Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Ottubru 2008 - Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig/Halle vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-455/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Mitteldeutsche Flughafen AG (Leipzig, il-Ġermanja), Flughafen Leipzig/Halle GmbH (Leipzig, il-Ġermanja) (rappreżentant: M. Núñez-Müller, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, taħt l-Artikolu 231(1) KE, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2008, sa fejn f'dan l-artikolu l-Kummissjoni tiddikjara li:

il-miżura ta' kontribuzzjoni ta' kapital mogħtija mill-Ġermanja għall-kostruzzjoni ta' runway ġdida fin-nofsinhar u tal-istabbilimenti relatati fl-ajruport ta' Leipzig/Halle hija għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u

din l-"għajnuna mill-Istat" tammonta għal EUR 350 miljun;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-dikjarazzjonijiet, magħmula fl-ewwel parti tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3512 finali, tat-23 ta' Lulju 2008 (C 48/2006, ex N 227/2006) dwar il-miżuri meħuda mill-Ġermanja favur DHL u l-ajruport ta' Leipzig/Halle, li l-kontribuzzjoni ta' kapital mogħtija mill-Ġermanja lill-ajruport ta' Leipzig/Halle tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur dan l-ajruport u li din l-għajnuna tammonta għas-somma ta' EUR 350 miljun.

Ir-rikorrenti jibbażaw ir-rikors tagħhom fuq tmien motivi:

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mhumiex applikabbli peress li l-ajruport, sa fejn hija kkonċernata l-estensjoni ta' infrastruttura ta' ajruport reġjonali, mhuwiex impriża fis-sens ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Fit-tieni lok, l-ajruport Leipzig/Halle GmbH huwa kumpannija tal-Istat bi skop wieħed ("single purpose vehicle") li għandha forma organizzattiva taħt id-dritt privat u li, għalhekk, sa fejn l-Istat jipprovdilu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, ma jistax fil-verità jiġi kkunsidrat bħala benefiċjarju ta' għajnuna mill-Istat.

Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja fiha nfisha sa fejn f'din l-istess deċiżjoni l-ajruport Leipzig/Halle GmbH huwa kkunsidrat kemm bħala benefiċjarju ta' għajnuna u kemm bħala l-entità li tagħti l-għajnuna.

Fir-raba' lok, l-applikazzjoni tal-linji gwida ppubblikati fl-2005 1 għal fatti preċedenti għall-pubblikazzjoni tagħhom tmur kontra l-projbizzjoni tal-applikazzjoni retroattiva, il-prinċipju taċ-ċertezza legali, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju tat-trattament ugwali. Skont ir-rikorrenti, kienu biss il-linji gwida tal-Kummissjoni tal-1994 2 li kellhom jiġu applikati.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jispjegaw li l-linji gwida l-ġodda jmorru kontra d-dritt Komunitarju primarju minħabba li, fid-dawl tal-fatt li l-operaturi ta' ajruport reġjonali m'għandhomx in-natura ta' impriża, dawn il-linji gwida huma infondati fuq il-fatti u huma, minnhom infushom, kontradittorji. Skont il-linji gwida tal-2005, anki l-kostruzzjoni ta' ajruporti taqa' taħt id-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat filwaqt li din l-attività, taħt il-linji gwida preċedenti tal-1994, kienet speċifikament eskluża mill-applikabbiltà tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. Fid-dawl tal-kontenut kompletament oppost tal-linji gwida l-qodma u l-ġodda, u fid-dawl tan-nuqqas tat-tħassir tad-dispożizzjonijiet tal-1994, mhuwiex ċar liema evalwazzjoni ġuridika għandha tiġi applikata fir-rigward tal-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruport.

Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet ksur proċedurali peress li, fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta' kapital li hija kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat, hija ma applikatx id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 3 fir-rigward ta' għajnuna eżistenti.

Fis-seba' lok, il-linji gwida tal-2005 ma jirrispettawx id-diviżjoni ta' kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni peress li l-Kummissjoni estendiet il-kompetenzi tagħha lil hinn mil-limiti previsti mit-Trattat KE billi interpretat b'mod usa' l-elementi karatteristiċi ta' "impriża" fl-Artikolu 87(1) KE u billi, permezz ta' din l-interpretazzjoni li hija usa', għaddiet taħt il-kontroll tal-istituzzjonijiet Komunitarji anki attivitajiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali.

Fl-aħħar nett id-deċiżjoni kkontestata hija, minnha nfisha inkonsistenti u tikser ukoll l-obbligu ta' motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE.

____________

1 - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament ta' ajruporti u l-għajnuna għall-bidu mill-Istat mogħtija lil linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 2005, C 312, p. 1).

2 - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KE kif ukoll tal-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE għal għajnuna mill-Istat għat-trasport bl-ajru [Traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 1994, C 350, p. 7).

3 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE.