Language of document : ECLI:EU:T:2005:322

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (il-Ħames Awla)

tal-15 ta’ Settembru 2005(*)

"Kompetizzjoni – Artikolu 81 KE – Ftehim – Kuntratt ta’ aġenzija – Distribuzzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Unità ekonomika – Miżuri bil-għan li jostakolaw il-kummerċ parallel ta’ vetturi bil-mutur – Iffissar ta’ prezzijiet – Regolament (KE) Nru 1475/95 – Ammenda"

Fil-kawża T-325/01

DaimlerChrysler AG, stabbilita f’Stuttgart (il-Ġermanja), rappreżentata minn R. Bechtold u W. Bosch, Avukati,

ir-rikorrenti,

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn W. Mölls, bħala aġent, assistit minn H.-J. Freund, Avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

il-konvenuta,

li għandha bħala suġġett, b’mod prinċipali talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/758/KE ta’ l-10 ta’ Ottubru 2001 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (każ COMP/36.264 – Mercedes-Benz) (ĠU 2002, L 257, p. 1), u, sussidjarjament, it-tnaqqis ta’ l-ammenda imposta permezz ta’ l-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (il-Ħames Awla),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u J. D. Cooke, Imħallfin,

reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Dan ir-rikors jirrigwarda l-annullament tad-Deċiżjoni 2002/758/KE tal-Kummissjoni ta’ l-10 ta’ Ottubru 2001 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (każ COMP/36.264 – Mercedes-Benz) (ĠU 2002, L 257, p. 1, iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

2       DaimlerChrysler AG (iktar ’il quddiem ir-"rikorrenti") hija kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji preżenti b’mod partikolari fis-settur tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-vetturi bil-mutur.

3       Fil-21 ta’ Diċembru 1998, Daimler-Benz AG ingħaqdet mar-rikorrenti bis-saħħa ta’ akkordju ta’ għaqda ta’ impriżi ffirmat fis-7 ta’ Mejju 1998. B’hekk ir-rikorrenti għaldaqstant saret l-avventi kawża ta’ Daimler-Benz AG u id-drittijiet kollha ta’ din ta’ l-aħħar, assi, impennji u obbligi ġew ittrasferiti lilha.

4       Qabel din l-għaqda, Daimler-Benz AG kienet il-kumpannija li tikkontrolla l-grupp Daimler-Benz li kienet topera fuq livell mondjali permezz tas-sussidjarji tagħha. Minbarra dan, fis-26 ta’ Mejju 1997, Mercedes-Benz AG, sussidjarja ta’ Daimler-Benz AG, ingħaqdet ma’ Daimler-Benz AG. Minn din id-data, hija d-diviżjoni responsabbli mis-settur tal-"vetturi bil-mutur" fi ħdan Daimler-Benz AG. Konformement mad-deċiżjoni kkontestata, l-isem "Mercedes-Benz" huwa użat f’din is-sentenza sabiex jirreferi, skond il-każ, għal Daimler-Benz AG (sa l-1989), għal Mercedes-Benz AG (sa l-1997), għal Daimler-Benz AG (1997/1998) jew għar-rikorrenti (wara l-1998).

5       Sa mill-bidu ta’ l-1995, il-Kummissjoni rċeviet bosta lmenti minn konsumaturi dwar xkiel għall-esportazzjoni ta’ vetturi ġodda bil-mutur tal-marka Mercedes-Benz imposti mill-impriżi tal-grupp Daimler-Benz fi Stati Membri diversi.

6       Il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha numru ta’ elementi li kienu jindikaw li xi impriżi li jagħmlu parti minn dan il-grupp kienu qed jikkontribwixxu għal tqassim tas-suq bi ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Fl-4 ta’ Diċembru 1996, il-Kummissjoni adottat bosta deċiżjonijiet li jordnaw verifiki kif previst mill-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplimenta ta’ l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204). Dawn il-verifiki twettqu fil-11 u t-12 ta’ Diċembru 1996 fl-impriżi Daimler-Benz AG fi Stuttgart (il-Ġermanja), Mercedes-Benz Belgium SA/NV fil-Belġju, Mercedes-Benz Nederland NV f’Utrecht (l-Olanda) u Mercedes-Benz España, SA, fi Spanja.

7       Fil-21 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni indirizzat lil Daimler-Benz AG talba għal informazzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, u din wieġbitha fl-10 ta’ Novembru 1998. Fil-15 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni indirizzat ukoll talba għal informazzjoni lir-rikorrenti, u din wieġbitha fid-9 ta’ Lulju 2001. Mill-investigazzjonijiet imwettqa fil-11 u fit-12 ta’ Diċembru 1996, il-Kummissjoni sabet u qabdet ħafna dokumenti li, akkumpanjati mit-talbiet għal informazzjoni mibgħuta lir-rikorrenti u mill-osservazzjonijiet ta’ din ta’ l-aħħar jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata.

8       Fl-10 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 Id-Deċiżjoni kkontestata

9       Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li Mercedes-Benz ikkomettiet hi stess jew permezz tas-sussidjarji tagħha, Mercedes-Benz España, SA (iktar ’il quddiem "MBE") u Mercedes-Benz Belgium SA (iktar ’il quddiem "MBBel"), ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Skond il-Kummissjoni, il-miżuri kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw il-kummerċ bl-imut ta’ karozzi tal-marka Mercedes-Benz (premessi 143 sa 149).

10     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi impriżi kkonċernati u n-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħhom. Hija tindika li d-distribuzzjoni tal-karozzi tal-marka Mercedes-Benz fil-Ġermanja ssir essenzjalment permezz ta’ netwerk li jinkludi fergħat tal-grupp, ta’ aġenti li għandhom il-pożizzjoni ta’ aġenti kummerċjali (kif definita fl-Artikolu 84(1) tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ġermaniż), li jagixxu ta’ intermedjarji, u ta’ sensala (premessa 15). Hija tindika li n-netwerk ta’ distribuzzjoni fil-Belġju jinkludi importatriċi, MBBel, li, minn data mhux speċifikata, kienet sussidjarja 100 % ta’ Daimler-Benz AG, li hija hi stess sussidjarja 100 % tar-rikorrenti sa mill-21 ta’ Diċembru 1998, u li tbiegħ vetturi ġodda bil-mutur permezz ta’ żewġ fergħat, ta’ konċessjonarji u ta’ aġenti u/jew workshops tekniċi li jistgħu jservu wkoll ta’ intermedjarji sabiex jieħdu ordnijiet ta’ vetturi ġodda (premessi 17 u 19). Fi Spanja, id-distribuzzjoni ssir permezz ta’ netwerk li jinkludi tliet fergħat ta’ MBE u xi konċessjonarji. Il-Kummissjoni ssostni li xi aġenti u/jew workshops teknikiċi ma jbiegħux vetturi iżda jservu biss ta’ intermedjarji sabiex jieħdu l-ordinijiet. Hija tippreċiża li l-MBE hija sussidjarja 100 % tal-holding nazzjonali Daimler-Benz España, SA, li kienet, fi-każ tagħha, sussidjarja ta’ 99.88 % ta’ Daimler-Benz AG. Sa mill-21 ta’ Diċembru 1998, din il-holding hija sussidjarja 100 % tar-rikorrenti (premessa 20).

11     Il-Kummissjoni tgħid li, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva, l-Artikolu 81(1) KE japplika għall-kuntratti konklużi bejn Mercedes-Benz u l-aġenti Ġermaniżi bl-istess mod kif japplika għal kuntratt ma’ distributur kontrattwali. Skond il-Kummissjoni, "ir-restrizzjonijiet li huma imposti fuqhu [għandhom] għaldaqstant jiġu valutati bħal fil-każ ta’ distributur indipendenti" (premessa 168).

12     F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok il-Kummissjoni ssostni li l-aġenti Ġermaniżi Mercedes-Benz għandhom jassumu serje ta’ riskji marbuta mat-tmexxija ta’ impriża li huma inseparabbli mill-attività tagħhom ta’ intermedjarji għan-nom ta’ Mercedes-Benz u li jwasslu sabiex l-Artikolu 81 KE jkun applikabbli għall-akkordji konklużi bejn Mercedes-Benz u huma stess (premessi 153 sa 160).

13     Hija tindika, b’mod partikolari li l-aġent Ġermaniż tal-Mercedes-Benz jaqsam b’mod konsiderevoli r-riskju tal-prezz tal-vetturi li jinnegozja l-bejgħ tagħhom. Skond il-Kummissjoni, jekk, għall-bejgħ ta’ vetturi ġodda, aġent jintrabat li jagħti roħs fil-prezz li għalih Mercedes-Benz tagħti l-kunsens tagħha, dan ir-roħs jittieħed integralment mill-kummissjoni tiegħu (premessi 155 u 156).

14     Il-Kummissjoni tgħid li l-aġent Ġermaniż isostni wkoll ir-riskju ta’ l-ispejjeż tat-trasport tal-vetturi ġodda kif previst mill-Artikolu 4(4) tal-kuntratt ta’ aġenzija Ġermaniż. Dan ta’ l-aħħar, fuq l-eżempju tad-distributur indipendenti, jittrasferixxi lill-klijent l-ispejjeż u r-riskju tat-trasport, fuq il-bażi tad-dritt ta’ l-obbligazzjonijiet (premessa 157).

15     L-aġent jiddedika wkoll parti konsiderevoli tal-mezzi finanzjarji tiegħu għall-promozzjoni tal-bejgħ. Skond il-Kummissjoni, huwa għandu jipprokura partikolarment, bi spejjeż tiegħu, karozzi għall-wiri (Artikolu 4(7) tal-kuntratt ta’ aġenzija Ġermaniż). Għax-xiri tal-vetturi għall-wiri u tal-kumpannija, Mercedes-Benz kkonċediet xi kundizzjonijiet speċjali. Dawn il-karozzi għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta’ bejn tlieta sa sitt xhur u jkollhom kilometraġġ minimu ta’ 3 000 km. L-aġent imbagħad ikollu l-possibbiltà li jbiegħhom bħala vetturi użati, u jbagħti wkoll ir-riskju kummerċjali għal dan in-numru ta’ vetturi li mhux negliġibbli (premessa 158).

16     Il-Kummissjoni tissottometti wkoll li l-attività ta’ l-aġent Ġermaniż tal-Mercedes-Benz hija inevitabbilment konnessa ma’ serje ta’ riskji oħra li huma inseparabbli mit-tmexxija ta’ impriża. It-teħid tar-responsabbiltà ta’ dawn ir-riskji huwa wieħed mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex issir tali aġent. Skond l-Artikolu 13 tal-kuntratt ta’ aġenzija, l-aġent għandu jeżegwixxi xogħolijiet taħt garanzija fuq vetturi li jibbenefikaw mill-garanzija tal-manifattur. L-aġenti Ġermaniżi għandhom, bi spejjeż tagħhom, jistabbilixxu garaxx tat-tiswija u joffru s-servizz ta’ wara l-bejgħ u x-xogħolijiet taħt garanzija u, fuq talba rikjesta, jassiguraw is-servizz fuq sejħa u tiswija ta’ emerġenza (Artikolu 12 tal-kuntratt ta’ aġenzija). Barra minn dan, l-aġent Ġermaniż għandu jżomm, bi spejjeż tiegħu, stokk ta’ spare parts għat-tiswija tal-vetturi fil-garaxx tat-tiswija tiegħu (Artikolu 14 tal-kuntratt ta’ aġenzija) (premessa 159).

17     Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tindika li, mill-perspettiva ekonomika, il-fatturat ta’ l-aġent Ġermaniż mill-attivitajiet tiegħu huwa akbar sewwa minn dak li jagħmel bħala intermedjarju tiegħu fil-bejgħ ta’ vetturi ġodda. Hija ssostni li: "[L-aġent,] għall-attività tiegħu ta’ intermedjarju, […] jaqla’ kummissjoni li, fil-każ tal-karozzi, hija magħmula mill-kummissjoni bażika ta’ 12.2 % u minn kummissjoni fuq ir-rendiment li jista’ jitla għal 3.6 %. Id-dħul magħmul mill-kummissjoni massima ta’ 15.8 % jikkostitwixxi l-fatturat ta’ l-attività ta’ l-aġent, u hija permezz ta’ din il-kummissjoni li dan għandu jiffinanzja r-roħs li huwa jagħti lix-xerrejja tal-karozzi. Konsegwentement, il-fatturat reali ta’ l-attività ta’ l-aġent huwa inqas mir-rata ta’ 15.8 % indikata iktar ’il fuq." Minbarra dan, hija tgħid ukoll (premessa 159) : "[J]ekk jiġi kkunsidrat li l-prezz tal-karozzi jagħmel parti mill-ammont tal-fatturat ta’ l-attività ta’ l-aġent, dan l-ammont jirrappreżenta madwar 50 % ta’ l-ammont totali tal-fatturat ta’ l-aġent. Il-fatturat reali ta’ l-attività ta’ l-aġent huwa fih innifshu rappreżentat mill-kummissjoni msemmija. Jekk wieħed iqabbel dan il-fatturat ma’ dak li l-aġent jaqla’ permezz ta’ l-attivitajiet li huma kontrattwalment marbuta mal-bejgħ tal-karozzi u li għalihom l-aġent jassumi r-riskji kollha, jikkonstata li l-fatturat iġġenerat mill-attività proprja ta’ l-aġent mhix ħlief s-1/6 tal-fatturat totali."

18     Il-Kummissjoni tqis li mhux possibbli, fid-dawl tan-numru u tal-livell ta’ riskji li l-aġenti għandhom jassumu, li tiġi aċċettata l-oġġezzjoni tar-rikorrenti li dawn ir-riskji huma karatteristiċi ta’ l-aġent kummerċjali veru. Hija tgħid ukoll, "sabiex ikun mod ieħor, jeħtieġ li l-aġent ikun jista’ jagħżel li jaċċetta b’mod partikolari r-riskji konsiderevoli konnessi mal-karozzi li jitpoġġew għall-wiri, u tal-kumpanniji ma’ l-eżekuzzjoni tal-garanzija, mat-twaqqif ta’ garaxx tat-tiswija u tal-manutezjoni u ma’ l-ispare parts, jew inkella li jieħu biss ir-responsabbiltà ta’ l-attività ta’ intermedjarju għall-bejgħ ta’ karozzi ġodda". Iżda, dak mhuwiex il-każ (premessa 160).

19     Hija tirrifjuta, bħala irrilevanti, l-argument tar-rikorrenti li l-aġenti Ġermaniżi jagħmlu parti integrali mill-impriża tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq "l-eżiġenzi imposti fuq l-aġenti Ġermaniżi fuq bażi personali u għall-attività kummerċjali tagħhom (bħala regola ġenerali, distribuzzjoni esklussiva tal-vetturi bil-mutur Mercedes-Benz, attitudni uniformi ta’ aġent Mercedes-Benz, stabbiliment ta’ l-aġenzija u l-allokar ta’ persunal u tagħmir, pubbliċità, l-immaġini, obbligu tad-difiża ta’ l-interessi tar-rikorrenti u tar-rispett ta’ l-istruzzjonijiet ta’ identifikazzjoni tal-Mercedes-Benz)" u fuq il-fatt li l-aġent huwa "rappreżentant esklussiv" u jista’ jbigħ biss vetturi bil-mutur Mercedes-Benz (premessa 162). Minkejja dan, il-Kummissjoni tqis, fid-deċiżjoni kkontestata, li, apparti t-tqassim tar-riskji, il-karatteristika ta’ l-"integrazzjoni" fiha nnfisha ma tippermettix li ssir distinzjoni bejn aġent kummerċjali u distributur indipendenti (premessa 163). Il-Kummissjoni tqabbel id-dispożizzjonijiet tal-kuntratti ta’ aġenzija Ġermaniżi, iċċitati mir-rikorrenti ma’ dawk tal-kuntratti ta’ konċessjoni barranija sabiex turi l-"integrazzjoni" ta’ l-aġenti Ġermaniżi (premessa 164). Hija tqis li dan il-paragun juri li l-obbligi imposti fuq l-aġenti Ġermaniżi huma identiċi għal dawk imposti fuq distributuri kontrattwali barranin u li dawn iż-żewġ tipi ta’ distribuzzjoni huma it-tnejn "integrati" sewwa bl-istess mod fis-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ Mercedes-Benz (premessa 165).

20     Il-Kummissjoni ssostni li Mercedes-Benz xekklet il-kompetizzjoni permezz ta’ erba’ miżuri differenti.

21     Fl-ewwel lok, hija ssostni li, wara t-tnedija tas-serje l-ġdida tal-karozza bil-mutur W 210 (il-Klassi E l-ġdida), ġew mogħtija struzzjonijiet ċari ħafna, b’mod partikolari f’komunikat tas-6 ta’ Frar 1996 indirizzata lill-membri kollha tan-netwerk ta’ distribuzzjoni Ġermaniż inklużi l-aġenti, "sabiex jillimitaw ruħhom għat-territorju kuntrattwali tagħhom". Dawn l-istruzzjonijiet jikkonċernaw mhux biss din is-serje, iżda wkoll, b’mod aktar ġenerali, l-bejgħ kollu ta’ karozzi ġodda. Fl-aħħar ta’ dan il-komunikat, il-Mercedes-Benz imminaċċjat b’dawn il-kliem segwenti : "Aħna m’aħniex ser neżitaw li nirrifjutaw li nikkunsinnaw karozzi tas-serje W 210 jekk aħna nindunaw li l-kapaċità ta’ xiri ta’ territorju partikolari ma tiġġustifikax il-kwota attribwita." B’dan il-mod l-istruzzjonijiet ingħataw forza partikolari.

22     Skond il-Kummissjoni, dawn l-istruzzjonijet kellhom l-għan li mis-sħab fid-distribuzzjoni jakkwistaw li dawn biegħu l-kwoti tagħhom tal-vetturi bil-mutur tas-serje W 210, kif ukoll dawk ta’ serje oħrajn, esklussivament fit-territorju kuntrattwali u li huma ma jikkunsinnjawx lill-klijenti ta’ transitu li m’humiex parti mill-klijentela li tinsabu fit-territorju kuntrattwali tagħhom. Kif ġie indikat fil-komunikat, dan kellu jillimita "il-kompetizzjoni interna", jiġifieri l-kompetizzjoni "interna tat-trade mark" bejn l-aġenti Ġermaniżi, kif ukoll bejnhom u l-fergħat Ġermaniżi u barranin u l-konċessjonarji barranin. Il-komunikat tas-6 ta’ Frar 1996 kellu għalhekk bħala għan li jillimita l-kompetizzjoni "bejn id-ditti".

23     Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tgħid li, kważi fil-każijiet kollha, għandu jiġi mitlub il-pagament ta’ depożitu ta’ 15 % tal-prezz tax-xiri mill-klijenti ta’ transitu minn Stati Membri oħra. Hija tqis li din il-prattika tagħmel lin-negozju parallel aktar diffiċli peress li tillimita l-possibbiltà għall-aġenti li jkollhom il-politika kummerċjali tagħhom u, per eżempju, li jirrinunzjaw għall-dawn ir-rati fil-każ ta’ klijenti passanti li huma jkunu jafu. Hija tgħid li, f’ċerti każijiet, anki jekk depożitu ta’ dan it-tip jistgħu jirriżultaw għaqlin mill-perspettiva kummerċjali, l-ebda depożitu m’huwa rikjest għall-bejgħ fit-territorju Ġermaniż, filwaqt li hemm ukoll, f’ċerti każijiet, jista’ jkun hemm xi interess ta’ garanzija simili. Konsegwentement, din ir-regola twassal għal diskriminazzjoni fil-konfront tal-kummerċ parallel meta kkomparat mal-bejgħ Ġermaniż ta’ vetturi bil-mutur (premessa 174).

24     Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li l-projbizzjoni tal-kunsinni lill-kumpanniji ta’ leasing esterni li huma partijiet fil-kuntratti ta’ aġenzija Ġermaniżi [ara l-Artikolu 2(1)(d)] u l-kuntratti ta’ konċessjoni Spanjoli [ara l-Artikolu 4(d)], meta dawn m’għandhomx klijent identifikat, għandha l-għan li tiġi illimitata l-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji ta’ leasing tal-grupp Mercedes-Benz u l-kumpanniji ta’ leasing esterni fil-Ġermanja u fi Spanja. Fil-fatt, dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux jakkwistaw vetturi Mercedes ħlief każ b’każ, jiġifieri fejn huma diġà għandhom klijent stabbilit, iżda mhux sabiex jibnu stokk. Għalhekk ikun impossibbli għalihom li jipprovdu vettura malajr. Skond il-Kummissjoni, ir-regoli dwar il-bejgħ ta’ vetturi lill-kumpaniji ta’ leasing għandhom ukoll il-konsegwenza li l-kumpanniji ta’ leasing esterni ma jibbenefikawx mill-istess roħs meta jixtru vetturi destinati għal-leasing li jibbenefikaw minn operaturi oħra ta’ flotot ta’ karozzi. B’mod ġenerali, il-klawsoli korrispondenti kienu jdajjfu l-kundizzjonijiet li bihom il-kumpanniji ta’ leasing esterni setgħu jiksbu vetturi bil-mutur Mercedes u, konsegwentement, il-kundizzjonijiet li bihom huma kienu jistgħu jidħlu f’kompetizzjoni, fis-suq fil-linja ’l isfel tal-leasing, mal-kumpanniji tal-grupp Mercedes-Benz. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-attività ta’ leasing ta’ aġenti u konċessjonarji għandhom l-għan li jillimitaw il-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet u l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ għall-vetturi destinati għal-leasing (premessa 176).

25     Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tgħid li l-ftehim konkluż fl-20 ta’ April 1995 bejn MBBel u l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji Mercedes-Benz tal-Belġju, li jikkonsisti fil-limitazzjoni tar-roħs għal 3 % u fis-sottomissjoni għal verifika minn aġenzija tal-livell ta’ roħs konsentit għall-klassi E, b’roħs aktar għoli peress li għandu jġib miegħu tnaqqis ta’ kwoti ta’ vetturi tal-klassi ġdida E, kien intiż sabiex jillimita l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet fil-Belġju.

26     Wara li ġie kkonstatat li l-miżuri in kwistjoni kienu jaffettwaw b’mod konsiderevoli l-kummerċ bejn Stati Membri u li huma ma setgħux jiġu eżentati mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni qieset li kien hemm il-lok sabiex timponi ammenda fuq ir-rikorrenti peress li hija responsabbli għall-ksur kollu tal-liġi tal-kompetizzjoni mwettaq minn Daimler-Benz AG u Mercedes-Benz AG jew mis-sussidjarji Daimler-Benz MBBel u MBE.

27     F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri intiżi sabiex jagħmlu xkiel għall-esportazzjoni kienu jammontaw għal ksur wieħed magħmul minn żewġ elementi (l-istruzzjonijiet li ma jsirx bejgħ barra mit-territorju kuntrattwali u r-regola tad-depożitu ta’ 15 %) li, matul ċertu żmien, akkumulaw. Skond il-Kummissjoni, dan il-ksur huwa partikolarment serju, b’mod li ammenda ta’ ammont bażiku ta’ 33 miljun Euro huwa xieraq. Għal dak li jirrigwarda t-tul ta’ żmien ta’ dan il-ksur, il-Kummissjoni tinnota li, jekk wieħed jgħaqqad iż-żewġ elementi tal-ksur ikkonċernati, dan beda fit-12 ta’ Settembru 1985 u għadu ma ntemmx. Għalhekk, skond il-Kummissjoni, dan hu ksur ta’ żmien twil. Minkejja dan, hija tqis li l-effetti potenzjali tar-regola tad-depożitu kienu kjarament inqas minn dawk ta’ l-istruzzjonijiet immirati direttament kontra l-esportazzjoni. Dawn ta’ l-aħħar kienu fis-seħħ biss bejn is-6 ta’ Frar 1996 u l-10 ta’ Ġunju 1999, jiġifieri għal perjodu ta’ tliet snin u erba’ xhur. Din hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra bħala xierqa żieda ta’ l-ammont bażiku ta’ 42.5 % biss, jiġifieri ta’ 14.025 miljun Euro. Għalhekk, l-ammont bażiku tela’ għal 47.025 miljun Euro.

28     Il-Kummissjoni tqis li l-projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ vetturi lill-kumpanniji ta’ leasing sabiex sabiex jikkostitwixxu stokk kif previst fil-kuntratt ta’ l-aġenzija Ġermaniż u l-kuntratt ta’ konċessjoni Spanjol għandha tiġi meqjusa bħala gravi. Hija iqis bħala xieraq ammont bażiku ta’ ammenda ta’ 10 miljun Euro. Skond il-Kummissjoni, il-ksur beda fl-1 ta’ Ottubru 1996 u għadu ma spiċċax. Għalhekk ilu għal perjodu ta’ ħames snin, li jikkorrispondi għal perjodu medju. Hija tqis li ż-żieda ta’ 50 % ta’ l-ammont bażiku minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur, jiġifieri żieda ta’ 5 miljun Euro fuq l-ammont bażiku u b’hekk huwa jitla’ għal 15-il miljun Euro, hija rakkomandata.

29     Skond il-Kummissjoni, il-miżuri li jistabbilixxu l-prezz tal-bejgħ fil-Belġju, meħuda bil-parteċipazzjoni attiva ta’ MBBel jammontaw, min-natura tagħhom, għal ksur serju ħafna tar-regoli tal-kompetizzjoni. Hija tqis li dan il-ksur huwa ġeneralment serju u tqis li l-ammont bażiku ta’ l-ammenda ta’ 7 miljun Euro huwa xieraq. Il-Kummissjoni tinnota li dawn il-miżuri ġew applikati mill-20 ta’ April 1995 sa’ l-10 ta’ Ġunju 1999, jiġifieri għal perjodu ta’ żmien medju, u tqis li żieda fuq l-ammont bażiku ta’ 40 %, jiġifieri ta’ 2.8 miljun Euro, biex b’hekk dan jitla’ għal 9.8 miljun Euro, huwa xieraq.

30     Il-Kummissjoni ma sabitx fid-deċiżjoni kkontestata, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti. Konsegwentement, meta jingħaddy flimkien l-ammonti indikati iktar ’il fuq iwasslu għal ammenda totali ta 71.825 miljun Euro.

31     Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni addottat id-deċiżjoni kkontestata, li tiddisponi dak li ġej:

"L-Ewwel Artikolu

[Mercedes-Benz ikkomettiet hija stess] jew permezz tas-sussidjarji [tagħha], [MBE] u [MBBel], ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE. Fil-fatt, huma ħadu l-miżuri segwenti intiżi li jillimitaw il-kummerċ parallel:

–       mis-6 ta’ Frar 1996, l-aġenti Ġermaniżi kollha rċevew istruzzjonijiet sabiex jbiegħu vetturi ġodda kkonsenjati lilhom, u b’mod partikolari dawk tas-serje W 210, sa fejn hu possibbli lill-klijenti fit-territorju kuntrattwali tagħhom biss u biex jevitaw il-kompetizzjoni interna; dawn il-miżuri baqgħu fis-seħħ sa l-10 ta’ Ġunju 1999,

–       mit-12 ta’ Settembru 1985, fil-każ ta’ l-ordnijiet għall-karozzi ġodda minn klijenti [ta’ transitu], l-aġenti Ġermaniżi ġew mitluba li jeżiġu l-ħlas ta’ depożitu bil-quddiem ta’ 15 % tal-prezz tal-vettura, din il-miżura s’issa għadha fis-seħħ,

–       limitazzjoni, mill-1 ta’ Ottubru 1996 sal-lum, tal-kunsinna ta’ karozzi lill-kumpanniji tal-leasing għall-kostituzzjoni ta’ stokk,

–       parteċipazzjoni f’akkordji li għandhom l-għan li jillimitaw ir-roħs li jingħata fil-Belġju, li ġie deċiż fl-20 ta’ April 1995 u revokat fl-10 ta’ Ġunju 1999.

Artikolu 2

Mal-komunikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni [Mercedes-Benz] għandha ttemm fi tmiem il-ksur imsemmi fl-ewwel Artikolu, safejn dan għadu fis-seħħ, u hija pprojbita milli tissostitwixxih b’restrizzjonijiet li għandhom l-istess għan jew l-istess effett. B’mod partikolari, fix-xahrejn li jsegwu minn meta tirċievi din id-deċiżjoni preżenti, hija għandha:

–       tannulla, permezz ta’ ċirkulari indirizzat lill-aġenti u lis-sensala Ġermaniżi, iċ-ċirkolari Nru 52/85 tat-12 ta’ Settembru 1985, sa fejn hija titlobhom jitolbu lill-klijenti [ta’ transitu] depożitu ta’ 15 % meta huma jordnaw karozza,

–       tikkanċella mill-kuntratti ta’ aġenzija Ġermaniż u l-kuntratti ta’ konċessjoni Spanjoli d-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-bejgħ ta’ vetturi ġodda għall-kostituzzjoni ta’ stokk lill-kumpanniji ta’ leasing […]

Artikolu 3

Minħabba l-ksur imsemmi fl-ewwel Artikolu qed tiġi imposta ammenda ta’ 71.825 miljun Euro fuq [Mercedes-Benz].

[…]"

32     Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, fis-sustanza, tqis li l-frażi "klijent ta’ transitu" hija użata mill-grupp Mercedes-Benz f’dokumenti misjuba waqt l-investigazzjonijiet (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) sabiex tindika, fil-kuntest ta’ bejgħ transkonfinali, il-konsumaturi finali li ġejjin minn Stat ieħor fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33     Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

34     Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu ċerti misoqsijiet bil-miktub qabel is-seduta. Il-partijiet irrispettaw din it-talba.

35     Instemgħu is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta tal-25 ta’ Mejju 2004.

36     Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din:

–       bħala talba prinċipali, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       alternattivament, tnaqqas l-ammont ta’ l-ammenda imposta fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

37     Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-Dritt

38     Ir-rikorrenti ressqet erba’ motivi sabiex issostni r-rikors tagħha. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u fuq żball ċar fl-evalwazzjoni ta’ l-akkordji li saru ma’ l-aġenti Mercedes-Benz fil-Ġermanja. It-tieni motiv, li jittratta l-ewwel u t-tielet miżuri kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u tar-Regolament tal-Kummissjoni, (KE) Nru 1475/95 tat-28 ta’ Ġunju 1995, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] (3) tat-trattat lill-kategoriji ta’ akkordji ta’ distribuzzjoni u ta’ servizz ta’ bejgħ u ta’ wara l-bejgħ ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 145, p. 25). It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u fuq żball ċar fl-evalwazzjoni tat-tieni u tar-raba’ miżuri kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-istabbiliment mhux korrett ta’ l-ammont ta’ l-ammenda imposta permezz ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u fuq żball ċar fl-evalwazzjoni ta’ l-akkordji li saru ma’ l-aġenti Mercedes-Benz fil-Ġermanja

 L-argumenti tal-partijiet

39     Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li ġew esposti fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-klassifikazzjoni legali ta’ l-istat ta’ l-aġenti Ġermaniżi. Hija ssostni li l-kuntratti tagħha ta’ aġenzija kummerċjali Ġermaniżi m’humiex soġġetti għall-projbizzjoni tal-ftehim previsti mill-Artikolu 81(1) KE sa fejn dawn jirrigwardaw l-attività ta’ l-aġenti tagħha fil-bejgħ ta’ vetturi ġodda Mercedes-Benz. L-aġenti ma jiffaċċaw l-ebda riskju marbut mal-bejgħ tal-vetturi. Minbarra dan, huma totalment integrati fl-impriża Mercedes-Benz u legalment iġibu ruħhom fir-rigward tagħha bħala impjegati bil-paga. Għalhekk dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet espressi mill-Qorti fil-ġurisprudenza kostanti tagħha dwar l-inapplikabbiltà tal-projbizzjoni tal-ftehim prevista mill-Artikolu 81(1) KE għall-kuntratti ta’ aġenzija kummerċjali.

40     Preliminarjament, ir-rikorrenti ssostni li hija tmantni n-netwerk tagħha ta’ distribuzzjoni fil-Ġermanja, kemm permezz ta’ fergħat, kif ukoll permezz ta’ aġenti kummerċjali li jaġixxu f’isem u in rappreżentanza ta’ Mercedes-Benz u ta’ sensala li jaġixxu f’isimhom stess, iżda in rappreżentanza ta’ Mercedes-Benz. Hija tqis li l-aġenti tan-netwerk ta’ bejgħ Ġermaniż tal-Mercedes-Benz m’humiex, la legalment u lanqas ekonomikament, konċessjonarji ta’ vetturi ġodda. Huma jinnegozjaw in rappreżentanza ta’ Mercedes-Benz kuntratti ta’ xiri ta’ vetturi ġodda skond il-ħtiġijiet tagħha. Ir-rikorrenti tgħid li l-fatt li l-aġenti ma jixtrux il-vetturi ġodda mingħand Mercedes-Benz, u li għalhekk m’għandhomx imħażen, għandu importanza ekonomika konsiderevoli. Ir-riskju marbut mal-bejgħ tal-vetturi ġodda, inkluż il-ħażna u l-immobilizzazzjoni tal-kapital li jirriżulta, jaqa’ totalment fuq Mercedes-Benz. Skond ir-rikorrenti, l-aġenti jaffaċċawx biss ir-riskju li jirriżulta mill-attività tagħhom ta’ intermedjarji. Għalhekk ir-rikorrenti hija legalment ħielsa li tiddeċiedi jekk u taħt liema kundizzjonijiet, hija tikkonkludi l-kuntratti ta’ bejgħ. L-istruzzjonijiet u l-obbligi kuntrattwali ta’ l-aġenti konnessi mal-konklużjoni u mal-kontenut tal-kuntratti tal-bejgħ ma jaqgħux taħt il-liġi tal-kompetizzjoni.

41     Ir-rikorrenti ssostni li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 81(1)KE ma japplikax għall-kuntratti ta’ aġenzija meta jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, min-naħa, l-integrazzjoni ta’ l-aġent kummerċjali fin-netwerk ta’ bejgħ tal-manifattur u, min-naħa l-oħra, it-twettiq ta’ l-attività tiegħu ta’ intermedjarju u ta’ rappreżentant esklussiv tal-mandatarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, u ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, Volkswagen u VAG Leasing, C‑266/93, Ġabra p. I‑3477).

42     F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar l-"integrazzjoni", ir-rikorrenti tqis li l-approċċ tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa inkoerenti u inkompatibbli mal-ġurisprudenza dwar is-suġġett, partikolarment peress li hija tgħid li "barra mill-qsim tar-riskji, il-karatteristika ta’ l-integrazzjoni mhix karatteristika li fiha nfisha tippermetti li ssir distinzjoni bejn aġent kummerċjali u distributur indipendenti" (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

43     Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni, billi eskludiet l-element ta’ "integrazzjoni" u żiedet l-importanza tal-kriterju dwar il-"qsim tar-riskji", qeda twessa’ l-portata tal-projbizzjoni tal-ftehim għall-aġenzija kummerċjali b’mod li s’issa ma kienx magħruf. Madankollu, hija tqis li mis-sentenza Suiker Unie et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja tissottometti l-"integrazzjoni" mhux biss għall-fatt li l-aġent ma jkollux sehem fir-riskju, iżda wkoll għall-inklużjoni tiegħu fl-interessi tal-prinċipal.

44     Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessi 164 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata), il-fatt li l-konċessjonarji barranin, li m’humiex aġenti kummerċjali, jippreżentaw lilhom infushom lil terzi b’mod simili għal dak ta’ l-aġenti nazzjonali tal-Mercedes-Benz, mhux importanti. Min-naħa, jeħtieġ li qsim tar-riskji konnessi jkun ukoll kkonstatat. Min-naħa l-oħra, l-analoġija mhijiex ġustifikabbli peress li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-"integrazzjoni" tiddependi mhux biss fuq il-karatteristiċi esterni, li jirreferu għall-mod kif id-distributur jippreżenta ruħu fir-rigward tat- terzi in ġenerali u, b’mod partikolari, tal-klijenti, iżda wkoll fuq il-karatteristika "interjuri" assoċjata mal-qsim tar-riskji u ma’ l-involviment totali ta’ l-aġent fl-interessi tal-prinċipal.

45     Hija tikkritika wkoll il-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li huwa suffiċjenti, sabiex tevalwa kuntratti konklużi bejn manifattur u aġent kummerċjali fir-rigward tal-liġi tal-kompetizzjoni, li jiġi stabbilit jekk l-aġent kummerċjali għandux jassumi r-riskji inerenti fit-tmexxija ta’ impriża li huma "inseparabbli" mill-attività tiegħu ta’ intermedjarju (ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ssostni li t-teħid tal-pożizzjoni, tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-linji gwida tagħha dwar ir-restrizzjonijiet vertikali (ĠU 2000, C 291, p. 1, iktar ’il quddiem il-"linji gwida"), jikkostitwixxi bidla totali oġġettivament inġustifikat ta’ l-approċċ tagħha għas-suġġett ta’ l-applikabilità ta’ l-Artikolu 81 KE. Hija tqis ukoll li din il-pożizzjoni mhix kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti dwar is-suġġett.

46     Ir-rikorrenti tammetti li l-aġenti Mercedes-Benz huma responsabbli għal ċerti spejjeż u riskji.

47     Fl-ewwel lok, hija tgħid li aġent irid jassumi, kil-każijiet kollha, ir-riskju "tal-kummissjoni". Il-kummissjoni normalment hija stabbilita bħala perċentwali tal-volum tal-bejgħ ta’ l-intermedjarju ta’ l-aġent. Għalhekk dan iżid il-possibiltajiet tiegħu li jirċievi kummissjonijiet meta l-volum tal-bejgħ huwa għoli u viċeversa. Skond ir-rikorrenti, meta l-mandant, li huwa dak li jieħu d-deċiżjoni finali dwar jekk kuntratt għandux jiġi konkluż skond il-kundizzjonijiet mitluba mix-xerrej, jikkonċedi tnaqqis fil-prezz, huwa jnaqqas mhux biss id-dħul tiegħu stess, iżda wkoll il-kummissjoni ta’ l-aġent kummerċjali. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-aġenti Mercedes-Benz ma jipparteċipawx madankollu fir-riskji konnessi mal-prezz u tikkontesta l-evalwazzjoni li t-tnaqqis tal-"konċessjonijiet fuq il-prezz" tal-kummissjoni ta’ l-aġent huwa "riskju konness mal-prezz".

48     Fir-realtà, l-ammont tal-kummissjoni li jirċievi l-aġent huwa stabbilit mill-kuntratt kummerċjali. Dan l-ammon ivarja skond jekk il-bejgħ huwiex wieħed iżolat jew huwiex konkluż fuq il-bażi ta’ akkordju ma’ klijent kbir jew "konsumatur għall-użu tiegħu stess". Ir-rikorrenti ssostni li hemm ftehim għal kummissjoni aktar baxxa ma’ l-aġent fil-każ ta’ bejgħ lill-klijenti kbar u lil ċerti konsumaturi (li għall-użu tagħhom), peress li dan il-bejgħ lill-klijenti li jidħlu f’relazzjoni kuntrattwali speċjali ma’ Mercedes-Benz (u mhux ma’ l-aġent) fil-forma ta’ akkordji ta’ tnaqqis fuq il-kwanitità jew tnaqqis skond il-kategorija ma jeħtieġux bħala regola ġenerali, l-istess investimenti bħal tipi oħra ta’ bejgħ, b’mod partikolari dak lill-klijenti l-ġodda. Konsegwentement, ikun oġġettivament ġustifikat li jingħata lill-aġent kummissjoni aktar baxxa. Hija żżid li m’hemm jeżisti l-ebda prinċipju ġuridiku li jgħid li l-aġenti kummerċjali għandhom dejjem id-dritt għall-istess kummissjoni indipendentement mit-tip ta’ bejgħ.

49     Ir-rikorrenti tenfasiżża li l-konċessjonarju tal-karozzi jidħol, għal dak li jirrigwarda l-vetturi ġodda, għal investimenti kunsiderevolment ogħla mill-aġent Mercedes-Benz, b’mod partikolari għall-prefinanzjament ta’ vetturi u tar-riskju inevitabbilment marbut mal-bejgħ. Dan ta’ l-aħħar jirreferi, fil-każ tal-konċessjonarju tal-karozzi, għall-prezz totali tal-karozza, filwaqt li l-aġent Mercedes-Benz għandu biss ir-riskju li ma jdaħħalx il-kummissjoni li kien bassar. Barra minn hekk, jekk iseħħ ir-"riskju ta’ provvista" ir-riskju ta’ l-aġent kummerċjali huwa llimitat għall-amont tal-kummissjoni. Skond ir-rikorrenti, ir-riskju li tinbiegħ karozza b’telf huwa sostnut mill-konċessjonarju, iżda huwa eskluż fil-każ ta’ l-aġent. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li aġent jista’ jagħżel li jikkonċedi vantaġġ fil-prezz, skond akkordju speċjali milħuq ma’ klijent, b’detriment għall-kummissjoni tiegħu ma jipprekludix l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali fir-rigward tal-liġi tal-kompetizzjoni. Hija tqis din il-possibbiltà pjuttost bħala libertà mogħtija minn Mercedes-Benz lill-aġent.

50     Fit-tieni lok, l-aġent Mercedes-Benz huwa espost għall-spejjeż professjonali li jirriżultaw prinċipalment mill-attività ta’ promozzjoni li jiwettaq sabiex jinnegozja b’suċċess l-akbar numru possibbli ta’ bejgħ. Fit-tielet lok, l-aġent jiggarantixxi f’ismu stess, in rappreżentanza tiegħu u għar-riskju tiegħu stess l-attività ta’ tiswija fil-garaxx u l-bejgħ ta’ spare parts.

51     Ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li l-privileġġ konness ma’ l-attività ta’ intermedjarju kummerċjali ma jistgħax japplika għall-aġenti Mercedes-Benz minħabba, b’mod partikolari peress li huma obbligati kontrattwalment li jipprovdu servizzi ta’ wara l-bejgħ fil-garaxxijiet tagħhom, li jwettqu xogħol taħt il-garanzija u li jkollhom dejjem spare parts għad-dispożizzjoni tagħhom fl-imħażen tagħhom (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

52     Hija tindika li, fis-sentenza Volkswagen u VAG Leasing, punt 41 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat l-eżistenza ta’ parteċipazzjoni tal-konċessjonarji fir-riskji konnessi mal-kuntratti konklużi minnhom fi ħdan VAG Leasing bħala aġenti kummerċjali, u dan minħabba l-obbligu ta’ xiri mill-ġdid ta’ vetturi ma’ l-iskadenza tal-kuntratti ta’ leasing, bi prezz miftiehem minn qabel. Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ma sabitx l-eżistenza ta’ l-attivitajiet paralleli ta’ bejgħ u l-allokazzjoni ta’ vetturi lill-klijentela u għamlet referenza għall-attività tas-servizz ta’ wara l-bejgħ imwettaq mid-distributuri f’isimhom u għalihom stess. Madankollu, ma jirriżultax li l-Qorti tal-Ġustizzja attribwiet sinjifikat awtonomu għall-attività tas-servizz ta’ wara l-bejgħ, liema attivirà tista’ tinftiehem biss meta assoċjata ma’ l-attività tal-bejgħ. Is-sentenza ma tinkludi l-ebda indizju li jista’ jwassal għall-konklużjoni li l-koeżistenza ta’ attività ta’ intermedjarju tal-kummerċ u ta’ attività ta’ prestatur ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ twassal għal relazzjoni ambivalenti li teskludi l-privileġġi kollha fir-rigward tal-liġi tal-kompetizzjoni.

53     Ir-rikorrenti tinnota wkoll li l-obbligu fuq l-aġent, impost mill-Artikolu 13(1) tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, "li jwettaq x-xogħlijiet taħt garanzija fuq vetturi konsenjati minn Daimler-Benz, indipendentement mill-post tal-bejgħ tagħhom u mill-persuna li kienet l-intermedjarja fil-bejgħ tagħhom", jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għall-eżenzjoni skond l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 1475/95. Kieku Mercedes-Benz ma kinitx konsegwentement imponiet obbligu ta’ garanzija fuq l-aġenti tagħha, il-Kummissjoni probabbilment kienet tasal għall-konklużjoni li l-kuntratti ta’ aġenzija ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-Regolament Nru 1475/95.

54     Ir-rikorrenti tqis li l-preżunzjoni tal-Kummissjoni li l-aġent jaqla’ biss bħala ħlas għax-xogħol tiegħu taħt garanzija "rimunerazzjoni ta’ garanzija" ivvalutata skond tariffi medji ta’ rimunerazzjoni ta’ l-aġent, u li għalhekk "mhux neċessarjament" tkopri t-tariffi li dan jista’ jinnegozja liberament u jikseb minn terzi, hija infondata. Jekk jittrattaw każijiet taħt garanzija, l-aġenti jaqilgħu aktar minn sempliċi ħlas lura ta’ l-ispejjeż tagħhom, jiġifieri huma jirċievu l-istess rimunerazzjoni li kienu jistabbilixxu ma’ terz għall-istess tiswija. Il-prezzijiet prattikati f’dan il-kuntest jinkludu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll profitt. L-aġent iwettaq is-servizzi tiegħu taħt garanzija fil-kuntest ta’ l-attività normali tiegħu ta’ manutenzjoni u f’dan il-kuntest jaġixxi f’ismu stess u għalih innifsu. Id-differenza mat-tiswijiet "normali" tikkonsisti "biss fil-fatt li l-klijent mhux is-sid tal-vettura iżda Mercedes-Benz li titlob lill-aġent sabiex jeżegwixxi l-obbligu tal-garanzija li tikkonċerna lilha biss".

55     Skond ir-rikorrenti, il-każ huwa l-istess għall-ħolqien tal-garaxx u ż-żamma ta’ maħżen ta’ spare parts li huwa r-responsabbiltà ta’ l-aġent. Dawk l-attivitajiet huma mwettqa mill-aġent f’ismu stess u għalih innifsu. Konsegwentement, huwa normali li huwa stess jiffinanzja dan l-investimenti.

56     Ir-rikorrenti ssostni li l-aġenti ma jipparteċipawx fl-ispejjez tat-trasport (ara f’dan ir-rigward il-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tammetti li mill-Artikolu 4(4) tal-kuntratt ta’ aġenzija jirriżulta li l-aġent għandu jikkonkludi akkordju dwar l-ispejjez ta’ trasport mal-klijent. Minkejja dan, hija tinterpreta dan mhux bħala riskju, iżda pjuttost bħala ċans supplementari għall-aġent kummerċjali li jagħmel qligħ. L-aġent jipparteċipa f’sistema ta’ trasport organizzata minn Mercedes-Benz flimkien ma’ xi aġenti kuntrattwali ta’ trasport, permezz ta’ liema sistema t-trasport tal-vetturi huwa offrut lilu bi prezz stabbilit li jiġi fatturat mill-ġdid lill-klijenti flimkien mas-servizzi tiegħu għall-preparazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-vettura u s-suppliment. Minbarra dan, anki kieku kellu jiġi meqjus li, fis-sistema ta’ distribuzzjoni Mercedes-Benz, l-aġenti kummerċjali Ġermaniżi m’humiex totalment ħielsa mir-riskju konness ma’ l-ispejjez tat-trasport, dan ir-riskju huwa biss wieħed "negliġibbli", kemm jekk jiġi kkunsidrat b’mod komplessivinkella jekk jiġi kkunsidrat iżolatament.

57     Ir-rikorrenti tispjega li l-parteċipazzjoni ta’ l-aġenti tagħha fir-reklamar tal-bejgħ ma jidħolx fil-parteċipazzjoni tar-riskji konnessi ma’ l-attivitajiet differenti ta’ bejgħ, iżda f’obbligu li huma għandhom li jorganizzaw u jiffinanzjaw personalment u materjalment l-attività ta’ intermedjarju tal-kummerċ li huma jassumi. Hija tisħaq li l-aġent ma jipparteċipax fil-pubbliċità nazzjonali jew reġjonali, iżda biss fil-promozzjoni konnessa ma’ l-attività tiegħu stess. L-aġenti kummerċjali jassumu l-ispejjeż ta’ tali promozzjoni u r-riskji li joħorġu minnha mill-kummissjoni tagħhom. Hija tqis li t-teżi tal-Kummissjoni li l-vetturi tal-wiri huma l-kampjuni jew id-dokumentazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tad-drittijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (86/653/KEE) (ĠU L 382 p. 17) mhijiex fondata. Din id-direttiva qatt ma tagħmel referenza għal kampjuni iżda għad-dokumentazzjoni, jiġifieri materjal prodott speċifikament għal fini pubbliċitarji u mhux vetturi użati fil-kuntest ta’ wirjiet u wara mibjugħa mill-aġent taħt kundizzjonijiet li ma jikkawżawlu ebda telf.

58     Skond ir-rikorrenti, il-fatt li l-aġent Mercedes-Benz iżomm numru kbir ta’ vetturi għal wiri ma jindikax li huwa jipparteċipa fir-riskji konnessi mal-bejgħ ta’ vetturi ġodda, iżda biss li l-attività tiegħu ta’ intermedjarju teħtieġ investimenti konsiderevoli f’dak li jirrigwarda l-akkwist tal-klijentela. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li "il-vetturi tal-wiri u l-vetturi kummerċjali ta’ l-aġenziji rrappreżentaw medja ta’ aktar minn 21.66 % tal-fatturat tagħhom". Hija tinnota li din ir-rata tirrefletti "il-fatturat nazzjonali għall-vetturi partikolari ta’ Mercedes-Benz". Hija ma tikkonċernax il-fatturat propju ta’ l-aġenti.

59     Min-naħa l-oħra, skond ir-rikorrenti, "jekk wieħed jattribwixxi l-imsemmija rata lill-aġenti, u filwaqt li juża bħala denominatur mhux […] biss il-kummissjoni hija dovuta lilhom, iżda l-fatturat ta’ Mercedes-Benz li jirriżulta mill-bejgħ imwettaq minħabba l-intermedjazzjoni tagħhom, l-imsemmija rata tinżel biss għal 8 % fil-każ ta’ vetturi partikolari u għal 9.8 % jekk jiġu miżjuda l-vetturi industrijali". Minbarra dan, " jekk wieħed jattribwixxi l-parti tal-vetturi tal-wiri u l-vetturi kummerċjali mal-fatturat reali ta’ l-aġent […], għall-vetturi partikolari biss tirriżulta r-rata ta’ 15.8 % li ssir 19.3 % meta jiġu miżjuda l-vetturi industrijali".

60     Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra l-bejgħ tal-vetturi tal-wiri, li għalihom l-aġent jibbenefika mill-kundizzjonijiet privileġġjati, bħala riskju fuq dan ta’ l-aħħar (premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-opinjoni tagħha, ġeneralment tali riskju ma jseħħx. Ir-rikorrenti tinnota li għal kuntrarju, l-attività konnessa mal-vetturi tal-wiri twassal għal dħul addizzjonali għall-aġent. Minkejja dan, anki jekk l-aġent kummerċjali ma kienx f’pożizzjoni li jbiegħ il-vetturi tal-wiri għal prezzijiet ogħla mill-prezz tax-xiri u jekk huwa għaldaqstant ibati l-ispejjeż akkumulati, dan mhuwiex argument rilevanti. Fil-fatt, l-aġent kummerċjali jiffinanzja esklussivament bi flusu is-servizzi konnessi man-negozjati ta’ bejgħ li huwa responsabbli għalihom bis-saħħa tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, u huwa responsabbli għar-riskji direttament konnessi ma’ l-imsemmija servizzi.

61     Ir-rikorrenti tqis li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li fil-fatturat totali ta’ aġenzija kummerċjali tipika, "huwa biss madwar 1/6 mill-fatturat totali li huwa attribwibbli għall-attività propja ta’ intermedjarju" mhijiex ġuridikament rilevanti. Hija tinnota wkoll li l-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa żbaljat u li jeħtieġ li titqies "tal-fatturat estern ta’ l-aġent [l-aġent] mingħajr ma wieħed jillimita ruħu għall-ammont ta’ kummissjonijiet li huwa qala’". L-attività ta’ intermedjarju tirrappreżenta "skond il-kalkoli tal-Mercedes-Benz, aktar preċiżament madwar 55 % tat-total ta’ l-impriża ta’ l-aġent kummerċjali ".

62     Il-Kummissjoni ssostni li, meta tiġi kkunsidrata n-natura u d-daqs ta’ l-ispejjeż u tar-riskji li r-rikorrenti timponi fuq l-aġenti tagħha kif ukoll l-importanza tal-fatturat miksub mill-aġent grazzi għall-attività tiegħu bħala aġent indipendenti meta kkomparat ma’ dak li jaqla’ bħala intermedjarju fil-bejgħ tal-karozzi ġodda, l-Artikolu 81(1) KE għandu japplika għal kuntratti magħmula bejn ir-rikorrenti u l-aġenti tagħha Ġermaniżi bl-istess kif kieku japplika għal kuntratt konkluż ma’ distributur kuntrattwali.

63     Hija tinnota li l-kuntratt bejn aġent u l-prinċipal tiegħu huwa kuntratt konkluż bejn żewġ impriżi separati, b’mod li huwa prinċipju, soġġett għar-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk il-klawsoli kuntrattwali differenti m’għandhomx jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli safejn huma m’għandhomx għan jew effetti kontra l-kompetizzjoni.

64     Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti hija żballjata dwar in-natura tar-riskji li l-aġenti tagħha għandhom isostnu u l-konsegwenzi ġuridiċi tat-trasferiment tar-riskji fuq l-aġenti tagħha.

65     Il-Kummissjoni tinnota li, skond ir-rikorrenti, il-ġurisprudenza tibbaża l-inapplikabilità ta’ l-Artikolu 81(1) KE għall-kuntratti ta’ aġenzija fuq żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: min-naħa waħda, qsim tar-riskji li huwa karatteristiku ta’ relazzjoni bħal din u, min-naħa l-oħra, l-"integrazzjonu" ta’ l-aġent fl-impriża tal-prinċipal. Hija ssostni li r-rikorrenti għalhekk tirrakkomanda li il-projbizzjoni tal-ftehim tiġi applikata b’mod aktar wiesa’ fir-relazzjonijiet ta’ aġenzija milli tirrakkomanda l-Kummissjoni, għaliex din tiċħad lill-aġent l-istat privileġġat tiegħu fid-dritt tal-kompetizzjoni biss fil-każ li jkollu jsostni riskji finanzjarji u kummerċjali li mhumiex negliġibbli mingħajr ma teżiġi wkoll li jkun integrat − indipendentement mid-definizzjoni ta’ din il-kelma − fl-impriża tal-prinċipal tiegħu. F’dan ir-rigward, mis-sentenza Volkswagen u VAG Leasing, punt 41 iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix aktar lill-kriterju ta’ l-"integrazzjoni" tifsira indipendenti minn dik ibbażata fuq il-qsim tar-riskji. Skond il-Kummissjoni, mis-sentenza Suiker Unie et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, u b’mod partikolari mill-punti 538 sa 542 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li aġent ma setax ikun ikkunsidrat bħala "integrat" fl-impriża tal-persuna prinċipali tieħu jekk hu jassumi ċerti riskji.

66     Minbarra dan, it-traspożizzjoni, fil-kawża preżenti, tar-raġunament żviluppat mill-Qorti fis-sentenza Suiker Unie et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, juri li, fil-każ ta’ "relazzjoni ambivalenti", jiġifieri, fejn l-intermedjarju huwa fl-istess ħin aġent u negozjant indipendenti, il-projbizzjoni tal-ftehim tapplika mhux biss għall-attività li huwa jwettaq f’ismu stess u għalih stess, iżda wkoll għal dik li jwettaq għan-nom u in rappreżentanza tal-prinċipal. F’dan il-każ, l-aġenti Ġermaniżi tar-rikorrenti għandhom attivitajiet indipendenti u kbar, anki jekk ir-rikorrenti u l-aġenti tagħha ma poġġewx fis-suq l-istess merkanzija fil-kuntest ta’ kull wieħed tal-karigi tagħhom, kuntrarjament għall-fatti li kienu taw lok għas-sentenza Suiker Unie et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, hemm rabra oġġettiva mill-qrib bejn il-bejgħ tal-karozzi ġodda, it-tmexxija ta’ ġaraxx tat-tiswija u s-servizz ta’ wara l-bejgħ. L-attivitajiet marbuta mal-garanzija tal-vetturi u s-servizz ta’ wara l-bejgħ kif ukoll il-bejgħ ta’ l-ispare parts jiġu imposti fuq l-aġent preċiżament fid-dawl tal-bejgħ tal-vetturi ġodda, kollha bl-istess mod bħar riskji l-oħra li huwa għandu jsostni. Din ir-rabta teħtieġ trattament uniformi tar-relazzjoni kontrattwali, anki safejn jirrigwarda l-applikabilità tad-dritt tal-kompetizzjoni.

67     Il-Kummissjoni tqis li is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Ottubru 1987, Vlaamse Reisbureaus (311/85, Ġabra p. 3801), mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kontroversja, minħabba l-fatti li wasslu għal din is-sentenza huma differenti minn dawk tal-kawża preżenti.

68     Hija tagħmel ukoll referenza għas-sentenza Volkswagen u VAG Leasing, punt 41 iktar ’il fuq, fejn il-Qorti kkonfermat li l-aġent kummerċjali jitlef l-istat privileġġjat tiegħu fid-drit tal-kompetizzjoni meta jassumi anki wieħed mir-riskji li jirriżultaw mill-kuntratti negozjati għall-prinċipal tiegħu. Konsegwentement, hija tqis li l-fatt li l-aġenti Ġermaniżi tar-rikorrenti isostnu biss parti mhux negliġibbli mir-riskji marbuta ma’ l-operazzjonijiet li fihom huma jservu ta’ intermedjarji ma jpoġġix fid-dubju l-applikabilità tal-projbizzjoni tal-ftehim fir-rigward tal-miżuri tal-kummerċ parallel li kienu ġew stabbiliti magħhom.

69     Il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni tar-rikorrenti tas-sentenza Volkswagen u VAG Leasing, punt 41 iktar ’il fuq (ara l-punt 52 iktar ’il fuq). Hija tikkunsidra li r-rikorrenti qiegħda tipprova tagħti l-impressjoni li d-deċiżjoni kkontestata tmur lil hinn minn din il-ġurisprudenza, filwaqt li kuntrarjament għal dan, hija interpretat din is-sentenza b’mod restrittiva. Hija qieset biss it-teħid tar-responsabbiltà ta’ attivitajiet distinti mill-aġenti li jġibu magħhom xi riskji kummerċjali, jiġifieri s-servizzi taħt il-garanzija tal-manifattur, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-bejgħ ta’ spare parts, peress li dawn jikkostitwixxu suppliment, meqjus indispensabbli mill-manifattur, għall-attività parzjali li fiha l-aġent jaġixxi biss bħala intermedjarju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis inkomprensibbli l-opinjoni tar-rikorrenti li din l-attività ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ m’għandha tilgħab ebda rwol fil-każ f’din il-kawża fl-evalwazzjoni tal-miżuri restrittivi ta’ kompetizzjoni deċiżi fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ aġenzija.

70     Il-Kummissjoni tispjega li ċerti obbligi li l-prinċipal jimponi fuq l-aġent jistgħu jaqbżu l-obbligu tad-difiża reċiproka ta’ l-interessi u għalhekk jirriżultaw sproporzjonati. Għalhekk jeħtieġ li jiġi vverifikat, f’kull każ partikolari, jekk l-impenn kkonċernat, meta jxekkel il-kompetizzjoni, huwiex verament meħtieġ min-natura tar-relazzjoni u jekk huwiex neċessarju għall-protezzjoni tal-"figura ġuridika ta’ l-aġent".

71     Il-Kummissjoni tqis li l-obbligi li għandhom l-għan li jillimitaw il-kompetizzjoni "fi ħdan it-trade mark" fis-suq tal-prodotti kif ukoll li jirrestrinġu l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tal-kunsinna għall-karozzi destinati għal-leasing ma kinux meħtieġa min-natura tar-relazzjoni bejn il-partijiet jew inerenti għas-sistema tal-bejgħ permezz ta’ l-aġenti kummerċjali. Dan ikun il-każ ta’ kundizzjonijiet li fihom ir-rikorrenti tkun illimitat il-libertà ta’ immanuvrar ta’ l-aġenti tagħha, billi imponietilhom li jeżiġu depożitu ta’ 15 % mill-klijenti komunitarji u billi tathom istruzzjonijiet li ma jbiegħux, sa fejn hu possibbli, vetturi ġodda ħlief lill-klijenti li jinsabu fit-territorju kuntrattwali tagħhom u li jevitaw il-kompetizzjoni interna. Il-Kummissjoni tikkuntesta r-raġunament tar-rikorrenti li l-projbizzjoni tal-ftehim tapplika biss għall-kuntratti ta’ aġenzija meta l-aġent isostni r-riskji u spejjeż li jirriżultaw mill-konklużjoni jew mil-ħlas ta’ kuntratti ta’ bejgħ li huwa jikkonkludi jew jinnegozja għall-intrapriża, u mhux meta jeżerċita attività ekonomika indipendenti għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet li għalihom il-prinċipal ikun ħatru. Dan l-argument ma jieħux in kunsiderazzjoni tal-kontenut ta’ l-imġiba rrapurtata mill-Kummissjoni. Minbarra dan, ma tagħtix importanza biżejjed lir-realtajiet ekonomiċi billi jibbaża biss fuq ir-riskji fis-suq tal-linja ’l isfel mill-aġent, minħabba li jixtri l-merkanzija bil-għan li jerġa jbiegħha. Min-naħa waħda, il-piż tar-riskji li jitneħħew mingħand ir-rikorrenti u jiġu imposti fuq l-aġent permezz ta’ dan l-akkwist jiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari. Min-naħa ’l oħra, ir-riskji konnessi mal-bejgħ fis-suq fil-linja ’l isfel spiss jirriżultaw mill-fatt li dan il-bejgħ jeżiġi infrastruttura speċifika fis-suq, indipendentement mill-akkwist tal-prodotti mill-aġent. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-attivitajiet li jikkonċernaw it-tpoġġija fis-seħħ tal-garanzija tal-manifattur, li fil-parti l-kbira tagħha tidduplika l-garanzija tal-bejjiegħ stess, kif ukoll għas-servizz ta’ wara l-bejgħ u għax-xiri, il-preżentazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid tal-karozzi tal-wiri. Għal dak li jirrigwarda r-riskju tal-bejgħ stess, il-konċessjonarji Mercedes jilliberaw lir-rikorrenti minnu b’mod limitat biss, billi din timmanifattura l-vetturi tagħha "fuq ordni" u mhux sabiex toħloq stokk. Skond il-Kummissjoni, impriża li tuża aġenti kummerċjali sabiex tiddistribwixxi l-prodotti tagħha u li tgħaddilhom ir-riskji speċifiċi għall-kuntratti jew għas-suq għandha taċċetta l-projbizzjoni tal-ftehim tiġi applikata għar-relazzjonijiet tagħha ma’ l-aġenti tagħha. It-teħid obbligatorju tar-responsabbiltà għar-riskji ekonomiċi mill-aġent għandha tipproċedi fuq l-istess linja mal-libertà ta’ manuvra li bih l-aġent ikun jista’ jaffronta dawn ir-riskji, u l-limitazzjoni ta’ dan il-marġni ta’ manuvra imur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni meat xxekkel il-kompetizzjoni notevolment.

72     Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-analiżi tal-qsim tar-riskji differenti fid-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda bl-eċċezzjoni tal-kummenti tagħha dwar il-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt.

73     F’dak li jirrigwarda r-riskju tal-prezz, il-Kummissjoni ssosti li r-rikorrenti tittrasferixxi parti mir-riskju tal-kummerċjalizzazzjoni tal-vetturi tagħha lill-aġenti tagħha. Fil-fatt, kull tnaqqis tal-prezz magħmul mill-aġent huwa mnaqqas kollu kemm hu, mill-kummissjoni tiegħu. Skond il-Kummissjoni, l-aġenti kummerċjali huma b’hekk partijiet li jġorru r-riskju tar-rikorrenti tal-bejgħ, li jimplika l-applikabilità tal-projbizzjoni tal-ftehim (ara f’dan ir-rigward is-sentenza Suiker Unie et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq), indipendentement mill-fatt jekk l-aġent jirrinunzja jew le għall-kummissjoni tiegħu fil-kuntest ta’ akkordju individwali fuq il-prezzijiet jew fil-kuntest ta’ numru ta’ akkordji uniformi fuq il-kundizzjonijiet li r-rikorrenti tikkonkludi mal-klijenti kbar tagħha. Fiż-żewġ każijiet, ir-rikorrenti tuża l-kummissjoni ta’ l-aġent bħala inċentiv għal kummerċjalizzazzjoni u tobbliga b’dan il-mod lil dan ta’ l-aħħar sabiex jipparteċipa fl-ispejjeż u r-riskji marbuta mal-bejgħ tal-vetturi. F’dan ir-rigward hija tindika li l-kummissjoni ta’ l-aġent jitnaqqas b’ammont li jista’ jasal sa 6 % meta huwa jbiegħ vettura lil klijent li miegħu r-rikorrenti kkonkludiet akkordju dwar il-kundizzjonijiet applikabbli. Minbarra dan, ir-rikorrenti ma ibati biss ir-roħs fil-prezzijiet mogħtija lill-klijenti kbar sa fejn dawn jaqbżu s-6 %. Il-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni tal-konċessjonarji u ta’ l-aġenti hija ekonomikament komparabbli. Hija żżid li, skond id-Direttiva 86/653, ir-rimunerazzjoni ta’ aġent hija ġeneralment ikkalkulata bħala perċentwali tal-volum tal-kuntratti li huwa nnegozja.

74     Meta dan il-volum ivarja minn dak previst inizjalment, l-aġent kummerċjali normalment jerfa’ biss ir-riskju li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata ta’ kummissjoni miftehma fuq dan il-volum imnaqqas. Bħala regola ġenerali, mhijiex responsabbiltà ta’ l-aġent li jevita sistematikament li l-prinċipal tiegħu jbati l-konsegwenzi tal-varjazzjonijiet fil-volum, permezz ta’ mekkaniżmi bħar-rinunzja għall-kummissjoni tiegħu skond it-tnaqqis fil-prezz. B’konsegwenza ta’ dan, ikun impossibbli li l-fatt li l-aġent jassumi bejn wieħed u ieħor ampjament ir-riskju tal-kummerċjalizzazzjoni tar-rikorrenti fit-tipi kollha ta’ kuntratti jiġi interpretat li jfisser sempliċement li ma jeżisti ebda akkordju li jipprojbixxi lill-aġenti li jgħaddu l-kummissjoni tagħhom.

75     Il-Kummissjoni tinnota li l-aġenti jbatu wkoll ir-riskju marbut ma’ l-ispejjeż tat-trasport. Skond il-kuntratt ta’ aġenzija, l-aġent huwa marbut li jikkonsenja lill-klijent il-vettura mixtrija ġdida u li jiftiehem miegħu rimunerazzjoni għal dan is-servizz. Il-possibbiltà li jagħmel benefiċċju supplementari minħabba d-differenza bejn is-somma li għandha titħallas lit-trasportatur u l-ħlas miftiehem mal-klijent ma jbiddel xejn mill-fatt li l-aġent jieħu r-riskju li ma jirċevix il-ħlas mingħand il-klijent. Meta l-klijent ma jirċeviex il-vettura, l-ispejjeż tat-trasport li diġà ġew imħallsa xorta jibqgħu r-responsabbiltà ta’ l-aġent. Il-Kummissjoni żżid li, meta r-rikorrenti tagħmel referenza għall-obbligi ta’ l-aġent kummerċjali li huma tipiċi u inerenti għas-sistema, għandu jiġi mwieġeb li l-liġi Ġermaniża applikabbli għall-aġenti kummerċjali tipprovdi li l-kunsinna tal-merkanzija hija r-responsabbiltà tal-prinċipal u mhux ta’ l-aġent. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li huwa superfluwu li wieħed jispekola fuq il-karattru eventwalment "negliġibbli" tar-riskji konnessi ma’ l-ispejjeż tat-trasport, billi l-aġenti għandhom ibatu wkoll numru kbir ta’ riskji kummerċjali oħra.

76     Il-Kummissjoni tispjega li, skond il-kuntratt ta’ aġenzija, l-aġent għandu jiddedika parti kunsiderevoli mill-mezzi finanzjarji tiegħu għall-promozzjoni tal-bejgħ u li huwa jassumi r-riskju tal-bejgħ għal numru konsiderevoli ta’ vetturi (ara l-punt 58 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, filwaqt li tirreferi għaċ-ċifra ta’ 15.8 % li indikat ir-rikorrenti (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), hija tgħid li, ikkomparat mal-kummissjonijiet riċevuti mill-aġenti minħabba l-attività tagħhom ta’ intermedjarji fil-bejgħ tal-karozzi ġodda, il-fatturat attribwibbli għall-bejgħ mill-ġdid tal-karozzi tal-wiri u tal-karozzi tal-kumpannijai huwa konsiderevoli. Il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-impenn finanzjarju u r-riskju li din timponi fuq l-aġenti tagħha ma jistgħux jiġu eżaminati separatament mill-attivitajiet tagħhom ta’ intermedjarji, peress li l-karozzi tal-wiri huma investimenti speċifiċi għas-suq imposti mir-rikorrenti fuq l-aġenti tagħha u li huma direttament ta’ utilità għall-kummerċjalizzazzjoni lill-klijent finali. Il-Kummissjoni tikkunsidra li skond l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 86/653 il-prinċipal huwa obbligat li jpoġġi b’xejn għad-dispożizzjoni ta’ l-aġent kummerċjali l-karozzi tal-wiri li, skond hija, jammontaw għall-"kampjuni" jew għad-"dokumentazzjoni" neċessarja għal-eżerċizzju ta’ l-attività tiegħu. B’konsegwenza ta’ dan, ir-rikorrenti qegħda tagħmel lill-aġenti tagħha responsabbli għall-kompiti tagħha. Jirriżulta li r-rikorrenti tobbliga lill-aġenti tagħha jassumu l-funzjonijiet, ir-riskji u l-piżijiet finanzjarji, marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha, li huma imposti fuqha mil-leġiżlatur. Billi teżiġi li l-aġenti tagħha ġeneralment iġibu ruħhom bħala distributuri indipendenti tal-vetturi (tal-wiri), ir-rikorrenti tagħmel minnhom aġenti kummerċjali "foloz", fatt li jġib miegħu l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni.

77     Il-Kummissjoni ssostni li l-aġenti għandhom jissodisfaw il-garanzija tal-manifattur offruta mir-rikorrenti fuq il-karozzi ġodda, iwaqqfu garaxx, iżommu stokk ta’ l-ispare parts u joffru servizz ta’ wara l-bejgħ u ta’ servizzi taħt il-garanzija bi spejjeż tagħhom u għar-riskju tagħhom (premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tqis li dawn l-investimenti speċifiċi għas-suq in kwistjoni, li huwa meħtieġ mill-aġenti kummerċjali, ifissru li dawn jaqsmu l-ispejjeż u r-riskji konnessi mal-kummerċjalizzazzjoni tal-karozzi ġodda tar-rikorrenti.

78     Hija tikkontesta d-distinzjoni li r-rikorrenti tagħmel bejn l-attività ta’ intermedjarja u s-servizz ta’ wara l-bejgħ, u tinnota li din hija artifiċjali u li ma tikkorrispondix mar-realtà ekonomika. Fil-fatt, l-attività tas-servizz ta’ wara l-bejgħ għandha l-għan li tinkoraġġixxi l-bejgħ tar-rikorrenti meta titqies l-aspettattiva tal-klijent finali bl-intenzjoni li jkollu netwerk ta’ assistenza għall-vettura li jixtri. Barra minn dan, ir-rikorrenti stess tqis l-attività kummerċjali u s-servizz ta’ wara l-bejgħ bħal unità ekonomika. Skond l-Artikolu 6 tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, meta, vettura tispiċċa fit-territorju kuntrattwali ta’ aġent ieħor f’terminu partikolari, parti mill-kummissjoni ta’ l-ewwel aġent għandha tiġi ttrasferita lit-tieni wieħed. Minn dan jirriżulta wkoll li l-attività ta’ intermedjarja ma tistax tiġi kkunsidrata separatament mill-ispejjeż u mir-riskji li l-aġent isostni fil-kuntest tas-servizzi tiegħu taħt garanzija, tas-servizz ta’ wara l-bejgħ u tat-tpoġġija għad-dispożizzjoni ta’ l-ispare parts. Hija tfakkar ukoll is-similaritajiet ta’ din il-kawża ma’ dawk li wasslu għas-sentenzi Volkswagen u VAG Leasing, punt 41 iktar ’il fuq, u Suiker Unie et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq. Skond il-Kummissjoni, id-drittijiet għal rimunerazzjoni akkwistati mill-aġent għas-servizzi tiegħu taħt garanzija u tas-servizz ta’ wara l-bejgħ m’għandhom l-ebda sinjifikat peress li huwa għandu madankollu jbati l-ispejjeż u r-riskji konnessi ma’ l-attività tiegħu. Ir-Regolament Nru 1475/95, iċċitat mir-rikorrenti, mhux applikabbli fil-każ fejn hemm biss sempliċi "intermedjazzjoni" tal-bejgħ ta’ zvetturi ġodda, peress li l-element tal-"bejgħ mil-ġdid", kif definit fl-Artikolu 10(12), ikun nieqes. Għalhekk ir-rikorrenti tkun tista’ perfettament tħalli xi intermedjarji veri liberi li jfornu jew ma jfornux servizzi fil-qasam tal-garanzija u tas-servizz ta’ wara l-bejgħ. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li r-riskji assunti mill-aġent f’każ ta’ difett tal-prodott jistgħu jiġu spjegati prinċipalment mill- affiljazzjoni tiegħu fin-netwerk tal-garanzija tar-rikorrenti u li dan huwa wkoll il-każ għas-servizz ta’ wara l-bejgħ.

79     Għal dak li jirrigwarda l-kritika li għamlitilha ir-rikorrenti li qabblet il-fatturat ta’ l-aġent mill-kummissjoni tagħha ma’ dak magħmula f’ismha u in rappreżentanza tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jintuża l-punt ta’ referenza li r-rikorrenti għażlet, parti konsiderevoli ta’ l-attività ekonomika ta’ l-aġent tagħmel parti mill-attivitajiet indipendenti li huma imposti fuqu mir-rikorrenti u li din il-parti m’għandhiex tiġi ittraskurata fl-evalwazzjoni, skond il-liġi tal-kompetizzjoni, tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u l-aġenti tagħha.

80     Il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-rikorrenti li skond dan jeħtieġ li l-aġenti jiġu kkunsidrati bħala fergħat. Fil-fatt hija tqis li l-kwalità indipendenti ta’ aġent kummerċjali ma tiddependix fuq il-kwistjoni dwar jekk dan jiddefendix l-istess interessi bħal-prinċipal tiegħu jew ukoll dawk ta’ terzi. Fl-opinjoni tagħha, il-projbizzjoni tal-ftehim hija applikabbli jekk l-aġent għandu jġorr riskji speċifiċi għall-kuntratti jew għas-suq, kif inhu f’dan il-każ f’ din il-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

81     Skond ġurisprudenza kostanti, meta jtressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza rikors ta’ annullament ta’ deċiżjoni ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE, hija għandha teżerċità, b’mod ġenerali, kontroll sħiħ fuq il-mod kif tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 (1) KE humiex sodisfatti jew le (ara f’dan ir-rigward is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 34, u tas-17 ta’ Novembru 1987, BAT u Reynolds vs il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 62).

82     Skond l-Artikolu 81(1) KE:

"Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, partikolarment dawk li jinvolvu [...]"

83     Mit-termini ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-projbizzjoni hekk imħabbra tikkonċerna esklussivament imġiba kkoordinata bilateralment jew multilateralment, taħt forma ta’ akkordji bejn l-impriżi, ta’ deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u prattiċi miftiehma. Għalhekk, il-kunċett ta’ akkordju fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza, huwa bbażata fuq l-eżistenza ta’ qbil tal-volontà ta’ minimu ta’ żewġ partijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs il-Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punti 64 u 69, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u l-Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

84     Minn dan isegwi li meta d-deċiżjoni ta’ manifattur tikkostitwixxi mġiba unilaterali ta’ l-impriża, din id-deċiżjoni ma taqax taħt il-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 38, u tas-17 ta’ Settembru 1985, Ford vs il-Kummissjoni, 25/84 u 26/84, Ġabra p. 2725, punt 21; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs il-Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 56).

85     Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta wkoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitpoġġa fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni għandu jinftiehem li jfisser unità ekonomika mill-perspettiva ta’ l-għan ta’ l-akkordju ikkonċernat anki jekk mill-perspetiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula min-numru ta’ persuni naturali jew ġuridiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 2000, DSG vs il-Kummissjoni, T-234/95, Ġabra p. II-2603, punt 124). Il-Qorti tal-Ġustizzja saħħqet li, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-separazzjoni formali bejn iż-żewġ kumpanniji li tirriżulta fil-personalità ġuridika distinta tagħhom, mhijiex determinanti, dak li hu deċiżiv huwa l-unità jew le, ta’ l-imġiba tagħhom fis-suq. Għalhekk jista’ jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk żewġ kumpanniji li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti jiffurmawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża jew entità ekonomika waħda għandha mġieba unika fuq is-suq (ara f’dan ir-rigward is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 140).

86     Il-ġurisprudenza turi li sitwazzjoni bħal din ma tillimitax ruħha għall-każijiet jew għal kumpanniji li għandhom relazzjonijiet ta’ kumpannija parent u kumpannija sussidjarja, iżda tirrigwarda wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, ir-relazzjonijiet bejn kumpannija u r-rappreżentant kummerċjali tagħha jew bejn prinċipal u l-bejjiegħ tiegħu. Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE, il-kwsitjoni dwar jekk prinċipal u l-intermedjarja tiegħu jew "rappreżentant kummerċjali" jiffurmawx unità ekonomika waħda, fejn it-tieni wieħed huwa organu awżiljari integrat fl-impriża ta’ l-ewwel wieħed, huwa importanti għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk imġiba taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. B’hekk, ġie deċiż li, "jekk [...] intermedjarju jeżerċità attività għall-benefiċċju tal-prinċipal tiegħu, huwa jista, bħala prinċipju jiġi kkunsidrat bħala organu awżiljarju integrat fl-impriża ta’ dan li hu marbut li josserva l-istruzzjonijiet tal-prinċipal u b’hekk jifforma, ma’ dik l-impriża, fuq l-eżempju ta’ l-impjegat kummerċjali, unità ekonomika" (sentenza Suiker Unie et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 480).

87     Ikun mod ieħor kieku l-ftehim konklużi bejn il-prinċipal u l-aġenti tiegħu jagħtu jew iħallu għal dan ta’ l-aħħar funzjonijiet li joqorbu ekonomikament għal dawk ta’ negozjant indipendenti, minħabba li jipprovdu li l-imsemmija aġenti jieħdu r-responsabbiltà għar-riskji finanzjarji marbuta mal-bejgħ jew ma’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi ma’ terzi (ara, f’dan is-sens is-sentenza Suiker Unie et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 541). F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-aġenti jistgħu biss jitilfu l-kwalità tagħhom ta’ operatur ekonomiku indipendenti meta jbatu mir-riskji li jirriżultaw mill-kuntratti negozjati għall-prinċipal u joperaw bħala awżiljarji integrati fl-impriża tal-prinċipal, (ara f’dan is-sens, is-sentenza Volkswagen u VAG Leasing, punt 41 iktar ’il fuq, punt 19).

88     B’konsegwenza ta’ dan, il-projbizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 81(1) KE huma inapplikabbli fir-relazzjonijet bejn l-aġent u l-prinċipal tiegħu, li miegħu jifforma unità ekonomika, meta aġent, anki jekk għandu personalità ġuridika distinta, ma jiddeterminax, b’mod awtonomu, l-imġiba tiegħu fis-suq, iżda japplika l-istruzzjonijiet li ġew mogħtija lilu mill-prinċipal tiegħu.

89     Għandu jiġi kkonstata li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-partijiet f’din il-kawża ma jaqblux dwar l-analiżi li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ta’ l-istat ġuridiku ta’ l-aġenti Ġermaniżi Mercedes-Benz fil-kuntest ta’ l-Artikolu 81(1) KE u partikolarment tal-livell ta’ riskju sostnut minn dawn l-aġenti fl-applikazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija u l-kwistjoni ta’ l-integrazzjoni tagħhom f’Mercedes-Benz.

90     Għalhekk hija responsabbiltà tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, li teżamina l-fondatezza ta’ l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tar-relazzjoni ġuridika bejn ir-rikorrenti u l-aġenti kummerċjali tagħha fil-Ġermanja.

91     Jeħtieġ li jiġi nnutat li dan ir-rapport huwa rregolat, b’mod partikolari, mit-termini ta’ kuntratt uniformi ta’ aġenzija konkluż bejn Mercedes-Benz u l-aġenti tagħha u mill-kodiċi kummerċjali Ġermaniż. Fir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet miktuba tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punt 34 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti indikat li l-verżjoni tal-kuntratt uniformi ta’ aġenzija li ġiet ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata hija dik ta’ Ġunju 1997. Hija kkonfermat ukoll li din il-verżjoni kienet, essenzjalment tagħha hija identika għall-verżjonijiet fis-seħħ waqt il-perjodu kollu li tirreferi għalih id-deċiżjoni kkontestata. Mill-atti jirriżulta li t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt uniformi ta’ aġenzija huma unilateralment stabbiliti minn Mercedes-Benz. Minbarra dan, huwa fatt stabbilit li l-kuntratt konkluż bejn Mercedes-Benz u l-aġenti Ġermaniżi tagħha huwa kuntratt ta’ aġenzija skond id-dritt kummerċjali Ġermaniż. Il-Kummissjoni ma sostnietx fil-kuntest ta’ din il-kawża, li hemm differenzi materjali bejn il-kuntratti differenti ta’ aġenzija konklużi minn Mercedes-Benz ma’ aġenti individwali.

92     Għandu jiġi osservat li l-partijiet ma jikkuntestawx li l-funzjonijiet attribwiti formalment lill-aġent bis-saħħa tal-kuntratt ta’ aġenzija huma konformi mal-mod kif dan il-kuntratt huwa eżegwit fil-prattika. Għaldaqstant, mhuwiex ikkontestat li hija Mercedes-Benz, u mhux l-aġenti Ġermaniżi tagħha, li tbiegħ, skond it-termini tal-kuntratt ta’ aġenzija u fil-prattika, karozzi ġodda Mercedes-Benz fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja direttament lill-klijenti u li l-aġenti huma pprojbiti milli jbiegħuhom f’isimhom stess u għalihom stess.

93     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-kuntratt ta’ aġenzija huwa miktub b’tali mod li l-aġent Ġermaniż m’għandu l-ebda awtorità jew setgħa li jbiegħ vetturi Mercedes-Benz. Il-funzjoni ta’ dan l-aġent Ġermaniż hija, fil-fatt, limitata għall-akkwist ta’ l-ordnijiet tal-klijenti potenzjali li huwa jittrasmetti lil Mercedes-Benz sabiex jiġu approvati u eżegwiti. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) u (3), tal-kuntratt ta’ aġenzija jipprovdi li l-aġent jinnegozja l-bejgħ tal-vetturi bit-tariffi stabbiliti minn Mercedes-Benz u skond id-direttivi tagħha, bil-kuntratt tal-bejgħ li jidħol fis-seħħ biss meta Mercedes-Benz taċċetta l-ordni trasmessa mill-aġent.

94     Minbarra dan, mill-atti jirriżulta li, wara n-negozjar tal-kuntratt tal-bejgħ ma’ klijent, l-aġent m’għandu l-ebda awtorità fir-rigward tal-prezz tal-vettura li għandha tirċievi minn Mercedes-Benz. Fil-fatt, fir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti kkonfermat li l-aġent mħuwiex awtorizzat li jiftiehem dwar tnaqqis in rappreżentanza ta’ Mercedes-Benz mingħajr il-kunsens ta’ din ta’ l-aħħar. Hija madankollu żiedet li l-aġent kien awtorizzat jikkonċedi tnaqqis li huwa mnaqqas mill-kummissjoni tiegħu stess mingħajr dan il-kunsens u kkonfermat li l-kutratt ta’ aġenzija ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li tipprojbixxi rinunzja parzjali bħal din għall-kummissjoni. Skond ir-rikorrenti, jekk l-aġent jikkonċedi tnaqqis lill-klijenti, fil-kuntest tal-bejgħ ta’ vettura ġdida, huwa għandu jieħu dan it-tnaqqis mill-kummissjoni tiegħu.

95     Għandu issa jiġi eżaminat jekk hijiex korretta l-asserzjoni, kontenuta fid-deċiżjoni kkontestata li l-aġent Ġermaniż jaqsam b’mod konsiderevoli r-riskju tal-prezz għall-vetturi ġodda li huwa jinnegozja l-bejgħ tagħhom meta jintrabat fuq tnaqqis fil-prezz liema tnaqqis jittieħed kollu integralment mill-kummissjoni tiegħu (ara l-premessa 155).

96     Mill-atti jirriżulta li l-aġent Ġermaniż, b’differenza mill-kunċessjonarji Mercedes-Benz ta’ pajjiżi oħra, ma jixtrix vetturi ġodda mingħand Mercedes-Benz sabiex jerġa jbiegħhom lill-kienti u m’hemmx konstatazzjoni dwar il-fatt li l-aġent mhux marbut li jikkostitwixxi stokk ta’ vetturi ġodda (ara l-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, skond it-termini tal-kuntratt ta’ aġenzija, l-aġent ma jistax jixtri l-vetturi ġodda Mercedes-Benz ħlief għall-bżonnijiet tiegħu jew għall-wiri (Artikolu 9(2)).

97     Għal din ir-raġuni, peress li l-aġent Ġermaniż Mercedes-Benz mhux obbligat li jkollu stokk ta’ vetturi, l-assimilazzjoni, fuq livell ekonomiku, tad-distributur tal-karozzi li jirċievi mil-manifattur, bħala rimunerazzjoni, marġini li huwa għandu bżonn mhux biss sabiex jiffinanzja l-attività tiegħu tal-bejgħ tal-karozzi ġodda b’mod ġenerali, iżda wkoll, u l-aktar, sabiex jagħti tnaqqis lix-xerrejja tal-karozzi mhijiex eżatta (ara l-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, li l-aġent Mercedes-Benz mhuwiex imġiegħel, la mill-kuntratt ta’ aġenzija u lanqas fil-prattika, li jċedi parti mill-kummissjoni tiegħu sabiex ibiegħ vettura li huwa jżomm fl-istokk, fatt li kieku jikkostitwixxi riskju veru tal-prezz, peress li jkun diġà sostna l-ispejjeż marbuta max-xiri u ma’ l-istokkjar tal-vettura. Fil-fatt, l-aġent, b’kuntratt ma’ konċessjonarju, ma jbatix ir-riskju li l-karozzi li huma fl-istokk jibqgħu ma jinbiegħux. Konsegwentement, jekk l-aġent ma jridx iċedi parti mill-kummissjoni tiegħu, huwa ma jieħux l-ordni għall-vettura.

98     F’dan ir-rigward, mit-termini tal-kuntratti ta’ konċessjoni Mercedes-Benz konklużi fil-Belġju u fi Spanja jirriżulta li l-konċessjonarji għandhom iżommu, b’mod permanenti, stokk ta’ vetturi. Il-volum ta’ dan l-istokk huwa stabbilit, b’mod partikolari, permezz ta’ akkordju komuni bejn il-partijiet (ara l-Artikolu 8 tal-kuntratt ta’ konċessjoni Belġjan u l-Artikolu 15(a) tal-kuntratt ta’ konċessjoni Spanjol). Minn dan jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda l-bejgħ ta’ vetturi, il-pożizzjoni ta’ l-aġent Mercedes-Benz fil-Ġermanja tvarja konsiderevolment minn dik tal-konċessjonarji Mercedes-Benz fil-Belġju u fi Spanja. Fil-fatt, dawn ta’ l-aħħar isostnu parti sostanzjali mir-riskju konness mal-bejgħ tal-vetturi, filwaqt li, fil-Ġermanja, dan ir-riskju, fis-sustanza, jaqa’ fuq Mercedes-Benz. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni hija żbaljata meta tassimila l-aġent mad-distributur tal-karozzi għal dak li jirrigwarda r-riskju tal-prezz fuq il-pjan ekonomiku (premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata).

99     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-fatt li l-aġent Ġermaniż Mercedes-Benz huwa awtorizzat – madan kollu huwa obbligat – li jagħti tnaqqis li jittieħed mill-kummissjoni tiegħu u jeżerċità l-libertà kummerċjali tiegħu billi jċedi parti mill-kummissjoni tiegħu fuq bejgħ individwali, sabiex eventwalment jottimizza l-kummissjoni globali tiegħu billi jbiegħ aktar vetturi, m’għandux jiġi kkwalifikata bħala "riskju tal-prezz".

100   Minn dawn l-elementi jirriżulta li hija Mercedes-Benz li hija l-bejjiegħa tal-vetturi u li tieħu, każ b’każ, id-deċiżjoni li taċċetta jew li tirrifjuta l-ordnijiet negozjati mill-aġent. Fil-fatt jidher li l-libertà kummerċjali ta’ l-aġenti Ġermaniżi Mercedes-Benz, għal dak li jirrigwarda l-bejgħ tal-vetturi Mercedes-Benz, hija limitata ħafna, tant li ma tistax tinfluwenza l-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat, jiġifieri s-suq tal-kummerċ bl-imnut tal-karozzi Mercedes (ara l-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

101   Konsegwentement, meta klijent jordna vettura iżda l-bejgħ ma jseħħx, l-implikazzjonijiet finanzjarji u, għaldaqstant, ir-riskji marbuta ma’ din it-transazzjoni jibqgħu responsabbiltà tar-rikorrenti. Fil-fatt, matul is-seduta, din ikkonfermat li hija tassumi esklussivament ir-riskji kollha marbuta, b’mod partikolari, man-nuqqas li seħħ mal-kunsinna difettuża u ma’ l-insolvenza tal-klijent.

102   Bħala sunt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li mill-elementi esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda s-suq in kwistjoni f’din il-kawża, hija l-Mercedes-Benz, u mhux l-aġenti Ġermaniżi tagħha li tiddeċidi l-kundizzjonijiet ta’ kull bejgħ ta’ vettura, b’mod partikolari l-prezz tal-bejgħ, u li terfa’ r-riskji prinċipali konnessi ma’ din l-attività, billi l-aġent Ġermaniż huwa pprojbit, mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ aġenzija, li jixtri u li jmantni stokk ta’ vetturi għall-bejgħ. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-aġenti jinsabu, fil-konfront tar-rikorrenti, f’relazzjoni li hija kkaratterizzata mill-fatt li huma jwettqu l-bejgħ tal-vetturi Mercedes-Benz essenzjalment taħt id-direzzjoni tar-rikorrenti, b’mod li għandhom jiġu assimilati ma’ impjegati u kkunsidrati bħala integrati f’din l-impriża u b’hekk jiffurmaw magħha unità ekonomika. Minn dan isegwi li meta jopera fis-suq in kwistjoni, l-aġent Ġermaniż Mercedes-Benz, ma jikkostitwixxix fih innifsu "impriża" fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

103   Hemm lok li jiġi eżaminat jekk din il-konklużjoni hijiex vizzjara mill-allegazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti tobbliga lill-aġenti tagħha li, skond il-kuntratt ta’ aġenzija jerfgħu r-responsabbiltà ta’ spejjeż u riskji oħra mingħajr ma tħallilhom l-inqas għażla.

104   F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkostatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, skond il-kuntratt ta’ aġenzija, Mercedes-Benz ma terfax il-piż tar-riskju konness ma’ l-ispejjeż ta’ trasport, iżda timponih fuq l-aġent (ara l-premessa 157). Dan ta’ l-aħħar, bħad-distributur indipendenti, għandu jbati r-riskju konness ma’ l-ispejjeż tat-trasport tal-vetturi ġodda u jittrasferixxi dawn l-ispejjeż lill-klijent, skond il-liġi ta’ l-obbligazzjonijiet.

105   F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li l-Artikolu 4(4) tal-kuntratt ta’ aġenzija jipprovdi li "jekk il-klijent ma jirtirax il-vettura huwa stess meta toħroġ mill-fabbrika, l-aġent jikkonsenjaha għal rimunerazzjoni miftiehma mal-klijent". Issa, fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti kkonfermat li fl-2003 fil-Ġermanja, 35 % tal-karozzi kienu ġew miġbura mill-fabbrika mill-klijenti. Għandu jiġi kkostatat li, anki jekk din id-data mhijiex dik li tirrigwarda perjodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata, hija xorta waħda turi li l-possibbiltà għall-klijent, skond it-termini tal-kuntratt ta’ aġenzija, li jiġbor karozza mill-fabbrika hija l-bogħod minn waħda purament teoretika jekk l-aġent u l-klijent ma jaqblux fuq l-ispejjeż jew il-kundizzjonijiet tal-kunsinna. Minbarra dan, waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li kien hemm probabbiltà żgħira ħafna li r-riskju konness ma’ l-ispejjeż tat-trasport iseħħ. Fil-prattika, il-klijent huwa infurmat bid-data tal-kunsinna tal-vettura qabel ma jsir it-trasport u, jekk ma jkux jista’ jiġi kkuntattjat, il-vettura ma tħallix il-fabbrika.

106   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li minn dawn l-elementi jirriżulta li l-Kummissjoni aċċentwat sostanzjalment il-livell tar-riskju sostnut mill-aġent fir-rigward ta’ l-ispejjeż tat-trasport.

107   Bl-istess mod, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispeċifika li, skond it-termini tal-kuntratt ta’ aġenzija, l-aġent għandu jikseb, għas-spejjeż tiegħu, karozzi tal-wiri (premessa 158), għandu jwettaq tiswijiet taħt garanzija tal-manifattur [premessa 159(a)], għandu jinstalla, għas-spejjeż tiegħu, garaxx u joffri s-servizz ta’ wara l-bejgħ u x-xogħol taħt garanzija u jassigura, fuq talba, is-servizz ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija ta’ emerġenza u għandu jżomm għas-spejjeż tiegħu, stokk ta’ spare parts [premessa 159(b) u (c)]. Il-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li mhux possibbli, anki fid-dawl tan-numru u l-livell tar-riskji li l-aġenti għandhom jassumu, li l-oġġezzjoni ta’ Mercedes-Benz li r- riskji li għandhom jiġu assunti minn l-aġenti ġermaniżi huma karatteristiċi ta’ l-aġent kummerċjali veru (premessa 160).

108   F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li, skond l-Artikolu 4(7) tal-kuntratt ta’ aġenzija, l-aġent huwa marbut li jbati l-ispejjeż tal-vetturi tal-wiri hu stess u Mercedes-Benz għandha d-dritt, jekk meħtieġ, li tistabbilixxi n-numru ta’ tali vetturi li hija tqis neċessarju. Konsegwentement jidher li, meta vetturi tal-wiri huma mixtrija mill-aġent, dan jidħol għal ċertu riskju. Per eżempju, huwa possibbli li jkun diffiċli biex dawn il-vetturi jinbiegħu mill-ġdid bi qligħ. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, anki jekk jiġi aċċettat li riskju bħal dan jeżisti, jibqa l-fatt li, kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, il-vetturi huma mixrija bi prezz preferenzjali u jistgħu jerġgħu jinbiegħu bejn tlieta u sitt xhur wara, b’kilometraġġ minimu ta’ 3 000 kilometri. Dan il-fatt iwassal sabiex jirrendi li tpoġġi l-importanza li l-Kummissjoni tattribwixxi, fid-deċiżjoni kkontestata għall-obbligu dwar il-karozzi tal-wiri u, konsegwentement, għad-daqs tar-riskju in kwistjoni relattiva.

109   Jirriżulta wkoll li l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata teżaġera b’mod notevoli l-importanza tar-riskji assoċjati mad-dmir ta’ l-aġenti li jiksbu vetturi tal-wiri.

110   Għal dak li jirrigwarda l-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-obbligi ta’ l-aġenti li jwettqu t-tiswijiet taħt il-garanzija, mill-atti jirriżulta li l-aġent jirċievi minn Mercedes-Benz kumpens tal-garanzija għal xogħol taħt il-garanzija u li dan il-kumpens jikkorrispondi, għal dak li jirrigwarda l-prezz tax-xogħol, għat-tariffa medja bbażata fuq il-fatturat – tariffa li l-aġent jikkomunika bil-quddiem lil Mercedes-Benz fil-bidu ta’ kull semestru ċivili – u, għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-materjal, għall-prezz ta’ kemm swew il-parts ta’ l-aġent, kif ukoll is-suppliment għall-ispejjeż tal-materjal minn Mercedes-Benz (ara l-Artikolu 13(3), tal-kuntratt ta’ aġenzija).

111   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ma stabbilietx li l-kumpens tal-garanzija huwa kummerċjalment inadegwat u li konsegwentament hemm, riskju finanzjarju reali assoċjat ma’ l-obbligu li jitwettqu t-tiswijiet taħt garanzija għall-aġent. Hemm lok li jiġi kkunsidrat mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li din l-attività assoċjata mal-bejgħ ta’ karozzi Mercedes-Benz fil-fatt tinkludi riskji eċċezzjonali anki jekk huwa minnu li, jekk hija mhijiex immexxija korrettament u b’mod effettiv, hija tista’ tkun ta’ telf u tnaqqas, saħansitra telimina l-benefiċċji ta’ l-aġent assoċjati mal-bejgħ ta’ karozzi. Bl-istess mod, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma ppruvatx li l-obbligi imposti fuq l-aġent sabiex jinstalla garaxx tat-tiswija, li joffri servizz ta’ wara l-bejgħ u li jakkwista u li jistokkja l-ispare parts jammontawx għal riskji ekonomiċi notevoli.

112   Fir-realtà, il-Kummissjoni kkuntentat ruħha sabiex telenka l-obbligi imposti bil-kuntratt ta’ aġenzija u li huma marbuta mal-bejgħ tal-vetturi u sabiex tippreċiża l-allegata rilevanza tal-fatturat mwettaq mill-aġent b’riżultat ta’ l-attivitajiet li huma kuntrattwalment marbuta mal-bejgħ tal-vetturi meta pparagunata ma’ dak il-fatturat li huwa jwettaq mill-bejgħ tal-vetturi nfushom mingħajr ma wriet kif dawn l-obbligi jikkostitwixxu riskji sostanzjali a karigu ta’ l-aġent. Il-Kummissjoni ma evalwatx korrettement il-portata ta’ dawn l-obbligi fuq il-pjan prattiku. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dawn l-obbligi ma jirrappreżentawx riskju kummerċjali li jkun jippermetti li l-aġent Mercedes-Benz jiġi kkwalifikat bħala operatur indipendenti.

113   Minn dan jirriżulta wkoll li l-kwalifika ta’ l-istat ta’ l-aġent Ġermaniż Mercedes-Benz skond l-Artikolu 81(1) KE, espost fil-punt 102 iktar ’il fuq, mhux invalidat mill-fatt li bis-saħħa tal-kuntratt ta’ aġenzija, l-aġenti Ġermaniżi Mercedes-Benz huma marbuta li jwettqu ċertu numru ta’ attivitajiet u obbligi finanzjarji bis-saħħa tal-kuntratt ta’ aġenzija. Għandu jiġi wkoll enfasizzat li dawn huma attivitajiet eżerċitati fi swieq għajr is-suq in kwistjoni f’din il-kawża partikolari. Fil-fatt, anki kieku kellu jiġi ammess li dawn l-obbligi jinvolvu ċerti riskji limitati għall-aġenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huma ma jkunux minnhom infushom suxxettibbli li kapaċi jbiddlu l-kwalifika tar-relazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-aġenti tagħha skond id-dirtt tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-suq kkonċernat f’din il-kawża partikolari.

114   Minbarra dan, il-Kummissjoni tesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, li ċerti dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ aġenzija Ġermaniża jikkoinċidu ma’ dawk tal-kuntratti ta’ konċessjoni Mercedes-Benz konkluż fil-Belġju u fi Spanja u, minn dan, tasal għall-konklużjoni li "l-obbligi imposti fuq l-aġenti Ġermaniżi huma identiċi għal dawk li huma imposti fuq distributuri kontrattwali barranin u li dawn iż-żewġ tipi ta’ distribuzzjoni huma t-tnejn ‘integrati’ bl-istess mod fis-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ Mercedes-Benz" u li għalhekk dawn il-"karatteristiċi ma jikkostitwixxux kriterju tajjeb li jiddistingwi l-aġent kummerċjali mid-distributur indipendenti" (premessa 165).

115   Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni jikkonċernaw b’mod partikolari l-obbligi li jsir dak kollu li hu possibbli sabiex isseħħ id-distribuzzjoni tal-merkanzija, li jiġu mħarsa l-interessi tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-użu ta’ l-isem u tat-trade mark Mercedes-Benz u r-regoli dwar il-ħolqien ta’ l-istabbilimenti sekondarji u tal-postijiet tal-wiri barra l-istabbiliment prinċipali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw essenzjalment aspetti sekondarji u komuni għal kull tip ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni u, konformement ma’ l-argument tal-Kummissjoni stess, li ma jippermettux li wieħed jiddistingwi bejn l-aġent kummerċjali mid-distributur indipendenti.

116   Hemm lok li jiġi kkostatat li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex ta’ natura li juru li d-distributuri Belġjani u Spanjoli ta’ Mercedes-Benz huma integrati bl-istess qawwa fis-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ Mercedes-Benz bħall-aġenti Ġermaniżi tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija kjarament żbaljata u ma tqisx id-distinzjonijiet fundamentali bejn l-aġenti Ġermaniżi u d-distributuri Belġjani u Spanjoli fir-rigward tal-bejgħ tal-vetturi tal-marka Mercedes-Benz.

117   Fil-fatt, b’differenza mill-kuntratt ta’ aġenzija Ġermaniża, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratti uniformi ta’ distribuzzjoni Mercedes-Benz fil-Belġju u fi Spanja jipprovdu, b’mod partikolari li l-kunċessjonarju huwa responsabbli għad-distribuzzjoni tal-vetturi u għan-negozjar tal-bejgħ. Il-kunċessjonarju jixtri l-prodotti tiegħu u jbiegħhom lill-klijenti tiegħu għalih stess, f’ismu u għar-riskju u l-periklu tiegħu (ara l-Artikolu 2 tal-kuntratt Belġjan ta’ l-Artikolu 6 tal-kuntratt Spanjol). Bl-istess mod, il-kuntratti uniformi ta’ distribuzzjoni Mercedes-Benz fl-Belġju u fi Spanja jipprovdu li Mercedes-Benz u l-kunċessjonarji tagħha jżommu l-indipendenza tagħhom. Il-kunċessjonarju mhuwiex aġent jew mandatarju ta’ Mercedes-Benz u l-partijiet ma jistgħux jintrabtu ma waħda fil-konfront ta’ l-oħra (ara l-Artikolu 2 tal-kuntratt belġjan u l-artikolu 6 tal-kuntratt spanjol). Minbarra dan, il-konċessjonarji Belġjani u Spanjoli għandhom dejjem iżommu stokk ta’ vetturi ġodda – apparti l-vetturi hekk imsejħa tal-wiri – destinati sabiex jitpoġġew għall-wiri fl-istabbilimenti tagħhom u sabiex ikunu kkunsinnati lill-klijenti tagħhom [l-Artikolu 8 tal-kuntratt Belġjan u l-Artikolu 15(a), tal-kuntratt Spanjol]. Għandu jiġi nnutat li, bħal fil-każ tal-kuntratt ta’ aġenzija Ġermaniża, il-kundizzjonijiet ta’ bejgħ huma annessi mal-kuntratti Belġjani u Spanjoli, iżda li, fil-każ ta’ dan ta’ l-aħħar, dawn huma l-kundizzjonijiet konnessi mal-bejgħ tal-karozzi mill-grupp Mercedes-Benz lill-konċessjonarji (l-Artikolu 12 tal-kuntratt Belġjan u l-Artikoli 8 tal-kuntratt Spanjol).

118   Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Kummissjoni, dawn l-elementi jissottolinjaw id-distinzjoni importanti bejn, min-naħa waħda, ir-rwol ta’ l-aġent Ġermaniż li huwa integrat fl-impriża tal-prinċipal tiegħu Mercedes-Benz u, min-naħa l-oħra, dak tad-distributur indipendenti fil-Belġju u fi Spanja. Hemm lok li jiġi mfakkar li s-suq ikkonċernat f’din il-kawża huwa dak tal-kummerċ bl-imnut tal-karozzi Mercedes. Id-distributur indipendenti huwa fil-pożizzjoni li jistabbilixxi jew, għall-inqas, jinfluwenza l-kundizzjonijiet li fih jitwettaq il-bejgħ, billi huwa hu li hu l-bejjiegħ, li jbati r-riskju prinċipali tal-prezz tal-vettura u li jżomm il-vetturi fl-istokk. Hija din il-marġni ta’ negozjar tad-distributur, li tintervjeni bejn il-produttur u l-klijent, li tesponi lid-distributur għal riskju ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni tiegħu mal-produttur. Fil-fatt, ir-rwol u l-istat ta’ l-aġent Ġermaniż Mercedes-Benz f’din il-kawża huma differenti ħafna.

119   Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta’ akkordju bejn impriżi skond l-Artikolu 81(1) KE ma ġiex muri skond kif titlob il-liġi.

120   Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jitqies li huwa fondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u tar-Regolament Nru 1475/95 għal dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tielet miżura kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

121   It-tieni motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ppruvatx, fid-deċiżjoni kkontestata, li Mercedes-Benz ikkonkludiet akkordji ma’ l-aġenti kummerċjali tagħha fil-Ġermanja, u waqqfet, fi ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE lil dawn ta’ l-aħħar milli jbiegħu vetturi lill-klijenti finali barranin. Hija tqis li l-istruzzjonijiet mogħtija lill-aġenti jikkonċernaw biss il-bejgħ lill-bejjiegħa mhux awtorizzati, b’mod li dawn l-istruzzjonijiet huma eżenti skond l-Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 1475/95. Fil-tieni lok, ir-rikorrenti tissottometti li r-restrizzjonijiet tal-provvista lill-kumpanniji ta’ leasing fi Spanja u fil-Ġermanja ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE u li huma, f’kull każ, eżenti skond ir-Regolament Nru 1475/95.

122   Mill-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq l-ewwel motiv jirriżulta li l-kuntratti ta’ aġenzija kummerċjali li kienu saru minn Mercedes-Benz ma’ l-aġenti tagħha fil-Ġermanja mhumiex soġġetti għall-interdizzjoni ta’ ftehim ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Konsegwentement, l-istruzzjonijiet eventwali mogħtija minn Mercedes-Benz lill-aġenti tagħha fil-Ġermanja sabiex ma jbiegħux lil klijenti li jinsabu barra mis-settur kuntrattwali tagħhom u l-allegati restizzjonijiet fuq il-provvista lil kumpanniji ta’ leasing fil-Ġermanja ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Għalhekk mhux neċessarju li tiġi eżaminata la l-ewwel parti ta’ dan il-motiv u lanqas it-tieni parti tiegħu safejn dan jikkonċerna l-obbligi ta’ l-aġenti Ġermaniżi konnessi man-negozjar tal-bejgħ ta’ vetturi ġodda lil kumpanniji tal-leasing.

 L-argumenti tal-partijiet

123   Ir-rikorrenti tallega li l-asserzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li r-restrizzjonijiet għall-provvista ta’ kumpanniji ta’ leasing fi Spanja "għall-finijiet ta’ riżerva" għandhom l-għan li jillimitaw il-kompetizzjoni, hija żbaljata. Hija ssostni li t-termini tal-kuntratti ta’ konċessjoni Spanjoli ma jmorrux kontra l-Artikolu 81(1) KE għal ħafna raġunijiet. L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-vantaġġi tal-prezz jew it-tnaqqis, ir-rikorrenti tqis li l-kumpanniji ta’ leasing tal-grupp Mercedes-Benz u dawk li mhumiex parti minn dan il-grupp huma trattati b’mod strettament l-istess. Fil-fatt, il-kumpanniji ta’ leasing tal-grupp Mercedes-Benz ma jingħatawx kundizzjonijiet ta’ xiri differenti minn dawk mogħtija lill-klijenti finali. Minbarra dan, mhuwiex eżatt li l-klijenti l-kbar għandhom dritt awtomatiku għal tnaqqis ta’ prezz. Skond ir-rikorrenti, hija Mercedes-Benz li tiddeċiedi fuq it-tnaqqis lill-klijenti importanti u l-inugwaljanzi eventwali ta’ trattament tal-kumpanniji ta’ leasing u l-"klijenti kbar" ma jirriżultawx minn akkordji li jillimitaw il-kompetizzjoni. Minbarra dan, id-deċiżjoni jingħataw jew jiġi rrifjutat tnaqqis ta’ prezz għal ċerta kategorija ta’ klijenti hija att unilaterali, u mhux akkordju li jaqa’ taħt l-Artikolu 81(1) KE. Fit-tieni lok, skond ir-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-projbizzjoni ta’ provvista lill-kumpanniji terzi ta’ leasing "għall-finijiet ta’ riżerva" m’għandhiex l-għan li tillimita l-kompetizzjoni. Fir-realtà, il-kunsinna ta’ karozza lill-persuna li tidħol għal kuntratt ta’ leasing ma sseħx aktar malajr minħabba li l-klijenti tal-Mercedes-Benz ġeneralment iridu mudell magħżul minnhom u mgħammar skond ix-xewqat tagħhom. Hija żżid li t-tabelli riprodotti fil-premessi 14 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata juru li l-kumpanniji terzi ta’ leasing huma f’kompetizzjoni mal-kumpanniji tagħha. Hija tinnota wkoll li l-parti tas-suq tal-kumpanniji terzi ta’ leasing fil-leasing tal-vetturi Mercedes-Benz għaddiet minn 28 % fl-1996 għal 36 %, fl-2000.

124   Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk kien hemm ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE, dan kien ikun xorta eżentat. Hija ssostni li, għall-perjodu sat-30 ta’ Settembru 1996, il-projbizzjoni kkonċernata kienet eżentata bis-saħħa tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 123/85 tat-12 ta’ Diċembru 1984 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] (3) [KE] għall-kategoriji ta’ akkordji ta’ distribuzzjonu u ta’ servizz ta’ bejgħ u ta’ wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur (ĠU L 15, p. 16).

125   Ir-rikorrenti ssostni ukoll li l-projbizzjoni ta’ provvista lill-kumpanniji ta’ leasing għall-finijiet li jinbena stokk kienet eżentata mir-Regolament Nru 1475/95 sa mill-1 ta’ Ottubru 1996, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Hija tikkunsidra li l-kumpanniji ta’ leasing li jordnaw vetturi bil-mutur indipendentement minn kuntratti ta’ leasing li diġà ġew konklużi jew li konkretement waslu għall-konklużjoni tagħhom sabiex jikkostitwixxu riżervi, fil-prattika, jaġixxu bħala bejjiegħa bl-imnut meta l-imsemmija vetturi jagħtu b’leasing.

126   Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1475/95, dan japplika għall-kuntratti ta’ konċessjoni kummerċjali ta’ vetturi b’mutur li fihom il-funzjoni tal-konċessjonarju hija deskritta fil-kuntest ta’ "bejgħ bl-imnut". Il-frażi "bejgħ bl-imnut" hija definita fl-Artikolu 10(12) ta’ dan ir-Regolament bħala "il-konċessjoni ta’ karozza li l-bejjiegħ xtara f’ismu stess u għalih stess". Ir-Regolament Nru 1475/95 jagħmel distinzjoni bejn il-bejjiegħ u l-klijenti finali. Ir-rikorrenti żżid li, skond l-Artikolu 3(10) ta’ dan ir-Regolament, id-distributur jista’ jiġi ipprojbit milli jikkunsinna lill-bejjiegħa. Tali projbizzjoni jkollha l-effett li tipproteġi s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva.

127   Ir-rikorrenti tgħid li, għalkemm li l-Artikolu 10(12), tar-Regolament Nru 1475/95 "jgħodd bħala każ tal-bejgħ bl-imnut kuntratt ta’ leasing tax-xerrej tal-konċessjonarju ma’ xerrej li jikkontempla trasferiment ta’ propjetà jew opinjoni ta’ xiri", dan ir-regolament ma jinkludi ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit jekk il-kumpannija ta’ leasing, li tkun għada ma kkonkludiet ebda kuntratt konkret dwar il-vettura bil-mutur ikkonċernata ma’ terzi, għandhiex tkun kkwalifikati bħala "bejjiegħ" jew "klijenta finali". Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ikun assurd li l-Artikolu 10(12), tar-Regolament Nru 1475/95 jiġi interpretat fis-sens li jista’ biss ikun ikkwalifikat bħala "bejgħ bl-imnut" il-kuntratt tal-leasing li jinkludi l-possibbiltà ta’ xiri bir-riżultat li x-xerrej ikun propjetarju qabel l-iskadenza tal-kuntratt. Skond ir-rikorrenti, id-dispożizzjoni għandha pjuttost bħala għan li tassimila l-kuntratt ta’ leasing mal-bejgħ bl-imnut meta x-xerrej jakkwista opzjoni ta’ xiri mal-konklużjoni tal-kuntratt jew fil-proċess ta’ l-eżekuzzjoni tiegħu. Hija tinnota li l-Artikolu 10(12), ta’ dan ir-Regolament jikkontempla l-kuntratti ta’ leasing kollha li jipprovdu għal trasferiment tal-propjetà jew għal opzjoni ta’ xiri.

128   Minbarra dan, din id-dispożizzjoni jkollha konsegwenzi differenti ħafna fl-Istati Membri differenti skond il-forma kuntrattwali li normalment tintuża għal-leasing ta’ vetturi f’kull pajjiż. Fil-fatt, skond id-dritt Spanjol, il-kuntratti ta’ leasing ma jistgħux jiġu konklużi mingħajr opzjoni ta’ xiri ma’ l-iskadenza tal-kuntratt. Konsegwentement, impriża Spanjola ta’ leasing tkun dejjem ikkunsidrata "bejjiegħa".

129   Ir-rikorrenti tippreċiża li, bis-saħħa tal-liġi Spanjola Nru 26/1988 tad-29 ta’ Lulju 1988 dwar id-dixxiplina u l-kontroll ta’ l-istabbilimenti ta’ kreditu (iktar ’il quddiem il-"Liġi 26/1988"), kuntratt ta’ leasing jippresupponi. mid-definizzjoni tiegħu, li jkun hemm għażla ta’ xiri favur ix-xerrej. Fl-assenza ta’ tali opzjoni ta’ xiri, il-kuntratt għandu jiġi kkwalifikat bħala kuntratt ta’ kiri. Iżda, il-kumpanniji ta’ leasing huma pprojbiti milli jikkonkludu tali kuntratti ta’ kiri għal raġunijiet ta’ sorveljanza amministrattiva. B’konsegwenza ta’ dan, fi Spanja, il-kumpanniji ta’ leasing jillimitaw ruħhom sabiex iwettqu operazzjonijiet veri ta’ leasing li jipprovdu l-possibbiltà ta’ xiri għall-benefiċċju tax-xerrej. B’dan il-mod, il-kuntratti kollha ta’ leasing konklużi f’dak il-pajjiż jissodissfaw il-kundizzjonijiet tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 10(12) tar-Regolament Nru 1475/95 u għandhom ikunu kkwalifikati bħala operazzjonijiet ta’ bejgħ bl-imnut.

130   Ir-rikorrenti tqis li, meta mhijiex stabbilita id-destinazzjoni konkreta tal-vettura bil-mutur hija għandha "għall-inqas ikollha l-possibbiltà li tipproteġi s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva kontra l-bejgħ bl-imnut mhux awtorizzati li allura mhuwiex aktar kontrollabbli jew verifikabbli".

131   Hija ssostni li, kieku l-kumpanniji ta’ leasing setgħu, minbarra l-funzjoni tal-finanzjament, jaġixxu fis-suq bħala kummerċjanti indipendenti, huma kien ikollhom il-possibbiltà li jiddisponu malajr minn mudelli ta’ karozzi u li jakkwistaw tnaqqis kummerċjali konsiderevoli minħabba fil-volum tax-xiri tagħhom mingħajr l-obbligu li jwettqu investimenti u spejjeż konsiderevoli sabiex jissodisfaw l-eżiġenzi tas-servizz ta’ wara l-bejgħ u jieħdu ħsieb ix-xogħol ta’ manteniment u tal-garanzija tal-karozzi mibjugħa. Il-kostituzzjoni ta’ stokkijiet mill-kumpanniji ta’ leasing ma jiggarantixxix il-livell ta’ kwalità tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li tippermetti possibbli li l-vetturi ġodda jkunu maħżuna f’kundizzjonijiet teknikament impekkabbli u li jkunu biss ikkunsinnati lill-klijenti wara eżami mwettaq minn speċjalisti. Skond ir-rikorrenti, ir-rispett ta’ dan il-livell ta’ kwalità huwa indispensabbli sabiex tkun iggarantita r-reputazzjoni tal-marka Mercedes-Benz.

132   Ir-rikorrenti tqis li r-restrizzjonijiet fuq il-kunsinni destinati sabiex ifornu l-istokkijiet tal-kumpanniji ta’ leasing għandhom l-għan li jimpedixxu li tiġi evitata l-projbizzjoni ta’ kunsinna lill-bejjiegħa u li barra minn dan, il-Kummissjoni tiddefinixxi l-għan tar-Regolament Nru 1475/95 b’dan il-mod. Hija żżid li l-Kummissjoni, meta tikkunsidra li r-restrizzjonijiet fuq dawn il-kunsinni ma kinux eżentati mir-Regolament Nru 1475/95, tinjora l-prinċipji ċċarati mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-Regolament Nru 123/85 fis-sentenza Volkswagen u VAG Leasing, punt 41 iktar ’il fuq, u fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, Bayerische Motorenwerke (C‑70/93, Ġabra p. I‑3439). Hija ssostni li, skond din il-ġurisprudenza, il-kumpanniji ta’ leasing għandhom ikunu kkunsidrati bħala bejjiegħa sakemm huma ma jillimitawx ruħhom li jixtru vetturi sabiex jissodisfaw it-talbiet tal-klijenti tagħhom, iżda jikkostitwixxu stokkijiet "li huma joffru lill-klijentela attirata għal dan l-għan".

133   Il-Kummissjoni tikkontesta r-raġunament tar-rikorrenti li l-miżuri kkonċernati ma jillimitawx il-kompetizzjoni.

134   Hija tqis li r-rikorrenti riedet twaqqaf lill-intermedjarji milli jbiegħu ammonti akbar jikkorrispondu għall-volum tad-domanda tal-kumpanniji ta’ leasing, u b’hekk ikollha effet b’mod ippjanifikat fuq l-ekonomija fil-kobor, li normalment takkumpanja x-xiri ta’ ammonti kbar, ta’ dawn il-kumpanniji, li huma f’kompetizzjoni mal-kumpanniji ta’ leasing Mercedes-Benz.

135   Il-Kummissjoni tikkontesta l-analiżi magħmula mir-rikorrenti tar-Regolament Nru 1475/95 fuq il-bażi li dan ma jeżentax il-projbizzjoni ta’ kunsinni lill-kumpanniji ta’ leasing għall-kostituzzjoni ta’ stokkijiet jew ta’ riżervi. Skond il-Kummissjoni, dan ir-regolament jawtorizza lill-manifattur jipprojbixxi lill-konċessjonarji tiegħu li jbiegħu vetturi ġodda lill-bejjiegħa li ma jiffurmawx parti min-netwerk ta’ distribuzzjoni tiegħu, mingħajr ma jitlef il-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni. L-Artikolu 10(12) tar-Regolament jippreċiża ċ-ċirkustanzi li fihom il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ leasing għandu jiġi kwalifikat bħala bejgħ bl-imnut. Dan ikun il-każ meta l-kuntratt "jipprovdi għal trasferiment ta’ propjetà jew opzjoni ta’ xiri qabel l-iskadenza tal-kuntratt". Fil-każijiet l-oħra kollha, il-kumpannija ta’ leasing għandha tiġi ttrattata bħala klijent finali u l-pprojbizzjoni jew il-limitazzjoni tal-bejgħ li dawn il-kumpanniji hija pprojbita. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-interpretazzjoni magħmula mir-rikorrenti ta’ l-Artikolu 10(12) tar-Regolament Nru 1475/95 hija wiesgħa wisq. F’dan ir-rigward, hija ssostni li r-regoli kkonċernati li jidhru fil-kuntratti ta’ konċessjoni Spanjoli ma jagħmlux distinzjoni li tiddependi fuq jekk il-kuntratt użat mill-kumpannija ta’ leasing jinkludix il-possibbiltà li tinxtara vettura qabel jew wara l-iskadenza tal-kuntratt (premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda jipprojbixxu l-kunsinna lill-kumpanniji ta’ leasing indipendentement minn dan l-element, sakemm l-ordni hija kkontemplata sabiex jiġi kkostitwit stokk. Iżda, dan it-tip ta’ ordni ma jittrasformax il-kumpannija ta’ leasing f’bejjiegħa.

136   Skond il-Kummissjoni, ir-riskju li xi kumpanniji ta’ leasing ibiegħu xi karozzi li jiġu direttament mir-riżervi tagħhom jew qabel l-iskadenza tal-kuntratt lill-klijenti interessati jista’ jiġi kopert minn dispożizzjonijiet kuntrattwali xierqa u ma jawtorizzax lir-rikorrenti li tipprojbixxi l-kunsinni lil dawn il-kumpanniji meta dawn il-karozzi huma destinati sabiex jinbena stokk.

137   L-Artikolu 10(12) tar-Regolament Nru 1475/95 għandu l-għan li jimpedixxi li tkun evitata l-projbizzjoni ta’ kunsinna lill-bejjiegħa li jiddisponu minn vetturi fi stat ġdid. Din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ evitar fil-każijiet kollha fejn ix-xerrej ta’ leasing jakkwista d-dritt li jakkwista l-proprjetà tal-vettura fornuta b’leasing qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ leasing. Iżda, l-eżistenza ta’ evitar bħal dan jiddependi fuq il-mument li fih it-titolu tal-propjetà tal-vettura huwa preżunta li ġie ttrasferit lix-xerrej jew li jista’ jiġi ttrasferit lilu, u mhux mid-data li fiha x-xerrej jakkwista l-opzjon ta’ xiri fl-aħħar tal-kuntratt. Il-Kummissjoni żżid li s-sentenzi Volkswagen u VAG Leasing, punt 41 iktar ’il fuq, u Bayerische Motorenwerke, punt 132 iktar ’il fuq, jittrattaw is-sitwazzjoni ġuridika li nħolqot mir-Regolament Nru 123/85, li ma jinkludi ebda regola li hija espliċitament dwar il-kuntratti ta’ leasing. Hija tispjega li din il-lakuna ġiet mimlija mir-Regolament Nru 1475/95, li stabbilixxu li hemm bejgħ bl-imnut biss meta x-xerrej jista’ jakkwista t-titolu tal-proprjetà tal-vettura qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ leasing permezz ta’ l-opzjoni ta’ xiri.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

138   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod partikolari, li r-rikorrenti kienet, hija stess jew permezz ta’ l-intervent ta’ MBE, irrestrinġiet, mill-1 ta’ Ottubru 1996 sa l-adozzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni, il-kunsinni tal-karozzi lill-kumpanniji ta’ leasing fi Spanja għall-kostituzzjoni ta’ stokk u li din ir-restrizzjoni ma kinitx eżentata mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1475/95.

139   Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni, min-naħa waħda, li l-Artikolu 4(d) tal-kuntratt ta’ konċessjoni Spanjol ma jmurx kontra l-Artikolu 81(1) KE u, min-naħa ’l oħra, li, f’kull każ, il-projbizzjoni li jiġu kkunsinnati karozzi lill-kumpanniji ta’ leasing fi Spanja għall-finijiet li jiġi kkostitwit stokk hija eżentata mir-Regolament Nru 1475/95.

140   F’dan ir-rigward, fil-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikonstata li "ir-restrizzjoni tal-kunsinni lill-kumpanniji esterni ta’ leasing’ hija mmirata speċifikament għall-kumpanniji ta’ leasing li jixtiequ jixtru numru kbir ta’ vetturi jew ta’ ‘flottot’ kompluti destinati għal-leasing, iżda li għalihom huma għadhom m’għandhomx klijenti identifikabbli". Fil-premessa 176, hija tikkonstata b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet konnessi ma’ l-attività ta’ leasing ta’ l-aġenti u l-kunċessjonarji għandhom l-għan li jillimitaw il-kompetizzjoni permezz tal-prezz u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ għall-vetturi destinati għal-leasing. Fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza kostanti, hija kkostatat li huwa superfluwu jitqiesu l-effetti tal-miżuri kontenzjużi, peress li huwa biżżejjed, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE, li dawn il-miżuri jkollhom bħala għan li jillimitaw il-kompetizzjoni (premessa 178).

141   Il-Qorti tal-Prim’Istanza qabel kollox tosserva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn is-suq Ġermaniż u s-suq Spanjol għal dak li jirrigwarda l-allegati restrizzjonijiet għall-kunsinna lill-kumpanniji ta’ leasing. Fil-fatt, hija tassumi li l-Artikolu 4(d) tal-kuntratt ta’ konċessjoni Spanjol involva l-istess restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni li bħall-Artikolu 2(1)(d) tal-kuntratt billi jorbot lill-aġenti Ġermaniżi [ara, b’mod partikolari, il-premessi 105 sa 111 u 176].

142   Mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, jirriżulta li, b’differenza mis-sitwazzjoni fil-Ġermanja, ir-relazzjonijiet kontrattwali fil-qasam ta’ leasing fi Spanja huma rregolati minn liġi speċifika, jiġifieri l-Liġi 26/1988.

143   Għandu jingħad li d-dispożizzjoni addizzjonali Nru 7 tal-Liġi 26/1988 tipprovdi b’mod partikolari li:

"1. Huma kkunsidrati bħala operazzjonijiet ta’ leasing il-kuntratti li għandhom bħala għan esklussiv iċ-ċessjoni ta’ l-użu ta’ beni mobbli jew immobbli, mixtrija għal dan il-għan skond l-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-utent futur, għal kumpens li jikkonsisti fil-ħlas perjodiku tal-kera msemmija fil-punt 2 ta’ din id-dispożizzjoni. L-utent jista biss jassenja l-beni li huma s-suġġett taċ-ċessjoni għal installazzjonijiet agrikolu, ta’ servizzi ta’ sajd, industrijali, kummerċjali, artiġġjanali, ta’ servizzi jew professjonali. Il-kuntratt ta’ leasing dejjem għandu jinkludi l-opzjoni ta’ xiri, ma’ l-iskadenza tiegħu, min-naħa ta’ l-utent.

Meta, għal xi raġuni jew oħra, l-utent ma jasalx biex jixtri s-suġġett tal-kuntratt, sid il-kera jista’ jċedih lil utent ġdid, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-beni ma ġietx mixtrija skond l-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-utent jippreġudika l-prinċipju stabbilit fil-paragrafu preċedenti.

2. Il-kuntratti li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni għandhom terminu minimu ta’ sentejn meta japplikaw għal beni mobbli u ta’ għaxar snin meta japplikaw għal beni immobbli jew għal stabbilimenti industrijali. Madankollu, sabiex jiġu evitati abbużi fil-prattika, l-Gvern jista’ jistabbilixxi termini minimi ta’ durata tal-kuntratti fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-beni differenti li huma s-suġġett ta’ l-imsemmija kuntratti."

144   B’effett mill-1 ta’ Jannar 1996, il-paragrafu 2 tad-dispożizzjoni addizzjonali Nru 7 tal-liġi 26/1988 ġie ssostitwit b’Artikolu 128(2) tal-Liġi 43/1995 tas-27 ta’ Diċembru 1995 dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (BOE Nru 310 tat-28 ta’ Diċembru 1995, p. 37072), li tgħid:

"2. Il-kuntratti li jirreferi għalihom il-punt preċedenti għandhom terminu minimu ta’ sentejn meta huma japplikaw għall-beni mobbli u ta’ għaxar snin meta huma japplikaw għall-beni immobbli jew għall-stabbilimenti industrijali. Madankollu, sabiex jiġu evitati abbużi fil-prattika, jistgħi jiġu stabbiliti termini minimi ta’ durata tal-kuntratti skond il-karatteristiċi differenti tal-beni differenti li huma s-suġġett ta’ l-imsemmija kuntratti jistgħu japplikaw."

145   Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kuntratti ta’ leasing konklużi fi Spanja huma soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari:

–       huma għandhom ikollhom durata minima ta’ sentejn għal dak li jirrigwarda l-beni mobbli, inklużi l-vetturi bil-mutur;

–       huma għandhom dejjem jinkludu opzjoni ta’ xiri ma’ l-iskadenza favur ix-xerrej;

–       il-beni mobbli, inklużi l-vetturi bil-mutur, li huma s-suġġett tal-kuntratti ta’ leasing huma mixtrija għal dan il-għan mis-soċjetà ta’ leasing skond l-ispeċifikazzjonijiet tax-xerrej.

146   B’hekk il-liġi Spanjola li tirregola l-kuntratti ta’ leasing teżiġi li kull kumpannija kollha ta’ leasing għandu diġà jkollhom xerrej identifikat għall-kuntratt ta’ leasing fil-mument ta’ l-akkwist tal-vettura.

147   Għaldaqstant, il-preżunzjoni impliċita magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-effett identiku tal-klawsoli li jinsabu fil-kuntratti ta’ konċessjoni Ġermaniżi u Spanjoli mhijiex fondata għaliex tinvolvi żewġ konsegwenzi fil-kuntest tal-motiv prezenti.

148   Fl-ewwel lok, kull kuntratt ta’ leasing konkluż fi Spanja għandu jkollu durata minima ta’ sentejn u l-opzjoni ta’ xiri tista’ tiġi eżerċitata biss ma’ l-iskadenza tal-kuntratt. Għalhekk, l-opzjoni ta’ xiri ma tistax tiġi eżerċitata ħlief wara l-iskadenza ta’ perjodu minimu ta’ sentejn. B’hekk ix-xerrej f’kuntratt ta’ leasing fi Spanja mhuwiex f’pożizzjoni, meta jeżerċita opzjoni ta’ xiri, li jakkwista t-trasferiment ta’ vettura fi stat ġdid.

149   F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 1475/95 kien jeżenta mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE l-akkordji li bihom parti (il-fornitur) kienet tintrabat fir-rigward ta’ l-oħra (id-distributur) li tikkunsinna biss, f’parti definita tas-suq komuni, lil din il-parti jew lil din il-parti u lin-numru stabbilit ta’ impriżi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni bil-għan tal-bejgħ bl-imnut ta’ vetturi ġodda speċifikati u, flimkien magħhom, ta’ l-ispare parts tagħhom (l-ewwel Artikolu).

150   Skond l-Artikolu 3(10), tar-Regolament Nru 1475/95, l-eżenzjoni kienet tapplika wkoll meta l-impenn imsemmi aktar ’il fuq kien konness ma’ l-impenn tad-distributur li ma jikkunsinna biss lil bejjiegħ bl-imnut prodotti kontrattwali biss jekk dan il-bejjiegħ huwa impriża fin-netwerk ta’ distribuzzjoni. Il-frażi "bejgħ bl-imnut" hija definita fl-Artikolu 10(12) ta’ l-imsemmi Regolament bħala "l-operazzjonijiet kollha li bihom persuna fiżika jew ġuridiku – ‘il-bejjiegħ bl-imnut’ – jittrasferixxi fi stat ġdid vettura bil-mutur li huwa kien akkwista qabel f’ismu stess u għalih stess, indipendentement mill-kwalifika ġuridika mill-perspettiva tad-dritt ċivili jew tal-modalitajiet tal-operazzjoni li titwettaq permezz ta’ dan il-bejgħ bl-imnut". L-istess punt assimila mal-bejgħ bl-imnut "kull kuntratt ta’ leasing li jinkludi għal transferiment ta’ proprjetà jew opzjoni ta’ xiri qabel l-iskadenza tal-kuntratt".

151   Dan ir-regolament kien jippermetti b’mod partikolari lill-fornitur, fil-kuntest ta’ l-akkordji li jirregolaw n-netwerk tiegħu ta’ distribuzzjoni esklussiva, li jimponi fuq id-distributuri projbizzjoni ta’ konsenja lil xerrej li huwa bejjiegħ bl-imnut fis-sens ta’ l-Artikolu 10(12) tiegħu, inkluż xerrej assimilat għal bejjiegħ bl-imnut minħabba li huwa jittrasferixxi vetturi ġodda fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ leasing kif definiti mill-istess dispożizzjoni.

152   F’dan ir-rigward, għandu jingħad li mill-Artikolu 4(d) tal-kuntratt ta’ konċessjoni Spanjol jirriżulta kjarament li l-projbizzjoni imposta fuq il-konċessjonarji ma kinitx tkopri il-kunsinni kollha lil kumpanniji ta’ leasing barra mill-grupp Mercedes-Benz, iżda biss dawk li għalihom dawn il-kumpanniji ma kellhomx klijent speċifiku.

153   Mid-definizzjoni tal-frażi "bejgħ bl-imnut" kontenuta fl-Artikolu 10(12) tar-Regolament Nru 1475/95 jirriżulta li l-possibbiltà għal fornitur li jipprojbixxi lid-distributuri milli jikkunsinnaw lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi assimilati għal "bejjiegħa bl-imnut" hija llimitata għall-każ fejn dawn ta’ l-aħħar jittrasferixxu vetturi fi stat ġdid. Din l-assimilazzjoni tal-kuntratt ta’ leasing għall-bejgħ bl-imnut għandha l-għan li tippermetti lill-fornitur li jassigura l-integrità tan-netwerk ta’ distribuzzjoni billi jevita li kuntratt ta’ leasing li jinkludi għal trasferiment ta’ proprjetà jew għal opzjoni ta’ xiri qabel l-iskadenza tal-kuntratt jiġi utilizzat sabiex jiffaċilita l-akkwist barra n-netwerk ta’ distribuzzjoni esklużiva, tal-proprjetà ta’ vettura meta għadha dejjem fi stat ġdid.

154   Kuntrarjament għal dak li tissottometti r-rikorrenti, jirriżulta wkoll mil-liġi 26/1988 ma jirriżultax li l-kuntratti kollha ta’ leasing Spanjoli awtomatikament jisodissfaw il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni previsti fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1475/95.

155   Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti rigward l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni tar-Regolament Nru 1475/95 mhuwiex fondat.

156   Fit-tieni lok, fid-dawl tal-fatt li l-liġi Spanjola teżiġi li l-kumpanniji kollha ta’ leasing għandhom diġà jkollhom xerrej identifikat fil-mument ta’ l-akkwist tal-vettura, ir-restrizzjonijiet identifikati mill-Kummissjoni fil-premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant diġà joħorġu mil-leġiżlazzjoni applikabbli, indipendentement mill-Artikolu 4(d) tal-kuntratt ta’ konċessjoni Spanjol. Fi kliem ieħor, minħabba l-effett ta’ din il-liġi biss, il-kumpanniji esterni għall-grupp Mercedes-Benz jinstabu fl-istess sitwazzjoni bħal dawk li jappartjenu għal dan il-grupp. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li r-restrizzjonijiet għall-provvista tal-kumpanniji ta’ leasing fi Spanja ma jammontawx għal restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE huwa fondat.

157   Konsegwentement, it-tielet inċiż ta’ l-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat safejn dan jirreferi għall-allegat ksur imwettaq fi Spanja.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u fuq żball ċar fl-evalwazzjoni tat-tieni u r-raba’ miżuri kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

158   I-tielet motiv huwa diviż f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ppruvatx l-eżistenza ta’ akkordju konkluż ma’ l-aġenti Ġermaniżi tagħha li jkopri t-talba ta’ dawn għal ħlas ta’ quddiem ta’ 15% tal-prezz tal-bejgħ tal-vettura lill-klijenti fi tranżitu. Hija tqis ukoll li, f’kull każ, dan id-depożitu kien oġġettivament ġustifikat u li hija setgħet leġittimament li ġġiegħel lill-aġenti tagħha li jitolbuh. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha żball meta ddeċidiet fid-deċiżjoni kkontestata li l-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 tad-disa’ membri ta’ l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji Mercedes-Benz tal-Belġju mad-direzzjoni ta’ MBBel kienet turi l-eżistenza ta’ akkordju bejniethom għal-limitazzjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet fil-Belġju.

159   Mill-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-ewwel motiv jirriżulta li l-Artikolu 81(1) KE ma japplikax għall-ordni mogħti minn Mercedes-Benz lill-aġenti Ġermaniżi tagħha, permezz taċ-ċirkulari Nru 52/85, tat-12 ta’ Settembru 1985 sabiex jeżiġu mingħand il-klijenti fi transitu tagħhom li depożitu ta’ 15% tal-prezz tal-vettura. Għaldaqstant mhux neċessarju li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv tiġi eżaminata.

 L-argumenti tal-partijiet

160   Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha żball meta, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li l-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 tad-disa’ membri ta’ l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji Mercedes-Benz tal-Belġju mad-direzzjoni ta’ MBBel kienet turi l-eżistenza ta’ akkordju bejn din l-assoċjazzjoni u l-MBBel għal-limitazzjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet fil-Belġju. L-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji Belġjani ma setgħet tieħu ebda deċiżjoni li tillimita lill-membri tagħha, iżda tifformula biss rakkomandazzjonijiet. Minbarra dan, skond ir-rikorrenti, l-intervent ta’ konċessjonarju, is-Sur Kalscheuer, maħtur din il-laqgħa li qal "li r-relazzjonijiet bejn il-konċessjonarji kienu tjiebu minħabba l-azzjoni kontra ttnaqqis fil-prezz", juri li l-miżura kkonċernata kienet diġà ġiet deċiża mill-konċessjonarji.

161   Ir-rikorrenti ma tikkontestax li MBBel ipparteċipat fil-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 u li mill-inizjattiva tagħha stess, l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji Belġjani kienet ipproponiet li tnaqqas ir-rata tat-tnaqqis kummerċjali għall-massimu ta’ 3 % għas-serje ġdida W 210. Madankollu, hija ssostni li MBBel ma kinitx tipparteċipa la orizzontalment u lanqas vertikalment f’akkordju ta’ iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ u li MBBel ma kienet ħadet ebda miżura sabiex tapplika din il-proposta, li hija lanqas ma approvat, għall-kuntrarju, MBBel dejjem opponiet proposti bħal dawn. Hija kienet preżenti biss bħala osservatur u importatur. Fil-fatt, ma ġiet evokata ebda intervent orali ta’ xi rappreżentant ta’ MBBel. Il-fatt li MBBel kienet l-unika kapaċi li tpoġġi fis-seħħ it-tnaqqis tal-kunsinni ta’ vetturi ma jipprovax li hija kienet effettivament adottat mġieba bħal din.

162   F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta li MBBel kienet irrappreżentat l-interessi tal-fergħat matul il-laqgħa u tgħid li f’dak iż-żmien, dawn ma kinux għadhom membru attivi ta’ l-assoċjazzjoni. Madankollu, skond ir-rikorrenti, mhuwiex evidenti li l-fergħat setgħu kellhom interess li jillimitaw ir-rata ta’ tnaqqis kummerċjali. Dan jidher mill-fatt li l-konċessjonarju Goossens, kif juru l-minuti ta’ l-assoċjazzjoni, ikkritika lill-fergħat talli ippratikaw "bejgħ bi prezz vili". Minbarra dan, skond ir-rikorrenti, l-ilment inkluż fid-deċiżjoni kkontestata dwar restrizzjoni orizzontali (ara l-premessa 141), li mhuwiex inkluż fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ma kellux għaldaqstant jitqies. Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni espost fil-punt 177 iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti tqis li din tipproċedi għal ċitazzjoni selettiva tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (ara l-punt 186 ta’ din id-dikjarazzjoni). Minbarra dan, hija tgħid li l-azzjoni kontra "bejgħ bi prezz imnaqqas" imwettqa qabel l-20 ta’ April 1995 ma setgħetx tiġi kkwalifikata bħala akkordju "orizzontali" ħlief safejn hija kienet ġiet miftehma bejn il-konċessjonarji. Jekk il-Kummissjoni stqarret fil-punt 168 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li MBBel kienet ħadet parti f’din l-azzjoni kontra bejgħ bi prezz imnaqqas, xejn ma jipprova li MBBel kienet ipparteċipat bħala konkorrenti tal-konċessjonarji.

163   Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-fatt li l-ittra tas-17 ta’ Ottubru 1995 mibgħuta minn MBBel lil Mercedes-Benz AG (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata) tipprova l-interess ta’ MBBel għal moderazzjoni tat-tnaqqis tal-prezzijiet applikati mill-konċessjonarji Belġjani. Fil-fatt, MBBel kienet irreferiet għat-tariffi medji ppublikati u mhux għall-prezzijiet ta’ bejgħ attwalment fatturat mill-konċessjonarji. Minbarra dan, hija tikkontesta li l-ittra tal-MBBel ta’ l-14 ta’ Marzu 1996, li twiddeb konċessjonarju Belġjan ta’ Charleroi li kien ippreżenta ruħu b’mod falz klijent bħala rappreżentant ta’ konċessjonarju ta’ Namur, tipprova d-diżapprovazzjoni ta’ MBBel fir-rigward tat-tnaqqis "ta’ 6 %" konċess għal W 210.

164   Ir-rikorrenti tqis li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ MBBel huma kuntradittorji fis-sens li hija ssostni fl-istess waqt li MBBel hija "lesta li ssostni attivament" limitazzjoni tat-tnaqqis tal-prezzijiet (premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata) u li MBBel kienet "ipparteċipat" f’din il-limitazzjoni (premessa 120). Sussegwentement, il-Kummissjoni tammetti li l-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 kienet ir-riżultat ta’ ċerta inizjattiva min-naħa tal-konċessjonarji, iżda hija madanakollu tippreċiża li MBBel kjarament ħadet it-tmexxija tal-laqgħa (premessa 233 tad-deċiżjoni kkontestata).

165   Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li Mercedes-Benz kienet okkażjonalment tivverifika li l-konċessjonarji jwettqu l-missjoni tagħhom ta’ intermedjarji integralment billi nbagħtilhom klijenti foloz, m’għandu l’ebda rabta ma’ l-allegat iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ. Hija ssostni li żjarat bħal dawn, li jsiru wkoll mid-ditti l-oħra tal-karozzi, huma perfettament leġittimi, għaliex il-konċessjonarji fil-kuntratt tagħhom ta’ konċessjoni kummerċjali, jintrabtu għal pożizzjoni fis-suq ta’ kwalità għolja. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-prattiċi tariffarji tal-konċessjonarji huma biss aspett wieħed fost ħafna oħrajn meqjusa f’din il-valuatzzjoni.

166   Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn il-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 u dak li seħħet f’Antwerp fis-27 ta’ Marzu 1996 (ara l-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, fil-minuti tal-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995, issir referenza għal-sorveljanza tal-bejgħ sa "l-aħħar [tas-sena] 1995" u li ż-żjarat imsemmija fil-minuti tal-laqgħa tas-27 ta’ Marzu 1996 kienu kjarament seħħew sa l-1996.

167   Ir-rikorrenti tikkontesta li l-faks ta’ MBBel tas-26 ta’ Novembru 1996, li fiha hija tinkariga lill-kumpannija Tokata li tibgħat viżitaturi għand xi konċessjonarji u ċerti aġenziji, kienet tagħmilha possibbli għall-MBBel li jinvestigaw it-tnaqqis pratikati fuq il-mudelli ta’ vetturi break 220 D u 250 TD tal-klassi C. Hija tfakkar li l-informazzjoni miġbura kienet anonima u li ma kienx possibbli li jittieħdu miżuri kontra konċessjonarji speċifiċi, li kienet titratta investigazzjoni kompluta dwar is-servizz kollu lill-klijentela u mhux biss fuq it-tnaqqis tal-prezz u li jitratta żjarat lill-konċessjonarji, iżda anki lil tlettax-il importatur parallel. Jirriżulta li, fil-miżura fejn dan il-proċess twettaq, ma jistax jiġi preżunt li jitratta impożizzjoni fuq il-konċessjonarji tat-tariffi pubblikati. Minbarra dan, il-faks ma kienetx tinkludi ebda indikazzjoni li tindika li l-interessati kienu jippreferu tnaqqis massimu ta’ 3 %. Ir-rikorrenti iżżid li l-minuti tal-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 jirreferu għal serje ta’ vetturi differenti minn dawk li tirreferi għalihom il-faks ta’ MBBel tas-26 ta’ Novembru 1996 lil-kumpannijia Tokata.

168   Ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-allegat iffissar tal-prezzijiet ta’ bejgħ fil-Belġju kien influwenza b’mod notevoli l-kummerċ bejn l-Istati. Hija tinnota li, jekk kellu jiġi konkluż li effettivament kien hemm akkordju dwar it-tnaqqis kummerċjali, dan kien jikkonċerna biss il-bejgħ fil-Belġiju. Il-volum ta’ bejgħ transkonfinali ma intlaqatx minnu. Minbarra dan, hija tikkontesta li l-allegat ksur dam mill-20 ta’ April 1995 saċ-ċirkulari ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999. Hija tallega li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx jekk il-ksur twettaqx dejjem bl-istess intensità. Ir-rikorrenti ssostni li l-azzjoni "kontra bejgħ bi prezz imnaqqas" imsemmija fil-minuti tal-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 kienet provviżorja, li din kienet tapplika biss għall-mudell W 210 u li kellha tapplika biss fil-fażi introduttiva tal-mudell il-ġdid, jiġifieri sa l-aħħar tas-sena 1995. F’dan ir-rigward, mill-minuti tal-laqgħa tas-27 ta’ Marzu 1996 jirriżulta li l-konċessjonarji ta’ Antwerp kkonstataw li ma kienx hemm qbil dwar it-tnaqqis tal-prezzijiet. Minbarra dan, id-dokumenti l-oħra ċċitati mill-Kummissjoni ma jippruvawx li l-azzjoni proposta ġiet estiża wara s-sena 1995. Huma jirreferu biss għaż-żjarat li jikkonstitwixxu prattika abitwali u r-riżultati ta’ liema ma kinux ġew individwalizzati, b’mod li kien ikun impossibbli li tittieħed kwalkunkwe sanzjoni fir-rigward ta’ wieħed mill-konċessjonarji.

169   Ir-rikorrenti tqis li mhux ġustifikat li tiġi imputata b’iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ fil-Belġju.

170   Qabel kollox, hija ssostni li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni warrbet il-prattika tagħha dwar l-impożizzjoni ta’ ammendi lil kumpannija jew lill-grupp li din tagħmel parti minnu. Il-Kummissjoni kellha tqis numru ta’ elementi, jiġifieri l-livell ta’ l-awtonomija ta’ deċiżjoni tas-sussidjarja, il-miżura safejn l-kumpannija parent kienet taf l-attivitajiet tas-sussidjarja li jmorru kontra l-ligi tal-kompetizzjoni, il-parteċipazzjoni ta’ din il-kumpannija fil-ksur, l-influwenza konkreta tal-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja kif ukoll is-similarità eventwali tal-kompożizzjoni tal-korpi, tal-kumpannija parent u tas-sussidjarja tagħha [ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 87/1/KEE tat-2 ta’ Diċembru 1986, dwar proċedura ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] tat-Trattat KEE (IV/31.128 – Ażidi grassi) (ĠU L 3, p. 17); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/398/KEE tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] tat-Trattat KEE (IV/31.149 – Polipropelin) (ĠU L 230, p. 1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 85/617/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1985, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] tat-Trattat KEE (IV/30.839 – Sperry New Holland) (ĠU L 376, p. 21); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 84/388/KEE tat-23 ta’ Lulju 1984 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] tat-Trattat KEE (IV/30.988 – Akkordji u prattiċi miftehma fis-settur tal-ħġieġ ċatt fil-pajjiżi tal-Benelux) (ĠU L 212, p. 13); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 78/155/KEE tat-23 ta’ Diċembru 1977, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (IV/29.146 – BMW SA Belgium u konċessjonarji Belġjani BMW) (ĠU 1978, L 46, p. 33)]. Ir-rikorrenti tippreċiża li, fis-settur tal-karozzi, is-sussidjarji ta’ bejgħ nazzjonali kkonċernati ġew ikkunsidrati bħala responsabbli meta l-ksur seta’ jiġi lokalizzat fl-Istat Membru li jikkorrispondi [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/146/KE ta’ l-20 ta’ Settembru 2000, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (COMP/36.653 – Opel) (ĠU 2001, L 59, p. 1)].

171   Ir-rikorrenti ssostni li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li hija kienet responsabbli għall-imġiba ta’ MBBel, peress li l-parteċipazzjoni tagħha hija ta’ kważi 100 %, mhijiex fondata. Skond ir-rikorrenti, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs il-Kummissjoni jirriżulta (C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punti 28 et seq.), li l-parteċipazzjoni ta’ 100 % waħidha mhijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-kumpannija parent fir-rigward tal-liġi tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni għandha turi permezz ta’ elementi oħra ta’ fatt li r-rikorrenti eżerċitat ukoll effettivament influwenza fuq l-imġiba ta’ l-MBBel. Ir-rikorrenti tiċħad li kienet taf bl-attivitajiet ta’ MBBel u li effettivament appoġġathom. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma ressqitx il-prova li juru li hija kienet ġiet infurmata dwar il-laqgħa ta’ l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji ta’ l-20 ta’ April 1995. Hija tispjega li, anki jekk MBBel kienet ħadet sehem fl-azzjoni "kontra bejgħ bi prezz imnaqqas", dan kien sar mingħajr il-kunsens tagħha. Ir-rikorrenti żżid, fir-replika tagħha, li l-Kummissjoni hija żbaljata meta ssostni li hija r-responsabbiltà tagħha li tipprova li dan il-ksur mhuwiex attribwibbli għaliha, peress li Mercedes-Benz kienet ippreżentat ruħha waqt il-proċedura amministrativa bħala l-unika kelliema tal-Kummissjoni għall-ksur imwettaq fit-territorju Belġjan. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għandha tipprova li Mercedes-Benz ġiet infurmata bl-allegati miżuri ta’ iffissar ta’ prezzijiet tal-bejgħ u li hija "inkoraġġiethom attivament".

172   Il-Kummissjoni ssostni li, fl-20 ta’ April 1995, MBBel ipparteċipat, flimkien ma’ l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji Belġjani f’akkordju ta’ limitazzjoni tat-tnaqqis awtorizzat għal 3%, in-nuqqas ta’ rispett ta’ liema kellu jwassal għal tnaqqis tal-kwota tal-vetturi assenjati. Hija tqis lir-rikorrenti responsabbli għal dan il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni peress flimkien ma’ MBBel li hija tifforma unità ekonomika.

173   Il-Kummissjoni tgħid li ma jistgħax ikun hemm l-iċken dubju dwar il-fatt li l-parteċipanti għal-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 kienu adottaw il-miżuri "kontra bejgħ bi prezz baxx", peress li, fil-minuti ta’ din il-laqgħa, min kitibhom, M. Rauw, għamel distinzjoni ċara bejn id-dikjarazzjonijiet, il-mistoqsijiet bejn wieħed u ieħor stabbiliti, il-pariri u r-rakkomandazzjonijiet, u l-kunsiderazzjonijiet u l-kontestazzjonijiet u dikjarazzjonijiet ta’ l-intendimenti tal-parteċipanti. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu dwar l-użu ta’ xiri fittizju, l-imġiba tal-fergħat ta’ Brussell ta’ MBBel f’dak li jirrigwarda prezz kif ukoll l-użu ta’ tnaqqis tal-kwoti f’każ ta’ tnaqqis ta’ aktar minn 3 % juri li d-diskussjonijiet wasslu preċiżament għall-adozzjoni ta’ miżuri, u dan bil-parteċipazzjoni ta’ MBBel.

174   Minbarra dan, għal dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti fuq il-bażi tal-minuti ma semmew xejn dwar l-inqas intervent ta’ MBBel, li din ta’ l-aħħar ipparteċipat fil-laqgħa bħala importatriċi u mhux bħala rappreżentanta tal-fergħat tagħha u li l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji ma kelliex is-setgħa neċessarja sabiex tadotta deċiżjonijiet restrittivi, il-Kummissjoni tqis li dawn m’humiex rilevanti. Hija żżid li l-persuni kollha li jipparteċipaw fil-laqgħa li tagħti lok għal konklużjoni ta’ akkordji anti-kompetittivi jridu jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom sabiex jindikaw ċarament li huma m’humiex parti mill-akkordju. Issa, il-minuti tal-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 ma jsemmu xejn dwar xi oppożizzjoni tal-MBBel. Din ta’ l-aħħar approvat ukoll il-limitazzjoni tat-tnaqqis għall-3 %. F’każ kuntrarju, M. Rauw ma setgħax jindika ħlief f’każ li jiġi maqbuż dan il-limitu l-kwota tal-vetturi jkun imnaqqas, peress li MBBel biss kienet f’pożizzjoni li tieħu tali miżura.

175   Kuntrarjament għal dak li tgħid ir-rikorrenti (ara l-punt 162 iktar ’il fuq), MBBel kellha interess li ġġib fit-tmiem il-bejgħ bi prezz baxx. Skond il-Kummissjoni, iż-żamma minn MBBel ta’ prezz medju għal livell għola ma jagħmilx sens jekk il-konċessjonarji jiftehmu dwar tnaqqis dejjem akbar u ma jagħtux biżżejjed importanza lill-kredibilità tal-prezzijiet fissi. Minbarra dan, hija tikkunsidra li, bħala importatriċi, MBBel ma tikkonsenjax biss lill-konċessjonarji Belġjani, dak li jagħti lok għal relazzjoni vertikali, iżda wkoll lill-klijenti finali, permezz ta’ l-intermedjazzjoni tal-fergħat tagħha ta’ Brussell, huwa l-bażi għar-relazzjoni orizzontali, ikkontestat mir-rikorrenti, bejn MBBel u l-konċessjonarji tagħha.

176   Il-Kummissjoni ssostni li M. Goossens ta’ l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji Belġjani, ma ġġudikatx b’mod ċar bħala neċessarju, sabiex takkuża l-fergħat bil-bejgħ bi prezz baxx, li r-rappreżentanti ta’ dawn il-fergħat ipparteċipaw ukoll fil-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995, minbarra numru ta’ uffiċjali eżekuttivi ta’ MBBel. Skond il-Kummissjoni huwa evidenti li MBBel kienet ikkunsidrata mhux biss bħala fornitriċi, iżda wkoll bħala kompetitriċi tal-konċessjonarji u li hija pparteċipat fl-akkordju li wassal għal-limitazzjoni tat-tnaqqis taż-żewġ kwalitajiet.

177   Il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti (ara l-punt 162 iktar ’il fuq), il-komunikat ta’ l-oġġezzjonijiet ma kienx limitat għall-kompetizzjoni vertikali. Hija tikkunsidra li kienet spjegat (fil-punt 222 tal-komunikat ta’ l-oġġezzjonijiet) li l-azzjoni miftehma bejn MBBel u l-konċessjonarji għall-ġlieda kontra l-bejgħ bi prezz baxx u l-kontroll tat-tnaqqis approvat bi tnaqqis tal-kwoti ta’ vetturi fil-każ ta’ tnaqqis li jaqbeż it-3 %, għandu bħala għan il-limitazzjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet fil-Belġju. Għalhekk l-MBBel ma tkunx ikkunsidrata biss bħala parti tal akkordju li għandu bħala oġġett l-applikazzjoni ta’ ftehim li jillimita tnaqqis permezz tat-tnaqqis tal-kwoti iżda b’mod aktar ġenerali bħala impriża li kienet parti minn akkordju li jillimita t-tnaqqis, jikkontrolla l-imġiba tal-konċessjonarji fil-qasam ta’ tnaqqis u jnaqqas il-kwoti f’każ ta’ tnaqqis li huwa aktar minn 3 %. Minbarra dan, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma kinitx ser tikkunsidra mill-ġdid l-evalwazzjoni ġuridika tal-parteċipazzjoni tal-MBBel għall-akkordju, peress li, fil-komunikat ta’ l-oġġezzjonijiet, hija kienet indikat li MBBel kienet diġà pparteċipat f’akkordju dwar il-prezz, prinċipalment orizzontali, qabel l-20 ta’ April 1995, jiġifieri għall-azzjoni "kontra bejgħ bi prezz baxx". Il-Kummissjoni tfakkar li mhux obbligatorju li l-akkordju jkun jillimita l-liġi ċivili sabiex jikkostitwixxi akkordju fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE (Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 1990, Sandoz Prodotti Farmaceutici vs il-Kummissjoni, C‑277/87, Ġabra p. I‑45, punt 13) (ara l-punt 160 iktar ’il fuq).

178   Skond il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata turi li l-konċessjonarji Belġjani kellhom jistennew ix-xiri fittizju annunċat u li MBBel ikkunsidrat importanti ħafna li l-konċessjonarji jżommu l-prezzijiet tagħhom tal-bejgħ bl-imnut effettiv għall-aktar livell għoli possibbli (premessi 117 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li skond din, is-sentenzi individwali dwar il-konċessjonarji differenti kienu anonimi. Fil-fatt, l-anonimat ta’ dawn is- sentenzi ma kienx ġie rrispettat fil-minuti tal-laqgħa tas-27 ta’ Marzu 1996, peress li l-konċessjonarji Van Steen NV kienu ġew imsemmija b’isimhom. Hija żżid ukoll li t-tnaqqis individwali li l-ħames konċessjonarji kkontrollati kienu lesti li jiftehmu ma kellhomx jiġu indikati fid-detall fil-minuti, peress li kien ovvju li kull konċessjonarju kien ippropona tnaqqis ta’ aktar mit-3 % permess mill-assoċjazzjoni. Skond hi, il-preżunti differenzi ulterjuri f’opinjoni bejn il-konċessjonarji dwar l-ammont ta’ tnaqqis huma nieqsa minn kull rilevanza, l-aktar peress li l-akkordju kontenzjuż kien jorbothom b’mod partikolari vis-à-vis MBBel.

179   Il-Kummissjoni tgħid li l-mandat konferut fuq il-kumpannija Tokata fis-26 ta’ Novembru 1996 juri li l-imġiba tal-konċessjonarji f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis jilgħab rwol importanti fil-kuntest tax-xiri fittizji, kuntrarjament għal dak li tgħid ir-rikorrenti, li tara aspett wieħed fost oħrajn (ara l-punt 165 iktar ’il fuq). Hija tispjega li l-għan veru tal-mandat kien li tiġi vverifikata r-reazzjoni ta’ 47 konċessjonarju Belġjan fir-rigward ta’ talba għal tnaqqis ta’ 7 %.

180   Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti tiċħad kwalunkwe konnessjoni bejn, min-naħa waħda, l-akkordju ta’ l-20 ta’ April 1995 u, min-naħa ’l oħra, ix-xiri fittizji mwettqa minn ħames konċessjonarji f’Antwerp fir-rebbiegħa tas-sena 1996 u l-mandat ta’ Novembru 1996 bil-għan li jitwettqu xiri fittiżji mill-konċessjonarji Belġjani kollha (ara l-punt 166 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni ssostni li l-limitu temporanju stabbilit fl-aħħar tas-sena 1995 u impost permezz ta’ l-akkordju ta’ l-20 ta’ April 1995 jirreferi biss għas-sanzjoni speċifika miftehma, jiġifieri t-tnaqqis tal-kwoti, u mhux għall-iffissar ta’ limitu ta’ tnaqqis għal 3 %. Hija ma tallegax li x-xiri fittizji seħħew b’riżultat ta’ l-applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ April 1995, tosserva li dan ix-xiri juri li l-konċessjonarji kellhom jistennew din it-tip ta’ azzjoni. Il-Kummissjoni zzid li, fl-14 ta’ Marzu 1996, MBBel esprimiet l-iskontentezza tagħha quddiem il-fatt li l-bejjiegħ ta’ konċessjonarju ta’ Charleroi kien biegħ vettura tas-serje W 210 b’roħs ta’ 6 %.

181   Fir-rigward tar-restrizzjoni kunsiderevoli tal-kummerċ intrakomunitarju kkontestata mir-rikorrenti (ara l-punt 168 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tgħid li l-kreazzjoni u ż-żamma ta’ żona artifiċjali tal-prezzijiet għolja jistgħu jwasslu għall-kurrenti kummerċjali differenti mill-kurrenti normali. Hija tosserva li l-ġurisprudenza turi li l-prattiċi restrittivi tal-kompetizzjoni li jestendu ruħhom għat-territorju kollu ta’ Stat Membru għandhom, minħabba n-natura tagħhom stess, effett li jikkonsolidaw barrieri ta’ karattru nazzjonali (sentenza Bayerische Motorenwerke, punt 131 iktar ’il fuq, punt 20; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 95, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 179).

182   Il-Kummissjoni kkritikat lir-rikorrenti li ma ġabitx fi tmiem l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ fil-Belġju ħlief biċ-ċirkolari ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999 (premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tgħid li d-data li tidher fil-minuti tal-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995, jiġifieri ta’ l-aħħar tas-sena 1995, kienet titratta biss is-sanzjoni magħmula mit-tnaqqis tal-kwoti u mhux l-akkordju tal-limitazzjoni tat-tnaqqis għal 3 %. Hija tgħid li l-imġiba tal-konċessjonarji fil-qasam tat-tnaqqis ġie kkontollat ukoll fl-1996 (premessi 117 u 118 tad-deċiżjoni kkontestata). Minbarra dan, dan il-kontroll ma jillimitax ruħu għall-vetturi tas-serje W 210, iżda jinkludi ukoll kategoriji oħra ta’ vetturi, il-klassi C f’dan il-każ. It-twettiq tax-xiri fittizji għandhom bħala għan prinċipali l-kontroll tat-tnaqqis mogħti mill-konċessjonarji, kif ġie deċiż fl-20 ta’ April 1995, l-integrazzjoni ta’ serje oħra ta’ vetturi fl-azzjoni u l-kritiki li saru dwar it-tnaqqis eċċessiv (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata) juru li l-akkordju ta’ l-20 ta’ April 1995, fejn il-minuti juru li huwa diġà kellu storja, fl-ebda każ m’hija miżura unika, iżolata u tranżitorja. Fl-istess sens, il-Kummissjoni tirreferi għall-argument tar-rikorrenti li skond dan l-akkordju dwar il-prezzijiet kellu l-għan li jtejjeb il-qligħ tal-konċessjonarji. Skond il-Kummissjoni, dan l-għan ma setgħax jintlaħaq permezz ta’ miżura fejn it-teminu kien biss ta’ ftit xhur.

183   Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti tar-rikorrenti esposti fil-punti 169 sa 171 iktar ’il fuq, dwar ir-responsabbiltà f’dan il-każ, m’humiex fondati. Hija tgħid li r-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-imġiba ta’ MBBel tirriżulta mis-sempliċi fatt li din il-kumpannija hija kważi kollha tar-rikorrenti u li, minħabba d-dipendenza tagħha fil-konfront tal-kumpannija parent, hija ma setgħetx twettaq politika ta’ distribuzzjoni li hija aċċettabbli għaliha u hija kkostitwiet unità ekonomika mar-rikorrenti.

184   Il-Kummissjoni tispjega, primarjament, li, meta, bħal f’dan il-każ, il-kumpannija parent ikollha parteċipazzjoni ta’ 100 % f’sussidjarja, hija ma tridx turi li l-kumpannija parent effettivament tagħti lis-sussidjarja l-istruzzjonijiet li din tapplika. Hija tgħid li s-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs il-Kummissjoni, punt 171 iktar ‘il fuq, li għaliha r-rikorrenti tagħmel referenza, turi li, f’tali ipoteżi, huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-imġiba tas-sussidjarja tagħha, b’mod partikolari meta hi ppreżentat ruħha bħala l-unika kelliema tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-ksur ikkonċernat. F’dawn iċ-ċirkostanzi, hija responsabbiltà tar-rikorrenti li tbiddel din il-preżunzjoni permezz ta’ elementi suffiċjenti ta’ prova. Il-Kummissjoni tgħid li, f’dan il-każ partikolari, ir-rikorrenti hija wkoll preżenti bħala l-unika kelliema tal-Kummissjoni għall-ksur mwettaq fit-territorju Belġjan. Ir-rikorrenti lanqas ma kkontestat li kienet f’pożizzjoni li teżerċità influwenza determinanti fuq l-imġiba fis-suq ta’ din is-sussidjarja. Fl-aħħar nett, hija tgħid li r-rikorrenti ma fornietx l-inqas prova li MBBel setgħet iġġib ruħha b’mod awtonomu.

185   Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li r-rikorrenti kienet ġiet infurmata dwar l-isforzi ta’ MBBel sabiex iżżomm l-prezzijiet medji f’livell għoli (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

186   Preliminarjament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li r-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni allegat għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata, għal dak li jirrigwarda l-ksur konness ma’ l-iffissar tal-prezz tal-bejgħ fil-Belġju, li MBBel kienet ipparteċipat f’restrizzjoni orizzontali tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, hija indikat li "MBBel ġiet ippreżentata fl-istess waqt bħala kompetitriċi tal-konċessjonarji fil-kwalità tagħha ta’ meniġment ta’ żewġ fergħat, u bħala fornitriċi tagħhom". Minbarra dan, il-Kummissjoni tqis fid-deċiżjoni kkontestata, li ċarament kien dan l-aħħar aspett vertikali li kien il-"pol prinċipali ta’ l-akkordju" (premessa 141).

187   Għalkemm ir-rikorrenti ma ssostnix dan l-argument espressament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dan l-argument għandu jiġi interpretat bħala ilment bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

188   Jirriżulta minn qari ta’ l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17 flimkien ma’ l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 99/63/KEE tal-25 ta’ Lulju 1963 dwar is-seduti previsti mill-Artikolu 19(1) u (2), tar-Regolament Nru 17 (ĠU 1963, 127, p. 2268), li l-Kummissjoni għandha tikkomunika l-oġġezzjonijiet li hija għandha kontra l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet interessati u tista’ biss tqis fid-deċiżjonijiet tagħha l-oġġezzjonijiet li dwarhom dawn ta’ l-aħħar ikun kellhom l-okkażjoni li jagħtu l-perspettiva tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, oġġezzjonijiet u ċirkostanzi allegati mill-Kummissjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, Ġabra p. II‑2667, punt 33).

189   Hija ġurisprudenza kostanti li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet għandha tinkludi spjegazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet miktuba b’termini suffiċjentement ċari, anki jekk ikunu fil-forma ta’ sunt, sabiex tippermetti lill-persuni interessati li jieħdu effettivament konjizzjoni ta’ l-imġiba li l-Kummissjoni qed takkużahom biha. Fil-fatt, hija biss taħt din il-kundizzjoni li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tista’ tissodisfa l-funzjoni lilha attribwita mir-regolamenti komunitarji li tikkonsisti fl-għoti ta’ l-elementi kollha neċessarji lill-impriżi sabiex dawn ikunu jistgħu effettivament isostnu d-difiża tagħhom qabel mal-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 63; Enso Española vs il-Kummissjoni, T‑348/94, Ġabra p. II‑1875, punt 83, u Cascades vs il-Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punt 42). Barra minn dan, hija wkoll ġurisprudenza kostanti li din il-ħtieġa hija rrispettata meta d-deċiżjoni ma tpoġġix fuq l-interessati ir-responsabbiltà għal ksur differenti minn dak ikkontemplat fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u tikkunsidra biss il-fatti li fuqhom l-interessati kellhom l-okkazjoni li jispjegaw ruħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 94, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container et vs il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 113). Id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni m’għandhiex madankollu neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 67, u s-sentenza ACF Chemiefarma vs il-Kummissjoni, iktar ’il fuq, punt 91).

190   Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi evalwata l-oġġezzjoni ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

191   F’din il-kawża, hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-oġġezzjoni li l-MBBel ipparteċipat f’allegata limitazzjoni orizzontali tal-kompetizzjoni ġietx esposta fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet f’termini suffiċjentement ċari sabiex ikun possibbli għar-rikorrenti li effettivament tieħu konjizzjoni tagħhom.

192   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, meta d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħti indikazzjoni ċara tan-natura tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni attribwit lill-impriża in kwistjoni u l-fatti essenzjali invokati f’dan ir-rigward, din hija f’pożizzjoni li twieġeb għal din l-akkuża u tiddefendi d-drittijiet tagħha. Preżentazzjoni sussegwenti ta’ l-oġġezzjonijiet fid-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju ekonomiku bħala "vertikali" jew "orizzontali" ma tammontax għal modifika materjali ta’ l-oġġezzjonijiet hekk kif ippreżentati fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

193   Hemm lok li jiġi nnutat li l-Kummissjoni ma invokat b’mod espliċitu la l-aspett orizzontali u lanqas l-aspett vertikali tal-ksur kkonċernata fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u, b’konsegwenza ta’ dan, ma kkwalifikax l-allegat ksur bħala "orizzontali" jew "vertikali". Madankollu, ir-rikorrenti ma tkkontestax li fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni esponiet fil-qosor ir-raġunijiet li għalihom il-MBBel ġiet ikkritikata talli kkonkludiet akkordju li jwassal għall-iffissar tal-prezz tal-bejgħ tal-vetturi Mercedes fil-Belġju ma’ konċessjonarji Belġjani. Minn dan jirriżulta wkoll li l-fatti u l-kritiki essenzjali ta’ l-imġiba ta’ MBBel ikkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ġew esposti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Jeħtieġ li jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li l-aspett vertikali ta’ l-allegat ksur kien ċentrali, l-aspett orizzontali kien invokat biss b’mod aċċessorju.

194   F’dawn iċ-ċirkostanzi, hemm lok li jkun ikkunsidrat li ma kienx meħtieġ, għall-finijiet tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li l-Kummissjoni tikkwalifika espliċitament il-ksur in kwistjoni bħala vertikali u orizzontali fid-dikjrarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tiegħu.

195   Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li r-rikorrenti tikkuntenta ruħha li tqajjem din l-oġġezzjoni mingħajr ma tindika kif il-fatt li l-Kummissjoni ma qajmitx l-aspett "orizzontali" tal-ksur in kwistjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien kkawżalha ħsara. Min-naħa waħda, jirriżulta mill-atti li r-rikorrenti rrispondiet għall-kritika mqajma mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet dwar l-iffissar tal-prezzijiet ta’ bejgħ fil-Belġju. Iżda r-rikorrenti ma qalitx fir-rikors tagħha li r-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kienet tkun materjalment differenti kieku l-kelma "orizzontali" kienet tidher hemm. Min-naħa l-oħra, għandu jingħad li minn qari tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-impożizzjoni ta’ l-ammenda għall-ksur in kwistjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha espliċitament dwar l-aspett orizzontali tal-ksur meta imponiet l-ammenda (premessi 245 sa 248).

196   Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li akkordju bil-għan li jillimita l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet fil-Belġju ġie konkluż fl-20 ta’ April 1995 bejn MBBel u l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji Mercedes-Benz tal-Belġju, li jikkonsisti f’li jillimita t-tnaqqis għal 3 % u li jitwettqu verifiki minn aġenzija esterna tal-livell ta’ tnaqqis konsentit għall-klassi E, bi tnaqqis għola li għandu jwassal għal tnaqqis tal-kwoti tal-vetturi ta’ din il-klassi (premessi 113 u 177).

197   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li, skond il-minuti tal-laqgħa in kwistjoni, fit-taqsima intitolata "azzjoni kontra bejgħ bi prezz imnaqqas", ġie kkunsidrat is-segwenti: "Ir-relazzjonijiet bejn il-konċessjonarji tjiebu minħabba din l-azzjoni. [Konċessjonarju – is-Sur Goossens] jakkuża l-fergħat ta’ Brussell b’bejgħ bi prezz imnaqqas. Aġenzija esterna ser tintalab li tagħmel ‘ghost shopping’ sabiex tittestja l-livelli ta’ tnaqqis fuq il-W 210. Jekk jingħata tnaqqis ta’ aktar minn 3 %, il-kwantità tal-vetturi assenjati sa [l-]aħħar [tas-sena] 1995 ser titnaqqas."

198   Ir-rikorrenti tammetti li, waqt il-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995, li għaliha attendiet MBBel, l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji Mercedes-Benz tal-Belġju semmiet aġenzija li ngħatat l-inkarigu li twettaq żjarat permezz ta’ klijenti foloz. Madankollu, ir-rikorrenti tqis li l-assoċjazzjoni ma tista tieħu ebda deċiżjoni li torbot lill-membri tagħha u li kull ma tista’ tagħmel huwa li tifformula "rakkomandazzjonijiet". Hija tgħid ukoll li MBBel ma ħadet l-ebda miżura ta’ tpoġġija fis-seħħ ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u li hija lanqas ma approvathom. Hija ssostni li MBBel kienet preżenti biss bħala osservatriċi u importatriċi u ma għamlet ebda intervent orali waqt il-laqgħa. Minbarra dan, skond ir-rikorrenti, anki kieku kien hemm limitazzjoni fuq it-tnaqqis kummerċjali, dan ma kienx ikollu effetti partikolari fuq il-kummerċ inter-statali.

199   Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, safejn hemm ftehim, fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE, huwa suffiċjenti li l-impriżi in kwistjoni jkunu esprimew il-volontà komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod stabbilit (sentenza ACF Chemiefarma vs il-Kummissjoni, punt 189 iktar ’il fuq, punt 112; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 86, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs il-Kummissjoni, magħrufa bħala "PVC II", T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 715).

200   Il-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni meqjusa mill-ġurisprudenza, huma ’l bogħod milli jeżiġu t-tfassil ta’ "pjan" attwali, għandhom jiġu mifhuma fid-dawl tal-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni li kull operatur ekonomiku għandu jiddeċiedi l-mod awtonomu, il-politika li huwa għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq komuni. Jekk huwa eżatt li din il-ħtieġa ta’ awtonomija ma teskludix id-dritt ta’ l-operaturi ekonomiċi li jadattaw rwieħhom b’mod intelliġenti għall-imġiba kkonstatata jew sabiex jantiċipaw il-kompetituri tagħhom, madankollu hija tipprekludi b’mod qawwi kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li għandu l-għan jew l-effett li jinfluwenza jew l-imġiba fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew inkella li jiżvela lil kompetitur bħal dan l-imġiba li ġiet deċiża jew li jwettaq jew li jbassar li jwettaq fis-suq (Sentenza Suiker Unie et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 173 u 174, u s-sentenza PVC II, punt 199 iktar ’il fuq, punt 720).

201   Hemm lok li jingħad li, fil-każ ta’ kawża fuq l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija responsabbiltà tal-Kummissjoni li tippreżenta l-provi tal-ksur li hija tosserva u li tistabbilixxi l-elementi tal-prova xierqa li juru, suffiċjentement skond il-liġi, l-eżistenza tal-fatti kostituttivi ta’ ksur (Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58).

202   Madankollu, minħabba li ġie stabbilit li impriża pparteċipat f’laqgħa bejn l-impriżi ta’ natura kjarament antikompetittiva, hija responsabbiltà ta’ din l-impriża li tressaq indikazzjonijiet ta’ natura li juru li l-parteċipazzjoni tagħha għall-imsemmija laqgħat kienu nieqsa minn kwalunkwe spirtu antikompetittiv, billi turi li hija indikat lill-konkorrenti tagħha li hija kienet qegħda tipparteċipa f’perspettiva differenti minnhom (ara f’dan ir-rigward is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 155, u Montecatini vs il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punt 181). Fl-assenza ta’ tali prova ta’ distanzjar, il-fatt li din l-impriża ma segwietx ir-riżultati tal-laqgħat tagħha mhix ta’ natura li jeżentaha mir-responsabbiltà sħiġa tagħha għall-parteċipazzjoni tagħha għall-ftehim (Sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs il-Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 135, u tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T‑68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 1389).

203   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li huwa inkontestabbli li MBBel kienet preżenti għal-laqgħa ta’ l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji ta’ l-20 ta’ April 1995, laqgħa li matulha ġiet espressa l-eżistenza kontinwata tal-"bejgħ bi prezz imnaqqas" u l-intenzjoni li jitpoġġew fis-seħħ miżuri sabiex jinstabu u li jiġi skoraġġit it-tnaqqis ta’ aktar minn 3 %. Fil-fatt, hemm lok li jiġi notat li ħafna uffiċjali għolja tal-MBBel kienu preżenti waqt din il-laqgħa u li l-minuti tagħha ġew imfassla mis-Sur Rauw, responsabbli għall-iżvilupp tal-konċessjonarji tal-MBBel (ara, b’mod partikolari, il-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata). Jirriżulta wkoll li l-argumenti tar-rikorrenti jgħidu li MBBel lagħbet rwol minuri waqt il-laqgħa in kwistjoni (ara l-punt 161 iktar ’il fuq) m’humiex korroborati mill-elementi ta’ l-atti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti ta’ MBBel fil-laqgħa in kwistjoni turi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, MBBel lagħbet rwol ċentrali fid-diskussjonijiet.

204   Konsegwentement, MBBel ma wrietx li hija żammet id-distanza mid-diskussjonijiet dwar it-tnaqqis tal-prezz, u għalhekk il-Kummissjoni kellha raġun li tikkunsidra li MBBel, minħabba l-preżenza tagħha mingħajr riżerva fil-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 li fiha l-għan ġie kjarament mistqarr li kien dak "kontra bejgħ bi prezz imnaqqas", kienet ipparteċipat volontarjament għat-tpoġġija fis-seħħ ta’ miżuri sabiex jiġu miksuba u skoraġġati t-tnaqqis in kwistjoni.

205   Minbarra dan, il-fatt li l-fergħat ta’ MBBel ma kinux membri attivi ta’ l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji f’dak iż-żmien, kif tallega r-rikorrenti, mhux rilevanti minħabba li l-parteċipazzjoni ta’ MBBel għall-ftehim anti-kompetittiv ġie muri.

206   Hemm lok li jingħad ukoll, b’mod konformi ma dak li qalet il-Kummissjoni, li l-MBBel biss kienet f’pożizzjoni li daħħal fis-seħħ it-theddida magħmula fil-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 li titnaqqas il-kwota tal-vetturi assenjati. Is-silenzju tagħha f’din l-okkażjoni ma jistax tiġi interpretat b’mod ieħor ħlief bħala approvazzjoni ta’ u adeżjoni għall-azzjoni "kontra bejgħ bi prezz imnaqqas" diġà deċiż mill-konċessjonarji Belġjani, u partikolarment, li t-theddida ta’ tnaqqis ta’ kwota ta’ vetturi assenjati sa l-aħħar tas-sena 1995 f’każ ta’ tnaqqis ta’ aktar minn 3 % magħmula fil-laqgħa in kwistjoni kienet teħtieġ il-parteċipazzjoni attiva ta’ MBBel bħala fornitriċi tal-konċessjonarji u saħħet il-ftehim in kwistjoni.

207   Jirriżulta wkoll li l-preżenza ta’ l-imsemmija impriża fil-laqgħa, mingħajr ma hi pubbikament iddiżassoċjat ruħha mill-kontenut tagħha, tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet taqbel mar-riżultat tagħha u li mill-imġiba tagħha hija kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mixtieqa mill-parteċipanti preżenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis ukoll li l-fatt li l-azzjoni "kontra bejgħ bi prezz imnaqqas" kienet iddaħħlet fis-seħħ qabel il-laqgħa ma kenietx xkiel għal dak li l-Kummissjoni kkusidrat li MBBel kienet ipparteċipat għal deċiżjoni meħuda fl-20 ta’ April 1995 dwar il-prezzijiet futuri u kienet disposta ssostni attivament l-iffissar tal-prezzijiet, il-kontroll tal-prezzijiet applikati mill-konċessjonarji kif ukoll, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet f’każ li ma jiġux osservati l-istruzzjonijiet sa mid-data msemmija.

208   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-argument tar-rikorrenti li skond dan il-fatt li MBBel ivverifikat okkażjonalment li l-konċessjonarji kienu jwettqu l-missjoni tagħha ta’ intermedjarji integralment (ara l-punt 165 iktar ’il fuq) kienet perfettament leġittima, sa fejn il-konċessjonarji intrabtu fil-kuntratt tagħhom ta’ konċessjoni kummerċjali għall-pożizzjoni f’suq ta’ kwalità għolja, mhix konvinċenti u trid tiġi miċħuda. Fil-fatt, ir-rikorrenti tammetti, fir-rikors tagħha, li l-prattiċi tarrifarji tal-konċessjonarji kienu waħda mill-aspetti – fost ħafna oħrajn – ta’ din l-evalwazzjoni (ara l-punt 165 iktar ’il fuq). Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-prezzijiet fatturati mill-konċessjonarji m’għandhom l-ebda konnessjoni mal-kwalità tas-servizzi tagħhom. Minbarra dan, MBBel ma tippruvax tiġġustifika dawn il-kontrolli ta’ prattiċi tariffarji fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11 tal-kuntratt ta’ konċessjoni Belġjan li jipprovdi li MBBel tista’ tistabbilixxi prezz massimu, iżda mhux prezz minimu.

209   Hemm lok li jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li din l-informazzjoni miġbura kienet anonima (ara l-punt 168 iktar ’il fuq) u li ma kienx possibbli li tieħu miżuri sabiex tilqa’ għall-konċessjonarji speċifiċi. Jirriżulta b’mod ċar mill-minuti tal-laqgħa tal-konċessjonarji Mercedes tar-reġjun ta’ Antwerp tas-27 ta’ Marzu 1996 dwar tnaqqis miftiehem minn konċessjonarju speċifiku, jiġifieri Van Steen NV, kienu identifikati minn xerrejja fitizzji u indikati waqt il-laqgħa in kwistjoni.

210   Rigward l-argument tar-rikorrenti li din l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji ma tistax tieħu ebda deċiżjoni li torbot lill-membri tagħha, iżda biss li tifformula rakkomandazzjonijiet, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, att jista’ jiġi kkwalifikat bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE mingħajr ma jkollu neċessarjament natura obbligatorja għall-membri msemmija, għall-inqas fil-miżura fejn il-membri kkontemplati minn din id-deċiżjoni kkonformaw ruħhom magħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ et vs il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 20, u Van Landewyck et vs il-Kummissjoni, punt 199 iktar ’il fuq, punti 88 u 89; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Eurofer vs il-Kummissjoni, T‑136/94, Ġabra p. II‑263, punt 15). Din l-ipoteżi hija ppruvata b’mod suffiċjenti f’dan il-każ mill-fatt li l-membri ta’ l-assoċjazzjoni tal-konċessjonarji fil-Belġju u MBBel iddeċidew fil-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995, li ssir verifika, permezz ta’ xiri fittizzju mwettaq minn aġenzija esterna, il-livell ta’ tnaqqis permess għall-mudell tal-vettura W 210 u li xerrejja fittizji kienu effettivament żaru l-konċessjonarji. Dawn il-fatti juru li l-aġir deċiż fil-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 tpoġġa fis-seħħ.

211   Rigward l-argument tar-rikorrenti espost fil-punt 162 iktar ’il fuq u li skond dan mhux evidenti li l-fergħat ta’ MBBel kellhom interess li jillimitaw il-livell ta’ tnaqqis kummerċjali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, sakemm il-parteċipazzjoni ta’ MBBel fil-ftehim tiġi ppruvata, mhux neċessarju li jiġi eżaminat jekk din u l-fergħat tagħha kellhomx interess sabiex jipparteċipaw fiha. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, b’mod konformi ma dak li ssostni l-Kummissjoni, MBBel u, konsegwentement, il-fergħat tagħha kellhom interess sabiex iġibu fi tmiem il-bejgħ bi prezz imnaqqas partikolarment peress li hi tikkonsenja mhux biss lill-konċessjonarji, iżda wkoll lill-klijenti finali permezz ta’ ċerti fergħat. Hemm lok li jingħad li l-ittra tas-17 ta’ Ottubru 1995 mibgħuta minn MBBel lill-Mercedes-Benz AG, li fiha MBBel iddikjarat li tagħmel "dak kollu possibbli sabiex twettaq xogħol[ha] korrettement (jiġifieri li [hija] tirrinunza milli tesporta), [u li tipprova] li tmantni il-medja tal-prezzijiet [tagħha] f’livell għoli", juri ukoll, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, l-interess li l-konċessjonarji fil-Belġju jagħtu biss tnaqqis moderati. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-argument tar-rikorrenti li MBBel invokat, fl-ittra tas-17 ta’ Ottubru 1995, tariffi medji ppublikati u mhux il-prezzijiet tal-bejgħ effettivament fatturati mill-konċessjonarji mhuwiex konvinċenti u għalhekk għandu jiġi miċħud.

212   Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ fil-Belġju ma effetwax b’mod notevoli l-kummerċ intra Komunitarju, peress li jikkonċerna biss il-bejgħ f’dan il-pajjiż, il-bejgħ bejn l-istati mhux effettwat, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita sew, meta ftehim japplika għat-territorju kollu ta’ Stat Membru, minħabba n-natura tiegħu stess, huwa għandu l-effett li jikkonsolida l-barrieri nazzjonali, ixxekkel ukoll l-interpenetrazzjoni ekonomika meħtieġa mit-trattat (sentenza Wouters et, punt 181 iktar ’il fuq, punt 95; is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs il-Kummissjoni, 8/72, Ġabra p. 977, punt 29; Remia et vs il-Kummissjoni, punt 81 iktar ’il fuq, punt 22, u tat-18 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni vs l-Italja, C‑35/96, Ġabra p. I‑3851, punt 48). Ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995, u għalhekk il-ksur in kwistjoni tikkonċerna l-Belġju kollu, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata.

213   Ir-rikorrenti tqis ukoll li l-Kummissjoni ma stabbilietx li l-allegat ksur dam mill-20 ta’ April 1995 saċ-ċirkolari ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999 li fiha r-rikorrenti indikat b’mod partikolari li l-konċessjonarji kellhom ikunu ħielsa li jiffissaw il-prezz u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ fir-rigward tal-klijenti tagħhom. Hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tiffissa t-tmiem tas-sena 1995 bħala l-limitu taż-żmien, peress li l-azzjoni "kontra bejgħ bi prezz imnaqqas" imsemmija fil-minuti tal-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 kienet provviżorja u kienet tikkonċerna biss l-introduzzjoni tal-mudell ġdid W 210.

214   Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, hija responsabbiltà tal-Kummissjoni li tressaq il-provi mhux biss dwar l-eżistenza tal-ftehim, iżda wkoll it-terminu tiegħu (ara s-sentenzi Dunlop Slazenger vs il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 79, u tat-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, punt 202 iktar ’il fuq, punt 2802).

215   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li jeżistu indizzji korroboranti f’dan il-każ li jissuġerixxu li l-ksur baqa’ jseħħ sa wara t-tmiem tas-sena 1995. Hemm lok li jingħad li, kif ġustament tgħid il-Kummissjoni, jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 li l-limitu taż-żmien stabbilit għall-aħħar tas-sena 1995 jirreferi biss għas-sanzjoni konvenuta u mhux għall-iffissar tal-limitu ta’ tnaqqis ta’ 3 %. Minbarra dan, jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tas-27 ta’ Marzu 1996 li twettaq xiri fittizji tal-mudell E 290 TD partikolarment għand ħames konċessjonarji fil-Belġju fl-1996. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti (ara l-punt 166 iktar ’il fuq), teżisti konnessjoni bejn il-konċessjonarji ta’ l-20 ta’ April 1995 u dik tas-27 ta’ Marzu 1996. Minbarra dan, f’ittra ta’ l-14 ta’ Marzu 1996, MBBel uriet kjarament l-iskontentezza tagħha għall-fatt li l-vettura tas-serje W 210 kienet ġiet mibjugha bi tnaqqis ta’ 6 %. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-użu tal-punt ta’ esklamazzjoni wara din il-perċentwali – "6 % !" – ma tħalli l-ebda dubju dwar il-fatt li t-tnaqqis in kwistjoni kien ikkunsidrat bħala kundannabbli. Jirriżulta wkoll li, in vista ta’ l-oġġezzjonijiet imressqa minn MBBel kontra tnaqqis ta’ aktar minn 3 % mogħti minn konċessjonarji fil-Belġju u tal-prattika kontinwa ta’ xiri fitizzju, il-konċessjonarji kellhom jistennew riperkussjonijiet f’każ ta’ sejba ta’ tnaqqis li seħħ sew wara t-tmiem tas-sena 1995. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkunsidra li l-akkordju ta’ l-20 ta’ April 1995 li jiffissa l-prezz tal-vetturi fil-Belġju ma kienx miżura tranżitorja, iżda baqgħa fis-seħħ sat-tħassir tiegħu permezz taċ-ċirkulari ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999.

216   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, bl-argument tagħha li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx jekk il-ksur relattiv għall-iffissar tal-prezzijiet fil-Belġju kienu dejjem qed iseħħ bl-istess intensità (ara l-punt 168 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni għamlet żball ċar ta’ evalwazzjoni fir-rigward tas-serjetà tal-ksur waqt ċerti perjodi. Iżda, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni evalwat korrettament it-terminu (ara l-punt 215 iktar ’il fuq) u s-serjetà tal-ksur in kwistjoni. Is-serjetà tal-ksur mhux madankollu kkontestat mir-rikorrenti. Fil-fatt, peress li l-ksur dam għaddej waqt il-perjodu stabbilit mid-deċiżjoni kkontestata, mhix responsabbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi li dan twettaq bl-istess intensità fl-assenza ta’ prova li huwa waqaf.

217   Ir-rikorrenti oġġezzjonat lill-Kummissjoni li l-imġiba ta’ MBBel, li kienet sussidjarja tagħha fil-Belġju, ġiet attribwita lilha għar-raġuni biss li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija sussidjarja kienet viċin il-100 %.

218   F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li ċ-ċirkustanza li s-sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta mhix suffiċjenti sabiex telimina l-possibbiltà li l-imġiba tagħha tkun attribwita lill-kumpannija parent, partikolarment meta s-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-imġiba tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li huma mogħtija lilha mill-kumpannija parent (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, ICI vs il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punti 132 u 133; ta’ l-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 44, u tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 15). Iżda, id-detenzjoni ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja ma tistax tkun biżżejjed sabiex turi l-eżistenza ta’ kontroll tali mill-kumpannija parent. L-attribuzzjoni lill-kumpannija parent ta’ l-imġiba tas-sussidjarja tagħha tiddependi dejjem mill-kostatazzjoni ta’ l-eżerċizzju effettiv tas-setgħa ta’ tmexxija (ara f’dan ir-rigward is-sentenzi ICI vs il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punti 132 sa 141; tat-12 ta’ Lulju 1979, BMW Belgium et vs il-Kummissjoni, 32/78 u 36/78 sa 82/78, Ġabra p. 2435, punt 24, u Stora Kopparbergs Bergslags vs il-Kummissjoni, punt 171 iktar ’il fuq, punt 23).

219   Issa, kif deċiż mill-Qorti fis-sentenza tagħha Stora Kopparbergs Bergslags vs il-Kummissjoni, punt 171 iktar ’il fuq (punt 28), jekk il-pussess ta’ 100 % tal-kapital waħdu ma jippermettiex li wieħed jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-kumpannija parent, il-Kummissjoni tista’ tibbaża wkoll id-deċiżjoni tagħha fuq l-attribuzzjoni lill-kumpannija parent ta’ l-imġiba tas-sussidjarja tagħha fuq il-fatt li l-kumpannija parent ma tikkontestax li setgħet kienet f’pożizzjoni li tinfluwenza b’mod determinanti l-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u ma tressaqx elementi ta’ prova sabiex isaħħaħ dak li qalet dwar l-awtonomija ta’ din ta’ l-aħħar. Fil-fatt, fil-preżenza tal-pussess tat-totalità tal-kapital tas-sussidjarja, il-Kummissjoni tista’ tissopponi b’mod leġittimu li l-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-imġiba tas-sussidjarja tagħha, b’mod partikolari jekk il-kumpannija parent tkun ippreżentat ruħha waqt il-proċedura amministrattiva bħala l-unika interlokutriċi għall-kumpanniji tal-grupp.

220   F’dawn il-kundizzjonijiet, hija responsabbiltà tal-kumpannija parent li taqleb din il-preżunzjoni permezz ta’ elementi ta’ prova suffiċjenti.

221   Fil-każ preżenti, jirriżulta mill-atti li r-rikorrenti ma tikkontestax li Mercedes-Benz kienet tippossjedi t-totalità tal-kapital ta’ MBBel fil-perjodu tal-ksur in kwistjoni u tammetti li kienet ippreżentat ruħha fil-proċedura amministrattiva bħala l-unika interlokutriċi tal-Kummissjoni għall-ksur belġjan. Minbarra dan, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tafferma li hija ma kelliex konjizzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ MBBel u tiċħad li sostniethom attivament mingħajr ma tressaq l-inqas prova li hi ma kinitx f’pożizzjoni li tinfluwenza b’mod determinanti l-politika kummerċjali ta’ MBBel u lanqas tat provi fir-rigward ta’ l-awtonomija ta’ din ta’ l-aħħar. Jirriżulta wkoll li r-rikorrenti ma qablietx il-preżunzjoni li hija eżerċitat influwenza effettivament determinanti fuq l-imġiba tas-sussidjarja tagħha, MBBel, permezz ta’ elementi ta’ prova suffiċjenti.

222   Konsegwentement, hemm lok li din il-parti tiġi miċħuda u, b’konsegwenza ta’ dan jiġi miċħud it-tielet motiv.

 Dwar ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-iffissar skorret ta’ l-ammont ta’ l-ammenda imposta mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata

 L-Argumenti tal-partijiet

223   Ir-rikorrenti tqis li l-ammenda imposta mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn kull bażi minħabba n-nuqqas ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Hija żżid li anki kieku kellha jiġi stabbilit tali ksur, l-ammenda hija eċċessiva.

224   Għal dak li jirrigwarda l-imġiba relattiva għas-suq Ġermaniż, ir-rikorrenti tgħid fis-sustanza li l-ammenda trid tiġi ddikjarata illegali peress li l-miżuri ta’ Mercedes-Benz li ġew ikkritikati ttieħdu fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li, peress li huma ma jikkontjenux ħlief restrizzjonijiet applikabbli għall-aġenti kummerċjali, jevitaw il-firxa ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

225   Ir-rikorrenti ssostni li l-projbizzjoni ta’ bejgħ tolqot lill-kumpanniji ta’ leasing fi Spanja fil-mod kif din setgħet tikser l-Artikolu 81(1) KE, hija f’kull ipoteżi eżenti mir-Regolament Nru 1475/95, huwa dak li jostakola l-impożizzjoni ta’ ammenda. Hija tqis li, anki jekk Imħallef Komunitarju ma kellux isegwi l-argumentazzjoni tiegħu, għandu jittieħed in konsiderazzjoni l-fatt li hi qegħda fil-proċess li tevalwa raġunijiet legali konsiderevoli sabiex issostni t-teżi tagħha li skond din, il-prattiċi tagħha jissodissfaw il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni.

226   Għal dak li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ fil-Belġju, ir-rikorrenti tgħid li, sakemm il-Kummissjoni tallega (premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata) li hi kkonċernat esklussivament il-mudell W 210, hija madankollu tqis li l-prattika ta’ tnaqqis tal-prezzijiet ġiet ikkontrollata għall-mudelli oħra. Din l-aħħar rimarka ċarament tirreferi għal "żjarat misterjużi" li twettqu mill-kumpannija Tokata fir-rigward tal-mudelli tal-klassi C. Ir-rikorrenti tikkunsidra li dawn iż-żjarat m’għandhom l-ebda konnessjoni ma’ l-allegat iffissar tal-prezzijiet (ara l-punt 167 iktar ’il fuq). Hija ma tammettix li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza aggravanti li numru ta’ mudelli kienu kkonċernati. Minbarra dan, l-asserzjoni kontenuta fil-premessi 223 u 225 tad-deċiżjoni kkontestata, li skond din l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ kien fis-seħħ fl-20 ta’ April 1995 sa l-10 ta’ Ġunju 1999, ma topponix l-analiżi li skond din il-minuti tal-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 ma japplikawx ħlief sa l-aħħar tas-sena 1995 (ara l-punt 174 iktar ’il fuq). Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta li MBBel kella rwol maġġuri fl-allegata limitazzjoni tat-tnaqqis tal-prezz. Għall-kuntrarju, skond ir-rikorrenti, din il-miżura kienet diġà inbdiet mill-kunċessjonarji qabel il-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995. Hija tikkunsidra li MBBel, anki jekk wara ħadet sehem f’din il-miżura, għadaqstant ma assumitx it-tmexxija. Jekk MBBel ipparteċipat fil-miżura, skond ir-rikorrenti dan ma kienx sabiex tiddefendi l-interessi proprji tagħha iżda sabiex ittejjeb ir-redditu tal-konċessjonarji.

227   Għal dak li jirrigwarda l-ksur li sar minħabba l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ fil-Belġju, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrenti għandhom ikunu miċħuda. Fl-ewwel lok, hija tfakkar li skond it-termini tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma tikkunsidrax il-ksur in kwistjoni ħlief "globalment serja" u tiffissa l-ammont bażiku ta’ l-ammenda għall-7 miljun EUR, li jikkorrispondi għal ċirka terz ta’ l-ammenda massima ta’ 20 miljun EUR li l-linji ta’ gwida għall-kalkolu ta’ l-ammendi imposti in applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3) jipprovdu fil-każ ta’ ksur gravi. Hija żżid li lir-rikorrenti hija kkontestat li kkontrollat it-tnaqqis permess mill-konċessjonarji mhux biss fuq il-mudell W 210, iżda wkoll fuq mudelli oħra ta’ karozzi. Minbarra dan, kieku l-ksur in kwistjoni kien limitat għall-mudell W 210, il-Kummissjoni kienet tkun tista’ tikkunsidra dan fil-kuntest ta’ l-effett diswassiv ta’ l-ammenda.

228   Il-Kummissjoni tikkunsidra li diġà rrifjutat l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-terminu tal-ksur (ara l-punt 182 iktar ’il fuq).

229   Minbarra dan, hija ssostni li din mhix ibbażata fuq mudell possibbli ta’ MBBel fil-limitazzjoni tat-tnaqqis sabiex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ l-ammenda, iżda li hi ħadet in kunsiderazzjoni biss il-parteċipazzjoni attiva ta’ MBBel għall-miżuri ta’ iffissar ta’ prezzijiet tal-bejgħ fil-Belġju. Fin-nuqqas ta’ tali parteċipazzjoni attiva, is-sanzjoni prevista f’każ li jinqabez il-limitu massimu ta’ tnaqqis ma setgħax jidaħħal fis-seħħ. Il-Kummissjoni tisħaq li jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa ta’ l-20 ta’ April 1995 li l-azzjoni "kontra bejgħ bi prezz baxx" kienet teżisti minn qabel. Madankollu, hija ssostni li l-limitazzjoni tat-tnaqqis għall-massimu ta’ 3 % ġiet deċiża waqt din il-laqgħa, bil-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrenti, u għalhekk ma tistax tippretendi li MBBel saret taf b’din il-miżura a posteriori. Għal dak li jirrigwarda l-interess propju ta’ MBBel, il-Kummissjoni tgħid li l-limitazzjoni tar-roħs iservi sabiex jippreserva l-politika tal-prezz għoli ta’ l-importatur. Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-każ ma kienx ikun differenti kieku MBBel kienet effettivament riedet tippreserva d-dħul tal-konċessjonarji (Sentenza AEG vs il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punti 40 sa 42 u 71 sa 73). 

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

230   Qabel kollox jeħtieġ li jiġi mfakkar li jirriżulta mill-eżami ta’ l-argumenti preċedenti li l-ammenda prevista fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata trid tiġi annullata peress li hija ġiet imposta fuq ir-rikorrenti minħabba struzzjonijiet mogħtija lill-aġenti Ġermaniżi sabiex bil-miżuri kollha possibbli ma jbiegħux vetturi ġodda konsennati ħlief lill-klijenti tat-territorju kontrattwali tagħhom u sabiex jevitaw il-kompetizzjoni interna u sabiex jeżiġu, għall-ordnijiet ta’ vetturi ġodda magħmula minn klijenti okkażjonali, il-ħlas bil-quddiem ta’ 15 % tal-prezz tal-vettura. Jirriżulta wkoll li l-ammenda ta’ ammont inizzjali ta’ 71,825 miljun EUR trid titnaqqas fl-ewwel lok għall-ammont ta’ 47,025 miljun EUR (premessa 242).

231   Jirriżulta wkoll mill-eżami ta’ l-argumenti preċedenti li l-ammenda prevista mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata trid tiġi annullata peress li din ġiet imposta fuq ir-rikorrenti minħabba l-limitazzjoni tal-kunsinna tal-karozzi lill-kumpanniji tal-leasing għall-kostituzzjoni ta’ stokk fil-Ġermanja u fi Spanja. Jirriżulta wkoll li l-ammenda ta’ ammont inizjali ta’ 71,825 miljun EUR trid titnaqqas fit-tieni lok b’ammont ta’ 15-il miljun EUR (premessa 244).

232   Għal dak li jirrigwarda l-ksur ikkostitwit mill-iffissar tal-prezzijiet fil-Belġju, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-rikorrenti tinvoka b’mod żbaljat l-argument li skond dan il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza aggravanti li diversi mudelli kienu involuti. Jirriżulta kjarament mill-premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni, waqt l-impożizzjoni ta’ l-ammenda, ma ħaditx in konsiderazzjoni kwalunkwe ċirkustanza aggravanti. F’kull każ, jekk hu minnu li l-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata, li s-26 ta’ Novembru 1996, MBBel qabbdet lill-kumpannija Tokata sabiex twettaq xiri fitizzji għand 47 konċessjonarju belġjan u sabiex tivverifika t-tnaqqis mogħtija għall-mudelli tal-klassi C, din iċ-ċirkustanza turi, kif issostni l-Kummissjoni, li x-xiri fitizzju jikkostitwixxu prattika normali għall-MBBel u li din ma kenitx limitata għal mudell speċifiku wieħed.

233   Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti dwar it-tul tal-ksur in konnessjoni ma’ l-iffissar tal-prezzijiet fil-Belġju, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni stabbiliet dan korrettament (ara l-punt 215 iktar ’il fuq). Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkostatat li MBBel kellha rwol ċentrali fl-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-vetturi fil-Belġju (ara l-punt 209 iktar ’il fuq). Jirriżulta wkoll li m’hemmx lok sabiex titnaqqas l-ammenda imposta għall-ksur in kwistjoni.

234   In vista ta’ dak kollu li ssemma, jeħtieġ li tiġi annullata l-parti ta’ l-ammenda għal dak li tirreferi għal ksur fil-Ġermanja u fi Spanja. L-argumenti l-oħra imressqa mir-rikorrenti sabiex issostni t-talba tagħha ta’ annullament ta’ l-ammenda jew tat-tnaqqis ta’ l-ammont tagħha jridu jiġu miċħuda. Fit-twettiq tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonferma l-ammont ta’ l-ammenda għall-ksur relattiv għall-iffissar tal-prezzijiet fil-Belġju għal 9,8 miljun Euro.

 Fuq l-ispejjeż

235   Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regolament tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tagħha kif ukoll 60 % ta’ dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      L-Ewwel Artikolu tad-deċiżjoni 2002/758/KE tal-Kummissjoni, ta’ l-10 ta’ Ottubru 2001, dwar proċedura ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Kawża COMP/36.264 – Mercedes-Benz), hija annullata ħlief fil-miżura fejn hija tikkonstata li l-kumpannija Daimler Chrysler AG, kif ukoll il-kumpanniji Daimler-Benz AG u Mercedes-Benz AG bħala aventi kawża tagħha, ikkommettew huma stess jew permezz tas-sussidjarja tagħhom Mercedes-Benz Belgium SA, ksur għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) KE minħabba l-fatt tal-parteċipazzjoni tagħhom għall-akkordji bil-għan li jillimitaw it-tnaqqis mogħtija fil-Belġju li ġew deċiżi fl-20 ta’ April 1995 u mwaqqfa fl-10 ta’ Lulju 1999.

2)      L-Artikolu 2 huwa annullat bl-eċċezzjoni ta’ l-ewwel frażi tiegħu.

3)      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2002/758 huwa annullat peress li huwa jiffissa l-ammont ta’ l-ammenda impost fuq ir-rikorrenti għal 71,825 miljun EUR.

4)      L-ammont ta’ l-ammenda impost minn l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni 2002/758 għall-ksur dwar l-iffissar tal-prezzijiet fil-Belġju huwa ffissat għal 9,8 miljun EUR.

5)      Ir-rikors huwa miċħud għall-qbija.

6)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbagħti l-ispejjeż tagħha kif ukoll 60 % ta’ dawk tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti jbagħti 40 % ta’ l-ispejjeż tagħha.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta’ Settembru 2005.

Reġistratur

 

      il-President

H. Jung

 

      P. Lindh


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.