Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Alwla) tas-26 ta’ Frar 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État - Franza) – Ministre de l’Économie et des Finances vs Gérard de Ruyter

(Kawża C-623/13) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 4 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Imposti fuq id-dħul mill-patrimonju — Kontribuzzjoni soċjali ġenerali — Kontribuzzjoni għall-ħlas lura tad-dejn soċjali — Imposta soċjali — Kontribuzzjoni addizzjonali għall-imposta soċjali — Parteċipazzjoni fil-finanzjament ta’ skemi obbligatorji tas-sigurtà soċjali — Rabta diretta u suffiċjentement rilevanti ma’ ċerti oqsma tas-sigurtà soċjali)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiz

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ministre de l’Économie et des Finances

Konvenut: Gérard de Ruyter

Dispożittiv

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li imposti fuq id-dħul mill-patrimonju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom, meta jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ skemi obbligatorji tas-sigurtà soċjali, rabta diretta u rilevanti ma’ ċerti oqsma tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament 1408/71, u b’hekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, minkejja l-fatt li dawn huma imposti fuq id-dħul mill-patrimonju tal-persuni taxxabbli, indipendentement mill-eżerċizzju ta’ attività professjonali minn dawn tal-aħħar.