Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Marzu 2010 - Nordzucker vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-100/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Nordzucker AG (Braunschweig, il-Ġermanja) (rappreżentant: M. Niestedt, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1193/2009 1;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq il-motivi segwenti:

in-nuqqas tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta r-Regolament dwar l-imposta tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2002/2003 sa 2005/2006 sa fejn ibbażat dan ir-regolament fuq bażi legali li ma għadhiex fis-seħħ;

ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali sa fejn għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat kien imissha ntgħażlet proċedura differenti, b'tali mod li d-dritt tal-kooperazzjoni tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew ma ġiex irrispettat;

nuqqas ta' osservanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Mejju 2008, Zucherfabrik Jülich et (C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06, Ġabra p. I-3231), sa fejn fir-regolament ikkontestat il-Kummissjoni applikat b'mod arbitrarju l-kriterju tal-"ammont totali tar-rifjużjoni" fil-kalkolu tal-imposta tal-produzzjoni, minkejja li dan il-kriterju ma kienx is-suġġett tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja;

ksur tal-projbizzjoni li miżuri jkollhom effett retroattiv minħabba l-bidla sussegwenti, li saret għall-ewwel darba permezz tar-Regolament Nru 1193/2009, tal-ammont totali tar-rifużjoni għal snin tas-suq fis-settur taz-zokkor li kienu diġà ngħalqu.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1193/2009, tat-3 ta' Novembru 2009, li jirrettifika r-Regolamenti (KE) Nru 1762/2003, (KE) Nru 1775/2004, (KE) Nru 1686/2005, (KE) Nru 164/2007 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006 (ĠU L 321, p. 1)