Language of document : ECLI:EU:T:2013:108

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

7 ta’ Marzu 2013 (*)

“REACH – Identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen, b’ammont baxx ta’ antraċen, bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Att regolamentari li ma jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni – Inċidenza diretta – Ammissibbiltà – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑95/10,

Cindu Chemicals BV, stabbilita f’Uithoorn (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Deza, a.s., stabbilita f’Valašske Meziříčí (ir-Repubblika Ċeka),

Koppers Denmark A/S, stabbilita f’Nyborg (id-Danimarka),

Koppers UK Ltd, stabbilita f’Scunthorpe (ir-Renju Unit),

inizjalment irrappreżentati minn K. Van Maldegem, R. Cana, avukati, u P. Sellar, solicitor, sussegwentement minn K. Van Maldegem u R. Cana,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä u W. Broere, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, avukat,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P. Oliver u G. Wilms, sussegwentement minn P. Oliver u E. Manhaeve, bħala aġenti, assistiti minn K. Sawyer, barrister, sussegwentement minn P. Oliver u E. Manhaeve,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-ECHA, ippubblikata fit-13 ta’ Jannar 2010, li tidentifika ż-żejt tal-antraċen, b’ammont baxx ta’ antraċen (KE Nru 292-604‑8) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), b’mod konformi mal-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, F. Dehousse, I. Wiszniewska-Białecka, M. Prek u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Cindu Chemicals BV, Deza a.s., Koppers Denmark A/S u Koppers UK Ltd, jipproduċu u huma fornituri taż-żejt tal-antraċen, b’ammont baxx ta’ antraċen [iktar ’il quddiem iż-“żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx)”] (KE Nru 292‑604‑8) fl-Unjoni Ewropea.

2        Is-sustanza kkonċernata f’din il-kawża, jiġifieri ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx), hija, skont id-deskrizzjoni fit-Tabelli 3.1 u 3.2 li jinsabu fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, p. 1), iż-żejt li jifdal wara t-tneħħija permezz tal-proċess ta’ kristallizzazzjoni, ta’ solidu b’ħafna antraċen (pasta tal-antraċen) taż-żejt tal-antraċen, prinċipalment magħmul minn tnejn, tlieta jew erba’ komponenti aromatiċi. Din is-sustanza tagħmel parti mis-sustanzi ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi ta’ reazzjoni jew materjali bijoloġiċi (iktar ’il quddiem is-“sustanzi UVCB”), minħabba li ma tistax tiġi kompletament identifikata mill-kompożizzjoni kimika tagħha. Iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) huwa prinċipalment użat bħala intermedjarju għall-produzzjoni tal-iswed tal-karbonju, li huwa pigment u aġent għat-tisħiħ fil-prodotti tal-kawċu, b’mod partikolari t-tajers. Huwa wkoll użat bħala intermedjarju għall-produzzjoni ta’ antraċen pur.

3        Iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) kien inkluż fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1967, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 27), permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 94/69/KE, tad-19 ta’ Diċembru 1994, li tadatta għall-progress tekniku għall-wieħed u għoxrin darba d-Direttiva 67/548 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 14, p. 3). Permezz ta’ din l-inklużjoni, iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) ġie kklassifikat fost is-sustanzi karċinoġeniċi tal-kategorija 2. Din il-klassifikazzjoni kienet adottata mir-Regolament Nru 1272/2008.

4        Permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, tal-21 ta’ Awwissu 2008, li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-30 darba d-Direttiva 67/548 (ĠU L 246, p. 1), iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) ġie wkoll ikklassifikat fost is-sustanzi mutaġeniċi tal-Kategorija 2. Din il-klassifikazzjoni ġiet inkluża fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008 permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009, tal-10 ta’ Awwissu 2009, li jemenda, għall-finijiet tal-addattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (ĠU L 235, p. 1).

5        Fit-28 ta’ Awwissu 2009, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ttrażmettiet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fajl li hija ħejjiet dwar l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza li tissodisfa, minħabba fil-proprjetajiet persistenti tagħha bijoakkumulattivi u tossiċi (iktar ’il quddiem il-“proprjetajiet PBT”) kif ukoll persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (iktar ’il quddiem il-“proprjetajiet vPvB”), il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(d) u (e) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), sussegwentement emendat b’mod partikolari permezz tar-Regolament Nru 1272/2008.

6        Fil-31 ta’ Awwissu 2009, l-ECHA ppubblikat fis-sit internet tagħha avviż fejn stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-proċess stabbilit għaż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) u stiednet ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

7        Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, il-grupp settorjali ta’ sustanzi kimiċi mill-faħam, li r-rikorrenti kienu membri tiegħu, u l-ECHA b’mod partikolari ppreżentaw osservazzjonijiet. F’dan ir-rigward, l-ECHA indikat li ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) kien ikklassifikat fost is-sustanzi karċinoġeniċi u għalhekk jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a) tar-Regolament Nru 1907/2006.

8        Wara li rċeviet ir-risposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-ECHA rreferiet dan il-fajl lill-Kumitat tal-Istati Membri tagħha msemmi fl-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 1907/2006 fis-16 ta’ Novembru 2009. Fl-4 ta’ Diċembru 2009 dan il-Kumitat laħaq qbil unanimu dwar l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a), (b), (d) u (e) tar-Regolament Nru 1907/2006.

9        Fis-7 ta’ Diċembru 2009, l-ECHA ppubblikat stqarrija għall-istampa li, minn naħa, tħabbar li l-Kumitat tal-Istati Membri kien laħaq qbil unanimu fuq l-identifikazzjoni ta’ 15-il sustanza, inkluż iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħal sustanzi ta’ tħassib serju ħafna sa fejn dawn is-sustanzi jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 u, min-naħa l-oħra, li l-lista ta’ sustanzi identifikati għall-inklużjoni eventwali tagħhom fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ sustanzi kandidati”) kienet formalment aġġornata f’Jannar 2010. Fit-22 ta’ Diċembru 2009, id-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA ħa d-Deċiżjoni ED/68/2009, tat-13 ta’ Jannar 2010, intiża li tipproċedi għall-pubblikazzjoni u għall-aġġornament tal-lista ta’ sustanzi kandidati li tirrigwarda dawn il-15-il sustanza.

10      Fit-13 ta’ Jannar 2010, il-lista ta’ sustanzi kandidati li b’mod partikolari jinkludu ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-ECHA.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-ECHA, ippubblikata fit-13 ta’ Jannar 2010, li tidentifika ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, b’mod konformi mal-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

12      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ April 2010, l-ECHA talbet li din il-kawża tiġi magħquda mal-Kawżi T‑93/10, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, T‑94/10, Rütgers Germany et vs ECHA, u T‑96/10, Rütgers Germany et vs ECHA, bis-saħħa tal-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Wara li nstemgħu l-partijiet f’dan ir-rigward, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, fl-10 ta’ Mejju 2010, li ma jgħaqqadx dawn il-kawżi għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u li jirriżerva d-deċiżjoni tiegħu fuq it-talba għal tgħaqqid għall-finijiet tal-proċedura orali u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza.

13      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-23 ta’ Ġunju 2010, l-ECHA invokat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

14      B’ittri rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fl-1 u fit-3 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju tad-Danimarka talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, dawn it-talbiet intlaqgħu permezz ta’ digrieti tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2010. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Awwissu 2010, ir-Renju tad-Danimarka rtira l-intervent tiegħu f’dawn il-proċeduri.

15      Fit-23 ta’ Awwissu 2010 r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

16      Peress li kien hemm tibdil fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lill-imsemmija awla.

17      Fis-27 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha dwar l-ammissibbiltà. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Novembru u fis-6 ta’ Diċembru 2010, il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota.

18      B’deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2011, il-Qorti Ġenerali rrinvijat din il-kawża quddiem is-Seba’ Awla Estiża, skont l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

19      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tat-3 ta’ Mejju 2011, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu u l-ispejjeż ġew irriżervati.

20      Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fuq il-mertu fit-13 ta’ Settembru 2011. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Novembru 2011, il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota.

21      Fit-13 ta’ Marzu 2012, wara li nstemgħat il-Kummissjoni fir-rigward tat-talba għal tgħaqqid, ippreżentata mill-ECHA fit-8 ta’ April 2010, għall-finijiet tal-proċedura orali u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza.

22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

23      Permezz tad-digriet tal-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2012, din il-kawża u l-Kawżi T‑93/10, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, T‑94/10, Rütgers Germany et vs ECHA, u T‑96/10, Rütgers Germany et vs ECHA, ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali, b’mod konformi mal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

24      B’ittra tat-30 ta’ Awwissu 2012, ir‑rikorrenti ppreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rapport għas-seduta.

25      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012. B’mod partikolari, il-partijiet instemgħu fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 59(5) u (7) tar-Regolament Nru 1907/2006.

26      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx);

–        tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

27      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, jekk ikun il-każ, infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

28      Il‑Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż

 Id-dritt

29      Qabel ma jiġi eżaminat il-mertu tal-kawża, hemm lok li jitwieġbu l-mistoqsijiet magħmula mill-ECHA u mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

30      L-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà invokati mill-ECHA huma bbażati fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata, nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti u fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma tikkonċernax individwalment lir-rikorrenti.

31      Il-Kummissjoni ssostni l-argument tal-ECHA dwar in-natura tad-deċiżjoni kkontestata u n-nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti. Hija ssostni wkoll li r-rikors ma jirrispettax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura minħabba f’nuqqas ta’ kjarezza.

32      L-ewwel nett, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà dwar ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi kkonstatat li l-ECHA ma invokatx din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà. Peress li l-Kummissjoni, bħala interevenjti, ma tistax tinvoka eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà għall-parti li għaliha qed tintervjeni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, T‑174/95, Ġabra p. II‑2289, punti 77 u 78), din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. F’kull każ, għandu jingħad li s-suġġett ġie indikat b’mod biżżejjed ċar u preċiż fir-rikors (ara l-punt 39 iktar ’il quddiem).

 Fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata

33      L-ECHA u l-Kummissjoni essenzjalment isostnu li r-rikorrenti, meta rreferew għall-qbil unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA li seħħ fl-4 ta’ Diċembru 2009, ikkontestaw att preparatorju li ma kienx intiż li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Skont l-ECHA, l-att li jipproduċi effett legali potenzjali huwa l-pubblikazzjoni tal-lista tas-sustanzi kandidati aġġornat fuq is-sit internet tal-ECHA skont l-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont il-Kummissjoni, l-att finali ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament hija d-deċiżjoni tad-Direttur Eżekutiv tal-ECHA li tinkludi sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati skont l-Artikolu 59(8).

34      Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jistgħu jiġu kkontestati l-atti adottati mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi.

35      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma suġġetti għal rikors għal annullament id-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti ta’ liġi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punt 42; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, Ġabra p. I‑10043, punt 32, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 2008, Espinosa Labella et vs Il‑Kummissjoni, T‑322/06, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fil-każ ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li t-tħejjija tagħhom isseħħ f’diversi stadji, b’mod partikolari permezz ta’ proċedura interna, bħala prinċipju jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni kkonċernat fit-tmiem tal-proċedura. Minn dan jirriżulta li miżuri preliminari jew ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 10; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2010, Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, Ġabra p. II‑1, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għandu jitfakkar li l-proċeduri previsti fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, li jikkonsistu fl-identifikazzjoni tas-sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament isiru f’diversi stadji.

38      Għalhekk, wara li l-proċedura ta’ identifikazzjoni tkun inbdiet u li l-ECHA tkun qegħdet il-fajl dwar sustanza għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u ppubblikat fuq is-sit internet tagħha avviż li jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jissottomettu l-informazzjoni tagħhom (Artikolu 59(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1907/2006), l-Istati Membri, l-ECHA u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-identifikazzjoni proposta fil-fajl (Artikolu 59(4) u (5) ta’ dan ir-regolament). Jekk, bħal f’dan il-każ, isiru tali osservazzjonijiet, l-ECHA tibgħat lura l-fajl lill-Kumitat tal-Istati Membri tagħha u jekk dan il-kumitat jilħaq qbil unanimu dwar l-identifikazzjoni, jinkludi din is-sustanza fil-lista tas-sustanzi kandidati (Artikolu 59(7) u (8) ta’ dan ir-regolament). Fl-aħħar nett, ladarba tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-inklużjoni tas-sustanza, l-ECHA tippubblika u taġġorna l-lista tas-sustanzi kandidati fuq is-sit internet tagħha (Artikolu 59(10) ta’ dan l-istess regolament).

39      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rreferewx biss għall-ftehim tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA li seħħ fl-4 ta’ Diċembru 2009 u li jidentifika liż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, iżda wkoll għall-pubblikazzjoni fuq is-sit internet tal-ECHA tat-13 ta’ Jannar 2010 u għall-Kodiċi ED/68/2009, li huwa l-kodiċi tad-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA li jinkludi din is-sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati ppubblikati fuq is-sit internet fit-13 ta’ Jannar 2010, minkejja li r-rikorrenti ma kinux jafu b’dan l-aħħar fatt. Għalhekk mingħajr l-ebda dubju r-rikorrenti kkontestaw id-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, li l-kontenut tagħha kien iddeterminat bi qbil unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA, li seħħ fl-4 ta’ Diċembru 2009 u li ġie eżegwit mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li ordna l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fuq il-lista ta’ sustanzi kandidati ppubblikati fuq is-sit internet tat-13 ta’ Jannar 2010, konformement mal-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament fl-intier tiegħu. B’referenza għall-verżjoni tal-lista ppubblikata fis-sit internet tal-ECHA fit-13 ta’ Jannar 2010, għall-qbil unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri fl-2009 u għall-Kodiċi ED/68/2009, ir-rikorrenti identifikaw b’mod ċar u inekwivoku s-suġġett. L-eċċezzjoni bbażata biss fuq l-allegata natura preparatorja tal-ftehim tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA huwa għalhekk irrilevanti.

40      L-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza li tirriżulta mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 huwa intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, dan l-att b’mod partikolari jagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikoli 7(2), 31(1)(c), 31(3)(b), kif ukoll fl-Artikolu 33(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. Dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu għas-sustanzi identifikati skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament jew għas-sustanzi inklużi jew li jinsabu fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan l-istess regolament. Għalhekk jirreferu għall-obbligi legali li joħorġu mill-att li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ appell inammissibbli bbażat fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-interess dirett tar-rikorrenti

42      L-ECHA, sostnuta mill-Kummissjoni, issostni li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma humiex ikkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata.

43      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi, tikkontesta l-atti li hija d-destinatarju tagħhom jew li jirrigwardawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolamentari li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni.

44      F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx indirizzata lir-rikorrenti li għaldaqstant ma humiex destinatarji ta’ dan l-att. F’din is-sitwazzjoni, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra l-imsemmi att bil-kundizzjoni li dan b’mod partikolari jkun direttament ikkonċernat minnu.

45      Fir-rigward tal-interess dirett, skont ġurisprudenza stabbilita din il-kundizzjoni tirrikjedi, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata u, it-tieni nett, li hija ma tkun tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ dik il-miżura li huma fdati bl-implementazzjoni tagħha, peress li hija tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punt 43; tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il‑Parlament, C‑486/01 P, Ġabra p. I‑6289, punt 34, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il‑Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, Ġabra p. I‑7993, punt 45).

46      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernahom direttament sa fejn is-sitwazzjoni legali tagħhom ser tkun affettwata mill-Artikolu 31(9)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jingħad li din id-dispożizzjoni tirrikjedi l-aġġornament ta’ skeda ta’ data ta’ sigurtà previst mill-Artikolu 31(1). Skont l-Artikolu 31(1)(a) sa (c) tar-Regolament Nru 1907/2006 l-fornituri ta’ sustanza għandhom ifornu lid-destinatarju ta’ din bi skeda ta’ data ta’ sigurtà meta s-sustanza tkun tissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanza perikoluża skont id-Direttiva 67/548, meta s-sustanza għandha l-proprjetajiet PBT jew vPvB skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII ta’ dan ir-regolament, jew meta s-sustanza tkun inkluża fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba raġunijiet differenti minn dawk previsti preċedentement. L-Artikolu 31(9)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi f’dan ir-rigward li din l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiġi aġġornata mingħajr dewmien mill-fornituri hekk kif issir disponibbli informazzjoni ġdida li tista’ taffettwa l-miżuri ta’ mmaniġġar tar-riskji jew meta informazzjoni ġdida dwar il-perikoli hija disponibbli.

47      F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti, li huma fornituri ta’ sustanza kif iddefinita fl-Artikolu 3(32) tar-Regolament Nru 1907/2006, li bis-saħħa tal-Artikolu 31(1)(a) ta’ dan ir-regolament, jipprovdu lid-destinatarju tas-sustanza inkwistjoni skeda ta’ data ta’ sigurtà peress li din is-sustanza tissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanza perikoluża skont id-Direttiva 67/548. Fil-fatt, iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) ġie kklassifikat fost sustanzi karċinoġeniċi tal-kategorija 2 mid-Direttiva 94/69 u fost is-sustanzi mutaġeniċi tal-kategorija 2 mid-Direttiva 2008/58 (ara l-punti 3 u 4 iktar ’il fuq).

48      Min-naħa l-oħra, huwa kkontestat li, hekk kif ir-rikorrenti jsostnu, l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba li din is-sustanza għandha proprjetajiet PBT jew vPvB, tirrappreżenta informazzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 31(9)(a) ta’ dan ir-regolament li tagħti lok għall-obbligu msemmi minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-aġġornament tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

49      F’dak li jikkonċerna l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li din għandha tiġi stabbilita skont l-Anness II ta’ dan ir-regolament. Skont dak l-anness, li jinkludi gwida għat-tfassil tal-iskedi ta’ data ta’ sigurtà, dawn l-iskedi għandhom ifornu mekkaniżmu sabiex tiġi trażmessa l-informazzjoni korretta ta’ sigurtà dwar is-sustanzi kklassifikati lill-utent immedjatament suċċessiv fil-katina tal-provvista. L-għan ta’ dan l-anness huwa li tiġi żgurata l-koerenza u l-preċiżjoni tal-kontenut ta’ kull wieħed mill-punti obbligatorji enumerati fl-Artikolu 31(6) tar-Regolament Nru 1907/2006 b’tali mod li l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà li jirriżultaw minnhom ikunu jippermettu lill-utenti jieħdu l-miżuri neċessarji fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol u ta’ protezzjoni tal-ambjent.

50      Skont ir-rikorrenti, l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, minħabba li din is-sustanza għandha proprjetajiet PBT jew vPvB, tikkostitwixxi informazzjoni ġdida relatata mal-punt 2 (identifikazzjoni ta’ perikoli), mal-punt 3 (kompożizzjoni tagħha jew informazzjoni dwar l-ingredjenti) u mal-punt 15 (informazzjoni regolamentari) tal-Artikolu 31(6) tar-Regolament Nru 1907/2006.

51      Fir-rigward tal-punt 2 (identifikazzjoni ta’ perikoli) tal-Artikolu 31(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, skont il-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1907/2006, il-klassifikazzjoni ta’ sustanza li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ klassifikazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 67/548 għandha tiġi indikata fiha. Għandhom jiġu indikati b’mod ċar u fil-qasir, il-perikoli prinċipali li sustanza tippreżenta għall-bniedem u għall-ambjent.

52      Huwa stabbilit li sustanza li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB tippreżenta riskju għall-ambjent. Madankollu, skont l-ECHA, tali riskju ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata, iżda mill-proprjetajiet intrinsiċi ta’ din is-sustanza li r-rikorrenti kellhom jevalwaw u li għalhekk huma kellhom ikunu jafu dwarhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1907/2006 jirreferi, fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-perikoli relatati għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza bis-saħħa tad-Direttiva 67/548, għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ klassifikazzjoni stabbiliti f’din id-direttiva, jiġifieri l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt tal-Unjoni. Għalhekk, fir-rigward tal-proprjetajiet karċinoġeniċi jew mutaġeniċi ta’ sustanza, kif imsemmija fl-Artikolu 57(a) u (b) tar-Regolament Nru 1907/2006, dawn u l-perikoli prinċipali li jirriżultaw minn dawn il-proprjetajiet għandhom jiġu indikati fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà sakemm sustanza, konformement għar-regoli ta’ klassifikazzjoni stabbiliti fid‑Direttiva 67/548, ġiet ikklassifikata fost is-sustanzi karċinoġeniċi jew mutaġeniċi. F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li l-proprjetajiet karċinoġeniċi u mutaġeniċi taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) u l-perikoli prinċipali li jirriżultaw minn dawn il-proprjetajiet għandhom jiġu indikati fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà u jikkostitwixxu r-raġuni li għaliha r-rikorrenti għandhom jipprovdu tali skeda.

54      Fir-rigward tal-proprjetajiet PBT u vPvB ta’ sustanza, kif imsemmi fl-Artikolu 57(e) u (d) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-kriterji ta’ identifikazzjoni tagħhom kienu ddefiniti fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Sabiex tkun identifikata sustanza ta’ tħassib serju ħafna minħabba l-proprjetajiet PBT u vPvB tagħha skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, il-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII ta’ dan ir-regolament għandhom għalhekk jiġu applikati. Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ identifikazzjoni, il-proprjetajiet PBT u vPvB ta’ sustanza huma determinati, li ġie wkoll spjegat fir-rapport tal-workshop tal-ECHA, li seħħ mill-21 sat-22 ta’ Jannar 2009 dwar il-lista ta’ sustanzi kandidati u l-awtorizzazzjoni bħala strumenti ta’ ġestjoni tar-riskju, li jgħid li l-inklużjoni fil-lista ta’ sustanzi kandidati huwa l-mekkaniżmu prinċipali għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi PBT u vPvB. L-identifikazzjoni tal-proprjetajiet PBT u vPvB ta’ sustanza tistrieħ għalhekk fuq l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, f’din il-kawża, fuq l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Konsegwentement, peress li permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-proprjetajiet PBT u vPvB taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) kienu ddeterminati bl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, huwa minħabba f’din id-deċiżjoni li dawn il-proprjetajiet u l-perikoli prinċipali li jirriżultaw minnhom għandhom ikunu indikati fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà. F’dan il-każ, dan jikkonsisti għal każ ekwivalenti għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza skont ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 67/548, li fir-rigward tagħhom l-obbligu ta’ inklużjoni ta’ din il-klassifikazzjoni u tal-perikoli prinċipali li jirriżultaw mill-proprjetajiet ikklassifikati fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà jirriżulta b’mod ċar mill-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1907/2006.

55      Fir-rigward tal-argument tal-ECHA li n-natura perikoluża tas-sustanza inkwistjoni hija r-riżultat tal-proprjetajiet intrinsiċi tagħha li r-rikorrenti kellhom jevalwaw u li għalhekk dawn kellhom ikunu jafu dwarhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, għandu jiġi nnotat li l-ECHA tirreferi għad-diskussjonijiet li saru fi ħdan is-sottogrupp tal-Uffiċċju Ewropew għas-Sustanzi Kimiċi (ECB) dwar jekk is-sustanza inkwistjoni tissodisfax il-kriterji PBT u vPvB. Madankollu, jekk huwa minnu li l-perikoli li joħorġu minn sustanza jirriżultaw mill-proprjetajiet intrinsiċi tagħha, dawn il-perikoli għandhom jiġu evalwati u determinati skont regoli tad-dritt definiti. Fl-iżviluppi li jirriżultaw mid-diskussjonijiet fi ħdan dan is-sottogrupp, l-ECHA ma tindikax ir-regoli tad-dritt li ppermettew lil dan is-sottogrupp jidentifika l-proprjetajiet PBT u vPvB. Barra minn hekk, l-ECHA ma tallegax li l-konklużjonijiet ta’ dan is-sottogrupp kienu ta’ natura vinkolanti għar-rikorrenti. Madankollu, ir-rikorrenti jargumentaw li ma kien hemm l-ebda dibattitu dwar il-proprjetajiet PBT u vPvB taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx). Min-naħa l-oħra, l-ECHA tallega li r-rikorrenti kien imisshom evalwaw il-proprjetajiet intrinsiċi taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) u għalhekk, huma kellhom ikunu konxji mill-proprjetajiet PBT u vPvB ta’ din is-sustanza. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-fajl u hekk kif ir-rikorrenti kkonfermaw waqt is-seduta, huma preċiżament jikkontestaw il-proprjetajiet PBT u vPvB taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx). Huma għalhekk ma kkonkludewx, fl-evalwazzjoni tagħhom taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) li din is-sustanza kellha proprjetajiet PBT u vPvB.

56      Għalhekk, fid-dawl tat-Taqsima 2 (Identifikazzjoni tal-perikolu) tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, minħabba li din is-sustanza kellha proprjetajiet PBT jew vPvB, li tikkostitwixxi informazzjoni ġdida li tippermetti lill-utenti jieħdu miżuri fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent. Din l-identifikazzjoni tikkostitwixxi għalhekk informazzjoni ġdida li tista’ taffettwa l-miżuri ta’ mmaniġġar tar-riskji jew dwar il-perikoli fis-sens tal-Artikolu 31(9)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, b’tali mod li r-rikorrenti kienu obbligati li jaġġornaw l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti minħabba l-obbligu previst minn din, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati t-Taqsimiet 3 (Kompożizzjoni/Informazzjoni dwar l-ingredjenti) u 15 (Informazzjoni regolamentari) tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà (ara, f’dak li jirrigwarda t-Taqsima 15, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2011, Etimine u Etiproducts vs ECHA, T‑343/10, Ġabra, p. II-6611, punti 33 sa 36, u Borax Europe vs ECHA, T‑346/10, Ġabra, p, II-6629, punti 34 sa 37).

57      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernahom direttament minħabba li s-sitwazzjoni legali tagħhom ser tiġi affettwata mill-Artikolu 34(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont dan tal-aħħar, kwalunkwe attur fil-katina tal-provvista ta’ sustanza għandu jikkomunika l-informazzjoni l-ġdida dwar il-proprjetajiet perikolużi, irrispettivament mill-użi kkonċernati, lill-attur jew lid-distributur immedjatament preċedenti fil-katina tal-provvista.

58      Peress li l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna skont id-deċiżjoni kkontestata, minħabba li din is-sustanza kellha proprjetajiet PBT jew vPvB, tinkludi informazzjoni ġdida dwar il-proprjetajiet perikolużi taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) (ara l-punti 54 sa 56 iktar ’il fuq), hija tagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 34(a) tar-Regolament Nru 1907/2006. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi wkoll effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti minħabba fl-obbligu previst minn din id-dispożizzjoni.

59      Konsegwentement, ir-rikorrenti huma direttament effettwati mid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, din it-talba għal inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-kunċett ta’ att regolamentari li ma għandux miżuri ta’ eżekuzzjoni u fuq l-effett individwali tar-rikorrenti

60      L-ECHA, li ma hijiex sostnuta mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, targumenta li r-rikors huwa inammissibbli għaliex id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u li għalhekk, ir-rikorrenti għandhom ikunu kkonċernati individwalment, kundizzjoni li ma hijiex sodisfatta.

61      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan ir-rikors għal annullament huwa ammissibbli biss jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolamentari li ma jinkludi ebda miżuri ta’ eżekuzzjoni jew jekk ir-rikorrenti huma kkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

62      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-ECHA essenzjalment tallega, li l-miżuri adottati minnha ma humiex atti regolamentari. L-eżerċizzju tas-setgħa regolamentari skont ir-Regolament Nru 1907/2006 ġew irriżervati lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-identifikazzjoni ta’ sustanza hija biss att preparatorju għal deċiżjoni futura potenzjali tal-Kummissjoni li tinkludi din is-sustanza fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament.

63      L-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ att regolamentari fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, T‑262/10, Ġabra, P. II-7697, punt 21].

64      F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata hija ta’ portata ġenerali peress li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri b’mod partikolari fir-rigward ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 31(9)(a) u tal-Artikolu 34(a) tar-Regolament Nru 1907/2006.

65      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att leġiżlattiv peress li ma ġietx adottata la skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas skont proċedura leġiżlattiva speċjali fis-sens tal-Artikolu 289(1) sa (3) TFUE. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija att tal-ECHA adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Ġunju 2012, Eurofer vs Il‑Kummissjoni, T‑381/11, punt 44).

66      Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

67      Kuntrarjament għal dak li tallega l-ECHA, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jindikax li hija biss il-Kummissjoni li għandha l-awtorità regolamentari meħtieġa sabiex tadotta tali att. L-argument tal-ECHA f’dan ir-rigward ma jsib ebda sostenn fit-Trattat FUE. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jsemmi b’mod espliċitu l-istħarriġ tal-legalità tal-atti ta’ korpi jew organi tal-Unjoni intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. L-awturi tat-Trattat FUE għalhekk kellhom l-intenzjoni li jissottomettu wkoll, bħala prinċipju, l-atti tal-ECHA, bħala organu tal-Unjoni, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni.

68      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-ECHA, il-kompitu ta’ din tal-aħħar bis-saħħa tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri l-ġestjoni u, f’xi każijiet, l-implementazzjoni tal-aspetti tekniċi, xjentifiċi u amministrattivi tar-Regolament Nru 1907/2006 u l-garanzija tal-koerenza fl-Unjoni, ma jeskludix il-poter li tadotta att regolamentari. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-ECHA tammetti li l-atti li hija adottat jistgħu jagħtu lok għal obbligi legali fir-rigward ta’ terzi iżda f’miżura limitata.

69      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, żewġ proċeduri huma previsti għall-każ fejn l-osservazzjonijiet dwar l-identifikazzjoni proposta ta’ sustanza bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna huma mwettqa. Skont l-ewwel proċedura, l-ECHA tirreferi l-fajl lill-Kumitat tal-Istati Membri tagħha u dan jasal għal qbil unanimu dwar l-identifikazzjoni (Artikolu 59(7) u (8) ta’ dan ir-regolament). Fit-tieni każ, fl-assenza ta’ qbil unanimu fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri, id-deċiżjoni dwar l-identifikazzjoni tas-sustanza kkonċernata hija meħuda mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 li jirreferi għall-proċedura regolamentari msemmija fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124) (Artikolu 59(9) ta’ dan ir-regolament). Jirriżulta mit-tqabbil ta’ dawn iż-żewġ proċeduri li, fil-kuntest tal-ewwel, il-ftehim tal-Kumitat tal-Istati Membri jikkorrispondi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda fil-kuntest tat-tieni proċedura dwar l-identifikazzjoni ta’ sustanza. Madankollu, ma jistax jiġi sostnut li, filwaqt li d-deċiżjoni bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi att regolamentari, id-deċiżjoni mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar, li għandha l-istess kontenut u l-istess effett, ma tikkostitwixxix tali att.

70      Huwa minnu li deċiżjoni tal-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1907/2006 li tinkludi sustanza fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament twassal għal konsegwenzi legali iktar gravi fir-rigward tal-utenti ta’ sustanza, jiġifieri l-projbizzjoni tat-tqegħid tagħha fis-suq mingħajr awtorizzazzjoni, iktar milli dawk li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri b’mod partikolari l-obbligu ta’ informazzjoni. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tfissirx li l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata huma ineżistenti. Madankollu, l-obbligu ta’ informazzjoni li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata hija waħda mill-konsegwenzi tar-responsabbiltà tal-ġestjoni tar-riskji marbuta mas-sustanzi li għandha tapplika fil-katina ta’ provvista, hekk kif indikat fil-premessa 56 tar-Regolament Nru 1907/2006. Minn dan isegwi li l-argument tal-ECHA f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

71      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata fiha miżuri ta’ eżekuzzjoni, għandu jiġi nnotat li l-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 tagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni tar-rikorrenti mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ulterjuri (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma fiha ebda miżura ta’ eżekuzzjoni.

72      B’mod partikolari, il-fażi segwenti tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li tikkonsisti fl-inklużjoni f’ordni ta’ prijorità tas-sustanzi kandidati fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri, fil-lista ta’ sustanzi suġġetti għall-awtorizzazzjoni, ma tikkostitwixxix miżura ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, it-tmiem tal-proċedura ta’ identifikazzjoni tqajjem obbligu ta’ informazzjoni li ma huwiex dipendenti fuq fażijiet sussegwenti tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni.

73      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolamentari li ma jwassalx għal miżuri ta’ eżekuzzjoni b’tali mod li din it-talba għal inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat l-effett individwali eventwali tar-rikorrenti.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma hijiex fondata. Għalhekk dan ir-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

75      Insostenn ta’ dan ir-rikors ġew invokati ħames motivi. L-ewwel żewġ motivi jirrigwardaw l-allegat ksur tar-rekwiżiti proċedurali fl-Artikolu 59(3), (5) u (7) u fl-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006. It-tliet motivi l-oħra huma bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ allegat żball ta’ evalwazzjoni jew ta’ allegat żball ta’ liġi dwar l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB fuq il-bażi tal-komponenti tagħha u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 59(3) u tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006

76      Ir-rikorrenti jsostnu li, kuntrarjament għal dak li huwa previst fl-Artikolu 59(3) u fil-punt II(2) tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma indikatx fil-fajl dwar iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx), informazzjoni dwar is-sustanzi alternattivi, minkejja li kienet informata mir-rikorrenti bl-eżistenza ta’ tali sustanzi, jiġifieri taħlitiet b’bażi ta’ żejt. L-ECHA aċċettat dan il-fajl mingħajr ma sustanzi alternattivi ġew identifikati. Skont ir-rikorrenti, ma jistax jiġi eskluż li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità u l-fatt li kien magħruf li s-sustanzi alternattivi kien fihom ukoll komponenti PBT, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ġiet adottata u ngħata lok għal proċedura differenti.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li bis-saħħa tal-Artikolu 59(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-proċedura ta’ identifikazzjoni tista’ tinbeda minn Stat Membru li jista’ jħejji fajl skont l-Anness XV ta’ dan ir-regolament għas-sustanzi li fl-opinjoni tiegħu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, u jissottomettih lill-ECHA. Fir-rigward ta’ fajl dwar l-identifikazzjoni ta’ sustanza li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB, il-punt II(2) tal-Anness XV tal-istess regolament, bit-titolu “Informazzjoni dwar espożizzjoni, sustanzi alternattivi u riskji” b’mod partikolari jipprovdi li “[għ]andhom jiġu provduti l-informazzjoni disponibbli dwar użu u espożizzjoni u l-informazzjoni dwar sustanzi alternattivi u teknika”.

78      F’dak li jirrigwarda l-fajl dwar iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx), huwa stabbilit li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja inkludiet il-frażi “l-ebda informazzjoni disponibbli” fis-sezzjoni tal-fajl dwar is-sustanzi alternattivi.

79      Huwa veru li l-formulazzjoni tal-punt II(2) tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006 tagħmel distinzjoni bejn l-obbligu li jipprovdu, minn naħa, “l-informazzjoni disponibbli dwar użu u espożizzjoni” u, min-naħa l-oħra, “informazzjoni dwar sustanzi alternattivi u teknika”. Madankollu, Stat Membru jista’ biss jindika l-informazzjoni li hija disponibbli. L-indikazzjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-ebda tagħrif ma kien disponibbli dwar l-eżistenza ta’ sustanzi alternattivi li jippermettu lil dan l-Istat Membru jissodisfa l-obbligu formali tiegħu li jiddeċiedi dwar sustanzi alternattivi.

80      F’kull każ, l-ittra lill-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti tas-17 ta’ Lulju 2009 mill-grupp settorjali tas-sustanzi kimiċi mill-faħam, li r-rikorrenti huma membri tiegħu, ma jindikax sustanzi alternattivi. Billi jistieden lill-awtoritajiet Ġermaniżi biex jadottaw “approċċ iktar ibbilanċjat li ma [jippenalizzax] settur industrijali wieħed”, dan il-grupp ikkunsidra li “li [kien] magħruf sew li numru ta’ flussi taż-żejt kien fihom ukoll l-antraċen”. Din l-ittra għalhekk tirreferi għal sustanzi li, skont dan il-grupp għandhom livell ta’ riskju simili għal dak taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) u mhux għal sustanzi li jistgħu jintużaw bħala sustanzi alternattivi minħabba li jistgħu jiġu użati minflok iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) li jwettaq l-istess funzjoni. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li, fid-dawl tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-punt II(2) tal-Anness XV ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għal sustanzi alternattivi xierqa, kundizzjoni li t-taħlitiet b’bażi ta’ żejt ma jissodisfawx minħabba l-kontenut tagħhom ta’ antraċen.

81      Minn dan isegwi li r-rekwiżiti tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 59(3) ta’ dan ir-regolament ġew sodisfatti.

82      Anki jekk nassumu, f’din il-kawża, li kien hemm irregolarità minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 59(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, dan ma jwassalx għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ħlief jekk kien stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din id-deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑86/03, Ġabra p. I‑10979, punt 42).

83      Ir-rikorrenti jsostnu, f’dan ir-rigward, li ma jistax jiġi eskluż li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità u fl-għarfien tal-fatt li s-sustanzi alternattivi fihom ukoll komponenti PBT, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ġiet adottata u ngħata lok għal proċedura differenti.

84      Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata hija l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a), (b), (d) u (e) tar-Regolament Nru 1907/2006. Mill-proċedura ta’ identifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, ma jirriżultax li informazzjoni dwar is-sustanzi alternattivi hija rilevanti għall-eżitu ta’ din il-proċedura. Il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(a), (b), (d) u (e) ta’ dan ir-regolament ma jagħmlu l-ebda referenza għall-eżistenza jew le ta’ sustanza alternattiva. Madankollu, sabiex tkun identifikata sustanza bħala li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(d) u (e) tal-istess regolament, huwa biżżejjed li tissodisfa l-kriterji rilevanti għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB stabbiliti fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Madankollu, jekk dan l-anness fih numru kbir ta’ kriterji li għandhom jiġu sodisfatti l-ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma jikkonċerna sustanzi alternattivi. Għalhekk ma huwiex stabbilit li l-eżistenza ta’ informazzjoni dwar sustanzi alternattivi kienet tkun suxxettibbli li tbiddel il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(d) u (e) ta’ dan ir-regolament. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ din is-sustanza bħala li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(a) u (b) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala sustanza karċinoġenika jew mutaġenika huma stabbiliti fid-Direttiva 67/548. Il-klassifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) fost is-sustanzi karċinoġeniċi u mutaġeniċi diġà sar mid-Direttivi 94/69 u 2008/58 (ara l-punti 3 u 4 iktar ’il fuq).

85      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-informazzjoni dwar is-sustanzi alternattivi hija rilevanti b’mod partikolari għall-kumplament tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fejn l-identifikazzjoni ta’ sustanza skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 tikkostitwixxi biss l-ewwel fażi. Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 60(4)(c) u (5)(b) ta’ dan ir-regolament, tali informazzjoni tkun rilevanti għal deċiżjoni dwar talba għal awtorizzazzjoni li tikkonċerna sustanza inkluża fil-lista ta’ sustanzi suġġetti għall-awtorizzazzjoni.

86      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 59(5) u (7) tar-Regolament Nru 1907/2006

87      Ir-rikorrenti josservaw li l-ECHA ma kinitx kompetenti sabiex timmodifika l-proposta magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-inklużjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) fuq il-lista ta’ sustanzi kandidati, li kienet ibbażata biss fuq il-fatt li din is-sustanza kellha proprjetajiet PBT u vPvB. Wara din il-bidla, iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) ġie identifikat bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna fuq il-bażi mhux biss tal-proprjetajiet tiegħu PBT u vPvB kif allegat, iżda wkoll tal-proprjetajiet karċinoġeniċi u mutaġeniċi tiegħu. Minħabba li din is-sustanza ma setgħetx tiġi identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna minħabba l-proprjetajiet tagħha PBT u vPvB, ir-referenza għall-proprjetajiet karċinoġeniċi u mutaġeniċi baqgħet l-unika raġuni għall-inklużjoni tagħha fuq il-lista tas-sustanzi kandidati.

88      F’din il-kawża, il-fajl imħejji mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006 fil-fatt jinkludi biss il-proposta li jiġi identifikat ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 57(d) u (e) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri bħala sustanza li għandha proprjetajiet PBT u vPvB, u li ma jissodisfax il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri bħala karċinoġenika u mutaġenika, anki jekk il-fajl jindika li din is-sustanza kienet ikklassifikata fost is-sustanzi karċinoġeniċi.

89      Jirriżulta mill-fajl li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 59(5) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA ssottomettiet osservazzjonijiet li jindikaw li ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) kien ikklassifikat fost is-sustanzi karċinoġeniċi u għalhekk jissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(a) ta’ dan ir-regolament. Fir-rigward tal-klassifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) fost is-sustanzi mutaġeni, il-Kumitat tal-Istati Membri, fuq inizjattiva tiegħu stess, osserva li din is-sustanza tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(b) tal-istess regolament. Iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) ġie għalhekk identifikat bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li jissodisfa l-kriterji ta’ identifikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 57(a), (b), (d) u (e) ta’ dan ir-regolament.

90      Minn dan isegwi li, bl-argument li l-ECHA ma kinitx kompetenti sabiex timmodifika l-proposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dwar l-inklużjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) fuq il-lista tas-sustanzi kandidati, ir-rikorrenti essenzjalment jikkontestaw l-identifikazzjoni ta’ din is-sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna fuq il-bażi tal-proprjetajiet karċinoġeniċi u mutaġeniċi tagħha.

91      Madankollu, ma jistax jiġi sostnut li bl-identifikazzjoni ta’ sustanza mhux biss fuq il-bażi tar-raġunijiet proposti fil-fajl inizjalment imħejji għal din is-sustanza, iżda wkoll fuq il-bażi ta’ raġuni li ma hijiex imsemmija f’dan il-fajl, l-ECHA marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha kif previsti fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006.

92      Fil-fatt, l-ewwel nett, hemm lok li bis-saħħa tal-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1907/206, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 59(2) sa (10) ta’ dan l-artikolu japplika għall-finijiet tal-identifikazzjoni tas-sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006. Id-deċiżjoni kkontestata li tidentifika ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) għaliex jissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament huwa konsistenti ma’ dan il-għan. L-argument tar-rikorrenti dwar l-identifikazzjoni ta’ sustanza fuq il-bażi ta’ raġuni mhux imsemmi fil-fajl inizjalment imħejji għal din is-sustanza ma tikkonċernax għalhekk il-kompetenza tal-ECHA.

93      It-tieni nett, il-formulazzjoni tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma tipprovdix li r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, fuq il-bażi ta’ liema sustanza hija identifikata għandhom jaqblu ma’ dak indikat fil-fajl inizjalment imħejji. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 59(2) u (3) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-Istati Membri ma għandhomx dritt esklużiv li jibdew il-proċedura ta’ identifikazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni wkoll tista’ titlob lill-ECHA tħejji fajl skont l-Anness XV ta’ dan ir-regolament.

94      It-tielet nett, jirriżulta mill-għan tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni stabbilit fl-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jiġi żgurat li r-riskji minn sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jkunu kkontrollati b’mod tajjeb u li dawn is-sustanzi jiġu progressivament issostitwiti minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli, li l-identifikazzjoni ta’ sustanza, li tikkostitwixxi l-ewwel fażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, tistrieħ fuq raġunijiet li jkunu kemm kompluti kif ukoll possibbli.

95      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni abbażi tal-proprjetajiet kanċeroġeniċi tagħha, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 59(5) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA tista’ tagħmel osservazzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tas-sustanza f’dak li jirrigwarda l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament fil-fajl lilha trażmess. Dan il-komponent huwa intiż sabiex jiżgura li l-ECHA tkun fil-pożizzjoni li effettivament tippreżenta l-fehma tagħha. Minn dan isegwi li l-osservazzjonijiet magħmula mill-ECHA għandhom ikunu inklużi fid-deċiżjoni kkontestata.

96      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

97      Ir-rikorrenti jsostnu li l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Din is-sustanza hija komparabbli, essenzjalment minħabba l-kontenut kimiku tagħha u l-kompetizzjoni fis-suq, għal sustanzi oħra UVCB li fihom l-antraċen. Madankollu l-ECHA, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, identifikat biss liż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) u mhux dawn is-sustanzi l-oħra bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna.

98      Għandu jiġi osservat li, permezz tar-Regolament Nru 1907/2006, il-leġiżlatur stabbilixxa sistema għar-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi, kif ukoll ir-restrizzjonijiet għal dawn is-sustanzi, li skont il-premessa 1 ta’ dan ir-regolament huma b’mod partikolari intiżi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni. B’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi, fit-Titolu VII, proċedura ta’ awtorizzazzjoni. L-għan ta’ din il-proċedura, skont l-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament, huwa li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern filwaqt li jiġi żgurat li r-riskji li jirriżultaw mis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu kkontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi eventwalment jiġu ssostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli.

99      Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tapplika għas-sustanzi kollha li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006. L-ewwel fażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tikkonsisti fl-identifikazzjoni tas-sustanzi msemmija f’dan l-artikolu li għalihom proċedura f’diversi stadji hija prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont il-premessa 77 ta’ dan ir-regolament, għal raġunijiet ta’ fattibiltà u ta’ prattiċità, kemm min-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom jippreparaw il-fajls ta’ applikazzjoni u jieħdu l-miżuri xierqa għall-ġestjoni tar-riskji, kif ukoll minn naħa tal-awtoritajiet li għandhom jittrattaw it-talbiet għal awtorizzazzjoni, huwa neċessarju li biss numru limitat ta’ sustanzi jkun suġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fl-istess ħin. Fir-rigward tal-għażla ta’ dawn is-sustanzi, l-Artikolu 59(2) u (3) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li hija l-Kummissjoni jew l-Istat Membru kkonċernat li għandha tikkonferma li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk il-leġiżlatur ħalla lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li tippermetti implementazzjoni f’fażijiet tar-regoli dwar is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna taħt it-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006.

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-proċedura ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma tagħti l-ebda setgħa lill-ECHA dwar l-għażla tas-sustanza li għandha tkun identifikata. Madankollu, jekk fajl għal sustanza huwa mħejji minn Stat Membru jew fuq talba tal-Kummissjoni, mill-ECHA, din tal-aħħar għandha tipproċedi skont il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu, għall-identifikazzjoni ta’ din is-sustanza.

101    F’din il-kawża, il-proċedura ta’ identifikazzjoni prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ġiet irrispettata fir-rigward tal-għażla tas-sustanza li għandha tkun identifikata. Fil-fatt, jirriżulta mill-fajl li ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) ġie magħżul mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja peress li tqis li din is-sustanza tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ produzzjoni ta’ fajls imħejjija minn Stat Membru dwar sustanzi oħra li fihom l-antraċen, jew ta’ talba għat-tħejjija ta’ tali fajl lill-ECHA mill-Kummissjoni, l-ECHA ma tistax tipproċedi għall-identifikazzjoni ta’ dawn is-sustanzi l-oħra, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, mingħajr ma tmur lil hinn mis-setgħat tagħha. Minn dan isegwi li, l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) u mhux ta’ sustanzi oħra paragunabbli bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, l-ECHA ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li l-legalità tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti u li l-ECHA kkonformat ma’ din il-proċedura, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni jew żball ta’ liġi dwar l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala PBT jew vPvB fuq il-bażi tal-komponenti tagħha

103    Dan il-motiv jinkludi tliet ilmenti. L-ewwel nett, ir-rikorrenti josservaw li l-fajl imħejji mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għas-sustanza inkwistjoni ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 59(2) u (3) u l-Annessi XIII u XV tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba li dan ma kienx ibbażat fuq evalwazzjoni tas-sustanza nnifisha, iżda fuq evalwazzjoni tal-proprjetajiet tal-komponenti tagħha. It-tieni nett, ir-regola li tgħid li sustanza tista’ tiġi identifikata bħala li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB sa fejn din is-sustanza fiha komponent li għandu proprjetajiet PBT jew vPvB, b’konċentrazzjoni daqs jew għola minn 0.1 % ma hijiex stabbilita fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. It-tielet nett, l-evalwazzjoni tal-komponenti tas-sustanza inkwistjoni ma kinux jipprovdu bażi suffiċjenti sabiex jiġu identifikati dawn bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB peress li dawn il-komponenti ma ġewx identifikati individwalment bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB.

104    Peress li l-ewwel u t-tieni lment jikkonċernaw l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB abbażi tal-komponenti tagħha b’konċentrazzjoni ta’ mill-inqas 0.1 %, jidher xieraq li dawn għandhom jiġi eżaminati flimkien.

105    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, Ġabra, p. I-6681, punt 60).

106    Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tiegħu, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, f’ċerta miżura, għall-konstatazzjoni tad-data bażika. Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-qorti tal-Unjoni li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, Ġabra p. I‑7023, punti 33 u 34).

–       Fuq l-ewwel u t-tieni lment dwar l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB abbażi tal-komponenti tagħha ta’ konċentrazzjoni ta’ mill-inqas 0.1 %

107    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-fajl imħejji mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 59(2) u (3) u fl-Annessi XIII u XV tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba li ma kienx ibbażat fuq evalwazzjoni tas-sustanza nnifisha, iżda evalwazzjoni tal-proprjetajiet tal-komponenti tagħha. Barra minn hekk, ir-regola li tgħid li sustanza tista’ tiġi identifikata bħala li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB sakemm ikun fiha komponent, li għandu proprjetajiet PBT jew vPvB, b’konċentrazzjoni daqs jew ogħla minn 0.1 % ma hijiex prevista fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006 u għalhekk ma għandha l-ebda bażi legali. Din l-assenza ta’ limitu ta’ konċentrazzjoni kienet intiża mil-leġiżlatur, peress li l-limiti ta’ konċentrazzjoni huma stabbiliti f’parti oħra tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri b’mod partikolari għall-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika bis-saħħa tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament. Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-proprjetajiet tal-komponenti taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) b’konċentrazzjoni ta’ mill-inqas 0.1 %, hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

108    Jirriżulta mill-fajl dwar l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, li fir-rigward tagħha l-Kumitat tal-Istati Membri laħaq qbil unanimu fl-4 ta’ Diċembru 2009, li din is-sustanza ġiet identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna, peress li tissodisfa l-kriterji neċessarji sabiex tiġi kkunsidrata bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB bis-saħħa tal-Artikolu 57(d) u (e) tar-Regolament Nru 1907/2006, minħabba fil-proprjetajiet PBT u vPvB tal-komponenti preżenti f’din is-sustanza b’konċentrazzjoni ta’ mill-inqas 0.1 %.

109    Fil-fatt, jirriżulta mit-Taqsima 6 tal-fajl dwar l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) li dan il-kumitat kkonkluda li din is-sustanza għandha tiġi kkunsidrata bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB billi tinkludi, minn naħa tliet komponenti ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (iktar ’il quddiem il-“IAP”) b’konċentrazzjoni ta’ mill-inqas 0.1 %, li tnejn minnhom għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB, jiġifieri l-fluworanten u l-piren u li wieħed jissodisfa l-kriterji neċessarji sabiex jiġi kkunsidrat bħala li għandu proprjetajiet vPvB jiġifieri l-fenantren, u min-naħa l-oħra l-antraċen b’konċentrazzjoni ta’ 1 sa 6 %, li tissodisfa l-kriterji neċessarji sabiex tiġi kkunsidrata bħala li għandha proprjetajiet PBT. Għalhekk, ikkonkluda li ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) huwa sustanza li fih mill-inqas 18 % tal-komponenti IAP li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB.

110    L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 59(2) u (3) tar-Regolament Nru 1907/2006 moqri flimkien mal-Anness XV ta’ dan ir-regolament, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu għat-tħejjija ta’ fajl għal sustanza li hija kkunsidrata li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, il-fajl imħejji mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata kienu tabilħaqq maħsuba għal sustanza fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, fejn jingħad li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006. Għalhekk l-ECHA ma kisritx dawn id-dispożizzjonijiet.

111    Barra minn hekk, sabiex jiġi eżaminat jekk l-approċċ meħud mill-ECHA dwar l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB hija vvizzjata bi żball manifest, għandu jingħad li l-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB huma ddefiniti fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Għalhekk, hekk kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, skont il-verżjoni applikabbli ta’ dan l-anness, fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB, hija din is-sustanza li għandha tissodisfa l-kriterji meħtieġa sabiex tiġi kkunsidrata bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB kif stipulat fit-Taqsimiet 1 u 2 ta’ dan l-anness.

112    Madankollu, peress li l-komponenti ta’ sustanza jagħmlu parti integrali minnha, ma jistax jiġi sempliċement deċiż li l-ECHA wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li hija kkunsidrat li s-sustanza inkwistjoni kellha proprjetajiet PBT u vPvB mill-fatt li komponenti tagħha għandhom dawn il-proprjetajiet. Fil-fatt, tali konklużjoni ma tqisx biżżejjed l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1907/2006, stabbilit fl-Artikolu 1(1) tiegħu, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni ta’ perikoli marbuta mas-sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni. Anki jekk il-formulazzjoni tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, fil-verżjoni applikabbli tiegħu f’din il-kawża, ma tindikax espressament li l-identifikazzjoni tas-sustanzi li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-proprjetajiet PBT jew vPvB tal-komponenti rilevanti ta’ sustanza, dan ma jeskludix tali approċċ. Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-sempliċi fatt li komponent ta’ sustanza għandu numru ta’ proprjetajiet, din is-sustanza għandha wkoll tali proprjetajiet, iżda wieħed għandu jikkunsidra l-perċentwali u l-effetti kimiċi tal-preżenza ta’ tali komponent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 1985, Caldana, 187/84, Ġabra p. 3013, punt 17).

113    Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-Artikolu 14(2)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jurix l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jimminimizza r-riskji assoċjati mal-komponenti li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB ta’ sustanza biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika prevista f’dak l-artikolu. Fil-fatt, minn naħa, tali intenzjoni la tirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas mill-premessi tar-Regolament Nru 1907/2006 dwar din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(2)(f) ta’ dan ir-regolament jagħmel parti mill-proċedura għar-reġistrazzjoni tas-sustanzi msemmija fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament, li bħala prinċipju japplika għas-sustanzi kollha bħala tali jew li jinsabu f’taħlitiet jew fl-artikoli, imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 tal-istess regolament. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 69 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-leġiżlatur ried jagħti attenzjoni partikolari lis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna msemmija fil-proċedura ta’ identifikazzjoni prevista fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament.

114    F’din il-kawża, għandu jiġi mfakkar li ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) tagħmel parti mis-sustanzi UVCB, li l-kompożizzjoni tagħhom ma hijiex magħrufa jew hija varjabbli. Is-sustanzi UVCB jagħmlu parti mis-sustanzi li fihom numru ta’ komponenti, jiġifieri sustanzi li fihom komponenti differenti. L-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jipprovdix għal regoli speċifiċi dwar l-identifikazzjoni tas-sustanzi UVCB bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB.

115    Skont l-ECHA, l-approċċ li jgħid li sustanza UVCB tista’ tiġi identifikata bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB minħabba li l-komponenti tagħha huma identifikati bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB hija bbażata, minn naħa, fuq prattika stabbilita bbażata fuq prinċipju rikonoxxut fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, fuq raġunijiet xjentifiċi. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 0.1 % bħala fattur li jwassal għall-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni fuq il-bażi tal-komponenti tagħha, din hija bbażata fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

116    L-ewwel lok, fir-rigward tal-argument relatat ma’ prattika stabbilita sew ibbażata fuq prinċipju rikonoxxut fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi osservat li filwaqt li huwa minnu skont il-premessa 75 u l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1272/2008 li dan ir-regolament ma japplikax għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi bil-proprjetajiet PBT u vPvB, iżda b’mod partikolari għal dawk ta’ karċinoġeni, mutaġeni u tossiċi, madankollu jirriżulta mill-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament li l-leġiżlatur irrikonoxxa l-prinċipju li sustanza li għandha ċerti proprjetajiet u preżenti f’sustanza oħra tista’ tirriżulta għall-kwalifika ta’ din is-sustanza bħala li għandha dawn il-proprjetajiet. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1272/2008 jiddisponi li l-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi u l-limiti ta’ konċentrazzjoni ġeneriċi assenjati lil sustanza jindikaw limitu li fih il-preżenza ta’ din is-sustanza f’sustanza oħra jew f’taħlita bħala impurità, addittiv jew komponent individwali identifikat twassal għall-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita bħala perikoluża.

117    L-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju għall-proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna huwa kkonfermat minn diversi fatturi. Minn naħa, l-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, fil-kuntest tal-eżami tas-sustanzi li għandhom jiġu inklużi fil-lista ta’ sustanzi kandidati, iqiegħed is-sustanzi li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB fl-istess livell bħas-sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi. Min-naħa l-oħra, l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju huwa kkonfermat mill-Artikolu 56(6)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont dan tal-aħħar, essenzjalment, il-projbizzjoni li titqiegħed fis-suq sustanza suġġetta għall-awtorizzazzjoni ma tapplikax għall-użu ta’ sustanzi msemmija fl-Artikolu 57(d) sa (f) ta’ dan ir-regolament, fi ħdan ta’ limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 0.1 % piż b’piż, sa fejn dawn huma inklużi f’taħlita. Din id-dispożizzjoni ċertament tapplika għal taħlitiet u mhux għal sustanza bħal dik inkwistjoni. Madankollu, il-klassifikazzjoni ta’ sustanza minħabba fil-proprjetajiet tal-komponenti tagħha jidher komparabbli mal-kwalifika ta’ taħlita minħabba fil-proprjetajiet tas-sustanzi tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti jirreferu wkoll, insostenn tal-affermazzjoni tagħhom li tgħid li l-leġiżlatur ried li jimminimizza r-riskji assoċjati mal-komponenti li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB ta’ sustanza biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika, għal dispożizzjoni li ma tapplikax għall-komponenti ta’ sustanza, iżda għas-sustanzi li jkun hemm f’taħlita, jiġifieri l-Artikolu 14(2)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punt 113 iktar ’il fuq).

118    It-tieni lok, l-ECHA bbażat l-approċċ tagħha fuq raġunijiet xjentifiċi.

119    Minn naħa, huwa importanti li sustanza UVCB tiġi evalwata fuq il-bażi tal-komponenti tagħha għaliex, ladarba tiġi rrilaxxata fl-ambjent, il-komponenti individwali ta’ tali sustanza jaġixxu bħala sustanzi awtonomi. Is-sustanzi inkwistjoni jilliberaw numru ta’ IAP differenti li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB matul l-użu tagħhom, pereżempju, permezz ta’ tisħin waqt l-ipproċessar jew permezz tal-lissija mal-kuntatt mal-ilma.

120    Għalhekk, minkejja li l-istudju ta’ sustanza UVCB sħiħa huwa possibbli f’ċerti każijiet speċifiċi, tali approċċ ma jipproduċix riżultati sinjifikattivi għall-parti l-kbira ta’ dawn is-sustanzi, fosthom iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx). Fil-parti l-kbira ta’ dawn il-każijiet, komprensjoni tal-proprjetajiet ta’ sustanza hija biss possibbli fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-proprjetajiet tal-komponenti rilevanti tagħha. Il-parti l-kbira tal-metodi ta’ ttestjar disponibbli sabiex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet intrinsiċi ta’ dawn is-sustanzi ma jkunx adattat għall-istudju ta’ sustanzi magħmula minn komponent ewlieni wieħed. Fil-fatt, fir-rigward tal-persistenza tas-sustanzi UVCB, dawn ma jistgħux jiġu ġeneralment evalwati bl-użu ta’ metodi ta’ ttestjar ta’ bijodegradazzjoni li jkejlu parametri sommarji, peress li dawn it-testijiet ikejlu l-proprjetajiet tas-sustanza kollha kemm huma, iżda ma jagħtu l-ebda informazzjoni dwar l-komponenti tagħha. Għalhekk, anki kieku insegwitu għal tali eżami, is-sustanza kollha kemm hi tidher li tkun faċilment bijodegradabbli, il-preżenza eventwali fis-sustanza ta’ komponenti mhux bijodegradabbli ma tistax tiġi eskluża. Skont l-ECHA, diffikultajiet simili jseħħu wkoll matul testijiet għall-bijoakkumulazzjoni u għat-tossiċità minn ċerti sustanzi UVCB. L-istruttura fiżika ta’ tali sustanza tista’ tipprevjeni, sa ċertu punt, ir-rilaxx tal-komponenti tiegħu jekk it-test jirrigwarda s-sustanza bħala tali. Konsegwentement, fir-rigward tat-testijiet għall-bijoakkumulazzjoni u għat-tossiċità, l-akkumulazzjoni fl-organiżmi studjati u t-tossiċità ma tiġix misjuba fil-kuntest tal-eżamijiet, meta fir-realtà, wara ċertu żmien hemm rilaxx tal-komponenti IAP fl-ambjent.

121    Il-kritika magħmula mir-rikorrenti u li hija dwar dawn il-kunsiderazzjonijiet xjentifiċi ma jistgħux juru li r-raġunijiet xjentifiċi ppreżentati mill-ECHA huma vvizzjati bi żball manifest.

122    Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-fatt li sustanza tista’ tkun dekomposta fil-komponenti tagħha hija eżaminata matul l-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika li għandha titwettaq fil-kuntest tar-reġistrazzjoni tas-sustanza skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1907/2006, dan ma jikkontradixxix l-evalwazzjoni tal-ECHA, iżda jindika biss li d-dekompożizzjoni għandha wkoll, skont il-każ, tittieħed inkunsiderazzjoni fi proċeduri oħra msemmija fir-Regolament Nru 1907/2006 (f’dan ir-rigward, ara wkoll il-punt 113 iktar ’il fuq).

123    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, kuntrarjament għal dak li tallega l-ECHA, il-parti l-kbira mill-metodi ta’ ttestjar jistgħu jintużaw għas-sustanzi UVCB jew fejn il-metodi eżistenti ma humiex xierqa, l-approċċ bbażat fuq is-saħħa probatorja tista’ tintuża, din bl-ebda mod ma hija ssostanzjata minn data xjentifika u għalhekk ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi miċħud l-approċċ meħud mill-ECHA minħabba li vvizzjat bi żball manifest.

124    It-tielet lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 0.1 % bħala fattur li jwassal għall-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni fuq il-bażi tal-komponenti tagħha, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm ma jikkontestawx l-applikazzjoni ta’ tali limitu ġenerali, il-kriterju dwar il-limitu ta’ 0.1 % ma huwiex fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Barra minn hekk, huma jsostnu li jekk huwa minnu li hemm atti li jinkludu referenzi għall-perċentwali ta’ 0.1 % bħala li jikkostitwixxu f’ċerti każijiet limitu li lil hinn minnu tapplika klassifikazzjoni ta’ perikolu, dan il-limitu jista’ jvarja minn 0.1 sa 1 % skont il-perikolu.

125    Jekk huwa minnu li l-ebda limitu ta’ konċentrazzjoni ma huwa previst fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi osservat li l-applikazzjoni ta’ tali limitu bħala fattur li jwassal għall-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni fuq il-bażi tal-komponenti tagħha ma jeħtieġx li dan il-limitu jkun ippreċiżat f’dan l-anness.

126    Barra minn hekk, jirriżulta mir-Regolament Nru 1907/2006 li l-limitu ta’ 0.1 % ġie applikat mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, f’ċerti okkażjonijiet, għall-kwalifika ta’ taħlita fuq il-bażi tas-sustanzi tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 31(3)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006 jimponi obbligu ta’ informazzjoni lill-fornituri ta’ taħlita jekk din ikun fiha sustanza li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB skont il-kriterji msemmija fl-Anness XIII ta’ dan ir-regolament, b’konċentrazzjoni daqs jew ogħla minn 0.1 %. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(2)(f) ta’ dan ir-regolament jirrikjedi li impriża tippreżenta evalwazzjoni tas-sigurtà kimika ta’ taħlita meta l-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ sustanza li tinsab fit-taħlita u tissodisfa l-kriterji fl-Anness XIII tal-istess regolament huwa daqs jew ogħla minn 0.1 %. Barra minn hekk, l-Artikolu 56(6) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni b’mod partikolari ma japplikax għall-użu ta’ sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(d ) u (e) ta’ dan ir-regolament, meta dawn ikunu inklużi f’taħlitiet fi ħdan ta’ limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 0.1 %.

127    Peress li l-klassifikazzjoni ta’ sustanza minħabba fil-proprjetajiet tal-komponenti tagħha tidher komparabbli mal-kwalifika ta’ taħlita minħabba fil-proprjetajiet tas-sustanzi tagħha (ara l-punt 117 iktar ’il fuq) u li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 0.1 % b’mod ġenerali, ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest peress li l-limitu ta’ 0.1 % ġie applikat bħala fattur li jwassal għall-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni abbażi tal-komponenti tagħha.

128    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) ma ġiex identifikat bħala li għandu proprjetajiet PBT u vPvB mis-sempliċi fatt li komponent ta’ din is-sustanza għandu ċertu numru ta’ proprjetajiet PBT u vPvB, iżda li l-perċentwali u l-effetti kimiċi tal-preżenza ta’ tali komponent ukoll ġew ikkunsidrati (ara l-punt 112 iktar ’il fuq). L-argument tar-rikorrenti dwar l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB abbażi tal-komponenti tagħha b’konċentrazzjoni ta’ mill-inqas 0.1 % ma jurix li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest.

129    Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni lmenti għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq it-tielet ilment dwar l-identifikazzjoni tal-komponenti tas-sustanza inkwistjoni bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB

130    Ir-rikorrenti josservaw, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tal-komponenti tas-sustanza inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu bażi suffiċjenti sabiex din tiġi identifikata bħala li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB peress li dawn il-komponenti ma kinux identifikati individwalment bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB b’deċiżjoni separata tal-ECHA fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni bir-reqqa għal dan il-għan.

131    Bħala tfakkira, iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) ġie identifikat bħala li għandu proprjetajiet PBT u vPvB peress li fih żewġ komponenti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB, il-fenantren li jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi kkunsidrat bħala li għandu proprjetajiet vPvB u l-antraċen li jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi kkunsidrat bħala li għandu proprjetajiet PBT (ara l-punt 102 iktar ’il fuq).

132    L-ewwel lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna minħabba fil-proprjetajiet tagħha PBT u vPvB fuq il-bażi tal-proprjetajiet PBT u vPvB tal-komponenti tagħha, jirrikjedi li dawn il-komponenti għandhom huma stess ikunu s-suġġett ta’ identifikazzjoni bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB b’deċiżjoni separata tal-ECHA. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 57(d) u (e) u l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi biss li l-kriterji msemmija fl-Anness XIII ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu sodisfatti. Barra minn hekk, l-implementazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, sabiex jiġu identifikati b’mod awtonomu l-komponenti kkonċernati taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB ma jġib l-ebda valur miżjud lill-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna minħabba fil-proprjetajiet PBT u vPvB tagħha fuq il-bażi tal-proprjetajiet PBT u vPvB tal-komponenti tagħha. Fil-fatt, anki fil-kuntest tal-fajl imħejji skont l-Anness XV ta’ dan ir-regolament dwar is-sustanza inkwistjoni, kien hemm ukoll lok li jsir tqabbil tal-informazzjoni disponibbli mal-kriterji fl-Anness XIII tal-istess regolament. L-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

133    It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-identifikazzjoni tal-komponenti inkwistjoni, minbarra l-antraċen, bħala li jikkostitwixxu proprjetajiet PBT jew vPvB, hija bbażata fuq evalwazzjoni bir-reqqa. Għal dak li jirrigwarda l-antraċen, huwa stabbilit li ġiet identifikata bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna fuq il-bażi tal-proprjetajiet tagħha PBT. Minħabba fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 105 u 106 iktar ’il fuq, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest f’dan ir-rigward.

134    Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu għall-osservazzjonijiet magħmula mill-grupp ta’ kumpanniji l-kbar taż-żejt li jwettqu riċerka dwar kwistjonijiet ambjentali fl-industrija taż-żejt matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni tal-fajl stabbilit skont l-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006 għas-sustanza inkwistjoni. Rapport li janalizza l-proprjetajiet fil-qasam tal-bijoakkumulazzjoni ta’ ħmistax-il IAP ġie mehmuż ma’ dawn l-osservazzjonijiet. Skont dawn tal-aħħar, peress li s-sottogrupp kompetenti tal-ECB ma kienx qabel dwar il-proprjetajiet PBT jew vPvB ta’ dawn il-komponenti, ikun prematur u inopportun li jsiru konklużjonijiet definittivi għal dan fil-fajl stabbilit skont l-Anness XV ta’ dan ir-regolament. Skont dan ir-rapport, il-provi disponibbli ma jwasslux għall-konklużjonijiet ġenerali preliminari li jinsabu f’dan il-fajl li dawn il-komponenti jissodisfaw il-kriterju bijoakkumulattiv jew bijoakkumulattiv ħafna, peress li d-data affidabbli tal-laboratorju juru potenzjal żgħir ta’ bijoakkumulazzjoni ta’ dawn il-komponenti.

135    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti huwa essenzjalment limitat sabiex jirreferi għall-preżentata tal-osservazzjonijiet u ta’ rapport imħejji fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 59(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) ġie identifikat bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna fuq il-bażi tal-analiżi li tinsab fil-fajl imħejji mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u approvat mill-Kumitat tal-Istati Membri fl-4 ta’ Diċembru 2009 skont l-Artikolu 59(8) ta’ dan ir-regolament, fl-għarfien ta’ dawn l-osservazzjonijiet u ta’ dan ir-rapport. It-Taqsima 6 ta’ dan il-fajl tevalwa rispettivament, fid-dettall, il-proprjetajiet PBT u vPvB tal-komponenti rilevanti tas-sustanza inkwistjoni. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-referenza ġenerali, minn naħa, għall-fatt li s-sottogrupp kompetenti tal-ECB, li ma għadux fis-seħħ taħt is-sistema tar-Regolament Nru 1907/2006, ma qabilx fuq il-proprjetajiet tal-komponenti PBT u vPvB inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-allegata insuffiċjenza ta’ provi, mingħajr ma intwera liema element tal-analiżi li jinsab f’dak il-fajl huwa żbaljat, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest.

136    Minn dan isegwi li t-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

137    Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

138    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrispettax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Din id-deċiżjoni manifestament ma twettaqx l-għanijiet tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Ir-rikorrenti josservaw f’dan ir-rigward li s-sustanzi li jistgħu jintużaw minflok iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) ukoll għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB. Skont ir-rikorrenti, l-ECHA setgħet tieħu miżuri oħra xierqa u inqas restrittivi, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika li tinsab fil-fajl ta’ reġistrazzjoni ppreparat mir-rikorrenti taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1907/2006 jew l-ippreżentar ta’ fajl għal restrizzjoni tas-sustanza inkwistjoni taħt it-Titolu VIII ta’ dan ir-regolament.

139    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara s-sentenza Etimine, punt 76 iktar ’il fuq, punt 124, u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, l-ECHA għandha f’dan il-qasam setgħa diskrezzjonali wiesgħa li timplika min-naħa tagħha għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, li fihom hija hi msejħa tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fir-rigward tal-għan li l-leġiżlatur għandu l-intenzjoni li jsegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Etimine, punt 76 iktar ’il fuq, punt 125, u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    F’din il-kawża, jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiżgura li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni ta’ perikoli marbuta mas-sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni. Fid-dawl tal-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur stabbilixxa, bħala għan prinċipali l-ewwel minn dawn it-tliet għanijiet, jiġifieri dak li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et, C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 45). Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-għan tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, l-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li hija intiża li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jiġi żgurat li r-riskji li jirriżultaw minn sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jkunu kkontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi qed jiġu progressivament mibdula minn sustanzi jew teknoloġiji oħra adatti, li jkunu ekonomikament u teknikament vijabbli.

142    L-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex xierqa għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti fl-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament. Meta sustanza tkun identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna, l-operaturi ekonomiċi kkonċernati huma suġġetti għall-obbligu ta’ żvelar (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

143    Fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna sservi sabiex ittejjeb l‑informazzjoni lill-pubbliku u lill-professjonisti dwar ir-riskji u l-perikoli, u li għalhekk, din l-identifikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala strument għat-titjib ta’ tali protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza S.P.C.M. et, punt 140 iktar ’il fuq, punt 49).

144    B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex xierqa f’dan ir-rigward peress li s-sustanzi li jistgħu jintużaw sabiex jissostitwixxu s-sustanza inkwistjoni għandhom ukoll proprjetajiet PBT jew vPvB, għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprojbixxix li ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) jitqiegħed fis-suq u b’dan il-mod jobbliga lill-operaturi kkonċernati li jużaw sustanzi alternattivi. Tali konsegwenza hija biss prevista bis-saħħa tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1907/2006 għas-sustanzi inklużi fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-lista ta’ sustanzi suġġetti għall-awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-proċedura ta’ identifikazzjoni hija applikabbli għall-inklużjoni eventwali fl-Anness XIV tal-istess regolament, jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1907/2006 f’dan ir-rigward li l-inklużjoni ta’ sustanza fuq il-lista tas-sustanzi kandidati ma jwassalx awtomatikament għall-inklużjoni fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, skont l-Artikolu 58(1) u (3) ta’ dan ir-regolament, l-ECHA għandha tirrakkomanda l-inklużjoni ta’ sustanzi ta’ prijorità f’dan l-anness fid-dawl tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Istati Membri u peress li b’mod partikolari tispeċifika l-użi jew il-kategoriji ta’ użu eżentati mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni. Sustanza tista’ tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni biss wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi din is-sustanza f’dan l-Anness XIV.

145    Barra minn hekk, għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, ir-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi proċedura maħsuba sabiex tissuġġetta dawn is-sustanzi gradwalment għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, il-premessa 77 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi li, għal raġunijiet ta’ fattibbiltà u ta’ prattiċità, kemm min-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom jippreparaw il-fajls ta’ applikazzjoni u jieħdu l-miżuri xierqa għall-ġestjoni tar-riskji, kif ukoll minn naħa tal-awtoritajiet li għandhom jittrattaw it-talbiet għal awtorizzazzjoni, huwa neċessarju li biss numru limitat ta’ sustanzi jkun suġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fl-istess ħin. Għalhekk, ma huwiex eskluż li fil-kuntest ta’ dan l-approċċ gradwali, is-sustanzi alternattivi msemmija mir-rikorrenti jistgħu wkoll ikunu s-suġġett tal-proċedura ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006.

146    Għandu jiġi wkoll miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna ma twettaqx l-għanijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 peress li r-riskji marbuta mal-espożizzjoni ta’ din is-sustanza huma dgħajfa billi ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) huwa prinċipalment użat bħala intermedjarju għall-produzzjoni tal-iswed tal-karbonju. Fil-fatt, sa fejn iż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) jikkostitwixxi intermedjarju, din is-sustanza hija eżentata mit-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006, konformement mal-Artikolu 2(8) ta’ dan ir-regolament, u għalhekk ma huwiex ikkonċernat mill-obbligi ta’ informazzjoni li jirriżultaw mill-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna bis-saħħa tal-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa irrilevanti billi minn dan jirriżulta li s-sustanza inkwistjoni ma hijiex esklużivament użata bħala intermedjarju.

147    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegata natura insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġu miċħud.

148    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija peress li l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju jew il-preżentata ta’ fajl skont l-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006 għal restrizzjonijiet dwar is-sustanza inkwistjoni jiżguraw ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, iżda jkunu inqas restrittivi.

149    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju, ir-rikorrenti jirreferu għall-obbligi fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-dispożizzjoni, huma għandhom iwettqu evalwazzjoni tas-sigurtà kimika u jħejju rapport dwar din is-sigurtà għas-sustanza inkwistjoni. Skont l-Artikolu 14(3)(d) ta’ din id-dispożizzjoni, l-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika tinkludi wkoll evalwazzjoni ta’ proprjetajiet PBT u vPvB tas-sustanza inkwistjoni. Jekk din l-evalwazzjoni twassal għall-konklużjoni li sustanza għandha proprjetajiet PBT jew vPvB, ir-rikorrenti għandhom iwettqu evalwazzjoni u stima tal-espożizzjoni u tal-karatterizzazzjoni tar-riskju għall-użi identifikati skont l-Artikolu 14(4). Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-rikorrenti huma meħtieġa jidentifikaw u jimplementaw miżuri adatti għal kontroll adegwat tar-riskji. Peress li din l-evalwazzjoni għadha ma hijiex disponibbli fil-mument tal-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna mid-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA setgħet tiddeċiedi li ddewwem il-preżentata ta’ dan ir-rapport dwar is-sigurtà kimika u l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji proposti, minflok tidentifika s-sustanza inkwistjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna.

150    Madankollu, bl-ebda mod ma jirriżulta mir-Regolament Nru 1907/2006 li l-leġiżlatur ried li jissuġġetta l-proċedura ta’ identifikazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ sustanza msemmija fit-Titolu VII ta’ dan ir-regolament, għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista fit-Titolu II ta’ dan l-istess regolament li minnu jirriżultaw l-obbligi msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament. Huwa veru li dawn l-obbligi huma wkoll intiżi sabiex itejbu l-informazzjoni lill-pubbliku u lill-professjonisti dwar il-perikoli u r-riskji ta’ sustanza. Madankollu, peress li s-sustanzi rreġistrati għandhom ikunu jistgħu jiċċirkolaw fis-suq intern, hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 1907/2006, l-għan tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li l-proċedura ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament huwa parti minnha, huwa li b’mod partikolari huwa gradwalment jissostitwixxi s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna b’sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti li jkunu ekonomikament u teknikament vijabbli (ara l-punt 140 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 69 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-leġiżlatur ried jagħti attenzjoni speċjali lis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna.

151    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju proposti bis-saħħa tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma humiex miżuri xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament dwar it-trattament ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u għalhekk ma humiex miżuri inqas restrittivi f’dan il-każ.

152    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ECHA setgħet idewwem, qabel ma tidentifika ż-żejt tal-antraċen (ta’ ammont baxx) bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, il-preżentata tal-fajl ta’ reġistrazzjoni għas-sustanza inkwistjoni li kien fih l-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika tiegħu, minħabba li tali fajl kien ikun l-aħjar sors ta’ informazzjoni, huwa biżżejjed li wieħed jikkonstata li din l-identifikazzjoni saret fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tinsab fil-fajl dwar is-sustanza inkwistjoni approvat b’mod unanimu mill-Kumitat tal-Istati Membri (ara l-punt 108 iktar ’il fuq). Dan il-kumitat ma kkonstatax l-assenza ta’ informazzjoni dwar il-validità u r-rilevanza tad-data. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni tas-sustanza inkwistjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandha issir biss għall-1 ta’ Diċembru 2010, jiġifieri sentejn u nofs wara d-data minn meta l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kienet applikabbli skont l-Artikolu 141(2) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-1 ta’ Ġunju 2008, waqt li l-allegat obbligu li trid tistenna l-preżentata tal-fajl ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni kien idgħajjef l-effettività tar-Regolament Nru 1907/2006.

153    It-tieni nett, fir-rigward tal-miżuri restrittivi, ir-rikorrenti jsostnu li l-fajl dwar il-proposta ta’ tali miżura skont l-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006 għandu jinkludi l-informazzjoni disponibbli dwar is-sustanzi alternattivi, inkluża l-informazzjoni dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent relatata mal-manifattura jew mal-użu ta’ dawn l-alternattivi, id-disponibbiltà tagħhom u l-fattibilità teknika u ekonomika tagħhom. Proposta bħal din, ibbażata fuq parametri simili għal dawk użati għal fajl għall-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, kien jevita l-konsegwenzi negattivi marbuta ma’ din l-identifikazzjoni u jwassal għall-istess riżultat f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tar-Regolament Nru 1907/2006.

154    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li s-sempliċi fatt li sustanza hija inkluża fil-lista tas-sustanzi kandidati ma tipprekludix li din is-sustanza tiġi suġġetta għal restrizzjonijiet iktar milli għal awtorizzazzjoni. Fil-fatt, kif ukoll jirriżulta mill-Artikolu 58(5) u mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni jew Stat Membru dejjem tista’ tipproponi li l-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza jkun ikkontrollat permezz ta’ restrizzjonijiet iktar milli b’awtorizzazzjoni.

155    Barra minn hekk, kif ukoll jirriżulta mill-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-restrizzjonijiet adottati skont il-proċedura msemmija fit-Titolu VIII ta’ dan ir-regolament, applikabbli għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi, taħlitiet u oġġetti perikolużi, jistgħu jmorru minn kundizzjonijiet partikolari imposti għall-manifattura jew għat-tqegħid fis-suq ta’ sustanza għal projbizzjoni totali tal-użu ta’ sustanza. Anki jekk il-miżuri restrittivi huma wkoll xierqa sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan ir-regolament, dawn ma jikkostitwixxux, bħala tali, miżuri inqas restrittivi meta mqabbla mal-identifikazzjoni ta’ sustanza li timplika biss l-obbligu ta’ żvelar.

156    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni li tinsab fil-fajl dwar proposta ta’ miżuri għal restrizzjoni skont l-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006 turi li l-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni ma hijiex meħtieġa, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li din l-identifikazzjoni saret skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, li tikkostitwixxi proċedura differenti minn dik taħt it-Titolu VIII tal-istess regolament (ara l-punt 154 iktar ’il fuq).

157    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

158    Konsegwentement, il-ħames motiv u għaldaqstant ir-rikors fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

159    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Konformement mal-Artikolu 87(4) tal-istess Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

160    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-ECHA, kif mitluba minn din tal-aħħar. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Cindu Chemicals BV, Deza, a.s., Koppers Denmark A/S u Koppers UK Ltd għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Dittrich

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Prek

 

      Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Marzu 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.