Language of document : ECLI:EU:T:2014:938

Kawża T‑399/11

Banco Santander, SA
u

Santusa Holding, SL

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermettu lill-impriżi ddomiċiljati fi Spanja għall-finijiet ta’ taxxa jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’impriżi ddomiċiljati barra mill-pajjiż għall-finijiet ta’ taxxa — Deċiżjoni li tikklassifika din l-iskema bħala għajnuna mill-Istat, li tiddikjara din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Natura selettiva — Identifikazzjoni ta’ kategorija ta’ impriżi vantaġġati mill-miżura — Assenza — Ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tas-7 ta’ Novembru 2014

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Miżura ta’ tnaqqis fiskali — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Deroga mis-sistema fiskali ġenerali — Distinzjoni bejn impriżi li huma f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbliPortata tal-oneru probatorju

(Artikolu 107(1) TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Evalwazzjoni bbażata fuq in-natura selettiva tas-sistema legali stabbilita mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-miżura — Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Deroga mis-sistema fiskali ġenerali — Evalwazzjoni billi jsir paragun ma’ impriżi oħra tal-istess Stat Membru u mhux ma’ impriżi ta’ Stati Membri oħra

(Artikolu 107(1) TFUE)

5.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni — Rikors ta’ impriża li bbenefikat minn għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li għandha tiġi rkuprata — Ammissibbiltà — Effett tal-assenza ta’ talbiet intiżi għall-annullament tal-bażi legali tad-deċiżjoni — Assenza

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 37)

2.      Il-kriterju dwar is-selettività ta’ miżura jippermetti li ssir distinzjoni bejn l-għajnuna mill-Istat u l-miżuri ġenerali ta’ politika fiskali jew ekonomika applikati mill-Istati Membri. Għaldaqstant, sabiex il-kundizzjoni għal selettività tiġi ssodisfatta, kategorija ta’ impriżi, li huma l-uniċi vantaġġati mill-miżura inkwistjoni, għandha f’kull każ tiġi identifikata.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 107(1) TFUE jimponi l-obbligu li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex tali li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Issa, meta l-miżura inkwistjoni, anki jekk tkun tikkostitwixxi deroga għas-sistema fiskali komuni jew normali, tkun potenzjalment aċċessibbli għall-impriżi kollha, ma tistax titwettaq l-operazzjoni li permezz tagħha jsir paragun, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema komuni jew normali, bejn is-sitwazzjoni legali u fattwali ta’ impriżi li jistgħu jibbenefikaw mill-miżura u dik ta’ impriżi li ma jistgħux jibbenefikaw minnha. Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, is-selettività tal-imsemmija miżura ma tistax tirriżulta mill-konstatazzjoni biss li tkun ġiet stabbilita deroga għal sistema fiskali komuni jew normali.

Barra minn hekk, hija l-Kummissjoni li għandha turi li miżura tiddistingwi bejn impriżi li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

(ara l-punti 38, 47-50)

3.      Il-fatt li miżura fiskali tkun selettiva sa fejn hija tkun tiffavorixxi biss ċerti gruppi ta’ impriżi li jwettqu ċertu investiment barra l-pajjiż ma jippermettix li tiġi stabbilita n-natura selettiva ta’ din il-miżura. Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE jiddistingwi bejn l-interventi statali skont l-effetti tagħhom. Huwa għalhekk abbażi tal-effetti tal-miżura inkwistjoni li għandu jiġi evalwat jekk din il-miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari għaliex hija selettiva. F’dan ir-rigward, jekk jiġi aċċettat li miżura fiskali hija selettiva mingħajr ma jiġu eżaminati l-effetti tagħha jista’ iwassal sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ selettività għal kull miżura fiskali fejn il-benefiċċju huwa suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, minkejja li l-impriżi benefiċjarji ma jaqsmu ebda karatteristika proprja li tippermetti li jiġu distinti minn impriżi oħra, minbarra l-fatt li huma jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li għalihom l-għoti tal-miżura hija suġġetta.

(ara l-punti 67-69, 72)

4.      Il-kundizzjoni dwar is-selettività, stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE, tista’ tiġi evalwata biss fuq livell ta’ Stat Membru wieħed u tirriżulta biss minn analiżi tad-differenza fit-trattament bejn l-impriżi jew il-produtturi ta’ dan l-Istat Membru biss.

Għaldaqstant, il-fatt li miżura tkun tiffavorixxi lill-impriżi taxxabbli fi Stat Membru meta mqabbla mal-impriżi taxxabbli fl-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari għaliex din tkun tiffaċilita l-akkwist ta’ ishma minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru fil-kapital ta’ impriżi stabbiliti barra mill-pajjiż, huwa irrilevanti għall-analiżi tal-kriterju ta’ selettività.

(ara l-punti 75, 76)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 90-92)