Language of document : ECLI:EU:C:2019:830

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

3 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal perijodu twil – Direttiva 2003/109/KE – Kundizzjonijiet marbuta mal-kisba tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil – Artikolu 5(1)(a) – Riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti”

Fil-Kawża C‑302/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura

X

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal X, minn J. Hardy, advocaat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Jacobs kif ukoll minn P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn E. Matterne, advocaat,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier, A.-L. Desjonquères u E. Armoet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) rigward, b’mod partikolari, iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ stabbiliment u għall-ksib tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/86/KE

3        Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224):

“1.      Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:

[…]

ċ)      riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Stati Membri għandhom jistmaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarita tagħhom u jistgħu jqisu il-livell ta’ pagi minimi nazzjonali u penjonijiet kif ukoll in-numru ta’ membri tal-familja.”

 Id-Direttiva 2003/109

4        Il-premessi 1, 2, 4, 6, 7 u 10 tad-Direttiva 2003/109 jgħidu:

“(1)      Bil-ħsieb ta’ l-istabbiliment progressiv ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, it-Trattat [KE] jipprovdi kemm għall-adozzjoni ta’ miżuri mmirati li jassiguraw il-moviment liberu ta’ persuni, flimkien ma’ miżuri konnessi li jirrelataw mal-kontrolli tal-fruntieri esterni, asil u immigrazzjoni, u għall-adozzjoni ta’ miżuri li jirrelataw mal-kenn, immigrazzjoni u l-salvagward tad-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(2)      Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri u li persun[a] li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)      L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità dikjarata fit-Trattat.

[…]

(6)      Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. Għandha ssir disposizzjoni għall-grad ta’ flssibilità sabiex jingħata kont taċ-ċirkostanzi li fihom persuna setgħa kellha titlaq mit-territorju fuq bażi temporanju.

(7)      Biex jinkiseb status ta’ residenti għal perjodu fit-tul, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jagħtu prova li ikollhom riżorsi adegwati u assigurazzjoni kontra l-mard, biex jevitaw li ikunu piż fuq dak l-Istat Membru. L-Istati Membri, meta jagħmlu stima tal-pussess ta’ riżorsi stabbli u regolari jistgħu jagħtu kont għall-fatturi bħal kontribuzzjonijiet għal sistema tal-pensjoni u t-tħaris ta’ l-obbligi tat-taxxa.

[…]

(10)      Għandu jiġi preskritt sett ta’ regoli li jirregolaw il-proċeduri għall-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-istatus ta’ residenti ta’ perjodu twil ta’ żmien. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu effettivi u maniġġabbli, u jagħtu kont ta’ l-ammont normali tax-xogħol ta’ l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri, kif ukoll ikunu trasparenti u ġusti, sabiex joffru ċ-ċertezza legali adattata lil dawk konċernati. Dawn ma għandhomx jikkostitwixxu mezz biex ifixklu l-eżerċizzju tad-dritt tar-residenza.”

5        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja:

a)      riżorsi stabbli u regolari li ikunu suffiċjenti biex imantni lilu/ha nnifsu/ha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr rikors għas-sistema ta’ l-assietnza soċjali ta’ l-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarità tagħhom u jistgħu jagħtu kont tal-livell tal-paga minima u l-pensjoniijiet qabel l-applikazzjoni għall-istatus ta’ resident għat-tul;

b)      l-assigurazzjoni tal-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini proprji tiegħu/tagħha fl-Istat membru konċernat.

[…]”

6        L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Biex jinkiseb status ta’ residenti għat-tul, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat għandu jibgħat applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih ikun/tkun tirrisjedi. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpnajata b’evidenza dokuemntata li għandha tiġi stabbilita bil-liġi nazzjonali li hu/i jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 5 kif ukoll, jekk meħtieġ, b’dokument validu ta’ l-ivvjaġġar jew kopja tiegħu ċertifikata.

[…]”

7        Skont l-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva:

“L-istatus ta’ residenti għat-tul għandu jkun permanenti, bla ħsara għall-Artikolu 9.”

8        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Irtirar jew telf ta’ status”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      Ir-residenti għat-tul ma għandux ikollhom id-dritt li jżommu status ta’ residenti għat-tul fil-każi li ġejjin:

a)      il-kxif ta’ kisba b’mod għarrieqi ta’ status ta’ residenti għat-tul;

b)      l-adozzjoni ta’ miżura ta’ tkeċċija taħt il-kondizzjonijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 12;

ċ)      fil-każ ta’ assenza mit-territorju tal-Komunità għal perjodu ta’ 12-il xahar konsekuttivi.”

9        L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’ dak taċ-ċittadini fir-rigward ta’:

a)      aċċess għall-impieg jew attivtà ta’ impieg għal rasu, kemm-il darba dawk l-attivitajiet ma jinvolvux ukoll involviment ta’ kull tant fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, u kondizzjonijiet ta’ l-impieg u kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi kondizzjonijiet li jirrigwardaw it-tkeċċija u l-ħlas;

[…]”

10      L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni li jkeċċu residenti għat-tul unikament fejn hu/i jikkostitwixxi theddiha attwali u suffiċjentement serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika.

2.      Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun ibbażata fuq konsiderazzjonijiet ekonomiċi.

[…]”

11      L-Artikolu 13 tal-istess direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu joħorġu permessi ta’ residenza b’validità permanenti jew illimitata li ikunu aktar favorevoli minn dawk preskritti f’din id-Direttiva. Dawk il-permessi ta’ residenza ma għandhomx jikkonferixxu d-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri l-oħra kif hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva.”

 Id-Direttiva 2004/38/KE

12      Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46):

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)      miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–        għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza […]

[…]”

13      L-Artikolu 14, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

[…]”

 Id-dritt Belġjan

14      Skont l-Artikolu 15a tal-wet betreffende de toegang tot het grondgebied, het verblijf, de vestiging en de verwijdering van vreemdelingen (il-Liġi dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tkeċċija tal-Barranin, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”), tal-15 ta’ Diċembru 1980 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”):

“§ 1.      Ħlief jekk raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali jipprekludu dan, l-istatus ta’ resident għal perijodu twil għandu jingħata lil barrani li ma huwiex ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu (3) u li jista’ jagħti prova ta’ residenza legali u mhux interrotta fir-Renju [tal-Belġju] matul il-ħames snin li jippreċedu immedjatament l-applikazzjoni għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil.

[…]

§ 3.      Il-barrani msemmi fil-paragrafu (1) għandu jipproduċi l-prova li huwa għandu, għalih u għall-membri dipendenti tal-familja tiegħu, mezzi ta’ għajxien stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu sabiex jevita li jkun ta’ piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll assigurazzjoni għall-mard li tkorpi r-riskji fil-Belġju.

Il-mezzi ta’ għajxien imsemmija fil-paragrafu (1) għandhom mill-inqas jikkorrispondu għal-livell ta’ riżorsi li jekk ma jintlaħaqx tkun tista’ tingħata għajnuna soċjali. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom, jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tagħhom u r-regolarità tagħhom.

Ir-Re jistabbilixxi, permezz ta’ digriet irjali diskuss fil-Kunsill tal-Ministri u fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fil-paragrafu (2), l-ammont minimu tal-mezzi ta’ għajxien meħtieġ.”

15      Fiċ-ċirkulari rigward l-istatus ta’ resident għal perijodu twil, tal-14 ta’ Lulju 2009 (Belgisch Staatsblad, 11 ta’ Awwissu 2009), jiġi speċifikat li l-prova tal-imsemmija mezzi ta’ għajxien tista’ tiġi stabbilita bil-mod li ġej:

“Il-prova tal-mezzi ta’ għajxien tista’ tinġab permezz ta’ dħul professjonali, allowance tal-qgħad, allowance tal-invalidità, irtirar antiċipat, allowance tax-xjuħija, benefiċċju mħallas fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-inċidenti jew assigurazzjoni għall-mard ikkaġunat mix-xogħol, […] Din il-lista ma hijiex eżawrjenti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Fis-26 ta’ Lulju 2007, X, li ddikjara li huwa ta’ nazzjonalità Kamerunjana, ippreżenta applikazzjoni quddiem l-ambaxxata tal-Belġju f’Yaoundé (il-Kamerun) għal viża bħala student. Huwa kiseb l-imsemmija viża u d-dritt tiegħu ta’ residenza fil-Belġju ġie estiż annwalment sal-15 ta’ Jannar 2016. Fid-19 ta’ Jannar 2016, awtorizzazzjoni ta’ residenza ngħatat għall-applikazzjoni ta’ X, għaliex dan kellu permess ta’ xogħol. Il-perijodu ta’ validità ta’ din l-awtorizzazzjoni kien sal-14 ta’ Jannar 2017.

17      Fis-27 ta’ Diċembru 2016, X ippreżenta applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil. Insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, huwa pproduċa b’mod partikolari, bħala provi ta’ mezzi ta’ għajxien stabbli, regolari u suffiċjenti, kuntratti ta’ xogħol, avviż ta’ tassazzjoni u dikjarazzjonijiet tas-salarju f’isem ħuh. Barra minn hekk, X ipproduċa dokument iffirmat minn ħuh, li bih dan intrabat li jiżgura li “l-persuna kkonċernata jkollha ‘għaliha u għall-membri dipendenti tal-familja tagħha, mezzi ta’ għajxien stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex tmantni lilha nnifisha u lill-membri tal-familja tagħha sabiex tevita li tkun ta’ piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi’ skont l-Artikolu 15a tal-[Liġi dwar il-Barranin].”

18      Il-gemachtigde van de staatssecretaris voor Asiel en Migratie en Administratieve Vereenvoudiging (id-Delegat tas-Segretarju tal-Istat għall-Ażil u għall-Migrazzjoni, inkarigat bis-semplifikazzjoni amministrattiva, il-Belġju) (iktar ’il quddiem id-“Delegat”), permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta’ April 2017, ċaħad din l-applikazzjoni. Fir-rigward tal-mezzi ta’ għajxien stabbli, regolari u suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 15a tal-Liġi dwar il-Barranin, id-deċiżjoni kienet ifformulata b’dan il-mod:

“Il-persuna kkonċernata ma għandhiex riżorsi proprji. Jidher li huwa ma għadux jeżerċita attività rremunerata sa mill-31 ta’ Mejju 2016 u li ma għandu l-ebda riżorsi fil-preżent. Huwa jsemmi r-riżorsi ta’ ħuħ. Il-persuna kkonċernata għandha tistabbilixxi li hija għandha, għaliha nnifisha, mezzi ta’ għajxien suffiċjenti sabiex ma tisfax ta’ piż għall-Istat Belġjan.”

19      X ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, quddiem ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), u fil-kuntest tiegħu huwa jsostni li din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni rigward il-mezzi ta’ għajxien, li tinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/109, dispożizzjoni li l-Artikolu 15a tal-Liġi dwar il-Barranin jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tagħha, għar-raġuni li dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżiġux li biss il-mezzi proprji tar-rikorrent għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

20      X jenfasizza li l-espressjoni “jkollhom riżorsi suffiċjenti”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/109, kellha tiġi interpretata bl-istess mod bħall-kliem identiku użat fid-Direttivi 2003/86 u 2004/38. Id-Direttiva 2003/109 hija intiża sabiex tapprossima l-istatus legali ta’ dawk li għandhom permess ta’ residenza għal perijodu twil għal dak mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni. Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li l-ġurisprudenza marbuta mad-Direttiva 2004/38 kif ukoll il-ġurisprudenza rilevanti preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, li minnha jirriżulta li din id-direttiva ma tinkludi l-ebda rekwiżit rigward l-oriġni tar-riżorsi suffiċjenti, għandhom jiġu applikati b’analoġija.

21      Id-Delegat isostni, min-naħa l-oħra, li s-sempliċi fatt li X jiġi mantnut minn ħuh ma jimplikax li huwa għandu dħul regolari u stabbli. Fil-fehma tiegħu, l-evalwazzjoni tar-riżorsi fil-kuntest ta’ proċedura għar-riunifikazzjoni tal-familja ma tistax issir bl-istess mod bħal dik magħmula fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-ksib tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil. Barra minn hekk, fil-każ ta’ riunifikazzjoni tal-familja rigward ċittadin tal-Unjoni, huwa biss id-dħul ta’ dan tal-aħħar li jkun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni.

22      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-“riżorsi” li hemm riferiment għalihom f’din id-dispożizzjoni huma biss “riżorsi proprji” tar-rikorrent jew jekk dan il-kunċett ikoprix ukoll tipi oħra ta’ riżorsi.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 5(1)(a) tad-[Direttiva 2003/109], li jipprevedi (b’mod partikolari) li, sabiex jiksbu l-istatus ta’ resident għat-tul, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom juru li ‘jkollhom’, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja tagħhom, riżorsi stabbli, regolari u li jkunu suffiċjenti sabiex imantnu lilhom nnifishom u l-membri tal-familja tagħhom, mingħajr rikors għas-sistema tal-assistenza soċjali tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi interpretat fis-sens li qiegħed isir riferiment biss għar-‘riżorsi proprji’ taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz?

2)      Jew huwa suffiċjenti, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija riżorsi jkunu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, mingħajr ma jiġi impost kwalunkwe rekwiżit dwar l-oriġini ta’ dawn ir-riżorsi, b’tali mod li dawn jistgħu wkoll jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu minn membru tal-familja tiegħu jew minn terz?

3)      Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-aħħar domanda, it-teħid ta’ impenn minn terz sabiex jkopri l-ispejjeż, fejn dan tal-aħħar jimpenja ruħu sabiex jiżgura li l-applikant għall-istatus ta’ resident għat-tul ‘ikollu, għalih u għall-membri dipendenti tal-familja tiegħu, riżorsi stabbli, regolari u li jkunu suffiċjenti sabiex imantni lilu nnifsu u l-membri tal-familja tiegħu bil-għan li jevita li jkun ta’ piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi’, huwa suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jintwera li l-applikant jista’ jkollu riżorsi fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109/KE?”

 Fuq id-domandi preliminari

24      Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “riżorsi”, li hemm riferiment għalih f’din id-dispożizzjoni, jirrigwardax biss ir-“riżorsi proprji” tal-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil jew jekk dan il-kunċett ikoprix ukoll ir-riżorsi li jitqiegħdu għad-disponibbiltà ta’ dan l-applikant minn terz kif ukoll, jekk ikun il-każ, jekk impenn ta’ manteniment meħud minn dan it-terz huwiex suffiċjenti sabiex tinġab il-prova li l-imsemmi applikant għandu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

25      Skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jipprovdi l-prova li huwa għandu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu li huma dipendenti fuqu, riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu mingħajr rikors għas-sistema tal-assistenza soċjali tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura tagħhom u għar-regolarità tagħhom u jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-livell minimu tal-paga u tal-pensjonijiet qabel l-applikazzjoni għall-ksib tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil.

26      Peress li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 ma jinkludi l-ebda riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, il-kunċett ta’ “riżorsi”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet użati fl-Istati Membri, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, kif ukoll l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha u l-kuntest tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa, C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi osservat li l-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, bil-lingwa Ingliża, bil-lingwa Franċiża, u bil-lingwa Taljana ta’ din id-dispożizzjoni jużaw terminu ekwivalenti għall-kelma “riżorsi”. Dan il-kunċett, skont is-sens komuni tiegħu, jista’ jindika l-mezzi finanzjarji kollha li jibbenefika minnhom l-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil, indipendentement mill-oriġini tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-verżjonijiet bil-lingwa Olandiża u bil-lingwa Ġermaniża tal-imsemmija dispożizzjoni jużaw kliem ekwivalenti għall-kunċett ta’ “dħul”, li jirreferi b’mod iktar strett għar-riżorsi personali, bħal, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw mill-attività ekonomika tal-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil, li jeskludi r-riżorsi li ġejjin minn terz, bħalma huwa membru tal-familja tiegħu.

28      Fid-dawl ta’ din l-ambigwità, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 ma tippermettix, minnha nnifisha, li tiġi stabbilita la n-natura u lanqas l-oriġini tar-riżorsi li hemm riferiment għalihom fl-imsemmi artikolu.

29      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-għan tad-Direttiva 2003/109, din hija intiża, prinċipalment, għall-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jirrisjedu fit-tul fl-Istati Membri. Minbarra dan, kif jirriżulta mill-premessa 2 ta’ din id-direttiva, bl-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil lill-imsemmija ċittadini ta’ pajjiżi terzi, din id-direttiva hija intiża sabiex tapprossima l-istatus legali ta’ dawn iċ-ċittadini għal dak taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Singh, C‑502/10, EU:C:2012:636, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fir-rigward tal-imsemmija integrazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, kif tikkonferma wkoll il-premessa 6 tad-Direttiva 2003/109, din tirriżulta qabel kollox mit-tul ta’ żmien tar-residenza legali u kontinwa ta’ ħames snin li juri li l-persuna kkonċernata tkun stabbilixxiet l-għeruq tagħha fil-pajjiż u għaldaqstant stabbilixxiet lilha nnifisha hemmhekk b’mod permanenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Tahir, C‑469/13, EU:C:2014:2094, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan il-lat, l-oriġini tar-riżorsi li għandu l-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil ma tidhirx li hija kriterju deċiżiv.

31      F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi osservat li r-rekwiżit li persuna jkollha riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet sostantivi għall-ksib tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil. Issa, fid-dawl tal-għan segwit mid-Direttiva 2003/109 u fid-dawl tas-sistema li hija tistabbilixxi, ladarba ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jissodisfaw il-kundizzjonijiet u josservaw il-proċeduri previsti mid-Direttiva 2003/109, huma għandhom id-dritt li jiksbu l-istatus ta’ resident għal perijodu twil kif ukoll id-drittijiet l-oħra li jirriżultaw mill-għoti ta’ dan l-istatus (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Il-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 68). F’dan il-kuntest, kif osserva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 ma jippermettix, fil-prinċipju, li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet supplimentari rigward l-oriġini tar-riżorsi li hemm riferiment għalihom f’din id-dispożizzjoni.

32      Barra minn hekk, fid-dawl tal-kuntest usa’ tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi osservat li rekwiżit komparabbli li persuna jkollha “riżorsi” jinsab ukoll fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, skont liema kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur, b’mod partikolari, jekk huwa jkollu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, riżorsi suffiċjenti sabiex ma jisfax piż għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu.

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li interpretazzjoni tal-kundizzjoni rigward in-natura suffiċjenti tar-riżorsi prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 fis-sens li l-persuna kkonċernata għandu jkollha hija nnifisha tali riżorsi, mingħajr ma tkun tista’ tistrieħ fuq, f’dan ir-rigward, ir-riżorsi ta’ membru tal-familja li jakkumpanjah, iżżid ma’ din il-kundizzjoni, kif ifformulata fid-Direttiva 2004/38, rekwiżit marbut mal-oriġini tar-riżorsi, li jkun jikkostitwixxi ndħil sproporzjonat fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ta’ moviment liberu u ta’ residenza ggarantit fl-Artikolu 21 TFUE, fis-sens li ma huwiex neċessarju għat-twettiq tal-għan segwit permezz tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et, C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Il-kunċett ta’ “riżorsi” li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 jista’ jiġi interpretat b’mod analogu għal dak previst fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva fis-sens li ma jeskludix li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tistrieħ fuq riżorsi li ġejjin minn terz, membru tal-familja tiegħu.

35      Madankollu, fid-dawl tan-natura definittiva tal-ksib tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil u fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, li huwa li tinżamm is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru kkonċernat, il-kundizzjonijiet tar-“riżorsi” fis-sens ta’ din id-direttiva għandhom portata differenti minn dik prevista mid-Direttiva 2004/38.

36      Fil-fatt, mill-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, jirriżulta li l-Istati Membri jevalwaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura tagħhom u għar-regolarità tagħhom u jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-livell minimu tal-paga u tal-pensjonijiet qabel l-applikazzjoni għall-ksib tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil. Minbarra dan, bil-kontra tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 jeżiġi li r-riżorsi li huwa jirreferi għalihom ma jkunux biss “suffiċjenti”, iżda wkoll “stabbli” u “regolari”.

37      Dejjem fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, għandu jiġi osservat li rekwiżit li persuna jkollha riżorsi “stabbli, regolari u suffiċjenti” jinsab ukoll fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-kliem innfisu ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “stabbli” u “regolari”, jirriżulta li r-riżorsi finanzjarji msemmija f’din id-dispożizzjoni għandhom ikunu ta’ ċerta permanenza u ta’ ċerta kontinwità. F’dan ir-rigward, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri jevalwaw l-imsemmija riżorsi b’referenza, b’mod partikolari, għar-“regolarità” tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Khachab, C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 30).

38      Għalhekk, l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat minn applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tkun tista’ teżamina jekk il-kundizzjoni relatata mar-riżorsi tal-isponsor hijiex issodisfatta b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ evalwazzjoni dwar jekk dawn ir-riżorsi jinżammux lil hinn mid-data tal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Khachab, C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 31).

39      Barra minn hekk, rigward din l-istess dispożizzjoni, u b’mod partikolari l-kelma “suffiċjenti” li toħroġ mill-formulazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li, peress li l-portata tal-bżonnijiet tista’ tvarja skont l-individwi, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jindikaw ċerta somma bħala l-ammont ta’ referenza, iżda mhux fis-sens li huma jistgħu jimponu ammont ta’ dħul minimu, indipendentement minn eżami konkret tas-sitwazzjoni ta’ kull applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun, C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 48).

40      Għaldaqstant, mill-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li ma hijiex l-oriġini tar-riżorsi iżda n-natura stabbli u suffiċjenti tagħhom, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata, li hija deċiżiva.

41      Mill-eżami tal-formulazzjoni, tal-għan u tal-kuntest tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet komparabbli tad-Direttivi 2004/38 u 2003/86, jirriżulta li l-oriġini tar-riżorsi msemmija f’din id-dispożizzjoni ma hijiex kriterju determinanti għall-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġi vverifikat jekk humiex stabbli, regolari u suffiċjenti.

42      Għaldaqstant, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li għandhom janalizzaw konkretament is-sitwazzjoni individwali tal-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil fl-intier tagħha u li għandhom jimmotivaw b’liema mod ir-riżorsi tiegħu huma jew ma humiex suffiċjenti u għandhom jew ma għandhomx ċerta permanenza kif ukoll ċerta kontinwità, sabiex l-imsemmi applikant ma jisfax piż għall-Istat Membru ospitanti.

43      Ir-riżorsi li ġejjin minn terz jew minn membru tal-familja tal-applikant ma humiex għaldaqstant esklużi mill-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, sakemm ikunu stabbli, regolari u suffiċjenti. F’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-natura legalment vinkolanti ta’ impenn ta’ manteniment minn terz jew membru tal-familija tal-applikant tista’ tkun element importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu wkoll jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rabta tal-familja bejn l-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil u l-membru jew il-membri tal-familja li huma lesti li jmantuh. Bl-istess mod, in-natura u l-permanenza tar-riżorsi tal-membru jew tal-membri tal-familja ta’ dan l-applikant jistgħu jikkostitwixxu elementi rilevanti f’dan is-sens.

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “riżorsi” msemmi f’din id-dispożizzjoni ma jirrigwardax biss ir-“riżorsi proprji” tal-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil, iżda jista’ jkopri wkoll ir-riżorsi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dan l-applikant minn terz sakemm, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant ikkonċernat, huma jitqiesu li huma riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “riżorsi” msemmi f’din id-dispożizzjoni ma jirrigwardax biss ir-“riżorsi proprji” tal-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil, iżda jista’ jkopri wkoll ir-riżorsi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dan l-applikant minn terz sakemm, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant ikkonċernat, huma jitqiesu li huma riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.