Language of document : ECLI:EU:T:2017:224

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

28 ta’ Marzu 2017 (*)(i)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni – Rifjut ta’ aċċess – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terza persuna – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika – Interess pubbliku superjuri – Konsultazzjoni tat-terzi – Trasparenza – Assenza ta’ tweġiba għal applikazzjoni konfermatorja fit-termini”

Fil-Kawża T-210/15,

Deutsche Telekom AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Rosenfeld u O. Corzilius, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J. Vondung u A. Buchet, sussegwentement minn F. Erlbacher, P. Van Nuffel u A. Dawes, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2015 li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċedura għal abbuż minn pożizzjoni dominanti bir-referenza COMP/AT.40089 – Deutsche Telekom,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, A. M. Collins u V. Valančius (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ordnat li ssir spezzjoni fil-bini tar-rikorrenti, Deutsche Telekom AG, konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2        Skont il-kliem ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kellha informazzjoni li r-rikorrenti “[setgħet] kellha pożizzjoni dominanti fuq suq jew numru ta’ swieq rilevanti għal dak li [kien] jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ konnessjoni għall-internet” u “[setgħet] implementat prattiki li [kienu] jillimitaw u/jew jiddegradaw il-kwalità tas-servizzi ta’ konnessjoni għall-internet fiż-ŻEE” bil-konsegwenza li “fornituri indipendenti ta’ kontenut u/jew ta’ applikazzjonijiet fuq l-internet kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Mid-9 sal-11 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni pproċediet bil-perkwiżizzjonijiet fil-bini tar-rikorrenti.

4        Permezz ta’ stqarrija għall-istampa tat-3 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni kkomunikat id-deċiżjoni tagħha li ttemm l-investigazzjoni tagħha dwar il-prattiki ta’ ċerti operaturi Ewropej ta’ telekomunikazzjonijiet fis-swieq tas-servizzi ta’ konnessjoni għall-internet u indikat li kienet ser tkompli tissorvelja s-settur.

5        Fis-7 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti ressqet talba ta’ aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

6        Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ottubru 2014 u permezz ta’ posta elettronika tat-23 ta’ Ottubru 2014 indirizzati lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ppreċiżat li t-talba ta’ aċċess kienet tirrigwarda d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-proċedura ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti bir-referenza COMP/AT.40089 – Deutsche Telekom. Barra minn hekk, fl-imsemmija posta elettronika, ir-rikorrenti ppreċiżat li t-talba tagħha setgħet tiġi analizzata bħala talba ta’ aċċess għal dokumenti bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001.

7        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba inizjali tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward hija għamlet distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ dokumenti: minn naħa, id-dokumenti interni tal-Kummissjoni, li għalihom hija rrifjutat l-aċċess fuq il-bażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika speċifika, u, min-naħa l-oħra, id-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet interessati, li għalihom hija rrifjutat l-aċċess fuq il-bażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

8        Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni konfermatorja fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001.

9        Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kellha bżonn ta’ proroga tat-terminu ta’ tweġiba sad-19 ta’ Jannar 2015. Fid-19 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar it-talba fit-termini ddikjarati u li kienet ser tirċievi risposta mill-iktar fis possibbli.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2015 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrenti, iżda, insostenn ta’ din id-deċiżjoni, hija madankollu invokat bażi legali differenti minn dik li hija kienet invokat fit-tweġiba tagħha għat-talba inizjali.

11      Qabel kollox, fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, il-Kummissjoni indikat li din ma kinitx iktar rilevanti, ġaladarba hija kienet ħadet deċiżjoni finali fit-3 ta’ Ottubru 2014 fil-proċedura dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti COMP/AT.40089.

12      Sussegwentement, il-Kummissjoni, essenzjalment, invokat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u, fuq din il-bażi, hija rrifjutat li tagħti aċċess, minn naħa, għad-dokumenti interni tagħha u, min-naħa l-oħra, għad-dokumenti skambjati mat-terzi.

13      Kif ammettew il-partijiet waqt is-seduta, din id-distinzjoni bejn dokumenti interni u dokumenti skambjati mat-terzi, minkejja li ma ffaċilitatx l-ipproċessar tal-kawża mill-Qorti Ġenerali, hija madankollu mingħajr effett f’dan il-każ, ġaladarba huwa paċifiku li l-Kummissjoni applikat il-preżunzjoni għad-dokumenti kollha tal-fajl tal-proċedura.

14      Fl-aħħar nett, u fuq il-bażi tal-istess preżunzjoni ġenerali, il-Kummissjoni invokat l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għad-dokumenti kollha msemmija fit-talba, madankollu din id-darba mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn id-dokumenti interni tagħha u d-dokumenti skambjati mat-terzi.

15      F’dan ir-rigward, hija sostniet li, b’analoġija mal-ġurisprudenza fil-qasam tal-akkordji, kienet teżisti preżunzjoni ġenerali li skontha l-iżvelar ta’ tali dokumenti, bħala regola, ikun jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati u l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni u li konsegwentement hija kellha d-dritt li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv stabbilit fir-rigward tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti mingħajr ma wettqet eżami individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti miġbura fih.

16      Finalment, hija qieset li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma kien jistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti u, konsegwentement, hija ċaħdet l-applikazzjoni konfermatorja.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ April 2015, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

18      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, seba’ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-ewwel u tat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-ħames wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 41(2)(b) u tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq l-obbligu ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 15(3) TFUE u, is-seba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001.

21      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk hemmx lok li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali fir-rigward ta’ talba ta’ aċċess relatata mad-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti.

 Fuq l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali fir-rigward ta’ talba ta’ aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti

22      Skont l-Artikolu 15(3) TFUE u l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandhom dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, bla ħsara għall-prinċipji u għall-kundizzjonijiet stabbiliti konformement mal-Artikolu 15(3) TFUE. B’mod partikolari, skont it-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu, l-imsemmija prinċipji u kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jiddeċiedu konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

23      Fuq din il-bażi, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jkun l-usa’ possibbli, filwaqt li dan id-dritt ikun suġġett, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sensiela ta’ eċċezzjonijiet prevista mill-Artikolu 4 tiegħu, għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      B’mod partikolari, mill-ewwel u mit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika speċifika, kif ukoll il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, investigazzjoni u verifika, bil-kundizzjoni li interess pubbliku superjuri jiġġustifika tali żvelar.

25      Din is-sensiela ta’ eċċezzjonijiet hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi differenti involuti, jiġifieri dawk li huma ffavorizzati mill-iżvelar tad-dokument jew tad-dokumenti mitluba u dawk li dan l-iżvelar jhedded (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 42, u tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 63).

26      Peress li l-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 jidderogaw mill-prinċipju tal-usa’ aċċess possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod restrittiv (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Konsegwentement, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, bħala prinċipju ma huwiex suffiċjenti li d-dokument mitlub jaqa’ taħt attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ulterjorment, bħala regola, hija l-istituzzjoni destinatarja tat-talba li għandha tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni jew mill-eċċezzjonijiet li hija tinvoka (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 49, u tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 64). Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġjonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 43).

28      Madankollu, huwa possibbli li l-istituzzjoni kkonċernata tibbaża lilha nnifisha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet simili jistgħu japplikaw għal talbiet li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      B’hekk, fil-każ ta’ talba intiża għal numru ta’ dokumenti ta’ natura speċifika, huwa konċepibbli li l-istituzzjoni kkonċernata tibbaża lilha nnifisha fuq preżunzjoni ġenerali li, bħala regola, l-iżvelar tagħhom ikun jippreġudika l-protezzjoni ta’ interess jew ieħor minn dawk elenkati mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, mezz li jippermettilha li titratta talba globali b’mod korrispondenti (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punti 67 u 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      B’mod partikolari, fil-każ ta’ talba intiża għal numru ta’ dokumenti li jinsabu fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-qorti tal-Unjoni qieset, qabel kollox, li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tassumi, mingħajr ma twettaq eżami individwali u konkret ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti, li l-iżvelar tagħhom, bħala regola, jippreġudika kemm il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni u ta’ investigazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi partijiet fil-proċedura, li huma strettament marbuta f’tali kuntest (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2015, Axa Versicherung vs Il‑Kummissjoni, T‑677/13, EU:T:2015:473, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-ġurisprudenza, żviluppata fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv stabbilit fil-kuntest ta’ proċedura relatata ma’ akkordju, għandha tapplika b’analoġija u għal raġunijiet identiċi għall-aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv stabbilit fil-kuntest ta’ proċedura relatata ma’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, u dan kemm fir-rigward tad-dokumenti li l-Kummissjoni skambjat mal-partijiet fil-kawża jew ma’ terzi kif ukoll dokumenti interni li l-Kummissjoni stabbilixxiet biex tinforza l-proċedura inkwistjoni.

32      Preżunzjoni ġenerali bħal din tista’ fil-fatt tirriżulta, fir-rigward tal-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-[Artikoli 101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), li jirregolaw speċifikament id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajls tal-Kummissjoni li jirrigwardaw dawn il-proċeduri.

33      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li r-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 għandhom għanijiet differenti minn dawk segwiti mir-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu għandhom l-intenzjoni li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża li minnhom jibbenefikaw il-partijiet ikkonċernati u l-ipproċessar diliġenti tal-ilmenti, filwaqt li jiżguraw ir-rispett tas-sigriet professjonali fil-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, filwaqt li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jiffaċilita kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kif ukoll li jippromwovi l-prattiki amministrattivi tajbin billi jiżgura l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll informazzjoni li jservu bħala bażi għad-deċiżjonijiet tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 83, u tat-13 ta’ Settembru 2013, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑380/08, EU:T:2013:480, punt 30).

34      Issa, huwa paċifiku li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ressqet talba ta’ aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv inkwistjoni taħt ir-Regolament Nru 1049/2001, hekk kif barra minn hekk ikkonfermat fil-posta elettronika tagħha tat-23 ta’ Ottubru 2014.

35      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kontradizzjoni bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u regola oħra tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar li r-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1/2003 ma għandhomx dispożizzjonijiet li jipprevedu espressament is-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-oħra u li b’hekk tippermetti applikazzjoni koerenti (sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 84, u tat-13 ta’ Settembru 2013, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑380/08, EU:T:2013:480, punt 31).

36      Issa, minn naħa, għalkemm ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jikkonferixxi fuq il-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat.

37      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll l-Artikoli 6, 8, 15 u 16 tar-Regolament Nru 773/2004 jirregolaw b’mod restrittiv l-użu tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl relatat ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, billi jillimitaw l-aċċess għall-fajl lill-“partijiet ikkonċernati” u lil “dawk li jagħmlu ilment” li fir-rigward tagħhom il‑Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tiċħad l-ilment, billi jagħmluh suġġett għan-nuqqas ta’ żvelar tas-sigrieti kummerċjali u għal informazzjoni oħra kunfidenzjali tal-impriżi kif ukoll tad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tal-Istati Membri u sa fejn id-dokumenti magħmula aċċessibbli jintużaw biss għall-finijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi li għandhom bħala għan l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 86, u tat-13 ta’ Settembru 2013, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑380/08, EU:T:2013:480, punt 38).

38      Minn dan jirriżulta li, mhux biss il-partijiet fi proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE ma għandhomx dritt ta’ aċċess illimitat għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, iżda li, barra minn hekk, it-terzi, bl-eċċezzjoni tal-lanjanti, ma għandhomx, fil-kuntest ta’ tali proċedura, dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-fajl tal-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 87).

39      Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-ewwel u tat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, jekk persuni differenti minn dawk li għandhom dritt ta’ aċċess għall-fajl skont ir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 jew dawk li, minkejja li bħala regola għandhom tali dritt, ma użawhx jew ġew irrifjutati tali dritt, kienu f’pożizzjoni li jiksbu l-aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sistema ta’ aċċess għal fajl stabbilita mir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 tkun imqiegħda inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 88, u tat‑13 ta’ Settembru 2013, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑380/08, EU:T:2013:480, punt 40).

40      Ċertament, id-dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl amministrattiv fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, huma ġuridikament distinti, iżda xorta jibqa’ l-fatt li jwasslu għal sitwazzjoni paragunabbli minn perspettiva funzjonali. Fil-fatt, indipendentement mill-bażi legali li fuqha jingħata, l-aċċess għall-fajl jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jiksbu l-osservazzjonijiet u d-dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni mill-impriża kkonċernata u t-terzi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 89, u tat-13 ta’ Settembru 2013, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑380/08, EU:T:2013:480, punt 32).

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li aċċess ġeneralizzat, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti skambjati, fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, bejn il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati minn din il-proċedura jew it-terzi, huwa ta’ natura li jipperikola l-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura fir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004, bejn l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill‑Kummissjoni informazzjoni kummerċjali eventwalment sensittiva u l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa relatata, abbażi tas-sigriet professjonali u tas-sigriet tan-negozju, mal-informazzjoni hekk mgħoddija lill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 90, u tat-13 ta’ Settembru 2013, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑380/08, EU:T:2013:480, punt 39).

42      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni ma tirrikjedix l-istess portata tal-aċċess għal dokumenti bħal dik rikjesta mill-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 60; tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 77, u tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 87).

43      Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, preżunzjoni ġenerali tista’ tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004, li jirregolaw speċifikament id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajls tal-Kummissjoni li jirrigwardaw dawn il-proċeduri (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punti 55 sa 57; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 117, u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 58), mingħajr ma jkun hemm lok, f’dan ir-rigward, li ssir distinzjoni bejn dokumenti interni u dokumenti skambjati mat-terzi, fejn din id-distinzjoni hija fil-fatt nieqsa minn rilevanza ġaladarba l-preżunzjoni ġenerali tapplika għall-fajl kollu tal-proċedura amministrattiva (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

44      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni bbażat lilha nnifisha, ġustament, fuq preżunzjoni ġenerali bbażata fuq l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tirrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokumenti fil-proċedura inkwistjoni billi qieset li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jista’, bħala regola, jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’tali proċedura kif ukoll il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati magħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 61; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 123; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 64, u tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 64).

45      Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura tal-interessi protetti, hemm lok li jitqies li l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali hija dovuta indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk it-talba ta’ aċċess tirrigwardax proċedura ta’ investigazzjoni diġà magħluqa jew proċedura pendenti. Fil-fatt, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni sensittiva dwar l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriżi involuti tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tagħhom, irrispettivament mill-eżistenza ta’ proċedura ta’ investigazzjoni pendenti. Barra minn hekk, il-perspettiva ta’ tali pubblikazzjoni wara t-tmiem tal-proċedura ta’ investigazzjoni jista’ jkollha effetti negattivi fuq id-disponibbiltà ta’ impriżi sabiex jikkollaboraw waqt li tali proċedura tkun pendenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 124, u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 66).

46      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà mogħtija lill-Kummissjoni li tirrikorri għal preżunzjoni ġenerali li tkopri numru ta’ dokumenti tfisser li d-dokumenti inkwistjoni huma esklużi minn kull obbligu ta’ żvelar, sħiħ jew anki parzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 134).

47      Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġu eżaminati suċċessivament il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, tal-ksur tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-ksur tal-Artikolu 4(4) tal-imsemmi regolament, tal-ksur tal-Artikolu 4(6) ta’ dan l-istess regolament, tal-ksur tal-Artikoli 41 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-obbligu ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 15(3) TFUE u, fl-aħħar nett, tal-ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

48      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija ssostni li l-Kummissjoni jmissha wettqet evalwazzjoni konkreta u individwali tad-dokumenti u spjegat kif l-iżvelar tagħhom seta’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett.

49      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma werietx li l-iżvelar kemm tad-dokumenti interni kif ukoll tad-dokumenti skambjati bejn din tal-aħħar u t-terzi, jiġifieri t-talbiet għal informazzjoni, il-korrispoendenza u l-annessi rċevuti mill-partijiet u l-informazzjoni trażmessa mit-terzi, jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett.

50      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni bbażat lilha nnifisha, b’mod żbaljat, fuq preżunzjoni ġenerali li tidher li tapplika biss għall-proċeduri fil-qasam tal-akkordji u ma hijiex trasponibbli għall-proċeduri għal abbuż minn pożizzjoni dominanti u li l-Kummissjoni jmissha eżaminat, għal kull dokument, jekk dan kienx jinkludi informazzjoni relatata mad-deċiżjoni tagħha ta’ spezzjoni, informazzjoni kummerċjali sensittiva ta’ terzi u jekk kienx possibbli, jekk ikun il-każ, li tipproteġihom billi tħassar siltiet mill-imsemmija dokumenti.

51      Ir-rikorrenti tallega li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti minħabba l-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni japplika biss sakemm iddum l-investigazzjoni.

52      Ir-rikorrenti tqis li l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni li l-ispezzjoni setgħet tinfetaħ mill-ġdid ulterjorment ma tistax tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti u li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża lilha nnifisha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 773/2004 sabiex tirrifjutalu l-aċċess għad-dokumenti, u lanqas ma tista’ ssostni li l-perspettiva ta’ żvelar tad-dokumenti tkun tnaqqas ir-rieda ta’ kooperazzjoni ta’ impriża matul il-proċedura.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 22 sa 44 iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni bbażat lilha nnifisha, ġustament, fuq preżunzjoni ġenerali bbażata fuq l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tirrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokumenti fil-proċedura inkwistjoni billi qieset li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti seta’, bħala regola, jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’tali proċedura kif ukoll il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati magħha.

54      Barra minn hekk, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali skont liema l-iżvelar ta’ dokumenti ta’ ċerta natura jippreġudika, bħala regola, il-protezzjoni ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata li tipproċessa talba globali u li twieġeb għaliha bil-mod korrispondenti (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 48).

55      Għalhekk preżunzjoni ġenerali tfisser li d-dokumenti koperti minnha jevitaw l-obbligu ta’ żvelar, sħiħ jew parzjali, tal-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 133).

56      Konsegwentement il-Kummissjoni ma kellhiex obbligu li twettaq eżami individwali ta’ kull dokument mill-fajl amministrattiv u lanqas li teżamina jekk, minn tal-inqas, setax jingħata aċċess parzjali għall-imsemmija dokumenti.

57      Għaldaqstant l-argument magħmul mir-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

58      Barra minn hekk fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, minn naħa, ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti minħabba l-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni ma jistax japplika għal dokumenti li jirriżultaw minn proċedura ta’ investigazzjoni magħluqa u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-perspettiva ta’ żvelar tad-dokumenti tkun tnaqqas ir-rieda ta’ kooperazzjoni tal-impriżi matul il‑proċedura, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jistax jintlaqa’ għar-raġunijiet esposti fil-punt 45 iktar ’il fuq.

59      Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

60      Ir-rikorrenti ssostni li jeżisti interess pubbliku superjuri li l-pubbliku jkun f’pożizzjoni li jsir jaf ċerti elementi essenzjali tal-azzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-Unjoni.

61      Ir-rikorrenti tqis li jeżisti wkoll interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-dokumenti fil-proċedura inkwistjoni għal numru ta’ raġunijiet marbuta mal-promozzjoni tal-prattiki amministrattivi tajbin tal-Kummisjoni, mat-titjib tal-miżuri ta’ tqegħid f’konformità mill-kumpanniji, mal-kumpens għad-dannu mġarrba li jirriżulta b’mod partikolari mill-ispezzjoni u mal-ħtieġa ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-azzjoni tal-amministrazzjoni.

62      Skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument speċifiku, li tiegħu ntalab l-iżvelar, ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li jeżisti, taħt l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 66).

63      Madankollu, hija l-parti li titlob l-iżvelar li għandha tinvoka b’mod konkret ċirkustanzi li juru li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 94, u tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 90).

64      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, hemm lok li jitfakkar li l-pubbliku għandu jkun f’pożizzjoni li jkun jaf l-azzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu żgurati, minn naħa, identifikazzjoni suffiċjentement preċiża tal-aġir li jista’ jesponi lill-operaturi ekonomiċi għal sanzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-ftehim tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, peress li din għandha importanza essenzjali fuq il-funzjonament tas-suq intern, li jirrigwarda ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni sew bħala operaturi ekonomiċi, kif ukoll bħala konsumaturi (sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Schenker vs Il‑Kummissjoni, T‑534/11, EU:T:2014:854, punt 80).

65      Għaldaqstant jeżisti interess pubbliku superjuri sabiex il-pubbliku jkun jista’ jsir jaf b’ċerti elementi essenzjali tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal‑kompetizzjoni. Madankollu, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti ssostni essenzjalment, l-eżistenza ta’ dan l-interess pubbliku ma tobbligax lill-Kummissjoni tagħti aċċess ġeneralizzat, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għall-informazzjoni kollha miġbura fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Schenker vs Il‑Kummissjoni, T‑534/11, EU:T:2014:854, punti 81 u 82).

66      Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar li tali aċċess ġeneralizzat ikun jista’ jqiegħed fil-perikolu l-ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jiżgura, fir-Regolament Nru 1/2003, bejn l-obbligu għall-impriża jew għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw informazzjoni kummerċjali eventwalment sensittiva lill-Kummissjoni u l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa marbuta, taħt is-sigriet professjonali u s-sigriet kummerċjali, mal-informazzjoni hekk trażmessa lill-Kummissjoni (sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Schenker vs Il‑Kummissjoni, T‑534/11, EU:T:2014:854, punt 83).

67      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-interess tal-pubbliku li jikseb il-komunikazzjoni ta’ dokument taħt il-prinċipju ta’ trasparenza ma għandux l-istess piż skont jekk jirrigwardax dokument li jirriżulta minn proċedura amministrattiva jew dokument relatat ma’ proċedura li fil-kuntest tagħha l-istituzzjoni tal-Unjoni tintervjeni fil-kapaċità tagħha bħala leġiżlatur (sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Schenker vs Il‑Kummissjoni, T‑534/11, EU:T:2014:854, punt 84).

68      Barra minn hekk, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilit fl-Artikolu 15 TFUE u fil-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, interess pubbliku superjuri għandu jkun ta’ natura oġġettiva u ġenerali u ma jistax jiġi konfuż ma’ interessi partikolari jew privati (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014, Reagens vs Il‑Kummissjoni, T‑181/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:139, punt 142).

69      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-promozzjoni ta’ amministrazzjoni tajba u t-titjib tal-miżuri ta’ konformità mill-kumpanniji li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti tieħu ħsieb tagħmel allegazzjonijiet vagi, l-interessi invokati essenzjalment mir-rikorrenti jirrigwardaw biss lilha u ma jippreżentawx in-natura ġenerali u oġġettiva rikjesta mill-ġurisprudenza. Għalhekk, interessi bħal dawn għandhom jiġu analizzati bħala interessi partikolari jew privati u ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

70      F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti jċaħħad minn kull effettività d-dritt għal rimedju effettiv ma jistax jintlaqa’.

71      Fuq dan il-punt, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li jeżistu rimedji ġudizzjarji kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni u li r-rikorrenti – li, f’dan il-każ, ma eżerċitathomx kontra din id-deċiżjoni – ma tistabbilixxix li hija ġiet miċħuda jew prekluża milli teżerċitahom fiż-żmien. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju, jekk ikun il-każ, mir-rikorrenti ta’ dawn ir-rimedji ġudizzjarji bil-għan li tinvoka d-drittijiet tagħha wkoll huwa ta’ natura suġġettiva u għalhekk ma jistax jitqies bħala interess pubbliku superjuri fis-sens tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

72      L-istess jgħodd għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti dwar l-interess fir-rigward tal-kumpens għad-dannu mġarrab li jirriżulta b’mod partikolari mill-ispezzjoni, li jikkostitwixxi manifestament interess privat.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jistax jintlaqa’.

74      Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

75      Ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ma bbażatx lilha nnifisha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-proċess deċiżjonali li jkun qed jiżvolġi, li hija madankollu kienet invokat fit-tweġiba tagħha għat-talba inizzjali. Skont hi, peress li l-proċess deċiżjonali kien wasal fi tmiemu, din is-sitwazzjoni l-ġdida jmissha wasslitha tbiddel il-pożizzjoni tagħha u, konsegwentement, tagħti aċċess għall-fajl. Issa, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, sabiex tirrifjuta t-talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti, invokat id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li huma inqas stretti mid-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament.

76      Għalhekk ir-rikorrenti tikkontesta ċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija tqis li l-Kummissjoni għandha, fil-każ ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti, tispjega kif dan l-aċċess jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett, fejn ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

77      Ir-rikorrenti tenfasizza, fir-rigward tad-dokumenti interni, li sempliċi preġudizzju għall-proċess deċiżjonali ma huwiex suffiċjenti u li, skont il-ġurisprudenza, huwa meħtieġ preġudizzju gravi.

78      Ir-rikorrenti tqis barra minn hekk li billi ma tispjegax għalfejn hija ma bbażatx lilha nnifisha iżjed fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni wettqet ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u li jmissha pproċediet, bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għal eżami mill-ġdid komplet tad-deċiżjoni inizjali u indikat, fid-deċiżjoni konfermatorja, ir-raġunijiet għalfejn l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għandhomx japplikaw.

79      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, ċertament, sabiex tirrifjuta t-talba ta’ aċċess għal dokumenti magħmula mir-rikorrenti, il-Kummissjoni qabel kollox ibbażat lilha nnifisha, fit-tweġiba tagħha għat-talba inizjali, fuq l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni dwar ir-riskju li jiġi ppreġudikat il-proċess deċiżjonali għal dak li jikkonċerna d-dokumenti interni tagħha.

80      Madankollu, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tweġiba għat-talba inizjali tikkostitwixxi biss adozzjoni ta’ pożizzjoni inizjali, li tagħti lill-persuna li tressaq it-talba l-possibbiltà li jitlob lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni jerġa’ jeżamina l-pożizzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, NLG vs Il‑Kummissjoni, T‑109/05 u T‑444/05, EU:T:2011:235, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Konsegwentement, hija biss il-miżura adottata mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, li jkollha n-natura ta’ deċiżjoni u li tissostitwixxi kompletament il-pożizzjoni adottata preċedentement, li tista’ toħloq effetti legali ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-persuna li titlob id-dokumenti, u għalhekk, li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, NLG vs Il‑Kummissjoni, T‑109/05 u T‑444/05, EU:T:2011:235, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, istituzzjoni tal-Unjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ talba ta’ aċċess għal dokumenti fil-pussess tagħha, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 113, u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 55).

83      Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni li adottat bi tweġiba għall-applikazzjoni konfermatorja, ma hi konsegwementement b’ebda mod marbuta żżomm il-bażi ġuridika meħuda inkunsiderazzjoni insostenn tat-tweġiba tagħha għat-talba inizjali.

84      Barra minn hekk, għalkemm l-istituzzjoni għandha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, xejn ma jobbligaha taċċetta r-raġunijiet kollha li jistgħu japplikaw, u lanqas ma għandha tesprimi lilha nnifisha fuq dawn ir-raġunijiet.

85      F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata biss fuq l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u ma għamlitx iżjed użu mill-Artikolu 4(3) tal-istess regolament.

86      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi eskluż, fi kwalunkwe każ, bħala ineffettiv.

87      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha.

88      Għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għalfejn hija ma kinitx qed tibbaża ruħha iżjed fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 biex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha ta’ rifjut li tagħti aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv, jiġifieri l-għeluq tal-investigazzjoni permezz ta’ deċiżjoni finali tat-3 ta’ Ottubru 2014.

89      Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk kienx jeżisti interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba u kkonkludiet li l-imsemmija dokumenti kienu koperti bl-eċċezzjoniijet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqiegħdet f’pożizzjoni li ssir taf ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni rrifjutat it-talba tagħha għal aċċess għal dokumenti fil-proċedura kontenzjuża.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jistax jintlaqa’.

91      It-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni jmissha wettqet, bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni inizjali u indikat ir-raġunijiet għalfejn l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għandhiex tapplika, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 7(2), fir-rigward tal-ipproċessar tat-talbiet inizjali, jipprevedi li, fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, il-persuna li tressaq it-talb tista’ tressaq, f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata minn meta tirċievi t-tweġiba mill-istituzzjoni, applikazzjoni konfermatorja intiża sabiex l-istituzzjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha.

92      Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ressqet applikazzjoni konfermatorja lill-Kummissjoni u li hija weġbitha.

93      L-ewwel taqsima tat-tielet parti tal-motiv għaldaqstant hija fattwalment żbaljata u t-tieni taqsima tintilef fl-argumentazzjoni magħmula insostenn tat-tieni parti, li għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punti 87 u 88 iktar ’il fuq.

94      Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001

95      Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li l-istituzzjoni għandha tikkonsulta t-terzi, f’dan il-każ l-impriżi l-oħra ta’ telekomunikazzjonijiet li kienu suġġetti għall-proċedura inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) jew (2) imisshiex ġiet applikata u jekk huwiex possibbli li toqgħod lura minn din il-konsultazzjoni jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew ma għandux jiġi żvelat, liema fatt ma ġiex stabbilit f’dan il-każ. Hija tikkonstata li ma saret ebda konsultazzjoni f’dan il-każ.

96      Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-każ ta’ dokumenti ta’ terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta lit-terzi sabiex tiddetermina jekk għandhiex tapplika eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) jew (2), sakemm ma jkunx ċar li d-dokument għandu jew ma għandux jiġi żvelat.

97      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jimponix lill-istituzzjonijiet li jikkonsultaw lit-terzi fiċ-ċirkustanzi kollha.

98      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrifjutat it-talba ta’ aċċess għal dokumenti tar-rikorrenti billi bbażat lilha nnifisha fuq preżunzjoni ġenerali bbażata fuq l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li hija qieset li d-dokumenti kollha fil-proċedura inkwistjoni ma kellhiex tiġi żvelata.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda konsultazzjoni tat-terzi, f’dan il-każ impriżi oħra ta’ telekomunikazzjonijiet li kienu suġġetti għal investigazzjoni fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni, ma kellha ssir b’mod obbligatorju mill-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li ssotni r-rikorrenti.

100    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jintlaqa’.

101    Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001

102    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu rrifjutat li tagħtiha minn tal-inqas dritt ta’ aċċess parzjali għad-dokumenti.

103    Hija tqis li l-Kummissjoni jmissha evalwat il-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali għal ċerti dokumenti billi tħassar ċerti siltiet jew billi tirrediġi verżjoni mhux kunfidenzjali, fin-nuqqas ta’ liema d-dritt ta’ aċċess parzjali għal dokumenti jkun nieqes minn kull effettività.

104    Skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk parti biss tad-dokument mitlub tirrigwarda waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet, il-partijiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

105    Jeħtieġ li jitfakkar li l-preżunzjoni ġenerali invokata mill-Kummissjoni ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument speċifiku, li tiegħu jintalab l-iżvelar, ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li jiġi vverifikat jekk il-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni tapplikax realment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni għandha teżamina individwalment id-dokumenti kollha mitluba f’dan il-każ. Tali rekwiżit ikun ineħħi din il-preżunzjoni ġenerali mill-effettività tagħha, jiġifieri li tippermetti lill-Kummissjoni twieġeb għal talba ta’ aċċess globali b’mod globali wkoll (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 68).

106    F’dan il-każ, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ aċċess għal dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-proċedura inkwistjoni billi bbażat lilha nnifisha fuq preżunzjoni ġenerali bbażata fuq l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li d-dokumenti mitluba huma koperti bil-preżunzjoni ġenerali ċċitata, huma jevitaw, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ żvelar sħiħ jew parzjali tal-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 133, u tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 134).

108    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jintlaqa’.

109    Minn dan isegwi li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 41 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-obbligu ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 15(3) TFUE

110    Permezz ta’ dan il-motiv, ippreżentat sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li, fil-każ li ma kellhomx jintlaqgħu l-argumenti tagħha bbażati fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1049/2001, ikun hemm lok li jiġi kkonstatat il-ksur tad-dritt fundamentali tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni ggarantit mill-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tad-dritt tagħha għal aċċess għall-imsemmi fajl iggarantit mill-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit mill-Artikolu 15(3) TFUE.

111    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, jekk il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità kif ukoll tas-sigriet professjonali u kummerċjali hija għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut fl-Artikolu 339 TFUE u ddefinit iktar preċiżament fid-dispożizzjonijiet ta’ dritt derivat, ir-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti bil-għan li jiġu protetti dawn l-interessi jew l-attivitajiet ta’ investigazzjoni hija sproporzjonata f’dan il-każ.

112    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kawża preżenti tirrigwarda talba ta’ aċċess għal dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-proċedura amministrattiva fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-posta elettronika tar-rikorrenti tat-23 ta’ Ottubru 2014, u mhux fuq talba ta’ aċċess għall-fajl ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004, intiżi li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża li minnhom igawdu l-partijiet ikkonċernati minn proċedura ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni.

113    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, relatat mad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, u tal-Artikolu 15(3) TFUE, jeħtieġ li jitfakkar li, skont din l-aħħar dispożizzjoni, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti huwa ggarantit suġġett għall-prinċipji u kundizzjonijiet iffissati permezz ta’ regolamenti mill-Parlament u mill-Kunsill konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. B’hekk, ir-Regolament Nru 1049/2001, adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 255 KE, li l-kontenut tiegħu ġie stabbilit fl-Artikolu 15(3) TFUE, jiffissa l-prinċipji ġenerali u l-limiti fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 52(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-drittijiet rikonoxxuti minnha li huma suġġetti għal dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti minnhom.

114    Għalhekk, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni ta’ rifjut fid-dawl tar-Regolament Nru 1049/2001 biss, u mhux fuq il-legalità ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fid-dawl tal-fatt li ebda eċċezzjoni ta’ illegalità ma tqajmet f’dan il-każ. Issa, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-eżami tat-tieni motiv, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba konformement mar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-2 ta’ Settembru 2014, Verein Natura Havel u Vierhaus vs Il‑Kummissjoni, T‑538/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:738, punti 69 u 70).

115    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, li jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jirrigwardaha, irrikonoxxut fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirrigwarda talba ta’ aċċess għal dokumenti u mhux talba ta’ aċċess għall-fajl. Fil-fatt, mill-posta elettronika tat-23 ta’ Ottubru 2014 jirriżulta li r-rikorrenti indikat espliċitament lill-Kummissjoni li t-talba tagħha setgħet tiġi analizzata bħala talba ta’ aċċess għal dokumenti fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, liema fatt huwa kkonfermat b’interpretazzjoni b’mod globali tal-applikazzjoni konfermatorja.

116    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl rikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa previst mir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 fir-rigward tal-investigazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 101 u 102 TFUE. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma qajmet ebda eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 bbażata fuq il-ksur tal-Karta. Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 773/2004 jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għal fajl jingħata lill-partijiet li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tkun indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Issa, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma bagħtitx dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti. Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-ksur ta’ dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni ta’ kompetizzjoni inkwistjoni.

117    Konsegwentement jeħtieġ li jiġu miċħuda l-ilmenti bbażati fuq l-allegat ksur tal-Artikoli 41 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-obbligu ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 15(3) TFUE.

118    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar ir-restrizzjonijiet li jkunu jistgħu jsiru fuq id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti biss jekk dawn ikunu jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jkunux jikkostitwixxu, fir-rigward tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli, jekk jitqies li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jeħtieġ li jitfakkar li dan il-prinċipju jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, fejn, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, jeħtieġ li tiġi adottata l-inqas waħda oneruża, u li l-inkonvenjent ikkawżat ma jkunx sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet imfittxija (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 29). B’hekk, fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti, il-ġurisprudenza stabbilixxiet li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li d-derogi ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jinkiseb l-għan imfittex (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, PAN Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑51/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:519, punt 21).

119    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi osservat li l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1409/2001 u invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti fil-konfront tar-rikorrenti huma intiżi, minn naħa, għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, għal dik tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, u li l-għanijiet jissodisfaw kunsiderazzjonijiet ta’ interess ġenerali, li ma jidhrux, prima facie, sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet segwiti.

120    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

121    Minn dan isegwi li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8 ta-Regolament Nru 1049/2001

122    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn hija ma pproċessatx l-applikazzjoni konfermatorja ta’ aċċess għall-fajl fit-termini previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

123    Ir-rikorrenti tenfasizza li, għalkemm il-Kummissjoni effettivament informatha, fil-ġurnata tal-iskadenza tat-terminu applikabbli, bl-estensjoni ta’ ħmistax-il ġurnata ta’ xogħol ta’ dan it-terminu, madankollu hija ma pprovdiet ebda motivazzjoni ddettaljata f’dan ir-rigward.

124    Ir-rikorrenti tqis li l-fatt li l-Kummissjoni estendiet għat-tieni darba t-terminu ta’ tweġiba, filwaqt li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprevedix din il-possibbiltà, jikkostitwixxi wkoll ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Hija tosserva li l-Kummissjoni lanqas ma pprovdiet motivazzjoni ddettaljata għal din it-tieni estensjoni.

125    Jeħtieġ li jitfakkar li, fi proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, din tal-aħħar għandha l-obbligu li tosserva l-garanziji proċedurali previsti mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso Española vs Il‑Kummissjoni, T‑348/94, EU:T:1998:102, punt 56, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, EU:T:2008:211, punt 128).

126    F’dan ir-rigward, it-terminu ta’ ħmistax-il ġurnata tax-xogħol li jista’ jiġi estiż, li fih l-istituzzjoni għandha twieġeb l-applikazzjoni konfermatorja, previst fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa imperattiv. Madankollu, l-iskadenza ta’ dan it-terminu ma għandux bħala effett li jneħħi lill-istituzzjoni s-setgħa li tadotta deċiżjoni.

127    Fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti, il-leġiżlatur ippreveda l-konsegwenzi ta’ qbiż tat-terminu previst fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi pprovda, fl-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament, li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni mill-istituzzjoni jagħti d-dritt għall-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, EU:T:2010:15, punt 58).

128    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi osservat li l-Kummissjoni wieġbet it-talba ta’ aċċess qabel ma r-rikorrenti siltet xi konsegwenzi mill-assenza ta’ tweġiba fit-termini, konformement mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi ppreżentat rikors ġudizzjarju.

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-qbiż tat-termini għandu jkun ta’ dispjaċir, dan il-qbiż, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex tali li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’illegalità li tiġġustifika l-annullament tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 89).

130    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jintlaqa’.

131    Minn dan isegwi li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

132    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti ma huwa fondat.

133    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

134    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Deutsche Telekom AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Collins

Valančius

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Marzu 2017.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


i      Fil-punti 67 u 114 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.