Language of document : ECLI:EU:T:2014:23





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Jannar 2014 — Gigaset vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑395/09)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-karbur tal-kalċju u l-manjesju għall-industrija tal-azzar u tal-gass fiż-ŻEE, minbarra l-Irlanda, Spanja, il-Portugall u r-Renju Unit — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Obbligu ta’ motivazzjoni — Multi — Tul tal-ksur — Ugwaljanza fit-trattament — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa — Linji Gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi”

1.                     Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Natura konfutabbli — Oneru tal-prova (Artikoli 81 KE u 82 KE) (ara l-punti 16‑21, 30‑32, 45, 67, 81‑83, 92, 93, 231, 232)

2.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li timponi multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li tikkonċerna diversi destinatarji — Imputazzjoni tal-prattiki ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha — Neċessità ta’ motivazzjoni espliċita — Portata (Artikoli 81 KE u 253 KE) (ara l-punti 94-98)

3.                     Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża minħabba l-parteċipazzjoni fi ksur meqjus fl-intier tiegħu — Kundizzjonijiet (Artikolu 81(1) KE) (ara l-punti 101-104, 117)

4.                     Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Indikazzjoni tal-elementi ta’ evalwazzjoni li wasslu lill-Kummissjoni tqis il-gravità u t-tul tal-ksur — Indikazzjoni suffiċjenti (Artikoli 81(1) KE u 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3)) (ara l-punti 127-132, 136)

5.                     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Applikazzjoni ta’ perċentwali identiku għall-parteċipanti kollha ta’ akkordju — Ammissibbiltà — Arrotondament tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ diversi impriżi għall-istess u uniku ksur — Ġustifikazzjoni — Assenza — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 19 sa 26) (ara l-punti 143‑150, 158‑177, 195-200)

6.                     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa — Portata — Żieda tal-multa imposta fuq impriżi oħra li ma ngħatawx l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett — Esklużjoni (Artikolu 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31) (ara l-punti 183-192)

7.                     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti mill-impriża kkonċernata — Ċirkustanza mhux imniżżla fil-linji gwida l-ġodda — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29) (ara l-punti 211-218, 220)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat‑22 ta’ Lulju 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.396 – Reaġenti bbażati fuq il-karbur tal-kalċju u l-manjesju għall-industrija tal-azzar u tal-gass), f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, kif ukoll, b’mod sussidjarju, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tal-imsemmija deċiżjoni.

Dispożittiv

1)

L-ammont tal-multa imposta fuq Gigaset AG skont l-Artikolu 2(f) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta’ Lulju 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.396 – Reaġenti bbażati fuq il-karbur tal-kalċju u l-manjesju għall-industrija tal-azzar u tal-gass), huwa ffissat għal EUR 12.3 miljun.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Gigaset għandha tbati 90 % tal-ispejjeż tagħha kif ukoll 90 % ta’ dawk tal-Kummissjoni Ewropea, minbarra l-ispejjeż relattivi għall-proċeduri għal miżuri provviżorji. Il-Kummissjoni għandha tbati 10 % tal-ispejjeż tagħha u 10 % tal-ispejjeż sostnuti minn Gigaset, minbarra l-ispejjeż relattivi għall-proċeduri għal miżuri provviżorji.