Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ April 2014 – EGBA u RGA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-238/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: European Gaming and Betting Association (EGBA) (Brussell, il-Belġju) u The Remote Gambling Association (RGA) (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: S. Brankin, Solicitor, T. De Meese, E. Wijckmans u M. Mudrony, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.30753 (C 34/10) (ex N 140/10) li Franza biħsiebha timplimenta għall-Kumpaniji tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel (ĠU L 14, 18.01.2014, p. 17); u

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti fil-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata tikser rekwiżiti proċedurali essenzjali li jinsabu fi jew li joħorġu mill-Artikolu 108 (2), il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(3)(c) TFUE u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba peress li:

il-miżura ma hijiex neċessarja u għaldaqstant ma għandha l-ebda għan xieraq ta’ interess komuni;

il-miżura tinkludi l-ispejjeż bl-ebda ġustifikazzjoni ta’ interess komuni;

il-miżura ma hijiex strument xieraq sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess komuni;

il-miżura toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u għandha effett negattiv fuq il-kummerċ; u

il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġenerali fl-evalwazzjoni tal-miżura.

It-tielet motiv, ibbażat fuq li allegatament il-Kummissjoni, f’diversi punti tal-miżuri kkontesatata, ma tatx ir-raġunijiet tagħha b’mod xieraq.