Language of document :

Corrigendum għall-komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali fil-kawża T-283/08 P

("Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 272 tal-25 ta' Ottubru 2008, p. 28")

It-test korrett tal-komunikazzjoni fil-ĠU fil-kawża T-283/08 P, Longinidis vs Cedefop huwa kif ġej:

"Appell imressaq fis-16 ta' Lulju 2008 minn P. Longinidis mis-sentenza mogħtija fl-24 ta' April 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-74/06, Longinidis vs Cedefop

(Kawża T-283/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Appellant: Pavlos Longinidis (il-Greċja) (rappreżentanti: P. Giatagantzidis u S. Stavropoulou, avukati)

Appellata: Cedefop

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-24 April 2008 fil-kawża F-74/06, Pavlos Longinidis vs Cedefop;

tannulla d-deċiżjoni tat-30 ta' Novembru 2005 tad-direttriċi ta' Cedefop li ttemm il-kuntratt ta' impjieg għal żmien indefinit tal-appellant fl-appell tal-4 ta' Marzu 2003 u kull att amministrattiv konness ieħor;

tannulla d-deċiżjoni tal-11 ta' Novembru 2005 tad-direttriċi ta' Cedefop li temenda l-kompożizzjoni tal-bord tal-appell ta' Cedefop u kull att aministrattiv konness ieħor;

tannulla d-deċiżjoni tal-24 ta' Mejju 2006 tal-bord tal-appell ta' Cedefop li ċaħdet l-ilment tal-appellant fl-appell tat-28 ta' Frar 2006 u kull att amministrattiv konness ieħor;

tilqa' r-rikors tad-19 ta' Ġunju 2006 imressaq mill-appellant;

tikkundanna lil Cedefop għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fir-rikors tiegħu, l-appellant talab, b'mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tad-direttriċi ta' Cedefop li ttemm il-kuntratt għal żmien indefinit tiegħu. Ir-rikors tiegħu ġie miċħud b'sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-24 ta' April 2008.

L-appellant iqis li s-sentenza appellata ngħatat bi ksur tar-regoli dwar l-amministrazzjoni tal-provi peress li hija bbażata fuq elementi li ma nġabitx il-prova tagħhom. B'mod partikolari, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina l-argument ta' l-appellant li l-motivi tat-tkeċċija tiegħu ġew ikkomunikati lilu verbalment waqt il-laqgħa tat-23 ta' Novembru 2005, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta' liġi meta emenda s-suġġett tal-prova.

Barra minn hekk, l-appellant isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b'insuffiċjenza ta' motivi. B'mod aktar preċiż, huwa jsostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma mmotivax biżżejjed l-evalwazzjoni tiegħu dwar il-fatt li l-appellant kien ġie informat suffiċjentement u kif xieraq dwar il-motivi tat-tkeċċija tiegħu u li ma speċifikax il-fatti kollha li, fil-fehma tiegħu, wasslu għat-tkeċċija tiegħu.

Barra minn hekk, l-appellant isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju fuq il-punti li ġejjin: fl-ewwel lok, huwa jqis li, fid-dawl ta' ċerti fatti f'din il-kawża, l-osservanza tal-obbligu ta' motivazzjoni huwa assigurat biss bin-notifika bil-miktub tal-motivi tat-tkeċċija tiegħu, fit-tieni lok, li t-tkeċċija tiegħu minħabba fatt iżolat tirriżulta minn żball manifest ta' evalwazzjoni u, fit-tielet lok, li d-drittijiet tad-difiża tiegħu kienu miksura peress li nstema' biss meta d-deċiżjoni ta' tkeċċija tiegħu kienet diġà ttieħdet, peress li ebda investigazzjoni u ebda proċedura dixxiplinari ma kienet saret f'dan ir-rigward u peress li l-elementi essenziali tal-proċess ma ġewx innotifikati lilu, bħalma lanqas ma ntalbet il-fehma tiegħu dwar is-suġġett tal-fatti li fuqhom ġie akkużat.

Fl-aħħar nett, l-appellant iqis li l-ilment tiegħu tat-28 ta' Frar 2006 kontra d-deċiżjoni ta' tkeċċija ma ġiex deċiż b'mod oġġettiv u imparzjali mill-bord tal-appell ta' Cedefop.

____________