Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Ottubru 2008 - Stim vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-451/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (Stim) u.p.a. (Stockholm, l-Iżvezja) (rappreżentanti: C. Thomas, Solicitor u N. Pourbaix, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 3 u 4(2), u l-Artikolu 4(3) safejn jirreferi għall-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 dwar proċedura ta' applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE fil-Każ COMP/C2/38.698 - CISAC;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 dwar proċedura ta' applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 - CISAC) u, b'mod partikolari, tal-Artikolu 3 tagħha, li stabbilixxa li l-membri tal-CISAC1 taż-ŻEE li ħadu sehem f'prattika miftiehma bi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikoli 53 ŻEE billi kkoordinaw il-linji territorjali tal-mandati rappreżentattivi reċiproċi mogħtija lil xulxin b'mod li jillimita l-liċenzja għat-territorju domestiku ta' kull soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur .

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li ġej:

Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 151(4) KE peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-konsegwenzi tad-diversità kulturali fl-Ewropa billi talbet li tintemm il-prattika miftiehma allegata fuq il-linji territorjali tal-mandati mogħtija minn soċjetajiet għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur taż-ŻEE lil soċjetajiet għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur taż-ŻEE oħra sabiex joħorġu liċenzji tar-ripertorju tagħhom għall-użu tas-satellita, tal-kejbil u tal-internet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni ser tikkawża ħsara lid-diversità kulturali fl-Ewropa, peress li kompożituri li huma inqas kulturalment magħrufa se jitilifu ċ-ċertezza li għandhom taħt is-sistema attwali, dik li l-mużika tagħhom tkun liċenzjata u li dħul ikun irċevut fir-rigward tat-territorji kollha li fihom tindaqq il-mużika tagħhom.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li hija identifikat hija fittizzja jew, l-iktar l-iktar, marġinali. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, mhemm ebda restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 81(1) KE. Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi jew żball manifest ta' evalwazzjoni, meta applikat id-dispożizzjoni msemmija iktar 'il fuq. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni setgħet legalment eżentat il-prattika miftiehma skont l-Artikolu 81(3) KE. Billi m'għamlitx hekk, hija kkawżat għalxejn dannu għad-diversità kulturali fl-Ewropa.

____________

1 - Konfederazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tal-Awturi u tal-Kompożituri