Language of document : ECLI:EU:T:2012:274

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

4 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Rikors għal annullament — Kuntratti pubbliċi għal provvisti — Proċedura ta’ sejħa għal offerti —Diġitizzazzjoni tas-servizz pubbliku tax-xandir fil-Montenegro — Deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt meħuda mid-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro — Assenza tal-kwalità ta’ konvenut — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑395/11,

Elti d.o.o., stabbilita f’Gornja Radgona (is-Slovenja), irrappreżentata minn N. Zidar Klemenčič, avukat,

rikorrenti,

vs

Id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Montenegro, inizjalment irrappreżentata minn N. Bertolini, bħala aġent, u sussegwentement minn J. Stuyck u A.-M. Vandromme, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro, tal-21 ta’ Marzu 2011, li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti għall-kuntratt għall-provvista ta’ tagħmir intiż għad-diġitizzazzjoni tax-xandir pubbliku fil-Montenegro u, korrelattivament, li tagħti l-imsemmi kuntratt lil kumpannija oħra u, sussidjarjament, talba għad-danni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-14 ta’ Settembru 2010 , avviż ta’ kuntratt dwar proġett intitolat “Appoġġ għad-diġitizzazzjoni tax-xandir pubbliku fil-Montenegro — provvista ta’ tagħmir, Il-Montenegro”, bil-għan li jwassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt għall-provvista ta’ tagħmir, kien ġie ppubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010/S 178-270613), bin-numru ta’ referenza EuropeAid/129435/C/SUP/ME. Dan l-avviż kien jinkludi d-daħla li ġejja: “L-awtorità li qiegħda toħroġ il-kuntratt [awtorità kontraenti]: l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Montenegro, f’isem u għall-pajjiż benefiċjarju — il-Montenegro”.

2        Il-finanzjament tal-proġett inkwistjoni jagħmel parti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C (2009) 6420, tal-20 ta’ Awwissu 2009, li tadotta l-programm nazzjonali għall-Montenegro fil-kuntest tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) fil-qasam ta’ għajnuna għat-tranżizzjoni u għar-rinfurzar tal-istituzzjonijiet għas-sena 2009 , li l-annessi tagħha jinkludu lista ta’ proġetti li tinkludi l-proġett li huwa s-suġġett ta’ din il-proċedura. Din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha bħala bażi legali r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006, tas-17 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi l-IPA (ĠU L 210, p. 82).

3        L-implementazzjoni tal-imsemmi programm irriżultat fil-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ finanzjament iffirmat mill-Kummissjoni, irrappreżentata mill-Kap tad-Delegazzjoni, u mill-Gvern tal-Montenegro, fit-18 ta’ Ottubru u fis-6 ta’ Novembru 2009 rispettivament.

4        Fil-15 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti, Elti d.o.o., kumpannija inkorporata taħt id-dritt Sloven, ressqet offerta fil-kuntest tal-proċedura msemmija iktar ’il fuq.

5        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 2010, id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro informat lir-rikorrenti, minn naħa, dwar iċ-ċaħda tal-offerta tagħha għal żewġ raġunijiet ta’ natura teknika u, min-naħa l-oħra, dwar il-fatt li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet ġiet annullata peress li ebda waħda mill-offerenti ma kienet issodisfat totalment il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

6        Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Jannar 2011, id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro stiednet lir-rikorrenti sabiex tipparteċipa fi proċedura nnegozjata dwar l-istess proġett, bin-numru ta’ referenza EuropeAid/129435/C/SUP/ME-NP, u ppreċiżat li l-inkartament inizjali tas-sejħa għal offerti kien ser jibqa’ validu fit-totalità tiegħu għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura nnegozjata.

7        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Frar 2011, id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro talbet lir-rikorrenti sabiex tiċċara disa’ punti rigward il-parti teknika tal-offerta l-ġdida tagħha ppreżentata fl-10 ta’ Frar 2011, u r-rikorrenti għamlet dan permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Frar 2011.

8        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti staqsiet lid-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro sabiex issir taf bid-deċiżjoni meħuda fir-rigward tal-proċedura nnegozjata.

9        Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Mejju 2011, id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro indikat lir-rikorrenti dan li ġej:

“Għall-informazzjoni tagħkom, il-proċedura għadha għaddejja u ma nistgħux ngħaddu informazzjoni ulterjuri bħalissa. Serrħu raskom li ser ninformawkom dwar id-deċiżjoni finali dalwaqt.”

10      Fis-27 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti rċeviet ittra li kienet ġejja mid-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro, bid-data tal-21 ta’ Marzu 2011, li permezz tagħha ġiet informata li l-offerta tagħha kienet ġiet miċħuda minħabba li “l-ħila teknika” tagħha ma kinitx ġiet ikkunsidrata li tissodisfa bosta kriterji speċifiċi fl-inkartament tas-sejħa għal offerti u li l-kuntratt kien ingħata lil Eurotel SpA għall-ammont ta’ EUR 1 420 046 .

11      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2011, indirizzata lid-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro, ir-rikorrenti kkontestat id-deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2011 u talbitha sabiex tannulla d-deċiżjoni “żbaljata” tagħha u li tagħżilha bħala fornitur għall-kuntratt inkwistjoni.

12      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ġunju 2011, id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro indikat dan li ġej lir-rikorrenti:

“Grazzi tal-ittra tagħkom li waslet għandna fis-6 ta’ Ġunju 2011. Din tqajjem ċerti kwistjonijiet li jeħtieġu eżami, eżami li għadu għaddej. Skont it-Taqsima 2.4.15 tal-Gwida prattika dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għall-azzjonijiet esterni tal-[Komunità Ewropea], ser tirċievu risposta mingħandna fi żmien 45 ġurnata mid-data ta’ meta waslet għandna l-ittra tagħkom.”

13      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Lulju 2011, id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro informat lir-rikorrenti dwar il-fatt li, b’mod partikolari, ma kienx hemm raġuni li ssir reviżjoni jew emenda lid-deċiżjoni tal-kumitat li kien iġġudika l-offerta bħala teknikament mhux konformi u li kien ċaħadha għal din ir-raġuni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.

15      Permezz ta’ att separat ippreżentat fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji, fejn hija talbet, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro li tiċħad l-offerta tagħha u li tagħti l-kuntratt lil offerenti oħra kif ukoll tal-kuntratt għal provvisti inkwistjoni, fl-eventwalità li dan il-kuntratt diġà ġie konkluż.

16      Permezz ta’ noti tat-22 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti u d-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro wieġbu għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kwalità ta’ konvenuta tad-Delegazzjoni fil-proċedura għal miżuri provviżorji u fil-kawża prinċipali.

17      Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Settembru 2011, it-talba għal miżuri provviżorji mressqa mir-rikorrenti ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

18      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ottubru 2011, id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro, bis-saħħa tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni fil-15 ta’ Diċembru 2011.

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata li d-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro kisret id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), u b’mod partikolari, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 30(3) tagħha;

–        tannulla l-proċedura nnegozjata sa fejn l-imsemmija delegazzjoni ma kinitx applikat il-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tar-rikorrenti, u għalhekk ma ppermettitilhiex tikkoreġi jew tispjega l-offerta tagħha;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt adottata fi tmiem il-proċedura nnegozjata, li permezz tagħha din l-istess delegazzjoni ċaħdet l-offerta tagħha u tat il-kuntratt lil Eurotel;

–        fl-eventwalità li l-kuntratt diġà ġie konkluż, tiddikjara tali kuntratt null;

–        tikkundanna lid-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro tħallasha s-somma ta’ EUR 10 000 minħabba l-ispejjeż, skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura, inklużi l-ispejjeż marbuta ma’ interventi eventwali;

Sussidjarjament, fl-eventwalità li l-kuntratt diġà ġie eżegwit jew fl-eventwalità li d-deċiżjoni ma tkunx għadha tista’ tiġi ddikjarata nulla:

–        tikkonstata li l-imsemmija delegazzjoni kisret id-Direttiva 2004/18 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 30(3) tagħha;

–        tikkundanna lill-imsemmija delegazzjoni sabiex tħallasha d-danni fl-ammont ta’ EUR 172 541.56 bħala kumpens għat-telf imġarrab fil-kuntest ta’ din il-proċedura;

–        tikkundanna lil din l-istess delegazzjoni għall-ispejjeż u li tħallasha s-somma totali ta’ EUR 10 000 minħabba l-ispejjeż ġudizzjarji, skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura, inklużi l-ispejjeż marbuta ma’ interventi eventwali.

20      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara inammissibbli r-rikors għal annullament;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż taż-żewġ partijiet.

21      Ir-rikorrenti titlob, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad bħala infondata u mhux stabbilita l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma u li “tirrikonoxxi li skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna l-konvenuta tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea fil-Montenegro għal dak li jirrigwarda l-kuntratt pubbliku bir-referenza EuropeAid/129435/C/SUP/ME-NP tal-21 ta’ Marzu 2011 u li hija, bħala tali, parti leġittima fil-proċedura fil-kawża preżenti”.

 Id-dritt

22      Skont l-Artikolu 114(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk waħda mill-partijiet titlob lill-Qorti Ġenerali tieħu deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, il-proċedura dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha titkompla oralment, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor.

23      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li mid-dokumenti fil-proċess għandha biżżejjed informazzjoni u għalhekk tiddeċiedi li ma hemmx lok li tinbeda l-proċedura orali.

24      Id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro ssostni li hija ma jistax ikollha l-kwalità ta’ konvenuta fil-kuntest ta’ din il-kawża minħabba l-fatt li hija ma tibbenefikax mill-istatus ta’ korp awtonomu u ma aġixxietx bħala tali fil-każ inkwistjoni.

25      Huwa xieraq, f’dan ir-rigward, li jitfakkru t-termini tal-Artikolu 263(1) TFUE, li jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha teżamina l-legalità ta’ atti leġiżlattivi, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Din għandha tikkontrolla wkoll il-legalità ta’ l-atti ta’ korpi jew organi ta’ l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi.”

26      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rimedju tar-rikors għal annullament huwa disponibbli kontra l-atti li joriġinaw mill-istituzzjonijiet imsemmija speċifikament, iżda wkoll, b’mod iktar ġenerali, kontra dawk l-atti adottati minn “korpi jew organi ta’ l-Unjoni” sa fejn dawn ikunu atti li maħsuba li jipproduċu effetti legali vinkolanti.

27      Għaldaqstant, la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 263(1) TFUE u lanqas mill-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni, hekk kif tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, magħrufa bħala “Les Verts” (294/83, Ġabra p. 1339), ma jista’ jiġi dedott, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-entitajiet jew l-istrutturi kollha li jagħmlu parti minn, u li jaġixxu fi ħdan, skema organizzattiva tal-Unjoni jistgħu, minħabba dan il-fatt biss, jiġu kkunsidrati bħala korp jew organu ta’ din tal-aħħar fis-sens tal-artikolu ċċitat iktar ’il fuq.

28      Il-fatt li d-deċiżjoni li l-kuntratt ma jingħatax lir-rikorrenti tista’ tiġi kkunsidrata bħala att li jikkawżalha preġudizzju billi mmodifika b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni legali tagħha ma jfissirx neċessarjament li l-awtur ta’ dan l-att għandu l-kapaċità sabiex jiddefendi l-legalità tal-imsemmi att quddiem qorti tal-Unjoni.

29      Hemm lok, fil-fatt, li jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istatus tal-entità kkonċernata, din għandhiex kapaċità legali suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala korp awtonomu tal-Unjoni u sabiex jiġi rrikonoxxut li għandha l-kwalità ta’ konvenuta.

30      Fir-rigward tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, dawn huma msemmija fl-Artikolu 221 TFUE bil-mod li ġej:

“1. Id-delegazzjonijiet ta’ l-Unjoni f’pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jirrappreżentaw l-Unjoni.

2. Id-delegazzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom jitqiegħdu taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli ta’ l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. […]”.

31      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE, tas-26 ta’ Lulju 2010, li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, p. 30, iktar ’il quddiem “id-Deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2010), adottata skont l-Artikolu 27(3) TUE, tistabbilixxi dan li ġej fl-Artikolu 1 tagħha:

“[…]

2. Is-SEAE, li għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu fi Brussell, għandu jkun korp funzjonalment awtonomu tal-Unjoni Ewropea, separat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u mill Kummissjoni, bil-kapaċità legali meħtieġa li jwettaq il-kompiti tiegħu u jilħaq l-objettivi tiegħu.

3. Is-SEAE għandu jitqiegħed taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà […]

4. Is-SEAE għandu jkun magħmul minn amministrazzjoni ċentrali u mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għal pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.”

32      L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2010, intitolat “Delegazzjonijiet tal-Unjoni”, jinkludi dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“1. Id-deċiżjoni biex tinfetaħ jew tingħalaq delegazzjoni għandha tiġi adottata mir-Rappreżentant Għoli, bi qbil mal-Kunsill u mal-Kummissjoni.

2. Kull Delegazzjoni tal-Unjoni għandha titqiegħed taħt l-awtorità ta’ Kap tad-Delegazzjoni.

[…]

3. Il-Kap tad-Delegazzjoni għandu jirċievi l-istruzzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli u s-SEAE, u għandu jkun responsabbli għat-twettiq tagħhom.

F’oqsma fejn il-Kummissjoni teżerċita s-setgħat konferiti fuqha mit-Trattati, il-Kummissjoni tista’, konformement mal-Artikolu 221(2) tat-TFUE, tagħti wkoll istruzzjonijiet lid-delegazzjonijiet, li għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ġenerali tal-Kap tad-Delegazzjoni.

4. Il-Kap tad-Delegazzjoni għandu jimplimenta krediti operattivi fir-rigward tal-proġetti tal-UE fil-pajjiż terz korrispondenti, fejn issottodelegat mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

[…]

8. Il-Kap tad-Delegazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jirrappreżenta lill-Unjoni fil-pajjiż fejn id-delegazzjoni hi akkreditata, b’mod partikolari għall-konklużjoni ta’ kuntratti u, bħala parti għal proċedimenti legali.

[…]”

33      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li dan il-qafas ġuridiku ġdid, li jirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, biddel lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f’delegazzjonijiet tal-Unjoni, li huma atturi indipendenti b’personalità ġuridika.

34      Madankollu, is-sempliċi fatt li, minn issa ’l quddiem, id-delegazzjonijiet ma baqgħux jirrappreżentaw biss lill-Kummissjoni iżda wkoll lill-Unjoni fit-totalità tagħha ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi rrikonoxxut li d-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro għandha l-kwalità ta’ konvenuta.

35      L-ewwel nett, għandu jingħad li mill-Artikolu 221 TFUE u mid-Deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2010 jirriżulta li d-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro tagħmel parti integrali mill-istruttura ġerarkika u funzjonali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u ma tikkostitwixxix ħlief sempliċi diviżjoni ta’ dan is-servizz, filwaqt li dan tal-aħħar huwa identifikat b’mod ċar bħala korp awtonomu tal-Unjoni, bil-kapaċità ġuridika meħtieġa sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu. Dawn il-konstatazzjonijiet, barra minn hekk, saru mir-rikorrenti stess fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

36      Fid-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2011, Technoprocess vs Il-Kummissjoni u Id-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Marokk (T-264/09, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 70), il-Qorti Ġenerali straħet preċiżament fuq il-fatt li d-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu marbuta ma’ din tal-aħħar u kienu jiddependu fuqha sabiex ikkonkludiet li ma kellhomx personalità ġuridika u li r-rikors ippreżentat kontra delegazzjoni tal-Kummissjoni f’pajjiż terz kien inammissibbli.

37      It-tieni nett, minbarra din ir-rabta ta’ dipendenza organika mas-SEAE, id-Deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2010 tiżvela subordinazzjoni funzjonali tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni fir-rigward tal-Kummissjoni, u dan fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-implementazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

38      Ir-relazzjoni speċifika bejn il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni tal-Unjoni u l-Kummissjoni hija deskritta bi preċiżjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”), liema regolament kellu jiġi emendat wara li nħoloq is-SEAE sabiex, b’mod partikolari, tiġi żgurata l-“kontinwità tal-funzjonament tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-kontinwità u l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-għajnuna esterna mid-Delegazzjonijiet”, skont it-termini tal-premessa 7 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jemenda r-Regolament Finanzjarju fir-rigward tas-SEAE (ĠU L 311, p. 9).

39      F’dan is-sens, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li “[…] il-Kummissjoni tista’ tiddelega s-setgħat tagħha ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-approprjazzjonijiet operattivi tat-taqsima tagħha stess lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni” u li “[m]eta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti [awtorizzati] b’sottodelega tal-Kummissjoni, huma għandhom japplikaw ir-regoli tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit u għandhom ikunu sottomessi għall-istess dmirijiet, obbligi u responsabbiltà bħal kull uffiċjal awtorizzanti ieħor [kull uffiċjal ieħor awtorizzat] b’sottodelega tal-Kummissjoni”.

40      L-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi li “[l]-uffiċjali awtorizzanti [awtorizzati], b’delega jew b’sottodelega jistgħu jaġixxu biss fil-limiti stabbiliti mill-istrument tad-delega jew tas-sub-delega” u li, “[m]eta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti [awtorizzati] b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, huma għandhom ikunu suġġetti għall-Kummissjoni bħala l-istituzzjoni responsabbli għad-definizzjoni, l-eżerċitar, il-kontroll u l-evalwazzjoni tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala uffiċjali awtorizzanti [awtorizzati] b’sottodelega”, filwaqt li l-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin, tgħarraf lir-Rappreżentant Għoli b’dan.

41      Mill-Artikolu 60a tar-Regolament Finanzjarju jirriżulta li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzati b’sottodelega għandhom, minn naħa, jissottomettu rapporti lill-uffiċjal tagħhom li jkun awtorizzat b’delega dwar, b’mod partikolari, il-ġestjoni tal-operazzjonijiet li jkunu fdati lilhom permezz tas-sottodelega u, min-naħa l-oħra, għandhom iwieġbu għal kwalunkwe talba mill-uffiċjal awtorizzat b’delega tal-Kummissjoni.

42      Skont it-termini tal-Artikolu 85 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzati b’sottodelega “għandhom ikunu soġġetti għas-setgħat ta’ verifika tal-awditur intern tal-Kummissjoni għall-ġestjoni finanzjarja mgħoddija lilhom b’sottodelega”.

43      Għandu jiġi osservat ukoll li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra ta’ dawk il-Komunitajiet (ĠU L 311, p. 1), inkluda fl-imsemmija regolamenti Artikolu 96 ġdid, li t-tieni paragrafu tiegħu jipprovdi li “[u]ffiċjal tas-SEAE li għandu jwettaq kompiti għall-Kummissjoni bħala parti mid-dmirijiet tiegħu għandu jieħu istruzzjonijiet mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn il-kompiti, skont l-Artikolu 221(2) tat-[TFUE]”.

44      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni jista’ jkollhom rwol ta’ assistenza għall-Kummissjoni fl-implementazzjoni tal-baġit tal-Unjoni fuq livell lokali, b’mod iktar speċifiku fil-każ tal-implementazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati fil-kuntest tal-programmi għall-għajnuna esterna tal-Unjoni.

45      Din l-assistenza, li taqa’ fil-kuntest ta’ sottodelega favur il-Kap tad-Delegazzjoni, isseħħ taħt il-verifika stretta tal-Kummissjoni, li hija responsabbli, inkonformità mal-Artikolu 317 TFUE u mal-Artikolu 319 TFUE, għall-implementazzjoni tal-baġit u li għandha, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament Finanzjarju, is-setgħa li tirtira d-delega mogħtija.

46      Għalhekk, mill-Artikolu 221 TFUE, mid-Deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2010 u mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-istatus ġuridiku tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni huwa kkaratterizzat minn dipendenza organika u funzjonali doppja fir-rigward tas-SEAE u tal-Kummissjoni, dipendenza li ma tippermettilhomx li jiġu kkunsidrati bħala korp fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

47      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mit-termini, enfasizzati mir-rikorrenti, tal-Artikolu 5(8) tad-Deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2010, li jipprovdi li l-Kap ta’ Delegazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jirrappreżenta lill-Unjoni fil-pajjiż fejn id-delegazzjoni hija akkreditata, b’mod partikolari fir-rigward tal-konklużjoni ta’ kuntratti u fir-rigward tat-tressiq ta’ proċedimenti legali.

48      Din id-dispożizzjoni sempliċement tfakkar li delegazzjoni ma taġixxix f’isimha proprju u għan-nom tagħha stess u tagħti lill-persuna responsabbli għal din id-delegazzjoni kapaċità ġuridika limitata ħafna mill-perspettiva territorjali, li barra minn hekk hija meħtieġa sabiex ikunu sodisfatti l-bżonnijiet relatati mal-funzjonament tad-delegazzjoni.

49      F’dan id-dawl, għandhom jitfakkru t-termini tal-Artikolu 274 TFUE, li jiddikjara: “[m]ingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea fit-Trattati, it-tilwim li fih l-Unjoni tkun parti, m’għandhomx għal dik ir-raġuni jkunu esklużi mill-kompetenza ta’ qrati jew tribunali nazzjonal” u tal-Artikolu 335 TFUE, li huwa fformulat kif ġej:

“F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Unjoni għandha tippossjedi il-kapaċità ġuridika l-iktar wiesa’ mogħtija lil persuni ġuridiċi bil-liġijiet nazzjonali; b’mod partikolari, hija tkun tista’ tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali. Għal dan il-għan, l-Unjoni għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni. Madankollu, l-Unjoni għandha tkun rappresentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa ta’ l-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom.”

50      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(8) tad-Deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2010 ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod iżolat. Dan l-artikolu ma jistax jiġi sseparat mill-kuntest ġuridiku kollu kkostitwit mill-Artikolu 221 TFUE, mid-Deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2010 fit-totalità tagħha u mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju, u għandu jinqara fid-dawl ta’ dan il-kuntest.

51      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li d-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro dejjem ippreżentat lilha nnifisha bħala r-rappreżentant tal-Unjoni, bis-setgħat kollha meħtieġa sabiex taġixxi f’isimha. Hija tenfasizza li l-kuntratt kontenzjuż kien ġie ppubblikat f’isem awtorità kontraenti kkostitwita mill-Unjoni, irrappreżentatha mid-delegazzjoni tagħha fil-Montenegro, li l-komunikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet kollha rigward il-kuntratt inkwistjoni kienu ġew adottati mill-istess korp, jiġifieri mid-delegazzjoni fil-persuna tal-Kap tagħha, filwaqt li l-Kummissjoni u s-SEAE ma ssemmew f’ebda wieħed minn dawn id-dokumenti.

52      Għandu jitfakkar li r-rikorrenti titlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro, tal-21 ta’ Marzu 2011, li tiċħad l-offerta tagħha għall-kuntratt għall-provvista ta’ tagħmir għad-diġitizzazzjoni tax-xandir pubbliku fil-Montenegro u, korrelattivament, li tagħti l-imsemmi kuntratt lil kumpannija oħra li hija inkorporata taħt id-dritt Taljan.

53      Kif diġà ntqal, il-finanzjament tal-proġett inkwistjoni jagħmel parti mid-Deċiżjoni C (2009) 6420.

54      L-implementazzjoni tal-programm nazzjonali għall-Montenegro adottat minn din id-deċiżjoni rriżultat fil-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ finanzjament iffirmat mill-Kummissjoni, irrappreżentata mill-Kap tad-Delegazzjoni, u mill-Gvern tal-Montenegro, fit-18 ta’ Ottubru u fis-6 ta’ Novembru 2009 rispettivament.

55      L-Artikolu 2 tal-imsemmi kuntratt jipprovdi għall-implementazzjoni mill-Kummissjoni tal-programm nazzjonali għall-Montenegro, fil-kuntest tal-IPA, fir-rigward tal-għajnuna għat-tranżizzjoni u għar-rinfurzar tal-istituzzjonijiet għas-sena 2009, fuq bażi ċċentralizzata, skont l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju.

56      Mid-daħla fis-seħħ, fid-29 ta’ Novembru 2010, tar-Regolament Nru 1081/2010, l-Artikolu 53a tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li, “[m]eta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit fuq bażi ċentralizzata, il-kompiti implimentattivi għandhom jitwettqu, jew direttament mid-dipartimenti tagħha jew mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, jew b’mod indirett, skont l-Artikoli 54 sa 57”.

57      Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni tista’ tiddelega s-setgħat tagħha ta’ implementazzjoni tal-baġit għall-approprjazzjonijiet operattivi tat-taqsima tagħha stess lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u li, f’dan il-każ, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet għandhom japplikaw ir-regoli tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-baġit u għandhom ikunu sottomessi għall-istess dmirijiet u obbligi bħal kull uffiċjal ieħor awtorizzat b’sottodelega tal-Kummissjoni, inkluż għall-obbligu li jagħtu rendikont tal-aġir tagħhom.

58      Issa, fir-rigward tal-mezzi koperti mill-IPA, il-Kummissjoni għażlet li tagħti sottodelega tas-setgħat, kif jirriżulta mill-att ta’ sottodelega mogħti lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro, bid-data tat-18 ta’ April 2011 u li jissostitwixxi dak tas-7 ta’ Lulju 2010, li jippreċedi d-Deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2010.

59      Din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi r-riżultat konkret tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonament tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-kontinwità u l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-għajnuna esterna mid-delegazzjonijiet, imsemmija fil-premessa 7 tar-Regolament Nru 1081/2010.

60      Barra minn hekk, l-ittra li permezz tagħha d-Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir tal-Kummissjoni ta l-kunsens tiegħu għat-talba għal awtorizzazzjoni tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro għall-ftuħ ta’ proċedura nnegozjata fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni turi l-istruzzjonijiet li setgħu jingħataw lill-Kap tad-Delegazzjoni.

61      Għalkemm ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tagħha kienet ġiet adottata mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro li kien qiegħed jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal awtorizzat b’sottodelega, hija xorta waħda qiegħda ssostni li din id-deċiżjoni ma hijiex att tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli.

62      F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li l-atti adottati bis-saħħa tas-setgħat iddelegati huma normalment imputati lill-istituzzjoni li tiddelega, li hija responsabbli għad-difiża tal-att inkwistjoni quddiem il-qrati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1957, Algera et vs L-Assemblea Komuni tal-KEFA, 7/56 u 3/57 sa 7/57, Ġabra p. 81, 113; tas-17 ta’ Lulju 1959, Snupat vs L-Awtorità Għolja, 32/58 u 33/58, Ġabra p. 275, 298, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Frar 1998, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni, T-369/94 u T-85/95, Ġabra p.II-357, punti 52 u 53). L-atti tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), jekk jitqies li dawn jistgħu jiġu kkontestati, huma b’hekk imputati lill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T-309/03, Ġabra p.II-1173, punt 66, u d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2010, GL2006 Ewropa vs Il-Kummissjoni u L-OLAF, T-435/09 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 14 sa 16).

63      Din is-soluzzjoni tapplika a fortiori għad-delegazzjonijiet firmatarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 11 sa 14) u, bħal fil-każ inkwistjoni, fil-każ ta’ sottodelega.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-atti adottati mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro, li jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal awtorizzat b’sottodelega tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura rigward il-kuntratt għall-provvisti bir-referenza EuropeAid/129435/C/SUP/ME-NP, ma jippermettux li jiġi rrikonoxxut li l-imsemmija delegazzjoni għandha l-kwalità ta’ konvenuta u huma, fil-kawża inkwistjoni, imputabbli lill-Kummissjoni.

65      Il-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-importanza tal-persunal tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro, il-formulazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt jew l-assenza ta’ aċċettazzjoni mill-Kummissjoni jew mis-SEAE tal-kwalità ta’ konvenut fil-proċeduri għal miżuri provviżorji ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq.

66      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs AER (T-411/06, Ġabra, p. II-2771), sabiex titlob iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mid-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro.

67      F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li hija kienet kompetenti fir-rigward ta’ rikors ippreżentat kontra l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (AER) u li kien intiż għall-annullament ta’ deċiżjonijiet li jannullaw sejħa għal offerti għal kuntratt għal xogħlijiet u li jorganizzaw sejħa għal offerti ġdida.

68      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni ma hijiex, fi kwalunkwe każ, komparabbli ma’ dik tal-AER fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sogelma vs AER, iċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq.

69      Insostenn tad-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, irrilevat, fil-punti 3 u 50, li l-AER kienet korp Komunitarju li ngħatat espressament personalità ġuridika mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000, tal-5 ta’ Diċembru 2000, dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 34, p. 308), u hija kompetenti, wara li kienet ġiet inkarigata mill-Kummissjoni tagħmel dan, sabiex timplementa hija stess il-programmi ta’ assistenza Komunitarja favur, b’mod partikolari, is-Serbja u l-Montenegro.

70      Din is-sitwazzjoni ma tikkorrispondix għal dik tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro li taġixxi fil-kuntest tal-amministrazzjoni ċċentralizzata diretta msemmija fl-Artikolu 53a tar-Regolament Finanzjarju u mhux indiretta bħal fil-każ tal-AER.

71      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont it-termini tal-Artikolu 13(2) u tal-Artikolu 13a(3) tar-Regolament Nru 2667/2000, kienet l-AER li kellha tiddefendi lilha nnifisha quddiem il-qorti tal-Unjoni fil-kawżi dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha u f’dawk dwar id-deċiżjonijiet li hija tkun ħadet skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

72      Tali kapaċità ta’ rappreżentanza quddiem il-qrati hija manifestament nieqsa fir-rigward tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

73      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li d-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro ma tistax tiġi kkunsidrata bħala korp jew organu tal-Unjoni u ma jistax jiġi rrikonoxxut li għandha l-kwalità ta’ konvenuta.

74      Minn dan isegwi li r-rikors ippreżentat kontriha mir-rikorrenti huwa inammissibbli, kemm għal dak li jirrigwarda t-talba prinċipali għal annullament kif ukoll għal dak li jirrigwarda t-talba sussidjarja għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 1992, SGEEM u Etroy vs Il-BEI, C-370/89, Ġabra p.I-6211, punt 16).

75      Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

76      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro, kemm dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji kif ukoll dawk tal-kawża prinċipali.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Elti d.o.o. hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Il-Lussemburgu, tal-4 ta’ Ġunju 2012.

E. Coulon

 

      L. Truchot

Reġistratur

 

      President


*Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.