Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Lulju 2011 - Elti vs Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Montenegro

(Kawża T-395/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Elti d.o.o. (Gornja Radgona, ir-Repubblika tas-Slovenja) (rappreżentant: N. Zidar Klemenčič, avukat)

Konvenuta: L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Montenegro

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li l-konvenuta kisret l-Artikoli 2 u 30(3) tad-Direttiva 2004/18/KE 1;

tannulla l-proċedura ta' negozjati mwettqa fil-kuntest tal-proċedura għal sejħa għal offerti "Support to the Digitalisation of the Montenegrin Public Broadcasting - Supply of equipment, Montenegro" (referenza: EuropaAid/129435/C/SUP/ME-NP) (OJ 2010/S 178-270613), sa fejn ir-rikorrenti ma ngħatatx trattament ugwali u, għalhekk, ma setgħetx tikkoreġi/tispjega l-offerta tagħha;

tannulla d-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt fil-proċedura għal sejħa għal offerti msemmija iktar 'il fuq;

fl-eventwalità li l-kuntratt ikun diġà ġie konkluż, tiddikajra tali kuntratt null;

sussidjarjament, fl-eventwalità li l-kuntratt ikun diġà ġie eżegwit meta l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjoni tagħha, jew fl-eventwalità li d-deċiżjoni ma tkunx għadha tista' tiġi ddikjarata nulla, tiddikjara li l-konvenuta kisret l-Artikoli 2 u 30(3) tad-Direttiva 2004/18/KE u tordnalha tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 172 541.56 bħala kumpens għat-telf imġarrab mir-rikorrenti fir-rigward ta' dik il-proċedura; u

tordna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti u ta' eventwali intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta kisret l-Artikoli 2 u 30(3) tad-Direttiva 2004/18/KE, sa fejn:

Informazzjoni rilevanti għall-preżentazzjoni tal-offerta ma tqegħditx għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti kollha fil-proċedura għall-għoti ta' kuntratt pubbliku bl-istess mod u bl-istess forma;

L-offerenti li ntlaqgħet l-offerta tagħha ngħatat informazzjoni b'mod diskriminatorju u b'mod vantaġġuż għaliha, sa fejn setgħet tikkoreġi l-offerta tagħha; u

Il-proċedura ta' negozjati twettqet b'mod li l-konvenuta influwenzat l-eżitu tal-proċedura billi talbet informazzjoni addizzjonali jew kjarifiki mingħand ċerti parteċipanti biss, u b'hekk kisret il-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ta' trasparenza.

____________

1 - Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta' Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)