Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta' Lulju 2011 minn Yvette Barthel et kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta' Mejju 2011 fil-Kawża F-59/10, Barthel et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża T-398/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Yvette Barthel (Arlon, il-Belġju), Marianne Reiffers (Olm, il-Lussemburgu), Lieven Massez (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J-N. Louis, É. Marchal, D. Abreu Caldas, avukati)

Appellata: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta' Mejju 2011, Barthel et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża F-59/10), li jiċħad bħala inammissibbli r-rikors tal-appellanti;

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tibgħat lura l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex dan jiddeċiediha fil-mertu skont il-liġi;

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni sa fejn, meta ċaħad bħala inammissibbli r-rikors tal-appellanti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-Artikolu 296 TFUE, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 7(1) tal-Anness I ta' dan l-istatut, billi ma eżaminax kull ksur ta' liġi allegat quddiemu u billi ma tax lill-appellanti l-opportunità li jsiru jafu r-raġunijiet għaliex ġew miċħuda l-motivi bbażati fuq l-illegalità tal-interpetazzjoni a contrario tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-Artikolu 91 tagħhom u fuq id-dritt li jitressaq ilment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju fit-terminu ta' tliet xhur mid-data tan-notifika tagħha skont it-tieni inċiż ta' din id-dispożizzjoni. Minħabba li naqas milli jwieġeb għall-motivi u għall-argumenti kollha mressqa mill-appellanti fir-rikorsi għal annullament tagħhom, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jimmotiva d-digriet tiegħu.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta' liġi sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li d-deċiżjoni tas-26 ta' Ottubru 2009 li tiċħad it-talba tal-appellanti kienet tikkostitwixxi deċiżjoni purament konfermattiva ta' nuqqas ta' tweġiba li jammonta għal deċiżjoni impliċita ta' ċaħda, u dan meta l-fatt li r-risposta saret b'mod tard kien ġustifikat mill-istennija ta' opinjoni interna mitluba minn wieħed mid-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista' teżamina jekk l-appellanti kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-allowance għal xogħol bix-shift skont l-Artikolu 56a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

____________