Language of document : ECLI:EU:T:2013:276

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

28 ta’ Mejju 2013

Kawża T‑130/13 P

Stephanie Honnefelder

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Terminu għall-preżentata ta’ appell — Tardività — Assenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri — Appell manifestament inammissibbli”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2012, Honnefelder vs Il‑Kummissjoni (F‑42/11), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Stephanie Honnefelder għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Appell — Termini — Natura ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 101(1)(a) u (b), 102(2) u 144)

2.      Appell — Termini — Appell ippreżentat bil-faks — Terminu għall-preżentata tal-oriġinal iffirmat — Bidu tad-dekorrenza — Data li fiha ġiet riċevuta l-faks u mhux dik li fiha jiskadi t-terminu għall-preżentata ta’ appell

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 43(6), 101(1)(a) u (b), 102(2), 138(1) u 144)

3.      Proċedura ġudizzjarja — Termini għall-preżentata ta’ appell — Dekadenza — Każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri — Kunċett — Limiti

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 9 u 10)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Jannar 1997, Coen, C‑246/95, Ġabra p. I‑403, punt 21

Il-Qorti Ġenerali: 18 ta’ Settembru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, T‑121/96 u T‑151/96, Ġabra p. II‑1355, punti 38 u 39; 12 ta’ Ottubru 2009, Aayhan et vs Il‑Parlament, T‑283/09 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑113 u II‑B‑1‑695, punt 14

2.      L-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, applikabbli għall-appelli mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 138(1) tal-istess regolament, jipprovdi li d-data li fiha kopja tal-oriġinal iffirmat ta’ att proċedurali tasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ faks għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini tal-proċedura, biss jekk l-oriġinal tal-att iffirmat jiġi ddepożitat fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara li tkun riċevuta l-faks.

Argument li jipprovdi li t-terminu ta’ għaxart ijiem imsemmi fl-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura jibda jiddekorri mid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem li tirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 101(1)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, applikabbli għall-appelli mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tal-Artikolu 144 tal-istess regoli u tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, tkun xi tkun id-data li fiha tkun riċevuta l-faks, ma jistax jiġi milqugħ. B’mod partikolari, meta l-faks tiġi riċevuta iktar minn għaxart ijiem qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit sabiex jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti Ġenerali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura ma għandhomx l-effett li jżidu dan it-terminu.

(ara l-punti 13 u 17)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 18 ta’ Jannar 2005, Zuazaga Meabe vs UASI, C‑325/03 P, Ġabra p. I‑403, punt 18

3.      Il-kunċetti ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżiġu li wieħed ikun jinsab fil-preżenza ta’ diffikultajiet anormali, irrispettivament mir-rieda tar-rikorrenti u li jidhru li huma inevitabbli, minkejja li tkun ġiet applikata d-diliġenza kollha. Dawn il-kunċetti jinkludu, it-tnejn li huma, element oġġettiv, marbut maċ-ċirkustanzi anormali u mhux konnessi mal-persuna kkonċernata, u element suġġettiv, li jirrigwarda l‑obbligu, għall-persuna kkonċernata, li tilqa’ kontra l-konsegwenzi tal-avveniment anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, il-persuna kkonċernata għandha tħares b’attenzjoni l‑iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, turi diliġenza sabiex tosserva t-termini previsti. Għalhekk, il-kunċett ta’ forza maġġuri ma japplikax għal sitwazzjoni fejn persuna diliġenti u prudenti oġġettivament kienet fil-pożizzjoni li tevita l-iskadenza ta’ terminu għall-preżentata ta’ appell.

Tali huwa l-każ meta l-persuna kkonċernata tkun iddeċidiet li tibgħat l-oriġinal tal-appell iffirmat kif ukoll l-annessi u l-kopji awtentikati lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ pakkett fdat lil operatur postali ħamest ijiem wara l-preżentata tal-appell permezz ta’ faks. F’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ dan l-operatur fil-konfront tal-persuna li bagħtet il-pakkett li jibagħtu f’ċertu terminu ma huwiex ekwivalenti għal każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri għall-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 19, 23 u 26)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Lulju 1984, Ferriera Valsabbia vs Il‑Kummissjoni, 209/83, Ġabra p. 3089, punt 22; 15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619, punti 31 u 32; Zuazaga Meabe vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 u 25; 8 ta’ Novembru 2007, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑242/07 P, Ġabra p. I‑9757, punt 17