Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Frar 2010 - Cindu Chemicals et vs ECHA

(Kawża T-95/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Cindu Chemicals BV (Uithoorn, il-Pajjiżi l-Baxxi), Deza, a.s. (Valašské Meziříčí, ir-Repubblika Ċeka), Koppers Denmark A/S (Nyborg, id-Danimarka), Koppers UK Ltd (Scunthorpe, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: K. Van Maldegem, R. Cana, avukati u P. Sellar, Solicitor)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda ż-żejt tal-antraċen, b'ammont baxx ta' antraċen;

tikkundanna l-ECHA għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ("ECHA") (ED/68/2009) li tidentifika ż-żejt tal-antraċen, b'ammont baxx ta' antraċen (Nru CAS 90640 82 7) ("żejt tal-antraċen (baxx)") bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57(d) u (e) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 1 ("REACH"), skont l-Artikolu 59 tar-Regolament REACH.

Fuq il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti saru jafu dwarha permezz ta' stqarrija stampa tal-ECHA, iż-żejt tal-antraċen (baxx) ġie inkluż fil-lista ta' 14-il sustanza kimika tal-Lista ta' kandidati ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna għall-eventwali inklużjoni fl-Anness XIV tar-Regolament REACH. Ir-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata għall-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen, b'ammont baxx ta' antraċen, bħal sustanza ta' tħassib serju ħafna huma li s-sustanza hija karċinoġenika, mutaġenika u bijoakkumulattiva ħafna ("vPvB"), skont il-kriterji previsti fl-Anness XIII tar-Regolament REACH.

Ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata tikser ir-regoli applikabbli stabbiliti mir-Regolament REACH sabiex jiġu identifikati s-sustanzi ta' tħassib serju ħafna u jressqu erba' motivi insostenn tar-rikors tagħhom, li huma identiċi għal dawk imqajma fil-Kawża T-94/10, Rütgers Germany et vs ECHA.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1)