Language of document : ECLI:EU:T:2014:259

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

20 ta’ Mejju 2014

Kawża T‑200/13 P

Patrizia De Luca

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Klassifikazzjoni fi grad — Ħatra f’pożizzjoni ta’ grupp ta’ funzjonijiet ogħla wara kompetizzjoni ġenerali — Ċaħda tar-rikors fl-ewwel istanza wara rinviju mill-Qorti Ġenerali — Dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-30 ta’ Jannar 2013, De Luca vs Il-Kummissjoni (F-20/06 RENV), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Patrizia De Luca u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom fiż-żewġ proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u fiż-żewġ proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu fiż-żewġ proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u fiż-żewġ proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Sommarju

Uffiċjali — Karriera — Bidla fil-kategorija jew fis-servizz wara l-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni ġenerali — Klassifikazzjoni mill-ġdid fi grad — Regoli applikabbli — Kandidati li għaddew minn kompetizzjoni inklużi fil-listi ta’ kandidati xierqa qabel it-30 ta’ April 2006 — Applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 12(3))

L-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal li jirregola l-klassifikazzjoni fi grad tal-uffiċjali rreklutati bejn l-1 Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, minn naħa, u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-iżvilupp normali tal-karriera tal-uffiċjali attivi fi ħdan il-korp tagħhom, min-naħa l-oħra, huma żewġ tipi ta’ regoli li l-applikazzjoni tagħhom hija reċiprokament esklużiva.

Għalhekk, fil-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma hemmx lok li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li l-persuna kkonċernata tkun ġiet promossa, jiġifieri li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet diġà taħdem bħala uffiċjal. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-każ li l-persuna kkonċernata kellha titqies bħala li hija rreklutata mill-ġdid, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku seta’ korrettament iqis li kien hemm fil-fatt lok li din tiġi kklassifikata fil-grad xieraq, mingħajr fattur multiplikatur, skont l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-konkordanza tal-gradi stabbilita fit-tabella li tidher f’dan l-artikolu.

Barra minn hekk, il-fatt li l-persuna kkonċernata tiġi kklassifikata fil-grad xieraq, mingħajr fattur multiplikatur, ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera, sa fejn l-applikazzjoni b’mod derogatorju tar-regoli fil-qasam tar-reklutaġġ tkun possibbli biss fil-każ li l-persuna kkonċernata tikseb minnha xi interess jew benefiċċju b’paragun mal-applikazzjoni tar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tar-reklutaġġ hija kkundizzjonata bl-eżistenza ta’ interess jew benefiċċju partikolari għall-uffiċjal. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ tali interess jew benefiċċju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax għalhekk titqies li hija sproporzjonata. Peress li kkonkluda li kien hemm tali interess jew benefiċċju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ leġittimament jikkonkludi li ma hemmx ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fit-tieni lok, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jevalwa jekk hemmx interess jew benefiċċju partikolari f’termini ta’ żvilupp tal-karriera tal-uffiċjal u/jew ta’ remunerazzjoni ta’ natura li jikkumpensa l-fatt li l-klassifikazzjoni tiegħu ġiet stabbilita fi grad iktar baxx minn dak li huwa diġà kellu. Dan l-interess jew benefiċċju għandu neċessarjament ikun adegwat u suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, dan l-interess jew benefiċċju, li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma għandu bl-ebda mod ikun manifest sabiex jikkonforma mat-termini tas-sentenza tar-rinviju.

Fit-tielet lok, hija l-qorti tal-fatti li għandha tevalwa x’jista’ jikkostitwixxi interess jew benefiċċju partikolari.

(ara l-punti 37 sa 39, 47, 50 u 51)