Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Frar 2010 - Rütgers Germany et vs ECHA

(Kawża T-96/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Rütgers Germany GmbH (Castrop-Rauxel, il-Ġermanja), Rütgers Belgium NV (Zelzate, il-Belġju), Deza, a.s. (Valašské Meziříčí, ir-Repubblika Ċeka), Koppers Denmark A/S (Nyborg, id-Danimarka), Koppers UK Ltd (Scunthorpe, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: K. Van Maldegem, R. Cana, avukati u P. Sellar, Solicitor)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla parzjalment l-att ikkontesta, sa fejn jikkonċerna ż-żejt tal-antraċene, pasta tal-antraċene;

tikkundanna lill-ECHA tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ("ECHA") (ED/68/2009) li tidentifika żejt tal-antraċene, pasta tal-antraċene (Nru CAS 90640-81-6) ("żejt (pasta) tal-antraċene") bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(d) u (e) tar-Regolament Nru 1907/2006 1 ("REACH"), skont l-Artikolu 59 REACH.

Abbażi tad-deċiżjoni kkontestata, li tressqet għall-attenzjoni tar-rikorrenti permezz ta' stqarrija għall-istampa ta' ECHA, iż-żejt (pasta) tal-antraċene ġie inkluż fil-lista ta' 14-il sustanza kimika tal-lista ta' kandidati ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna sabiex ikun eventwalment inkluż fl-Anness XIV tar-REACH. Ir-raġunijiet esposti fl-att ikkontestat għall-identifikazzjoni taż-żejt (pasta) tal-antraċene bħala sustanza ta' tħassib serju ħafna huma li s-sustanza hija karċinoġenika mutaġenika u persistenti, u bijoakkumulattiva skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII tar-REACH.

Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-att ikkontestat jikser ir-regoli applikabbli stabbiliti għall-identifikazzjoni ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna taħt ir-REACH u invokaw erba' motivi insostenn tar-rikors tagħhom li huma identiċi għal dawk invokati fil-Kawża T-94/10, Rütgers Germany et vs ECHA.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).