Language of document : ECLI:EU:C:2017:300

Kawża C-527/15

Stichting Brein

vs

Jack Frederik Wullems

(talba għal deċiżjoni preliminari,imressqa mir-Rechtbank Midden-Nederland)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Direttiva 2001/29/KE – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 3(1) – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Bejgħ ta’ mediaplayer – Moduli addizzjonali (add-ons) – Pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur – Aċċess għal siti tal-internet ta’ streaming – Artikolu 5(1) u (5) – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Użu legali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ April 2017

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Bejgħ ta’ mediaplayer, li fuqu add-ons ġew installati minn qabel, disponibbli fuq l-internet, li jinkludu links hypertext li jwasslu għal xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur mingħajr awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-dritt – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 3(1))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Atti provviżorji ta’ riproduzzjoni – Kunċett – Atti ta’ riproduzzjoni temporanja, fuq mediaplayer li fuqu add-ons ġew installati minn qabel, disponibbli fuq l-internet, li jinkludu links hypertext, ta’ xogħol protett mid-dritt tal-awtur miksub permezz ta’ xandir permezz ta’ streaming fuq sit tal-internet li jappartjeni li terza persuna li jipproponi dan ix-xogħol mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt tal-awtur – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(1) u (5))

1.      Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-bejgħ ta’ mediaplayer, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuqu ġew installati minn qabel add‑ons, disponibbli fuq l-internet, li jinkludu hypertext links li jwasslu għal siti tal-internet liberament aċċessibbli għall-pubbliku li fuqhom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dan id-dritt.

(ara l-punt 53 u d-dispożittiv 1)

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti ta’ riproduzzjoni temporanja, fuq mediaplayer bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur miksub permezz ta’ xandir bi streaming fuq sit tal-internet li jappartjeni lil terza persuna li jipproponi dan ix-xogħol mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet iddikjarati fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

(ara l-punt 72 u d-dispożittiv 2)