Language of document : ECLI:EU:C:2011:546

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2011 (1)

Kawża C‑412/10

Deo Antoine Homawoo

vs

GMF Assurances SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (ir-Renju Unit)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (‘Ruma II’) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis”





1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (ir-Renju Unit) għamlet l-ewwel domanda dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”). Din id-domanda tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-Regolament Ruma II

2.        Il-premessi 6, 13, 14 u 16 tar-Regolament Ruma II huma fformulati kif ġej:

“(6) Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jeżiġi li r-regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fl-Istati Membri jindikaw l-istess liġi nazzjonali irrispettivament mill-pajjiż tal‑qorti li fih tkun saret il-kawża, u dan sabiex jittejbu l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-kawżi, iċ-ċertezza dwar il-liġi applikabbli u l-moviment liberu tas-sentenzi.

[…]

(13) Regoli uniformi, applikati irrispettivament mil-liġi li huma jinvokaw, jistgħu jevitaw ir-riskju ta’ distorzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn litiganti Komunitarji.

(14) Ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li ssir ġustizzja f’każijiet individwali huma elementi essenzjali f’qasam tal-ġustizzja. […]

[…]

(16) Regoli uniformi għandhom itejbu l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qrati u jiżguraw bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna allegatament responsabbli u dawk tal-persuna li ġarrbet id-dannu. […]”

3.        Fir-rigward tal-liġi applikabbli, l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li: “[s]akemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment”.

4.        L-Artikolu 15 tar-Regolament Ruma II, li jiddefinixi l-portata ta’ din il-liġi, huwa fformulat kif ġej:

“Il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet [obbligi] mhux kuntrattwali taħt dan ir‑Regolament għandha tirregola b’mod partikolari:

a)      il-bażi u l-medda tar-responsabbiltà, inkluża d-determinazzjoni ta’ persuni li jistgħu jinżammu responsabbli għal atti mwettqa minnhom;

b)      ir-raġunijiet għal eżenzjoni mir-responsabbiltà, kwalunkwe limitazzjoni tar‑responsabbiltà u kwalunkwe diviżjoni tar-responsabbiltà;

(ċ)       l-eżistenza, in-natura u l-istima tad-danni jew ir-rimedju mitlub;

[…]”

5.        L-Artikolu 28(1) jippreċiża li r-Regolament Ruma II “ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew aktar ikunu Partijiet fiż-żmien meta jiġi adottat dan ir-Regolament u li jistabbilixxu regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet [obbligi] mhux kuntrattwali”.

6.        L-Artikolu 29 jindika speċjalment li “sal-11 ta’ Lulju 2008, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-lista ta’ konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 28(1). […] Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur mir-riċezzjoni, tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea […] lista tal-konvenzjonijiet […]”.

7.        L-Artikolu 30 jistabbilixxi klawżola ta’ reviżjoni, li tipprovdi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma II sa “mhux aktar tard mill-20 ta’ Awwissu 2011”.

8.        L-Artikoli 31 u 32 ta’ dan ir-Regolament Ruma II huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 31 – Regola temporali relattiva għall-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal avvenimenti li jwasslu għal dannu li jseħħu wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 32 – Id-data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-11 ta’ Jannar 2009, ħlief għall-Artikolu 29, li għandu japplika mill-11 ta’ Lulju 2008.”

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9.        Ir-regoli ta’ kunflitt tar-Renju Unit dwar materji delittwali, qabel l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma II, jinsabu fil-Parti III tal-Att tal-1995 dwar id-dritt internazzjonali privat (diversi dispożizzjonijiet) [Private International Law (Miscellaneous Provisions) Act 1995]. Il-qrati tar-Renju Unit interpretaw din il-liġi tal-1995 bħala waħda li tagħżel il-liġi applikabbli dwar il-mertu. Id-domandi li huma kkwalifikati bħala proċedurali taħt il-liġi Ingliża huma regolati mil-liġi Ingliża bħala lex fori.

10.      Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tad-danni, il-ġurisprudenza, u b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-House of Lords fil-kawża Harding vs Wealands (3), tistabbilixxi li:

a)      il-liġi applikabbli għall-mertu tal-kawża tiddetermina liema “kapi” tad-dannu jistgħu jiġu kkumpensati fil-forma ta’ danni, jiġifieri, il-kategoriji ta’ preġudizzju li jistgħu bħala prinċipju jiffurmaw l-oġġett tal-għoti tad-danni;

b)      l-evalwazzjoni tad-danni għal kull “kap” ta’ dannu li jagħti d-dritt għall-kumpens hija kwistjoni proċedurali, regolata mil-liġi Ingliża bħala lex fori.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11.      Fid-29 ta’ Awwissu 2007, D. Homawoo safa ferut minn vettura bil-mutur waqt li kien qed jaqsam triq fi Franza. Huwa weġġa’ waqt il-ħabta. Il-vettura, irreġistrata fi Franza, fil-mument tal-inċident kienet misjuqa minn persuna assigurata ma’ GMF Assurances SA (iktar ’il quddiem “GMF”).

12.      Fit-8 ta’ Jannar 2009, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, residenti fir-Renju Unit, beda proċedura għal danni materjali u danni indiretti quddiem il-High Court, partikolarment kontra GMF, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9(1)(b) u tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (4). GMF ma kkontestatx l-obbligu tagħha li tikkumpensa lil dan ir-rikorrent. Min-naħa l-oħra, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma qablux dwar dak li jikkonċerna l-liġi applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ dawn id-danni.

13.      L-inċident seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2007 u l-azzjoni tressqet quddiem il-High Court fit-8 ta’ Jannar 2009. Għar-rikorrent fil-kawża prinċipali, billi dawn iż-żewġ dati ppreċedew il-11 ta’ Jannar 2009, li għaliha jirreferi l-Artikolu 32 tar-Regolament Ruma II, dan tal-aħħar ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali u l-evalwazzjoni tad-danni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandhom jiġu rregolati mil-liġi Ingliża bħala l-lex fori. Għal GMF, ir-Regolament Ruma II daħal fis-seħħ, skont l-Artikolu 254(1) KE (5), fl-għoxrin jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea (6). Issa fil-kawża prinċipali, il-fatt li kkawża d-dannu seħħ wara din id-data. Konsegwentement, b’applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 15(ċ) tar-Regolament Ruma II, l-evalwazzjoni tad-danni tar-rikorrent għandha titwettaq skont id-dritt Franċiż.

14.      Fid-dawl ta’ dawn id-diverġenzi ta’ interpretazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ruma II, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

“1) L-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament [Ruma II], moqrija flimkien mal-Artikolu 297 [TFUE] (7), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu lil qorti nazzjonali li tapplika Ruma II, u b’mod partikolari, l-Artikolu [15(ċ)] tiegħu, f’każ fejn l‑avveniment li wassal għad-dannu seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2007?

2)      Ir-risposta għad-domanda 1 hija affettwata minn wieħed mill-fatti li ġejjin:

i)      li l-proċeduri għal kumpens tad-dannu nbdew fit-8 ta’ Jannar 2009;

ii)      li l-qorti nazzjonali ma kinitx tat deċiżjoni dwar il-liġi applikabbli qabel il-11 ta’ Jannar 2009?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, GMF, il-Gvernijiet tar-Renju Unit u dak Elleniku, kif ukoll il-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

16.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, GMF u l-Kummissjoni nstemgħu fis-seduta li saret fl-14 ta’ Lulju 2011.

IV – Analiżi ġuridika

17.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-ambitu tal-applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma II skont l-Artikoli 31 u 32 ta’ dan. Dan l-Artikolu 31 jindika sempliċiment li r-Regolament Ruma II japplika għall-fatti, li jagħtu lok għal danni, li jkunu ġraw wara “d-dħul fis-seħħ tiegħu”. L-Artikolu 32 iżid li dan ir-regolament “hu applikabbli mill-11 ta’ Jannar 2009, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 29, li hu applikabbli mill-11 ta’ Lulju 2008”.

18.      Jeżistu żewġ opinjonijiet opposti fil-kawża prinċipali. Skont l-ewwel waħda, imressqa minn GMF u mill-Gvern Elleniku, l-Artikolu 31 ma jiffissax id-data tad-dħul fis-seħħ, din hija xi ħaġa li għandha tiġi determinata skont l-Artikolu 254(1) KE, jiġifieri għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament Ruma II; l-imsemmi regolament japplika għal fatti, li jagħtu lok għal danni, li jkunu seħħew wara l-20 ta’ Awwissu 2007. Skont it-tieni opinjoni, sostnuta mir-rikorrent, mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni, id-dħul fis-seħħ imsemmi fl-Artikolu 31 fir-realtà jirreferi għad-data ta’ applikazzjoni msemmija fl-artikolu segwenti, jiġifieri fil-11 ta’ Jannar 2009 – huwa biss l-Artikolu 29 li kien applikabbli mill-11 ta’ Lulju 2008; ir-Regolament Ruma II japplika għal fatti, li jagħtu lok għal danni, li jiġru wara l-11 ta’ Jannar 2009.

19.      Xi osservazzjonijiet preliminari jippermettuli nifhem l-okkorrenzi tas-soltu li jwasslu għal distinzjoni bejn “dħul fis-seħħ” u “data tal-applikazzjoni” fir-regolamenti tal-Unjoni (A). Jien nistaqsi lili nnifsi jekk ir-riferiment għad-dħul fis-seħħ u għad-data tal-applikazzjoni magħmul mil-leġiżlatur f’dan ir-regolament huwiex tali li jwettaq distinzjoni, kif tirriżulta minn dawn l-okkorenzi. Biex nirrispondi għal din id-domanda, wara li nanalizza x-xogħlijiet preparatorji tar-regolament Ruma II (B), jien ser neżamina t-test tal-Artikoli 31 u 32 (C), l-istruttura ġenerali tiegħu (D) u l-għanijiet finali tiegħu (E).

A –    Osservazzjonijiet preliminari dwar id-distinzjoni bejn “dħul fis-seħħ” u “data tal-applikazzjoni”

20.      Ċerti regolamenti tal-Unjoni għandhom mod differenti fir-rigward ta’ kif jidħlu fis-seħħ. Dan huwa l-każ pereżempju tar-regolamenti li ħolqu l-ewwel organizzazzjonijiet komuni tas-suq. Għal dawn ir-regolamenti, l-iskop tad-distinzjoni bejn “dħul fis-seħħ” u “data tal-applikazzjoni” hija li tippermetti li jkun hemm fis-seħħ b’mod immedjat organi ġodda maħluqa minn dawn ir-regolamenti – pereżempju, il-kumitati tal-amministrazzjoni u l-elaborazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tat-testi ta’ applikazzjoni li jinħtieġu parir dwar dawn l-organi (8) ġodda tagħha.

21.      Fl-ambitu tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, li fihom jidħol ir-Regolament Ruma II, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddistingwi ugwalment bejn id-dħul fis-seħħ tal-applikazzjoni ta’ diversi regolamenti. L-ewwel tħassib kien dwar il-ftehim milħuq fir-regolament dwar il-kooperazzjoni bejn il-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri fl-ambitu tal-kisba tal-provi f’materji ċivili jew kummerċjali (9), li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2001, iżda li ma japplikax qabel l-1 ta’ Jannar 2004, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti artikoli li l-applikazzjoni tagħhom hija ffissata bħala d-data tad-dħul fis-seħħ, jiġifieri l-1 ta’ Lulju 2001 (10). Fuq il-bażi ta’ dawn l-artikoli, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni ċerta informazzjoni ppreċiżata fir-regolament. Il-Kummissjoni, assistita minn kumitat, għandha imbagħad tistabbilixxi u timplementa manwal li jkun fih l-informazzjoni (11) imsemmija. Il-mogħdija taż-żmien bejn id-data tad-dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni kienet neċessarja sabiex l-Istati Membri u wara l-Kummissjoni jkunu jistgħu jagħqdu ċerti kompiti, li jkunu prerekwiżiti għall-applikazzjoni tar-regolament.

22.      Il-leġiżlatur jiddistingwi d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-applikazzjoni fir-regolamenti ta’ wara li jaqgħu fl-istess qasam, b’termini pjuttost twal bejn dawn iż-żewġ dati, li jippermetti lill-Istati Membri jadottaw l-emendi neċessarji għal-liġi nazzjonali tagħhom qabel jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kif mitluba mill-istrument ikkonċernat. Din l-informazzjoni sussegwentement titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, ġeneralment permezz tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea (12). Fil-każ tar-Regolament Ruma II l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 bħala li tistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament fl-20 ta’ Awwissu 2007, anki jekk id-data tal-applikazzjoni hija dik tal-11 ta’ Jannar 2009 – bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 29 li japplika b’effett mill-11 ta’ Lulju 2008 – ikollha effetti mhux tas-soltu.

23.      Fil-fatt, applikazzjoni tar-Regolament Ruma II fil-11 ta’ Jannar 2009 għal fatti, li taw lok għal danni, li seħħew wara l-20 ta’ Awwissu 2007 tħalli perijodu ta’ madwar 17-il xahar li matulhom il-fatti li wasslu għad-danni għandhom ikunu suġġetti għal sistema ġuridika li tpoġġiet fis-seħħ b’dan ir-regolament mingħajr ma dan jista jiġi applikat għalihom. Tali applikazzjoni, li tgħid li s-sistema ġuridika tar-Regolament Ruma II tapplika, mingħajr ma tkun tista’ tiġi applikata, ma għandhiex ekwivalenti fid-dominju tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili (13). B’mod partikolari, matul l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma II, wieħed għandu jżomm ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġi fi kwistjonijiet kuntrattwali, li jkun fihom distinzjoni bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom, u d-data tal-applikazzjoni, billi japplikaw għal kuntratti konklużi wara d-data tal-applikazzjoni (14) tagħhom.

24.      Minħabba l-effetti mhux tas-soltu tal-eventwali distinzjoni bejn “id-dħul fis-seħħ” tal-Artikolu 31 u “d-data tal-applikazzjoni” tal-Artikolu 32, fis-sens li jista’ jwassal għal applikazzjoni tar-Regolament Ruma II b’effett mill-11 ta’ Jannar 2009 għal fatti, li jagħtu lok għal danni, li seħħew wara l-20 ta’ Awwissu 2007, huwa opportun li ssir analiżi tax-xogħlijiet preparatorji sabiex jiġi vverifikat jekk dawn jitfgħux dawl fuq ir-riċerka ta’ dawn l-effetti mil-leġiżlatur.

B –    Dwar ix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Ruma II

25.      Il-Kummissjoni ppreżentat proposta għar-regolament dwar il-liġi applikabbli għal obbligazzjonijiet [obbligi] mhux kuntrattwali fit-22 ta’ Lulju 2003 (15). Din kien fiha artikolu wieħed dwar l-applikazzjoni tagħha ratione temporis, li kien jismu “Dħul fis-seħħ u applikazzjoni ratione temporis” li jgħid li “[i]r-regolament preżenti jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005. Dan japplika għal obbligi mhux kuntrattwali li ġejjin minn fatti li seħħew wara d-dħul fis-seħħ tiegħu” (16).

26.      Matul in-negozjati li seħħew wara fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, id-delegazzjoni Svediża indikat li kienu neċessarji emendi għal-liġi tagħha għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u li kellha bżonn mill-inqas sentejn biex tipproċedi b’dawn l-emendi. Għal din ir-raġuni, issuġġeriet li l-frażi “jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005” għandha tinbidel għal “jidħol fis-seħħ sa mhux iktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni tiegħu” (17). Din il-proposta kienet sostnuta mid-delegazzjoni Ġermaniża (18). Id-delegazzjoni Olandiża wkoll issuġġeriet li jitħalla perijodu ta’ żmien biżżejjed biex jiġu adottati d-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarji qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament (19). L-interventi ta’ dawn id-delegazzjonijiet urew ukoll ir-rieda tagħhom li jtawlu d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ruma II.

27.      Fl-istess ħin, ġie suġġerit fit-22 ta’ Diċembru 2005 (20), li jinkitbu żewġ artikoli differenti, l-ewwel wieħed intitolat “Applikazzjoni ratione temporis”, it-tieni “Dħul fis-seħħ”, b’mod li saret qasma b’xi modifiki tal-formula eżistenti fiż-żewġ artikoli. Tali artikoli huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 27 – Applikazzjoni ratione temporis. Dan ir-Regolament għandu japplika għal avvenimenti li jwasslu għal danni li jseħħu wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 27b – Id-dħul fis-seħħ. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ […]”

28.      Dan is-suġġeriment ma kienx inkluż fil-proposta emendata tal-Kummissjoni ppreżentata fil-21 ta’ Frar 2006 (21). Id-data tal-“1 ta’ Jannar 2005” tneħħiet, iżda l-kumplament tal-formula baqgħet ma nbidlitx. Bħala konsegwenza, l-artikolu dwar l-applikazzjoni tar-regolament ratione temporis jistabbilixxi li “[i]r-regolament preżenti jidħol fis-seħħ nhar […]. Dan japplika għal obbligi mhux kuntrattwali ġejjin minn fatti li jkunu ġraw wara d-dħul fis-seħħ tagħhom.” (22)

29.      Il-proposta li torbot l-applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma II f’żewġ artikoli reġgħet ġiet ippreżentata mill-ġdid fis-16 ta’ Marzu 2006 (23) b’ifformular kemmxejn differenti mill-artikoli. L-ewwel artikolu jindika li “[d]an ir-regolament japplika għal fatti, li jikkawżaw danni, […] li jkunu seħħew wara d-dħul tagħhom fis-seħħ” (24). Għat-tieni artikolu ġiet proposta l-formula li ġejja: ir-Regolament Ruma II “jidħol fis-seħħ [9 xhur wara l-adozzjoni tiegħu]” u “hu applikabbli minn [15-il xahar wara l-adozzjoni tiegħu] bl-eċċezzjoni tal-[Artikolu 29 preżenti] li hu applikabbli [9 xhur wara l-adozzjoni tiegħu]” (25). Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ruma II għandu wkoll jidħol fis-seħħ 9 xhur wara l-adozzjoni tal-imsemmi regolament, fil-ġurnata tal-applikazzjoni tal-Artikolu 29 attwali.

30.      Huwa improbabbli li l-leġiżlatur kien kompletament konxju mill-fatt li, b’din il-bidla fil-formulazzjoni, it-test ta’ dawn iż-żewġ artikoli fir-realtà jwassal biex ir-Regolament Ruma II jsir applikabbli għal fatti, li jagħtu lok għal danni, li jseħħu wara d-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 29, li jikkoinċidu mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Il-prova hija biss tip ta’ interpretazzjoni tal-kamp ta’applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma II, li permezz tagħha, fid-dawl tat-test definittiv l-imsemmi regolament huwa applikabbli mill-11 ta’ Jannar 2009 għal fatti, li jagħtu lok għal danni, li seħħew wara l-11 ta’ Lulju 2008, u li mhux difiż minn xi wieħed mill-partijiet fil-kwistjoni prinċipali. L-użu tat-terminu “dħul fis-seħħ” fl-ewwel wieħed miż-żewġ artikoli, il-leġiżlatur fir-realtà ma għamilx ħlief li uża l-formula tal-verżjonijiet preċedenti, mingħajr ma kien jaf bit-tibdiliet li jirriżultaw minn dan.

31.      Nota tax-xogħlijiet tat-3 ta’ Mejju 2006 tiżvela li, wara l-laqgħa tas-27 u tat-28 ta’ Marzu 2006 iktar delegazzjonijiet stmaw li d-distinzjoni bejn id-data tad-dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni kienet ser twassal għal konfużjoni (26). Mingħajr dubju, sabiex l-affarijiet jiġu ssimplifikati, verżjoni ulterjuri, bid-data tal-10 ta’April 2006 (27), iċċarat l-ewwel sentenza ta’ dan it-tieni artikolu. Din tal-aħħar, dejjem bl-isem “Dħul fis-seħħ” tindika sempliċiment li “[r]-regolament hu applikabbli minn [18-il xahar wara l-adozzjoni tiegħu], bl-eċċezzjoni [tal-Artikolu 29 preżenti] li hu applikabbli [12-il xahar wara l-adozzjoni tiegħu]” (28). F’verżjoni sussegwenti bid-data tal-21 ta’April 2006 (29), dan it-tieni artikolu ħa l-verżjoni finali tiegħu, bil-modifika fit-titolu “Data tal-applikazzjoni”.

32.      Dawn il-bidliet suċċessivi bħala konsegwenza jeħtieġ li jiġu kkunsidrati bħala bidliet fil-forma iktar milli bħala bidliet radikali għar-Regolament Ruma II. L-intenzjoni tal-leġiżlatur jidher li baqgħet, matul il-proċess tal-adozzjoni tal-imsemmi regolament, dik li jassoċja l-idea tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 31 mad-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tar-Regolament Ruma II, mingħajr ma jippreokkupa ruħu bid-diffikultà li tista’ tirriżulta mill-preżenza ta’ żewġ dati ta’ applikazzjoni.

33.      Tali intenzjoni hija kkonfermata min-nuqqas kważi totali ta’ diskussjonijiet dwar dan il-punt, matul in-negozjati sal-adozzjoni tar-Regolament Ruma II, fil-11 ta’ Lulju 2007. Jidher mid-dokumenti magħmula pubbliċi li l-laqgħa tas-27 u tat-28 ta’ Marzu 2006 biss iffukat fuq il-konfużjoni li tirriżulta mid-distinzjoni li tirriżulta bejn id-data tal-applikazzjoni u d-data tad-dħul fis-seħħ (30). Il-presidenza kkonfermat f’din l-okkażjoni li d-distinzjoni kienet dovuta għall-obbligi li l-Istati Membri kellhom iwettqu qabel l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma II waqt li jirreferu għan-notifika tal-konvenzjonijiet, ipprovduti bil-preżenti Artikolu 29. Minn dan il-lat kienet il-presidenza waħedha li ġġustifikat il-preżenza ta’ data ta’ applikazzjoni li tippreċedi wieħed mill-artikoli tar-Regolament Ruma II. Fl-ebda ċirkustanza ma ppreokkupat ruħha b’data ta’ dħul fis-seħħ qabel ir-Regolament Ruma II jew tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament għal fatti, li jagħtu lok għal danni, li seħħew wara d-data tal-applikazzjoni tal-11 ta’ Jannar 2009.

34.      Bħala konsegwenza, irriżulta li mix-xogħlijiet preparatorji li saru qabel l-adozzjoni tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Ruma II li l-leġiżlatur ma wera l-ebda intenzjoni ċara favur l-applikazzjoni tagħhom għal fatti, li taw lok għal danni li seħħew qabel id-data tal-applikazzjoni tal-11 ta’ Jannar 2009. Għalhekk, biex ikun hemm proċediment għall-interpretazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ artikoli inkwistjoni, wieħed għandu jivverifika b’attenzjoni jekk hemmx sostenn permezz ta’ interpretazzjoni tat-test li jirriżulta mill-imsemmija xogħlijiet preparatorji anki permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura ġenerali u tal-għanijiet tar-Regolament Ruma II.

C –    Dwar it-test tal-Artikoli 31 u 32

35.      L-Artikolu 32 tar-Regolament Ruma II jindika li “Dan ir-Regolament għandu japplika mill-11 ta’ Jannar 2009, ħlief għall-Artikolu 29, li għandu japplika mill-11 ta’ Lulju 2008”. L-Artikolu 31 jippreċiża li r-Regolament Ruma II għandu japplika għal fatti, li jwasslu għal dannu, li jseħħu “wara d-dħul fis-seħħ tiegħu”.

36.      Għal GMF, il-kunċetti tad-dħul fis-seħħ u ta’ applikazzjoni kif ukoll id-differenzi bejniethom huma magħrufa sew mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Huma jispjegaw il-gwida prattika komuni għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill u għall-Kummissjoni għal dawk il-persuni li jikkontribwixxu għall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji (31). Dawn immedjatament ikkwalifikaw din id-dikjarazzjoni. Filwaqt li l-Artikoli 20.10 et seq f’din il-gwida jipprovdu l-possibbiltà ta’ “applikazzjoni differenti tar-regolamenti” li jindikaw espressament li “wieħed jiddistingwi kultant bejn id-dħul fis-seħħ tar-regolament u l-implementazzjoni tas-sistema stabbilita bir-regolament li tiġi f’data ftit jew wisq imbiegħda”. Madankollu, id-differenza bejn iż-żewġ kunċetti ma hijiex spjegata. L-Artikolu 20.10 jirreferi sempliċiment għal regolamenti li joħolqu organizzazzjonijiet komuni għas-suq u li jispjegaw l-iskop għal distinzjoni bejn id-data tad-dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti. Għan ta’ dan it-tip, segwit mill-qafas speċifiku tar-regolamenti li jikkonċernaw setturi determinati, ma huwiex l-iskop segwit fil-qafas tar-Regolament Ruma II bl-iffissar tad-dħul fis-seħħ imsemmi fl-Artikolu 31 għall-20 ta’ Awwissu 2007 anki jekk ir-regolament japplika b’effett mill-11 ta’ Jannar 2009. Bħala konsegwenza, wieħed jista’ biss jiddeduċi mill-gwida prattika komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni illustrazzjoni tad-distinzjoni bejn id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni ta’ strument li jsir għal skop speċifiku. Din l-illustrazzjoni partikolari ma twassalx għall-affermazzjoni b’mod ġenerali tad-differenza bejn il-kunċetti tad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni li huma magħrufa sew mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

37.      Min-naħa l-oħra, u iktar importanti, anki jekk l-Artikolu 31 jitkellem speċifikament dwar “dħul fis-seħħ” u l-Artikolu 32 dwar “data tal-applikazzjoni”, il-qari konġunt tad-dispożizzjonijiet tagħhom iwassal għar-raġuni għaliex l-ewwel huwa msemmi “applikazzjoni fil-ħin” u t-tieni “data tal-applikazzjoni”. Dan il-qari juri li, fir-Regolament Ruma II l-kunċetti tad-dħul fis-seħħ u tal-applikazzjoni huma użati b’mod impreċiż u li wieħed huwa konfuż mal-ieħor. Dan għandu bħala konsegwenza li ma jkunx possibbli li wieħed isegwi l-argument imqajjem minn GMF u mill-Gvern Elleniku, li jgħid li l-Artikolu 31 għandu jiġi ssupplimentat mid-dispożizzjoni li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 254(1) KE, fejn hemm ipprovdut li “[r-regolamenti] jidħlu fis-seħħ fid-data indikata fihom, jew, meta din ma tkunx imniżżla, fl-għoxrin jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni.”

38.      In-nuqqas ta’ distinzjoni ċara bejn iż-żewġ kunċetti, li twassal għall-konfużjoni bejniethom li hemm fir-Regolament Ruma II hija kkonfermata mill-fatt li fil-maġġoranza kbira tal-istrumenti l-oħra adottati fid-dominju tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, l-artikoli intitolati “Dħul fis-seħħ” fihom il-formulazzjoni “japplika” jew “hu applikabbli” (32).

39.      Barra minn hekk, dan in-nuqqas ta’ distinzjoni ċara bejn iż-żewġ kunċetti huwa kkonfermat ukoll bid-diverġenzi fit-traduzzjoni tar-Regolament Ruma II. Fil-verżjonijiet bl-Ispanjol, bl-Olandiż u bir-Rumen, l-Artikolu 32 għandu bħala titolu “Dħul fis-seħħ” (33) u mhux “data tal-applikazzjoni”. F’dawn it-tliet verżjonijiet, ma għandu jkun hemm l-ebda dubju li d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament għandu jiġi ffissat għall-11 ta’ Jannar 2009, bl-eċċezzjoni unika tal-Artikolu 29 li daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Lulju 2008. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat b’mod ċar li “jekk wieħed jinjora tnejn mill-verżjonijiet lingwistiċi […] ikun hemm kontradizzjoni mal-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi l-bżonn li jkun hemm interpretazzjoni uniformi tar-regolamenti Komunitarji bl-esklużjoni li, fil-każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jitqies separatament, u jeżiġi minflok li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni jkunu skont il-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1979, Koschniske, 9/79, Ġabra p. 2717, punt 6). […] [i]l-verżjonijiet lingwistiċi kollha għandhom, bħala prinċipju, jiġu rikonoxxuti bl-istess valur” (34). Dak li huwa minnu għal żewġ verżjonijiet lingwistiċi differenti, għandu jkun l-istess għal tlieta.

D –    Dwar l-istruttura ġenerali tar-Reglament Ruma II

40.      Waqt ir-reviżjoni tal-istruttura ġenerali tar-Regolament Ruma II, wieħed għandu jitlaq mill-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huma preċedenti għall-Artikoli 31 u 32 li ma fihomx element relatat għall-applikazzjoni tal-imsemmi regolament għal fatti, li jagħtu lok għal danni, li ġraw qabel il-11 ta’ Jannar 2009. L-analiżi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet biss tippermetti li wieħed jifhem l-għażla tal-leġiżlatur li jagħmel differenza bejn l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fid-data tal-11 ta’ Jannar 2009, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 29 li japplika mill-11 ta’ Lulju 2008, anki jekk dan ir-regolament ġie adottat fil-11 ta’ Lulju 2007.

41.      Kif spjegat tajjeb GMF innifisha, f’dawn l-osservazzjonijiet bil-miktub u matul is-seduta, ir-raġuni li wasslet lil-leġiżlatur biex jipprovdi żewġ dati ta’ applikazzjoni tinsab fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament Ruma II. Qabel l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, kien neċessarju li wieħed ikollu konoxxenza tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jirregolaw il-kunflitt tal-liġijiet f’materji ta’obbligi mhux kuntrattwali, li jorbtu Stat Membru wieħed jew iktar. Tali konsegwenza toħroġ mill-Artikolu 28, li skont l-imsemmi regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni għal dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali.

42.      L-Artikolu 29 jipprovdi li, sa mhux iktar tard mill-11 ta’ Lulju 2008, l-Istati Membri jkunu kkomunikaw l-imsemmija konvenzjonijiet lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika din il-lista f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mill-wasla tagħha. Il-konvenzjonijiet normalment jiġu identifikati u ppubblikati sa mhux iktar tard mill-11 ta’ Jannar 2009 u din hija r-raġuni li għaliha r-Regolament Ruma II jibda japplika b’effett minn din id-data.

43.      Għal GMF, ir-Regolament Ruma II jrid neċessarjament ikun diġa fis-seħħ fil-mument tal-applikazzjoni tal-Artikolu 29, stabbilita bħala l-11 ta’ Lulju 2008. GMF tikkonkludi li r-Regolament Ruma II għandu neċessarjament japplika għal fatti, li jagħtu lok għal danni, li ġraw qabel il-11 ta’ Jannar 2009. Din l-allegazzjoni ma tisax tiġi aċċettata minħabba li mill-Artikolu 32 jirriżulta b’mod ċar li l-applikazzjoni tal-Artikolu 29 għandha tibqa’ separata mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Ruma II. Iżda, jekk id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ruma II fil-11 ta’ Lulju 2008 kien akkumpanjat sa mill-applikazzjoni tiegħu minn fatti li jagħtu lok għal danni li seħħew wara din id-data, tali fatti li kienu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma II tal-11 ta’ Lulju 2008, xorta waħda l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kienet differenti. Sitwazzjoni bħal din twassal biex tali dispożizzjonijiet ikunu applikabbli qabel id-data espressament prevista għal dan l-iskop mil-leġiżlatur, jiġifieri l-11 ta’ Jannar 2009.

44.      Madankollu, kif innutat il-Kummissjoni waqt li ħadet inkunsiderazzjoni pereżempju r-Regolament Brussel IIa, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili jiffissa l-applikazzjoni ta’ ċerti artikoli ta’ regolament b’tali mod li jikkoinċidu mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament (35), l-effetti ta’ dawn l-artikoli joħorġu mid-data tal-applikazzjoni preċedenti u mhux mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament bħala tali. Bħala konsegwenza, ma jibqax hemm distinzjoni bejn il-kunċetti tad-dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni.

45.      L-analiżi tad-dispożizzjonijiet li jippreċedu l-Artikoli 31 u 32 turi b’mod ċar l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipposponi l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma II, sabiex jiġi żgurat minn qabel li jkun hemm pubbliċità għall-konvenzjonijiet internazzjonali, li jirregolaw kunflitti fil-liġi f’materji ta’obbligi mhux kuntrattwali, li hemm fi Stat Membru wieħed jew iktar. Madankollu, ma tingħata l-ebda indikazzjoni dwar l-applikazzjoni eventwali tar-regolamenti għal fatti li jagħtu lok għal danni li seħħew qabel il-11 ta’ Jannar 2009 jew dwar distinzjoni eventwali bejn id-data tad-dħul fis-seħħ imsemmija fl-Artikolu 31 u d-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 32.

46.      L-għarfien li għalih jien irreferejt fil-punt preċedenti ma jistax jiġi kkontestat bil-preżenza ta’ klawżola ta’ reviżjoni, imsemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament Ruma II li tipprovdi għas-sottomissjoni tar-rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament “sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Awwissu 2011”. Il-previżjoni ta’ din id-data ta’ skadenza ma tridx tindika li r-Regolament Ruma II daħal fis-seħħ erba’ snin qabel, jiġifieri fl-20 ta’Awwissu 2007. Fil-verità, ma hemm l-ebda riferiment għad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-artikolu. Madankollu, l-aħħar proġett tar-regolament inkwistjoni, approvat mill-kumitat ta’ konċiljazzjoni tat-22 ta’ Ġunju 2007 ma jsemmi l-ebda data u b’hekk iħalli lakuna li trid timtela (36). Jiġri l-istess fl-aħħar dokument stabbilit mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2007, fil-jum tal-adozzjoni tar-regolament (37). Għalhekk, id-data preċiża tal-“20 ta’ Awwissu 2007” twassal għal żieda iktar tard li ma hijiex korroborata minn xi prova li torbot din id-data mad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 31.

E –    Dwar l-għanijiet tar-Regolament Ruma II

47.      Fir-rigward tal-premessi 6, 13, 14 u 16 tar-Regolament Ruma II, l-għanijiet ta’ dan tal-aħħar huma partikolarment dawk li jiffavorixxu l-prevedibbiltà tal-eżitu tal-kawżi u s-sigurtà ġuridika anki biex jiġi evitat ir-riskju ta’ distorsjonijiet għall-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw minn applikazzjoni inkonsistenti tar-regoli.

48.      L-applikazzjoni tar-Regolament Ruma II b’effett mill-11 ta’ Jannar 2009 għal fatti li jagħtu lok għal danni li seħħew wara l-20 ta’Awwissu 2007, irendu l-mument tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament wieħed inċert. Din l-inċertezza tirriżulta b’mod ċar mill-osservazzjonijiet li l-partijiet ressqu fuq din l-ipotesi. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kkunsidra li l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma II għandha tiġi ffissata skont azzjonijiet legali li jibdew mill-11 ta’ Jannar 2009, din id-data inkluża. Il-Gvern Elleniku, fl-invokazzjoni tal-prinċipju jura novit curia ikkunsidra li qorti għandha tiddeċiedi l-kwistjoni li jkollha quddiemha skont il-liġi fis-seħħ fiż-żmien li tiddeċiedi: b’effett mill-11 ta’ Jannar 2009, ir-Regolament Ruma II jista’ japplika f’kull waqt tal-proċedura, minn wara l-introduzzjoni tar-rikors sal-mument tal-pronunzja tad-deċiżjoni definittiva. Il-Kummissjoni kkonfermat din l-inċertezza u enfasizzat min-naħa tagħha, li jekk ir-Regolament Ruma II ser japplika għal fatti li seħħew qabel, għandhom japplikaw dawn il-kriterji: dik tal-introduzzjoni tal-proċedura, dik tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli mill-qorti u dik tal-pronunzja tas-sentenza.

49.      Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta b’mod ċar li jekk ir-Regolament Ruma II għandu japplika għal fatti li jagħtu lok għal danni li seħħew wara l-20 ta’Awwissu 2007, se jkun impossibbli li wieħed jiddetermina bi preċiżjoni l-mument tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament fl-Istati Membri kollha b’effett mill-11 ta’ Jannar 2009 u li dan kollu neċessarjament se jwassal għal soluzzjonijiet differenti fl-Unjoni Ewropea.

50.      Fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi tar-Regolament Ruma II fl-Istati Membri kollha, skont il-ħtiġijiet iffissati fil-premessi 6, 13, 14 u 16 tal-imsemmi regolament, huwa neċessarju li wieħed japplika r-Regolament Ruma II għal fatti, li jagħtu lok għal dannu, li jkunu seħħew wara d-data tal-applikazzjoni.

51.      F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix dan it-tip ta’ approċċ u tippreferi li tadotta wieħed mill-kriterji mressqa mill-partijiet, sabiex ikun hemm għarfien ta’ jekk hijiex l-introduzzjoni tal-proċedura, hijiex id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli mill-qorti jew hijiex l-adozzjoni tas-sentenza definittiva li tapplika, wieħed għandu jippreċiża espliċitament l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma II għall-każ ta’ proċeduri pendenti, biex stajt niffissa b’iktar preċiżjoni l‑applikazzjoni tar-Regolament Ruma II għal fatti preċedenti, se naqsam xi kunsiderazzjonijiet filwaqt li nenfasizza li l-ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma jwassal għal riżultat sodisfaċenti, skont l-għanijiet tar-regolament.

52.      Fl-ewwel lok, għal fatti li jagħtu lok għal danni li seħħew bejn l-20 ta’ Awwissu 2007 u l-10 ta’ Jannar 2009, il-liġi applikabbli kienet differenti skont l‑introduzzjoni ta’ azzjoni, id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, jew l-intervent ta’ sentenza definittiva – skont il-kriterju magħżul – qabel jew wara l-11 ta’ Jannar 2009. Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet għandhom ikunu applikabbli għal fatti li jwasslu għal dannu li jkunu seħħew matul l-istess perijodu ta’ żmien. Tali sitwazzjoni tista’ tkun partikolarment problematika jekk ikun hemm diversi applikanti li jkunu vittma tal-istess inċident. Bħala konsegwenza, l‑applikazzjonijiet rispettivi tagħhom jistgħu jkunu regolati minn liġijiet differenti, skont jekk l-introduzzjoni tal-azzjoni, id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli jew l‑intervent ta’ sentenza definittiva jkunux seħħew qabel jew wara l-11 ta’ Jannar 2009. Madankollu, il-qorti tar-rinviju fakkret li l-bidu ta’ azzjoni legali u l‑istabbiliment ta’ seduta jistgħu t-tnejn jiffurmaw l-oġġett ta’ tattiċi manipulattivi min-naħa tal-partijiet. Barra minn hekk, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-20 ta’ Awwissu 2007 u l-10 ta’ Jannar 2009, l-għażla bejn wieħed jew ieħor minn dawn ir-regolamenti, tmur kontra l-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

53.      Fit-tieni lok, u lil hinn minn dan il-perijodu transitorju, jekk il-Qorti tal‑Ġustizzja tagħżel xi wieħed jew ieħor mill-kriterji u jekk l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim isir funzjoni ta’ proċedura ġudizzjarja, kif indika l-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, xejn ma jfixkel id-dritt preċedenti li jkompli japplika għall-każijiet rregolati mill-partijiet mingħajr ma jirrikorru għall‑proċedura ġuridika li ma hemm l-ebda qorti mdaħħla fiha. Iżda, il-partijiet spiss ifittxu li jilħqu ftehim qabel jirrikorru għall-qorti, kif indikaw il-qorti tar‑rinviju u l-Gvern tar-Renju Unit, fid-dawl tal-fatt li r-regoli tal‑proċedura ċivili applikabbli fl-Ingilterra u Wales jinkoraġixxu dan il-mod ta’ proċedura li tippermetti tnaqqis fl-ispejjeż li jirregolaw il-litiġju u li jippromwovu, b’mod ġenerali, amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (38). Għalhekk, id-dritt internazzjonali privat preċedenti jista’ jirregola s-sitwazzjoni tal-partijiet sal‑intervent ta’ qorti. Issa, l-fatt li jista’ jkun hemm. fi ħdan il-partijiet li jirrikorru għall-medjazzjoni, il-biża ta’ bidla fil-liġi applikabbli, flimkien mal-possibbiltà li titressaq kawża quddiem qorti, imur kontra l-għanijiet tar-Regolament Ruma II,

54.      Bħala konsegwenza, fid-dawl kemm tat-testi tal-Artikoli 31 u 32, kif ukoll tal-istruttura ġenerali jew tal-għanijiet tar-Regolament Ruma II, jidher ċar li l-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat bħala li huwa applikabbli għal fatti, li jagħtu lok għal danni, li seħħew fil-11 ta’ Jannar 2009 jew f’data sussegwenti. Għaldaqstant, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tiffoka fuq l-impatt tad-data tal‑introduzzjoni tal-proċedura jew id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli fl‑applikazzjoni tar-Regolament Ruma II.

V –    Konklużjoni

55.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi li l-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, bil-mod segwenti:

“1)       Id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet [obbligi] mhux kuntrattwali (Ruma II), u tal-Artikolu 254 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali ma tistax tapplika dan ir-regolament u b’mod partikolari l‑Artikolu 15(ċ) tiegħu fil-każ li l-fatt li jagħti lok għal dannu jkun seħħ wara d-29 ta’ Awwissu 2007. Ir-Regolament 864/2007 ma japplikax ħlief għal fatti, li jagħtu lok għal danni, li ġraw fil-11 ta’ Jannar 2009 jew f’xi data wara din.

2)      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx lik li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 199, p. 40.


3 – [2007] 2 AC 1, [2006] UKHL 32.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42. Dawn id-dispożizzjonijiet huma dawn li ġejjin: “Assiguratur domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex […] fi Stat Membru ieħor fil-każ ta’ azzjonijiet miġjuba minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat, jew xi benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn l-attur ikun domiċiljat” [Artikolu 9(1)(b)]; “L-artikoli 8, 9 u 10 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet miġjuba mill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur, meta jkunu permissibbli tali azzjonijiet diretti” [Artikolu 11(2)].


5 – L-Artikolu 254(1) (KE) jipprovdi li “[i]r-regolamenti, direttivi, u deċiżjonijiet li jidħlu fis-seħħ bis-saħħa tal-artikolu 251 huma […] ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea. Huma jidħlu fis-seħħ fid-data speċifikata fihom, jew, fin-nuqqas, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.”


6 – Ir-Regolament Ruma II ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea, tal-31 ta’ Lulju 2007; l-għoxrin jum wara din il-pubblikazzjoni kien l-20 ta’ Awwisu 2007.


7–      Il-pubblikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (Ruma II) seħħet qabel l-1 ta’ Diċembru 2009, jiġifieri f’data qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għalhekk l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinvijju fir-realtà tikkonċerna l-Artikolu 254 KE, mingħajr emendi tas-subparagrafu 3 tal-Artikolu 297(1) TFUE, fir-rigward tat-termini stabbiliti.


8 – Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet tal-pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390), u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91, tas-7 ta’ Novembru 1991, dwar l-istatistika li għandha x’taqsam mal-kummerċ ta’ oġġetti bejn Stati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 224).


9 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ Stati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121).


10 – Ara l-Artikolu 24 tar-Regolament.


11 – Ara l-Artikolu 19 tar-Regolament.


12 – Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, Artikolu 72); ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38, Artikolu 33); ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħoloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1, Artikolu 33); ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, p. 1, Artikolu 29); ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p. 79, Artikolu 26); ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”, Artikolu 29; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU L 7, p. 1, Artikolu 76), kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU L 343, p. 10, iktar ’il quddiem ir-Regolament “Ruma III” Artikolu 21).


13 – Ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 huwa applikabbli biss “għal sentenzi mogħtija, għal settlement tal-qorti approvat jew konkluż u għal dokumenti formalment imħejjija jew reġistrati bħala strumenti awtentiċi wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament” (Artikolu 26); madankollu, kif irrilevat il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, permezz ta’ din id-dispożizzjoni l-leġiżlatur sempliċiment jiddefinixxi s-sentenzi, tranżazzjonijiet u dokumenti awtentiċi li jistgħu jiġu ċertifikati bħala li huma titoli eżekuttivi Ewropej u li ma għandhom l-ebda impatt fuq il-qasam ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmi regolament, li jżomm ir-regoli ta’ proċedura.


14 – Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I.


15 – COM(2003) 427 finali.


16 – Artikolu 27.


17 – Dokument 9009/04 ADD 8, tat-18 ta’ Mejju 2004, JUSTCIV 71 CODE 645, p. 34.


18 – Dokument 9009/04 ADD 11, tal-24 ta’ Mejju 2004, (07.06) (OR.de), JUSTCIV 71 CODEC 645, p. 19.


19 – Dokument 9009/04 ADD 16, tat-28 ta’ Mejju 2004, JUSTCIV 71 CODEC 645, p. 6.


20 – Dokument 16027/05, tat-22 ta’ Diċembru 2005, JUSTCIV 245 CODEC 1218, p. 22.


21 – COM(2006) 83 finali.


22 – Artikolu 27.


23 – Dokumenti 7432/06, tas-16 ta’ Marzu 2006, JUSTCIV 62 CODEC 247, p. 20.


24 – Artikolu 27.


25 – Artikolu 27a.


26 – Dokument 7709/06, tat-3 ta’ Mejju 2006, JUSTCIV 79 CODEC 277, p. 6.


27 – Dokument 7929/06, tal-10 ta’ April 2006, JUSTCIV 85 CODEC 296, p. 21.


28 – Artikolu 27a.


29 – Dokument 8417/06, tal-21 ta’ April 2006, JUSTCIV 104 CODEC 350, p. 21.


30 – Dokument 7709/06, tat-3 ta’ Mejju 2006.


31 – Uffiċċju tal-pubblikazzjonijiet uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej, Il-Lussemburgu, 2003.


32 – Regolament Nru 1206/2001, Artikolu 24; Regolament Nru 2201/2003, Artikolu 72; Regolament Nru 805/2004, Artikolu 33; Regolament Nru 1896/2006, Artikolu 33; Regolament Nru 861/2007, Artikolu 29; Regolament Nru 1393/2007, Artikolu 26; u r-Regolament Nru 4/2009, Artikolu 76: f’dawn l-istrumenti, il-konfużjoni hija evitata għaliex il-leġiżlatur isemmi preċiżament id-data tad-dħul fis-seħħ u d-data minn meta jibda japplika, billi jirreferi għal ġurnata preċiża jew b’referenza speċifika għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


33 – L-Artikolu 32 huwa intitolat kif ġej: fil-verżjoni Spanjola “Entrada en vigor”; fil-verżjoni Olandiża “Inwerkingstreding”, u fil-verżjoni Rumena “Data intrării în vigoare” .


34 – Sentenza tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabat et (C‑296/95, Ġabra p. I‑1605, punt 36).


35 – Ara Regolamenti Nri 1206/2001, 2201/2003 u 805/2004.


36 – Dokument PE‑CONS 3619/07, tat-22 ta’ Ġunju 2007, JUSTCIV 140 CODEC 528, p. 31.


37 – Dokument PE‑CONS 3619/3/07 REV 3, tal-11 ta’ Lulju 2007, JUSTCIV 140 CODEC 528, p. 31.


38 – Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-protokoll relattiv għal proċedura prekontenzjuża fil-qasam tad-danni personali (“Pre action Protocol for Personal Injury Claims”) li huma disponibbli fis-Civil Procedure Rules, taqsima “Pre-Action Protocols”.