Language of document : ECLI:EU:T:2015:746

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Għajnuna finanzjarja – Sitt programm-kwadru ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Irkupru ta’ somom imħallsa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ riċerka b’applikazzjoni tal-konklużjonijiet ta’ awditu finanzjarju – Tpaċija ta’ krediti – Klassifikazzjoni mill-ġdid parzjali tar-rikors – Talba intiża li tiġi kkonstatata l-ineżistenza ta’ kreditu kuntrattwali – Klawżola ta’ arbitraġġ – Spejjeż eliġibbli – Arrikkiment indebitu – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑216/12,

Technion – Israel Institute of Technology, stabbilit f’Haïfa (Iżrael),

Technion Research & Development Foundation Ltd, stabbilita f’Haïfa,

irrappreżentati minn D. Grisay, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Calciu u F. Moro, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn L. Defalque u S. Woog, sussegwentement minn Defalque u J. Thiry, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, tad-deċiżjoni ta’ tpaċija tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra tat-13 ta’ Marzu 2012 indirizzata lil Technion – Israel Institute of Technology bil-għan li tiġi rkuprata s-somma ta’ EUR 97 118.69, li tirrappreżenta l-ammont ta’ somom aġġustati, bl-interessi, għall-kuntratt Nru 034984 (Mosaica), wara l-konklużjonijiet ta’ awditu finanzjarju li jirrigwardaw, b’mod partikolari, dan il-kuntratt konkluż bħala parti mis-sitt programm-kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u Innovazzjoni (2002-2006), u, min-naħa l-oħra, talba għal konstatazzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE, tal-ineżistenza ta’ kreditu li l-Kummissjoni tallega li għandha fir-rigward ta’ Technion, bis-saħħa tal-kuntratt Mosaica, u li kienet is-suġġett tat-tpaċija kkontestata,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-Artikolu 71(1) sa (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), jgħid:

“1.      L-istabbiliment ta’ ammont [kreditu] li jista’ jinġabar hija l-azzjoni li biha l-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni b’delega jew b’subdelega:

a)      jivverifika li hemm dejn;

b)      jiddetermina jew jivverifika r-realtà u l-ammont tad-dejn;

c)      jivverifika l-kundizzjonijiet li fihom ikun dovut id-dejn.

2.      Ir-riżorsi tagħha kif disponibbli mill-Kummissjoni u xi ammont riċevibbli li huwa identifikat bħala li jkun ċert, ta’ ammont fiss u dovut għandu jkun stabbilit b’ordni ta’ rkupru lejn l-uffiċjal tal-kontijiet segwit b’nota ta’ debitu mibgħuta lid-debitur, it-tnejn imħejjija mill-uffiċjal awtorizzanti kif ikun responsabbli.

3.      L-ammonti li jitħallsu bi żball għandhom jiġu rkuprati.”

2        Skont l-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju:

“L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jaġixxi fuq ordnijiet għall-irkupru għal ammonti riċevibbli li jkunu ġew iddeterminati b’mod xieraq mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli. Hu/hi għandu jeżerċita diliġenza xierqa sabiex jassigura li l-Komunitajiet jirċievu l-introjtu dovut lilhom u għandu jara li d-drittijiet tagħhom ikunu ssalvagwardjati.

L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jirkupra ammonti billi jagħmel kumpens b’bilanċ kontra tagħhom ekwivalenti għal talbiet li l-Komunitajiet ikollhom fuq xi debitur li hu nnifsu għandu talba kontra l-Komunitajiet li hija ċerta, ta’ ammont stabbilit u dovut.”

3        Skont l-Artikolu 79 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4 p. 145):

“Sabiex jistabbilixxi ammont riċevibbli, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jiżgura li:

a)      li għandu jitħallas huwa ċert u m’hu suġġett ta’ l-ebda kondizzjoni;

b)      ir-riċevibbli jkun ta’ ammont fiss, espress preċiżament f’termini ta’ flus kontanti;

c)      ir-riċevibbli jkun dovut u ma jkun soġġett għall-ebda żmien ta’ ħlas;

[...]’’

4        Skont l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 2342/2002 kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1248/2006 tas-7 ta’ Awwissu 2006 (ĠU L 194, p. 17):

“1.      Fejn id-debitur għandu pretensjoni fuq il-Komunitajiet li hi ċerta, ta’ ammont fiss u dovuta, fir-rigward ta’ somma stabbilita permezz ta’ ordni ta’ ħlas, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu, wara l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 78(3)(b) jirkupra ammonti stabbiliti li jistgħu jiġu rċevuti permezz ta’ tpattija [tpaċija].

[...]

3.      It-tpattija msemmija fil-paragrafu 1 għandha jkollha l-istess effett daqs ħlas u għandha teħles lill-Komunitajiet għall-ammont tad-dejn u, fejn xieraq, mill-imgħax dovut.”

5        Ir-rikorrenti, Technion – Israel Institute of Technology u Technion Research & Development Foundation Ltd (iktar ʼil quddiem “TRDF”), huma żewġ entitajiet attivi fit-tagħlim u fir-riċerka. B’mod iktar partikolari, Technion huwa istitut ta’ edukazzjoni superjuri fit-teknoloġija, stabbilit fl-1912, filwaqt li TRDF, stabbilita fl-1952, hija fondazzjoni, li tappartjeni totalment lil Technion u hija ffinanzjata kompletament minn din tal-aħħar, li tiġġestixxi l-aspetti finanzjarji u amministrattivi tal-proġetti li fihom hija involuta Technion.

6        F’Diċembru 2003 u f’Lulju 2006, Technion, bħala membru tal-konsorzji differenti tal-kuntratturi, ikkonkludiet erba’ kuntratti mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-kuntest tas-sitt programm-kwadru tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp tekonoloġiku u ta’ dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni ta’ spazju Ewropew tar-riċerka u tal-innovazzjoni (2002-2006), jiġifieri, il-kuntratt Terregov, iffirmat fit-3 ta’ Diċembru 2003 bin-numru 507749, il-kuntratt Cocoon, iffirmat fil-11 ta’ Diċembru 2003 bin-numru 507126, il-kuntratt Qualeg, iffirmat fis-17 ta’ Diċembru 2003 bin-numru 507767, kif ukoll il-kuntratt Mosaica, iffirmat fl-24 ta’ Lulju 2006 bin-numru 034984.

7        Il-kuntratt Mosaica kellu bħala suġġett it-twettiq ta’ proġett intitolat “Aċċess kollaborattiv, semantika msaħħa, multidimensjonali, għall-wirt kulturali Mosaica” [Semantically Enhanced, Multifaceted, Collaborative Access to Cultural Heritage (Mosaica)] li jikkonsisti f’sensiela ta’ xogħlijiet deskritti fl-Anness I tal-kuntratt (iktar ‘il quddiem il-“proġett”). Skont l-Artikolu 4(2) tal-kuntratt Mosaica, il-perijodu għall-eżekuzzjoni tal-proġett kien ta’ 30 xahar mill-1 ta’ Ġunju 2006.

8        Skont l-Artikolu 5 tal-kuntratt Mosaica, il-Komunità ntrabtet li tikkontribwixxi finanzjarjament għall-proġett fil-forma ta’ sussidju fil-baġit.

9        L-Artikolu 12 tal-kuntratt Mosaica jindika d-dritt Lussemburgiż bħala d-dritt applikabbli. Barra minn hekk, l-Artikolu 13 tiegħu jistipula li l-qrati tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali, kellhom ġurisdizzjoni esklużiva f’kull tilwima bejn il-partijiet dwar il-validità, it-twettiq u l-interpretazzjoni tal-kuntratt Mosaica.

10      Skont l-Artikolu 14 tal-kuntratt Mosaica, il-kundizzjonijiet ġenerali li jidhru fl-Anness II tiegħu (iktar ‘il quddiem il-“kundizzjonijiet ġenerali tal-FP6”) kienu parti integrali minnu.

11      L-Artikolu II.19(1) tal-kundizzjonijiet FP6 kien jistipula dan li ġej:

“L-ispejjeż eliġibbli sostnuti għall-implementazzjoni tal-proġett għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      għandhom ikunu reali, ekonomiċi u neċessarji għall-implementazzjoni tal-proġett u

[...]

d)      għandhom ikunu rreġistrati fil-kontabbiltà tal-kuntrattur li jkun inkorrihom [...] Il-proċeduri ta’ kontabbiltà użati biex jirreġistraw l-ispejjeż u d-dħul għandhom isegwu r-regoli ta’ kontabbiltà tal-Istat ta’ stabbiliment tal-kuntrattur kif ukoll jippermettu r-rikonċiljazzjoni diretta bejn l-ispejjeż u d-dħul inkorsi għall-implementazzjoni tal-proġett u d-dikjarazzjonijiet kollha relatati mal-attivitajiet kollha tal-kuntrattur [...]”

12      L-Artikolu II.19(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6 kien jiddefinixxi l-ispejjeż mhux eliġibbli li ma setgħux jiġu imputati lill-proġett. Fost dawn hemm taħt e) spejjeż iddikjarati, inkorsi jew irrimborsati b’rabta ma’ proġett ieħor tal-Komunità u, taħt i) kull spiża oħra li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu II.19(1).

13      L-Artikolu II.20(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6 kien jiddefinixxi l-ispejjeż diretti bħala l-ispejjeż kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu II.19 imsemmi hawn fuq, li setgħu jiġu identifikati mill-kuntrattur skont is-sistema ta’ kontabbiltà tiegħu u setgħu jiġu attribwiti direttament lill-proġett.

14      L-Artikolu II.24(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6 kien jistipula, b’mod partikolari, li, meta l-Komunità kienet tikkontribwixxi għal proġett permezz ta’ sussidju fil-baġit, il-kontribuzzjoni għandha kellha tkun ibbażata fuq ir-rimbors tal-ispejjeż eliġibbli mitluba mill-kuntratturi.

15      L-Artikolu II.29(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6 kien jispeċifika, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni setgħet, fi kwalunkwe ħin matul il-kuntratt u sa ħames snin wara li jintemm il-proġett, twettaq awditi tal-aspetti xjentifiċi, finanzjarji jew teknoloġiċi relatati mal-implementazzjoni korretta tal-proġett u tal-kuntratt. Skont din il-klawżola, l-ammonti dovuti lill-Kummissjoni minħabba r-riżultati ta’ dawn l-awditi setgħu jkunu s-suġġett ta’ rkupru rregolat taħt l-Artikolu II.31 tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6.

16      L-Artikolu II.31(3) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6 kien jipprevedi li l-irkupru setgħa jsir permezz ta’ tpaċija tal-ammonti dovuti lill-kuntrattur, wara li dan tal-aħħar jiġi informat, jew bl-eżekuzzjoni ta’ garanzija finanzjarja. Il-kunsens minn qabel tal-kuntrattur ma kienx mitlub.

17      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ April 2009, il-Kummissjoni informat lil Technion bid-deċiżjoni tagħha li twettaq awditu finanzjarju tal-ispejjeż mitluba fil-kuntest tal-kuntratti Mosaica, Cocoon u Qualeg, b’applikazzjoni tal-Artikolu II.29 tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6. L-awditu kellu jitwettaq minn kumpannija ta’ awditu esterna mill-Kummissjoni (iktar ʼil quddiem l-“awditur”) li kienet qed taġixxi bħala rappreżentant ta’ din tal-aħħar.

18      Fl-10 ta’ Mejju 2010, l-awditur ikkomunika lil Technion abbozz ta’ rapport ta’ awditu. Għal kull wieħed mill-kuntratti, Terregov, Cocoon, Qualeg u Mosaica, li finalment ġew awditjati, l-awditur ippropona aġġustament tal-ispejjeż mitluba minn Technion lill-Kummissjoni.

19      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kuntratti Cocoon, Terregov u Mosaica, l-aġġustamenti proposti kienu jikkonċernaw b’mod partikolari l-ispejjeż tal-persunal mitluba minn Technion abbażi ta’ servizzi mwettqa minn M.K, li kien ġie rreklutat temporanjament minn Technion għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti. L-awditur, essenzjalment, qies li sab ruħu fl-impossibbiltà li jistabbilixxi n-natura reali, fis-sens tal-Artikolu II.19(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6, tal-ħin u tal-ispejjeż iddikjarati minn Technion lill-Kummissjoni b’konnessjoni mas-servizzi ta’ M.K. u esprima d-dubji dwar in-natura reali tal-imsemmija servizzi. Għalhekk huwa ppropona ċ-ċaħda, b’mod partikolari, tal-ispejjeż kollha diretti mitluba minn Technion għas-servizzi pprovduti minn M.K. fil-kuntest tat-tliet kuntratti msemmija hawn fuq. Għall-kuntratt Mosaica, dawn l-ispejjeż diretti kienu jammontaw għal EUR 81 487.38.

20      Fl-10 ta’ Ġunju 2010, Technion bagħtet ittra lill-awditur fejn talbet terminu addizzjonali ta’ ħmistax-il jum sabiex tippreżenta l-kummenti tagħha dwar l-abbozz ta’ rapport ta’ awditu. Hija talbet ukoll lill-awditur jagħtiha l-informazzjoni kollha marbuta mas-servizzi mwettqa minn M.K. għal entitajiet oħra minbarra Technion meta huwa kien ġie rreklutat full-time minn din tal-aħħar.

21      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni tat l-estensjoni mitluba. Hija speċifikat ukoll li kien impossibbli għaliha li tipprovdi kopji tad-dokumenti finanzjarji jew amministrattivi li jirrelataw mas-servizzi pprovduti minn M.K. għal entitajiet oħra minbarra Technion, minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom.

22      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Awwissu 2010, Technion ikkontestat in-natura kunfidenzjali tad-dokumenti hawn fuq imsemmija u talbet, għall-inqas, aċċess parzjali għalihom. Barra minn hekk, hija speċifikat, b’mod espliċitu ħafna, li l-elementi msemmija fl-abbozz tar-rapport ta’ awditu u fl-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2010 ma jipprovawx taħt il-liġi l-fatti kkontestati lil M.K.

23      Il-Kummissjoni wieġbet b’ittra tal-4 ta’ Ottubru 2010. F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat li, fir-rigward tal-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni li pparteċipat fihom Technion u li għalihom ammonti korrispondenti għas-servizzi mwettqa minn M.K. kienu ntalbu minn entitajiet oħra minbarra din tal-aħħar, hija setgħet tipprovdi lil Technion kopja tar-rapporti ta’ ġestjoni tal-proġett (project management reports, iktar ʼil quddiem, il-“PMR”) peress li dawn kienu ġew prodotti minn konsorzji li Technion kienet membru fihom u li l-kontenut tagħhom kien diġà magħruf minnha. Il-Kummissjoni b’hekk annettiet permezz ta’ ittra t-tielet PMR tal-proġett Qualeg u l-ewwel PMR tal-proġett Mosaica.

24      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni indikat li d-dokumenti miksuba fil-kuntest tal-awditi mwettqa minn membri ta’ konsorzji oħra, dwar proġetti li Technion ma pparteċipatx fihom, kif ukoll dawk miksuba fil-kuntest tal-investigazzjoni, kienu koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), għall-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjonijiet, ta’ investigazzjonijiet u ta’ awditi.

25      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tat lil Technion perijodu addizzjonali ta’ ħmistax-il jum mid-data tal-wasla tal-ittra tal-4 ta’ Ottubru 2010 sabiex tkun tista’ teżamina ż-żewġ dokumenti li ġew annessi magħha.

26      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ottubru 2010, Technion ippreżentat talba konfermatorja ta’ aċċess għad-dokumenti kkontestati.

27      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2010 indirizzata lill-Kummissjoni, Technion enfasizzat li l-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar ma kinitx tippermettilha tifformula osservazzjonijiet fuq il-kontenut tad-dokumenti li fuqhom l-abbozz tar-rapport ta’ awditu kien laqa’ jew ċaħad l-ispejjeż marbuta mal-ħlas lil M.K., u li kienet qed tikser il-prinċipji ta’ dritt tad-difiża u ta’ kontradittorju. Technion żiedet li l-informazzjoni mgħoddija mill-Kummissjoni permezz tal-ittri tad-19 ta’ Lulju u tal-4 ta’ Ottubru 2010, kif ukoll l-abbozz tar-rapport tal-awditu ma kinux jipprovaw suffiċjentement taħt il-liġi l-fatti kkontestati lil M.K. Fl-aħħar nett, Technion indikat li kienet qed tistenna proposta ta’ data għall-iffissar tal-laqgħa tal-għeluq tal-proċedura ta’ awditu.

28      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ottubru 2010, is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni kkonferma li kien rċieva t-talba konfermatorja ta’ aċċess għal dokumenti ta’ Technion u informaha li kienet sejra tingħatalha risposta għat-talba tagħha f’terminu ta’ ħmistax il-jum ta’ xogħol.

29      Permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Novembru u tad-9 ta’ Diċembru 2010, is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni ħabbar li kellu jestendi t-terminu previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex jagħti risposta għall-imsemmija talba ta’ aċċess għad-dokumenti.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, is-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni kkonferma r-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti lil Technion.

31      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni indikat lil Technion li hija kkonfermat il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ awditu dwar l-aġġustamenti meħtieġa li għandhom jitwettqu, u annettiet kopja tal-imsemmi rapport, u li hija qieset l-awditu magħluq. F’din l-ittra, il-Kummissjoni speċifikat li Technion kien kellha l-opportunità tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha anki jekk hija ma kinitx ifformulathom uffiċjalment u li, madankollu, hija fehmet li Technion ma kinitx taqbel għal kollox mal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ awditu. Il-Kummissjoni speċifikat ukoll li l-aġġustamenti kienu ser jitwettqu iktar tard matul ħlasijiet futuri jew permezz ta’ tpaċija ta’ krediti.

32      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Awwissu, filwaqt li kkontestaw il-konklużjonijiet tar-rapport tal-awditu, ir-rikorrenti informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 u talbu s-sospensjoni tal-proċedura ta’ awditu sakemm tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja.

33      Fid-9 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, irreġistrat bir-referenza T‑480/11. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Mejju 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni (T‑480/11, Ġabra, EU:T:2015:272).

34      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni wieġbet lir-rikorrenti li ma setgħetx tilqa’ t-talba tagħhom għas-sospensjoni tal-proċedura ta’ awditu, peress li qieset li d-dokumenti li ntbagħtu lilha kienu jipprovaw suffiċjentement l-inaffidabbiltà tal-ħinijiet u tal-ispejjeż iddikjarati minn Technion.

35      Fil-11 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li allegatament tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Awwissu 2011, irreġistrat bir-referenza T‑546/11. Dan ir-rikors ġie miċħud bħala inammissibbli permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Ġunju 2012, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni (T‑546/11, EU:T:2012:303).

36      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni informat lil Technion bl-intenzjoni tagħha li tirkupra l-ammont ta’ EUR 97 106.72, li jikkorrispondi mal-ammont totali tal-kuntratt Mosaica aġġustat wara r-rapport ta’ awditu. F’din l-ittra ġie indikat li, fl-assenza ta’ iktar osservazzjonijiet minn naħa ta’ Technion fi żmien ġimgħatejn, il-Kummissjoni kienet ser tibgħatilha nota ta’ debitu. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li s-somom dovuti lill-Kummissjoni kif ukoll l-interessi moratorji setgħu jkunu s-suġġett ta’ tpaċija jew ta’ proċedura ta’ rkupru furzat.

37      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni tissospendi l-proċedura ta’ rkupru sakemm tittieħed deċiżjoni mill-qorti fil-Kawża T‑546/11.

38      Fil-21 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li allegatament tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2011, irreġistrat bir-referenza T‑657/11. Dan ir-rikors ġie miċħud bħala inammissibbli permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Settembru 2012, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni (T‑657/11, EU:T:2012:411).

39      Bi tweġiba, b’mod partikolari, għall-ittra tat-2 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni indikat permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2011, li, fl-assenza ta’ elementi ta’ natura li jibdlu l-konklużjonijiet tar-rapport tal-awditu, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tissospendi l-miżuri ta’ eżekuzzjoni, u lanqas li tiddifferixxi l-ħruġ tal-ordni ta’ infurzar iddikjarat fl-ittra tad-19 ta’ Ottubru 2011.

40      Fid-19 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni ħarġet, fir-rigward ta’ Technion, in-nota ta’ debitu Nru 3241200225 fl-ammont ta’ EUR 97 106.72, u ffissat l-aħħar data għall-pagament għal 5 ta’ Marzu 2012.

41      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni ħabbret id-deċiżjoni tagħha li twettaq, fi żmien ġimgħatejn, skont l-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju, tpaċija bejn l-ammont ta’ madwar EUR 130 000 li kien dovut lil Technion taħt it-tliet kuntratti bir-referenzi PCIG10-GA-2011-303921-NLO, PIRG05,GA2009-249084 AC Removal Mechanism u PCIG10-GA-2011-304020-CHAMP-2009 RNA HEL, u l-ammont ta’ EUR 97 118.69 li kien dovut minn Technion taħt il-kuntratt Mosaica, inklużi l-interessi moratorji (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). In-nota ta’ debitu tad-19 ta’ Jannar 2012 kienet annessa ma’ din l-ittra.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

42      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti ressqu l-kawża preżenti, ibbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE, li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

43      Wara l-preżentata mill-Kummissjoni tal-kontroreplika, ir-rikorrenti permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Diċembru 2012, talbu l-awtorizzazzjoni sabiex jagħtu risposta lill-kontroreplika, sabiex jikkoreġu żball sostanzjali li jinsab fir-replika u sabiex jispjegaw għalfejn dan l-iżball ma kienx jaffettwa l-argumenti tagħhom.

44      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2013, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lir-rikorrenti jwieġbu lill-kontroreplika, billi jillimitaw ir-risposta tagħhom għall-punti mqajma fl-ittra tal-25 ta’ Diċembru 2012.

45      Ir-rikorrenti ssottomettew ir-risposta tagħhom lill-kontroreplika fis-6 ta’ Frar 2013 u l-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sottomissjonijiet komplementari tar-rikorrenti fit-8 ta’ Marzu 2013.

46      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li lilhom huma wieġbu fit-terminu mogħti.

47      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom lill-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-29 ta’ April 2015.

48      Fir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

49      Fir-replika, ir-rikorrenti talbu wkoll li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tħallas lil Technion l-ammonti indebitament miżmuma minħabba d-deċiżjoni kkontestata.

50      Fir-risposta, il-Kummissjoni, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli fir-rigward ta’ TRDF ;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat fir-rigward ta’ Technion ;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

51      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali tiċħad, bħala inammissibbli, il-kap tat-talbiet ifformulat mir-rikorrenti fir-replika.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tar-rikors

52      Dan ir-rikors huwa bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u, kif iddikjarat b’mod espliċitu fl-introduzzjoni u fid-dispożittiv tar-rikors, għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti essenzjalment qajmu tliet motivi, “motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni”, motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu.

53      Il-fundament espliċitu tar-rikors fuq l-Artikolu 263 TFUE u t-titoli tal-motivi invokati insostenn tiegħu jistiednu lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tan-natura ta’ din id-deċiżjoni, għandu jitfakkar li att, bħad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l-Kummissjoni topera tpaċija extra ġudizzjarja bejn id-djun u l-krediti li jirriżultaw minn relazzjonijiet legali differenti mal-istess persuna jikkostitwixxi att kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs CCRE, C‑87/01 P, Ġabra, EU:C:2003:400, punt 45; tat-8 ta’ Ottubru 2008, Helkon Media vs Il‑Kummissjoni, T‑122/06, EU:T:2008:418, punt 46, u tat-8 ta’ Novembru 2011, Walton vs Il-Kummissjoni, T‑37/08, Ġabra, EU:T:2011:640, punt 25). Huwa fil-kuntest ta’ tali rikors għal annullament li hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija fid-dawl tal-effetti tagħha marbuta mal-assenza ta’ ħlas effettiv tas-somom ikkontestati lir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Helkon Media vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il quddiem, EU:T:2008:418, punt 46, u Walton vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il quddiem, EU:T:2011:640, punt 25).

54      Madankollu, għandu jiġi osservat li, billi qajmu l-“motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni”, ir-rikorrenti għandhom jitqiesu f’dan il-każ li qed jitolbu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, l-ineżistenza tal-kreditu li l-Kummissjoni tallega li għandha fir-rigward ta’ Technion, bis-saħħa tal-kuntratt Mosaica, u li kien is-suġġett tat-tpaċija kkontestata (iktar ‘il quddiem il-“kreditu kuntrattwali kkontestat”). Ir-rikorrenti jikkontestaw b’mod partikolari l-konklużjoni tar-rapport ta’ awditu dwar in-natura “irreali”, fis-sens tal-Artikolu II.19(1)(a), tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6, tas-servizzi ta’ M.K. u, sabiex jikkorroboraw l-argument tagħhom, huma annettew mar-rikors kopji tal-kuntratti konklużi bejn Technion u l-Kummissjoni u, b’mod partikolari, kopja tal-kuntratt Mosaica.

55      Ir-rikors preżenti huwa għalhekk, fir-realtà, intiż mhux biss li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma għandhiex fir-rigward ta’ Technion l-kreditu kuntrattwali kkontestat.

56      Fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 46 hawn fuq), ir-rikorrenti kkonfermaw dan il-qari ta’ għan doppju tar-rikors ippreżentat, li jikkonsisti, b’mod iktar speċifiku, f’talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u azzjoni dikjaratorja fi-sens li l-Qorti Ġenerali tikkonstata l-ineżistenza tal-kreditu kuntrattwali kkontestat.

57      Sa fejn, minn naħa, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-azzjonijiet dikjaratorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-9 ta’ Diċembru 2003, L‑Italja vs Il-Kummissjoni, C‑224/03, EU:C:2003:658, punti 20 u 21) u, min-naħa l-oħra, il-kuntratt Mosaica jinkludi fl-Artikolu 13 tiegħu, klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi l-kwistjonijiet kollha bejn il-partijiet relatati mal-validità, it-twettiq jew l-interpretazzjoni tal-imsemmi kuntratt, hemm lok li jiġi vverifikat jekk huwiex possibbli, f’dan il-każ, li jiġi parzjalment ikklassifikat mill-ġdid ir-rikors preżenti kemm bħala rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll bħala rikors abbażi tal-Artikolu 272 TFUE bil-għan li l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni ma għandhiex il-kreditu kuntrattwali kkontestat. Fil-fatt, sa fejn l-Artikolu 272 TFUE jistabbilixxi l-qorti tal-Unjoni bħala qorti ta’ litigazzjoni, li jippermettilha, bil-kontra tal-qorti adita bil-legalità abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, tieħu konjizzjoni ta’ kull tip ta’ azzjoni abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Planet vs Il-Kummissjoni C‑564/13 P, Ġabra, EU:C:2015:124, punti 21 sa 27, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Planet vs Il-Kummissjoni, C‑564/13 P, Ġabra, C:2014:2352, punti 19 sa 22), l-Artikolu 272 TFUE huwa l-bażi legali xierqa sabiex tiġi deċiża t-talba tar-rikorrenti għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza tal-kreditu kuntrattwali kkontestat.

58      Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi parzjalment ikklassifikat mill-ġdid ir-rikors preżenti bħala rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, meta tiġi adita b’rikors għal annullament jew b’rikors għad-danni, ladarba t-tilwima tkun, fir-realtà, ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali tikklassifika mill-ġdid ir-rikors, jekk il-kundizzjonijiet ta’ tali klassifikazzjoni mill-ġdid ikunu ssodisfatti (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2001, Lecureur vs Il-Kummissjoni, T‑26/00, Ġabra, EU:T:2001:222, punt 38, digriet tal-10 ta’ Mejju 2004, Musee Grevin vs Il-Kummissjoni, T‑314/03 u T‑378/03, Ġabra, EU:T:2004:139, punt 88, u s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il‑Kummissjoni, T‑428/07 u T‑455/07, Ġabra, EU:T:2010:240, punt 57).

59      Min-naħa l-oħra, quddiem kwistjoni ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun impossibbli għaliha li tikklassifika mill-ġdid rikors għal annullament kemm meta r-rieda espressa mir-rikorrenti li ma tibbażax it-talba tagħha fuq l-Artikolu 272 TFUE tipprekludi tali klassifikazzjoni mill-ġdid, kemm meta r-rikors ma jkun sostnut minn ebda motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, kemm jekk dawn ikunu klawżoli kuntrattwali u kemm jekk ikunu dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali mniżżla fil-kuntratt (ara s-sentenza CEVA vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ‘il fuq, EU:T:2010:240, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Minn dan isegwi li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors huwa possibbli, mingħajr li jiġu affettwati d-drittijiet tad-difiża tal-istituzzjoni konvenuta, fil-każ li, minn naħa, ir-rieda espressa tar-rikorrenti ma żżommhiex milli tagħmel hekk u, min-naħa l-oħra, mill-inqas motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni jiġi invokat fir-rikors, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2014, Technische Universität Dresden vs Il-Kummissjoni, T‑29/11, Ġabra, EU:T:2014:912, punt 44).

61      F’dan il-każ, minn naħa, fir-risposta tagħhom għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 46 hawn fuq), Ir-rikorrenti ftiehmu fuq il-klassifikazzjoni parzjali mill-ġdid tar-rikors.

62      Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 54 hawn fuq, ir-rikorrenti kkontestaw l-eżistenza tal-kreditu kuntrattwali kkontestat billi għamlu riferiment espliċitu għall-Artikolu II.19(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6.

63      Għandu wkoll jiġi nnotat li, fir-risposta, il-Kummissjoni għamlet preżentazzjoni ddettaljata tal-kuntratt Mosaica, li fih enfasizzat id-dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. Barra minn hekk, hija żviluppat l-argument tagħha li jgħid li Technion kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu II.19 tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6, li, skont il-Kummissjoni, jillimita l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż eliġibbli, jiġifieri l-ispejjeż reali u ġġustifikati. Dan l-argument juri li l-Kummissjoni kienet fehmet li r-rikorrenti kkontestaw, essenzjalment, l-eżistenza tal-kreditu kuntrattwali kkontestat u, għalhekk, setgħet tiddefendi ruħha b’mod effettiv fir-risposta. Barra minn hekk, fis-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li, fil-każ ta’ klassifikazzjoni parzjali mill-ġdid tar-rikors, id-drittijiet tad-difiża tagħha ma jiġux affettwati.

64      Madankollu, matul is-seduta, il-Kummissjoni esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-klassifikazzjoni parzjali mill-ġdid tar-rikors.

65      B’mod partikolari, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni sostniet li, kif jirriżulta mis-sentenzi Il-Kummissjoni vs CCRE, punt 53 iktar ‘il fuq (EU:C:2003:400), u Helkon Media vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ‘il fuq, (EU:C:2008:418), il-validità ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija tistà tiġi kkontestata biss fil-kuntest tal-Artikolu 263 TFUE.

66      Dan l-argument ma jikkontestax il-klassifikazzjoni parzjali mill-ġdid f’dan il-każ, sa fejn l-għan ta’ din il-klassifikazzjoni mill-ġdid ma jkunx dak li jippermetti eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-eżami jista’ jitwettaq, mingħajr klassifikazzjoni mill-ġdid, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika espliċita tar-rikors ippreżentat. Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni parzjali mill-ġdid magħmula f’dan il-każ hija intiża li tippermetti lill-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni fuq l-att dikjaratorju tar-rikorrenti intiż li tiġi kkonstatata l-ineżistenza tal-kreditu kuntrattwali kkontestat. Din il-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni parzjali mill-ġdid bl-ebda mod ma hija kkontestata mis-sentenzi Il-Kummissjoni vs CCRE, punt 53 iktar ‘il fuq (EU:C:2003:400) u Helkon Media vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ‘il fuq (EU:T:2008:418), invokati mill-Kummissjoni.

67      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni invokat iċ-ċirkustanza li, fid-digrieti Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ‘il fuq (EU:T:2012:303), u Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ‘il fuq (EU:T:2012:411) il-Qorti Ġenerali kienet irrifjutat li tikklassifika mill-ġdid ir-rikorsi għal annullament rispettivi bħala rikorsi bbażati fuq l-Artikolu 272 TFUE, minkejja li r-raġunijiet invokati insostenn ta’ tali annullament kienu l-istess bħal dawk imqajma f’dan il-każ.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li ma jista’ jsir l-ebda paralleliżmu bejn il-kawżi li taw lok għad-digrieti hawn fuq imsemmija u l-każ preżenti. Fid-digrieti hawn fuq imsemmija, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti ma kienu esponew, lanqas b’mod sommarju, ebda motiv, argument jew ilment ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratti inkwistjoni jew tal-liġi nazzjonali applikabbli (digrieti Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ‘il fuq, EU:T:2012:303, punti 62 sa 65, u Technion u Technion Research & Development Foundaton vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, EU:T:2012:411, punti 58 sa 60). Issa, fil-kawża preżenti, kif ġie rrilevat fil-punti 54 u 62 hawn fuq, ir-rikorrenti invokaw tali ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali. Minn dan isegwi li ċ-ċirkustanzi legali u fattwali li wasslu lill-Qorti Ġenerali ma tkomplix il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors fil-kawżi li taw lok għad-digrieti hawn fuq imsemmija huma differenti miċ-ċirkustanzi fl-oriġini ta’ din il-kawża.

69      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Kummissjoni sostniet li l-klassifikazzjoni mill-ġdid f’dan il-każ ma kienx meħtieġ sa fejn l-istħarriġ tal-legalità tal-Qorti Ġenerali seta’ jinfirex sal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kuntratt Mosaica. Biex tikkorrobora din it-teżi, minn naħa, il-Kummissjoni għamlet parallel bejn l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontesta u l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi u sostniet li, sa fejn, fil-kuntest ta’ dan l-aħħar stħarriġ, il-qorti seta’ jivverifika l-ispeċifikazzjonijiet, b’analoġija, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-qorti setgħet tivverifika l-kuntratt Mosaica. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni invokat is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2012, Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il‑Kummissjoni (T‑34/08, EU:T:2011:504), tat-28 ta’ Marzu 2012, Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il-Kummissjoni (T‑296/08, EU:T:2012:162) tat-13 ta’ Settembru 2013, Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il-Kummissjoni (T‑73/08, EU:T:2013:433), u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il‑Kummissjoni (T‑171/08, EU:T:2013:639), sabiex issostni li, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali kienet eżaminat il-kuntratti inkwistjoni fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti kkontestati.

70      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi injorat il-parallel magħmul mill-Kummissjoni bejn il-kawża preżenti u l-kontenzjuż dwar il-kuntratti pubbliċi, peress li l-ispeċifikazzjonijiet ma jikkostitwixxux kuntratt fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti. Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda r-riferiment magħmul mill-Kummissjoni, f’termini ġenerali u astratti, għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 69 hawn fuq, din ma turix li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors, f’dan il-każ, tkun impossibbli jew inopportuna, għaliex din il-klassifikazzjoni mill-ġdid tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti għaliha mill-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punti 58 sa 60 hawn fuq.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-rikors preżenti jiġi kklassifikat parzjalment mill-ġdid kemm bħala rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma għandhiex il-kreditu kuntrattwali kkontestat.

72      Għandha tiġi eżaminata, qabel kollox, il-parti tar-rikors ibbażata fuq l- Artikolu 272 TFUE.

 Fuq it-talba għal dikjarazzjoni tal-ineżistenza tal-kreditu kuntrattwali kkontestat

73      Preliminarjament, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, f’dak li jirrigwarda t-talba għar-rikonoxximent tal-ineżistenza tal-kreditu kuntrattwali kkontestat, ir-rikors huwa ammissibbli biss fir-rigward ta’ Technion. Peress li TRDF ma hijiex parti mill-kuntratt Mosaica li fih il-klawżola ta’ arbitraġġ, ir-rikors, għal dak li jirrigwarda t-talba ta’ hawn fuq, ma huwiex ammissibbli peress li ġie ppreżentat minn din l-entità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Arci Nuova associazione comitato di Cagliari u Gassa, T‑259/09, EU:T:2010:536, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rikorrenti barra minn hekk ammettew, matul is-seduta, l-inammissibbiltà tar-rikors, fil-parti bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE, fir-rigward ta’ TRDF.

74      Fuq il-mertu, Technion tikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali l-konklużjoni tal-awditur, approvata mill-Kummissjoni, dwar in-natura “irreali”, fis-sens tal-Artikolu II.19(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6, tal-ispejjeż mitluba mill-Kummissjoni għas-servizzi ta’ M.K. F’dan ir-rigward, Technion targumenta li d-dokumenti għad-dispożizzjoni tagħha u, b’mod partikolari, l-ewwel PMR tal-proġett Mosaica, li ġiet ikkomunikata lilha permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ottubru 2010, ma jurux li M.K. kien ħadem simultanjament għal diversi entitajiet fil-kuntest tal-proġett Mosaica. F’dan il-kuntest, Technion issostni wkoll li, fil-kuntest tal-proċedura tal-awditu, id-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tagħtiha aċċess għad-dokumenti li fuqhom l-awditur kien, allegatament, ibbaża l-konklużjonijiet tiegħu. Għalhekk, Technion sabet ruħha fil-pożizzjoni li kien impossibbli għaliha li tressaq il-perspettiva tagħha.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta din l-argumentazzjoni.

76      Għandu jitfakkar li l-awditur ikkonkluda li l-ispejjeż diretti kollha mitluba minn Technion mill-Kummissjoni inkonnessjoni mas-servizzi ta’ M.K. kienu ineliġibbli għar-raġuni li kien impossibbli għalih li jistabbilixxi n-natura reali, fis-sens tal-Artikolu II.19(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6, tal-imsemmija spejjeż u kellu dubji dwar in-natura reali tagħhom.

77      Fl-ewwel lok, l-awditur sab sensiela ta’ nuqqasijiet rigward il-ħinijiet tax-xogħol (timesheets) ta’ M.K. li jpoġġu fid-dubju l-veraċità tal-kontenut tagħhom. L-ewwel nett, dawn id-dikjarazzjonijiet ġew iffirmati kollha f’daqqa, fl-istess data, u retroattivament għas-sena ta’ qabel. It-tieni nett, xi dikjarazzjonijiet ma kinux iffirmati mill-amministratur tal-proġett (project manager). It-tielet nett, is-sigħat ta’ xogħol irreġistrati minn M.K. jidhru li kienu sigħat ibbaġitjati (budgeted hours) u mhux reali (actual hours), peress li dawn kienu l-istess għal kull jum tal-perijodu awditjat.

78      Fit-tieni lok, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u abbażi tal-awditu tagħha, l-awditur ikkonstata li M.K. kien jaħdem simultanjament għall-entitajiet l-oħra apparti Technion. Issa, skont il-konstatazzjoni tal-awditur, il-kuntratti konklużi bejn M.K. u Technion juru li M.K. kien impjegat full-time minn din l-entità. Barra minn hekk, l-awditur ġie informat matul l-awditu li l-kuntratti konklużi bejn Technion u M.K. ma kinux jippermettu lil dan tal-aħħar jaħdem simultanjament għal entitajiet oħra mingħajr ma jinnotifika lil Technion. Issa, skont l-informazzjoni disponibbli lill-awditur, M.K. ma għamel l-ebda notifika lil Technion.

79      Abbażi ta’ dawn l-elementi, l-awditur esprima dubji dwar in-natura reali tal-ħinijiet u l-ispejjeż iddikjarati minn Technion lill-Kummissjoni inkonnessjoni mas-servizzi ta’ M.K. u kkonkluda li huwa kien jinsab fl-impossibbiltà li jistabbilixxi l-imsemmija natura reali. Huwa kkonstata wkoll li Technion ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-imsemmija natura reali. Għalhekk, huwa ppropona li l-ispejjeż diretti kollha mitluba inkonnessjoni max-xogħol ta’ M.K. jiġu injorati.

80      Għandu jiġi nnotat li Technion fl-ebda mument ma kkontestat il-konklużjonijiet tal-awditur dwar l-inaffidabbiltà tar-reġistru tal-ħinijiet ta’ xogħol ta’ M.K., u b’mod iktar ġenerali, l-impossibbiltà li kien jinsab fiha li jistabbilixxi n-natura reali tas-servizzi fil-kuntest tal-proġetti differenti li pparteċipat fihom Technion u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-proġett Mosaica. Technion, min-naħa l-oħra, sempliċement ikkontestat il-konstatazzjoni li tgħid li M.K. kien ħadem simultanjament ma’ entitajiet oħra.

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19(1)(a) u (d), u mill-Artikolu 20(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6, il-metodi ta’ reġistrazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol użati mill-kuntrattur għandhom jippermettu lill-Kummissjoni tivverifika li l-ispejjeż iddikjarati jirrappreżentaw spejjeż attwali, li jikkorrispondu għal razzjonalità ekonomika, huma meħtieġa għat-twettiq tal-proġett, u jistgħu jiġu direttament attribwiti għal dan tal-aħħar.

82      Huwa paċifiku li r-reġistru tal-ħinijiet tax-xogħol tal-persunal impjegat fil-kuntest ta’ proġett huwa mezz li jippermetti lill-Kummissjoni twettaq il-kontrolli hawn fuq imsemmija u, għalhekk, għandhom ikunu affidabbli. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li n-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligu li jiġu ppreżentati, waqt l-awditu finanzjarju, reġistri tal-ħinijiet tax-xogħol affidabbli sabiex jiġġustifikaw l-ispejjeż tal-persunal iddikjarati jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex jiġu miċħuda dawn l-ispejjeż kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs IIC, T‑500/04, Ġabra, EU:T:2007:146, punti 114 sa 117, u CEVA vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2010:240, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      F’dan il-każ, fl-assenza ta’ kontestazzjoni minn Technion f’dan ir-rigward, hemm lok li tiġi approvata l-konklużjoni tal-awditur li tgħid li t-tliet elementi identifikati fil-punt 77 hawn fuq jirrendu r-reġistri tal-ħinijiet tax-xogħol ta’ M.K. inaffidabbli u, b’hekk, iċaħħdu lill-Kummissjoni minn għodda ta’ verifika tan-natura eliġibbli tas-spejjeż iddikjarati.

84      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li Technion fl-ebda mument ma pproduċiet provi li juru n-natura reali tas-servizzi ta’ M.K. u li jirribattu, b’mod iktar ġenerali, il-konstatazzjoni tal-awditur li Technion ma kinitx f’pożizzjoni li tiżgura li l-ispejjeż iddikjarati inkonnessjoni mas-servizzi ta’ M.K. kienu reali. Issa, kif il-qorti tal-Unjoni diġà fakkret fil-kuntest ta’ kawża dwar is-sitt programm kwadru, il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma suġġetti għall-obbligu li jkunu jistgħu jiġġustifikaw ir-realtà tal-ispejjeż li huma jiddikjaraw bħala eliġibbli għall-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni u li dan l-obbligu jirriżulta mill-ħtieġa, li hija r-responsabbiltà tagħhom, li jipprovaw li l-kundizzjoni tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż, skont l-Artikolu II.19(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6, hija ssodisfatta (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2012, ELE.SI.A vs Il-Kummissjoni, T‑312/10, EU:T:2012:512, punt 115).

85      Technion sempliċement sostniet li l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha, b’mod partikolari r-rapport tal-awditu u l-ewwel PMR tal-proġett Mosaica, ma jurux li M.K. kien ħadem simultanjament ma’ diversi entitajiet fil-kuntest tal-imsemmi proġett.

86      Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li din l-argumentazzjoni ma hijiex ta’ natura li turi l-affidabbiltà tar-reġistri tal-ħinijiet tax-xogħol ta’ M.K. u, b’mod iktar ġenerali, l-eżistenza fi ħdan Technion ta’ sistema ta’ kontroll li tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika l-konformità tal-ispejjeż iddikjarati mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu II.19(1)(a) tal-kundizzjonijiet ġenerali FP6 (ara l-punt 84 hawn fuq). Dan l-argument huwa, għalhekk, irrilevanti.

87      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat li l-PMRs ikkomunikati lil Technion, moqrija flimkien mal-informazzjoni li tinsab fir-rapport finali tal-awditur, juru li entitajiet oħrajn barra minn Technion kienu jiddikjaraw sigħat u spejjeż għal servizzi pprovduti minn M.K. għal perijodi li matulhom din il-persuna kienet mistennija taħdem full-time ma’ Technion (ara l-punt 78 hawn fuq). Din iċ-ċirkustanza kienet ta’ natura li tpoġġi fid-dubju n-natura reali tas-sigħat u tal-ispejjeż kollha ddikjarati għal M.K., fir-rigward, ukoll, tal-inaffidabbiltà tar-reġistri tal-ħinijiet tax-xogħol tiegħu. L-argumentazzjoni ta’ Technion kienet limitata għal sensiela ta’ deduzzjonijiet astratti u arbitrarji, mingħajr ma tkun ikkorroborata minn xi prova li turi n-natura reali tas-sigħat iddikjarati ta’ M.K.

88      Għandu wkoll jiġi injorat l-argument ta’ Technion li jgħid li din l-entità wieġbet b’mod adegwat għar-rekwiżiti tal-kuntratt Mosaica billi tat is-servizzi tagħha “bl-aħjar mod”. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont prinċipju fundamentali li jirregola l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ tissussidja biss spejjeż effettivament minn fuqha. Minn dan il-prinċipju jirriżulta wkoll li ma huwiex biżżejjed għall-benefiċjarju tal-għajnuna li juri li proġett ikun twettaq sabiex jiġġustifika l-għoti ta’ sussidju speċifiku. Barra minn hekk, il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jressaq il-prova li huwa sostna l-ispejjeż iddikjarati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata, peress li huma biss l-ispejjeż debitament iġġustifikati li jistgħu jitqiesu li huma eliġibbli. L-obbligu tiegħu li josserva l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti huwa wieħed mill-impenji essenzjali tiegħu u, għalhekk, jiddetermina l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja (ara s-sentenza Technische Universität Dresden vs Il-Kummissjoni, punt 60 hawn fuq, EU:T:2014:912, punt 71 u ġurisprudenza ċċitata).

89      Fl-aħħar nett, l-ilment ta’ Technion dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha ma jistax jintlaqa’, peress li l-informazzjoni li kienet disponibbli għaliha kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-konklużjonijiet tar-rapport tal-awditu. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq (EU:T:2015:272), ivvalidat ir-rifjut ta’ aċċess għal ċerti dokumenti mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ Technion abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-ispejjeż kollha relatati mas-servizzi ta’ M.K. kienu ineliġibbli u li, għaldaqstant, hija kellha l-kreditu kuntrattwali kkontestat. Konsegwentement, it-talba ta’ Technion ippreżentata abbażi tal-Artikolu 272 TFUE għandha tiġi miċħuda.

91      Minn dan isegwi wkoll li l-kap tat-talbiet magħmula fir-replika għandu wkoll jiġi miċħud. Fi kwalunkwe każ, dan il-kap tat-talbiet huwa inammissibbli abbażi tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, għaliex, peress li ġie ppreżentat għall-ewwel darba fir-replika, huwa tardiv [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2001, Sunrider vs UASI (VITALITE), T‑24/00, Ġabra, EU:T:2001:34, punt 12).

 Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

 Fuq l-ammissibbiltà fir-rigward ta’ TRDF

92      Mingħajr ma tinvoka formalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli fir-rigward ta’ TRDF sa fejn din tal-aħħar ma hijiex direttament ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 263 TFUE.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa dak li titlob amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fiċ-ċirkustanzi tal-kawża (sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C-23/00 P, Ġabra, EU:C:2002:118, punti 50 sa 52). F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li l-ewwel tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors.

 Fuq il-mertu

94      Insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jqajmu motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu.

–       Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

95      Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma jressqu ebda argument insostenn tal-motiv li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata biżżejjed. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE.

96      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’tali mod, minn naħa, li l-qorti Komunitarja tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità u, min-naħa l-oħra, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda, biex b’hekk ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑123/09, Ġabra, EU:T:2012:164, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jiġi mmotivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu din il-persuna tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2011, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni, T‑465/08, Ġabra EU:T:2011:186, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija, il-motivazzjoni għandha tippermetti li jiġu identifikati b’mod preċiż il-krediti li huma paċuti, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-motivazzjoni oriġinarjament użata insostenn tal-konstatazzjoni ta’ kull wieħed mill-krediti tiġi rrepetuta fl-att ta’ tpaċija (sentenza Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, EU:T:2011:186 punt 164).

99      F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni kkontestata tidentifika b’mod ċar il-krediti li huma s-suġġett tat-tpaċija kkontestata kif ukoll ir-relazzjonijiet legali li jirriżultaw minn dawn il-krediti, jiġifieri l-kuntratt Mosaica, minn naħa, u t-tliet kuntratti msemmija fil-punt 41 hawn fuq, min-naħa l-oħra. Id-deċiżjoni kkontestata fiha wkoll anness, kopja tan-nota ta’ debitu li, filwaqt li tirreferi għar-riżultati tal-awditu, tispjega fil-qosor, iżda suffiċjentement, il-ġenesi tal-kreditu tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ Technion. In-nota ta’ debitu tirreferi wkoll għall-ittra ta’ preinformazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2011 (ara l-punt 36 hawn fuq), u b’hekk tiċċara, jekk kien hemm bżonn, il-kuntest li fih din in-nota kienet inħarġet. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni kkontestata tidentifika b’mod ċar il-bażi legali tagħha billi tirreferi għall-Artikolu 73 tar-Regolament Finanzjarju.

100    Għalhekk, għandu jitqies li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f’kuntest magħruf lir-rikorrenti, li jippermettilhom jifhmu l-portata tiegħu. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li din id-deċiżjoni hija suffiċjentement motivata taħt il-liġi. Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-motiv li jirriżulta minn ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu

101    Ir-rikorrenti jsostnu li, billi eżerċitat it-tpaċija kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu, peress li, bħala riżultat tat-tpaċija kkontestata, l-assi tagħha ġew arrikkiti, għad-detriment tal-assi ta’ Technion, mingħajr kawża jew ġustifikazzjoni.

102    Il-Kummissjoni tikkontesta din l-argumentazzjoni.

103    Kif diġà ġie kkonstatat mill-qorti tal-Unjoni, jirriżulta minn diversi sistemi legali nazzjonali li l-azzjonijiet ibbażati fuq l-arrikkiment indebitu huma mfassla sabiex jipprovdu, f’ċirkustanzi partikolari taħt id-dritt ċivili, sors ta’ obbligu mhux kuntrattwali għal persuna li tkun fil-pożizzjoni li tiġi arrikkita, li tikkonsisti fir-regola li trodd lura dak li tkun irċeviet indebitament [sentenza tas-16 ta’ Novembru 2006, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, T‑333/03, Ġabra, EU:T:2006:348, punt 91).

104    Sabiex azzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu tintlaqa’, huwa essenzjali li l-arrikkiment ikun nieqes minn kull bażi legali validu. Din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta, b’mod partikolari, meta l-arrikkiment ikun ibbażat fuq obbligi kuntrattwali [sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni, C‑47/07 P, Ġabra, EU:C:2008:726, punt 46].

105    F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li l-allegat arrikkiment tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-kuntratt Mosaica li rabatha ma’ Technion. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi arrikkiment ma jistax jiġi kklassifikat bħala “bla kawża”. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

106    Konsegwentement, huwa xieraq li tiġi miċħuda t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fi-risposta tagħha mill-Kummissjoni.

107    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

108    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Technion – Israel Institute of Technology u Technion Research & Development Foundation Ltd huma kkundannati għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Ottubru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.