Language of document : ECLI:EU:C:2015:781

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

26 ta’ Novembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/23/KE — Artikolu 1(1) — Trasferimenti ta’ impriżi — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema — Obbligu tat-teħid lura tal-ħaddiema miċ-ċessjonarju — Impriża pubblika inkarigata li toffri servizz pubbliku — Provvista ta’ servizz minn impriża oħra bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tas-servizzi pubbliċi — Deċiżjoni li dan il-kuntratt ma jiġġeddidx wara l-iskadenza — Żamma tal-identità tal-entità ekonomika — Attività li hija essenzjalment ibbażata fuq it-tagħmir — Assenza ta’ teħid lura tal-persunal”

Fil-Kawża C‑509/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-komunità awtonoma tal-Pajjiż Bask, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

Administrador de Infraestructuras Ferroviarias (ADIF)

vs

Luis Aira Pascual,

Algeposa Terminales Ferroviarios SL,

Fondo de Garantía Salarial,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Għaxar Awla li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Borg Barthet u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García‑Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Rius u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Administrador de Infraestructuras Ferroviarias (ADIF) u L. Aira Pascual, u Fondo de Garantía Salarial (Fondi tal-garanzija tal-paga) u Algeposa Terminales Ferroviarios SL (iktar 'il quddiem “Algeposa”), dwar it-tkeċċija kollettiva għal raġunijiet ekonomiċi ta’ L. Aira Pascual.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2001/23 tikkostitwixxi l-kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU L 201, p. 88).

4        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi:

“a)      Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

b)      Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.

ċ)      Din id-Direttiva għandha tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk jaħdmu għall-qligħ kemm jekk le. Ir-riorganizzazzjoni amministrattiva ta’ l-awtoritajiet pubbliċi amministrattivi, jew it-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn awtoritajiet pubbliċi amministrattivi, mhijiex trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘min jagħmel it-trasferiment’ għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, għar-raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), ma tibqax il-persuna li timpjega għar-rigward ta’ l-impriża, in-negozju jew il-parti ta’ impriża jew negozju;

b)      ‘min lilu jsir trasferiment’ għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, għal raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), isir dak li jimpjega f’dak li jirrigwarda l-impriża, n-negozju jew parti ta’ impriża jew negozju;

[...]”

6        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.”

7        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23:

“It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu.”

 Id-dritt Spanjol

8        Ir-regoli applikabbli għall-impjegati f’każ ta’ trasferiment tal-entitajiet ekonomiċi huma ddefiniti permezz ta’ Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995 dwar l-approvazzjoni tat-test emendat tal-liġi dwar l-Istatut tal-ħaddiema (Real Decreto Legislativo 1/1995 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE n° 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi 12/2001, tad-9 ta’ Lulju 2001 (BOE n° 164, tal-10 ta’ Lulju 2001, p. 24890, iktar 'il quddiem l-“Istatut tal-ħaddiema”).

9        L-Artikolu 44(1) u (2) tal-Istatut tal-ħaddiema jipprovdi:

“1.      It-trasferiment ta’ impriża, ta’ ċentru ta’ impjieg jew ta’ entità ta’ produzzjoni awtonoma ta’ din l-impriża ma jirriżultax, fih innifsu, fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg; il-persuna l-ġdida li timpjega tiġi ssurrogata fid-drittijiet u l-obbligi tal-persuna li timpjega preċedentement abbażi tal-kuntratt ta’ impjieg u ta’ sigurtà soċjali, inkluż l-impenji marbuta mal-pensjonijiet, skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli u, b’mod ġenerali, l-obbligi addizzjonali kollha fil-qasam tal-protezzjoni soċjali li jkun assuma t-trasferent.

2.       Għal finijiet ta’ dan l-artikolu, jitqies li huwa trasferiment ta’ impriża t-trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      L-ADIF hija impriża pubblika inkarigata bis-servizz ta’ mmaniġġar ta’ unitajiet ta’ trasport intermodali fit-terminal ta’ Bilbao (Spanja). Dan is-servizz huwa pprovdut lil Renfe Operadora.

11      Bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tas-servizzi pubbliċi, li jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Marzu 2008, l-ADIF esternalizzat il-ġestjoni tal-imsemmi servizz lil Algeposa. Algeposa kienet tipprovdi dan is-servizz fil-faċilitajiet ta’ ADIF u permezz tal-krejns li jappartjenu lil din tal-aħħar.

12      Dan il-kuntratt ġie konkluż għal perijodu ta’ 48 xahar. Fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-perijodu ġie estiż sat-30 ta’ Ġunju 2013.

13      Fix-xahar ta’ Mejju 2013, l-ADIF ittrasferiet uħud mill-impjegati tagħha għal għand Algeposa sabiex dawn ikunu jistgħu jsegwu, permezz ta’ immersjoni, programm ta’ taħriġ għal persunal ta’ din il-kumpannija.

14      Fix-xahar ta’ Ġunju 2013, l-ADIF informat lil Algeposa li hija ma xtaqitx iġġedded il-kuntratt wara t-30 ta’ Ġunju 2013 minħabba l-fatt li, minn din id-data, hija stess kienet ser tipprovdi s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali permezz tal-persunal tagħha stess. L-ADIF indikat ukoll lil Algeposa li hija ma riditx tiġi ssurrogata fid-drittijiet u fl-obbligi ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-persunal tagħha.

15      Konsegwentement, Algeposa wettqet tkeċċija kollettiva minħabba raġunijiet ekonomiċi ta’ bosta ħaddiema, fosthom L. Aira Pascual, li preċedentement kien assenjat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ ġestjoni tas-servizzi pubbliċi konkluż ma’ ADIF.

16      Fit-30 ta’ Lulju 2013, L. Aira Pascual ippreżenta rikors kontra l-ADIF, il-Fondi tal-garanzija tal-paga u Algeposa, quddiem il-Juzgado de lo Social n° 10 de Bilbao (tribunal industrijali Nru 10 ta’ Bilbao) minħabba l-fatt li, fl-iskadenza tal-kuntratt konkluż ma’ Algeposa, l-ADIF kienet obbligata tissostitwixxi ruħha flokha fir-relazzjoni ta’ xogħol mal-persunal. Skont L. Aira Pascual, it-teħid mill-ġdid tal-ġestjoni diretta mill-ADIF tal-provvista ta’ servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi trasferiment tal-impriża fis-sens tal-Artikolu 44 tal-Istatut tal-ħaddiema. Konsegwentement, L. Aira Pascual talab li tiġi annullata t-tkeċċija, jew, sussidjarjament, tiġi ddikjarata illegali, u li l-ADIF tiġi kkundannata li tintegrah mill-ġdid fi ħdan il-persunal tagħha.

17      L-imsemmija qorti laqgħet ir-rikors ta’ L. Aira Pascual meta ddikjarat li t-tkeċċija kienet illegali kif ukoll meta kkundannat lil ADIF sabiex tħallsu kumpens ta’ EUR 28 793.29. L. Aira Pascual kellu jħallas lura lil Algeposa l-kumpens li jammonta għal EUR 9 557.87 li hija kienet tatu minħabba fix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

18      L-istess qorti qieset li, meta l-ADIF irrifjutat milli tissostitwixxi ruħha flok Algeposa fir-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita bejn din tal-aħħar u L. Aira Pascual, hija naqset milli tissodisfa l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 44 tal-Istatut tal-ħaddiema, kif interpretat konformement mad-Direttiva 2001/23. Fil-fatt, kien seħħ trasferiment ta’ impriża peress li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien baqa’ jiġi pprovdut permezz tal-istess elementi materjali essenzjali għall-provvista tiegħu, lill-istess klijent u fl-istess faċilitajiet.

19      L-ADIF ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni tal-Juzgado de lo Social n° 10 de Bilbao (tribunal industrijali Nru 10 ta’ Bilbao) quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-komunità awtonoma tal-Pajjiż Bask).

20      Din l-aħħar qorti tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar jekk il-kunċett ta’ trasferiment ta’ impriża skont id-Direttiva 2001/23 jinkludix il-każ tat-teħid lura tal-ġestjoni diretta ta’ servizz pubbliku mill-impriża inkarigata b’dan is-servizz, meta, minn naħa, din l-impriża tiddeċiedi li tagħmel użu mill-persunal tagħha għal din il-ġestjoni, mingħajr ma tagħmel użu mill-persunal tal-parti kontraenti li hija kienet preċedentement allokatilha l-imsemmija ġestjoni u, min-naħa l-oħra, ir-riżorsi materjali użati, essenzjali għat-twettiq tal-imsemmi servizz, kienu dejjem jappartjenu lill-imsemmija impriża li kienet timponi l-użu tagħhom fuq din il-parti kontraenti.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-komunità awtonoma tal-Pajjiż Bask) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1[1](b) tad-Direttiva 2001/23, tat-12 ta’ Marzu 2001, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, jipprekludi li l-leġiżlazzjoni Spanjola [li tittrasponi din id-direttiva] tiġi interpretata fis-sens li impriża tas-settur pubbliku, proprjetarja ta’ servizz inerenti għall-attività tagħha stess li jeħtieġ l-użu ta’ mezzi materjali essenzjali, hija eżentata milli tieħu l-persunal tal-imprenditur kontraenti li ngħata l-kuntratt għal dan is-servizz bil-kundizzjoni li juża l-mezzi materjali li huma proprjetà tagħha, meta hija tiddeċiedi li ma testendix il-kuntratt u li tipprovdi s-servizz hija stess permezz tal-persunal tagħha u mingħajr ma tieħu l-persunal li l-kuntrattur [il-parti kontraenti] kien jimpjega, b’tali mod li s-servizz ikompli jiġi pprovdut bl-istess mod, iżda minn ħaddiema oħra impjegati ma persuna li timpjega differenti?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din ta’ l-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenzi Krüger, C‑334/95, EU:C:1997:378, punti 22 u 23, kif ukoll Byankov, C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 57).

23      F’dan il-każ, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sitwazzjoni li fiha impriża pubblika, inkarigata b’attività ekonomika ta’ mmaniġġar ta’ unitajiet ta’ trasport intermodali, tagħti, permezz ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tas-servizz pubbliċi, l-eżekuzzjoni ta’ din l-attività lil impriża oħra, billi tagħmel għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar l-infrastrutturi u t-tagħmir neċessarju li jappartjenu lilha, u sussegwentement tiddeċiedi li tittermina dan il-kuntratt mingħajr ma tieħu lura l-persunal ta’ din l-aħħar impriża, minħabba l-fatt li, mil-lum 'il quddiem, hija stess ser teżegwixxi l-imsemmija attività bil-persunal tagħha stess.

24      Sabiex tingħata risposta lid-domanda fformulata mill-ġdid b’dan il-mod, għandu jiġi osservat li, fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 1(1)(ċ) tagħha, id-Direttiva 2001/23 tapplika għall-impriżi pubbliċi li jeżerċitaw attività ekonomika, sew jekk dawn l-impriżi jsegwu sew jekk ma jsegwux għan ta’ lukru.

25      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-fatt li ċ-ċessjonarju jkun persuna ġuridika tad-dritt pubbliku ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CLECE, C‑463/09, EU:C:2011:24, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għalhekk, il-fatt li l-persuna ġuridika inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun impriża pubblika inkarigata b’servizz pubbliku ma jeskludihiex mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23.

27      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1(1)(a) tagħha, id-Direttiva 2001/23 hija applikabbli għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

28      F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva jkopri l-possibbiltajiet kollha ta’ tibdil, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-operazzjoni tal-impriża u li, minħabba dan il-fatt, ikollha l-obbligu tal-persuna li timpjegaha lejn l-impjegati tal-impriża, irrispettivament minn jekk il-proprjetà tal-assi korporali ġietx ittrasferita (ara s-sentenzi Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 41, kif ukoll CLECE, C‑463/09, EU:C:2011:24, punt 30).

29      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Direttiva 2001/23 tapplika għal sitwazzjoni li fiha impriża, li tagħti lil impriża oħra l-eżekuzzjoni effettiva tax-xogħlijiet, tiddeċiedi li tittermina kuntratt li kien jorbotha ma’ din tal-aħħar u li tagħmel hi stess dawn ix-xogħlijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CLECE, C‑463/09, EU:C:2011:24, punt 31).

30      Minn dan isegwi li ma jistax jiġi eskluż li d-Direttiva 2001/23 tapplika għal sitwazzjoni li fiha impriża pubblika, inkarigata b’attività ekonomika ta’ mmaniġġar ta’ unitajiet ta’ trasport intermodali, tagħti, permezz ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tas-servizz pubbliċi, l-eżekuzzjoni ta’ din l-attività lil impriża oħra, u sussegwentement tiddeċiedi li tittermina dan il-kuntratt u li hija stess teżegwixxi l-imsemmija attività bil-persunal tagħha stess.

31      Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, sabiex dan japplika, it-trasferiment għandu jirrigwarda entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi, bl-għan li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari.

32      Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali kundizzjoni hijiex effettivament issodisfatta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju inkwistjoni, it-trasferiment jew nuqqas ta’ trasferiment ta’ elementi korporali, bħal bini jew beni mobbli, il-valur tal-elementi inkorporali meta seħħ it-trasferiment, l-impjieg jew in-nuqqas ta’ impjieg tal-maġġoranza tal-persunal mill-proprjetarju l-ġdid, it-trasferiment jew in-nuqqas ta’ trasferiment tal-klijentela, kif ukoll il-livell ta’ xebh bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u dawk imwettqa wara t-trasferiment u t-tul ta’ eventwali sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi kollha huma sempliċement aspetti parzjali tal-evalwazzjoni globali li għandha ssir u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat (ara s-sentenzi Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punti 33 u 34, kif ukoll CLECE, C‑463/09, EU:C:2011:24, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qorti nazzjonali, fl-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi fattwali li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni t-tip ta’ impriża jew ta’ stabbiliment ikkonċernat.

34      Minn dan jirriżulta li l-grad ta’ importanza rispettiva li għandha tingħata lill-kriterji differenti tal-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23 jinbidel neċessarjament skont l-attività eżerċitata, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operazzjoni użati fl-impriża, fl-istabbiliment jew f’parti mill-istabbiliment inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li, f’settur fejn l-attività tistrieħ essenzjalment fuq forza tax-xogħol, l-identità tal-entità ekonomika ma tistax tinżamm jekk il-maġġoranza tal-impjegati ta’ din l-entità ma titteħidx mill-preżunt ċessjonarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CLECE, C‑463/09, EU:C:2011:24, punt 41).

36      Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-attività ekonomika inkwistjoni, jiġifieri s-servizz ta’ mmaniġġar ta’ unitajiet ta’ trasport intermodali, ma tistax titqies li hija attività li tistrieħ essenzjalment fuq il-forza tax-xogħol sa fejn hija teħtieġ tagħmir importanti.

37      Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ ġestjoni tas-servizzi pubbliċi konkluż ma’ Algeposa, l-ADIF poġġiet għad-dispożizzjoni tagħha krejns u faċilitajiet, li kienu jidhru bħala elementi indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din l-attività li hija essenzjalment ibbażata fuq it-tagħmir.

38      Sussegwentement, fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-assi korporali indispensabbli għat-twettiq tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu dejjem jappartjenu lil ADIF, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-punt li jsir magħruf jekk il-proprjetà tal-assi korporali ġietx ittrasferita ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23.

39      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-assi korporali meħuda mill-imprenditur il-ġdid ma humiex tal-predeċessur tiegħu, iżda kienu sempliċement tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-awtorità kontraenti ma jistax iwassal għall-esklużjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża fis-sens tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 42).

40      Minn dan isegwi li, kif osservat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sitwazzjoni li fiha l-assi korporali indispensabbli għat-twettiq tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu dejjem jappartjenu liċ-ċessjonarju, iċċaħħad lill-imsemmija direttiva minn parti mill-effettività tagħha.

41      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-assenza tat-teħid lura, mill-ADIF, tal-persunal tal-Algeposa, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-assenza tat-teħid lura, mill-imprenditur il-ġdid, ta’ parti sostanzjali, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenza, tal-persunal li kien jimpjega l-predeċessur tiegħu għall-eżekuzzjoni tal-istess attività, ma hijiex biżżejjed sabiex teskludi l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ entità li żżomm l-identità tagħha fis-sens tad-Direttiva 2001/23 f’settur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-attività essenzjalment tistrieħ fuq it-tagħmir. Interpretazzjoni differenti tmur kontra l-għan prinċipali tal-imsemmija direttiva, li huwa li żżomm il-kontinwità, anki kontra r-rieda taċ-ċessjonarju, tal-kuntratti tax-xogħol tal-impjegati ta’ min jagħmel it-trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 37).

42      Konsegwentement, l-assenza tat-teħid lura tal-ħaddiema tal-Algeposa mill-ADIF ma hijiex ta’ natura li teskludi li l-entità ekonomika inkwistjoni fil-kawża prinċipali żżomm l-identità tagħha u għalhekk li teskludi l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża fis-sens tal-istess direttiva.

43      Definittivament, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha fattwali li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ trasferiment tal-impriża fil-kwistjoni prinċipali.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sitwazzjoni li fiha impriża pubblika, inkarigata b’attività ekonomika ta’ mmaniġġar ta’ unitajiet ta’ trasport intermodali, tagħti, permezz ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tas-servizz pubbliċi, l-eżekuzzjoni ta’ din l-attività lil impriża oħra, billi tagħmel għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar l-infrastrutturi u t-tagħmir neċessarju li jappartjenu lilha, u sussegwentement tiddeċiedi li tittermina dan il-kuntratt mingħajr ma tieħu lura l-persunal ta’ din l-aħħar impriża, minħabba l-fatt li, mil-lum 'il quddiem, hija stess ser teżegwixxi l-imsemmija attività bil-persunal tagħha stess.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sitwazzjoni li fiha impriża pubblika, inkarigata b’attività ekonomika ta’ mmaniġġar ta’ unitajiet ta’ trasport intermodali, tagħti, permezz ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tas-servizz pubbliċi, l-eżekuzzjoni ta’ din l-attività lil impriża oħra, billi tagħmel għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar l-infrastrutturi u t-tagħmir neċessarju li jappartjenu lilha, u sussegwentement tiddeċiedi li tittermina dan il-kuntratt mingħajr ma tieħu lura l-persunal ta’ din l-aħħar impriża, minħabba l-fatt li, mil-lum 'il quddiem, hija stess ser teżegwixxi l-imsemmija attività bil-persunal tagħha stess.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.