Language of document :

Kawża C179/21

absoluts-bikes and more- GmbH & Co. KG

vs

the-trading-company GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal5 ta’ Mejju 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 6(1)(m) – Kuntratt mill-bogħod bejn konsumatur u kummerċjant – Obbligu tal-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali tal-produttur u bil-kundizzjonijiet relatati magħha – Kundizzjonijiet li fihom jinħoloq tali obbligu – Kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur – Effett tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/44/KE”

1.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 2011/83 – Obbligu ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti mill-bogħod u l-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju – Oġġett mibjugħ minn kummerċjant li ma huwiex il-produttur – Obbligu tal-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur dwar l-eżistenza tal-garanzija tal-produttur u dwar il-kundizzjonijiet relatati magħha – Kundizzjoni – Interess leġittimu tal-konsumatur – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/83, Artikolu 6 (1)(m))

(ara l-punti 27–32, 37, 40–42, 44–53, u d-dispożittiv 1)

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum – Direttiva 1999/44 – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 2011/83 – Obbligu ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti mill-bogħod u l-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozjut – Oġġett mibjugħ minn kummerċjant li ma huwiex il-produttur – Obbligu tal-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur dwar l-eżistenza tal-garanzija tal-produttur u dwar il-kundizzjonijiet relatati magħha – Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur dwar il-kundizzjonijiet relatati ma’ din il-garanzija – Portata

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44, it-tieni inċiż tal-Artikolu 6(2), u 2011/83, Artikolu 6 (1)(m))

(ara l-punti 58, 61‑65, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Kummerċjant li jipproponi, fuq siti bħal Amazon, oġġett li ma jkunx ipproduċa huwa stess għandu jinforma lill-konsumatur bil-garanzija tal-produttur jekk minnha huwa jagħmel element ċentrali jew deċiżiv tal-offerta tiegħu

Il-kumpannija absoluts -bikes and more- GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “absoluts”) ipproponiet għall-bejgħ, fuq il-pjattaforma ta’ kummerċ online Amazon, il-prodott ta’ manifattur Svizzeru. Il-paġna tas-sit Amazon li tippreżenta din l-offerta ma kienet tinkludi ebda informazzjoni dwar kwalunkwe garanzija offruta minn absoluts jew minn terzi, iżda kienet tinkludi, f’taqsima intitolata “Informazzjoni teknika oħra”, ħolqa li permezz tagħha l-utent seta’ jaċċedi għal skeda ta’ informazzjoni redatta mill-produttur.

Peress li qieset li absoluts ma kinitx qegħda tipprovdi biżżejjed informazzjoni dwar il-garanzija offruta mill-produttur, kumpannija kompetitriċi ppreżentat, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-kompetizzjoni żleali, azzjoni intiża sabiex absoluts tieqaf milli tipproponi tali offerti. Peress li l-kawża waslet sal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), din tal-aħħar kellha dubji dwar jekk, bis-saħħa tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi (1), kummerċjant li jinsab fis-sitwazzjoni ta’ absoluts huwiex obbligat jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza tal-garanzija kummerċjali offruta mill-produttur. Din il-qorti staqsiet ukoll dwar il-portata ta’ tali obbligu u dwar il-kundizzjonijiet li fihom dan jinħoloq.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, skont id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, kummerċjant huwa obbligat jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni prekuntrattwali dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur meta l-konsumatur ikollu interess leġittimu li jikseb din l-informazzjoni sabiex jieħu d-deċiżjoni li jintrabat kuntrattwalment mal-kummerċjant. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi wkoll li din l-informazzjoni għandha tinkludi kull element ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u ta’ implimentazzjoni ta’ tali garanzija li tippermetti lill-konsumatur jieħu tali deċiżjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kummerċjant huwiex obbligat jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ garanzija kummerċjali tal-produttur (2), il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, meta s-suġġett tal-kuntratt jirrigwarda oġġett immanifatturat minn persuna li ma tkunx il-kummerċjant, dan l-obbligu għandu jkopri l-informazzjoni essenzjali kollha dwar dan l-oġġett sabiex il-konsumatur ikun jista’ jiddeċiedi jekk ikunx jixtieq jintrabat kuntrattwalment mal-kummerċjant. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-informazzjoni tinkludi l-karatteristiċi prinċipali tal-oġġett (3) kif ukoll, bħala prinċipju, il-garanziji kollha intrinsikament marbuta miegħu, fosthom il-garanzija kummerċjali offruta mill-produttur. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, għalkemm il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur tiżgura lill-konsumatur livell għoli ta’ protezzjoni, obbligu inkundizzjonat li jipprovdi tali informazzjoni, fi kwalunkwe ċirkustanza, jidher sproporzjonat. Fil-fatt, tali obbligu jobbliga lill-kummerċjanti jwettqu xogħol kunsiderevoli ta’ ġbir u ta’ aġġornament tal-informazzjoni relatata ma’ tali garanzija, filwaqt li dawn mhux neċessarjament ikollhom relazzjoni kuntrattwali diretta mal-produtturi u li l-kwistjoni tal-garanzija kummerċjali tal-produtturi ma taqax, bħala prinċipju, taħt il-kuntratt li huma jkollhom l-intenzjoni li jikkonkludu mal-konsumatur.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, fil-kuntest tal-ibbilanċjar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mal-kompetittività tal-impriżi, li l-kummerċjant huwa obbligat jipprovdi informazzjoni prekuntrattwali lill-konsumatur dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur biss jekk il-konsumatur ikollu interess leġittimu li jikseb din l-informazzjoni sabiex jieħu d-deċiżjoni li jintrabat kuntrattwalment mal-kummerċjant. Dan l-obbligu tal-kummerċjant għalhekk ma jitnissilx mis-sempliċi fatt tal-eżistenza ta’ din il-garanzija, iżda mill-fatt tal-preżenza ta’ tali interess leġittimu tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li dan l-interess jiġi stabbilit meta l-kummerċjant jagħmel mill-garanzija kummerċjali tal-produttur element ċentrali jew deċiżiv tal-offerta tiegħu, b’mod partikolari meta minn dan jagħmel argument ta’ bejgħ b’mod li jtejjeb b’hekk il-kompetittività u l-attrattività tal-offerta tiegħu meta mqabbla mal-offerti tal-kompetituri tiegħu.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-garanzija kummerċjali tal-produttur tikkostitwixxix element ċentrali jew deċiżiv tal-offerta tal-kummerċjant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut u l-konfigurazzjoni ġenerali tal-offerta fir-rigward tal-oġġett ikkonċernat, tal-importanza, f’termini ta’ argument ta’ bejgħ jew ta’ argument ta’ reklamar, tar-riferiment għall-garanzija kummerċjali tal-produttur, tal-pożizzjoni okkupata minn din l-indikazzjoni fl-offerta, tal-probabbiltà ta’ żball jew ta’ konfużjoni li l-imsemmija indikazzjoni tista’ twassal f’moħħ il-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tad-diversi drittijiet għall-garanzija li dan jista’ jeżerċita jew tal-identità reali tal-garanti, tal-preżenza jew le, fl-offerta, ta’ spjegazzjonijiet relatati mal-garanziji l-oħra konnessi mal-oġġett kif ukoll ta’ kull element ieħor li jista’ jistabbilixxi ħtieġa oġġettiva ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur dwar il-“kundizzjonijiet [...] relatati” mal-garanzija kummerċjali tal-produttur (4), il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kummerċjant huwa obbligat jipprovdi lill-konsumatur, sabiex jissodisfa l-interess leġittimu ta’ dan tal-aħħar li jikseb informazzjoni dwar il-garanzija kummerċjali tal-produttur sabiex ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni tiegħu li jintrabat kuntrattwalment mal-kummerċjant, kull element ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u ta’ implimentazzjoni tal-garanzija kummerċjali kkonċernata. Minbarra t-tul u l-portata territorjali tal-garanzija, imsemmija espressament fit-tieni inċiż tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-bejgħ u l-garanziji tal-oġġetti għall-konsum (5), dawn l-elementi jistgħu jinkludu mhux biss il-post ta’ tiswija fil-każ ta’ ħsara jew l-eventwali restrizzjonijiet ta’ garanzija, iżda wkoll, skont iċ-ċirkustanzi, l-isem u l-indirizz tal-garanti.


1      Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi”).


2      Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi. Skont din id-dispożizzjoni, qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju jew b’offerta tal-istess tip, il-kummerċjant għandu jipprovdilu, f’forma ċara u li tinftiehem, l-informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ assistenza ta’ wara l-bejgħ, ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ u ta’ garanziji kummerċjali kif ukoll il-kundizzjonijiet relatati magħhom.


3      Dan l-obbligu huwa previst fl-Artikolu 6(1) (a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.


4      Dan il-kunċett jinsab fl-Artikolu 6(1)(m) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.


5      Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).