Language of document : ECLI:EU:C:2019:1003

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fil‑21 ta’ Novembru 2019(1)

Kawża C584/18

D. Z.

vs

Blue Air - Airline Management Solutions SRL et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Eparchiako Dikastirio Larnakas (il-Qorti Distrettwali ta’ Larnaca, Ċipru))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontroll fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri – Deċiżjoni Nru 565/2014/UE – Effett dirett – Regolament Nru 261/2004 – Rifjut ta’ imbark – Kunċett – Żball fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar – Klawżoli ta’ limitazzjoni tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru”






1.        Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Eparchiako Dikastirio Larnakas (il-Qorti Distrettwali ta’ Larnaca, Ċipru) qiegħda tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ħames domandi dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 (2) u tar-Regolament Nru 261/2004 (3). Dawn id-domandi rriżultaw fil-kuntest ta’ tilwima bejn D. Z. u BlueAir – Airline Management Solutions S.R.L. (iktar ’il quddiem “Blue Air”) li bħala suġġett għandha r-rifjut ta’ din tal-aħħar li timbarka lil D. Z. fuq titjira minn Larnaca (Ċipru) lejn Bukarest (ir-Rumanija).

 Il-kuntest ġuridiku

2.        Konformement mal-Artikolu 4(1) tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (4), ir-Rumanija hija obbligata mill‑1 ta’ Jannar 2007, id-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, teħtieġ viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi inklużi fil-lista tal-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001 (5). Skont l-Artikolu 4(2), id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen dwar il-kundizzjonijiet u l-kriterji għall-ħruġ ta’ viżi uniformi kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-viżi u l-ekwivalenza bejn id-dokumenti ta’ residenza u l-viżi jorbtu lir-Rumanija mid-data tal-adeżjoni, minkejja li dawn ma japplikawx sakemm tiġi adottata deċiżjoni tal-Kunsill f’dan ir-rigward. Għalhekk, ir-Rumanija hija obbligata toħroġ viżi nazzjonali, ta’ dħul jew ta’ tranżitu, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom viża uniformi jew viża għal residenza twila jew dokument ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru li jimplimenta b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen jew li jkollhom dokument simili maħruġ minn Ċipru, mill-Bulgarija, jew mill-Kroazja, li, bħar-Rumanija, għadhom ma jagħmlux parti miż-żona Schengen. Sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni, fuq ir-Rumanija u fuq l-Istati Membri li aderixxew mal-Unjoni fl‑1 ta’ Mejju 2004, ta’ obbligi amministrattivi inġustifikati, fil-fażi preċedenti għad-dħul tagħhom fiż-żona Schengen, ġew adottati d-Deċiżjonijiet Nru 895/2006 (6), Nru 582/2008 (7) u, finalment, id-Deċiżjoni Nru 565/2014, li ħassret l-ewwel tnejn u li tikkonċerna biss lir-Rumanija, il-Bulgarija, Ċipru u l-Kroazja.

3.        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Deċiżjoni Nru 565/2014, applikata kemm minn Ċipru kif ukoll mir-Rumanija fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, “tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni fejn il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija jistgħu jirrikonoxxu b’mod unilaterali bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorju tagħhom li ma jaqbżux id‑90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ viża skont ir-Regolament […] Nru 539/2001”.

4.        Skont l-Artikolu 2(1), tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija jistgħu jikkunsidraw bħala ekwivalenti għall-viża nazzjonali tagħhom, indipendentement min-nazzjonalità tad-detenturi, id-dokumenti elenkati fl-Artikolu 2(1)(a) sa (c), maħruġa mill-Istati Membri li jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen. Konformement mal-Artikolu 2(3) jekk huma jiddeċiedu li japplikaw id-Deċiżjoni Nru 565/2014, “il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru jew ir-Rumanija […] għandhom jirrikonoxxu d-dokumenti kollha msemmija fil-paragrafi 1 u 2, irrispettivament mill-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument, ħlief jekk dawn ikunu mehmuża ma’ dokumenti ta’ vvjaġġar li huma ma jirrikonoxxux jew ma’ dokumenti ta’ vvjaġġar maħruġa minn pajjiż terz li miegħu ma jkollhomx relazzjonijiet diplomatiċi”.

5.        Skont l-Artikolu 3(1), tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, “[j]ekk il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru jew ir-Rumanija jiddeċiedu li japplikaw l-Artikolu 2, huma jistgħu […] jirrikonoxxu bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom”, il-viżi u l-permessi elenkati fl-Artikolu 3(1)(a) u (b), maħruġa minn dawn l-istess Stati Membri, ħlief jekk dawn ikunu mehmuża ma’ dokumenti tal-ivvjaġġar li huma ma jirrikonoxxux jew ma’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn pajjiż terz li miegħu ma jkollhomx relazzjonijiet diplomatiċi. L-Artikolu 3(2) jippreċiża li d-dokumenti maħruġa minn Ċipru li jistgħu jiġu rrikonoxxuti huma elenkati fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 565/2014.

6.        Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, “[j]ekk jiddeċiedu li japplikaw din id-Deċiżjoni il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fi żmien 20 jum ta’ ħidma mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni kkomunikata minn dawn l-Istati Membri f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”. Fis‑6 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 l-informazzjoni segwenti fir-rigward tar-Rumanija: “Ir-Rumanija timplimenta d-Deċiżjoni 565/2014/UE u, skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni jirrikonoxxi viżi nazzjonali u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Bulgarija, Ċipru u l-Kroazja elenkati, rispettivament, fl-Anness I, II u III tad-Deċiżjoni, bħala ekwivalenti għal viżi Rumeni” (8).

7.        Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 539/2001, iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi elenkati fil-lista tal-Anness I ta’ dan ir-regolament għandhom ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Il-Kazakistan huwa inkluż f’din il-lista.

8.        L-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 jippreċiża li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, il-kliem “il-fatt li persuna ma tħallietx titla” jfisser “tiċħid ghat-trasport ta’ passiġġieri fuq titjira, minkejja li ppreżentaw lilhom infushom biex jitilgħu taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2), ħlief għal fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex ma jitħallewx jitilgħu, bħal raġunijiet ta’ saħħa, sigurezza u sigurtá, jew dokumentazzjoni ta’ l-ivjaggar mhux xierqa”.

9.        Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004, “[j]ekk passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħtihom kumpens minnufih skond l-Artikolu 7 u jassistihom skond l-Artikoli 8 u 9”.

10.      L-Artikolu 15, tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Esklużjoni tar-rinunzja”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “Obbligazzjonijiet fir-rigward ta’ passiġġieri skond dan ir-Regolament ma jistgħux jiġu limitati jew irrinunzjati, partikolarment permezz ta’ deroga jew klawżola li tirrestrinġi fil-kuntratt ta’ ġarr”.

 Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      D. Z. ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa ċittadin tal-Kazakistan. Blue Air, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, hija kumpannija Rumena, irreġistrata f’Ċipru fl‑2015, li stabbilixxiet l-istabbiliment prinċipali tagħha f’dan l-Istat Membru.

12.      Fis‑6 ta’ Settembru 2015 D. Z. mar fl-ajruport ta’ Larnaca sabiex jimbarka fuq titjira tal-konvenuta lejn Bukarest, li fuqha kellu riżervazzjoni kkonfermata. Is-soġġorn ta’ D. Z. f’Bukarest kellu jdum mis‑6 sat‑12 ta’ Settembru 2015, data li fiha kienet prevista t-titjira ta’ ritorn minn Bukarest lejn Larnaca permezz ta’ trasportatur bl-ajru ieħor. L-għan tal-vjaġġ kien li D. Z. jagħmel żewġ eżamijiet tal-ACCA (Association of Chartered Certified Accountants), li kellhom isiru fis‑7 ta’ Settembru f’Bukarest.

13.      Fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, D. Z. kellu passaport validu maħruġ mill-Kazakistan kif ukoll permess ta’ residenza temporanja fit-territorju tar-Repubblika ta’ Ċipru, maħruġ f’Nikosija fil‑15 ta’ Ġunju 2015 u b’tul sas‑6 ta’ April 2016. Minkejja li d-digriet tar-rinviju ma jaffermax dan b’mod espliċitu, jidher paċifiku li dan il-permess ta’ residenza kien jaqa’ fost dawk elenkati fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 (9), irrikonoxxuti mir-Rumanija konformement mal-Artikolu 3(1)(b), tad-Deċiżjoni Nru 565/2014.

14.      Qabel id-data prevista għat-tluq tiegħu lejn ir-Rumanija, D. Z. kien applika b’mod elettroniku għall-ħruġ ta’ visa ta’ dħul fir-Rumanija permezz tal-paġna internet tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta’ dan l-Istat Membru. Fit-tweġibiet għall-kwestjonarju relattiv, D. Z. kien iddikjara li jaqa’ fil-kategorija segwenti: “I hold a short-stay issued by Bulgaria, Cyprus or Croatia.”. It-tweġiba rċevuta mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Rumanija kienet li ma kien hemm l-ebda obbligu li wieħed ikollu viża ta’ dħul jekk it-tul tas-soġġorn tiegħu f’dan l-Istat Membru ma kienx ser jaqbeż 90 jum f’perijodu ta’ 180 jum.

15.      Wara li wasal fi żmien xieraq fl-ajruport ta’ Larnaca, D. Z. ġie suġġett għall-kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar mill-impjegati tal-kumpannija privata li taġixxi bħala mandatarja tal-kumpannija Blue Air f’Ċipru. D. Z. kellu miegħu u wera, minbarra l-passaport u l-permess ta’ residenza Ċiprijott, l-applikazzjoni għal viża magħmula permezz tal-paġna internet tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Rumen u t-tweġiba, miksuba b’mod elettroniku, li skontha huwa ma kienx mitlub ikollu viża għall-finijiet tad-dħul fir-Rumanija.

16.      L-impjegati li wettqu l-kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ D. Z. ikkuntattjaw telefonikament lill-persunal tal-kontroll mill-art ta’ Blue Air fl-ajruport ta’ Bukarest, li lilhu huma bagħtu d-dokumenti kollha ppreżentati minn D. Z. It-tweġiba tal-impjegata ta’ Blue Air li kienet qiegħed xogħol fl-ajruport ta’ Bukarest, mibgħuta permezz ta’ posta elettronika, kienet is-segwenti: “I am sorry but they said that without a visa or a family member residence card, he can’t enter Romania” (“jiddispjaċini iżda qalu li mingħajr viża jew karta ta’ residenza għal membru tal-familja, huwa ma jistax jidħol fir-Rumanija”).

17.      Fid-dawl ta’ din it-tweġiba u tal-fatt li t-trasport ta’ D. Z. fir-Rumanija kien jimplika l-obbligu ta’ Blue Air li tibagħtu lura lejn Ċipru immedjatament, u kien jesponiha għal sanzjonijiet amministrattivi u kriminali, ġie deċiż li ma jiġix awtorizzat l-imbark ta’ D. Z. fuq it-titjira rriżervata minnu. Dan tal-aħħar talab li jingħatawlu bil-miktub ir-raġunijiet għar-rifjut tal-imbark tiegħu fuq l-ajruplan, xi ħaġa li qatt ma ġrat. Huwa paċifiku wkoll li D. Z. ma rċieva komunikazzjoni tal-ebda deċiżjoni bil-miktub tal-awtoritajiet Rumeni li fiha kienu indikati r-raġunijiet għar-rifjut tal-awtorizzazzjoni tad-dħul tiegħu fit-territorju Rumen.

18.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, D. Z. qiegħed jitlob kumpens għall-ammont tal-prezz tal-biljett tiegħu tat-tluq u tar-ritorn, għall-ispejjeż tal-kanċellament tar-riżervazzjoni fil-lukanda f’Bukarest, għall-ispejjeż relatati mal-eżamijiet li ma sarux minħabba li ma telaqx lejn Bukarest, għall-ammont ekwivalenti għas-salarji li ma rċeviex mill-persuna li timpjegah minħabba leave tal-istudju għall-finijiet tal-preparazzjoni tiegħu għall-eżamijiet li kellhom isiru f’Bukarest, kif ukoll il-kumpens għad-dannu morali sostnut minħabba l-preparazzjoni inutli għall-eżamijiet, u minħabba l-preparazzjoni ulterjuri li kellu jagħmel sabiex jagħmel mill-ġdid l-istess eżamijiet f’data oħra. Huwa jafferma li r-rifjut ta’ imbark tiegħu fuq l-ajruplan tal-konvenuta, minkejja li kellu d-dokumenti tal-ivvjaġġar kollha mitluba konformement mad-Deċiżjoni Nru 565/2014 u kien irċieva t-tweġiba tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Rumanija, li skontha huwa ma kien suġġett għall-ebda obbligu ta’ viża, seħħ bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u tal-kuntratt konkluż mal-konvenuta.

19.      Blue Air toġġezzjona li kellu jkun D. Z. li jkollu kull viża ta’ dħul neċessarja meħtieġa mil-liġi jew mir-regolamenti, li huwa kien jaf jew kellu jkun jaf li kien hemm l-obbligu ta’ viża għar-Rumanija, li l-awtoritajiet Rumeni kellhom is-setgħa diskrezzjonali li ma jaċċettawx id-dħul tiegħu fil-pajjiż fl-assenza ta’ viża u li l-konvenuta ma tistax titqies responsabbli għad-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Rumeni li jiċħdulu d-dħul fit-territorju Rumen. Blue Air tagħmel riferiment ukoll għall-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport ippubblikati fuq is-sit internet tagħha, li jistabbilixxu espliċitament li l-kumpannija ma hijiex responsabbli għar-rifjut ta’ dħul ta’ passiġġier mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ destinazzjoni jew minħabba d-dokumenti li l-klijent għandu jkollu jew minħabba l-applikazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti jew direttivi tal-Istat ta’ destinazzjoni.

20.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Eparchiako Dikastirio Larnakas (il-Qorti Distrettwali ta’ Larnaca,) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Id-Deċiżjoni Nru 565/2014 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipproduċi effetti legali diretti b’mod li toħloq, minn naħa, id-dritt għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ma tkunx meħtieġa viża għall-finijiet tad-dħul tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-obbligu għall-imsemmi Stat Membru ta’ destinazzjoni li ma jeħtieġx tali viża, fil-każ fejn dawn iċ-ċittadini huma detenturi ta’ viża ta’ dħul jew dritt ta’ residenza li jaqa’ taħt il-lista ta’ dokumenti li jibbenefikaw minn rikonoxximent reċiproku skont id-Deċiżjoni Nru 565/2014, li l-Istat Membru ta’ destinazzjoni impenja ruħu li jimplimenta?

2.      Trasportatur bl-ajru li, huwa stess jew/u permezz tar-rappreżentanti u aġenti tiegħu fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, jirrifjuta l-imbark lil passiġġier billi jinvoka r-rifjut ta’ dħul min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni minħabba allegat nuqqas ta’ viża ta’ dħul, jista’ jitqies li qed jaġixxi u jeżerċita l-awtorità tiegħu bħala waħda mogħtija mill-imsemmi Stat, b’mod li l-passiġġier leż jista’ jopponi kontrih id-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ tluq, għall-finijiet tat-turija li kien id-detentur ta’ dritt ta’ dħul li ma għandux bżonn viża addizzjonali u tat-talba għal kumpens għall-ksur ta’ dan id-dritt u, konsegwentement, tal-kuntratt tiegħu ta’ trasport?

3.      Trasportatur bl-ajru jista’, huwa stess jew/u permezz tar-rappreżentanti u aġenti tiegħu fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, jirrifjuta l-imbark lil ċittadin ta’ pajjiż terz billi jinvoka r-rifjut tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni li jippermettulu d-dħul fit-territorju tiegħu, mingħajr ma deċiżjoni bil-miktub u motivata ta’ rifjut ta’ dħul tkun ġiet adottata u/jew tkun ġiet ikkomunikata minn qabel [ara l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2016/399, li kien l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 (10), li jipprevedi li d-dħul jista’ biss jiġi rrifjutat permezz ta’ deċiżjoni motivata], li b’hekk tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali u, iktar preċiżament, il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-passiġġier affettwat [ara l-Artikolu 4 tal-imsemmi Regolament (UE) 2016/399]?

4.      L-Artikolu 2(j) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kull każ ta’ rifjut ta’ imbark ta’ passiġġier deċiż minn trasportatur bl-ajru minħabba, allegatament, “dokumenti ta’ vvjaġġar inadegwati”? Tali rifjut ta’ imbark jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament f’każ ta’ deċiżjoni ta’ qorti jew tribunal li tiġġudika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull kawża, li d-dokumenti ta’ vvjaġġar kienu adegwati u li r-rifjut ta’ imbark kien inġustifikat jew illegali inkwantu jmur kontra d-dritt tal-Unjoni?

5.      Passiġġier jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għal kumpens ibbażat fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ limitazzjoni jew ta’ esklużjoni tar-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru f’każ ta’ dokumenti ta’ vvjaġġar allegatament inadegwati, meta tali klawżola tidher fil-kundizzjonijiet ġenerali, ippubblikati minn qabel, dwar il-modalitajiet ta’ funzjonament u/jew dwar il-provvisti ta’ servizzi tal-imsemmi trasportatur? L-Artikolu 15, moqri flimkien mal-Artikolu 14 tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq jipprekludi l-applikazzjoni ta’ tali klawżoli ta’ limitazzjoni u/jew ta’ esklużjoni tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru?”

21.      Konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, D. Z., Blue Air, il-Gvern Ġermaniż, Ċiprijott u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-persuni kkonċernati, bl-esklużjoni ta’ Blue Air, ippreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta miżmuma fit‑12 ta’ Settembru 2019 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq l-ammissibbiltà

22.      Blue Air tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-ewwel nett, għaliex, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet proċedurali Ċiprijotti, il-partijiet fil-proċedura ma nstemgħux fir-rigward tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari, it-tieni nett għaliex, il-qorti tar-rinviju ma indikatx id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli u, it-tielet nett, għaliex din il-qorti ma indikatx l-elementi tad-dritt u tal-fatt kollha neċessarji għall-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż iqajjem dubji dwar l-ammissibbiltà tar-raba’ u tal-ħames domanda preliminari, minħabba li ma jirriżultax mid-digriet tar-rinviju li r-rikorrent fil-kawża prinċipali invoka r-Regolament Nru 261/2004.

23.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (11) u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (12). L-ebda waħda minn dawn l-ipoteżijiet ma tinsab fil-każ inkwistjoni. Għal dak li jirrigwarda r-rilevanza tar-raba’ u tal-ħames domanda preliminari, ninnota li, għalkemm huwa veru, hekk kif espressament indikat fid-digriet tar-rinviju, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma invokax ir-Regolament Nru 261/2004, il-qorti tar-rinviju madankollu ppreċiżat, fl-istess digriet, li d-dritt Ċiprijott jippermettilha tagħti kumpens lil parti anki fejn din ma tkunx espressament talbitu.

24.      Infakkar ukoll li, fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza wkoll stabbilita, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx konformement mar-regoli nazzjonali dwar l-organizzazzjoni u l-proċedura ġurisdizzjonali (13).

25.      Nissuġġerixxi għaldaqstant li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara ammissibbli d-domandi preliminari kollha magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

26.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Deċiżjoni Nru 565/2014 tipproduċix effetti diretti, fis-sens, minn naħa, li tagħti liċ-ċittadin ta’ Stat terz inkluż fil-lista tal-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001 id-dritt li ma jkollux viża nazzjonali għall-finijiet tad-dħul fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri destinatarji ta’ din id-deċiżjoni meta jkollu fil-pussess tiegħu permess ta’ residenza rrikonoxxut minn dan l-Istat Membru bħala ekwivalenti għall-viża nazzjonali tiegħu skont l-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmija deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, li tistabbilixxi l-obbligu, għal dan l-Istat Membru li jippermetti, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dħul minkejja l-assenza ta’ tali viża.

27.      Blue Air, il-Gvern Ġermaniż, Ċiprijott u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, fuq il-bażi ta’ argumenti li jikkoinċidu fis-sustanza, jipproponu li din id-domanda tingħata risposta fin-negattiv. Il-Kummissjoni minflok issostni li din għandha tingħata risposta fl-affermattiv (14).

28.      Hekk kif ġie nnotat mill-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza magħrufa Grad, ikun kuntrarju għas-saħħa vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jagħti lid-deċiżjoni “li tiġi eskluża, b’mod ġenerali, il-possibbiltà li l-obbligu impost minnha jiġi invokat mill-eventwali persuni kkonċernati”. Fil-każijiet li fihom Stat Membru wieħed jew iktar kienu, permezz ta’ deċiżjoni, obbligati jadottaw ċertu aġir “il-portata ta’ dan l-att tiġi ristretta jekk l-individwi ma setgħux jinvokaw quddiem qorti l-effikaċja tiegħu u jekk il-qrati nazzjonali ma setgħux jieħduh inkunsiderazzjoni bħala regola tad-dritt [tal-Unjoni]” (15).

29.      Sabiex madankollu l-obbligu impost minn deċiżjoni fuq l-Istati Membri li huma d-destinatarji tiegħu jista’ jkollu effikaċja diretta fir-relazzjonijiet bejn dawn tal-aħħar u l-individwi dan l-obbligu għandu jkun mingħajr kundizzjonijiet u jkun preċiż biżżejjed (16). L-eżami intiż li jaċċerta jekk dawn il-kriterji humiex issodisfatti għandu jiġi applikat każ b’każ, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura, l-istruttura u l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni intiża li tiġi invokata quddiem qorti (17).

30.      Qabel ma nipproċedi għal dan l-eżami fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, hija meħtieġa riflessjoni dwar l-argument imressaq mill-Gvern Ġermaniż, li skontu l-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta l-effikaċja diretta tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi eskluża fil-bażi tagħha minħabba li din, billi tillimita ruħha tiffavorixxi semplifikazzjoni amministrattiva, ma għandhiex bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

31.      Dan l-argument għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud.

32.      Minn naħa, ir-rikonoxximent ta’ drittijiet jew ta’ sitwazzjonijiet ġuridiċi oħra suġġettivi favorevoli lill-individwi bħala kontroparti ta’ obbligu impost fuq l-Istati Membri permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni jikkostitwixxi effett indirett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet irrispettivament mill-għan imfittex b’mod konkret mid-deċiżjoni fl-intier tagħha (18). Min-naħa l-oħra, il-premessa li minnha jirriżulta l-argument tal-Gvern Ġermaniż, li skontu l-effett dirett ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni huwa neċessarjament marbut mar-rikonoxximent, min-naħa ta’ din tal-aħħar, ta’ drittijiet (19) favur l-individwu li jinvokaha quddiem qorti, hija, fil-fehma tiegħi, ikkontradetta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

33.      Mingħajr ma rrid nidħol fid-dibattitu dottrinali dwar id-diversi varjazzjonijiet tal-effett dirett u l-konfini tiegħu ma’ kunċetti oħra tad-dritt tal-Unjoni, ser nillimita ruħi ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ilha żmien li rrikonoxxiet li d-dritt li l-individwi jinvokaw regola tad-dritt tal-Unjoni li timponi obbligi fuq l-Istati Membri ma jiddependix mill-fatt li hija tkun intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, wisq inqas fil-każ fejn din ir-regola tiġi invokata mhux bħala sostituzzjoni tar-regola nazzjonali li magħha hija tikkuntrasta, iżda bħala parametru ta’ legalità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, ta’ deċiżjonijiet jew ta’ aġir adottati minn awtorità nazzjonali (20). Il-fatt li la d-dispożizzjoni ta’ deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri li l-effikaċja diretta tagħha tiġi invokata bil-għan li tiġi opposta dispożizzjoni amministrattiva nazzjonali li tikkuntrasta magħha u lanqas l-att li jinkludiha ma għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi ma jistax għaldaqstant jiġi kkunsidrat, minnu nnifsu, bħala deċiżiv sabiex tiġi eskluża din l-effikaċja (21).

34.      Dan premess, jeħtieġ għalhekk jiġi vverifikat jekk id-Deċiżjoni Nru 565/2014 tinkludix, għall-Istati Membri li huma d-destinatarji tagħha, l-obbligu, suffiċjentement preċiż u inkundizzjonat, li jirrikonoxxu bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali, għall-finijiet tad-dħul u tar-residenza temporanja fit-territorju tagħhom, il-permessi ta’ residenza msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ din id-deċiżjoni.

35.      F’din il-kawża, id-dubji espressi mill-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirrelataw essenzjalment mar-rekwiżit tal-inkundizzjonalità, minħabba li l-Artikolu 3(1), tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 jawtorizza, iżda ma jobbligax, lill-Istati Membri li lilhom hija indirizzata din id-deċiżjoni jirrikonoxxu unilateralment bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom il-permessi ta’ residenza msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u li din l-awtorizzazzjoni ma tapplikax jekk mhux fil-każ li l-Istati Membri msemmija jiddeterminaw li japplikaw id-deċiżjoni inkwistjoni.

36.      Il-parteċipazzjoni fis-sistema ta’ rikonoxximent unilaterali li d-Deċiżjoni Nru 565/2014 kienet intiża li tistabbilixxi (22) hija, għalhekk, hekk kif huwa barra minn hekk iddikjarat espressament fil-premessa 7 tagħha, fakultattiva. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 2(3) ta’ din id-deċiżjoni jippreċiża li, fejn jagħżlu li japplikawha l-Istati Membri li huma d-destinatarji tagħha għandhom jirrikonoxxu d-dokumenti kollha msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2), irrispettivament mill-Istat Membru li jkun ħariġhom, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni, iħalli lill-Istati Membri li jiddeċiedu li japplikaw l-Artikolu 2, bħala għażla ulterjuri, il-fakultà li jirrikonoxxu bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali anki d-dokumenti li huma elenkati fl-Artikolu 3(1)(a) u (b).

37.      Skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-implimentazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għat-teħid ta’ xi miżura mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew mill-Istati Membri (23).

38.      Applikazzjoni rigoruża ta’ dan l-eżami twassal inevitabbilment sabiex jitqies li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 u, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, ma għandhomx ir-rekwiżit tal-inkundizzjonalità meħtieġ mill-ġurisprudenza.

39.      Fil-fatt, minn naħa, is-sistema ssemplifikata għall-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni introdotta b’din id-deċiżjoni ma tapplikax għall-Istati Membri destinatarji jekk mhux fil-każ li dawn jagħtu l-kunsens tagħhom għaliha permezz ta’ dikjarazzjoni espressa f’dan is-sens (24). Min-naħa l-oħra, fil-każ li dan il-kunsens jingħata, l-ekwivalenza tad-dokumenti elenkati fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) ta’ din id-deċiżjoni għall-viżi nazzjonali ma tirriżultax awtomatikament, iżda teħtieġ rikonoxximent ulterjuri espress min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, dan tal-aħħar għandu, konformement mal-istess Artikolu 3(1), il-possibbiltà li jeskludi dan ir-rikonoxximent fil-każ li l-viżi jew il-permessi ta’ residenza jkunu mehmuża ma’ ċerti dokumenti tal-ivvjaġġar. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni Nru 565/2014 ma timponix fuq l-Istati Membri li huma d-destinatarji tagħha obbligu inkundizzjonat li jirrikonoxxu din l-ekwivalenza, lanqas li jipparteċipaw fis-sistema ssemplifikata stabbilita minn din id-deċiżjoni.

40.      Ma nqisx madankollu li huwa korrett li ntemm l-analiżi fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni biss.

41.      Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-unika fatt li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ, sabiex takkwista l-effikaċja, li tiġi kkompletata minn att ieħor, ma jeskludix li l-preċett inkluż fiha, li jistabbilixxi obbligu ċar u preċiż fih innifsu, jitqies, ladarba jsir vinkolanti għall-Istat Membru inkwistjoni (25), inkundizzjonat ukoll għall-finijiet tal-invokabbiltà tiegħu quddiem qorti bħala parametru ta’ legalità ta’ dispożizzjoni nazzjonali jew ta’ dispożizzjoni ta’ awtorità nazzjonali li tikkuntrasta miegħu (26). L-istess japplika għall-ipoteżi fejn l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħal din tkun suġġetta għal terminu (27) jew għal kundizzjoni (28).

42.      Fil-każ tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, l-adeżjoni tal-Istat Membru mas-sistema stabbilita minnha – adeżjoni li, konformement mal-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni, għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni u tikkostitwixxi s-suġġett ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – tinvolvi, skont l-Artikolu 2(3), l-obbligu ta’ rikonoxximent, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet iddefiniti mill-Istat Membru inkwistjoni fl-att tal-adeżjoni, tad-dokumenti kollha indikati fl-Artikolu 2(1) u (2), mingħajr ma ssir distinzjoni bejn l-Istati Membri ta’ ħruġ (29). In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ dan l-obbligu minbarra bħala ċar u preċiż ukoll bħala inkundizzjonat, ladarba l-Istat Membru kkonċernat ikun għażel li japplika d-deċiżjoni, filwaqt li jindika l-eċċezzjonijiet possibbli għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2(3) ta’ din tal-aħħar, jidhirli li jikkostitwixxi applikazzjoni eċċessivament formalistika tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

43.      Madankollu, l-analiżi tikkumplika ruħha meta ngħaddu mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 għall-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni. Fil-fatt, hekk kif intqal qabel, dan l-artikolu, ma jimponix obbligu fuq l-Istati Membri destinatarji, bħal dak previst fl-Artikolu 2(3), li jirrikonoxxu bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali d-dokumenti kollha msemmija fih, iżda jħallilhom il-fakultà li jwettqu dan ir-rikonoxximent.

44.      Jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tar-Rumanija li tirrikonoxxi unilateralment il-permessi ta’ residenza msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, li l-imsemmi Stat Membru nnotifika lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar ipproċediet sabiex tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jista’ jitqies li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkluż fil-lista tal-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001 u li għandu permess ta’ residenza li jaqa’ taħt dawk suġġetti għar-rikonoxximent jista’ leġittimament jinvoka l-imsemmi Artikolu 3 bil-għan li jikkontesta l-leġittimità tar-rifjut ta’ dħul fir-Rumanija li sarlu mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru minħabba li ma kellux viża nazzjonali?

45.      Fil-fehma tiegħi, la l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet u lanqas il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 565/2014 iħalli lill-Istati Membri destinatarji ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tar-rikonoxximent tal-ekwivalenza tad-dokumenti msemmija fih ma jipprekludu li tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda.

46.      Ikkunsidrat mill-viċin, fil-fatt, minkejja li r-rekwiżit tal-inkundizzjonalità tar-regola tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-invokabbiltà tagħha quddiem qorti huwa marbut ma’ relazzjoni ta’ proporzjonalità inversa mal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri (30), il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss iffokat iktar fuq il-mod li bih dan il-marġni ġie użat, iktar milli fuq kemm hu wiesa’ (31), partikolarment meta dak li kien invokat kien l-“effett dirett oppożizzjonali” ta’ din id-dispożizzjoni (32). L-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni iktar jew inqas wiesa’ li d-dispożizzjoni inkwistjoni tħalli lill-Istati Membri ma tidhirx, għalhekk, li twassal inevitabbilment sabiex jiġi eskluż li l-istess dispożizzjoni tista’ tiġi invokata quddiem qorti bħala parametru ta’ leġittimità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew ta’ atti jew ta’ aġir ta’ awtoritajiet amministrattivi nazzjonali (33). F’din l-istess perspettiva, iktar sostantiva milli formalistika, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, li ma jkunx iġġustifikat li jiġi eskluż id-dritt tal-individwi li jinvokaw dawn id-dispożizzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali wara li l-Istat Membru kkonċernat ikun uża s-setgħa diskrezzjonali (anki wiesgħa) li jgawdi minnha fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva (34).

47.      It-tweġiba għall-mistoqsija magħmula fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet tiddependi għalhekk essenzjalment fuq il-kwistjoni li jkun magħruf jekk, ladarba l-Istat Membru inkwistjoni ddeċieda li japplika l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, mingħajr indikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet, hekk kif għamlet ir-Rumanija, dan l-Istat Membru huwiex obbligat jirrikonoxxi bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 3(1) mingħajr ma jista’ jiddeċiedi, każ b’każ, jekk jipproċedix jew le għal tali rikonoxximent.

48.      Mistoqsija dwar dan mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, il-Gvern Ġermaniż u dak Ċiprijott irrispondew negattivament għal din il-mistoqsija. Ma iniex madankollu persważ b’din it-tweġiba.

49.      Il-fatt li s-sistema introdotta mid-Deċiżjoni Nru 565/2014 hija bbażata fuq rikonoxximent unilaterali mill-Istati destinatarji ta’ din id-deċiżjoni ma għandux inessi l-fatt li din tal-aħħar tistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tal-kontrolli mal-fruntieri esterni u li l-għan ta’ dawn ir-regoli huwa s-semplifikazzjoni tal-kontrolli. Issa, ikun kuntrarju għal dan l-għan u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-effett utli tal-imsemmija deċiżjoni li jitqies li l-Istati Membri li ddeċidew li jaderixxu mas-sistema introdotta minnha u li nnotifikaw din id-deċiżjoni lill-Kummissjoni jistgħu mbagħad jidderogaw minnha f’każijiet individwali, billi jżommu l-fakultà li jirrifjutaw fil-fruntiera liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkluż fil-lista tal-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001 li għandu wieħed mid-dokumenti msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, maħruġ legalment u li għadu validu, taħt il-pretest li ma għandux viża nazzjonali ta’ dħul jew ta’ tranżitu. Din l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 tkun ukoll kuntrarja għall-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-Istat Membru lill-Kummissjoni, imwettqa skont l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni hija intiża li tissalvagwardja.

50.      Minn dan isegwi li, ladarba l-Istat Membru inkwistjoni kkomunika lill-Kummissjoni l-intenzjoni tiegħu li japplika d-Deċiżjoni Nru 565/2014 u li jirrikonoxxi d-dokumenti elenkati fl-Artikolu 3(1) tagħha, bħala ekwivalenti għall-viża nazzjonali tiegħu, huwa għandu l-obbligu li jżomm mad-deċiżjoni meħuda.

51.      Din il-konklużjoni ma hijiex opposta mill-premessa 7 tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, li skontha l-parteċipazzjoni fis-sistema introdotta minnha “[ma għandhiex timponi] fuq l-Istati Membri obbligi addizzjonali għal dawk stipulati mill-Att ta’ Adeżjoni [rispettiv]”. Fil-fatt, din id-deċiżjoni u s-sistema ssemplifikata li hija tintroduċi, li magħha l-Istati Membri destinatarji jaderixxu fuq bażi volontarja, għandhom l-għan li jtaffu l-obbligu, previst mill-att ta’ adeżjoni ta’ dawn l-Istati Membri, li jitolbu sistematikament liċ-ċittadini tal-Istati terzi msemmija fl-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001 il-viża nazzjonali ta’ dħul jew ta’ tranżitu, billi jnaqqsu l-obbligi amministrattivi li dan l-obbligu jinvolvi fir-rigward ta’ persuni li diġà ġew suġġetti għal verifiki rigorużi mill-Istat Membru ta’ ħruġ.

52.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li d-Deċiżjoni Nru 565/2014 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istat Membru destinatarju li ddeċieda li jirrikonoxxi bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tiegħu d-dokumenti elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma jipprevedi eċċezzjonijiet, u kkomunika dan lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni ma jistax, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jirrifjuta fil-fruntiera liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkluż fil-lista tal-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001, li jkollu wieħed mid-dokumenti msemmija fl-imsemmi Artikolu 3(1), maħruġ legalment u li għadu validu, għas-sempliċi raġuni li huwa ma għandux viża nazzjonali. Id-Deċiżjoni Nru 565/2014 tista’ tiġi invokata quddiem qorti miċ-ċittadin tal-Istat terz li lilu ġie rrifjutat id-dħul jew it-tranżitu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru fiċ-ċirkustanzi hekk imsemmija bil-għan li tiġi kkontestata l-leġittimità tad-deċiżjoni ta’ rifjut.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

53.      Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinvju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk trasportatur bl-ajru li, huwa stess jew permezz tar-rappreżentanti tiegħu fl-ajruport ta’ tluq, jirrifjuta l-imbark ta’ passiġġier, billi jinvoka r-rifjut ta’ dħul min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni minħabba l-assenza ta’ viża nazzjonali għandux jitqies bħala emanazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, li fil-konfront tiegħu l-passiġġier inkwistjoni jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 bil-għan li jikseb kumpens għal ksur tal-kuntratt ta’ trasport. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar il-possibbiltà, għal individwu, li jinvoka quddiem qorti fil-konfront tal-kumpannija li magħha kkonkluda kuntratt ta’ trasport bl-ajru l-obbligi li għandu l-Istat Membru ta’ destinazzjoni bis-saħħa ta’ att tad-dritt sekondarju fil-qasam ta’ kontrolli fil-fruntieri, f’dan il-każ id-Deċiżjoni Nru 565/2014.

54.      Ser ngħid mill-ewwel li, bħall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, insib ċerta diffikultà sabiex nifhem bis-sħiħ is-sinjifikat ta’ din id-domanda, minħabba n-natura essenzjalment kuntrattwali tat-tilwima prinċipali. Fil-fatt, billi ma ħallietx lil D. Z. jimbarka, Blue Air ma wettqitx is-servizz li kienet marbuta twettaq skont il-kuntratt ta’ trasport konkluż ma’ D. Z. Issa, il-kwistjoni dwar jekk dan l-aġir jistax jagħti lok għal responsabbiltà għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u jekk, għaldaqstant jew b’mod ieħor, jagħtix dritt lil D. Z. jikseb kumpens għad-danni mġarrba ma tiddependix mill-possibbiltà ta’ dan tal-aħħar li jinvoka quddiem qorti, fil-kontront ta’ Blue Air, l-obbligi li għandha r-Rumanija bis-saħħa tas-sistema introdotta mid-Deċiżjoni Nru 565/2014 li magħha dan l-Istat Membru ddeċieda li jaderixxi.

55.      Fid-dawl ta’ dan, bħall-persuni kkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, bl-eċċezzjoni ta’ D. Z., jiena tal-fehma li t-tieni domanda preliminari għandha tingħata risposta fin-negattiv.

56.      Fil-fatt, in-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni, li fuqha hija bbażata l-possibbiltà li din tiġi invokata quddiem il-qorti nazzjonali (35), teżisti biss fil-konfront tal-Istati Membri li huma d-destinatarji tagħha. Deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri ma tistax għalhekk, minnha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront tiegħu (36).

57.      Għalkemm, fil-punt 27 tas-sentenza Farrell (37) il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li jistgħu jipproduċu effetti diretti jistgħu jiġu invokati minn individwu “fil-konfront ta’ organu jew ta’ entità li jew tkun suġġetta għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat, jew ikollha setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi” (38), din il-ġurisprudenza ma tapplikax fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

58.      Hekk kif ġie nnotat korrettement mill-Kummissjoni, la l-kumpanniji tal-ajru u lanqas l-impjegati, ir-rappreżentanti jew il-mandatarji ta’ dawn tal-aħħar li jivverifikaw l-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq ma jistgħu jitqiesu bħala inkarigati jeżerċitaw funzjonijiet ta’ kontroll fil-fruntiera. Dawn il-persuni ma għandhom, għalhekk, l-ebda setgħa li jirrifjutaw jew li jawtorizzaw id-dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

59.      Huwa veru li, bis-saħħa tal-Artikolu 26(1)(b), tal-Konvenzjoni, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990, li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 (39) u tad-Direttiva 2001/51 (40), li tintegra u tippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, it-trasportaturi li jittrasportaw ċittadini barranin fit-territorju tal-Istati Membri huma suġġetti għal obbligi speċifiċi ta’ kontroll (41) u huma, b’mod partikolari, obbligati “li [jieħdu] l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jassigura[w] li aljen li jinġarr bl-ajru jew bil-baħar ikollu fil-pussess tiegħu d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar meħtieġa sabiex jitħalla jidħol fit-territorji” tal-Istati Membri. Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-Artikolu 26(2), l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu sanzjonijiet fil-konfront tat-trasportaturi li jittrasportaw permezz tal-ajru jew tal-baħar, minn pajjiż terz lejn it-territorju tagħhom, barranin li ma jkollhomx id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa (42).

60.      Madankollu, il-previżjoni, mid-dritt tal-Unjoni u/jew mid-dritt nazzjonali, ta’ tali obbligi u sanzjonijiet ma timplikax li t-trasportaturi bl-ajru li jipproċedu għall-kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri qabel l-imbark tagħhom fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, sabiex jiżguraw ruħhom li dawn tal-aħħar għandhom id-dokumenti meħtieġa għad-dħul fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, għandhom jitqiesu bħala emanazzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru, lanqas li dawn il-kontrolli huma kwalifikabbli bħala “verifiki fuq il-fruntiera” fis-sens tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (43), u lanqas, saħansitra, li l-impjegati, ir-rappreżentanti jew il-mandatarji ta’ dawn it-trasportaturi jistgħu jiġu assimilati għal “gwardjani tal-fruntieri” fis-sens tal-istess Kodiċi (44).

61.      Hekk kif korrettament innotat mill-Gvern Ġermaniż, is-sentenza Touring Tours und Travel u Sociedad de Transportes (45) ma tippermettix konklużjoni differenti. Huwa veru li, f’din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kontrolli tad-dokumenti tal-ivvjaġġar li impriża tat-trasport ta’ passiġġieri bil-karozza tal-linja li twettaq servizzi transkonfinali ġewwa ż-żona Schengen hija obbligata twettaq, taħt piena ta’ sanzjonijiet pekunjarji, bis-saħħa ta’ obbligu ġenerali impost bil-liġi minn Stat Membru u ta’ deċiżjonijiet individwali adottati mill-awtoritajiet tal-pulizija ta’ dan l-Istat, għandhom jitqiesu bħala mwettqa “fuq l-ordni u taħt il-kontroll” ta’ din l-awtorità, minkejja li din l-impriża ma għandhiex prerogattivi ta’ setgħa pubblika. Madankollu, din l-affermazzjoni tibqa’ limitata għall-kuntest tal-kawża li wasslet għal din is-sentenza, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiċċara jekk il-kontrolli msemmija iktar ’il fuq jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, li ppreċeda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen attwali, u jekk jikkostitwixxux “eżerċizzju ta’ kompetenzi tal-pulizija” b’effett ekwivalenti għall-verifiki fuq il-fruntiera. Dan ma jippermettix għalhekk li jinstiltu konklużjonijiet dwar il-possibbiltà li t-trasportaturi tal-ajru li jwettqu l-kontrolli tad-dokumenti tal-ivvjaġġar qabel l-imbark jiġu kkunsidrati bħala organi jew entitajiet fis-sens tal-punt 27 tas-sentenza Farrell (46).

62.      Għar-raġunijiet indikati iktar ’il fuq inqis li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li trasportatur bl-ajru li, huwa stess jew permezz tar-rappreżentanti tiegħu fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, jirrifjuta l-imbark lil passiġġier billi jinvoka r-rifjut ta’ dħul min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni minħabba l-assenza ta’ viża nazzjonali ma jistax jitqies bħala emanazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, li fil-konfront tiegħu l-passiġġier inkwistjoni jista’ jinvoka l-obbligi li għandhom l-Istati Membri li japplikaw id-Deċiżjoni Nru 565/2014.

 Fuq it-tielet domanda preliminari

63.      Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk kumpannija tal-ajru tistax, direttament jew permezz tar-rappreżentanti jew tal-mandatarji tagħha fl-ajruport ta’ tluq, tirrifjuta l-imbark lil passiġġier billi tinvoka r-rifjut ta’ dħul min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni mingħajr ma tiġi adottata deċiżjoni miktuba u motivata mill-awtoritajiet imsemmija u li tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata, konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 562/2006.

64.      Anki din id-domanda preliminari jidhirli li tmur lil hinn mill-kuntest kuntrattwali li taħtu taqa’ t-tilwima prinċipali.

65.      Ir-rifjut ta’ imbark minn kumpannija tal-ajru lil passiġġier li kkonkluda kuntratt ta’ trasport ma’ din il-kumpannija, anki fejn dan ikun ibbażat fuq deċiżjoni meħuda mill-awtorità tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni li skontha dan il-passiġġier ma huwiex awtorizzat jidħol fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, madankollu dejjem jikkostitwixxi aġir kuntrattwali. Hekk kif intqal fir-risposta għat-tieni domanda preliminari, fil-fatt, il-kontrolli fuq id-dokumenti tal-ivvjaġġar li l-kumpanniji tal-ajru huma marbuta jwettqu skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali ma humiex verifiki fuq il-fruntiera u r-rifjut ta’ imbark ma huwiex assimilabbli ma’ rifjut ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, minkejja li dan jista’ jkollu effetti identiċi inkwantu jimpedixxi lill-passiġġier milli jidħol fit-territorju msemmi.

66.      Il-fatt li r-rifjut ta’ imbark ikun iġġustifikat mix-xewqa tal-kumpannija tal-ajru li ma tiksirx il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-titjira, u b’hekk tesponi ruħha għas-sanzjonijiet, ta’ natura anki kriminali, li tkun suġġetta għalihom fil-każ li tittrasporta passiġġieri mingħajr id-dokumenti meħtieġa għall-qsim tal-fruntiera tal-Istat imsemmi, ma jibdilx in-natura kuntrattwali ta’ dan ir-rifjut.

67.      Minn dan isegwi li, billi tirrifjuta l-imbark ta’ passiġġier, kumpannija tal-ajru tesponi ruħha, fil-konfront ta’ dan il-passiġġier, għall-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ksur tal-kuntratt ta’ trasport konkluż ma’ dan tal-aħħar – li għandu jiġi evalwat fuq il-bażi tal-klawżoli kuntrattwali u tal-liġi applikabbli għall-kuntratt –, kif ukoll, hekk kif ser jintwera iktar ’il quddiem, għal dawk previsti mir-Regolament Nru 261/2004, fejn il-presupposti għall-applikazzjoni tiegħu huma ssodisfatti.

68.      F’dan il-kuntest, l-informazzjoni miksuba mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet u t-teħid ta’ pożizzjoni adottati mill-awtoritajiet imsemmija dwar in-nuqqas ta’ konformità tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-passiġġier ma’ dawk meħtieġa għad-dħul fl-Istat Membru msemmi ma humiex ħlief elementi li fuq il-bażi tagħhom il-kumpannija tal-ajru torjenta l-aġir kuntrattwali tagħha, bl-istess mod bħal dawk li tista’ tikseb mill-verifika diretta tar-regolamentazzjoni applikabbli u mill-konsultazzjoni ta’ databases possibbli.

69.      Jeħtieġ fi kwalunkwe każ li jiġi osservat, li, kuntrarjament għal dak sostnut minn Blue Air fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma jistax jitqies li D. Z. kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul fit-territorju Rumen minħabba n-nuqqas tad-dokumenti mitluba għall-finijiet tal-qsim tal-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru. Tali deċiżjoni setgħet tiġi adottata biss mill-awtoritajiet Rumeni kompetenti, fil-kuntest ta’ verifika fil-fruntiera mwettqa skont il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 562/2006 - fatt li kien jissuponi l-preżenza ta’ D. Z. fil-fruntiera - u b’osservanza għall-formalitajiet essenzjali previsti fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Inqas u inqas jista’ jitqies, hekk kif affermat minn Blue Air, li D. Z. kien is-suġġett ta’ rifjut “definittiv” ta’ dħul fit-territorju Rumen minħabba l-inadegwatezza tad-dokumenti meħtieġa għal dan l-għan, peress li D. Z. ma rċieva komunikazzjoni ta’ ebda deċiżjoni f’dan is-sens mill-awtoritajiet kompetenti Rumeni u għalhekk ma tqigħedx fil-kundizzjonijiet li jeżerċita d-dritt ta’ appell previst mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 562/2006.

70.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda preliminari fis-sens li l-fatt li r-rifjut ta’ imbark minn kumpannija tal-ajru lil passiġġier fuq titjira bejn żewġ Stati Membri li ma jiffurmawx parti miż-żona Schengen ikun ibbażat fuq informazzjoni, rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-titjira dwar il-konformità tad-dokumenti tal-passiġġier ma’ dawk meħtieġa għall-finijiet tal-qsim tal-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru, ma jippermettix, minnu nnifsu, li l-kumpannija tal-ajru tiġi eżonerata mill-konsegwenzi li, abbażi tal-kuntratt u tal-liġi applikabbli għal dan tal-aħħar, huma relatati man-nuqqas ta’ twettiq tas-servizz ta’ trasport.

 Fuq ir-raba’ domanda preliminari

71.      Ir-raba’ domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, permezz ta’ dan l-artikolu, humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament il-każijiet kollha ta’ “fatt li persuna ma tħallietx titla” iġġustifikati mill-kumpannija tal-ajru fuq il-bażi ta’ inadegwatezza allegata tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-passiġġier, anki fejn deċiżjoni ġudizzjarja tkun aċċertat li dawn id-dokumenti kienu adegwati u li r-rifjut ta’ imbark kien, għal din ir-raġuni, inġustifikat.

72.      F’dan ir-rigward jeħtieġ jitfakkar li l-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 jeskludi l-kwalifikazzjoni bħala “l-fatt li persuna ma tħallietx titla” u għalhekk l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, għal żewġ serje ta’ raġunijiet. L-ewwel waħda tirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza min-naħa tal-passiġġier tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament. It-tieni waħda hija marbuta ma’ każijiet fejn ir-rifjut inkwistjoni jkun riżultat ta’ “raġunijiet raġonevoli”, “bħal raġunijiet ta’ saħħa, sigurezza u sigurtá, jew dokumentazzjoni ta’ l-ivjaġġar mhux xierqa” (47). Il-ġustifikazzjonijiet imressqa minn Blue Air għan-nuqqas ta’ imbark ta’ D. Z., relatati mal-pożizzjoni meħuda mill-awtoritajiet Rumeni dwar in-neċessità ta’ viża nazzjonali għall-finijiet tad-dħul fir-Rumanija, jaqgħu fit-tieni serje ta’ raġunijiet.

73.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha opportunità tafferma, hija u tinterpreta l-Artikolu 2(j), tar-Regolament Nru 261/2004 fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jaqa’ taħtha, li jirriżultaw mill-premessi 3, 4, 9 u 10 ta’ dan ir-regolament u jirriżultaw mix-xogħol preparatorju (48), li l-kunċett ta’ “fatt li persuna ma tħallietx titla”, inkluż f’din id-dispożizzjoni, għandu “sens wiesa’ li jkopri s-suppożizzjonijiet kollha li fihom trasportatur bl-ajru jiċħad li jittrasporta passiġġier” (49). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni restrittiva ta’ dan il-kunċett tkun kuntrarja għall-għan tar-Regolament Nru 261/2004, li, kif indikat fil-premessa 1 tiegħu, huwa dak li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri (50).

74.      Ikun għalhekk f’kuntrast mal-portata wiesgħa irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dan il-kunċett, kif ukoll mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 261/2004 li l-eċċezzjoni inkluża fl-Artikolu 2(j) ta’ dan ir-regolament relatata mal-eżistenza ta’ “raġunijiet raġonevoli biex ma jitħallewx jitilgħu” tiġi interpretata fis-sens li huwa suffiċjenti, għall-kumpannija tal-ajru, tinvoka dawn ir-raġunijiet, pereżempju dokumenti tal-ivvjaġġar inadegwati, sabiex taħrab mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u ċċaħħad lill-passiġġier li huwa s-suġġett tar-rifjut ta’ imbark mid-dritt għal kumpens previst mill-Artikolu 7 tiegħu.

75.      Fi kliem ieħor, il-kwistjoni dwar jekk ir-rifjut ta’ kumpannija tal-ajru li timbarka passiġġier jikkwalifikax jew le bħala l-“fatt li persuna ma tħallietx titla” skont l-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 ma tiddependix mill-kategorija tar-raġunijiet invokati sabiex jiġi ġġustifikat dan ir-rifjut, iżda mill-fondatezza ta’ dawn ir-raġunijiet. Minn dan isegwi li jista’ jeżisti l-“fatt li persuna ma tħallietx titla” anki fil-każ fejn rifjut bħal dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet inerenti għall-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-passiġġier jew, hekk kif sostnut minn Blue Air, għall-pożizzjoni adotta mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni fir-rigward ta’ din l-adegwatezza, fejn jirriżulta li l-ġustifikazzjonijiet imsemmija huma infondati (51).

76.      Madankollu, ma nqisx li l-konstatazzjoni tal-infondateza tar-raġunijiet li wasslu lill-kumpannija tal-ajru tirrifjuta l-imbark hija minnha nnifisha suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li għandu japplika r-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, ir-riferiment, fit-test tal-Artikolu 2(j) ta’ dan ir-regolament għar-“raġonevolezza” tar-raġunijiet li ġġustifikaw in-nuqqas ta’ imbark iwassalni nqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jqiegħed fuq il-kumpanniji tal-ajru essenzjalment obbligu ta’ diliġenza fl-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dawn ir-raġunijiet, mingħajr esklużjoni għalhekk tal-possibbiltà li żball magħmul f’din l-evalwazzjoni jista’ jitqies, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, bħala skużabbli.

77.      Ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 261/2004 jidher li jimmilita wkoll f’dan is-sens. Għalkemm il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ma kinitx tinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ “fatt li persuna ma tħallietx titla”, il-bżonn li tiġi introdotta din id-definizzjoni ġie sostnut fl-ewwel qari mill-Parlament permezz ta’ emenda li kienet teskludi minn dan il-kunċett, mingħajr preċiżazzjoni ulterjuri, “il-każijiet fejn l-imbark jiġi rrifjutat minħabba aġir vjolenti, raġunijiet ta’ saħħa jew ta’ sigurezza jew dokumenti tal-ivvjaġġar inadegwati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (52). Ir-riferiment għal “raġunijiet raġonevoli” sabiex jiġi rrifjutat l-imbark ġie inkluż fil-proċess sussegwenti ta’ adozzjoni tar-regolament, preżumibbilment fuq inizjattiva tal-Kunsill (53), li fl-istess ħin iwessa’ l-portata tal-każijiet possibbli ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regolament u jorbothom ma’ kriterju ta’ raġonevolezza.

78.      Żgur li huwa veru li, il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li tinkludi fil-kunċett ta’ “fatt li persuna ma tħallietx titla” fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 - u konsegwentament tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament - ġeneralment kull aġir mhux imputabbli lill-passiġġier (54). Madankollu, inqis li l-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward għandhom jinftiehmu fis-sens li, bħala regola ġenerali, huwa inkluż f’dan il-kunċett ir-rifjut ta’ imbark mhux marbut mal-passiġġier iżda mat-trasportatur u mhux anki dak li, għalkemm ma huwiex imputabbli lill-passiġġier, għandu madankollu jitqies bħala raġonevolment iġġustifikat fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

79.      Fil-fehma tiegħi, jibqa’ madankollu l-fatt li huwa f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss li r-rifjut ta’ imbark fil-konfront ta’ passiġġier għal raġunijiet inerenti għall-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar jista’ jitqies bħala raġonevolment iġġustifikat minkejja li huwa bbażat fuq żball imwettaq mill-persunal tal-kumpanniji tal-ajru. Hekk kif ġie nnotat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dawn tal-aħħar għandhom fil-fatt diversi strumenti sabiex jivverifikaw ir-rekwiżiti fil-qasam ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u ta’ viżi ta’ dħul fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni u jevitaw li jiġi rrifjutat b’mod żbaljat l-imbark fir-rigward tal-passiġġieri għal dawn ir-raġunijiet, inkluża l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiżi kkonċernati u mad-database IATA Timatic.

80.      Dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ma jirriżultawx, fil-fehma tiegħi, fil-kawża prinċipali li fiha, minn naħa, D. Z. ippreżenta ruħu għall-imbark bid-dokumenti meħtieġa għall-finijiet tad-dħul fir-Rumanija, konformement mad-Deċiżjoni Nru 565/2014, u bl-applikazzjoni għal viża li huwa kien ippreżenta lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Rumen permezz tas-sit internet ta’ dan il-ministeru u bit-tweġiba ta’ dan tal-aħħar li fiha ġie indikat li, fil-każ tiegħu, viża ma kinitx neċessarja, u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut ta’ imbark minn Blue Air huwa bbażat fuq deċiżjoni allegata ta’ rifjut ta’ dħul meħuda mill-awtoritajiet Rumeni. F’dan ir-rigward ninnota li għalkemm il-qorti tar-rinviju tidher effettivament titlaq mill-preżunzjoni li D. Z. kien is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, mill-qari kemm tad-digriet tar-rinviju kif ukoll tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn Blue Air jirriżulta li l-unika element li fuqu hija bbażata din il-preżunzjoni huwa l-posta elettronika tal-impjegata ta’ Blue Air fl-ajruport ta’ Bukarest, li l-kontenut tagħha huwa riprodott fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fl-osservazzjonijiet tagħha Blue Air tirreferi għax-xhieda, diġà ppreżentata quddiem il-qorti tar-rinviju, tal-persuna li wettqet il-kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ D. Z., li minnha jirriżulta biss li dawn id-dokumenti ġew trażmessi lill-persunal tal-kontroll mill-art ta’ Blue Air fl-ajruport ta’ Bukarest u li l-impjegata li kienet xogħol wieġbet lill-mandatarji ta’ Blue Air fl-ajruport ta’ Larnaca li mingħajr viża d-dħul ta’ D. Z. fir-Rumanija kien irrifjutat. L-ebda silta ta’ din ix-xhieda ma tindika liema awtoritajiet Rumeni kienu pprovdew din l-informazzjoni, lanqas liema awtoritajiet kienu ġew ikkonsultati mill-impjegata inkwistjoni jew jekk id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ D. Z. kinux ġew trażmessi lil dawn l-awtoritajiet.

81.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għar-raba’ domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fatt li persuna ma tħallietx titla” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni l-każijiet fejn il-passiġġier ma ġiex imbarkat fuq it-titjira minħabba żball imwettaq fl-ajruport ta’ tluq mill-persunal tal-art tal-kumpannija tal-ajru jew minn rappreżentant jew mandatarju tagħha fl-att ta’ verifika tal-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-passiġġier, ħlief jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, ma jirriżultax li, minkejja d-diliġenza applikata, l-iżball ma kienx evitabbli.

 Fuq il-ħames domanda preliminari

82.      Permezz tal-ħames domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk hijiex kompatibbli mal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004 klawżola ta’ limitazzjoni jew ta’ esklużjoni tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark għal raġunijiet relatati mal-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-passiġġier, li tirriżulta fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport applikati minn dan it-trasportatur u li ġew ippubblikati permezz tas-sit internet tiegħu.

83.      L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi b’mod ċar l-irrinunċabbiltà tad-drittijiet minimi tal-passiġġieri stabbiliti minn dan ir-regolament, kif ukoll l-inderogabbiltà tal-obbligi imposti fuq it-trasportaturi bl-ajru, b’mod partikolari permezz ta’ klawżoli ta’ limitazzjoni jew ta’ esklużjoni tar-responsabbiltà inklużi fil-kuntratt ta’ trasport.

84.      Klawżoli bħal dawk inklużi fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport applikati minn Blue Air, sa fejn iwasslu sabiex il-passiġġieri jiċċaħdu mid-dritt għal kumpens previst mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004, fil-każijiet ta’ rifjut ta’ imbark inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, skont l-Artikolu 2(j) tiegħu, huma għalhekk inkompatibbli ma’ dan ir-regolament.

85.      Issa, hekk kif sostnejt fir-risposta għar-raba’ domanda preliminari, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, skont l-Artikolu 2(j) tiegħu, kemm il-każ li fih ir-rifjut ta’ imbark tal-passiġġier ikun seħħ minħabba żball imwettaq mill-persunal tal-kumpannija tal-ajru fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ippreżentati minn dan tal-aħħar, kif ukoll dak li fih ir-rifjut ta’ imbark ikun ġie deċiż fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjonijiet jew ta’ deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-titjira, ibbażati fuq evalwazzjoni mhux korretta tal-idoneità tad-dokumenti msemmija sabiex jippermettu d-dħul tal-passiġġier fit-territorju tal-Istat Membru msemmi.

86.      Għar-raġunijiet esposti, inqis li għandha tingħata risposta għall-ħames domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprekludi klawżola ta’ limitazzjoni jew ta’ esklużjoni tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark għal raġunijiet relatati mal-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-passiġġier, inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport applikati minn dan it-trasportatur u li ġew ippubblikati permezz tas-sit internet tiegħu, sa fejn l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola twassal sabiex il-passiġġieri jiġu mċaħħda mid-dritt għal kumpens previst mill-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament fil-każijiet ta’ rifjut ta’ imbark li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tiegħu, fosthom ir-rifjut ta’ imbark li jirriżulta mill-iżball imwettaq mill-persunal tal-kumpannija tal-ajru fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ passiġġier.

 Konklużjoni

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Eparchiako Dikastirio Larnakas (il-Qorti Distrettwali ta’ Larnaca, Ċipru) kif ġej:

“Id-Deċiżjoni Nru 565/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014, li tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 895/2006/KE u Nru 582/2008/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istat Membru destinatarju li ddeċieda li jirrikonoxxi bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tiegħu d-dokumenti elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma jipprevedi eċċezzjonijiet, u kkomunika dan lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni ma jistax, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jirrifjuta fil-fruntiera liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkluż fil-lista tal-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001, li jkollu wieħed mid-dokumenti msemmija fl-imsemmi Artikolu 3(1), maħruġ legalment u li għadu validu, għas-sempliċi raġuni li huwa ma għandux viża nazzjonali. Id-Deċiżjoni Nru 565/2014 tista’ tiġi invokata quddiem qorti miċ-ċittadin tal-Istat terz li lilu ġie rrifjutat id-dħul jew it-tranżitu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru fiċ-ċirkustanzi hekk imsemmija bil-għan li tiġi kkontestata l-leġittimità tad-deċiżjoni ta’ rifjut.

Trasportatur bl-ajru li, huwa stess jew permezz tar-rappreżentanti tiegħu fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, jirrifjuta l-imbark lil passiġġier billi jinvoka r-rifjut ta’ dħul min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni minħabba l-assenza ta’ viża nazzjonali ma jistax jitqies bħala emanazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, li fil-konfront tiegħu l-passiġġier inkwistjoni jista’ jinvoka l-obbligi li għandhom l-Istati Membri li japplikaw id-Deċiżjoni Nru 565/2014.

Il-fatt li r-rifjut ta’ imbark minn kumpannija tal-ajru lil passiġġier fuq titjira bejn żewġ Stati Membri li ma jiffurmawx parti miż-żona Schengen ikun ibbażat fuq informazzjoni, rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-titjira dwar il-konformità tad-dokumenti tal-passiġġier ma’ dawk meħtieġa għall-finijiet tal-qsim tal-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru, ma jippermettix, minnu nnifsu, li l-kumpannija tal-ajru tiġi eżonerata mill-konsegwenzi li, abbażi tal-kuntratt u tal-liġi applikabbli għal dan tal-aħħar, huma relatati man-nuqqas ta’ twettiq tas-servizz ta’ trasport.

L-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiggieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fatt li persuna ma tħallietx titla” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni l-każijiet fejn il-passiġġier ma ġiex imbarkat fuq it-titjira minħabba żball imwettaq fl-ajruport ta’ tluq mill-persunal tal-art tal-kumpannija tal-ajru jew minn rappreżentant jew mandatarju tagħha fl-att ta’ verifika tal-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-passiġġier, ħlief jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, ma jirriżultax li, minkejja d-diliġenza applikata, l-iżball ma kienx evitabbli.

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprekludi klawżola ta’ limitazzjoni jew ta’ esklużjoni tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark għal raġunijiet relatati mal-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-passiġġier, inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport applikati minn dan it-trasportatur u li ġew ippubblikati permezz tas-sit internet tiegħu, sa fejn l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola twassal sabiex il-passiġġieri jiġu mċaħħda mid-dritt għal kumpens previst mill-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament fil-każijiet ta’ rifjut ta’ imbark li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tiegħu, fosthom ir-rifjut ta’ imbark li jirriżulta mill-iżball imwettaq mill-persunal tal-kumpannija tal-ajru fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ passiġġier.”


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 895/2006/KE u Nru 582/2008/KE (ĠU 2014, L 157, p. 23).


3      Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).


4      ĠU 2005, L 157, p. 203.


5      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal‑15 ta’ Marzu 2001 li li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65, rettifika fil-ĠU 2011, L 194, p. 39). Ir-Regolament Nru 539/2001 ġie ssostitwit, mis‑17 ta’ Diċembru 2018, bir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 303, p. 39).


6      Deċiżjoni Nru 895/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 li tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mir-Repubblika Ċeka, mill-Estonja, minn Ċipru, mil-Latvja, mil-Litwanja, mill-Ungerija, minn Malta, mill-Polonja, mis-Slovenja u mis-Slovakkja ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għall-finijiet ta’ tranżitu mit-territorji tagħhom (ĠU 2006, L 167, p. 1).


7      Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 li tintroduċi reġim semplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, minn Ċipru u mir-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għall-finijiet ta’ tranżitu mit-territorji tagħhom (ĠU 2008, L 161, p. 30).


8      ĠU 2014, C 302, p. 1. Fl-istess data ġiet ippubblikata informazzjoni simili fir-rigward ta’ Ċipru, minkejja li dan l-Istat Membru eskluda minn dan ir-rikonoxximent il-viżi u l-permessi ta’ residenza mehmuża mad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Azerbajġan u mit-Turkija.


9      Il-permess ta’ residenza inkwistjoni jaqa’ taħt il-kategorija indikata taħt it-taqsima “Permessi ta’ residenza”, l-ewwel inċiż, “Permess ta’ residenza temporanja (impjieg, viżitatur, student)” ta’ dan l-anness.


10      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1).


11      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2016:148, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara, reċentement, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara, reċentement, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 30).


14      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li wieġeb b’mod globali għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, jidher li huwa favorevoli għar-rikonoxximent ta’ effetti diretti (orizzontali) għad-Deċiżjoni Nru 565/2014.


15      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1970, Grad (9/70, EU:C:1970:78, punt 5).


16      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1970, Grad (9/70, EU:C:1970:78, punt 9). Ara wkoll is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1990, Kaefer u Procacci (C‑100/89 u C‑101/89, EU:C:1990:456, punt 24) u tal‑10 ta’ Novembru 1992, Hansa Fleisch Ernst Mundt (C‑156/91, EU:C:1992:423, punt 13).


17      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1970, Grad (9/70, EU:C:1970:78, punt 6).


18      Ara, f’dan is-sens, il-punt 24 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1990, Kaefer u Procacci (C‑100/89 u C‑101/89, EU:C:1990:456).


19      Fil-punt 35 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu l-Gvern Ġermaniż juża t-terminu “subjektiv-öffentlichen Rechten”.


20      Ara, għal dak li jirrigwarda d-direttivi, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punt 25), tat‑23 ta’ Novembru 1977, Enka (38/77, EU:C:1977:190, punt 18), tad‑19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, EU:C:2000:468, punti 38 sa 39) u, iktar reċentement, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2006, Feuerbestattungsverein Halle (C‑430/04, EU:C:2006:374, punt 28), tas‑17 ta’ Lulju 2008, Flughafen Köln/Bonn (C‑226/07, EU:C:2008:429, punt 33) tas‑17 ta’ Novembru 2011, Aladzhov (C‑434/10, EU:C:2011:750, punt 32) u tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 25).


21      Jeħtieġ madankollu li l-individwu jkun id-detentur ta’ interess, li jista’ jiġi invokat quddiem il-qorti nazzjonali, li l-obbligu impost fuq l-Istat Membru jiġi osservat.


22      Ara l-premessa 9 u 10 u l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni.


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 1994, Comitato di coordinamento per la difesa della cava et (C‑236/92, EU:C:1994:60, punt 9), u tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Pohl-Boskamp (C‑317/05, EU:C:2006:684, punt 41).


24      Ara l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 565/2014.


25      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 1992, Hansa Fleisch Ernst Mundt (C‑156/91, EU:C:1992:423, punt 20)


26      Dan kien inter alia l-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1970, Grad (9/70, EU:C:1970:78).


27      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 1992, Hansa Fleisch Ernst Mundt (C‑156/91, EU:C:1992:423, punt 19).


28      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1990, Kaefer u Procacci (C‑100/89 u C‑101/89, EU:C:1990:456, punt 27), fejn l-obbligu previst fid-dispożizzjoni invokata tad-Deċiżjoni Nru 86/283 kien suġġett għall-kundizzjoni ta’ reċiproċità.


29      Ara f’dan is-sens il-proposta tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ Ġunju 2013, COM(2013) 441final, p. 3.


30      Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt affermat, fis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1990, Kaefer u Procacci (C‑100/89 u C‑101/89, EU:C:1990:456, punt 26), li dispożizzjoni hija inkundizzjonata meta ma tħallix lill-Istati Membri ebda marġni ta’ diskrezzjoni.


31      Ara, pereżempju, għal dak li jirrigwarda d-direttivi, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 – C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 105) u tat‑28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C‑363/05, EU:C:2007:391, punti 59 u 60).


32      Għal dak li jirrigwarda d-direttivi ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punti 59‑61), tad‑19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, EU:C:2000:468, punti 36 u 37, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger, C‑287/98, EU:C:2000:3, punti 73 et seq), tas‑7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et, (C‑118/94, EU:C:1996:86, punti 17 sa 26), tal‑15 ta’ Mejju 2014, Almos Agrárkülkereskedelmi (C‑337/13, EU:C:2014:328, punt 34); tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, Ġabra p. I-7405, punt 66). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Rahman et, (C‑83/11, EU:C:2012:174, punt 81). Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 1992, Hansa Fleisch Ernst Mundt (C‑156/91, EU:C:1992:423, punt 15).


33      Ara wkoll, dejjem għal dak li jirrigwarda d-direttivi, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Flughafen Köln/Bonn (C‑226/07, EU:C:2008:429, punti 33-34), u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, T-Mobile Czech Republic u Vodafone Czech Republic (C‑508/14, EU:C:2015:657, punt 53).


34      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2001, Gharehveran (C‑441/99, EU:C:2001:551, punti 39 sa 44).


35      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1970, Grad (9/70, EU:C:1970:78, punt 5).


36      Ara f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda d-direttivi, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 48).


37      Sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2017 (C‑413/15, EU:C:2017:745).


38      Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 20).


39      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9.


40      Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat‑28 ta’ Ġunju 2001 li tissupplimenta d-disposizzjoni ta’ l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 160).


41      Il-kontrolli mwettqa mill-kumpanniji tal-ajru jistgħu jinqasmu fi tliet tipi: i) il-kontrolli ta’ identità mwettqa għal raġunijiet kummerċjali fil-punt taċ-check-in, sabiex tiġi vverifikata l-identità tal-passiġġier li għandu biljett nominali, jew l-identità tal-persuna li tippreżenta ruħha pereżempju bħala li għandha dritt għal xi tnaqqis; ii) il-kontrolli mwettqa għal raġunijiet ta’ sigurtà f’każijiet u ċirkustanzi eċċezzjonali, pereżempju fil-każ ta’ suspetti fuq l-imġiba ta’ vjaġġatur li tista’ tipperikola l-ordni pubbliku jew is-sigurtà ta’ passiġġieri oħra; iii) il-kontrolli intiżi sabiex jiġu evitati sanzjonijiet fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi fil-każ fejn dawn jittrasportaw persuni li ma humiex fil-pussess tad-dokumenti tal-ivvjaġġar neċessarji, ara f’dan is-sens it-tweġiba tal‑5 ta’ Lulju 2001 mogħtija mill-Kummissarju ta’ dak iż-żmien Vitorino għal mistoqsija parlamentari dwar il-kontrolli sistematiċi ta’ identità mwettqa qabel l-imbark minn Air France fl-ajruport Charles de Gaulle, aċċessibbli fuq https://www.europarl.europa.eu/sides/getAllAnswers.do?reference=E-2001-1486&language=EN.


42      Il-kawża li tat bidu għas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Air Baltic Corporation (C‑575/12, EU:C:2014:2155) kienet tirrigwarda l-applikazzjoni fil-konfront ta’ Air Baltic ta’ waħda minn dawn is-sanzjonijiet amministrattivi minn naħa tal-awtoritajiet Litwani. Kawża oħra, dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjoni minn naħa tal-awtoritajiet Ungeriżi fil-konfront ta’ Ryanair bħalissa hija pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-Kawża C‑754/18, Ryan Air Designated Activity Company).


43      Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1). Il-kunċett ta’ “verifiki fuq il-fruntiera” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(11) ta’ dan il-kodiċi bħala “[l]-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jew jitilqu minnu”. F’dan is-sens, ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Touring Tours und Travel u Sociedad de Transportes (C‑412/17, EU:C:2018:1005, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma jikkostitwixxux verifiki fuq il-fruntieri l-kontrolli tad-dokumenti tal-ivvjaġġar imwettqa mill-impriżi ta’ trasport fil-każ ta’ trasport transkonfinali bil-karozza tal-linja, sa fejn dawn isiru ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru, f’dan il-każ f’dak li fih il-passiġġieri jitilgħu fil-karozza tal-linja fil-bidu tal-vjaġġ transkonfinali, u mhux “fuq il-fruntieri” jew “fil-mument tal-qsim tal-fruntiera”.


44      Il-kunċett ta’ gwardjani tal-fruntieri huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1), tal-Kodiċi ta’ Schengen bħala “kull uffiċjal pubbliku assenjat, skont il-liġi nazzjonali, ma’ xi punt ta’ qsim tal-fruntiera jew matul xi fruntiera jew fil-viċinanza immedjata ta’ dik il-fruntiera li jwettaq, skont dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali, xogħol ta’ kontroll ta’ fuq il-fruntiera”.


45      Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018 (C‑412/17, EU:C:2018:1005, punti 48 u 49).


46      Sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2017, (C‑413/15, EU:C:2017:745).


47      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 29).


48      B’mod partikolari mill-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, ippreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil‑21 ta’ Diċembru 2001 COM(2001) 784 finali.


49      Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 22) u tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Rodríguez Cachafeiro u Martínez-Reboredo Varela-Villamor (C‑321/11, EU:C:2012:609, punt 24).


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 69), tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 18), tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 23) u tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Rodríguez Cachafeiro u Martínez-Reboredo Varela-Villamor (C‑321/11, EU:C:2012:609, punt 25).


51      Ara, f’dan is-sens, l-Avviż tal-Kummissjoni — Linji Gwida Interpretattivi għar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill C/2016/3502 (ĠU 2016, C 214, p. 5, punt 3.1.1).


52      Ara l-emenda Numru 9 proposta fl-ewwel qari. Sabiex jiġġustifika din l-emenda, il-Parlament ippreċiża li “[i]r-regolament għandu jinkludi definizzjoni tal-‘fatt li persuna ma tħallietx titla’’ li tieħu inkunsiderazzjoni, pereżempju, il-fatt li l-assenza jew l-invalidità ta’ dokument ta’ identità jew aspetti oħra ta’ sigurtà jikkostitwixxu raġunijiet validi sabiex jiġu rrifjutati passiġġieri u ma għandux jitqies l-istess bħar-rifjut ta’ imbark” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara l-pożizzjoni tal-Parlament iddefinita fl-ewwel qari fl‑24 ta’ Ottubru 2002 (ĠU 2003, C 300E, p. 557). Nosserva li, fil-proposta emendata għal regolament ippreżentata mill-Kummissjoni (ĠU 2003, C 71E, p. 188), din tal-aħħar aċċettat l-emenda tal-Parlament, u inkludiet, fl-Artikolu 2(h) tal-proposta għal regolament, definizzjoni tal-kunċett ta’ “fatt li persuna ma tħallietx titla’” (“rifjut ta’ imbark ta’ passiġġieri fuq titjira” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) mingħajr madankollu ma ġiet inkluża l-eċċezzjoni introdotta mill-Parlament.


53      Test simili ħafna għal dak attwali kien jinsab fl-Artikolu 2(j) tal-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 27/2003, tat‑18 ta’ Marzu 2003 (ĠU 2003, C 125E, p. 63).


54      Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 24), u tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Rodríguez Cachafeiro u Martínez-Reboredo Varela-Villamor (C‑321/11, EU:C:2012:609, punti 32 et seq.)