Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2021 – Swords vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-586/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Patrick Swords (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentant: G. Byrne, Barrister-at-Law)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni ddatata t-13 ta’ Lulju 2021 li tirrifjuta li tagħti aċċess għad-dokumentazzjoni rikjesta mir-rikorrent; 1

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, billi rrifjutat aċċess għad-dokumentazzjoni rikjesta, il-Kummissjoni kisret it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. 1

Ir-rikorrent jargumenta li, minkejja li hemm investigazzjoni għaddejja fir-rigward tal-Irlanda, dan minnu nnifsu ma jistax jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqha meta rrifjutat żvelar f’dan il-każ. Il-fatt li diversi drittijiet fundamentali ta’ membri rilevanti tal-pubbliku ġew ristretti b’mod daqstant sever u b’mod daqshekk mingħajr preċedent u sever missu kien ta’ piż kontra d-deċiżjoni li jiġi rrifjutat żvelar fil-kuntest ta’ dan il-każ. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jargumenta li l-Kummissjoni naqset milli tinterpreta u tapplika strettament l-imsemmija restrizzjoni, fid-dawl tat-tbatija sostnuta minn membri rilevanti tal-pubbliku fir-rigward tal-miżuri estremi imposti mill-Irlanda, li jiksru libertajiet ċivili u drittijiet fundamentali b’mod totalment mingħajr preċedent fl-istorja tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrent jargumenta li tali kunsiderazzjonijiet juru li l-prinċipji ta’ trasparenza u demokrazija f’dan il-każ, flimkien mal-impedimenti fuq aċċess għal ġustizzja sofruti minn tali membri tal-pubbliku, huma kwistjonijiet ta’ tħassib urġenti li misshom ingħataw preċedenza fuq ir-raġunijiet li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom sabiex issostni r-rifjut tagħha li tiżvela l-informazzjoni rikjesta.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, jekk l-eċċezzjoni mqajma mill-Kummissjoni kienet applikabbli, il-Kummissjoni żbaljat billi naqset milli tirrikonoxxi li t-talba tar-rikorrent qamet f’ċirkustanzi eċċezzjonali, u żbaljat meta ddeċidiet li ma kienx hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tal-informazzjoni rikjesta. Għaldaqstant, ir-rikorrent jargumenta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi ksur tal-aħħar sentenza tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Il-miżuri estremi implimentati mill-Irlanda fir-rigward tal-ivjaġġar inter-UE kiser libertajiet ċivili u drittijiet fundamentali b’mod totalment mingħajr preċedenti fl-istorja tal-Unjoni. Bħala riżultat, diversi libertajiet fundamentali kienu affettwati serjament, inkluż id-dritt għall-moviment liberu tal-persuni, id-dritt għax-xogħol u d-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja. Fid-dawl tan-natura mingħajr preċedent tar-restrizzjonijiet implimentati, flimkien mal-ksur gravi fuq id-drittijiet fundamentali, ir-rikorrent jargumenta li t-talba tiegħu qamet b’mod ċar f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Kummissjoni naqset milli tqis sabiex waslet għad-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta żvelar. Barra minn hekk, ir-rikorrent jargumenta li l-preferenza tal-Kummissjoni għal kunfidenzjalità fil-kuntest ta’ dan il-każ tikkostitwixxi abdikazzjoni tad-dmir li jiġi ggarantit id-dritt ta’ membri rilevanti tal-pubbliku li jfittxu rimedju effettiv u d-dritt għal smigħ fi żmien raġjonevoli.

Billi naqset milli xxerred id-dokumentazzjoni inkwistjoni, ċittadini rilevanti huma mpoġġija fi żvantaġġ sinjifikanti u tali rifjut fixkel b’mod serju l-abbiltà tagħhom li jikkontestaw b’mod effettiv l-allegati raġunijiet għas-sospensjoni tad-drittijiet fundamentali relatati mal-ivvjaġġar fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, billi naqset milli tiżvela d-dokumentazzjoni mitluba, il-Kummissjoni ostakolat b’mod mhux iġġustifikat l-abbiltà ta’ ċittadini rilevanti tal-Unjoni sabiex iżommu lill-Gvern tagħhom responsabbli għall-ksur sever impost fuq id-drittijiet tagħhom iggarantiti taħt id-dritt tal-Unjoni, u, bħala tali, dan il-fattur kellu jkun ta’ piż favur li jiġi onorat il-prinċipju tat-trasparenza kif maħsub mit-Trattati u r-Regolament Nru 1049/2001.

Ir-rikorrent isostni, fl-aħħar, li huwa normali li d-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni jkun għodda utli sabiex jiġu difiżi d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili fl-Unjoni, sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja inġenerali u fi kwistjonijiet ambjentali bħal f’dan il-każ u sabiex gvernijiet jinżammu responsabbli. F’dan il-każ, id-dokumentazzjoni inkwistjoni jew ser tiżvela benefiċċju jew benefiċċju konkret(i) għas-saħħa pubblika (kif maħsub mir-Rakkommandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill), li jiġġustifikaw il-miżuri implimentati sabiex jiġi miġġieled il-COVID-19, jew le. Fid-dawl tal-fatt li l-miżuri kkontestati huma mingħajr preċedent, estremi u ta’ piż fuq ċittadini rilevanti tal-Unjoni li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu tagħhom u/jew jaħdmu fi ħdan l-Unjoni, aċċess għad-dokumentazzjoni rikjesta huwa kwistjoni ta’ interess pubbliku urġenti li ser jiffaċilita membri tal-pubbliku rilevanti sabiex jieħdu azzjoni sabiex jiddefendu u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tagħhom u jżommu lill-Gvern tal-Irlanda responsabbli għall-miżuri estremi li implimenta.

____________

1 Nota editorjali: id-dokumenti li r-rikorrent ifittex li jkollu aċċess għalihom huma dawk irċevuti mill-Kummissjoni Ewropea mill-Irlanda dwar l-allegati benefiċċji għas-saħħa pubblika li jirriżultaw mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar inter-UE fis-seħħ sa mill-bidu tal-pandemija COVID-19.

1 Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).