Language of document : ECLI:EU:T:2014:1083

Kawża T‑283/08 P‑DEP

Pavlos Longinidis

vs

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop),

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Onorarji ta’ avukat — Rappreżentazzjoni ta’ korp tal-Unjoni minn avukat — Remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa — Spejjeż ta’ trasferiment u ta’ soġġorn ta’ aġent — Spejjeż ta’ traduzzjoni — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Sitwazzjoni ekonomika tal-appellant”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tal-11 ta’ Diċembru 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Kontestazzjoni fuq l-ispejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Assenza ta’ rekwiżit ta’ rifjut oppost mill-parti kkundannata għall-ispejjeż fir-rigward ta’ talba għal rimbors

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 92(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Punti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni — Sitwazzjoni ekonomika tal-parti kkundannata għall-ispejjeż — Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

3.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Kunċett — Onorarji mħallsa minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni lil avukat tagħha — Inklużjoni — Ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn ir-rikorrenti minħabba użu ta’ avukat f’ċerti kawżi iżda mhux f’oħrajn — Assenza

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 u l-ewwel paragrafu tal-artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

4.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Taxxa magħmula fuq il-bażi ta’ indikazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-applikant jew, fin-nuqqas, ta’ evalwazzjoni xierqa tal-qorti tal-Unjoni — Natura ta’ somma f’daqqa tar-remunerazzjoni ta’ avukat — Assenza ta’ effett fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

5.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Intervent minn diversi avukati — Kundizzjoni — Eżistenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

6.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Spejjeż ta’ traduzzjoni esterni relatati ma’ traduzzjonijiet ta’ atti proċedurali ppreżentati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1, kif emendat bir-Regolament Nru 517/2013, Artikolu 1; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 35(3), 43(2) u 91(b))

1.      Skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk ikun hemm kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet li ma jistax jiġi appellat, fuq it-talba tal-parti interessata, wara li jinstemgħu l-osservazzjonijiet tal-parti l-oħra.

B’hekk, sabiex jiġi evitat li tiċċaħħad mill-effettività l-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni, li għandha t-tendenza li tkun deċiża definittivament fuq l-ispejjeż tal-istanza, ma jistax jiġi ammess li kontestazzjoni fis-sens tal-imsemmi artikolu tqum biss meta d-destinatarju ta’ talba għal rimbors tal-ispejjeż imressqa mill-parti li tirbaħ tipprekludilha rifjut espliċitu u integrali.

(ara l-punti 12, 13)

2.      Mill-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għandha tevalwa liberament l-informazzjoni tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tal-kawża, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-aġenti jew tal-konsulenti intervenuti u l-interessi ekonomiċi li l-kawża rrappreżentat għall-partijiet. Meta tiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument meta jiġi deċiż id-digriet għal intaxxar tal-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż indispensabbli li jirrigwardaw il-proċedura għal intaxxar tal-ispejjeż.

Bil-kontra, is-sitwazzjoni ekonomika tal-parti li ġiet ikkundannata għall-ispejjeż ma taqax taħt il-kriterji li fuqhom l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru huwa stabbilit mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż.

(ara l-punti 19-21, 67)

3.      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma, fir-rigward tal-mod li bih huma jridu jiġu rrappreżentati jew assistiti quddiem il-qorti tal-Unjoni, liberi li jiddeċiedu li jirrikorru għall-assistenza ta’ avukat. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tal-Istatut, hemm lok li jiġu assimilati l-organi tal-Unjoni mal-imsemmija istituzzjonijiet.

B’hekk, għalkemm il-fatt għal korp tal-Unjoni li jinvolvi aġent u avukat estern ma għandux konsegwenza fuq li dawn l-ispejjeż inkwistjoni jistgħu potenzjalment jinġabru, peress li ma hemm xejn li jeskludihom bħala prinċipju, dan jista’ jkollu impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont li jista’ jinġabar fl-aħħar tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura. F’dan ir-rigward, ma tistax tkun kwistjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn ir-rikorrenti meta l-organu tal-Unjoni konvenut jiddeċiedi li juża s-servizzi ta’ avukat f’ċerti kawżi, filwaqt li f’oħrajn ikun irrappreżentat mill-aġenti tiegħu.

Fil-fatt, kull evalwazzjoni oħra li tissuġġetta d-dritt ta’ organu tal-Unjoni, li jitlob integralment jew parzjalment l-onorarji mħallsa lil avukat, għad-dimostrazzjoni ta’ neċessità oġġettiva li jintużaw is-servizzi tiegħu tikkostitwixxi fir-realtà limitazzjoni indiretta tal-libertà ggarantita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u timplika għall-qorti tal-Unjoni l-obbligu li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet u organi responsabbli mill-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom. Madankollu, tali kompitu ma huwiex kompatibbli la mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna li jgawdu minnha l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-kawżi tagħhom quddiem il-qrati tal-Unjoni.

(ara l-punti 24-26)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28, 31)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 50)

6.      L-ispejjeż li jikkonċernaw it-traduzzjonijiet li l-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni huma obbligati li jipproduċu quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 43(2) tar-Regoli tal-Proċedura ma jistgħux jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru. Barra minn hekk, huwa biss fir-rigward tal-intervenjenti li l-Qorti Ġenerali ammettiet, taħt ċerti kundizzjonijiet, in-natura indispensabbli tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni.

F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ rikors ippreżentat bil-lingwa Griega kontra korp tal-Unjoni li r-rappreżentanti tiegħu ma jitkellmux din il-lingwa u li użaw is-servizzi ta’ avukat estern li jaf il-lingwa Griega, l-użu ta’ dan tal-aħħar għandu jitqies li huwa biżżejjed biex jippermetti lill-imsemmi korp li jaħdem, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, bil-Grieg, konformement mal-obbligi previsti mill-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea, kif emendat bir-Regolament Nru 517/2013. Madankollu, il-fatt li jiġi ammess li l-ispejjeż tat-traduzzjoni huma spejjeż li jistgħu jinġabru jagħti lok għal diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa, peress li tali spejjeż ma kinux isiru mill-korp tal-Unjoni kieku r-rikorrent kien għażel lingwa oħra tal-proċedura li biha jitkellem l-imsemmi korp.

(ara l-punti 61, 62, 64)