Language of document : ECLI:EU:T:2011:338

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

7 ta’ Lulju 2011

Kawża T‑283/08 P

Pavlos Longinidis

vs

Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

“Appell — Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Kuntratt għal żmien indeterminat — Tkeċċija — Motivazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Drittijiet tad-difiża”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-24 ta’ April 2008, Longinidis vs Cedefop (F‑74/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑125 u II‑A‑1‑655), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. L-appellant għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti miċ-Cedefop.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat — Obbligu ta’ motivazzjoni — Oneru tal-prova tal-osservanza ta’ dan l-obbligu

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikolu 47(c))

2.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-fatti u tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament — Obbligu tat-Tribunal tas-Servizz Pubbliku li jimmotiva l-evalwazzjoni tiegħu tal-provi — Portata

(Artikolu 225A KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni sentenza tal-Artikolu 25 u Artikolu 90(2); Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikolu 11(1))

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikolu 47(c))

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Obbligu li tinbeda proċedura dixxiplinarja — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikoli 47(c), 49(1), u 50a)

6.      Appell — Aggravji — Assenza ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 138(1)(c))

7.      Uffiċjali — Appell — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Evalwazzjoni tal-imparzjalità u tal-oġġettività tal-korp kompetenti — Evalwazzjoni in concreto

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

1.      Obbligu ta’ motivazzjoni huwa impost fuq l-awtorità kompetenti meta membru tal-persunal temporanju b’kuntratt għal żmien indeterminat jitkeċċa. L-oneru tal-prova tal-osservanza ta’ dan l-obbligu huwa impost fuq l-awtorità kompetenti. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni bl-ebda mod ma jeżenta lill-istituzzjoni jew lill-organu tal-Unjoni kkonċernat mill-obbligu li jipproduċi l-prova li l-oneru tagħha huwa impost fuqu, skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli tal-proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova, meta l-legalità ta’ att li tiegħu huwa l-awtur ikun ikkontestat fil-kuntest ta’ rikors għal annullament.

(ara l-punti 38 u 39)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T-404/06 P, Ġabra p. II-2841, punti 143 sa 171

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F-1/05, ĠabraSP p. I-A-1-123 u II-A-1-459, punti 73 u 74

2.      Mill-Artikolu 225A KE u mill-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-appell ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt u jista’ jkun ibbażat fuq aggravji bbażati fuq l-inkompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, irregolaritajiet tal-proċedura quddiem l-imsemmi Tribunal li jippreġudikaw l-interessi tal-parti kkonċernata kif ukoll ksur tad-dritt Komunitarju mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Il-qorti tal-ewwel istanza biss hija kompetenti, minn naħa, biex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ meta mill-atti tal-proċess mibgħuta lilha tirriżulta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, biex tevalwa l-fatti. Meta l-qorti tal-ewwel istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-qorti tal-appell tista’ teżerċita stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi tad-dritt li tnisslu mill-ewwel qorti.

Għaldaqstant, il-qorti tal-appell ma għandhiex il-kompetenza li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, li teżamina l-provi li l-qorti tal-ewwel istanza tkun qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-qorti tal-ewwel istanza li tista’ tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-provi li jkunu prodotti quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-qorti tal-appell.

Fil-fatt, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss li għandu jevalwa l-valur li għandhom jingħataw il-provi prodotti quddiemu u ma huwiex obbligat li jimmotiva b’mod espress il-kunsiderazzjonijiet tiegħu dwar il-valur ta’ kull prova prodotta quddiemu. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa obbligat jagħti motivazzjoni li tippermetti lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u dan b’mod partikolari fuq żnaturament eventwali tal-provi li kienu ġew prodotti quddiemu.

(ara l-punti 42 sa 44 u 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51; 21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punt 106; 16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C-440/07 P, Ġabra p. I-6413, punt 103

Il-Qorti Ġenerali: 26 ta’ Ġunju 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T-114/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑53 u II‑B‑1‑313, punt 12, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju b’kuntratt għal żmien indeterminat tista’ titqies bħala biżżejjed motivata, anki jekk il-motivi tagħha ma humiex stabbiliti bil-miktub, iżda kkomunikati lill-persuna kkonċernata matul intervista mas-superjur tagħha.

Dawn il-kundizzjonijiet ma jiksrux l-Artikolu 11(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra u t-tieni sentenza tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, għaliex, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet jimplikaw, bħala regola, li deċiżjoni individwali li tikkawża preġudizzju tesponi l-motivi kollha li servew biex tiġi adottata, sabiex tippermetti lid-destinatarju tagħha li jevalwa l-fondatezza tagħha u lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita, jekk ikun il-każ, l-istħarriġ tal-legalità tagħha fuq l-imsemmija deċiżjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-għarfien, mill-persuna kkonċernata, tal-kuntest li fih seħħet deċiżjoni jista’ jikkostitwixxi motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

(ara l-punti 67 u 68)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: ETF vs Landgren, iċċitata iktar ’il fuq, punt 179, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Landgren vs ETF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79

4.      Bla ħsara għall-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuq l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi kuntratti ta’ impenn, hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tar-rexissjoni ta’ kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanji b’kuntratt għal żmien indeterminat. Għalhekk, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin tal-poter.

(ara l-punt 84)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: ETF vs Landgren, iċċitata iktar ’il fuq, punt 162, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Minħabba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għadha l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi kuntratti ta’ impenn, fil-każ ta’ żball li jista’ jiġġustifika t-tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju, xejn ma jobbliga li tibda proċedura dixxiplinarja kontra dan tal-aħħar pjuttost milli tirrikorri għall-possibbiltà ta’ rexissjoni unilaterali tal-kuntratt previst fl-Artikolu 47(c) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra. Huwa biss fl-ipoteżi li din l-awtorità beħsiebha tkeċċi membru tal-persunal temporanju, mingħajr ma tinfurmah minn qabel, fil-każ ta’ nuqqas gravi tal-obbligi tiegħu, li għandha tibda, skont l-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, il-proċedura dixxiplinarja organizzata fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanji.

L-Artikolu 50a tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra ma jimponix obbligu, iżda jagħti biss il-possibbiltà lill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi kuntratti ta’ impenn li tiftaħ proċedura dixxiplinarja fil-każ ta’ kwalunkwe nuqqas tal-membru tal-persunal temporanju tal-obbligi imposti fuqu.

(ara l-punti 100 u 102)

6.      Mill-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha qed tintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Appell li ma jinkludi l-ebda argument intiż speċifikament li jidentifika l-iżball ta’ liġi li jivvizzja s-sentenza jew id-digriet inkwistjoni ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.

(ara l-punt 112)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 9 ta’ Settembru 2010, Andreasen vs Il-Kummissjoni, T-17/08 P, punt 127, u l-ġurisprudenza ċċitata; 16 ta’ Settembru 2010, Lebedef vs Il-Kummissjoni, T-52/10 P, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      Fil-kuntest tar-regoli li japplikaw għall-persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali, il-kumitat ta’ appell huwa l-korp amministrattiv li ngħata l-kwalifika li jwieġeb l-ilmenti kollha ppreżentati mill-persunal ikkonċernat skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. L-imparzjalità u l-oġġettività ta’ tali korp, stabbilit konġuntament mal-membri tal-persunal, ma jistgħux jiġu kkunsidrati in abstracto. Dawn jistgħu jitqiegħdu inkwistjoni, fil-kuntest partikolari ta’ proċedura ta’ ilment, biss fid-dawl tal-fatti tal-każ, b’mod partikolari dawk dwar il-persuna tal-lanjant, l-għan tal-ilment tagħha u r-relazzjonijiet eventwali li hija stess kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-persuna jew persuni li l-ilment tagħha jqiegħed inkwistjoni għandha mal-membri tal-kumitat ta’ appell.

(ara l-punti 114 u 115)