Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Belġju) fl-4 ta’ Mejju 2018 – X vs Belgische Staat

(Kawża C-302/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad voor Vreemdelingenbetwistingen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenut: Belgische Staat

Domandi preliminari

L-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109/KE 1 , li jipprevedi (b’mod partikolari) li, sabiex jiksbu l-istatus ta’ resident għat-tul, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom juru li “jkollhom”, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja tagħhom, riżorsi stabbli, regolari u li jkunu suffiċjenti sabiex imantnu lilhom nnifishom u l-membri tal-familja tagħhom, mingħajr rikors għas-sistema tal-assistenza soċjali tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi interpretat fis-sens li qiegħed isir riferiment biss għar-“riżorsi proprji” taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz?

Jew huwa suffiċjenti, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija riżorsi jkunu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, mingħajr ma jiġi impost kwalunkwe rekwiżit dwar l-oriġini ta’ dawn ir-riżorsi, b’tali mod li dawn jistgħu wkoll jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu minn membru tal-familja tiegħu jew minn terz?

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-aħħar domanda, it-teħid ta’ impenn minn terz sabiex jkopri l-ispejjeż, fejn dan tal-aħħar jimpenja ruħu sabiex jiżgura li l-applikant għall-istatus ta’ resident għat-tul “ikollu, għalih u għall-membri dipendenti tal-familja tiegħu, riżorsi stabbli, regolari u li jkunu suffiċjenti sabiex imantni lilu nnifsu u l-membri tal-familja tiegħu bil-għan li jevita li jkun ta’ piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi”, huwa suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jintwera li l-applikant jista’ jkollu riżorsi fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109/KE?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).