Language of document : ECLI:EU:C:2021:5

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit‑13 ta’ Jannar 2021(1)

Kawża C645/19

Facebook Ireland Limited

Facebook Inc.,

Facebook Belgium BVBA

vs

Gegevensbeschermingsautoriteit

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 7, 8 u 47 — Regolament (UE) 2016/679 — Artikoli 55, 56, 58, 60, 61 u 66 — Awtoritajiet superviżorji — Ipproċessar transkonfinali tad-data — Punt uniku ta’ servizz — Awtorità superviżorja ewlenija — Awtorità superviżorja kkonċernata — Kompetenza — Setgħat — Setgħa li jinbdew proċeduri ġudizzjarji)






I.      Introduzzjoni

1.        Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (2) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”) jippermetti lil awtorità superviżorja ta’ Stat Membru tressaq proċeduri quddiem qorti ta’ dak l-Istat minħabba allegat ksur ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali ta’ data, f’sitwazzjoni fejn din l-awtorità ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar?

2.        Jew inkella l-mekkaniżmu l-ġdid ta’ “punt uniku ta’ servizz”, ippreżentat bħala wieħed mill-innovazzjonijiet il-kbar introdotti mill-GDPR, jipprekludi li sseħħ tali sitwazzjoni? Jekk kontrollur ikollu jiddefendi ruħu kontra kontestazzjoni ġudizzjarja fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali ta’ data mressqa minn awtorità superviżorja quddiem qorti barra mill-post tal-istabbiliment prinċipali tal-kontrollur, dan ikun “punt uniku ta’ servizz żejjed” u għalhekk inkompatibbli mal-mekkaniżmu l-ġdid tal-GDPR?

II.    Il-qafas ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        Fil-preambolu tal-GDPR, huwa rrilevat, inter alia, li: “[l]-għanijiet u l-prinċipji tad-Direttiva 95/46/KE jibqgħu sodi, iżda din ma waqqfitx il-frammentazzjoni fl-implimentazzjoni fil-protezzjoni tad-data fl-Unjoni kollha (u) n-nuqqas ta’ ċertezza legali” (premessa 9); applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-data għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha (premessa 10); l-awtoritajiet superviżorji għandhom jissorveljaw l-applikazzjoni tar-regoli u għandhom jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti tagħhom, sabiex jipproteġu persuni fiżiċi u sabiex jiffaċilitaw il-fluss liberu ta’ data personali fi ħdan is-suq intern (premessa 123); fis-sitwazzjonijiet li jinvolvu pproċessar transkonfinali, “l-awtorità superviżorja għall-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur jew il-proċessur jew għall-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha taġixxi bħala awtorità ewlenija” u din l-awtorità għandha “tikkoopera mal-awtoritajiet l-oħrajn ikkonċernati” (premessa 124).

4.        Skont l-Artikolu 51(1) tal-GDPR, “[k]ull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni (‘awtorità superviżorja’)”.

5.        Skont it-termini tal-Artikolu 55(1) tal-GDPR, “[k]ull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex twettaq il-kompiti assenjati lilha u l-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess”.

6.        L-Artikolu 56 tal-GDPR jikkonċerna l-kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija. Il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni jiddikjara:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60.”

7.        L-Artikolu 56(2) sa (5) jipprovdi li, b’deroga mill-paragrafu 1, “kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex tittratta lment imressaq lilha jew ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament, jekk is-suġġett ikun marbut biss ma’ stabbiliment fl-Istat Membru tagħha jew jaffettwa b’mod sostanzjali suġġetti tad-data fl-Istat Membru tagħha biss”. Dawn il-każijiet jistgħu jiġu ttrattati mill-awtoritajiet superviżorji prinċipali, li jaġixxu konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60 tal-GDPR, jew, “[f]ejn il-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li ma tittrattax il-każ”, mill-awtorità superviżorja lokali, li taġixxi skont l-Artikoli 61 u 62 tal-GDPR.

8.        L-Artikolu 56(6) jiddikjara li “[l]-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun l-interlokutur uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur”.

9.        L-Artikolu 58(5) tal-GDPR, dwar is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji, jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha s-setgħa li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tibda jew timpenja ruħha b’mod ieħor fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

10.      Il-Kapitolu VII tal-GDPR, intitolat “Kooperazzjoni u konsistenza”, jinkludi l-Artikoli 60 sa 76. L-Artikolu 60, intitolat “Kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra”, jistabbilixxi l-proċedura ddettaljata li għandha tiġi segwita mill-awtoritajiet superviżorji ewlenin fit-trattament tal-ipproċessar transkonfinali tad-data.

11.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 61(2) tal-GDPR, dwar l-assistenza reċiproka, jirrikjedi lil kull awtorità superviżorja tieħu “l-miżuri kollha meħtieġa biex twieġeb għal talba ta’ awtorità superviżorja oħra mingħajr dewmien mhux dovut u sa mhux aktar tard minn xahar wara li tirċievi t-talba”. L-Artikolu 61(8) tal-GDPR jistabbilixxi li, meta awtorità superviżorja ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba, l-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba tista’ tadotta miżura provviżorja fit-territorju tal-Istat Membru tagħha, u f’dan il-każ il-ħtieġa urġenti li taġixxi skont l-Artikolu 66(1) hija preżunta.

12.      L-Artikolu 65 tal-GDPR, intitolat “Soluzzjoni għat-tilwim mill-Bord”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u konsistenti tar-Regolament f’każijiet individwali, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem il-“Bord”) għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti fil-każijiet, inter alia, fejn awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata kontra abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità ewlenija jew meta l-awtorità ewlenija tkun ċaħdet tali oġġezzjoni bħala mhux rilevanti jew motivata.

13.      L-Artikolu 66(1), dwar il-proċedura ta’ urġenza, jipprevedi li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn awtorità superviżorja kkonċernata tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, hija tista’, permezz ta’ deroga mill-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza “tadotta minnufih miżuri proviżorji maħsuba biex jipproduċu effetti legali fit-territorju tagħha stess b’perijodu speċifikat ta’ validità li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur”.

14.      Il-Kapitolu VIII tal-GDPR, intitolat “Rimedji, responsabbiltà u pieni”, jinkludi l-Artikoli 77 sa 84. L-Artikolu 77(1) jagħti lil kull suġġett tad-data d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja dwar ksur possibbli tar-Regolament fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernah, “b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat”. L-Artikolu 78(1) u (2) tal-GDPR jagħti lil kull persuna fiżika jew ġuridika d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra, inter alia, deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċerna lil din il-persuna, u kontra awtorità superviżorja li ma tittrattax ilment.

B.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15.      Il-Wet van 8 december 1992 tot bescherming van de persoonlijke levenssfeer ten opzichte van de verwerking van persoonsgegevens (il-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 1992 dwar il-Protezzjoni tal-Privatezza fir-Rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali, iktar ’il quddiem il-“WVP”), kif emendata, ittrasponiet id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (3). Din il-liġi stabbilixxiet, inter alia, il-Kummissjoni Belġjana għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata. Skont l-Artikolu 32(3) ta’ din il-liġi, “bla ħsara għall-ġurisdizzjoni tal-qrati u tat-tribunali ordinarji li japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tal-privatezza, il-President [tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata] jista’ jadixxi lill-qorti tal-ewwel istanza b’kull tilwima marbuta mal-applikazzjoni ta’ din il-liġi u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha”.

16.      Skont l-Artikolu 3 tal-Wet van 3 ta’ Diċembru 2017 tot oprichting van de Gegevensbeschermingsautoriteit (il-Liġi tat‑3 ta’ Diċembru 2017 li Tistabbilixxi l-Awtorità Belġjana għall-Protezzjoni tad-Data, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-APD”), li daħlet fis-seħħ fil‑25 ta’ Mejju 2018, ġiet ikkostitwita l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem l-“APD”) bħala s-suċċessur tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata. Skont l-Artikolu 6 ta’ din il-liġi, l-APD “għandha s-setgħa li tinforma lill-awtoritajiet ġudizzjarji dwar kull ksur tal-prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tad-data personali, fi ħdan il-qafas ta’ din il-liġi u ta’ liġijiet li fihom dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ipproċessar tad-data personali, u, fejn xieraq, għandha tieħu azzjoni legali biex dawn il-prinċipji fundamentali jiġu applikati”.

17.      Il-Liġi dwar l-APD ma kienet tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika f’dak li jirrigwarda l-proċeduri legali miftuħa abbażi tal-Artikolu 32(3) tal-WVP, li kienu għadhom pendenti fil‑25 ta’ Mejju 2018.

18.      Il-WVP tħassret permezz tal-Wet van 30 juli 2018 betreffende de bescherming van natuurlijke personen met betrekking tot de verwerking van persoonsgegevens (il-Liġi tat‑30 ta’ Lulju 2018 dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Fiżiċi fir-Rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali). Din il-liġi timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-GDPR li jobbligaw jew jippermettu lill-Istati Membri jadottaw regoli iktar iddettaljati minbarra r-regoli komuni.

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

19.      Fil‑11 ta’ Settembru 2015, il-President tal-Kummissjoni Belġjana għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata, li iktar tard saret l-APD, beda proċeduri kontra Facebook Inc., Facebook Ireland Ltd u Facebook Belgium BVBA (iktar ’il quddiem, flimkien, “Facebook”) quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju). Dawn il-proċeduri jikkonċernaw allegat ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data minn Facebook, li jikkonsisti, inter alia, fil-ġabra u fl-użu illegali ta’ informazzjoni dwar l-aġir fin-navigazzjoni privat tal-utenti tal-internet fil-Belġju permezz ta’ teknoloġiji bħal “cookies”, “plugins soċjali” u “pixels”.

20.      Essenzjalment, l-APD tallega li Facebook tuża diversi teknoloġiji sabiex tissorvelja u ssegwi l-persuni waqt li dawn jinnavigaw minn sit internet għal ieħor, u mbagħad tuża l-informazzjoni miġbura sabiex tibni profil tal-aġir ta’ navigazzjoni tagħhom u, fuq dan il-bażi, turihom reklamar immirat, mingħajr ma tinforma debitament lill-persuni kkonċernati u mingħajr ma tikseb il-kunsens validu tagħhom. L-APD issostni li Facebook twettaq dawn il-prattiki indipendentement minn jekk il-persuna kkonċernata irreġistratx jew le man-netwerk soċjali ta’ Facebook.

21.      L-APD talbet li Facebook tiġi ordnata tieqaf, fir-rigward ta’ kull utent tal-internet stabbilit fit-territorju Belġjan, milli tpoġġi, mingħajr il-kunsens ta’ dawn l-utenti, cookies li jibqgħu attivi għal sentejn fuq l-apparat li dawn l-individwi jużaw meta jinnavigaw paġna internet fid-dominju Facebook.com jew sit internet ta’ terz, kif ukoll milli tiġbor data, b’mod eċċessiv, permezz ta’ plugins soċjali u ta’ pixels fuq is-siti internet ta’ terzi. Barra minn hekk, hija talbet il-qerda tad-data personali kollha miksuba permezz ta’ cookies u ta’ plugins soċjali dwar kull utent tal-internet stabbilit fit-territorju Belġjan.

22.      Permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji tad‑9 ta’ Novembru 2015, il-President tan-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) iddikjara li din il-qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża u li r-rikors kien ammissibbli fir-rigward tat-tliet konvenuti. Din il-qorti ordnat ukoll provviżorjament lill-konvenuti sabiex iwaqqfu ċerti attivitajiet fir-rigward tal-utenti tal-internet li jinsabu fit-territorju Belġjan.

23.      Fit‑2 ta’ Marzu 2016, Facebook appellat minn dan id-digriet quddiem il-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju). Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, din il-qorti emendat id-digriet tal-ewwel istanza. B’mod partikolari, din il-qorti ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjonijiet kontra Facebook Inc. u Facebook Ireland Ltd, filwaqt li hija għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjoni mressqa kontra Facebook Belgium BVBA. Il-kawża prinċipali b’hekk ġiet limitata għall-azzjonijiet imressqa kontra Facebook Belgium. Din il-qorti ddikjarat ukoll li ma kienx hemm urġenza.

24.      Nifhem li, attwalment, il-kawża pendenti quddiem il-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tikkonċerna l-appell minn deċiżjoni ulterjuri fuq il-mertu mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza. Fi ħdan il-proċedura ta’ appell, Facebook Belgium issostni, inter alia, li, minn meta sar operattiv il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ “punt uniku ta’ servizz” tal-GDPR, l-APD tilfet il-kompetenza tagħha sabiex tkompli l-kawża prinċipali għaliex hija ma hijiex l-awtorità superviżorja ewlenija. Hija targumenta li, fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali inkwistjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija hija d-Data Protection Commission (il-Kummissjoni tal-Protezzjoni tad-Data) Irlandiża. L-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur fl-Unjoni Ewropea jinsab fl-Irlanda (Facebook Ireland Ltd).

25.      F’dan l-isfond, il-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussel) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikoli 55(1), 56 sa 58, u 60 sa 66 tal-[GDPR], moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità superviżorja li, skont leġiżlazzjoni nazzjonali adottata b’implimentazzjoni tal-Artikolu 58(5) ta’ dan ir-regolament, għandha s-setgħa li tibda proċeduri legali quddiem qorti fl-Istat Membru tagħha kontra ksur ta’ dan ir-regolament, ma tistax teżerċita dik is-setgħa fir-rigward ta’ pproċessar ta’ data transkonfinali jekk ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija għal dan l-ipproċessar ta’ data transkonfinali?

(2)      Huwa rilevanti l-fatt li l-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar ta’ data transkonfinali ma jkollux l-istabbiliment prinċipali tiegħu f’dan l-Istat Membru iżda jkollu stabbiliment ieħor?

(3)      Huwa rilevanti l-fatt li l-awtorità superviżorja nazzjonali tibda proċedura legali kontra l-istabbiliment prinċipali tal-kontrollur tal-ipproċessar pjuttost milli kontra l-istabbiliment li jinsab fl-Istat Membru tagħha stess?

(4)      Huwa rilevanti l-fatt li l-awtorità superviżorja nazzjonali tkun bdiet proċeduri legali qabel id-data li fiha daħal fis-seħħ ir-regolament (25 ta’ Mejju 2018)?

(5)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 58(5) [tal-GDPR] għandu effett dirett, b’mod li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ tinvoka l-imsemmi artikolu sabiex tibda jew tissokta bi proċeduri legali kontra persuni privati anki jekk l-Artikolu 58(5) [tal-GDPR] ma jkunx ġie speċifikament traspost fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, minkejja l-obbligu li dan isir?

(6)      Jekk ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun fl-affermattiv, l-eżitu ta’ tali proċeduri jipprekludi konstatazzjoni kuntrarja għal dik tal-awtorità superviżorja ewlenija fil-każ li fih din tinvestiga l-istess attivitajiet ta’ pproċessar transkonfinali jew attivitajiet simili konformement mal-mekkaniżmu previst fl-Artikoli 56 u 60 [tal-GDPR]?”

26.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Facebook, mill-APD, mill-Gvern Belġjan, Ċek, Taljan, Pollakk, Portugiż u dak Finlandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Facebook, l-APD u l-Kummissjoni ressqu wkoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2020.

IV.    Analiżi

27.      Fi ftit kliem, il-kwistjoni ċentrali li qamet fil-kawża prinċipali hija dwar jekk l-APD tistax tkompli proċeduri legali kontra Facebook Belgium f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar transkonfinali tad-data personali li seħħ wara li sar applikabbli l-GDPR, peress li l-entità tal-ipproċessar tad-data hija Facebook Ireland Ltd.

28.      Sabiex tingħata soluzzjoni għal din il-kwistjoni, huwa meħtieġ li jiġu evalwati l-kamp ta’ applikazzjoni u l-funzjonament ta’ dak li l-GDPR innifsu, fil-premessa 127, jirreferi bħala l-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz”. Dan il-mekkaniżmu jikkonsisti f’sett ta’ regoli li jagħtu lok, fil-każ ta’ pproċessar transkonfinali tad-data, għal punt ċentrali ta’ infurzar permezz ta’ awtorità superviżorja ewlenija (iktar ’il quddiem l-“ASE”), li tagħmel parti mis-sistema ta’ proċeduri ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza flimkien mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati (iktar ’il quddiem l-“ASK”), intiżi li jiggarantixxu l-involviment tal-awtoritajiet superviżorji interessati kollha.

29.      Skont l-Artikolu 56(1) tal-GDPR, awtorità superviżorja taġixxi bħala l-ASE fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali mwettaq mill-kontrolluri u mill-proċessuri li għandhom l-istabbiliment prinċipali jew l-istabbiliment uniku tagħhom fit-territorju tagħha. Skont il-punt 22 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, awtorità superviżorja taġixxi bħala ASK jekk waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi li ġejjin tkun issodisfatta: “(a) il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru ta’ dik l-awtorità superviżorja; (b) is-suġġetti tad-data li jgħixu fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità superviżorja jiġu affettwati sostanzjalment jew x’aktarx li jkunu ser jiġu affettwati sostanzjalment mill-ipproċessar; jew (c) ikun tressaq ilment quddiem dik l-awtorità superviżorja”.

30.      Qabel ma tiġi ttrattata s-sustanza tad-domandi preliminari, għandhom isiru ċerti osservazzjonijiet preliminari (A). Imbagħad ser nindirizza l-eżami tal-kwistjonijiet legali mqajma mill-qorti tar-rinviju. Ser niffoka, b’mod partikolari, fuq l-ewwel domanda preliminari sa fejn din id-domanda hija l-qofol tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju (B). Sussegwentement, ser nindirizza biss fil-qosor id-domandi preliminari l-oħra, peress li, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija dik proposta f’dawn il-konklużjonijiet, risposta għal dawn id-domandi l-oħra ssir jew superfluwa jew pjuttost sempliċi (C).

A.      Osservazzjonijiet preliminari

31.      Qabel kollox, ninnota li jeżistu ċerti elementi tal-kawża prinċipali li għandi diffikultà nifhem sew.

32.      L-ewwel, irrid nammetti li r-rilevanza tad-domandi magħmula fil-kors tal-kawża prinċipali ma hijiex kompletament evidenti għalija minħabba l-fatt li, fost il-partijiet li kontrihom ressqet azzjoni l-APD, jidher li hija biss Facebook Belgium li għadha l-konvenuta fil-kawża prinċipali (4). Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li din il-kumpanija la hija l-“istabbiliment ewlieni” tal-kontrollur għall-finijiet tal-punt 16 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, u lanqas, peress li tidher li hija stabbiliment tal-istess impriża, ma hija possibbilment “kontrollur konġunt” fit-tifsira tal-Artikolu 26 tal-GDPR (5).

33.      Madankollu, id-domandi preliminari magħmula jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tagħti deċiżjoni biss f’ċirkustanzi limitati, b’mod partikolari, meta r-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunux issodisfatti jew meta jkun evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti, jew meta d-domandi jkunu (kompletament) ipotetiċi (6). Fil-fehma tiegħi, il-każ preżenti ma huwiex każ bħal dan. Il-kwistjoni ta’ “min hu min” u “min jista’ jiġi mfittex għal x’hiex eżattament” ma hijiex biss evalwazzjoni fattwali li fl-aħħar mill-aħħar taqa’ f’idejn il-qorti nazzjonali, iżda hija wkoll, b’xi mod, waħda mill-aspetti tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

34.      It-tieni, l-aspett temporali tal-kawża prinċipali lanqas ma huwa faċli sabiex jinftiehem faċilment. Il-kawża nfetħet meta d-Direttiva 95/46 kienet fis-seħħ. Sussegwentement, hija nżammet meta l-GDPR daħal fis-seħħ. Madankollu, il-kawża issa tidher li tikkonċerna biss aġir li seħħ wara li sar applikabbli l-qafas legali l-ġdid. Fil-fatt, hemm il-kwistjoni dwar jekk il-kontinwazzjoni tal-proċedura mill-APD hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, element imqajjem mir-raba’ domanda. Madankollu, dawn id-domandi jkunu rilevanti fil-kawża prinċipali biss jekk awtorità nazzjonali fittxet li tkompli sat-tmiem tagħha proċedura pendenti li tikkonċerna ksur allegat li seħħ qabel il-mument li fih sar applikabbli l-qafas ġuridiku l-ġdid. Madankollu, jekk il-proċedura pendenti titqies li tikkonċerna biss, f’dan l-istadju, l-allegati illegalitajiet li seħħew wara d-data li fiha sar applikabbli l-GDPR, possibbilment b’rabta ma’ talba għal projbizzjoni ġudizzjarja (min-natura tagħha neċessarjament prospettiva) ta’ tali prattiki, ma huwiex faċli li wieħed jifhem għaliex l-APD, sa fejn tqis lilha nnifisha kompetenti sabiex tintervjeni, ma temmitx il-proċedura pendenti u ma pproċeditx skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GDPR.

35.      It-tielet, matul is-seduta, l-APD rreferiet għal skambju li hija kellha mal-awtorità superviżorja Irlandiża u mal-Bord dwar waħda mit-teknoloġiji użati minn Facebook sabiex tiġbor id-data (cookies). Ġie rrilevat li ż-żewġ awtoritajiet superviżorji ma qablux dwar jekk din it-teknoloġija kinitx effettivament taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR.

36.      F’dan ir-rigward, u sa fejn hija kkonċernata din il-kawża, jista’ jkun utli li jiġi rrilevat li ċerti attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data jistgħu effettivament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ iktar minn strument leġiżlattiv wieħed tal-Unjoni, f’liema każ dawn l-istrumenti kollha jkunu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, applikabbli fl-istess ħin (7). Madankollu, f’każijiet oħra, pereżempju meta l-attivitajiet ta’ pproċessar ma jirrigwardawx data personali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, il-GDPR evidentement ma japplikax.

37.      Għalhekk, meta l-allegata illegalità ta’ ċerti tipi ta’ pproċessar ta’ data toriġina minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt (tal-Unjoni jew nazzjonali), il-proċeduri u l-mekkaniżmi previsti mill-GDPR ma jkunux involuti. Il-GDPR ma jistax jintuża bħala pont sabiex fil-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz” jiġu inklużi forom ta’ aġir li, minkejja li jimplika ċertu fluss ta’ data jew anki l-ipproċessar, ma jmur kontra l-ebda wieħed mill-obbligi previsti fih.

38.      Sabiex tiddeċiedi jekk każ effettivament jaqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR, qorti nazzjonali, inkluż kull qorti tar-rinviju, għandha tistaqsi dwar is-sors eżatt tal-obbligu legali li jaqa’ fuq operatur ekonomiku u li jkun qiegħed jingħad li ġie miksur minn dan tal-aħħar. Jekk is-sors ta’ dan l-obbligu ma jkunx il-GDPR, f’dan il-każ il-proċeduri previsti minn dan l-istrument, marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan l-istrument, lanqas ma jkunu loġikament applikabbli.

B.      L-ewwel domanda

39.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jippermettux lill-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru tressaq proċeduri quddiem qorti ta’ dan l-Istat għal allegat ksur tal-GDPR fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali ta’ data, anki jekk din l-awtorità ma hijiex l-“awtorità superviżorja ewlenija”.

40.      F’dan ir-rigward, l-APD kif ukoll il-Gvern Belġjan, Taljan, Pollakk u Portugiż jissuġġerixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi fl-affermattiv, filwaqt li Facebook, il-Gvern Ċek u dak Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni jiddefendu l-pożizzjoni opposta.

41.      Fit-taqsima li ġejja, ser nispjega r-raġunijiet għaliex ma iniex konvint mill-interpretazzjoni tal-GDPR proposta mill-APD u mill-Gvern Belġjan, Taljan, Pollakk u Portugiż: kemm interpretazzjoni tal-GDPR letterali u sistematika (1), kif ukoll teleoloġika u storika (2) tmur b’mod ċar fid-direzzjoni opposta. Barra minn hekk, la interpretazzjoni tar-Regolament orjentata lejn il-Karta (3), u lanqas l-allegati riskji ta’ nuqqas ta’ infurzar possibbli tal-GDPR (4) ma huma ta’ natura li jikkontestaw dik li, fil-fehma tiegħi, hija l-interpretazzjoni korretta tal-GDPR, ċertament mhux fil-preżent.

42.      B’dan premess, il-konsegwenzi ta’ dan il-qari partikolari tar-Regolament ma humiex, fil-fehma tiegħi, daqshekk estremi bħal dawk issuġġeriti minn Facebook, mill-Gvern Ċek u dak Finlandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, ser nispjega għaliex ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju għandha tkun fit-triq tan-nofs bejn iż-żewġ pożizzjonijiet avvanzati f’dawn il-proċeduri: l-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru hija intitolata li tressaq proċeduri quddiem qorti ta’ dan l-Istat għal allegat ksur tal-GDPR fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali ta’ data, minkejja li ma hijiex l-ASE, bil-kundizzjoni li hija tagħmel dan fis-sitwazzjonijiet u skont il-modalitajiet previsti mill-GDPR (5).

1.      Interpretazzjoni letterali u sistematika tal-GDPR

43.      Fl-ewwel lok, jidhirli li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, moqrija b’mod partikolari fil-kuntest tagħhom, timmilita favur l-interpretazzjoni tal-GDPR fis-sens li l-ASE għandha kompetenza ġenerali fuq l-ipproċessar transkonfinali u fis-sens li, impliċitament, l-ASK igawdu minn setgħa limitata li jaġixxu f’dan ir-rigward.

44.      L-Artikolu 56(1) tal-GDPR jiddikjara li “l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60” (8). Skont l-Artikolu 56(6) tal-GDPR, “[l]-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun l-interlokutur uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur” (9). Il-premessa 124 tirrifletti dawn id-dispożizzjonijiet u essenzjalment tgħid li, fil-każ ta’ pproċessar transkonfinali “l-awtorità superviżorja għall-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur jew il-proċessur jew għall-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha taġixxi bħala awtorità ewlenija” (10).

45.      Il-kompetenza ġenerali tal-ASE fuq l-ipproċessar transkonfinali ta’ data hija barra minn hekk ikkonfermata mill-fatt li s-sitwazzjonijiet li fihom il-kompetenza fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali tingħata lil awtoritajiet superviżorji oħra huma kklassifikati bħala eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali. B’mod partikolari, l-Artikolu 55(2) tal-GDPR jeskludi l-kompetenza tal-ASE fir-rigward ta’ ċertu pproċessar ta’ data “[imwettaq] minn awtoritajiet pubbliċi”. Barra minn hekk, l-Artikolu 56(2) tal-GDPR jiddikjara li, b’deroga mill-prinċipju li l-kompetenza tappartjeni lill-ASE, “kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex tittratta lment imressaq lilha jew ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament, jekk is-suġġett ikun marbut biss ma’ stabbiliment fl-Istat Membru tagħha jew jaffettwa b’mod sostanzjali suġġetti tad-data fl-Istat Membru tagħha biss”.

46.      Barra minn hekk, l-Artikolu 66 tal-GDPR, li jikkonċerna l-“proċedura ta’ urġenza”, jawtorizza lil kull ASK “f’ċirkostanzi eċċezzjonali”, meta jkun hemm bżonn urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, tadotta immedjatament miżuri provviżorji intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fit-territorju tagħha stess, b’perijodu ta’ validità speċifikat li ma jaqbiżx it-tliet xhur, “b’deroga” mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza msemmija fl-Artikoli 60, 63, 64 u 65 tal-GDPR.

47.      Għalhekk, jidher pjuttost ċar għalija li mit-test tal-GDPR jirriżulta li, fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali, il-kompetenza tal-ASE hija r-regola, u l-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji l-oħra hija l-eċċezzjoni (11).

48.      Madankollu, l-APD u ċerti gvernijiet jikkontestaw dan il-qari tal-GDPR. Fil-fehma tagħhom, it-test tad-dispożizzjonijiet rilevanti jissuġġerixxi dritt (kważi assolut) ta’ kull awtorità superviżorja li tibda proċeduri ġudizzjarja kontra eventwali ksur li jaffettwa t-territorji tagħhom, indipendentement minn jekk l-ipproċessar huwiex transkonfinali min-natura tiegħu. Huma jinvokaw prinċipalment żewġ argumenti.

49.      Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-espressjoni “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55”, li biha jibda l-Artikolu 56(1), tfisser li l-kompetenza attribwita lill-ASE minn din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax tostakola jew tillimita s-setgħat mogħtija mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet lil kull awtorità superviżorja, inkluża s-setgħa li tiftaħ proċeduri ġudizzjarja.

50.      Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

51.      L-Artikolu 55(1) jistabbilixxi l-prinċipju li kull awtorità superviżorja “għandha tkun kompetenti biex twettaq il-kompiti assenjati lilha u l-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess”. Dawn il-kompiti huma mbagħad elenkati fl-Artikolu 57 tal-GDPR. Is-setgħat huma elenkati fl-Artikolu 58 tiegħu. Fost il-kompiti fdati hemm notevolment is-sorveljanza u l-infurzar tal-applikazzjoni tal-GDPR (l-Artikolu 57(1)(a)). Skont l-Artikolu 58, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jingħataw diversi setgħat ta’ investigazzjoni (paragrafu 1), setgħat korrettivi (paragrafu 2), setgħat ta’ awtorizzazzjoni u konsultattivi (paragrafu 3), kif ukoll is-setgħa li jinfetħu proċeduri legali (paragrafu 5).

52.      Essenzjalment, dawn id-dispożizzjonijiet – li għalihom jirreferi impliċitament l-Artikolu 55 – jinkludu l-kompiti u s-setgħat kollha mogħtija lill-awtoritajiet superviżorji skont il-GDPR. Jekk wieħed isegwi l-interpretazzjoni mogħtija mill-APD u minn ċerti gvernijiet, prattikament ma jibqa’ xejn mill-ġurisdizzjoni ġenerali tal-ASE, u għalhekk l-Artikolu 56 jiġi mċaħħad minn kull sens. L-ASE la tkun l-interlokutur “uniku” u lanqas ma “tmexxi” l-awtoritajiet superviżorji l-oħra bi kwalunkwe mod. Wieħed jista’ jgħid li r-rwol tagħha ser jitnaqqas għal dak ta’ “punt ta’ informazzjoni”, mingħajr missjoni ddefinita b’mod ċar.

53.      L-importanza tar-rwol mogħti lill-ASE, u impliċitament tal-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz, tidher b’mod iktar ċar meta dawn id-dispożizzjonijiet jinqraw flimkien u fil-kuntest tagħhom.

54.      Il-prominenza mogħtija lill-Artikolu 56 fi ħdan is-sistema tal-GDPR tikkostitwixxi l-ewwel indizju ta’ dan. L-Artikolu 56 huwa t-tieni dispożizzjoni li tidher fit-taqsima rilevanti tal-GDPR (it-Taqsima 2, intitolata “Kompetenza, kompiti u setgħat”, tal-Kapitolu VI, intitolat “Awtoritajiet superviżorji indipendenti”), u tiġi immedjatament wara d-dispożizzjoni ġenerali dwar il-“kompetenza” u qabel id-dispożizzjonijiet ġenerali l-oħra dwar il-“kompiti” u s-“setgħat”. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jenfasizza ċ-ċentralità tal-kompetenza tal-ASE saħansitra qabel ma jidentifika fid-dettall il-kompiti u s-setgħat speċifiċi tal-awtoritajiet superviżorji kollha.

55.      B’mod iktar fundamentali, l-importanza tar-rwol tal-ASE hija kkorroborata wkoll mid-dispożizzjonijiet inklużi fil-Kapitolu VII tal-GDPR (intitolat “Kooperazzjoni u konsistenza”), li jistabbilixxu d-diversi proċeduri u mekkaniżmi li l-awtoritajiet superviżorji għandhom isegwu sabiex jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tal-GDPR. B’mod partikolari, l-Artikolu 60, li jagħti bidu lill-kapitolu u li għalih jirreferi l-Artikolu 56(1), jistabbilixxi l-proċedura ta’ “kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra”.

56.      Huwa ċar li din kienet maħsuba li tkun il-proċedura li għandha tiġi segwita meta tkun neċessarja azzjoni għal infurzar kontra pproċessar transkonfinali. Din il-proċedura, l-istess bħall-proċeduri l-oħra previsti fil-Kapitolu VII tal-GDPR, ma hijiex fakultattiva. It-termini imperattivi li jinsabu, b’mod partikolari, fl-Artikolu 51(2) u fl-Artikolu 63 tal-GDPR, jindikaw b’mod inekwivoku li l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw u għandhom jagħmlu dan permezz tal-użu (obbligatorju) tal-proċeduri u tal-mekkaniżmi stabbiliti għal dan il-għan.

57.      Għaldaqstant, l-espressjoni “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55”, li tinsab fl-Artikolu 56(1), għandha tifsira differenti minn dik proposta mill-APD. Fil-fehma tiegħi, din il-formulazzjoni, fil-kuntest fejn hija mqiegħda, tfisser sempliċement li, anki jekk f’każ individwali hija l-ASE li hija kompetenti għal dak il-każ li jinvolvi pproċessar transkonfinali skont l-Artikolu 56 tal-GDPR, l-awtoritajiet superviżorji kollha jżommu naturalment is-setgħat ġenerali mogħtija lilhom skont l-Artikolu 55 (u l-Artikolu 58) tal-GDPR.

58.      Skont l-Artikolu 55(1) tal-GDPR, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtorità superviżorja twettaq il-kompiti u teżerċita s-setgħat previsti minn dan ir-regolament. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tagħti lil kull awtorità superviżorja setgħa (jew kompetenza) ġenerali li taġixxi fir-rigward tat-territorju tagħha, u dan jibqa’ validu indipendentement (“mingħajr preġudizzju”) minn jekk l-ipproċessar huwiex ta’ natura transkonfinali jew le u, fl-affermattiv, l-awtorità inkwistjoni taġixxi bħala l-ASE jew l-ASK (12). Madankollu, l-Artikolu 55 tal-GDPR ma jirregolax is-sitwazzjonijiet u l-modalitajiet li fihom din is-setgħa ta’ azzjoni tiġi eżerċitata f’każ individwali. Fil-fatt, dawn l-aspetti huma rregolati minn dispożizzjonijiet oħra tal-GDPR, b’mod partikolari dawk inklużi fil-Kapitolu VII tiegħu. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-kwistjoni ta’ jekk awtorità superviżorja tistax teżerċita s-setgħa ġenerali li taġixxi, u l-modalitajiet kif tagħmel dan, jiddependu, inter alia, minn jekk, fir-rigward ta’ kontrollur jew proċessur partikolari, din l-awtorità hijiex l-ASE jew ASK (13).

59.      F’dan ir-rigward u fir-rigward tal-konklużjoni, jiena għalhekk naqbel mal-fehma tal-Bord li, f’opinjoni reċenti, irrefera għall-Artikolu 56(1) tal-GDPR bħala “regola prevalenti” u bħala “lex specialis”: dan l-artikolu “jieħu prijorità [fuq ir-regola ġenerali tal-Artikolu 55 tal-GDPR] kull darba li tqum xi sitwazzjoni ta’ pproċessar li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikati fih” (14).

60.      Għalhekk, nemmen li l-APD u ċerti gvernijiet jinterpretaw b’mod żbaljat l-Artikoli 55 u 56(1) tal-GDPR. Dawn l-intervenjenti jieħdu l-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 56(1) barra mill-kuntest tagħha sabiex ireġġgħu lura r-relazzjoni bejn ir-regola u l-eċċezzjoni. Sabiex isir dan, jitnaqqas il-kontenut preskrittiv ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-GDPR, u jiġi ostakolat l-għan, enfasizzat inter alia fil-premessa 10 tiegħu, li tiġi żgurata applikazzjoni iktar konsistenti u omoġenea tar-regoli tal-protezzjoni tad-data. Dan iwassal, essenzjalment, għal ritorn għas-sistema preċedenti tad-Direttiva 95/46.

61.      Fit-tieni lok, l-APD u ċerti gvernijiet isostnu li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 58(5) tal-GDPR jirriżulta li l-awtoritajiet superviżorji kollha għandhom ikunu jistgħu jibdew proċeduri ġudizzjarji kontra kull ksur eventwali tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data li jaffettwa t-territorju tagħhom, indipendentement min-natura (lokali jew transkonfinali) tal-ipproċessar. Il-konsegwenza hija – fil-fehma tagħhom – li anki jekk wieħed jinterpreta l-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz bħala li jillimita s-setgħat ta’ awtoritajiet superviżorji oħra fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali, dawn il-limiti jistgħu jikkonċernaw biss l-azzjoni amministrattiva u mhux il-proċeduri ġudizzjarji.

62.      Lanqas dan it-tieni argument ma jidhirli li huwa difendibbli. Jaqa’ fl-istess “dnub” tal-argument preċedenti: il-qari ta’ dispożizzjoni speċifika tal-GDPR fil-kuntest tal-“iżolament kliniku” mill-kumplament ta’ dan ir-regolament filwaqt li, fl-istess ħin, jaqra wisq fiha.

63.      L-Artikolu 58(5) tal-GDPR jipprovdi: “[k]ull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha s-setgħa li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tibda jew timpenja ruħha b’mod ieħor fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament”.

64.      Din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-Istati Membri, minn naħa, jawtorizzaw lill-awtoritajiet superviżorji jżommu relazzjonijiet mill-qrib mal-awtoritajiet ġudizzjarji (inklużi eventwalment l-awtoritajiet kriminali) u, min-naħa l-oħra, jagħtu lill-awtoritajiet superviżorji s-setgħa (mhux biss passiva, iżda wkoll attiva) li jressqu proċeduri quddiem il-qrati u t-tribunali nazzjonali tagħhom. Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet superviżorji għandhom bħala prinċipju jkunu f’pożizzjoni li jikkomunikaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji u, jekk ikun meħtieġ, jibdew proċeduri ġudizzjarji. Nifhem li tali dispożizzjoni espressa kienet ikkunsidrata neċessarja mil-leġiżlatur tal-Unjoni peress li, minkejja t-test tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46 (15), kienu jeżistu diverġenzi sinjifikattivi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni, li mbagħad ħolqu problemi ta’ infurzar limitat (16). Din il-kawża, li nbdiet waqt li din id-direttiva kienet għadha fis-seħħ, toffri eżempju ta’ dan: il-kawża qajmet, skont id-dritt nazzjonali, kwistjonijiet dwar il-locus standi tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata u dwar l-adegwatezza tal-bażi legali tal-azzjoni mressqa mill-President tagħha.

65.      Madankollu, b’mod simili għal dak li diġà ġie espost iktar ’il fuq (17), l-Artikolu 58(5) tal-GDPR jistabbilixxi setgħat li għandhom jingħataw mingħajr eċċezzjoni lill-awtoritajiet superviżorji kollha f’dan l-istadju, indipendentement minn (jew qabel) id-determinazzjoni, f’każ individwali, ta’ jekk din l-awtorità tkunx l-ASE kompetenti, jew ASK jew potenzjalment ma tkun ikkonċernata xejn. L-Artikolu 58(5) tal-GDPR ma jirregolax is-sitwazzjonijiet u l-modalitajiet li bihom għandha tiġi eżerċitata s-setgħa li jitressqu proċeduri. Dan huwa probabbli wkoll għaliex din id-dispożizzjoni tinkludi l-kliem “fejn xieraq”. Dan huwa l-iskop ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-GDPR.

66.      Barra minn hekk, la t-test u lanqas l-istruttura tal-Artikolu 58 tal-GDPR ma jissuġġerixxu li tista’ ssir distinzjoni – kif issostni l-APD – bejn is-setgħat amministrattivi tal-awtoritajiet (li huma suġġetti għar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz”) u s-setgħa li jitressqu proċeduri ġudizzjarji (li ma hijiex suġġetta għal dawn ir-restrizzjonijiet). Din id-dispożizzjoni telenka, paragrafu wara paragrafu, id-diversi setgħat li għandhom jingħataw lill-awtoritajiet superviżorji, billi tiġborhom fi gruppi skont l-għan tagħhom (investigattivi, korrettivi, konsultattivi u l-bqija). Il-formulazzjoni ta’ dawn il-paragrafi hija pjuttost simili u tindika, essenzjalment, li kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat li huma stabbiliti fihom.

67.      Għalhekk, ma narax bażi għall-interpretazzjoni tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 58 b’mod differenti mill-paragrafi 1 sa 3 tal-istess dispożizzjoni. Mit-tnejn, waħda biss tista’ tkun minnha: jew kull awtorità superviżorja tgawdi minn dawn is-setgħat kollha mingħajr ma huma ristretti mill-mekkaniżmu tal-punt uniku ta’ servizz, jew dawn is-setgħat kollha għandhom jiġu eżerċitati skont il-proċeduri u fil-limiti stabbiliti mir-Regolament.

68.      Għar-raġunijiet spjegati fil-punti 51 u 52 iktar ’il fuq, din l-ewwel ipoteżi ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, meta l-Artikolu 58 tal-GDPR jinqara fil-kuntest tiegħu, isir ċar li, fi kwalunkwe każ, il-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-APD u ċerti gvernijiet huwa effettivament minnu.

69.      Fil-fatt, kull awtorità superviżorja tikkontribwixxi għall-applikazzjoni korretta u konsistenti tar-Regolament. Għal dan il-għan, kull awtorità superviżorja – irrispettivament mir-rwol tagħha bħala ASE jew bħala ASK f’każ speċifiku – għandha, pereżempju, teżamina l-ilmenti mressqa quddiemha u għandha tagħmel dan bid-diliġenza dovuta (18). Fil-fatt, anki fejn l-allegat ksur jikkonċerna l-ipproċessar transkonfinali u awtorità ma tkunx l-ASE, awtoritajiet superviżorji oħra għandhom ikunu jistgħu jeżaminaw il-kwistjoni sabiex jipprovdu kontribut sinjifikattiv meta jintalbu jagħmlu dan fil-qafas tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza (19), jew sabiex jadottaw miżuri urġenti. Madankollu, tkun imbagħad l-ASE li, ġeneralment, tadotta deċiżjonijiet vinkolanti sabiex tinforza l-GDPR fir-rigward tal-proċessur jew tal-kontrollur (20). B’mod partikolari, kif jirriżulta mis-sentenza reċenti fil-kawża Facebook Ireland u Schrems, l-“awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti […] jekk ikun il-każ, għandha […] tippreżenta rikors quddiem il-qrati nazzjonali” (21). Għalhekk, is-suġġeriment li l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jinjoraw il-mekkaniżmi ta’ konsistenza u ta’ kooperazzjoni meta jkunu jixtiequ jressqu proċeduri ma jistax jiġi rrikonċiljat mat-test tal-GDPR u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

70.      Barra minn hekk, minn perspettiva iktar prattika, ikun illoġiku li awtorità ma titħalliex tiftaħ proċedura amministrattiva, sabiex tiddiskuti mal-operaturi kkonċernati l-ksur preżunt tar-regoli tal-protezzjoni tad-data, iżda li din l-istess awtorità tiġi permessa tibda immedjatament proċeduri legali f’qorti dwar l-istess kwistjoni. It-tressiq ta’ kawża huwa ħafna drabi strument tal-aħħar għażla, li awtorità tista’ tqajjem meta kwistjoni ma tkunx tista’ tiġi ttrattata b’mod effettiv permezz ta’ diskussjonijiet (formali jew informali) u ta’ deċiżjonijiet fil-livell amministrattiv.

71.      Id-distinzjoni ssuġġerita mill-APD, li ma tippermettix lil awtorità superviżorja tinvestiga, tħejji, tipproċessa u tiddeċiedi (amministrattivament), iżda tippermettilha minflok tressaq proċeduri ġudizzjarji immedjatament quddiem qorti, tqarreb b’mod perikoluż lejn it-tibdil ta’ awtoritajiet amministrattivi f’karattri pjuttost dubjużi tal-Amerika Oċċidentali, li jisparaw l-ewwel, u (forsi), jitkellmu iktar tard, jekk xejn (“meta għandek tispara, spara, mhux titkellem” (22)). Ma iniex ċert li dan huwa mezz raġonevoli jew xieraq għall-awtoritajiet amministrattivi sabiex jittrattaw ksur preżunt tar-regoli tal-protezzjoni tad-data.

72.      Barra minn hekk, u iktar importanti, jekk l-awtoritajiet superviżorji jitħallew imorru liberament quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom, meta ma jkunux jistgħu jużaw is-setgħat amministrattivi tagħhom mingħajr ma jgħaddu mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza previsti mill-imsemmi regolament, dan jiftaħ it-triq għal evażjoni faċli ta’ dawn il-mekkaniżmi. B’mod partikolari, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar abbozz ta’ deċiżjoni, kemm l-ASE kif ukoll (kull waħda mill-)ASK jistgħu “jieħdu s-sitwazzjoni f’idejhom” u jibdew proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, u b’hekk jaqbżu l-proċedura prevista fl-Artikolu 60(4) u fl-Artikolu 65 tal-GDPR.

73.      Dan, min-naħa tiegħu, jirrendi wkoll mingħajr sens waħda mill-funzjonijiet ewlenin tal-Bord – korp stabbilit mill-GDPR, magħmul mill-kap ta’ awtorità superviżorja waħda ta’ kull Stat Membru u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (23). Wieħed mill-kompiti tal-Bord huwa preċiżament dak li jissorvelja u jiżgura l-applikazzjoni korretta tal-GDPR fejn iqum nuqqas ta’ qbil bejn awtoritajiet superviżorji differenti (24). F’dawn il-każijiet, il-Bord jaġixxi bħala forum għas-soluzzjoni tat-tilwim u bħala korp għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Li kieku kellha tiġi segwita l-interpretazzjoni difiża mill-APD u ċerti gvernijiet, il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 65 tal-GDPR ikun jista’ jiġi totalment injorat: kull awtorità tkun tista’ tmur għal triqtha, billi taqbeż il-Bord.

74.      Is-sitwazzjoni li tirriżulta minn dan tidher li hija kuntrarja għal dak li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jilħaq bis-sistema l-ġdida, kif ser jiġi spjegat fit-taqsima li ġejja.

2.      Interpretazzjoni teleoloġika u storika tal-GDPR

75.      Kif jirriżulta mill-premessa 9 tal-GDPR, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li, filwaqt li “[l]-għanijiet u l-prinċipji tad-Direttiva 95/46/KE [baqgħu] sodi”, dan l-istrument “ma [waqqafx] il-frammentazzjoni fl-implimentazzjoni fil-protezzjoni tad-data fl-Unjoni kollha, in-nuqqas ta’ ċertezza legali jew perċezzjoni pubblika mifruxa li hemm riskji sinifikanti għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi”.

76.      In-neċessità li tiġi żgurata l-konsistenza b’hekk saret l-“isem tal-logħba” tal-istrument legali intiż li jissostitwixxi d-Direttiva 95/46. Dan l-għan tqies li huwa importanti minn perspettiva doppja: minn naħa, sabiex jiġi żgurat livell omoġenju u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u, min-naħa l-oħra, sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-moviment tad-data personali fi ħdan l-Unjoni, sabiex tingħata ċ-ċertezza legali u t-trasparenza lill-operaturi ekonomiċi (25).

77.      Dan l-aspett tal-aħħar għandu jiġi enfasizzat. Skont id-Direttiva 95/46, l-operaturi ekonomiċi attivi madwar l-Unjoni kienu obbligati josservaw id-diversi serje ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva, u jikkonsultaw, fl-istess ħin, mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data kollha. Din is-sitwazzjoni ma kinitx biss għalja, ta’ piż u tieħu ħafna ħin għall-operaturi ekonomiċi, iżda kienet ukoll sors inevitabbli ta’ inċertezza u ta’ kunflitti għal dawn l-operaturi u l-klijenti tagħhom (26).

78.      Il-limiti tas-sistema stabbilita taħt id-Direttiva 95/46 immanifestaw ruħhom ukoll f’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza Weltimmo, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-setgħat tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data kienu strettament limitati mill-prinċipju ta’ territorjalità: dawn l-awtoritajiet setgħu jaġixxu kontra ksur imwettaq fit-territorju tagħhom stess biss, filwaqt li fil-każijiet l-oħra kollha kellhom jitolbu l-intervent tal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra (27). Fis-sentenza Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ pproċessar transkonfinali, kull awtorità għall-protezzjoni tad-data setgħet teżerċita s-setgħat tagħha fir-rigward ta’ entità stabbilita fit-territorju tagħha, indipendentement mill-perspettiva u mill-azzjonijiet tal-awtorità responsabbli għall-protezzjoni tad-data tal-Istat Membru fejn l-entità responsabbli minn dan l-ipproċessar għandha s-sede tagħha (28).

79.      Madankollu, fid-dinja virtwali tal-ipproċessar tad-data, il-qsim tal-kompetenza tad-diversi awtoritajiet fuq linji territorjali huwa ta’ spiss problematiku (29). Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ mekkaniżmi ċari ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kien sors ta’ inkonsistenzi u inċertezza.

80.      L-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz, bir-rwol sinjifikattiv mogħti lill-ASE, u tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni stabbiliti sabiex jinvolvu awtoritajiet superviżorji oħra, kienet għalhekk intiża sabiex tindirizza proprju dawn il-problemi (30). Fis-sentenza Google (Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-tneħħija ta’ referenza), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza għall-applikazzjoni korretta u koerenti tal-GDPR, u n-natura obbligatorja tagħhom (31). Iktar reċentement, fis-sentenza Facebook Ireland u Schrems, l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe enfasizza bl-istess mod li l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza previsti fil-Kapitolu VII tal-GDPR huma mfassla sabiex jiġi evitat ir-riskju li diversi awtoritajiet superviżorji jieħdu approċċi differenti fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali (32).

81.      Huwa minnu li – kif tindika l-APD – matul il-proċess leġiżlattiv, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament ippruvaw jillimitaw il-kompetenza tal-ASE, kif inizjalment prevista mill-Kummissjoni. Madankollu, l-emendi finalment introdotti fit-test finali tal-GDPR ma jqajmux dubji dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament spjegata iktar ’il fuq, iżda pjuttost jikkonfermawha.

82.      Skont il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, il-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz kien jimplika li, fir-rigward ta’ pproċessar transkonfinali, awtorità superviżorja waħda unika (l-ASE) kellha tkun inkarigata sabiex tissorvelja l-attivitajiet tal-kontrollur jew tal-proċessur madwar l-Unjoni u sabiex tieħu d-deċiżjonijiet relatati magħhom (33). Madankollu, din il-proposta wasslet għal diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill u l-Parlament.

83.      Il-Kunsill fl-aħħar qabel dwar test fuq il-bażi ta’ proposta mressqa mill-Presidenza (34). Din il-proposta bl-ebda mod ma kkontestat il-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz bħala tali, li l-Kunsill irrefera għalih bħala “wieħed mill-pilastri ċentrali” tal-qafas legali l-ġdid (35). Il-proposta tal-Presidenza fl-aħħar mill-aħħar wasslet għal żewġ serje ta’ emendi pjuttost speċifiċi.

84.      L-ewwel, il-Kunsill xtaq jintroduċi ċerti eċċezzjonijiet għall-kompetenza ġenerali tal-ASE: fir-rigward tal-ipproċessar imwettaq mill-awtoritajiet pubbliċi, u fir-rigward tas-sitwazzjonijiet lokali. Il-Kunsill ippropona għalhekk li jiġu introdotti żewġ dispożizzjonijiet li ma kinux inklużi fil-Proposta tal-Kummissjoni (36), u li issa huma l-Artikolu 55(2) u l-Artikolu 56(2) tal-GDPR (37).

85.      It-tieni, il-Kunsill kellu l-intenzjoni li jtaffi r-rwol u l-kompetenza tal-ASE, billi jagħmel il-proċedura iktar inklużiva. It-test tal-Proposta tal-Kummissjoni tqies li kien kemxejn ambigwu fuq dan il-punt u li seta’ jagħti lok għal kompetenza esklużiva tal-ASE fil-qasam tal-ipproċessar transkonfinali ta’ data. Għalhekk, saru numru ta’ korrezzjonijiet fit-test sabiex tissaħħaħ il-“prossimità” bejn is-suġġetti tad-data u l-awtoritajiet superviżorji (38). Inter alia, l-involviment ta’ awtoritajiet superviżorji oħra fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet żdied b’mod sinjifikattiv.

86.      Il-Parlament Ewropew, min-naħa tiegħu, appoġġja wkoll il-ħolqien tal-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz, bi rwol imsaħħaħ għall-ASE, iżda ppropona li tissaħħaħ is-sistema ta’ kooperazzjoni fost l-awtoritajiet superviżorji. Kemm in-Nota Spjegattiva għall-Abbozz ta’ Rapport tal-Parlament (39) kif ukoll ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat‑12 ta’ Marzu 2014 (40) huma pjuttost ċari f’dan ir-rigward.

87.      Essenzjalment, permezz tal-intervent tal-Kunsill u tal-Parlament, il-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz, li qabel kien ixaqleb ħafna lejn l-ASE, ġie mibdul f’mekkaniżmu ta’ żewġ pilastri iktar ibbilanċjat: ir-rwol ewlieni tal-ASE fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali nżamm, iżda issa huwa akkumpanjat minn rwol imsaħħaħ għall-awtoritajiet superviżorji l-oħra li jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess permezz ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza, bil-Bord mogħti rwol ta’ arbitru u ta’ gwida f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil.

88.      Għalhekk, interpretazzjoni teleoloġika u storika tal-GDPR tikkonferma l-importanza tal-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz u, konsegwentement, il-kompetenza ġenerali tal-ASE fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali tad-data. L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR proposta mill-APD u minn ċerti gvernijiet ma hijiex konċiljabbli mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif tista’ tiġi dedotta mill-preambolu u mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament, kif ukoll mix-xogħol preparatorju.

89.      Nikkonkludi għalhekk li approċċ testwali, kuntestwali, teleoloġiku u storiku għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GDPR jikkonferma li l-awtoritajiet superviżorji huma obbligati josservaw ir-regoli dwar il-kompetenza u dwar il-mekkaniżmi u l-proċeduri ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza previsti mir-Regolament. Meta jkollhom quddiemhom ipproċessar transkonfinali, dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu fil-qafas stabbilit mill-GDPR.

90.      Madankollu, l-APD u ċerti gvernijiet ressqu żewġ serje ta’ argumenti addizzjonali li, fil-fehma tagħhom, jiffavorixxu t-tisħiħ tas-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji kollha sabiex jaġixxu unilateralment, anki f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar transkonfinali. Fit-taqsimiet li ġejjin, ser nispjega għaliex dawn l-argumenti ma għandhomx jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-GDPR li pproponejt iktar ’il fuq, ċertament mhux fil-preżent.

3.      Interpretazzjoni tal-GDPR orjentata lejn il-Karta

91.      L-APD issostni li setgħa mingħajr limiti tal-awtoritajiet superviżorji li jressqu proċeduri kontra l-proċessuri u l-kontrolluri, inkluż meta l-ipproċessar ikun ta’ natura transkonfinali, hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta. Jidher li hemm żewġ preokkupazzjonijiet prinċipali li fuqhom huma bbażati l-argumenti tal-APD dwar dan is-suġġett, għalkemm l-ebda waħda minn dawn il-preokkupazzjonijiet ma ġiet artikolata kompletament fl-osservazzjonijiet tagħha (41).

92.      L-ewwel tħassib tal-APD jidher li huwa relatat mat-tnaqqis fin-numru ta’ awtoritajiet li jistgħu jaġixxu fir-rigward ta’ aġir partikolari. Jidher li hemm suppożizzjoni siekta f’din il-proposta, jiġifieri li livell għoli ta’ protezzjoni jeżiġi pluralità ta’ awtoritajiet li jistgħu jinfurzaw l-osservanza tal-GDPR, anki jekk jaġixxu b’mod parallel. Fi kliem iktar sempliċi, iktar ma jkunu l-awtoritajiet li jkunu involuti, ikbar il-livell ta’ protezzjoni.

93.      Ma naħsibx li dan għandu neċessarjament ikun il-każ, għall-inqas f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ protezzjoni.

94.      Huwa minnu li, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni, inter alia, tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali (42).

95.      Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien tal-fehma li, sabiex jiġi żgurat “livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi”, kien neċessarju “qafas b’saħħtu u koerenti għall-protezzjoni tad-data” (43). Għal dan il-għan, il-qafas stabbilit mill-GDPR huwa intiż li jiżgura konsistenza fuq il-livelli kollha: għall-persuni fiżiċi, għall-operaturi ekonomiċi, għall-kontrolluri u għall-proċessuri, u għall-awtoritajiet superviżorji bl-istess mod (44). Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-GDPR ifittex, kif ikkonfermat fil-premessa 116, li jippromwovi “kooperazzjoni aktar mill-qrib” fosthom (45).

96.      Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li sostniet l-APD, it-tfittxija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tas-suġġetti tad-data hija – f’għajnejn il-leġiżlatur tal-Unjoni – kompletament konformi mal-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz spjegat iktar ’il fuq. Billi jippermettu approċċ iktar koerenti, effettiv u trasparenti f’dan is-suġġett, il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza stabbiliti fil-GDPR għandhom jikkontribwixxu għal enfasi iktar b’saħħitha fuq il-promozzjoni u s-salvagwardja tad-drittijiet stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

97.      Fi kliem ieħor, livell koerenti u uniformi ta’ protezzjoni ċertament ma jipprekludix li din il-protezzjoni titqiegħed f’livell għoli. Din hija sempliċement kwistjoni dwar fejn għandu jiġi stabbilit dan il-kriterju uniformi. Wara kollox, huwa dubjuż kemm il-koeżistenza ta’ diversi azzjonijiet mhux relatati, u possibbilment kontradittorji, mill-awtoritajiet superviżorji verament issaħħaħ l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi. Il-konsistenza u ċ-ċarezza, iggarantiti mill-awtoritajiet superviżorji li jaġixxu flimkien, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jservu aħjar dan l-għan.

98.      It-tieni tħassib espress mill-APD iqajjem kwistjonijiet ta’ prossimità bejn l-individwi li jressqu lment u l-awtoritajiet li finalment ser jieħdu azzjoni bi tweġiba għal dan l-ilment. Il-kwistjoni hija, essenzjalment, dwar jekk l-individwi jistgħux effettivament iressqu proċeduri kontra l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet superviżorji fir-rigward tal-ilmenti tagħhom.

99.      Fil-fatt, l-Artikolu 78 tal-GDPR jikkonferma d-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja. Barra minn hekk, sabiex ikunu konsistenti mal-Artikolu 47 tal-Karta, ir-rimedji previsti mill-GDPR ma jistgħux jeżiġu li s-suġġetti tad-data josservaw regoli ddettaljati li, fid-dawl tal-kwalità tagħhom ta’ persuni fiżiċi, jistgħu jaffettwaw b’mod sproporzjonat id-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju (pereżempju, billi jżidu l-ispejjeż jew billi jdewmu l-kawżi) (46).

100. Madankollu, ebda wieħed mill-argumenti (pjuttost vagi) mressqa minn kull parti dwar dan il-punt ma jispjega b’mod ċar għalfejn l-interpretazzjoni tal-GDPR mogħtija minn Facebook, mill-Gvern Ċek u dak Finlandiż u mill-Kummissjoni tmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta.

101. Qabelxejn, il-GDPR jipprevedi espressament id-dritt tas-suġġetti tad-data li jressqu proċeduri kemm kontra l-kontrolluri u l-proċessuri, kif ukoll kontra l-awtoritajiet superviżorji. Fuq il-livell strutturali, għalhekk, ma jidhirx għalfejn il-GDPR ma josservax l-Artikolu 47 tal-Karta.

102. Fir-rigward tad-dritt tas-suġġetti tad-data li jressqu proċeduri kontra l-kontrolluri u l-proċessuri, huma jingħataw l-għażla li jressqu proċeduri quddiem il-qrati tal-Istati Membri li fihom il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbiliment jew fejn is-suġġetti tad-data jirrisjedu (47). Din ir-regola tidher pjuttost favorevoli jew, għall-inqas, mhux problematika għas-suġġetti tad-data (48).

103. Sa fejn huwa kkonċernat id-dritt tas-suġġetti tad-data li jibdew proċeduri kontra l-awtoritajiet superviżorji, is-sitwazzjoni hija iktar kumplessa. L-ewwel nett, is-suġġetti tad-data jibbenefikaw mid-dritt li jikkontestaw kemm l-azzjonijiet kif ukoll in-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet superviżorji. B’mod partikolari, huma jistgħu jaġixxu kontra kull awtorità superviżorja li “ma tiħux azzjoni b’rabta ma’ ilment, tirrifjuta jew tiċħad l-ilment parzjalment jew kompletament jew ma tiħux azzjoni fejn tali azzjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data” (49).

104. Madankollu, l-azzjonijiet kontra l-awtoritajiet superviżorji għandhom, b’differenza mill-każ ta’ azzjonijiet kontra l-kontrolluri u l-proċessuri, jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja (50). Għalkemm din ir-regola tista’ tidher inqas favorevoli għall-individwi, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 60(8) u (9) tal-GDPR, meta lment imressaq minn suġġett tad-data jiġi totalment jew parzjalment imwarrab jew miċħud, id-deċiżjoni rilevanti tiġi adottata u nnotifikata lis-suġġett tad-data mill-awtorità superviżorja li quddiemha jkun ressaq l-ilment. Dan japplika indipendentement minn jekk din l-awtorità hijiex jew le l-ASE, u b’hekk jippermetti (fejn xieraq) lis-suġġett tad-data jiftaħ proċeduri fl-Istat Membru tiegħu stess.

105. Dawn il-mekkaniżmi ta’ ċaqliq tal-kompetenza sabiex jiġu adottati d-deċiżjonijiet u, fejn meħtieġ, sabiex eventwalment jiġu adottati deċiżjonijiet fuq żewġ livelli (l-ASE fil-konfront tal-kontrollur jew il-proċessur, u awtorità lokali fil-konfront tal-persuna li ressqet l-ilment) jidhru b’mod speċifiku intiżi sabiex jevitaw li s-suġġetti tad-data jkollhom “iduru” l-awli tal-qrati tal-Unjoni sabiex iressqu proċeduri kontra awtoritajiet superviżorji li ma jiħdux azzjoni.

106. Nirrikonoxxi madankollu li tali soluzzjoni tista’ twassal għal diversi kwistjonijiet prattiċi. X’ser ikun il-kontenut eżatt ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet? Dan il-kontenut ikun identiku (51), jew differenti? Suġġett tad-data jkun awtorizzat jitħalla jikkontesta l-kwistjonijiet kollha li huwa jemmen li għandhom x’jaqsmu mal-każ tiegħu, anki dawk li effettivament jagħmlu parti mid-deċiżjoni tal-ASE? Jew inkella d-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja li quddiemha s-suġġett tad-data ressaq l-ilment tikkostitwixxi fil-parti l-kbira “qoxra vojta”, li tittratta sempliċement b’mod formali l-ilment individwali, filwaqt li l-kontenut konkret ikun jinsab fid-deċiżjoni tal-ASE? F’dan il-każ, is-suġġett tad-data għandu, sabiex ikollu aċċess għal “rimedju ġudizzjarju effettiv” fis-sens tal-Artikolu 78 tal-GDPR u tal-Artikolu 47 tal-Karta, iressaq proċeduri ġudizzjarji quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-ASE f’kull każ? Kif għandhom japplikaw ir-regoli ta’ aċċess għal rimedju ġudizzjarju effettiv f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet sottostanti, kemm jekk fil-livell orizzontali (fost l-awtoritajiet superviżorji li jaġixxu flimkien) jew fil-livell vertikali (f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ta’ opinjoni jew ta’ deċiżjoni tal-Bord fil-mekkaniżmu ta’ konsistenza li jippreċedi u li effettivament jista’ jiddetermina d-deċiżjoni finali ta’ awtorità superviżorja) (52)?

107. Ma hemmx nuqqas ta’ problemi eventwali. L-esperjenza prattika tista’, xi darba, tiżvela problemi ġenwini dwar il-kwalità, jew saħansitra dwar il-livell ta’ protezzjoni ġuridika inerenti fis-sistema l-ġdida. Madankollu, fil-preżent, tali kwistjonijiet jibqgħu fil-livell ta’ allegazzjonijiet. F’dan l-istadju, u ċertament f’din il-kawża, ebda element ma ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li jindika kwalunkwe problemi konkreti f’dan ir-rigward.

4.      Fuq eventwali nuqqas ta’ infurzar tal-GDPR

108. L-APD issostni, essenzjalment, li l-infurzar tal-GDPR f’sitwazzjonijiet transkonfinali ma jistax jitħalla kważi esklużivament lill-ASE u lis-suġġetti tad-data li jistgħu jkunu affettwati mill-ipproċessar. Huwa r-rwol stess ta’ kull awtorità superviżorja li taġixxi sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-individwi li jistgħu jiġu affettwati mill-ipproċessar tad-data. B’mod partikolari, awtorità superviżorja ma tistax tissodisfa b’mod korrett il-missjoni tagħha jekk f’kull każ id-deċiżjoni dwar jekk tibdiex jew le azzjoni kontra ksur suspettat, u l-modalitajiet kif isir dan, titħalla għad-diskrezzjoni ta’ awtorità oħra.

109. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument essenzjalment jirrappreżenta sfida diretta għall-mekkaniżmu l-ġdid ta’ kooperazzjoni introdott mill-GDPR. Ir-risposta tiegħi bi tweġiba għal dan l-argument hija fformulata fuq żewġ livelli: minn naħa, sa fejn jirrigwarda l-livell tad-dritt eżistenti, il-GDPR jista’ jingħad li jinkludi mekkaniżmi intiżi sabiex jiġu evitati tali xenarji. Min-naħa l-oħra, sa fejn jirrigwarda l-funzjonament u l-effetti reali tas-sistemi l-ġodda, tali biża’ hija, f’dan l-istadju, prematura u ipotetika.

110. L-ewwel, għandu jiġi kkjarifikat qabel kollox li l-fatt li awtorità superviżorja ma hijiex l-ASE fir-rigward ta’ kontrollur jew proċessur partikolari bl-ebda mod ma jimplika – kif tallega l-APD – li l-ksur tal-GDPR li jagħti lok għal reat kriminali ma jistax ikun suġġett b’mod validu għal prosekuzzjoni. Is-setgħa “li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta’ dan ir-Regolament”, stabbilita fl-Artikolu 58(5), evidentement tinkludi s-setgħa li wieħed jikkonsulta ma’ awtoritajiet kriminali bħall-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Din is-setgħa hija konformi mal-kompitu tal-awtoritajiet superviżorji li jissorveljaw u jinfurzaw l-applikazzjoni tal-GDPR fit-territorju tagħhom u ma tippreġudikax il-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza stabbiliti fil-Kapitolu VII tal-GDPR. F’dan ir-rigward, ma tantx huwa neċessarju li jiġi rrilevat li, għalkemm huma obbligatorji għall-awtoritajiet superviżorji, dawn il-mekkaniżmi ma japplikawx għall-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra, b’mod partikolari għal dawk inkarigati mill-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

111. It-tieni u b’mod iktar importanti, meta s-sistema stabbilita mill-GDPR tiġi osservata fl-intier tagħha, huwa pjuttost ċar li l-ASE ma hijiex l-unika responsabbli għall-infurzar tal-GDPR f’sitwazzjonijiet transkonfinali. L-ASE hija iktar primus inter pares. B’mod ġenerali, ASE tista’ taġixxi (b’mod amministrattiv jew ġudizzjarju) biss bil-kunsens tal-ASK. Fi ħdan il-proċedura prevista fl-Artikolu 60 tal-GDPR, l-ASE hija marbuta li tilħaq kunsens (53). Hija ma tistax tinjora l-perspettiva tal-ASK. Mhux biss l-ASE hija obbligata “tieħu kont” ta’ dawn il-fehmiet, iżda kull oġġezzjoni formali espressa minn ASK għandha l-effett li twaqqaf temporanjament l-adozzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-ASE. Fl-aħħar mill-aħħar, kull diverġenza ta’ fehmiet persistenti bejn l-awtoritajiet hija rregolata minn korp speċifiku (il-Bord) li huwa kompost minn rappreżentanti tal-awtoritajiet superviżorji kollha tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-ASE ma hijiex, f’dan ir-rigward, iktar b’saħħitha minn dik ta’ kull awtorità oħra (54).

112. Kif spjega l-ex Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data P. Hustinx, fi ħdan is-sistema tal-GDPR, ir-rwol ta’ ASE “ma għandux jitqies bħala kompetenza esklużiva, iżda bħala mezz strutturat ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet superviżorji lokali oħra kompetenti” (55). Il-GDPR jipprevedi responsabbiltà kondiviża sabiex tiġi ssorveljata l-applikazzjoni tal-GDPR u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tiegħu. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet superviżorji huma fdati b’kompiti u mogħnija b’ċerti setgħat; ingħataw ċerti drittijiet, iżda huma wkoll mgħobbija b’ċerti dmirijiet. Fost dawn id-dmirijiet hemm, notevolment, l-obbligu li jsegwu ċerti proċeduri u mekkaniżmi intiżi sabiex tiġi żgurata l-konsistenza. Ir-rieda ta’ awtorità li tadotta approċċ li “tagħmel ta’ rasha” (56) fir-rigward tal-infurzar (ġudizzjarju) tal-GDPR, mingħajr ma tikkoopera mal-awtoritajiet l-oħra, ma tistax tiġi rrikonċiljata, la mal-kliem u lanqas mal-ispirtu ta’ dan ir-regolament.

113. Kif issemma fil-punti 76 u 77 iktar ’il fuq, il-GDPR huwa bbażat fuq bilanċ delikat bejn in-neċessità li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u n-neċessità li jiġu eliminati l-ostakoli għall-flussi ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 10 u mill-Artikolu 1(1) tal-GDPR, dawn iż-żewġ għanijiet huma marbuta b’mod inseparabbli. L-awtoritajiet nazzjonali superviżorji għandhom għalhekk jiżguraw bilanċ ġust bejniethom, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod konsistenti fl-ewwel sentenzi tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tad-data (57). L-Artikolu 51(1) tal-GDPR, fid-definizzjoni tal-missjoni tal-awtoritajiet superviżorji, jirrifletti dan l-approċċ (58).

114. It-tielet, il-GDPR mhux biss jipprovdi mekkaniżmi li jsolvu d-diverġenzi fir-rigward tal-modalitajiet li bihom għandu jitwettaq l-infurzar, jiġifieri l-arbitraġġ bejn il-perspettivi u l-opinjonijiet kunfliġġenti espressi mill-awtoritajiet superviżorji. Dan jinkludi wkoll mekkaniżmi sabiex jingħelbu sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ azzjoni amministrattiva. Dawn huma, b’mod partikolari, sitwazzjonijiet li fihom ASE – minħabba nuqqas ta’ perizja u/jew ta’ persunal, jew għal kwalunkwe raġuni oħra – tonqos milli tieħu azzjoni sinjifikattiva sabiex tinvestiga ksur potenzjali tal-GDPR u, fejn xieraq, sabiex tinforza r-regoli tiegħu.

115. Bħala prinċipju, il-GDPR jeżiġi, f’każijiet dwar l-ipproċessar transkonfinali, li l-ASE taġixxi malajr kemm jista’ jkun. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 60(3) tal-GDPR, ASE għandha “mingħajr dewmien, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra [u] għandha tissottometti mingħajr dewmien abbozz ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom u tieħu kont tal-fehmiet tagħhom” (59).

116. Fil-każ li ASE ma tosservax dan l-obbligu, jew b’mod iktar ġenerali tonqos milli taġixxi meta meħtieġ, wieħed jistaqsi jekk jeżistix rimedju legali għall-ASK li jkunu disposti jipproċedu b’investigazzjoni u, eventwalment, b’azzjonijiet ta’ infurzar (60)? Jidhirli li jeżistu tal-inqas żewġ rotot differenti li dawn l-awtoritajiet jistgħu jsegwu, rotot li ma humiex reċiprokament esklużivi.

117. Minn naħa, skont l-Artikolu 61(1) u (2) tal-GDPR, awtorità superviżorja tista’ titlob awtorità superviżorja oħra sabiex tipprovdi “informazzjoni rilevanti u assistenza reċiproka sabiex jimplimentaw u japplikaw [il-GDPR]” (61). Din it-talba tista’ tieħu l-forma ta’ talba għal informazzjoni, inkluż “dwar it-twettiq ta’ investigazzjoni”, jew ta’ miżuri oħra ta’ għajnuna (bħat-twettiq ta’ spezzjonijiet u investigazzjonijiet, jew l-introduzzjoni ta’ miżuri għal kooperazzjoni effettiva). Kull talba bħal din għandha tkun imwieġba mill-awtorità rikjesta “mingħajr dewmien mhux dovut u sa mhux aktar tard minn xahar wara li tirċievi t-talba”.

118. Skont l-Artikolu 61(5) u (8) tal-GDPR, nuqqas ta’ tweġiba fit-terminu stabbilit, jew rifjut ta’ konformità ma’ talba, jippermetti lill-awtorità li tagħmel it-talba “tadotta miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru tagħha f’konformità mal-Artikolu 55(1)”. F’dawn il-każijiet, “il-ħtieġa urġenti li taġixxi skont l-Artikolu 66(1) għandha tkun preżunta li ġiet sodisfatta u teħtieġ deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord skont l-Artikolu 66(2)” (62).

119. Jidhirli li dan il-mekkaniżmu jista’ jintuża wkoll (u probabbilment huwa intiż li jintuża (63)) minn ASK fir-rigward ta’ ASE. Nuqqas li ASE taġixxi f’każ speċifiku ta’ pproċessar transkonfinali, minkejja talba f’dan is-sens minn ASK, jista’ għalhekk jippermetti lil din tal-aħħar tadotta l-miżuri urġenti meqjusa neċessarji sabiex tipproteġi l-interessi tas-suġġetti tad-data. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw in-neċessità urġenti li taġixxi hija preżunta u ma għandhiex tiġi pprovata.

120. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 64(2) tal-GDPR jippermetti lil kwalunkwe awtorità superviżorja (jew il-President tal-Bord, jew il-Kummissjoni) li “titlob li kwalunkwe kwistjoni ta’ applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f’aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-Bord bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b’mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f’konformità mal-obbligi ta’ assistenza reċiproka f’konformità mal-Artikolu 61 […]” (64).

121. Ma huwiex għalkollox ċar jekk id-deċiżjoni tal-Bord hijiex legalment vinkolanti għall-ASE kkonċernata (65). Madankollu, skont l-Artikolu 65(1)(c) tal-GDPR, meta awtorità superviżorja kompetenti ma ssegwix l-opinjoni tal-Bord maħruġa skont l-Artikolu 64, kwalunkwe ASK (jew il-Kummissjoni) jistgħu jikkomunikaw il-kwistjoni lill-Bord u b’hekk jibdew il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim prevista għal dan il-għan. Din l-aħħar proċedura tipproduċi, eventwalment, deċiżjoni vinkolanti (66).

122. B’dan premess, għandu jiġi rrikonoxxut li ż-żewġ mekkaniżmi spjegati iktar ’il fuq (l-Artikoli 61 u 66 tal-GDPR, minn naħa, u l-Artikoli 64 u 65 tal-GDPR, min-naħa l-oħra), huma kemxejn ikkumplikati. Il-funzjonament konkret tagħhom mhux dejjem huwa ċar kristall. Għaldaqstant, għalkemm, fuq il-karta, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jidhru adatti sabiex jevitaw dawn il-problemi, hija biss l-applikazzjoni futura ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li ser tippermetti li wieħed ikun jaf jekk, fil-prattika, dawn id-dispożizzjonijiet humiex ser ikunu “tigri tal-karti”.

123. Dan jeħodni lura għat-tieni livell tal-argument żviluppat b’rabta man-nuqqas ta’ infurzar, u n-natura pjuttost ipotetika u mhux sostnuta tiegħu, ċertament bħalissa. Għandi nammetti li, fil-fehma tiegħi, jekk jimmaterjalizzaw il-perikoli dwar in-nuqqas ta’ infurzar tal-GDPR issuġġeriti mill-APD u minn xi intervenjenti oħra, is-sistema kollha tkun lesta għal reviżjoni kbira.

124. Minn perspettiva strutturali, dan jista’ effettivament ikun il-każ jekk l-istruttura l-ġdida twassal għal “refuġji” regolatorji għal ċerti operaturi li, wara li jkunu effettivament għażlu huma stess ir-regolatur nazzjonali tagħhom billi jqiegħdu l-istabbiliment prinċipali tagħhom fl-Unjoni b’tali mod li jaqgħu taħt dan ir-regolatur nazzjonali, mhux talli ma jkunux issorveljati iżda jkunu effettivament protetti minn ASE partikolari fil-konfront tar-regolaturi l-oħra. Ftit huma dawk li ma jaqblux li kompetizzjoni regolatorja fil-forma ta’ tellieqa sal-qiegħ bejn l-Istati Membri tkun daqstant malsana u perikoluża daqs l-inkonsistenza regolatorja – it-tip ta’ nuqqas ta’ koordinazzjoni u konsistenza li kienet karatteristika tas-sistema preċedenti. Is-sistemi regolatorji fil-forma ta’ netwerk jistgħu jkunu kapaċi jevitaw l-inkonsistenza u d-diverġenza billi jrawmu l-konsensus u l-kooperazzjoni. Madankollu, il-prezz tal-konsensus għandu t-tendenza li jwaqqaf lill-awtoritajiet attivi, speċjalment f’sistema fejn konċertazzjoni msaħħa hija meħtieġa sabiex tintlaħaq kull deċiżjoni. Fi ħdan tali sistemi, ir-responsabbiltà kollettiva tista’ twassal għal irresponsabbiltà kollettiva u, fl-aħħar mill-aħħar, għal nuqqas ta’ azzjoni.

125. Madankollu, fir-rigward ta’ tali perikoli eventwali, il-qafas ġuridiku stabbilit mill-GDPR għadu fi tfulitu. Ma huwiex faċli li wieħed ibassar – speċjalment għal qorti, fil-kuntest ta’ proċedura unika, jew pjuttost singulari – kif il-mekkaniżmi stabbiliti minn dan ir-regolament ser jaħdmu fil-prattika, u kemm ser ikunu effettivi. Fi ħdan tali qafas, b’mod simili għall-kwistjonijiet potenzjali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u dwar l-interpretazzjoni konformi mal-Karta (67), hija rrakkomandata l-kawtela.

126. Fil-fehma tiegħi, tkun idea ħażina li l-Qorti tal-Ġustizzja tibdel b’mod sinjifikattiv dan il-qafas – li huwa l-prodott (delikat u maħdum bir-reqqa) ta’ proċess leġiżlattiv twil u intens – permezz ta’ interpretazzjoni ta’ sentenzi individwali kkunsidrati barra mill-kuntest tagħhom u, preżentement, abbażi ta’ suppożizzjonijiet u spekulazzjonijiet. Dan huwa iktar u iktar minnu jekk l-interpretazzjoni proposta minn ċerti partijiet hija sempliċement dik li, mir-Regolament, jinqraw essenzjalment ċerti partijiet ewlenin u għalhekk li wieħed imur lura de facto għas-sistema l-antika taħt id-Direttiva 95/46 li, fid-dimensjoni istituzzjonali tagħha, kienet ġiet espressament u ċarament imwarrba mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

127. Dan it-tfassil leġiżlattiv ċar ħafna, li jidher, kif jirriżulta mit-taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, kemm fit-test u fl-istruttura tal-GDPR, kif ukoll mill-intenzjoni leġiżlattiva ddokumentata, jipprovdi wkoll tweġiba għal tħassib strutturali potenzjali ieħor, bħal dak relatat mal-bilanċ xieraq bejn l-infurzar pubbliku u privat tar-regoli tal-protezzjoni tad-data u tal-GDPR. Jagħmel sens li l-infurzar pubbliku jiġi limitat għal awtorità waħda unika u għalhekk għal Stat Membru wieħed uniku, li jseħħ biss wara proċedura amministrattiva twila u kkumplikata, filwaqt li l-infurzar privat tal-istess regoli probabbilment isir iktar malajr fil-prattika u quddiem il-qrati (ċivili) tal-Istati Membri kollha? L-awtoritajiet nazzjonali superviżorji għandu jkollhom inqas aċċess għall-qorti minn kwalunkwe konsumatur individwali privat? Il-parti l-kbira tal-kawżi dwar il-protezzjoni tad-data mhux ser jispiċċaw quddiem il-qrati nazzjonali (u possibbilment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari) imressqa direttament minn litiganti privati, li jaqbżu għalkollox ir-regolaturi nazzjonali stabbiliti għal dan il-għan, peress li dawn ir-regolaturi nazzjonali jkunu għadhom qegħdin fil-proċess ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tagħhom? Fi ħdan tali sistema, ma hemmx perikolu li l-infurzar privat ser jissostitwixxi għalkollox lil dak pubbliku?

128. Fi kwalunkwe każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel għażla istituzzjonali u strutturali ċara u, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda dubju dwar dak li xtaq jikseb. F’tali ċirkustanzi, b’mod metaforiku, wieħed għandu, għalissa, jagħti l-benefiċċju tad-dubju lis-sistema li għadha fi tfulitha. Madankollu, jekk jidher li din is-sistema ser tiżviluppa ħażin – fatt li jkollu jiġu pprovat b’fatti u argumenti sodi – ma nemminx li l-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ser tagħlaq għajnejha għall kull lakuna li għaldaqstant tista’ toħroġ fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u l-infurzar effettiv tagħhom mir-regolaturi kompetenti. Dwar jekk din tkunx għadha kwistjoni ta’ interpretazzjoni konformi mal-Karta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju, jew inkella kwistjoni ta’ validità tad-dispożizzjonijiet rilevanti, jew saħansitra ta’ taqsimiet ta’ strument tad-dritt sekondarju, din hija kwistjoni għal kawża oħra.

5.      Konklużjoni intermedjarja

129. L-elementi kollha ta’ interpretazzjoni elenkati jwasslu għalhekk għall-istess riżultat: l-ASE għandha kompetenza ġenerali fuq l-ipproċessar transkonfinali. L-awtoritajiet superviżorji kollha (indipendentement mir-rwol tagħhom ta’ ASE jew ta’ ASK) għandhom jaġixxu, b’mod partikolari fil-każ ta’ pproċessar transkonfinali, skont il-proċeduri u l-mekkaniżmi previsti mill-GDPR.

130. B’dan premess, awtorità superviżorja li ma hijiex l-ASE hija dejjem prekluża, bħala prinċipju, milli taġixxi quddiem il-qrati nazzjonali kontra kontrollur jew proċessur meta l-ipproċessar ikun ta’ natura transkonfinali?

131. Le, ma hijiex.

132. L-ewwel, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu naturalment imorru quddiem qorti nazzjonali meta jaġixxu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR, bil-kundizzjoni li dan ikun awtorizzat mid-dritt nazzjonali u li ma jkunx prekluż mid-dritt tal-Unjoni, pereżempju minħabba li l-ipproċessar ma jinvolvix data personali jew għaliex l-ipproċessar ta’ data personali jitwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) tal-GDPR (68).

133. It-tieni, minkejja n-natura transkonfinali tal-ipproċessar, fis-sitwazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 55(2) tal-GDPR (ipproċessar imwettaq minn awtoritajiet pubbliċi, iżda wkoll kull ipproċessar imwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika), il-kompetenza regolatorja tibqa’ mogħtija lill-awtorità superviżorja lokali, li naturalment tinkludi wkoll, jekk ikun hemm bżonn, il-kapaċità li tressaq proċeduri ġudizzjarji quddiem qorti.

134. It-tielet, hemm każijiet fejn, minkejja l-eżistenza ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data personali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR, ebda awtorità superviżorja ma taġixxi bħala ASE. Peress li l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza previst mill-GDPR japplika biss għall-kontrolluri bi stabbiliment wieħed jew iktar fl-Unjoni, ma jkunx hemm ASE fir-rigward ta’ pproċessar transkonfinali minn kontrolluri li ma għandhomx stabbiliment fl-Unjoni. Dan ifisser li l-kontrolluri mingħajr ebda stabbiliment fl-Unjoni għandhom jittrattaw mal-awtoritajiet superviżorji lokali ta’ kull Stat Membru li jkunu attivi fih (69).

135. Ir-raba’, kull awtorità superviżorja tista’ tadotta miżuri urġenti meta l-kundizzjonijiet xierqa jkunu ssodisfatti. Barra minn hekk, jeżistu sitwazzjonijiet li fihom tiġi preżunta l-urġenza tal-miżuri. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fil-każijiet fejn ASK tkun potenzjalment ikkonfrontata b’nuqqas persistenti minn ASE responsabbli li tieħu azzjoni. Peress li l-Artikolu 66(1) tal-GDPR jipprevedi t-twarrib sħiħ tal-mekkaniżmu ta’ konsistenza, huwa ġust li jiġi preżunt li, f’tali sitwazzjoni eċċezzjonali, il-firxa sħiħa tas-setgħat ta’ awtorità superviżorja (li iżda f’ċirkustanzi normali ma għandhomx jiġu eżerċitati minħabba li huma preklużi mir-regoli speċjali dwar il-kompetenza ta’ ASE għall-ipproċessar transkonfinali) jerġgħu jitqajmu mill-ġdid u jistgħu jiġu eżerċitati temporanjament. Dan għalhekk naturalment jinkludi s-setgħa li jinbdew proċeduri legali skont l-Artikolu 58(5) tal-GDPR.

136. Il-ħames, fl-aħħar nett, għall-finijiet ta’ kompletezza, jista’ jiġi rrilevat li teżisti wkoll il-possibbiltà li awtorità superviżorja li nnotifikat lill-ASE tkun tista’ tikseb (jew pjuttost iżżomm) is-setgħa li tressaq il-każ quddiem qorti fil-każ li l-ASE “tiddeċiedi li ma tittrattax il-każ” skont l-Artikolu 56(5) tal-GDPR. A priori, din l-aħħar dispożizzjoni tista’ takkomoda tajjeb ħafna ftehim konkret bejn iż-żewġ awtoritajiet superviżorji dwar liema minnhom jinsabu f’pożizzjoni aħjar sabiex jittrattaw il-każ.

137. Fl-aħħar mill-aħħar, id-dispożizzjonijiet dwar il-GDPR ma jinkludu ebda ostakolu ġenerali sabiex awtoritajiet superviżorji oħra, b’mod partikolari ASK, ikunu jistgħu jibdew proċeduri kontra ksur eventwali tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Għall-kuntrarju, sitwazzjonijiet diversi li fihom huma awtorizzati jagħmlu dan huma espressament previsti fil-GDPR jew jirriżultaw b’mod impliċitu minn dan ir-regolament (70).

138. Madankollu, b’mod ġenerali, huwa ta’ importanza primordjali li, meta l-proċeduri u l-mekkaniżmi previsti mill-GDPR (b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-Kapitoli VI u VII tiegħu) japplikaw, kemm l-ASE kif ukoll l-ASK għandhom debitament josservawhom. Ir-regoli tal-GDPR huma ċari ħafna fis-sens li ebda waħda minn dawn l-awtoritajiet ma għandha taġixxi lil hinn minn jew bi ksur ta’ dan il-qafas legali.

139. B’dan premess, il-kwistjoni ta’ jekk l-APD osservatx jew le dawn il-proċeduri u dawn il-mekkaniżmi f’dan il-każ – kwistjoni li tat lok għal xi dibattiti waqt is-seduta, iżda li tibqa’ kemxejn mhux ċara fid-dawl tal-isfond proċedurali partikolari ta’ din il-kawża (71) – hija, madankollu, kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

140. Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-GDPR jippermettu lill-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru tressaq proċeduri quddiem qorti ta’ dan l-Istat għal allegat ksur tal-GDPR fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali ta’ data, minkejja li ma tkunx l-ASE, u dan bil-kundizzjoni li hija tagħmel dan fis-sitwazzjonijiet u skont il-proċeduri stabbiliti fil-GDPR.

C.      Fuq id-domandi l-oħra magħmula

1.      It-tieni domanda

141. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkunx differenti jekk il-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar transkonfinali ma jkollux l-istabbiliment prinċipali tiegħu f’dan l-Istat Membru, iżda jkollu stabbiliment ieħor hemmhekk.

142. Fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija pjuttost ċara: bħala prinċipju, le, sakemm l-“istabbiliment prinċipali” fis-sens tal-punt 16 tal-Artikolu 4 tal-GDPR ikun fil-fatt jinsab fi Stat Membru ieħor.

143. Il-fatt li kontrollur ikollu stabbiliment sekondarju fi Stat Membru ma jaffettwax, bħala prinċipju, il-kapaċità tal-awtorità superviżorja lokali li tibda proċeduri ġudizzjarji, konformement mal-Artikolu 58(5) tal-GDPR, fir-rigward ta’ sitwazzjoni ta’ pproċessar transkonfinali partikolari. Fi kliem ieħor, fil-każ ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data, il-portata tas-setgħat mogħtija lil awtorità superviżorja u l-modalitajiet li bihom dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati ma jiddependux ġeneralment minn jekk il-kontrollur jew il-proċessur, li għandu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fi Stat Membru ieħor, għandux ukoll stabbiliment fl-Istat Membru ta’ din l-awtorità.

144. Madankollu, bħalma diġà ġie espost iktar ’il fuq (72), bħala element preliminari għal din il-konklużjoni, il-qorti nazzjonali għandha l-ewwel tivverifika liema huwa fil-fatt l-istabbiliment prinċipali għall-finijiet ta’ operazzjoni ta’ pproċessar partikolari. F’dan ir-rigward, il-punt 16(a) tal-Artikolu 4 tal-GDPR iħaddan għarfien dinamiku (73) ta’ dak li huwa kkunsidrat bħala l-istabbiliment prinċipali, li ma għandux neċessarjament jikkoinċidi mal-istruttura statika korporattiva ta’ impriża.

145. Barra minn hekk, il-fatt li l-kontrollur jew il-proċessur għandu stabbiliment (sekondarju) fit-territorju tal-awtorità superviżorja jfisser li din l-awtorità hija ASK fis-sens tal-punt 22 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. ASK jingħataw setgħat importanti fil-kuntest tal-proċeduri previsti fil-Kapitolu VII tal-GDPR (74).

146. Barra minn hekk, l-Artikolu 56(2) tal-GDPR jipprovdi għal eċċezzjoni għall-kompetenza ġenerali tal-ASE fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali: “kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex tittratta lment imressaq lilha jew ksur possibbli [tal-GDPR], jekk is-suġġett ikun marbut biss ma’ stabbiliment fl-Istat Membru tagħha jew jaffettwa b’mod sostanzjali suġġetti tad-data fl-Istat Membru tagħha biss”. Din il-kompetenza għandha, min-naħa tagħha, tiġi eżerċitata skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3 sa 5 tal-istess dispożizzjoni (75).

2.      It-tielet domanda

147. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkunx differenti li kieku l-awtorità superviżorja nazzjonali tibda l-proċeduri legali kontra l-istabbiliment prinċipali tal-kontrollur jew kontra l-istabbiliment li jinsab fl-Istat Membru tagħha stess.

148. Fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda u sa fejn it-tielet domanda ma tikkoinċidix fir-realtà mat-tieni domanda, it-tielet domanda titlob ukoll risposta negattiva.

149. Għal darba oħra, sa fejn fil-fatt ikun ġie kkjarifikat, fuq il-bażi tal-fatti ta’ każ, li l-istabbiliment prinċipali ta’ operazzjoni ta’ pproċessar partikolari skont il-punt 16 tal-Artikolu 4 tal-GDPR effettivament jinsab fi Stat Membru ieħor, l-awtorità superviżorja nazzjonali tal-Istat Membru li fih jinsab stabbiliment tal-kontrollur ma hijiex l-ASE, iżda tista’ ssir ASK. Madankollu, fi ħdan din l-evalwazzjoni, il-kompetenza tal-awtorità superviżorja li taġixxi ma tiddependix minn jekk il-proċeduri legali humiex imressqa kontra l-istabbiliment prinċipali tal-kontrollur jew kontra l-istabbiliment fl-Istat Membru tagħha stess (76).

150. Għall-finijiet ta’ kompletezza, jista’ jingħad ukoll li l-Artikolu 58(5) tal-GDPR huwa fformulat b’mod wiesa’ u ma jispeċifikax l-entitajiet li kontrihom l-awtoritajiet superviżorji għandhom jew jistgħu jaġixxu. Dan wassal għal dibattitu intriganti fis-sottomissjonijiet ta’ wħud mill-partijiet dwar kwistjoni li, fil-fehma tiegħi, għalkemm ma hijiex mingħajr importanza, ma għandhiex għalfejn tiġi indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża. Il-kwistjoni hija: l-awtoritajiet superviżorji, sa fejn huma fil-fatt kompetenti li jagħmlu dan skont ir-regoli tal-GDPR, jistgħu jieħdu azzjoni biss kontra l-istabbiliment(i) tal-kontrollur jew tal-proċessur li jinsab(u) fit-territorju tagħhom, jew jistgħu jieħdu azzjoni wkoll kontra stabbilimenti li jinsabu barra mill-pajjiż?

151. Minn naħa, il-Gvern Belġjan, Taljan u Pollakk jenfasizzaw li l-Artikolu 55(1) tal-GDPR jillimita l-kompetenza territorjali ta’ kull awtorità superviżorja għat-territorju tagħha. Minn dan huma jiddeduċu li l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jaġixxu biss kontra l-istabbilimenti lokali.

152. Madankollu, it-test fil-fehma tiegħi ma huwiex daqshekk ċar: it-test jirreferi għall-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija mir-Regolament “fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess”. Jiena ma naqrax din id-dispożizzjoni bħala li tipprekludi neċessarjament azzjoni kontra stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor. L-element ta’ territorjalità inkluż fl-Artikolu 55(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni globali tal-GDPR fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 3 tiegħu, li jagħti lok għall-kompetenza ta’ awtorità superviżorja f’każ partikolari, jirrigwarda l-effetti tal-ipproċessar ta’ data fit-territorju ta’ Stat Membru. Dan l-element ma joperax bħala limitu għat-tressiq ta’ proċeduri kontra l-kontrolluri jew il-proċessuri bbażati barra mill-fruntieri nazzjonali.

153. Min-naħa l-oħra, l-APD tissuġġerixxi li kull awtorità għandha s-setgħa li taġixxi kontra kull ksur tal-GDPR li jseħħ fit-territorju tagħha, indipendentement minn jekk il-kontrollur jew il-proċessur għandux stabbiliment fit-territorju tagħha. Dan ifisser li awtorità għandha tkun tista’ wkoll tibda proċeduri kontra stabbilimenti li jinsabu barra mill-pajjiż. F’dan ir-rigward, l-APD tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (77). F’din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikoli 4 u 28 tad-Direttiva 95/46 kienu jippermettu lill-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru teżerċita s-setgħa li tibda proċeduri legali fir-rigward ta’ stabbiliment ta’ dik l-impriża li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Dan kien il-każ anki jekk dan l-istabbiliment kien inkarigat biss mill-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar u minn attivitajiet oħra ta’ kummerċjalizzazzjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li r-responsabbiltà esklużiva għall-ġbir u għall-ipproċessar ta’ data personali kienet tappartjeni, għat-territorju kollu tal-Unjoni, lil stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor.

154. L-APD ġustament issostni li, sa fejn il-GDPR jinkludi, fuq dan il-punt, dispożizzjonijiet simili għal dawk tad-Direttiva 95/46 (78), il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein għandhom, mutatis mutandis, ikunu validi wkoll fir-rigward tal-GDPR. Madankollu, din is-sentenza spjegat biss meta stabbiliment lokali jista’ jiġi mħarrek mill-awtorità, minkejja li (l-parti l-kbira ta’) l-ipproċessar isir minn stabbiliment li jinsab xi mkien ieħor fl-Unjoni. Din is-sentenza, tal-inqas b’mod espress, la kkonfermat u lanqas ma eskludiet li l-awtorità superviżorja setgħet taġixxi wkoll kontra dan l-aħħar stabbiliment.

155. Madankollu, jidhirli li l-mekkaniżmu il-ġdid ta’ punt uniku ta’ servizz, billi joħloq punt ċentrali ta’ infurzar, jimplika neċessarjament li awtorità superviżorja tista’ taġixxi wkoll kontra stabbilimenti li jinsabu barra mill-pajjiż. Ma iniex ċert li s-sistema l-ġdida tista’ taħdem korrettament li kieku kellha teskludi l-possibbiltà li l-awtoritajiet, u b’mod partikolari l-ASE, jieħdu azzjoni kontra stabbilimenti li jinsabu xi mkien ieħor (79).

3.      Ir-raba’ domanda

156. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkunx differenti jekk l-awtorità superviżorja nazzjonali tkun diġà bdiet il-proċeduri legali qabel id-data li fiha l-GDPR daħal fis-seħħ.

157. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-GDPR, ma hemmx regoli tranżitorji jew regoli oħra li jirregolaw l-istatus tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-qafas il-ġdid.

158. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun “jiddependi”.

159. Minn naħa, fir-rigward ta’ ksur minn kontrolluri jew mill-proċessuri tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data li seħħ qabel id-data li fiha sar applikabbli l-GDPR, nemmen li dawn il-proċeduri jistgħu jitkomplew. Ma nara ebda raġuni valida sabiex l-awtoritajiet jiġu mġiegħla jtemmu azzjonijiet ta’ infurzar li jirrigwardaw aġir tal-passat (allegatament) illegali meta kien seħħ, u li kontrih huma kienu (dak iż-żmien) kompetenti sabiex jieħdu azzjoni. Soluzzjoni differenti twassal għal tip ta’ amnestija fir-rigward ta’ ċertu ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

160. Min-naħa l-oħra, tqum sitwazzjoni differenti fir-rigward ta’ azzjonijiet mibdija kontra ksur li għadu ma mmaterjalizzax, peress li jseħħ wara d-data li fiha sar applikabbli l-GDPR (80). F’dan ir-rigward, bħal fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra ta’ regoli ġodda li jkunu applikabbli għal sitwazzjonijiet li jinqalgħu taħt is-sistema legali l-ġdida, ir-regoli sostantivi l-ġodda jkunu applikabbli biss għal fatti li jseħħu wara li jkun sar applikabbli l-istrument il-ġdid (81).

161. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika liema waħda miż-żewġ ipoteżijiet fil-fatt tikkorrispondi għall-istat attwali tal-kawża prinċipali (82). Fil-każ tal-ewwel ipoteżi, nissuġġerixxi li l-proċeduri pendenti jistgħu jitkomplew, ċertament mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu limitati għal possibbli konstatazzjoni ta’ ksur fil-passat. Fil-każ tat-tieni ipoteżi, il-proċedura nazzjonali għandha titwaqqaf. Fil-fatt, il-qafas il-ġdid stabbilixxa sistema differenti ta’ kompetenzi u ta’ setgħat, bil-konsegwenza li ASK ma tistax tieħu azzjoni kontra ksur li jirriżulta minn ipproċessar transkonfinali barra mis-sitwazzjonijiet speċifiċi, u bil-kundizzjoni li ssegwi l-proċeduri u l-mekkaniżmi previsti għal dawn il-finijiet.

162. Is-soluzzjoni kuntrarja timplika estensjoni de facto tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 95/46, minkejja l-fatt li kemm id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt nazzjonali annullawha u ssostitwixxewha espressament b’waħda ġdida. Fil-fatt, jekk l-APD fil-fatt tikseb ordni li tipprojbixxi lil Facebook milli tadotta fil-futur (u, kif qegħdin hawn, għal kemm żmien?) il-prattiki inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ma jippreġudikax il-kompetenza dwar l-aġir (identiku) li l-GDPR ta, mill‑25 ta’ Mejju 2018, lill-ASE u lill-ASK, possibbilment flimkien ma’ deċiżjonijiet (jew ordnijiet ġudizzjarji) kontradittorji maħruġa minn Stati Membri differenti?

4.      Il-ħames domanda

163. Permezz tal-ħames domanda tagħha – magħmula fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda – il-qorti tar-rinviju tfittex li tikkjarifika jekk l-Artikolu 58(5) tal-GDPR għandux effett dirett, b’tali mod li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ tinvokah sabiex tibda jew tkompli proċeduri legali kontra individwi, anki jekk din id-dispożizzjoni ma kinitx speċifikament trasposta fid-dritt nazzjonali.

164. Biex jerġa’ jitfakkar, l-Artikolu 58(5) jaqra: “Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha s-setgħa li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tibda jew timpenja ruħha b’mod ieħor fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament”.

165. Facebook, u l-Gvern Ċek u dak Portugiż jenfasizzaw li din id-dispożizzjoni teħtieġ b’mod ċar li l-Istati Membri jagħmlu xi ħaġa: li jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet jressqu proċeduri. Sabiex tkun kompletament operattiva, is-setgħa li jitressqu proċeduri tista’ teħtieġ ukoll ċerti regoli nazzjonali sabiex jiġu ddeterminati, inter alia, il-qrati kompetenti, il-kundizzjonijiet għall-preżentata ta’ rikors u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti.

166. Fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda preliminari, ma huwiex fil-fatt neċessarju li tingħata risposta għall-ħames waħda. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, ma nara, min-naħa tiegħi, ebda problema li naqbel mal-APD fis-sens li l-kontenut preskrittiv ta’ din id-dispożizzjoni partikolari tad-dritt tal-Unjoni huwa pjuttost inekwivoku u eżegwit awtomatikament. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, ġeneralment, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha effett dirett kull meta, sa fejn jirrigwarda l-kontenut tagħha, tkun biżżejjed ċara, preċiża u mingħajr kundizzjoni sabiex tkun tista’ tiġi invokata kontra miżura nazzjonali kunfliġġenti, jew sa fejn id-dispożizzjoni tiddefinixxi drittijiet li l-individwi jkunu jistgħu jinvokaw kontra l-Istat (83).

167. Minbarra l-fatt li din id-dispożizzjoni hija inkluża f’regolament (strument li, skont l-Artikolu 288 TFUE, “jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha” (84)), jidhirli li tista’ fil-fatt tiġi estratta regola speċifika u applikabbli immedjatament mill-Artikolu 58(5) tal-GDPR. Din ir-regola hija sempliċi ħafna: l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom locus standi quddiem il-qrati nazzjonali, huma ngħataw il-kapaċità li jibdew proċeduri ġudizzjarji fid-dritt nazzjonali. L-azzjoni mressqa quddiem qorti nazzjonali ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba nuqqas ta’ personalità ġuridika.

168. Għalkemm naqbel ma’ Facebook u mal-Gvern Ċek u dak Portugiż li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu regoli speċjali, kundizzjonijiet jew ġurisdizzjoni għall-azzjonijiet imressqa mill-awtoritajiet superviżorji, tali regoli bl-ebda mod ma huma neċessarji għall-funzjonament tar-regola b’effett dirett prevista fl-Artikolu 58(5) tal-GDPR. Fin-nuqqas ta’ regoli ad hoc introdotti mil-leġiżlatur nazzjonali, ir-regoli awtomatiċi fil-kodiċi ta’ proċedura nazzjonali xierqa (kemm jekk ikunu kodiċi tal-ġustizzja amministrattiva kif ukoll, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi, il-kodiċi ta’ proċedura ċivili) ikunu naturalment applikabbli għal kull azzjoni eventwalment mibdija mill-awtoritajiet superviżorji. Għalhekk, pereżempju, li kieku ma kienx hemm regoli ta’ applikazzjoni speċifiċi dwar il-ġurisdizzjoni, wieħed jista’ jassumi biċ-ċert li tapplika r-regola ġenerali awtomatika, li probabbilment tinsab fi kwalunkwe kodiċi ta’ proċedura (ċivili), fis-sens li l-qorti awtomatika hija dik tal-post ta’ stabbiliment tal-konvenut, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor.

5.      Is‑sitt domanda

169. Permezz tas-sitt u l-aħħar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ fejn l-awtorità superviżorja nazzjonali jkollha s-setgħa li tiegħu azzjoni, ir-riżultat ta’ tali proċeduri jimpedixxix lill-awtorità superviżorja ewlenija milli tasal għal konklużjoni kuntrarja, fil-każ fejn din l-awtorità superviżorja ewlenija tinvestiga l-istess attivitajiet ta’ pproċessar transkonfinali jew simili konformement mal-mekkaniżmu previst fl-Artikoli 56 u 60 tal-GDPR.

170. Fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għal din id-domanda.

171. Madankollu, il-kwistjoni mqajma minn din id-domanda turi għal darba oħra għalfejn għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda fis-sens propost iktar ’il fuq. Li kieku n-natura obbligatorja tal-mekkaniżmi ta’ konsistenza u ta’ kooperazzjoni previsti mill-GDPR kellha tiġi eliminata, u b’hekk il-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz isir “fakultattiv”, jew fir-realtà pjuttost ineżistenti, il-koerenza tas-sistema kollha tiġi affettwata b’mod qawwi. Ir-regoli dwar il-kompetenza attwalment inklużi fil-GDPR ikunu, essenzjalment, issostitwiti b’“sentenza mogħtija f’tellieqa dwar min jiġi l-ewwel” parallela mill-awtoritajiet superviżorji kollha. Fl-aħħar mill-aħħar, min “l-ewwel jaqbeż il-post” ta’ sentenza definittiva fil-ġurisdizzjoni tiegħu jsir allura l-ASE effettiva għall-bqija tal-Unjoni, kif implikat mis-sitt domanda?

V.      Konklużjonijiet

172. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) kif ġej:

–        Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) jippermettu lill-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru tressaq proċeduri quddiem qorti ta’ dan l-Istat għal ksur allegat ta’ dan ir-regolament fir-rigward ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data, minkejja li ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, bil-kundizzjoni li hija tagħmel dan fis-sitwazzjonijiet u skont il-proċeduri stabbiliti fl-istess regolament.

–        Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprekludi li awtorità superviżorja tkompli proċeduri legali mibdija qabel id-data li fiha sar applikabbli dan ir-regolament li iżda jikkonċernaw aġir li jitwettaq wara din id-data;

–        L-Artikolu 58(5) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data għandu effett dirett, sa fejn awtorità superviżorja nazzjonali tista’ tinvokah sabiex tibda jew tkompli proċeduri legali quddiem il-qrati nazzjonali, anki jekk din id-dispożizzjoni ma tkunx ġiet trasposta speċifikament fid-dritt nazzjonali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.


4      Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


5      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja issostni, b’mod konsistenti li, fil-kuntest tad-Direttiva 95/46, il-kunċett ta’ “kontrollur” kellu jiġi fformulat b’mod wiesa’ – ara, pereżempju, is-sentenzi reċenti tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629, punti 65, 66 u 70), kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 66). Ma nara ebda raġuni għalfejn dan ma għandux japplika wkoll f’dak li jirrigwarda l-GDPR.


6      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:583, punti 72 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata), jew tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 35).


7      Pereżempju, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fashion ID, spjegajt ir-raġunijiet li għalihom kemm ir-regoli tad-Direttiva 95/46 li kienu fis-seħħ dak iż-żmien kif ukoll dawk tad-Direttiva dwar l-hekk imsejħa “ePrivacy” (id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29 p. 514) setgħu jkunu eventwalment applikabbli f’każ li jinvolvi t-tqegħid ta’ cookies (C‑40/17, EU:C:2018:1039, punti 111 sa 115). F’dan ir-rigward, b’mod iktar ġenerali, ara l-Opinjoni 5/2019 tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar ir-relazzjoni bejn id-Direttiva ePrivacy u l-GDPR, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kompetenza, il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tad-data, tat‑12 ta’ Marzu 2019. Ara wkoll id-Dokument 02/2013 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data, dwar il-gwida għall-kisba tal-kunsens għall-cookies, 1676/13/EN WP 208, tat‑2 ta’ Ottubru 2013.


8      Enfasi tiegħi.


9      Enfasi tiegħi.


10      Enfasi tiegħi.


11      Fil-letteratura legali, ara Bensoussan, A., (editur), Règlement européen sur la protection des données – Textes, commentaires et orientations pratiques, it-tieni edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2017, p. 363.


12      B’mod simili, Hijmans, H., “Comment to Article 56 of the GDPR”, f’Kuner, C., Bygrave, L., Docksey, C. (edituri), The EU General Data Protection Regulation (GDPR) – A Commentary, Oxford University Press, Oxford, 2020, p. 921.


13      B’analoġija mad-dritt amministrattiv ġenerali (jew kodiċijiet ta’ proċedura ġudizzjarja), korp jista’ jkollu s-setgħa (ġenerali) li jaġixxi b’ċerti modi, iżda jista’ ma jkollux neċessarjament il-kompetenza (rationae materiae, personae, temporis, loci...) li jeżerċita din is-setgħa u li jiddeċiedi każ individwali. Għalhekk, pereżempju, il-fatt li qorti kriminali għandha s-setgħa li tagħti sentenza fi proċedura kriminali ma jimplikax neċessarjament li hija kompetenti wkoll sabiex tagħmel dan fil-każ ta’ delitt partikolari mwettaq minn persuna speċifika (sa fejn din id-delitt jista’ jaqa’ fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti differenti).


14      Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, Opinjoni 8/2019 dwar il-kompetenza ta’ awtorità superviżorja f’każ ta’ bidla fiċ-ċirkostanzi relatati ma’ stabbiliment ewlieni jew uniku, tad‑9 ta’ Lulju 2019, punti 19 u 20.


15      Din id-dispożizzjoni, fil-parti rilevanti, tiddikjara: “[k]ull awtorità għandha jkollha partikolarment […] is-setgħa li tidħol fi proċeduri legali meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva jkunu ġew miksura jew li tressaq dan il-ksur quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji”.


16      Ara l-Kummissjoni Ewropea, l-Ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data 95/46/KE, tal‑15 ta’ Mejju 2003, COM(2003) 265 final, p. 12 u 13, u l-Anness tiegħu “Analiżi u studju tal-impatt fuq l-implementazzjoni tad-Direttiva 95/46 fl-Istati Membri”, p. 40. Ara wkoll l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Aċċess għal rimedji tal-protezzjoni tad-data fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea – Rapport, 2012, speċjalment pp. 20 sa 22.


17      Ara, iktar ’il fuq, il-punti 51, 57 u 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


18      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 63), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 109).


19      F’ċerti każijiet, ASK għandha d-dritt (u għandha għalhekk tkun tista’) tissottometti lill-ASE abbozz ta’ deċiżjoni: ara l-Artikolu 56(2) sa (4) tal-GDPR.


20      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 125 tal-GDPR.


21      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020 (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 120) (l-enfasi tiegħi). B’mod simili, filwaqt li huwa ppreċiżat li hija l-awtorità superviżorja kompetenti li għandha tirreaġixxi għal ksur tal-GDPR u li għandha tagħżel l-iktar mezzi xierqa sabiex tagħmel dan, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2019:1145, punti 147 u 148). Ipparaguna dawn id-dikjarazzjonijiet mas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 65), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, skont id-Direttiva 95/46, (kull) awtorità superviżjorja nazzjonali kellu jkollha l-kapaċità li tiftaħ proċeduri legali.


22      Skont kif tgħid il-linja famuża “when you have to shoot, shoot; don’t talk” f’“The Good, the Bad and the Ugly” (film tal‑1966 immexxi minn Sergio Leone, bi Clint Eastwood, Lee Van Cleef u Eli Wallach, prodott minn Produzioni Europee Associate and United Artists).


23      Artikolu 68 tal-GDPR.


24      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 70(1)(a) tal-GDPR.


25      Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali), COM(2012) 11 final. Ara wkoll il-premessi 10, 13 u 123 tal-GDPR.


26      Fuq din il-kwistjoni, ara, b’mod ġenerali, Giurgiu, A., u Larsen, T., “Roles and Powers of National Data Protection Authorities – Moving from Directive 95/46/EC to the GDPR: Stronger and More ‘European’ DPAs as Guardians of Consistency?” European Data Protection Law Review, 2016, pp. 342 sa 352, f’349; u Voigt, P., von dem Bussche, A., The EU General Data Protection Regulation (GDPR) – A Practical Guide, Springer, 2017, pp. 190 sa 192.


27      Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015 (C‑230/14, EU:C:2015:639, punti 42 sa 60).


28      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018 (C‑210/16, EU:C:2018:388, punti 65 sa 74).


29      Ara, pereżempju, Miglio, A., “The Competence of Supervisory Authorities and the One-stop-shop Mechanism’, f’EU Law Live – edizzjoni Weekend, Nru. 28, 2020, pp. 10 sa 14, fi 11.


30      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2017:796, punt 103)


31      Sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019 (C‑507/17, EU:C:2019:772, punt 68).


32      C‑311/18, EU:C:2019:1145, punt 155.


33      Ara l-premessi 97 u 98 tal-Proposta tal-Kummissjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq).


34      Ara d-dokumenti tal-Kunsill 15656/1/14 REV 1, tat‑28 ta’ Novembru 2014, u 16526/14, tal‑4 u tal‑5 ta’ Diċembru 2014, p. 2, 8 u 9.


35      Ibid. p. 1.


36      Ara d-Dokument tal-Kunsill 5419/1/16 REV 1, tat‑8 ta’ April 2016, p. 203 sa 205.


37      Ara, iktar ’il fuq, il-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Dokument tal-Kunsill 15656/1/14 REV 1, tat‑28 ta’ Novembru 2014, p. 2.


39      Ara d-dokument A7–0402/2013, tat‑22 ta’ Novembru 2013, li rrefera għall-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz bħala “pass kbir lejn l-applikazzjoni koerenti ta’ leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta madwar l-UE”.


40      Dokument EP-PE_TC1-COD (2012) 0011, tat‑12 ta’ Marzu 2014 (ara b’mod speċjali l-emendi 148, 149, 158, 159 u 167).


41      B’mod simili, ser nassumi sempliċement li dawn id-dispożizzjonijiet u drittijiet tal-Karta invokati huma dawk tas-suġġetti tad-data, li awtorità superviżorja hija mitluba tipproteġi, u mhux li awtorità superviżorja stess tkun id-detentur ta’ dawn id-drittijiet. L-idea li dawn l-awtoritajiet amministrattivi, jiġifieri l-emanazzjonijiet tal-Istat, jibbenefikaw minn drittijiet (tal-bniedem) fundamentali li jistgħu jinvokaw kontra l-Istat (jew pjuttost kontra xulxin jew, fil-każ ta’ effett dirett orizzontali, anki fil-konfront ta’ individwi) hija fil-fatt pjuttost singolari. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għandha tkun b’mod ċar fin-negattiv, iżda nirrikonoxxi li hemm approċċi differenti fl-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest ta’ din il-kawża, din il-kwistjoni tista’, mingħajr problemi, titħalla mhux esplorata.


42      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 39).


43      Ara l-premessi 7, 9 u 10 tal-GDPR (enfasi tiegħi).


44      Ara, f’dan is-sens, il-premessi 10, 11 u 13 tal-GDPR.


45      Enfasi tiegħi.


46      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punti 54 sa 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Ara l-Artikolu 79 kif ukoll il-premessa 145 tal-GDPR.


48      Wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li, f’termini prattiċi, din is-soluzzjoni tikkoinċidi ma’ dak li huwa tipikament il-forum (fil-fatt protettiv) (actoris) fil-kuntratti tal-konsumaturi taħt is-sistema tar-Regolament Brussell – ara, b’mod ġenerali, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37).


49      Ara l-premessi 141 u 143 tal-GDPR, u s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 110).


50      Ara l-premessa 143 u l-Artikolu 78 tal-GDPR.


51      Għal tali approċċ f’kuntest regolatorju (iddeċentralizzat) ieħor, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Astellas Pharma (C‑557/16, EU:C:2017:957).


52      Rigward l-aħħar kwistjoni, l-Artikolu 78(4) jipprovdi li “[f]ejn jitressqu proċedimenti kontra deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja li kienet preċeduta minn opinjoni jew deċiżjoni tal-Bord fil-mekkaniżmu ta’ konsistenza, l-awtorità superviżorja għandha tibgħat dik l-opinjoni jew id-deċiżjoni lill-qorti”. F’termini prattiċi, dan x’aktarx ikun l-uniku mezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Bord, peress li, kif tikkonferma b’mod minaċċanti l-premessa 143 tal-GDPR, “kull persuna fiżika jew ġuridika” (għalhekk inkluż is-suġġetti tad-data) tista’, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 263 TFUE jkunu ssodisfatti, tikkontesta deċiżjoni legalment vinkolanti tal-Bord quddiem il-Qrati tal-Unjoni. Madankollu, fid-dawl tal-interpretazzjoni restrittiva mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kundizzjonijiet ta’ locus standi tal-individwi stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma huwiex faċli li jiġu identifikati sitwazzjonijiet li fihom individwi jistgħu jitqiesu li huma direttament ikkonċernati mid-deċiżjonijiet tal-Bord, peress li dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu “applikati” għas-sitwazzjoni ta’ suġġett tad-data partikolari minn deċiżjoni sussegwenti tal-ASE jew ta’ ASK. F’tali sitwazzjoni, bħal f’ħafna oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni (b’mod kritiku dwar din il-kwistjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Région de Bruxelles-Capitale vs Il-Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:588, punti 137 sa 147), l-uniku mod li tiġi kkontestata deċiżjoni tal-Bord huwa, fl-aħħar mill-aħħar, permezz ta’ deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, li jkun limitat għall-każijiet li fihom qorti nazzjonali iktar inkwirenti tkun tixtieq “twarrab it-tarka” għall-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, imqiegħda quddiemha mill-awtorità superviżorja nazzjonali fil-forma tal-opinjoni tal-Bord “mgħoddija” lilha skont l-Artikolu 78(4) tal-GDPR.


53      Ara, b’mod speċjali, l-Artikolu 60(1) tal-GDPR.


54      Hijmans, H., “Comment to Article 56 of the GDPR”, f’Kuner, C., Bygrave, L., Docksey, C., (edituri), The EU General Data Protection Regulation (GDPR) – A Commentary, Oxford University Press, Oxford, 2020, p. 918.


55      Hustinx, P., “EU Data Protection Law: The Review of Directive 95/46/EC and the General Data Protection Regulation”, f’Cremona, M., (editur), New Technologies and EU Law, 2017, Oxford University Press, Oxford, p. 123.


56      Għal din l-espressjoni, ara l-Kunsill, “Dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz”, 10139/14 tas-26 ta’ Mejju 2014, p. 4.


57      Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 24). Iktar reċentement, ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 42).


58      Ara, iktar ’il fuq, il-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59      Enfasi tiegħi.


60      F’dan il-kuntest, nixtieq sempliċement inżid li l-awtoritajiet superviżorji li jirċievu lment – indipendentement mill-pożizzjoni tagħhom bħala ASE jew ASK – ma humiex biss obbligati jeżaminaw dan l-ilment bid-diliġenza dovuta (ara, iktar ’il fuq, il-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet), iżda huma wkoll obbligati jiżguraw “l-osservanza sħiħa tal-GDPR” u dan filwaqt li jaġixxu “bid-diliġenza kollha meħtieġa” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 112)) (enfasi tiegħi).


61      Enfasi tiegħi.


62      Enfasi tiegħi.


63      Ara Tosoni, L., “Comment to Article 60 of GDPR”, f’Kuner, C., Bygrave, L., Docksey, C., (edituri), The EU General Data Protection Regulation (GDPR) – A Commentary, Oxford University Press, Oxford, 2020, p. 969.


64      Enfasi tiegħi.


65      Dan jiddependi, kif tippreċiża l-premessa 138 tal-GDPR, mil-liema tip ta’ miżura hija kkonċernata. Madankollu, f’termini realistiċi, ikun pjuttost sorprendenti li, anki jekk ma tkunx formalment vinkolanti skont il-GDPR, ASE tagħżel li tinjora deċiżjoni tal-Bord (b’mod partikolari għaliex dak li ma huwiex vinkolanti fl-ewwel stadju jista’ jsir tali f’dak li jmiss).


66      B’mod simili, f’iktar dettall, Van Eecke, P., Šimkus, A., “Comment to Article 64”, f’Kuner, C., Bygrave, L., Docksey, C., (edituri), The EU General Data Protection Regulation (GDPR) – A Commentary, Oxford University Press, Oxford, 2020, p. 1011.


67      Ara iktar ’il fuq il-punti 106 u 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68      Ara, iktar ’il fuq, il-punti 35 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


69      Ara wkoll il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data, Linji Gwida dwar l-identifikazzjoni ta’ awtorità superviżorja ewlenija tal-kontrollur jew tal-proċessur, WP 244 rev.01, tal‑5 ta’ April 2017, p. 10.


70      Barra minn hekk, ma nallegax li l-eżempji msemmija iktar ’il fuq huma lista eżawrjenti. Ma jistax ikun hemm sitwazzjoni oħra fejn id-deċiżjoni finali meħuda f’każ partikolari ta’ pproċessar transkonfinali – kemm jekk bi ftehim bejn l-ASE u l-ASK, jew wara soluzzjoni ta’ tilwim mill-Bord – tista’ tafda lil ASK waħda jew iktar bil-kompitu li jwettqu ċerti atti ta’ infurzar fit-territorji rispettivi tagħhom, inkluż, pereżempju, it-tressiq ta’ proċeduri legali?


71      Kif ġie espost iktar ’il fuq, fil-punti 31 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72      Iktar ’il fuq, punti 32 sa 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73      Kif għandu jkun il-każ, b’mod ġenerali, għal kull ipproċessar bħala tali, u għad-definizzjoni tal-kontrollur (konġunt) tiegħu. Il-kontroll effettiv fuq il-finijiet u l-mezzi ta’ pproċessar għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ operazzjoni ta’ pproċessar partikolari, u mhux f’termini astratti u statiċi, fir-rigward ta’ “pproċessar” mhux iddefinit – ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629, punti 71 sa 74).


74      Ara, iktar ’il fuq, il-punti 111 u 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75      Ara, iktar ’il fuq, il-punti 45 u 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76      Għalhekk indirettament niġu lura għall-kwistjoni inizjali dwar x’inhuwa eżattament dak li fir-rigward tiegħu tali stabbiliment ikun suġġett għal proċeduri f’dan l-Istat Membru wara d-dħul fis-seħħ tal-GDPR, kif ġie diskuss iktar ’il fuq fil-punti 32 sa 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


77      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018 (C‑210/16, EU:C:2018:388).


78      Qabbel, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) il-ġdid mal-Artikolu 4(1)(a) l-antik, u l-Artikolu 58(6) il-ġdid, mat-tielet inċiż tal-Artikolu 28(3) l-antik.


79      Madankollu, kif ġie ssuġġerit iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 70, huwa daqstant ieħor konċepibbli li t-teħid ta’ deċiżjonijiet ikkoordinat jista’ jwassal għal miżuri ta’ infurzar ikkoordinati.


80      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, speċjalment il-punt 60).


81      Għal diskussjoni fil-fond bl-eżempji, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nemec (C‑256/15, EU:C:2016:619, punti 27 sa 44).


82      Ara wkoll, iktar ’il fuq, il-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


83      Iktar fid-dettall, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Klohn (C‑167/17, EU:C:2018:387, punti 36 sa 46).


84      Għalkemm, ċertament, l-applikabbiltà diretta ma hijiex effett dirett u l-istess kundizzjonijiet ta’ effett dirett japplikaw fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet ta’ regolamenti li jipprevedu jew li jeħtieġu l-implimentazzjoni tagħhom – ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2001, Monte Arcosu (C‑403/98, EU:C:2001:6, punti 26 sa 28); tat‑28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648, punti 33 et seq.); jew tal‑14 ta’ April 2011, Vlaamse Dierenartsenvereniging u Janssens (C‑42/10, C‑45/10 u C‑57/10, EU:C:2011:253, punti 48 sa 50).