sa fejn, għall-pubbliku speċjalizzat tal-Unjoni, l-għodda għall-issikkar inkwistjoni juri biss differenzi żgħar minn prodotti oħra ta’ dan it-tip. Fil-fatt, l-għodda għall-issikkar inkwistjoni ma jidhirx li jippreżenta tali natura li ma hijiex tas-soltu li jkun possibbli li jiġi kkunsidrat li r-rappreżentazzjoni tridimensjonali tiegħu waħedha jippermetti li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi kkunsidrata bħala li għandha l-kapaċità intrinsika li tiddistingwi l-prodotti li hija intiża sabiex tkopri minn dawk tal-kompetituri tagħha.

(ara l-punti 37, 38, 43)