Language of document : ECLI:EU:C:2022:65

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑27 ta’ Jannar 2022 (1)

Kawża C817/19

Ligue des droits humains

vs

IlKunsill talMinistri

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) – Regolament (UE) 2016/679 – Kamp ta’ applikazzjoni – Direttiva (UE) 2016/681 – Validità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u Artikolu 52(1)”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Ilkuntest ġuridiku

A. Iddritt talUnjoni

1. IlKarta

2. IrRĠPD

3. IdDirettiva PNR

4. Atti oħra rilevanti taddritt talUnjoni

B. Iddritt Belġjan

C. Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

III. Analiżi

A. Fuq lewwel domanda preliminari

B. Fuq ittieni, ittielet, irraba’, issitt u ttmien domanda preliminari

1. Fuq iddrittijiet fundamentali stabbiliti flArtikoli 7 u 8 talKarta

2. Fuq lindħil fiddrittijiet fundamentali stabbiliti flArtikoli 7 u 8 talKarta

3. Fuq ilġustifikazzjoni talindħil li jirriżulta mid-Direttiva PNR

a) Fuq losservanza tarrekwiżit li kull limitazzjoni għalleżerċizzju ta’ dritt fundamentali previst millKarta għandha tkun prevista milliġi

b) Fuq losservanza talkontenut essenzjali taddrittijiet stabbiliti flArtikoli 7 u 8 talKarta

c) Fuq losservanza tarrekwiżit li lindħil għandu jissodisfa għan ta’ interess ġenerali

d) Fuq losservanza talprinċipju ta’ proporzjonalità

1) Fuq ladegwatezza talipproċessar taddata PNR imsemmi mid-Direttiva PNR fiddawl tal-għan imfittex

2) Fuq innatura strettament neċessarja talindħil

i) Fuq iddelimitazzjoni tal-iskopijiet talipproċessar taddata PNR

ii) Fuq ilkategoriji ta’ data PNR previsti mid-Direttiva PNR (ittieni u ttielet domanda preliminari)

– Fuq innatura suffiċjentement ċara u preċiża talpunti 12 u 18 talAnness I (ittielet domanda preliminari)

– Fuq ilportata taddata elenkata flAnness I (ittieni domanda preliminari)

– Fuq iddata sensittiva

iii) Fuq ilkunċett ta’ “passiġġier” (irraba’ domanda preliminari)

iv) Fuq innatura suffiċjentement ċara, preċiża u limitata għal dak li huwa strettament neċessarju talevalwazzjoni minn qabel talpassiġġieri (issitt domanda preliminari)

– Fuq l-ipparagunar ma’ databases fissens talArtikolu 6(3)(a) tadDirettiva PNR

– Fuq lipproċessar taddata PNR skont kriterji stabbiliti minn qabel

– Fuq ilgaranziji marbuta malipproċessar awtomatizzat taddata PNR

– Konklużjoni fuq issitt domanda preliminari

v) Fuq iżżamma taddata PNR (ittmien domanda preliminari)

4. Konklużjonijiet dwar ittieni, ittielet, irraba’, issitt u ttmien domanda preliminari

C. Fuq ilħames domanda preliminari

D. Fuq isseba’ domanda preliminari

E. Fuq iddisa’ domanda preliminari

F. Fuq lgħaxar domanda preliminari

IV. Konklużjoni


I.      Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sensiela ta’ għaxar domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”) (2), kif ukoll dwar il-validità u l-interpretazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (iktar ’il quddiem id-“Direttiva PNR” (3) u tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (iktar ’il quddiem id-“Direttiva API” (4). Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru Ligue des droits humains (“LDH”), intiż għall-annullament totali jew parzjali tal-loi du 25 décembre 2016 relative au traitement des données des passagers (il-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 2016 dwar l-Ipproċessar tad-Data tal-Passiġġieri, iktar ’il quddiem il-“Liġi PNR”) (5), li tittrasponi fid-dritt Belġjan id-Direttiva PNR kif ukoll id-Direttiva API.

2.        Id-domandi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi f’din il-kawża jaqgħu fil-kuntest ta’ waħda mid-dilemmi prinċipali tal-kostituzzjonaliżmu liberali demokratiku kontemporanju: kif għandu jiġi ddefinit il-bilanċ bejn l-individwu u l-kollettività fl-era tad-data, meta t-teknoloġiji diġitali ppermettew il-ġbir, iż-żamma, l-ipproċessar u l-analiżi ta’ masses enormi ta’ data personali għal finijiet predittivi? L-algoritmi, l-analiżi tal-big data u l-intelliġenza artifiċjali użati mill-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jservu sabiex jippromwovu u jipproteġu l-interessi fundamentali tas-soċjetà, b’effiċjenza li fil-passat kienet inimmaġinabbli: mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika sas-sostenibbiltà ambjentali, mill-ġlieda kontra t-terroriżmu sal-prevenzjoni tal-kriminalità, b’mod partikolari l-kriminalità serja. Fl-istess ħin, il-ġbir indifferenzjat ta’ data personali u l-użu ta’ teknoloġiji diġitali mill-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jagħtu lok għal panottikon diġitali, jiġifieri awtorità pubblika li tara kollox mingħajr ma tidher. Setgħa omnixxenti li tista’ tikkontrolla u tipprevedi l-imġieba ta’ kulħadd u tieħu l-miżuri meħtieġa, sar-riżultat paradossali, impenġi minn Steven Spielberg fil-film Minority Report, li titneħħa l-libertà b’mod preventiv lil awtur ta’ reat li jkun għadu ma twettaqx. Kif wieħed jaf, f’ċerti pajjiżi, is-soċjetà tipprevali fuq l-individwu u l-użu tad-data personali jippermetti b’mod leġittimu li titwettaq sorveljanza tal-massa effettiva intiża li tipproteġi interessi pubbliċi kkunsidrati bħala fundamentali. Għall-kuntrarju, il-kostituzzjonaliżmu Ewropew — nazzjonali u supranazzjonali — mal-post ċentrali mogħti lill-individwu u lil-libertajiet tiegħu, joħloq ostakolu sinjifikattiv għall-bidu ta’ soċjetà tas-sorveljanza tal-massa, speċjalment wara r-rikonoxximent tad-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali. Madankollu, sa fejn dan l-ostakolu jista’ jiġi stabbilit mingħajr ma jiġu serjament ippreġudikati ċerti interessi fundamentali tas-soċjetà — bħal dawk imsemmija qabel bħala eżempju — li jistgħu madankollu jkollhom rabtiet kostituzzjonali? Ninsabu fil-qalba tal-kwistjoni tar-relazzjoni bejn individwu u kollettività fis-soċjetà diġitali. Kwistjoni li teħtieġ, minn naħa, it-tfittxija u l-implimentazzjoni ta’ bilanċi delikati bejn l-interessi tal-kollettività u d-drittijiet tal-individwi, billi wieħed jitlaq mill-importanza assoluta li dawn tal-aħħar għandhom fil-patrimonju kostituzzjonali Ewropew, u min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ garanziji kontra l-abbużi. Hawnhekk ukoll, ninsabu fil-kuntest tal-verżjoni kontemporanja ta’ tema klassika tal-kostituzzjonaliżmu, għaliex, kif afferma b’mod konċiż Le Fédéraliste, il-bnedmin ma humiex anġli u dan huwa għaliex huma meħtieġa mekkaniżmi ġuridiċi sabiex tiġi limitata u kkontrollata s-setgħa pubblika.

3.        Dawn huma l-kwistjonijiet ta’ natura ġenerali li jaqgħu fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jistgħu biss jinterpretaw id-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-użu ta’ tekniki stabbiliti sew, li fosthom hemm dik tal-interpretazzjoni konformi. Teknika li ta’ spiss ser tintuża, meta dan ikun jidher ġuridikament possibbli, f’dawn il-konklużjonijiet, bil-għan li jinsab il-bilanċ neċessarju, mill-perspettiva kostituzzjonali, bejn l-iskopijiet pubbliċi li fuqhom hija bbażata s-sistema ta’ trasferiment, ta’ ġbir u ta’ pproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (iktar ’il quddiem id-“data PNR) u d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IlKarta

4.        Skont l-Artikolu 7 tal-Karta: “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha”.

5.        Skont l-Artikolu 8 tal-Karta

“1.      Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha.

2.      Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

3.      L-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti”.

6.        Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

2.      IrRĠPD

7.        L-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq “mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”.

8.        Skont l-Artikolu 23(1)(d) tar-RĠPD:

“Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

[…]

(d) il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddidiet għas-sigurtà pubblika.”

3.      IdDirettiva PNR

9.        Iktar ’il quddiem ser nagħti biss stampa qasira tal-funzjonament tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR. Iktar dettalji dwar il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR rilevanti għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari ser jingħataw matul l-analiżi ġuridika.

10.      Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva PNR, adottata abbażi tal-Artikolu 82(1)(d) TFUE u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE, torganizza, fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, sistema ta’ trasferiment, mit-trasportaturi tal-ajru, tad-data PNR ta’ titjiriet barra l-UE (6), kif ukoll ta’ ġbir, ta’ pproċessar u ta’ żamma ta’ din id-data mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja.

11.      Skont il-punt 5 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, ir-“reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri” jew “PNR” huwa “reġistru tar-rekwiżiti tal-ivvjaġġar ta’ kull passiġġier li jinkludi informazzjoni meħtieġa biex tippermetti li l-prenotazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu pproċessati u kkontrollati mit-trasportaturi bl-ajru tal-prenotazzjoni u tal-parteċipazzjoni għal kull vjaġġ ipprenotat minn jew f’isem persuna, kemm jekk inkluża [inkluż] fuq sistema ta’ prenotazzjoni, sistemi tal-kontroll tat-tluq, użati biex jiġu kkontrollati passiġġieri fuq titjiriet, jew sistemi ekwivalenti li jipprovdu l-istess funzjonalitajiet”.

12.      L-Anness I tad-Direttiva PNR (iktar ’il quddiem l-“Anness I”), jelenka d-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri kif miġbura mit-trasportaturi tal-ajru, li hija s-suġġett ta’ trasferiment fis-sens u skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.

13.      L-Anness II tad-Direttiva PNR (iktar ’il quddiem l-“Anness II”) jinkludi lista ta’ reati li jikkostitwixxu “kriminalità serja” fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 3ta’ din id-direttiva.

14.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR jipprevedi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jiddeċiedu li japplikaw din id-direttiva wkoll għat-“titjiriet ġewwa l-UE” (7) jew għal xi wħud minnhom, meqjusa “neċessarji” sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

15.      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva PNR, “[k]ull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jinnomina awtorità kompetenti għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja u jew fergħa ta’ din l-awtorità, biex taġixxi bħala l-unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri (“PIU”) tiegħu”. Konformement mal-Artikolu 4(2)(a), il-PIU hija b’mod partikolari responsabbli għall-ġbir tad-data PNR mingħand it-trasportaturi tal-ajru, għaż-żamma u għall-ipproċessar ta’ din id-data, kif ukoll għat-trasferiment ta’ din id-data jew tar-riżultat tal-ipproċessar tagħha lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva PNR. Skont l-Artikolu 7(2), dawn l-awtoritajiet huma “awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja” (8).

16.      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva PNR, “[f]ejn id-data tal-PNR trasferita mit-trasportaturi bl-ajru tinkludi data minbarra dik elenkata fl-Anness I, il-PIU għandha tħassar tali data immedjatament u permanentement malli tasal”. L-Artikolu 6(2) huwa fformulat kif ġej:

“2.      Il-PIU għandha tipproċessa d-data tal-PNR biss għall-finijiet li ġejjin:

(a)      it-twettiq ta’ valutazzjoni tal-passiġġieri qabel il-wasla skedata tagħhom fl-Istat Membru jew it-tluq mill-Istat Membru biex jiġu identifikati persuni li jeħtieġu analiżi ulterjuri mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7, u, fejn rilevanti, mill-Europol, b’konformità mal-Artikolu 10, fid-dawl tal-fatt li tali persuni jistgħu jkunu involuti f’reat terroristiku jew kriminalità serja;

(b)      tweġiba, każ b’każ, għal talba debitament motivata bbażata fuq raġunijiet suffiċjenti mill-awtoritajiet kompetenti biex tipprovdi u tipproċessa data tal-PNR f’każijiet speċifiċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja, u biex tipprovdi r-riżultati ta’ dan l-ipproċessar lill-awtoritajiet kompetenti jew, fejn adatt, lill-Europol; u

(c) l-analizzar tad-data tal-PNR bil-għan li jiġu aġġornati jew jiġu stabbiliti kriterji ġodda biex jintużaw fil-valutazzjonijiet imwettqa taħt il-punt (b) tal-paragrafu 3 sabiex tiġi identifikata kwalunkwe persuna li tista’ tkun involuta f’reat terroristiku jew kriminalità serja.”

17.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva PNR jinkludi d-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma tad-data PNR.

18.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva PNR jipprevedi li kull PIU għandha taħtar uffiċjal għall-protezzjoni tad-data inkarigat mill-kontroll tal-ipproċessar tad-data PNR u mill-implimentazzjoni tal-garanziji rilevanti. Barra minn hekk, kull Stat Membru huwa obbligat, skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, li jinkariga lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI (9), issostitwita bid-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-Pulizija”) (10), tissorvelja l-applikazzjoni, fit-territorju tiegħu, tad-dispożizzjonijiet adottati skont l-imsemmija direttiva. Din l-awtorità, li teżerċita l-kompiti tagħha bil-għan li tipproteġi d-drittijiet fundamentali fil-qasam tal-ipproċessar tad-data personali (11), hija inkarigata, b’mod partikolari, minn naħa, li tittratta l-ilmenti mressqa minn kull persuna kkonċernata, li tinvestiga l-każ u li tinforma lill-persuna kkonċernata bl-istat ta’ progress tal-fajl u bl-eżitu tal-ilment f’terminu raġonevoli u, min-naħa l-oħra, li tivverifika l-legalità tal-ipproċessar tad-data, li twettaq investigazzjonijiet, spezzjonijiet u awditi skont id-dritt nazzjonali, fuq inizjattiva tagħha stess jew billi tibbaża ruħa fuq ilment (12).

4.      Atti oħra rilevanti taddritt talUnjoni

19.      Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa kkompletat bid-Direttiva API u d-Direttiva tal-Pulizija. Għal raġunijiet ta’ leġibbiltà ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn l-atti ser jiġi espost sa fejn dan jirriżulta neċessarju għat-trattament tad-domandi li jikkonċernawhom jew, b’mod iktar ġenerali, għall-ħtiġijiet tal-analiżi ġuridika.

B.      Iddritt Belġjan

20.      Skont l-Artikolu 22 tal-Constitution Belge (il-Kostituzzjoni Belġjana), “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ħlief fil-każijiet u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi”.

21.      Skont l-Artikolu 2 tagħha, il-Liġi PNR tittrasponi d-Direttiva API u d-Direttiva PNR, kif ukoll, parzjalment, id-Direttiva 2010/65/UE (13).

22.      Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, il-Liġi PNR “tiddetermina l-obbligi tat-trasportaturi u tal-operaturi tal-ivvjaġġar relatati mat-trażmissjoni tad-data tal-passiġġieri għad-destinazzjoni ta’, ġejjin minn u li jkunu qegħdin jgħaddu mit-territorju nazzjonali”. Skont il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, “trasportatur” tfisser “kull persuna fiżika jew ġuridika li tiżgura, b’mod professjonali, it-trasport ta’ persuni bl-ajru, bil-baħar, bil-ferrovija jew bl-art” u “operatur tal-ivvjaġġar” tfisser “kull organizzatur jew intermedjarju tal-ivvjaġġar, fis-sens tal-loi du 16 février 1994 régissant le contrat d’organisation de voyages et le contrat d’intermédiaire de voyages (il-Liġi tas‑16 ta’ Frar 1994 li Tirregola l-Kuntratt ta’ Organizzazzjoni ta’ Vjaġġi u l-Kuntratt ta’ Intermedjarju tal-Ivvjaġġar)”.

23.      L-Artikolu 8 tal-Liġi PNR jipprovdi:

“§ l. Id-data tal-passiġġieri għandha tiġi pproċessata għall-finijiet:

1°      tat-tfittixija u tal-prosekuzzjoni, inkluż l-eżekuzzjoni tal-pieni jew tal-miżuri li jirrestrinġu l-libertà, relatati mar-reati msemmija fl-Artikolu 90ter, § 2 [...] 7°, [...] 8°, [...] 11°, [...] 14°, [...] 17°, 18°, 19°, u § 3, tal-Code d’instruction criminelle (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali);

2°      tat-tfittxija u tal-prosekuzzjoni, inkluż l-eżekuzzjoni tal-pieni jew tal-miżuri li jirrestrinġu l-libertà, relatati mar-reati msemmija fl-Artikoli 196, fir-rigward tar-reati ta’ falsifikazzjoni ta’ skritturi awtentiċi u pubbliċi, 198, 199, 199bis, 207, 213, 375 u 505 tal-Code pénal (il-Kodiċi Kriminali);

3°      tal-prevenzjoni tal-problemi serji għas-sigurtà pubblika fil-kuntest tar-radikalizzazzjoni vjolenti permezz tal-monitoraġġ tal-fenomeni u tar-raggruppamenti skont l-Artikolu 44/5, § 1, 2° u 3° u § 2, tal-loi du 5 août 1992 sur la fonction de police (il-Liġi tal‑5 ta’ Awwissu 1992 dwar il-Funzjoni tal-Pulizija);

4°      tal-monitoraġġ tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 7, 1° u 3°/1, u 11, § l, 1° sa 3° u 5°, tal-loi du 30 novembre 1998 organique des services de renseignement et de sécurité (il-Liġi tat‑30 ta’ Novembru 1998 Bażika tas-Servizzi tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà) (14);

5°      tat-tfittxija u tal-prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikolu 220, § 2, tal-loi générale sur les douanes et accises du 18 juillet 1977 (il-Liġi Ġenerali dwar id-Dwana u d-Dazji tas-Sisa tat‑18 ta’ Lulju 1977) u fl-Artikolu 45(3) tal-loi du 22 décembre 2009 relative au régime général d’accise (il-Liġi tat‑22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-Sistema Ġenerali tad-Dazju tas-Sisa) [].

§ 2. Taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 11, id-data tal-passiġġieri għandha tiġi pproċessata wkoll għall-finijiet tat-titjib tal-kontrolli tal-persuni fil-fruntieri esterni u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali”.

24.      L-Artikolu 9 tal-Liġi PNR jinkludi l-lista tad-data li hija s-suġġett ta’ trasferiment. Din id-data tikkorrispondi għal dik elenkata fl-Anness I.

25.      Skont l-Artikolu 18 tal-Liġi PNR, “id-data tal-passiġġieri għandha tinżamm fid-databank tal-passiġġieri għal tul massimu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mir-reġistrazzjoni tagħha. Fi tmiem dan il-perijodu, din għandha tinqered”.

26.      L-Artikolu 19 ta’ din il-liġi jipprevedi li “[f]l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur, b’effett mir-reġistrazzjoni tad-data tal-passiġġieri fid-databank tal-passiġġieri, id-data kollha tal-passiġġieri għandha tiġi ddepersonalizzata, permezz tal-ħabi tal-elementi ta’ informazzjoni”.

27.      L-Artikolu 24 tal-Liġi PNR jipprevedi:

“§ 1. Id-data tal-passiġġieri għandha tiġi pproċessata bil-għan li ssir evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri qabel il-wasla tagħhom, it-tluq tagħhom jew it-tranżitu tagħhom previst fit-territorju nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat liema persuni għandhom jiġu suġġetti għal eżami iktar fil-fond.

§ 2. Fil-kuntest tal-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 8, § l, 1°, 4° u 5°, jew relatati mat-theddid imsemmi fl-Artikolu 8, 1°, a), b), c), d), f), g), u 11, § 2, tal-Liġi tat‑30 ta’ Novembru 1998 Bażika tas-Servizzi tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà, l-evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri għandha tkun ibbażata fuq korrispondenza pożittiva, li tkun tirriżulta minn korrelazzjoni tad-data tal-passiġġieri ma’:

1°      id-databanks amministrati mid-dipartimenti kompetenti jew li huma direttament disponibbli jew aċċessibbli għalihom fil-kuntest tal-missjonijiet tagħhom jew ma’ listi ta’ persuni redatti mid-dipartimenti kompetenti fil-kuntest tal-missjonijiet tagħhom.

2°      il-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel mill-PIU, imsemmija fl-Artikolu 25.

§ 3. Fil-kuntest tal-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 8, § l, 3°, l-evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri għandha tkun ibbażata fuq korrispondenza pożittiva, li tkun tirriżulta minn korrelazzjoni tad-data tal-passiġġieri mad-databanks imsemmija fil-§ 2, 1°. []”

28.      L-Artikolu 25 tal-Liġi PNR jirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR.

29.      Il-Kapitolu 11 tal-Liġi PNR jinkludi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar tad-data tal-passiġġieri għall-finijiet tat-titjib tal-kontroll fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu t-traspożizzjoni fid-dritt Belġjan tad-Direttiva API.

30.      L-Artikolu 44 tal-Liġi PNR jipprevedi li l-PIU għandha taħtar uffiċjal għall-protezzjoni tad-data fi ħdan is-Servizz Pubbliku Federali Intern. Is-sorveljanza dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi PNR hija eżerċitata mill-Commission de la protection de la vie privée (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata).

31.      L-Artikolu 51 tal-Liġi PNR jemenda l-Liġi tat‑30 ta’ Novembru 1998 Bażika tas-Servizzi tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà, billi jinkludi l-Artikolu 16/3 li huwa redatt kif ġej:

“§ 1. Is-servizzi tal-intelliġenza u tas-sigurtà jistgħu, fl-interess tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, jiddeċiedu b’mod debitament motivat li jaċċedu għad-data tal-passiġġieri msemmija fl-Artikolu 7 tal-Liġi [PNR].

§ 2. Id-deċiżjoni msemmija fil-§ 1 għandha tittieħed mid-direttur tas-servizz u kkomunikata bil-miktub lill-Unità ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri msemmija fil-Kapitolu 7 tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq. Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kumitat Permanenti R bil-motivazzjoni tagħha.

Il-Kumitat Permanenti R jipprojbixxi lis-servizzi tal-intelliġenza u tas-sigurtà milli jużaw id-data miġbura fil-kundizzjonijiet li ma josservawx il-kundizzjonijiet legali.

Id-deċiżjoni tista’ tirrigwarda sett ta’ data relatata ma’ investigazzjoni ta’ informazzjoni speċifika. F’dan il-każ, il-lista tal-konsultazzjonijiet tad-data tal-passiġġieri għandha tiġi kkomunikata darba fix-xahar lill-Kumitat Permanenti R.”

C.      Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32.      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) fl‑24 ta’ Lulju 2017, il-LDH ippreżentat rikors intiż għall-annullament totali jew parzjali tal-Liġi PNR. Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat żewġ motivi.

33.      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, imressaq b’mod prinċipali u bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni Belġjana, moqri flimkien mal-Artikolu 23 tar-RĠPD, mal-Artikoli 7, 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta kif ukoll mal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), il-LDH tqis li l-liġi kkontestata ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tal-kategoriji ta’ data msemmija, tal-ipproċessar ta’ data li hija tistabbilixxi, tal-iskopijiet tagħha u tat-tul ta’ żamma tad-data. B’mod partikolari, hija ssostni li d-definizzjoni tad-data PNR hija wiesgħa wisq u tista’ twassal għall-iżvelar ta’ data sensittiva, u li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “passiġġier” li tinsab f’din il-liġi tippermetti pproċessar sistematiku mhux immirat tad-data tal-passiġġieri kollha kkonċernati. Barra minn hekk, il-LDH tikkunsidra li l-Liġi PNR ma tiddefinixxix b’mod suffiċjentement ċar in-natura u l-modalitajiet tal-metodu ta’ pre‑screening tad-databanks tal-passiġġieri kif ukoll il-kriterji li jservu ta’ “indikaturi ta’ theddida”. Fl-aħħar nett, hija tal-opinjoni li l-Liġi PNR teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, fis-sens li tfittex skopijiet ta’ pproċessar tad-data PNR usa’ minn dawk ammessi mid-Direttiva PNR u li l-perijodu ta’ ħames snin għaż-żamma tad-data PNR huwa sproporzjonat. Permezz tat-tieni motiv tagħha, imressaq sussidjarjament u bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni Belġjana, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) TUE u mal-Artikolu 45 tal-Karta, il-LDH tikkontesta d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 11 tal-Liġi PNR li jittrasponu d-Direttiva API.

34.      Il-Conseil des ministres du Royaume de Belgique (il-Kunsill tal-Ministri tar-Renju tal-Belġju), bħala intervenjent quddiem il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali), jopponi r-rikors tal-LDH, billi jikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza taż-żewġ motivi mqajma insostenn tiegħu.

35.      Il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali), min-naħa tagħha, tressaq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

36.      Fir-rigward tal-ewwel motiv, hija tistaqsi, qabel kollox, dwar jekk id-definizzjoni tad-data PNR, li tinsab fl-Anness I, hijiex suffiċjentement ċara u preċiża. Id-deskrizzjoni ta’ xi wħud minn din id-data hija ta’ natura eżemplari u mhux eżawrjenti. Sussegwentement, l-imsemmija qorti tirrileva li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “passiġġier” li tinsab fil-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR tinvolvi l-ġbir, it-trasferiment, l-ipproċessar u ż-żamma tad-data PNR ta’ kull persuna ttrasportata jew li għandha tiġi ttrasportata u inkluża fil-lista tal-passiġġieri, indipendentement mill-eżistenza ta’ raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata wettqet reat jew hija fil-punt li twettaq reat, jew kienet instabet ħatja ta’ reat. Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data PNR, hija tosserva li din tal-aħħar hija sistematikament suġġetta għal evalwazzjoni minn qabel li timplika l-kontroreferenza tad-data PNR tal-passiġġieri kollha ma’ databanks jew kriterji stabbiliti minn qabel, bil-għan li jiġu stabbiliti korrispondenzi. Madankollu, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tippreċiża li, għalkemm il-kriterji għandhom ikunu speċifiċi, affidabbli u nondiskriminatorji, kien jidher teknikament impossibbli għaliha li tiddefinixxi iktar il-kriterji stabbiliti minn qabel li jservu għad-determinazzjoni ta’ profili ta’ riskju. F’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ żamma tad-data PNR previst fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva PNR skont liema l-imsemmija data tista’ tinżamm għal perijodu ta’ ħames snin, il-qorti tar-rinviju tqis li d-data PNR tinżamm mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-passiġġieri kkonċernati jistgħux, fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel, jew le jkunu ta’ riskju għas-sigurtà pubblika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (15) u mill-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (16), is-sistema ta’ ġbir, ta’ trasferiment, ta’ pproċessar u ta’ żamma tad-data PNR stabbilita mid-Direttiva PNR tistax titqies bħala li ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi, ukoll, dwar jekk id-Direttiva PNR tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 8(1)(4) tal-Liġi PNR, li tawtorizza l-ipproċessar tad-data PNR għal skop differenti minn dawk previsti minn din id-direttiva. Fl-aħħar nett, hija tistaqsi jekk il-PIU tistax titqies bħala “awtorità nazzjonali oħra” li tista’, skont l-Artikolu 12(3)(b)(ii) tad-Direttiva PNR, tawtorizza l-komunikazzjoni tad-data PNR kollha wara perijodu ta’ sitt xhur. Fir-rigward tat-tieni motiv, il-qorti tar-rinviju tirrileva li dan huwa dirett kontra l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 8(2) kif ukoll l-Artikoli 28 sa 31 tal-Liġi PNR li tirregola l-ġbir u l-ipproċessar tad-data tal-passiġġieri għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u tat-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri. Filwaqt li tfakkar li, skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, din il-liġi tkopri t-titjiriet lejn it-territorju nazzjonali, li ġejjin minnu u li jkunu qegħdin jgħaddu minnu, din il-qorti tippreċiża li l-leġiżlatur nazzjonali kien inkluda t-titjiriet “ġewwa l-UE” fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija liġi sabiex jikseb “stampa iktar kompleta tal-passiġġieri li jikkostitwixxu theddida potenzjali għas-sigurtà [fi ħdan l-Unjoni] u nazzjonali”, billi bbaża ruħu fuq il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-premessa 10 tagħha.

37.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 23 tar-[RĠPD], moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat bħala li japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-[Liġi PNR], li tittrasponi d-Direttiva [PNR], kif ukoll id-Direttiva [API] u d-Direttiva [2010/65]?

2.      L-Anness I [] huwa kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta], fis-sens li d-data elenkata f’dan l-anness hija wiesgħa ħafna – b’mod partikolari d-data msemmija fil-punt 18 [ta’ dan l-Anness I], li tmur lil hinn mid-data msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [API] – u sa fejn, meħuda flimkien, din id-data tista’ tiżvela data sensittiva, u b’hekk tikser il-limiti ta’ dak li huwa ‘strettament meħtieġ’?

3.      Il-punti 12 u 18 tal-Anness I [] huma kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta] sa fejn, fid-dawl tat-termini ‘inkluża’ u ‘inkluż’, id-data li jkopru hija msemmija bħala eżempju u mhux b’mod eżawrjenti, hekk li ma huwiex irrispettat ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni u ta’ ċarezza tar-regoli [li] jinvolvu indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u fid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali?

4.      Il-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [PNR] u l-Anness I [] huma kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta] sa fejn is-sistema ta’ ġbir, ta’ trasferiment u ta’ pproċessar iġġeneralizzati tad-data tal-passiġġieri li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu tkopri kwalunkwe persuna li tuża l-mezz ta’ trasport ikkonċernat, irrispettivament minn kwalunkwe element oġġettiv li jippermetti li jitqies li din il-persuna tista’ tkun ta’ riskju għas-sigurtà pubblika?

5.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva [PNR], moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta], għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġislazzjoni nazzjonali bħalma hija l-liġi kkontestata, li tammetti, bħala skop tal-ipproċessar tad-data ‘PNR’, li jsiru iktar [il-monitoraġġ tal-]attivitajiet koperti mis-servizzi tal-intelliġenza u ta’ sigurtà, u b’hekk tinkludi dan l-iskop fil-prevenzjoni u l-iskoperta ta’ reati terroristiċi u ta’ forom gravi ta’ kriminalità, kif ukoll fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni f’dan il-qasam?

6.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva [PNR] huwa kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta] sa fejn l-evalwazzjoni minn qabel li hija tistabbilixxi, permezz ta’ tqabbil mal-bażijiet tad-data u l-kriterji stabbiliti minn qabel, tapplika b’mod sistematiku u ġeneralizzat għad-data tal-passiġġieri, irrispettivament minn kwalunkwe element oġġettiv li bih jista’ jitqies li dawn il-passiġġieri jistgħu jkunu ta’ riskju għas-sigurtà pubblika?

7.      Il-kunċett ta’ ‘awtorità nazzjonali kompetenti oħra’ imsemmi fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [PNR] jista’ jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-PIU maħluqa mil-Liġi [PNR], li jista’ għaldaqstant jawtorizza l-aċċess għad-data ‘PNR’ wara terminu ta’ sitt xhur, fil-kuntest ta’ riċerki ad hoc?

8.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva [PNR], moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-[Karta], għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-liġi kkontestata li tipprevedi terminu ġenerali ta’ żamma ta’ data ta’ ħames snin, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont jekk il-passiġġieri kkonċernati, fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel, jirriżultawx li jistgħu jkunu ta’ riskju jew le għas-sigurtà pubblika?

9.      a)      Id-Direttiva [API] hija kompatibbli mal-Artikolu 3(2) [TUE] u mal-Artikolu 45 tal-[Karta] sa fejn l-obbligi li tistabbilixxi japplikaw għat-titjiriet fl-Unjoni Ewropea?

b)      Id-Direttiva [API], moqrija flimkien mal-Artikolu 3(2) [TUE] u mal-Artikolu 45 tal-[Karta], għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-liġi kkontestata li, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u tat-titjib tal-kontrolli fuq il-fruntieri, tawtorizza sistema ta’ ġbir u ta’ pproċessar tad-data tal-passiġġieri ‘għad-destinazzjoni ta’, ġejjin minn u li jkunu qed jgħaddu mit-territorju nazzjonali’, li indirettament jista’ jimplika li jerġgħu jiġu stabbiliti kontrolli mal-fruntieri interni?

10.      Jekk, abbażi tar-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tasal għall-konklużjoni li l-liġi kkontestata, li tittrasponi b’mod partikolari d-Direttiva [PNR], tikser wieħed jew iktar mill-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dawn id-domandi, hija tista’ hija żżomm fis-seħħ provviżorjament l-effetti tal-Liġi [PNR] sabiex tiġi evitata inċertezza ġuridika u sabiex tippermetti li d-data miġbura u miżmuma qabel tkun tista’ tintuża għall-iskopijiet intiżi [minn din il]-liġi?”

38.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mil-LDH, mill-Gvern Belġjan, Ċek, Daniż, Ġermaniż, Estonjan, Irlandiż, Spanjol, Franċiż, Ċiprijott, Latvjan, Olandiż, Awstrijak, Pollakk, Finlandiż, kif ukoll mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) ġew mistiedna jwieġbu bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Inżammet seduta għas-sottomissjonijiet orali fit‑13 ta’ Lulju 2021.

III. Analiżi

A.      Fuq lewwel domanda preliminari

39.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD għandux jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament, u b’mod partikolari l-Artikolu 23(1) tiegħu, li jipprovdi li d-dritt tal-Unjoni jew id-drittijiet tal-Istati Membri jistgħu, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, jillimitaw, għal raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti, il-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti mill-imsemmi regolament, japplikax għall-ipproċessar ta’ data mwettaq abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-Liġi PNR, li tittrasponi fid-dritt nazzjonali d-Direttiva PNR kif ukoll id-Direttiva API u d-Direttiva 2010/65.

40.      L-Artikolu 2(2), tar-RĠPD jipprevedi eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, kif iddefinit, b’mod wiesa’ ħafna (17), fl-Artikolu 2(1) tiegħu (18). Bħala derogi mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirregola l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tikser il-libertajiet fundamentali, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (19).

41.      L-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD jinkludi, b’mod partikolari, klawżola ta’ esklużjoni li skontha dan ir-regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq “mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”. Din il-klawżola ta’ esklużjoni hija bbażata fuq kriterju doppju suġġettiv u oġġettiv. Huwa għalhekk eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament l-ipproċessar ta’ data mwettaq, l-ewwel, mill-“awtoritajiet kompetenti”, u, it-tieni, għall-finijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, id-diversi tipi ta’ pproċessar ta’ data koperti mil-Liġi PNR għandhom jiġu evalwati fir-rigward ta’ dan il-kriterju doppju.

42.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ipproċessar ta’ data mwettaq mit-trasportaturi (tal-ajru, ferrovjarji, terrestri u marittimi) lill-PIU jew mill-operaturi tal-ivvjaġġar għall-finijiet ta’ provvista ta’ servizz jew kummerċjali, inkwantu previst mill-imsemmija liġi, dan jibqa’ rregolat mir-RĠPD, peress li la l-aspett suġġettiv u lanqas l-aspett oġġettiv tal-kriterju ta’ esklużjoni li jinsab fl-Artikolu 2(2)(d) ta’ dan ir-regolament ma huma ssodisfatti.

43.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-trasferiment mit-trasportaturi jew mill-operaturi tal-ivvjaġġar tad-data PNR lill-PIU, li jikkostitwixxi, fih innifsu, “ipproċessar” fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD (20), l-inklużjoni tiegħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament hija inqas evidenti.

44.      Fil-fatt, minn naħa, dan it-trasferiment ma jsirx minn “awtorità kompetenti” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Pulizija, li għalih għandu jsir riferiment b’analoġija, fin-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett mir-RĠPD (21). Operatur ekonomiku, bħal kumpanija tat-trasport jew aġenzija tal-ivvjaġġar, li għandu biss obbligu legali ta’ trasferiment ta’ data personali u li ma jkun ġie fdat bl-ebda prerogattiva ta’ poter pubbliku (22), ma jistax jitqies bħala korp jew entità fis-sens ta’ tal-imsemmi Artikolu 3(7)(b) (23).

45.      Għall-kuntrarju, it-trasferiment tad-data PNR mill-kumpanniji tat-trasport u mill-operaturi tal-ivvjaġġar isir sabiex jiġi eżegwit obbligu impost mil-liġi bil-għan li jitwettqu l-finijiet elenkati fl-Artikolu 2(2)(d) tal-RĠPD.

46.      Issa, fil-fehma tiegħi, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li huwa biss l-ipproċessar li jissodisfa kemm l-aspett suġġettiv kif ukoll l-aspett oġġettiv tal-kriterju ta’ esklużjoni li hija tistabbilixxi li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD. It-trasferiment tad-data PNR lill-PIU impost mil-Liġi PNR fuq il-kumpanniji ta’ trasport u fuq l-operaturi tal-ivvjaġġar jaqa’ għalhekk taħt dan ir-regolament.

47.      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi PNR li tittrasponi d-Direttiva PNR, din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li din “hija mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46/KE (24) għall-ipproċessar ta’ data personali minn operaturi tal-ajru”. L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li jissuġġerixxi, b’mod partikolari, il-Gvern Franċiż, li skontha din sempliċement tipprevedi li t-trasportaturi jibqgħu suġġetti għall-obbligi stabbiliti mir-RĠPD għall-ipproċessar ta’ data li ma huwiex previst mid-Direttiva PNR, għandha fil-fehma tiegħi tiġi miċħuda. Fil-fatt, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, il-portata ta’ din il-“klawżola ta’ nuqqas ta’ preġudizzju” hija wiesgħa u hija ddefinita biss b’riferiment għall-awtur tal-ipproċessar, peress li ebda riferiment ma jsir għall-iskop tal-ipproċessar jew għall-kuntest li fih dan iseħħ, jekk dan iseħħx fl-eżerċizzju tal-attività kummerċjali tat-trasportatur tal-ajru jew b’eżekuzzjoni ta’ obbligu legali. Nosserva, barra minn hekk, li klawżola tal-istess kontenut tinsab fl-Artikolu 13(3) tad-Direttiva PNR, li tirreferi b’mod partikolari għall-obbligi li jaqgħu fuq it-trasportaturi tal-ajru taħt ir-RĠPD “li jieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi biex jipproteġu s-sigurtà u l-kunfidenzjalità ta’ data personali”. Issa, din id-dispożizzjoni tinsab fost dawk li jorganizzaw il-protezzjoni tad-data personali pproċessata skont id-Direttiva PNR u ssegwi l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, li, b’mod ġenerali, jissuġġetta kull ipproċessar ta’ data mwettaq b’applikazzjoni tagħha għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977 imsemmija fiha. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, tali arranġament normattiv jippermetti, minn naħa, li l-Artikolu 13(3) jinqara bħala klawżola li twassal taħt ir-RĠPD l-uniku pproċessar ta’ data previst mid-Direttiva PNR li ma jsirx minn “awtoritajiet kompetenti” fis-sens tad-Direttiva tal-Pulizija u, min-naħa l-oħra, li r-riferiment għall-osservanza tal-obbligi imposti mill-imsemmi regolament fil-qasam tas-sigurtà u tal-kunfidenzjalità tad-data jinftiehem bħala tfakkira tal-garanziji obbligatorjament marbuta mat-trasferiment tad-data PNR mit-trasportaturi lill-PIU.

48.      Il-konklużjoni stabbilita fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma hijiex ikkontestata mill-premessa 19 tar-RGPD u mill-premessa 11 tad-Direttiva tal-Pulizija, li għalihom jagħmlu riferiment, fost oħrajn, il-Gvern Ġermaniż, Irlandiż u dak Franċiż sabiex isostnu n-natura ta’ lex specialis tad-Direttiva PNR. F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li din id-direttiva tistabbilixxi, għall-ipproċessar ta’ data personali li hija tkopri, qafas ta’ protezzjoni ta’ din id-data awtonomu mir-RĠPD. Madankollu, dan il-qafas speċifiku japplika biss għall-ipproċessar tad-data PNR imwettaq mill-“awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Pulizija, li fosthom hemm b’mod partikolari l-PIU, filwaqt li t-trasferiment tad-data PNR lill-PIU jibqa’ suġġett għall-qafas ġenerali stabbilit mir-RĠPD b’applikazzjoni, fost oħrajn, tal-“klawżola ta’ nuqqas ta’ preġudizzju” prevista fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva PNR.

49.      Insostenn tal-argument tagħhom li r-RĠPD ma japplikax għat-trasferiment tad-data PNR lill-PIU mit-trasportaturi u mill-operaturi tal-ivvjaġġar, il-Gvern Belġjan, Irlandiż, Franċiż u dak Ċiprijott jirreferu għas-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (25), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trasferiment tad-data PNR minn trasportaturi tal-ajru Komunitarji lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, fil-kuntest ta’ ftehim innegozjat bejn dawn tal-aħħar u l-Komunità Ewropea, kien jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali fi ħdan it-tifsira tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 (26) u għalhekk ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-iskop tat-trasferiment kif ukoll il-fatt li dan “[kien] isir f’kuntest stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi”, minkejja li d-data kienet miġbura u ttrasferita minn operaturi privati (27).

50.      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li, fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (28), il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment qieset is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill bħala mhux trasponibbli fil-kuntest tar-RĠPD (29).

51.      Barra minn hekk, fil-punt 102 tas-sentenza La Quadrature du Net (30), b’applikazzjoni b’analoġija tar-raġunament segwit fis-sentenzi Tele2 Sverige u tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (31), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, “għalkemm [ir-RĠPD] jispjega, fl-Artikolu 2(2)(d) tiegħu, li ma japplikax għall-ipproċessar imwettaq ‘mill-awtoritajiet kompetenti’ għal finijiet, b’mod partikolari, ta’ prevenzjoni u ta’ skoperta ta’ reati kriminali, inkluż il-protezzjoni kontra theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni ta’ tali theddid, mill‑Artikolu 23(1)(d) u (h) tal-istess regolament jirriżulta li l‑ipproċessar ta’ data personali għal dawn l-istess raġunijiet minn individwi jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament” (32).

52.      Għar-raġunijiet diġà esposti, jiena persważ li l-konklużjoni li skontha t-trasferiment tad-data PNR mill-kumpanniji tat-trasport u mill-operaturi tal-ivvjaġġar lill-PIU jaqa’ taħt ir-RĠPD tirriżulta diġà b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD, li jirreferi biss għall-ipproċessar imwettaq minn “awtoritajiet kompetenti”, mingħajr ma jkun neċessarju li jsir riferiment għall-klawżola ta’ limitazzjoni li tinsab fl-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament (33). Madankollu, l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 102 tas-sentenza La Quadrature du Net tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni ċara mill-Qorti tal-Ġustizzja favur tali konklużjoni.

53.      Peress li t-trasferiment tad-data PNR mill-kumpanniji tat-trasport u mill-operaturi tal-ivvjaġġar jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-Liġi PNR, li tobbliga lil dawn il-kumpanniji u lil dawn l-operaturi jwettqu tali trasferiment, tikkostitwixxi “miżura leġiżlattiva” skont l-Artikolu 23(1)(d) tar-RĠPD u għandha, għaldaqstant, tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni (34).

54.      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-ipproċessar tad-data PNR imwettaq mill-PIU u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-applikabbiltà tar-RĠPD tiddependi, kif jirriżulta mill-iżviluppi preċedenti, mill-iskopijiet li dan l-ipproċessar ifittex.

55.      Għalhekk, l-ewwel, l-ipproċessar ta’ data PNR imwettaq mill-PIU u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-iskopijiet elenkati fl-Artikolu 8(1)(1) sa (3) u (5) tal-Liġi PNR (35), huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-RĠPD sa fejn, kif jidher li huwa l-każ, l-imsemmija skopijiet jaqgħu fost dawk koperti mill-klawżola ta’ esklużjoni inkluża fl-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD. Il-protezzjoni tad-data tal-persuni kkonċernati minn dan l-ipproċessar taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Pulizija (36) u, fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, taħt id-Direttiva PNR.

56.      It-tieni, l-istess japplika għall-ipproċessar tad-data PNR imwettaq mill-PIU u mis-servizzi tas-sigurtà u tal-intelliġenza fil-kuntest tal-monitoraġġ tal-attivitajiet imsemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Bażika tas-Servizzi tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà elenkati fl-Artikolu 8(1)(4) tal-Liġi PNR, sa fejn dan jissodisfa l-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

57.      Il-Gvern Belġjan isostni li l-ipproċessar mwettaq skont l-Artikolu 8(1)(4) tal-Liġi PNR jaqa’ fi kwalunkwe każ taħt il-klawżola ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD, kif ukoll taħt dik prevista mill-Artikolu 2(3)(a) tad-Direttiva tal-Pulizija, peress li l-attivitajiet tas-servizzi tas-sigurtà u tal-intelliġenza ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

58.      F’dan ir-rigward, filwaqt li nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex adita b’domanda intiża għall-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ninnota, qabelxejn, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligi ta’ pproċessar fuq operaturi privati taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, anki meta hija tkun intiża għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali (37). Minn dan isegwi li t-trasferiment tad-data PNR impost mil-Liġi PNR fuq it-trasportaturi u fuq l-operaturi tal-ivvjaġġar jaqa’ bħala prinċipju taħt ir-RĠPD anki meta dan isir għall-finijiet tal-Artikolu 8(1)(4) ta’ din il-liġi.

59.      Sussegwentement, nirrileva li, għalkemm il-premessa 16 tar-RĠPD tipprovdi li dan ma japplikax għall-“attivitajiet rigward is-sigurtà nazzjonali” u l-premessa 14 tad-Direttiva tal-Pulizija tippreċiża li “attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà nazzjonali, attivitajiet ta’ aġenziji jew unitajiet li jittrattaw kwistjonijiet ta' sigurtà nazzjonali [] ma għandhomx jitqiesu bħala attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva” il-kriterji li abbażi tagħhom ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn awtorità, servizz jew aġenzija pubbliċi ta’ Stat Membru jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att jew ieħor tad-dritt tal-Unjoni li jorganizza l-protezzjoni tal-persuni kkonċernati fir-rigward ta’ tali ipproċessar jew jinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt jissodisfaw loġika marbuta kemm mal-funzjonijiet attribwiti lil din l-awtorità, lil dan is-servizz jew lil din l-aġenzija kif ukoll mal-iskopijiet tal-imsemmi ipproċessar. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD, moqri fid-dawl tal-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, “għandu jitqies li għandu l-uniku għan li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-awtoritajiet statali fil-kuntest ta’ attività intiża li tippreżerva s-sigurtà nazzjonali jew attività li tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija, b’tali mod li s-sempliċi fatt li attività tkun speċifika għall-Istat jew għal awtorità pubblika ma huwiex biżżejjed sabiex din l-eċċezzjoni tkun applikabbli awtomatikament għal tali attività” (38). Il-Qorti tal-Ġustizzja ippreċiżat ukoll li “[l]-attivitajiet li għandhom bħala għan li jippreżervaw is-sigurtà nazzjonali msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tar-RĠPD ikopru, b’mod partikolari, [...] dawk li għandhom l-għan li jipproteġu l-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u l-interessi fundamentali tas-soċjetà” (39). Minn dan jirriżulta li, fil-każ li Stat Membru jinkariga lis-Servizzi tas-Sigurtà u tal-Informazzjoni tiegħu b’kompiti fl-oqsma elenkati fil-punt 7(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Pulizija, l-ipproċessar ta’ data mwettaq minn dawn is-servizzi għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kif ukoll, jekk ikun il-każ, tad-Direttiva PNR. B’mod iktar ġenerali, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) TUE, li fuqu jistrieħ fost oħrajn il-Gvern Belġjan, li s-sempliċi fatt li miżura nazzjonali tkun ittieħdet għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ma jistax iwassal għall-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u jeżenta lill-Istati Membri mill-osservanza neċessarja ta’ dan id-dritt (40), u għalhekk tidher riluttanti fir-rigward ta’ esklużjoni awtomatika u f’daqqa mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tal-attivitajiet tal-Istati Membri marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

60.      It-tielet, konformement mal-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Franċiż, għandu jitqies li l-ipproċessar tad-data PNR imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti Belġjani għall-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) tal-Liġi PNR, jiġifieri għall-finijiet “tat-titjib tal-kontrolli tal-persuni fil-fruntieri esterni u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali” (41) ma jaqax taħt il-klawżola ta’ esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2)(d) tar-RĠPD, u lanqas taħt kawża oħra ta’ esklużjoni prevista f’dan l-artikolu u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, l-imsemmi pproċessar ma jistax jiġi rregolat mid-Direttiva PNR, li l-Artikolu 1(2) tagħha jistabbilixxi li “[i]d-data tal-PNR miġbura f’konformità ma’ din id-Direttiva tista’ tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja”, u lanqas, bħala prinċipju, mid-Direttiva tal-Pulizija, li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, tapplika biss għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti “għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 8(2) tal-Liġi PNR u l-Kapitolu 11 ta’ din il-liġi, li fih id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar tad-data PNR għall-finijiet tat-titjib tal-kontroll fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, u li għal dan il-għan jipprevedi t-trasferiment ta’ din id-data mill-PIU b’mod partikolari lid-dipartimenti tal-pulizija responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri, huma intiżi li jittrasponu d-Direttiva API u d-Direttiva 2010/65 fid-dritt Belġjan. Issa, dawn iż-żewġ direttivi jimponu lill-awtoritajiet kompetenti, għall-ipproċessar li huma jipprevedu, josservaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 (42). Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, ir-riferiment għar-regoli protettivi ta’ din id-direttiva għandu jinftiehem bħala li jkopri kull ipproċessar ta’ data personali mwettaq fuq il-bażi tad-Direttiva API u tad-Direttiva 2010/65. Il-fatt li d-Direttiva API hija preċedenti għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977 huwa irrilevanti f’dan ir-rigward peress li din id-deċiżjoni qafas, kif ukoll id-Direttiva tal-Pulizija li ssostitwitha, jirrigwardaw biss l-ipproċessar ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva API, imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi (43).

61.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 23 tar-RĠPD, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        li dan japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva PNR sa fejn din il-leġiżlazzjoni tirregola l-ipproċessar tad-data PNR imwettaq mit-trasportaturi u minn operaturi ekonomiċi oħra, inkluż it-trasferiment ta’ data PNR lill-PIU, previst fl-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva;

–        li dan ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva PNR sa fejn din tirregola l-ipproċessar ta’ data mwettaq għall-iskopijiet previsti fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi l-PIU u, jekk ikun il-każ, is-servizzi tas-sigurtà u tal-intelliġenza tal-Istat Membru kkonċernat;

–        li dan japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva API u d-Direttiva 2010/65 għall-finijiet tat-titjib tal-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

B.      Fuq ittieni, ittielet, irraba’, issitt u ttmien domanda preliminari

62.      Permezz tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’ u tas-sitt domanda preliminari tagħha, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-Direttiva PNR fir-rigward tal-Artikoli 7, 8 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. It-tmien domanda preliminari, għalkemm hija fformulata bħala domanda ta’ interpretazzjoni, hija intiża, hija wkoll, essenzjalment, li tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja deċiżjoni dwar il-validità ta’ din id-direttiva.

63.      Dawn id-domandi jirrigwardaw l-elementi differenti tas-sistema ta’ pproċessar tad-data PNR stabbilita mid-Direttiva PNR u jitolbu, fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi, evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-legalità tal-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Għalhekk, it-tieni u t-tielet domanda preliminari jirrigwardaw il-katalogu tad-data PNR li jinsab fl-Anness I, ir-raba’ waħda tirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “passiġġier” imsemmi fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva PNR, is-sitt waħda tirrigwarda l-użu tad-data PNR għall-finijiet tal-evalwazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva u t-tmien waħda tikkonċerna l-perijodu ta’ żamma tad-data PNR previst fl-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva.

1.      Fuq iddrittijiet fundamentali stabbiliti flArtikoli 7 u 8 talKarta

64.      L-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha. Fir-rigward tal-Artikolu 8(1) tal-Karta, dan jirrikonoxxi espliċitament lil kull persuna d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha. Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn id-drittijiet, li huma relatati ma’ kull informazzjoni li tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, huma marbuta mill-qrib, peress li l-aċċess għal data personali ta’ persuna fiżika bil-għan li din tinżamm jew tintuża jaffettwa d-dritt ta’ din il-persuna għar-rispett tal-ħajja privata (44).

65.      Madankollu, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jidhrux li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (45). L-Artikolu 8(2) tal-Karta għaldaqstant jawtorizza l-ipproċessar ta’ data personali jekk ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li d-data personali għandha tiġi pproċessata “b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi”.

66.      Barra minn hekk, kull limitazzjoni għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll għad-dritt għall-ħajja privata, għandha tosserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Għalhekk, tali limitazzjoni għandha tkun prevista mil-liġi, tosserva l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u effettivament tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

67.      L-evalwazzjoni ta’ miżura li tillimita l-imsemmija drittijiet għandha tikkunsidra wkoll l-importanza tad-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 3, 4, 6 u 7 tal-Karta u dik tal-għanijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja fil-kontribut għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn (46). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna mhux biss għal-libertà, iżda wkoll għas-sigurtà (47).

68.      Barra minn hekk, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet stabbiliti fiha u d-drittijiet korrispondenti garantiti mill-KEDB, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala livell ta’ protezzjoni minima (48). Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, jikkorrispondi għal dak iggarantit fl-Artikolu 8 tal-KEDB u, għalhekk, għandu jingħata l-istess tifsira u l-istess portata (49). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) jirriżulta li indħil fid-drittijiet iggarantiti minn dan l-artikolu jista’ jiġi ġġustifikat taħt il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu biss jekk dan ikun previst mil-liġi, ikun intiż għal wieħed jew iktar mill-għanijiet leġittimi elenkati f’dan il-paragrafu u jkun meħtieġ, f’soċjetà demokratika, sabiex jintlaħqu dan jew dawn l-għanijiet (50). Il-miżura għandha wkoll tkun kompatibbli mal-preeminenza tad-dritt, imsemmija espressament fil-preambolu tal-KEDB u inerenti għas-suġġett u l-għan tal-Artikolu 8 (51).

69.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati d-domandi għal evalwazzjoni tal-validità magħmula mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali).

2.      Fuq lindħil fiddrittijiet fundamentali stabbiliti flArtikoli 7 u 8 talKarta

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dispożizzjonijiet li jimponu jew jippermettu l-komunikazzjoni ta’ data personali ta’ persuni fiżiċi lil terzi, bħal awtorità pubblika, għandhom jiġu kklassifikati, fl-assenza tal-kunsens ta’ dawn il-persuni fiżiċi u irrispettivament mill-użu ulterjuri tad-data inkwistjoni, bħala ndħil fil-ħajja privata tagħhom u, għaldaqstant, bħala limitazzjoni għad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, bla ħsara għall-eventwali ġustifikazzjoni tagħhom (52). Dan huwa l-każ anki fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi li jippermettu li tali indħil jiġi kklassifikat bħala “serju” u irrispettivament minn jekk l-informazzjoni dwar il-ħajja privata kkonċernata hijiex ta’ natura sensittiva jew le jew jekk il-persuni kkonċernati sofrewx inkonvenjenti eventwali kkawżati minn tali indħil jew le (53). L-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għal tali informazzjoni jikkostitwixxi wkoll indħil fid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta, peress li dan jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali (54). Bl-istess mod, iż-żamma, għal ċertu żmien, ta’ data relatata mal-ħajja privata ta’ persuna tikkostitwixxi fiha nnifisha indħil fid-drittijiet garantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (55).

71.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll li d-data PNR, bħal dik elenkata fl-Anness I, tinkludi informazzjoni dwar persuni fiżiċi identifikati, jiġifieri l-passiġġieri tal-ajru kkonċernati, u li, għalhekk, l-ipproċessar differenti li għalih tista’ tkun suġġetta din id-data jaffettwa d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta. Dan l-ipproċessar jaqa’ wkoll taħt l-Artikolu 8 tal-Karta u għandu, sussegwentement, neċessarjament jissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data previsti f’dan l-artikolu (56).

72.      Għalhekk, l-ipproċessar tad-data PNR li tippermetti d-Direttiva PNR u, b’mod partikolari, għal dak li huwa ta’ interess għall-finijiet ta’ din il-kawża, it-trasferiment ta’ din id-data mit-trasportaturi tal-ajru lill-PIU, l-użu tagħha minn dawn l-unitajiet, it-trasferiment sussegwenti tagħha lejn awtoritajiet nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, kif ukoll iż-żamma tagħha jikkostitwixxu wkoll indħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

73.      Fir-rigward tal-gravità ta’ dan l-indħil, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li d-Direttiva PNR tipprovdi għat-trasferiment sistematiku u kontinwu lill-PIU tad-data PNR ta’ kull passiġġier tal-ajru, hekk kif iddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, li jaqbad titjira “barra l-UE” fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tagħha. Tali trasferiment jimplika aċċess ġenerali min-naħa tal-PIU għad-data PNR kollha ikkomunikata (57). Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata, kuntrarjament għal dak li jsostnu ċerti Stati Membri fil-kawża preżenti, mill-fatt li, peress li din id-data hija suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat, il-PIU jkollhom konkretament aċċess biss għad-data li l-analiżi tagħha tkun ipproduċiet riżultat pożittiv. Fil-fatt, minn naħa, tali fatt, sal-lum, ma pprekludiex lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddikjara, fil-kuntest ta’ sistemi simili ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data personali miġbura jew miżmuma “bl-ingrossa”, in-natura ġenerali tal-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati għal tali data. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ data personali bil-għan tal-ipproċessar u taż-żamma tagħha minn dawn l-awtoritajiet jimplika aċċess a priori ġenerali u komplet tagħhom għal tali data u ndħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali.

74.      It-tieni, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva PNR, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din tal-aħħar għat-titjiriet “ġewwa l-UE” fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tagħha. F’dan ir-rigward, nirrileva, minn naħa, li d-Direttiva PNR ma tillimitax ruħha li tipprevedi l-għażla għall-Istati Membri li jestendu l-applikazzjoni tagħha għat-titjiriet ġewwa l-UE, iżda tiddetermina wkoll il-kundizzjonijiet, kemm formali kif ukoll sostantivi li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ din l-għażla (58) u tispeċifika li, meta din tiġi eżerċitata biss għal ċerti titjiriet ġewwa l-UE, l-għażla ta’ dawn it-titjiriet għandha ssir b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet segwiti mill-imsemmija direttiva (59). Min-naħa l-oħra, id-Direttiva PNR tistabbilixxi l-konsegwenzi tal-eżerċizzju ta’ tali għażla, billi tipprovdi, fl-Artikolu 2(2) tagħha, li, meta Stat Membru jiddeċiedi li japplika din id-direttiva għat-titjiriet ġewwa l-UE, id-dispożizzjonijiet kollha tagħha “japplikaw għal titjiriet ġewwa l-UE daqslikieku kienu titjiriet barra l-UE u għal data tal-PNR minn titjiriet ġewwa l-UE daqslikieku kienu data tal-PNR minn titjiriet barra l-UE”.

75.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni, kuntrarjament għal dak li sostnew ċertu numru ta’ gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura li, għalkemm l-applikazzjoni tad-Direttiva PNR għat-titjiriet ġewwa l-UE tiddependi mill-għażla tal-Istati Membri, il-bażi legali tal-indħil fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali marbut mat-trasferiment, l-ipproċessar u ż-żamma tad-data PNR relatata ma’ dawn it-titjiriet hija kkostitwita, meta tali għażla ssir, mid-Direttiva PNR.

76.      Issa, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, li ma huwiex suġġett għal din id-direttiva (60), kważi l-Istati Membri kollha japplikaw is-sistema stabbilita minnha għat-titjiriet “ġewwa l-UE” (61). Minn dan isegwi li din is-sistema tapplika għat-titjiriet kollha li jidħlu u joħorġu mill-Unjoni kif ukoll għal kważi t-titjiriet kollha operati fi ħdan l-Unjoni.

77.      It-tielet, fir-rigward tad-data PNR li għandha tiġi ttrasferita, l-Anness I jelenka 19‑il taqsima, li jkopru data bijografika (62), id-dettalji tal-vjaġġ bl-ajru (63) u data oħra miġbura fil-kuntest tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, bħan-numru tat-telefon, l-indirizz elettroniku, il-metodi ta’ ħlas, l-aġenzija jew l-aġent tal-ivvjaġġar, l-informazzjoni dwar il-bagalji kif ukoll kummenti ġenerali (64). Issa, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 128 tal-Opinjoni 1/15, hija u tiddeċiedi fuq it-taqsimiet li jinsabu fl-Anness tal-Abbozz ta’ Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (iktar ’il quddiem l-“Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE”), ifformulati b’mod ferm analogu għal dawk tal-Anness I, “anki jekk ċerta data PNR, meħuda waħedha, ma tidhirx li tista’ tiżvela informazzjoni importanti dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, jibqa’ l-fatt li, meħuda kumplessivament, l-imsemmija data tista’, inter alia, tiżvela itinerarju ta’ vjaġġ sħiħ, drawwiet ta’ vvjaġġar, relazzjonijiet eżistenti bejn żewġ persuni jew iktar kif ukoll informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-passiġġieri tal-ajru, id-drawwiet tal-ikel tagħhom jew l-istat ta’ saħħa tagħhom, u tista’ wkoll tipprovdi informazzjoni sensittiva dwar dawn il-passiġġieri”.

78.      Ir-raba’, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva PNR, id-data ttrasferita mit-trasportaturi tal-ajru hija intiża li tiġi analizzata mill-PIU b’mezzi awtomatizzati u dan b’mod sistematiku, jiġifieri, indipendentement mill-punt dwar jekk hemmx l-iċken indikazzjoni li l-persuni kkonċernati jinsabu f’riskju li jkunu involuti f’reati ta’ terroriżmu jew kriminalità serja. B’mod iktar partikolari, fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri prevista fl-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva u konformement mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, l-imsemmija data tista’ tiġi vverifikata permezz ta’ tqabbil ma’ databases “rilevanti” (Artikolu 6(3)(a)) u pproċessata fir-rigward ta’ kriterji stabbiliti minn qabel (Artikolu 6(3)(b)). Issa, l-ewwel tip ta’ pproċessar jista’ jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati (65) u, skont id-databases użati għat-tqabbil, jista’ anki jippermetti li jiġi traċċat profil preċiż ta’ dawn il-persuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oġġezzjoni mqajma minn diversi gvernijiet, li d-Direttiva PNR tippermetti l-aċċess biss għal ġabra ta’ data personali relattivament limitata ma tirriflettix b’mod adegwat il-portata potenzjali tal-indħil li din id-direttiva tinvolvi fid-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, mill-perspettiva tal-portata tad-data li għaliha hija tista’ tippermetti l-aċċess. Fir-rigward tat-tieni tip ta’ pproċessar ta’ data, previst fl-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva PNR, infakkar li, fil-punti 169 u 172 tal-Opinjoni 1/15, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huwa inerenti għal kull tip ta’ analiżi bbażata fuq kriterji stabbiliti minn qabel li jkollha ċertu marġni ta’ żball, u b’mod partikolari ċertu numru ta’ riżultati “pożittivi foloz”. Skont id-data ċifrata li tinsab fid-dokument tax-xogħol tad-dipartimenti tal-Kummissjoni (66) (iktar ’il quddiem id-“dokument tax-xogħol tal‑2020”) anness mar-rapport tal-Kummissjoni tal‑2020, in-numru ta’ każijiet ta’ konkordanzi pożittivi li kienu, wara l-eżami mill-ġdid individwali previst fl-Artikolu 6(5) tad-Direttiva PNR, irriżultaw żbaljati huwa pjuttost sostanzjali u kien jammonta, matul is-snin 2018 u 2019, għal mill-inqas ħamsa minn sitt persuni identifikati (67).

79.      Il-ħames, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva PNR, id-data PNR tinżamm f’database għal perijodu ta’ ħames snin wara t-trasferiment tagħha lill-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-punt tal-wasla jew tat-tluq tat-titjira. Id-Direttiva PNR tippermetti, għalhekk, id-dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar il-ħajja privata tal-passiġġieri tal-ajru għal perijodu partikolarment twil (68). Barra minn hekk, peress li t-trasferiment tad-data PNR jikkonċerna kważi t-titjiriet kollha operati bi tluq mill-Unjoni u bi dħul fl-Unjoni kif ukoll fi ħdanha u peress li l-ajruplan sar mezz ta’ trasport pjuttost abitwali, parti sinjifikattiva tal-passiġġieri tal-ajru jistgħu jkollhom id-data personali tagħhom miżmuma b’mod prattikament permanenti, minħabba s-sempliċi fatt li huma jivvjaġġaw bl-ajruplan tal-inqas darbtejn kull ħames snin.

80.      Fl-aħħar, fuq livell iktar ġenerali, id-Direttiva PNR tipprevedi miżuri li, ikkunsidrati globalment , huma intiżi li jistabbilixxu fil-livell tal-Unjoni sistema ta’ sorveljanza “mhux immirata”, jiġifieri mhux attivata fuq il-bażi ta’ suspett fir-rigward ta’ persuna waħda jew iktar speċifiċi, “massiva”, fis-sens li hija eżerċitata fuq id-data personali ta’ numru kbir ta’ individwi (69), li tkopri l-istess kategorija ta’ persuni fl-intier tagħha (70) u “proattiva”, safejn hija timmira mhux biss li tinvestiga theddid magħruf, iżda wkoll sabiex issib jew tidentifika perikli preċedentament mhux magħrufa (71). Tali miżuri jagħtu lok, min-natura tagħhom stess, għal indħil serju fid-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (72), marbut b’mod partikolari mal-għan preventiv u predikattiv tagħhom, li jeħtieġ l-evalwazzjoni ta’ data personali dwar partijiet kbar tal-popolazzjoni, peress li l-għan huwa li “jiġu identifikati” il-persuni li, skont ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom ikunu suġġetti għal eżami iktar fil-fond mill-awtoritajiet kompetenti (73). Barra minn hekk, l-użu dejjem iktar iġġeneralizzat, għal finijiet ta’ prevenzjoni ta’ ċertu kriminalità serja, tal-ipproċessar ta’ kwantitajiet kbar ta’ data personali ta’ natura differenti miġbura “bl-ingrossa”, kif ukoll il-konnessjoni tagħha u l-ipproċessar flimkien tagħha, iwasslu għal “effett kumulattiv” li jamplifika l-gravità tal-limitazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali u joħloq ir-riskju li jiġi ffavorit proċess ta’ tressiq gradwali lejn “soċjetà ta’ sorveljanza” (74).

81.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, inqis li l-indħil li tinvolvi d-Direttiva PNR fid-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandu tal-inqas jiġi kklassifikat bħala “serju”.

82.      Huwa minnu, kif issostni, b’mod partikolari, il-Kummissjoni, li l-garanziji u s-salvagwardji kollha li d-Direttiva PNR tipprevedi, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat użu abbużiv tad-data PNR, jistgħu jnaqqsu l-intensità jew il-gravità ta’ dan l-indħil. Xorta jibqa’ l-fatt li kull sistema li tipprevedi l-aċċess u l-ipproċessar ta’ data personali min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi għandha livell ta’ gravità, mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali affettwati, li huwa inerenti għall-karatteristiċi oġġettivi tagħha. Dan il-livell ta’ gravità għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi ddeterminat qabel ma ssir, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-imsemmi ndħil, l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti u adegwata tal-garanziji li din is-sistema tipprevedi. Huwa b’dan il-mod li jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet sal-lum.

83.      Sabiex ikun kompatibbli mal-Karta, l-indħil li d-Direttiva PNR tinvolvi fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 65 u 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li ser jiġi eżaminat iktar ’il quddiem fil-limiti tal-aspetti li tressqu għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju.

3.      Fuq ilġustifikazzjoni talindħil li jirriżulta mid-Direttiva PNR

84.      Filwaqt li t-tielet domanda preliminari tirrigwarda l-osservanza tal-kundizzjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li tipprovdi li kull indħil fi dritt fundamentali għandu jkun “previst mil-liġi”, it-tieni, ir-raba’, is-sitt u t-tmien domanda preliminari jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, imsemmi fit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

a)      Fuq losservanza tarrekwiżit li kull limitazzjoni għalleżerċizzju ta’ dritt fundamentali previst millKarta għandha tkun prevista milliġi 

85.      Skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja (75), ispirata mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (76), ir-rekwiżit li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali għandha tkun “prevista mil-liġi” ma jkoprix biss l-oriġini “legali” tal-indħil — li ma huwiex inkwistjoni f’din il-kawża — , iżda jimplika wkoll li l-bażi legali li tippermetti dan l-indħil għandha tiddefinixxi hija stess, b’mod ċar u preċiż, il-portata tiegħu. Peress li tirrigwarda l-“kwalità tal-liġi” u, għalhekk, l-aċċessibbiltà u l-prevedibbiltà tal-miżura inkwistjoni (77), din it-tieni parti li tkopri l-espressjoni “prevista mil-liġi” fis-sens kemm tal-Artikolu 52(1) tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 8(2) tagħha u tal-Artikolu 8 tal-KEDB ma hijiex intiża biss li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità u protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà (78), iżda tissodisfa wkoll rekwiżit ta’ ċertezza legali. Dan ir-rekwiżit huwa kkonfermat ukoll fl-opinjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2016 tal-Kumitat Konsultattiv tal-Konvenzjoni 108 (79) dwar l-implikazzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tad-data tal-ipproċessar tad-data tal-passiġġieri (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2016”) (80).

86.      Bl-adozzjoni tad-Direttiva PNR, il-leġiżlatur tal-Unjoni stess illimita d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. L-indħil li din id-direttiva tippermetti fl-imsemmija drittijiet ma jistax għalhekk jitqies li huwa l-konsegwenza tal-għażla tal-Istati Membri (81), minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni li dawn tal-aħħar setgħu jibbenefikaw minnu fil-mument tat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, iżda għandu l-bażi legali tiegħu fid-Direttiva PNR stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien il-leġiżlatur tal-Unjoni, sabiex jikkonforma ruħu mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll mal-“[i]standards għoljin” ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jinsabu b’mod partikolari fil-Karta u fil-KEDB li għalihom tirreferi l-premessa 15 tad-Direttiva PNR, li kellu jistabbilixxi regoli ċari u preċiżi li jiddefinixxu kemm il-portata kif ukoll l-applikazzjoni tal-miżuri li jinvolvu l-imsemmi ndħil.

87.      Għalkemm, permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi speċifikament dwar l-osservanza ta’ dan l-obbligu fir-rigward tal-punti 12 u 18 tal-Anness I, l-eżami tat-tieni, tar-raba’ u tas-sitt domanda preliminari, li permezz tagħhom din il-qorti tqajjem dubji dwar in-natura neċessarja tal-indħil li tinvolvi d-Direttiva PNR fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 7 u 8 tal-Karta, jeħtieġ ukoll li tittieħed pożizzjoni dwar in-natura suffiċjentement ċara u preċiża tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR ikkontestati.

88.      Minkejja li din l-analiżi tirrigwarda, kif esponejt fil-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-legalità tal-indħil, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ser nipproċedi għaliha fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tiegħu, imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1), konformement mal-approċċ segwit kemm mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Qorti EDB fil-kawżi li jirrigwardaw miżuri li għandhom bħala suġġett l-ipproċessar ta’ data personali (82).

b)      Fuq losservanza talkontenut essenzjali taddrittijiet stabbiliti flArtikoli 7 u 8 talKarta

89.      Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha mhux biss tkun ibbażata fuq bażi legali suffiċjentement preċiża, iżda għandha tosserva wkoll il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet.

90.      Kif spjegajt fil-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ir-rekwiżit – li jinsab inkorporat fil-kostituzzjonijiet ta’ diversi Stati Membri (83), u li, għalkemm ma huwiex espressament irrikonoxxut mill-KEDB, huwa madankollu stabbilit sew fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (84) – huwa stabbilit fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (85). Tali rekwiżit, irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja ferm qabel il-kodifikazzjoni tiegħu (86), ġie kontinwament affermat mill-ġdid fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, anki wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

91.      Jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (87), li n-nuqqas ta’ osservanza tal-kontenut essenzjali ta’ dritt fundamentali minn att tal-Unjoni jwassal b’mod awtomatiku għan-nullità jew għall-invalidità tiegħu, mingħajr ma jkun neċessarju li jsir bilanċ bejn l-interessi involuti. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tirrikonoxxi li kull dritt fundamentali għandu “qalba iebsa”, li tiggarantixxi lil kulħadd sfera ta’ libertà ħielsa minn kull indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u li ma tistax tkun suġġetta għal limitazzjonijiet (88), ħlief sabiex jiġu kkontestati l-prinċipji demokratiċi, tal-Istat tad-dritt u tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem li fuqhom hija bbażata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, b’mod partikolari, mis-sentenza Schrems I, jirriżulta li l-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ndħil fil-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni għandha ssir qabel u indipendentement mill-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura kkontestata. Fi kliem ieħor, dan huwa test li għandu awtonomija tiegħu stess.

92.      Madankollu, id-determinazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi l-“kontenut essenzjali”, u, għaldaqstant, li ma jistax jintmiss, ta’ dritt fundamentali li jista’ jiġi limitat fl-eżerċizzju tiegħu hija operazzjoni kumplessa ħafna. Jekk, sabiex jaqdi l-funzjoni tiegħu, dan il-kunċett għandu jkun jista’ jiġi ddefinit f’termini assoluti, fid-dawl tal-karatteristiċi essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni, tal-interessi suġġettivi u oġġettivi li huwa intiż li jipproteġi, u, b’mod iktar ġenerali, tal-funzjoni tiegħu f’soċjetà demokratika bbażata fuq ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem (89), fil-prattika tali operazzjoni tirriżulta kważi impossibbli, tal-inqas mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji li normalment jintużaw fl-eżami tal-proporzjonalità tal-indħil fid-dritt inkwistjoni, bħall-gravità ta’ dan l-indħil, il-portata tiegħu jew id-dimensjoni ratione temporis tiegħu u, għalhekk, mingħajr ma jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull każ inkwistjoni.

93.      Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss l-importanza li għandu, għas-saħħa mentali u fiżika ta’ kull individwu, għall-benesseri tiegħu, għall-awtonomija tiegħu, għall-iżvilupp personali tiegħu, għall-kapaċità tiegħu li jibni u li jikkoltiva relazzjonijiet soċjali, il-fatt li wieħed ikollu sfera privata li fiha jiżviluppa l-interjorità personali tiegħu, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll ir-rwol li għandu dan id-dritt sabiex jiġu ppreżervati drittijiet u libertajiet oħra, bħalma huma, b’mod partikolari, il-libertajiet tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon, tal-espressjoni, tal-informazzjoni, li t-tgawdija sħiħa tagħhom tippreżupponi r-rikonoxximent ta’ sfera ta’ intimità. B’mod iktar ġenerali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni li jwettaq f’soċjetà demokratika r-rispett tad-dritt għall-ħajja privata (90). Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tevalwa l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt billi tikkunsidra kemm l-intensità kif ukoll il-portata tal-indħil, fatt li jwassal sabiex jitqies li tali preġudizzju huwa ddefinit pjuttost kwantitattivament milli kwalitattivament. Għalhekk, minn naħa, fis-sentenza Digital Rights, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment qieset li l-obbligu ta’ żamma tad-data impost mid-Direttiva 2006/24/KE (91) ma kienx jilħaq livell ta’ gravità tali li din taffettwa l-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, peress li din ma kinitx tippermetti li “tittieħed konjizzjoni tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħala tali” (92). Min-naħa l-oħra, fl-Opinjoni 1/15, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment qieset li limitazzjoni limitata għal ċerti aspetti biss tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati ma setgħetx tagħti lok għal indħil fil-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt fundamentali (93)

94.      Fir-rigward tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tikkunsidra li l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt huwa ppreżervat meta l-miżura li tistabbilixxi l-indħil tillimita l-iskopijiet tal-ipproċessar u tipprevedi regoli li jiżguraw is-sigurtà tad-data msemmija, b’mod partikolari kontra l-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf jew it-tibdil aċċidentali (94).

95.      F’din il-kawża, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma semmietx b’mod espliċitu r-rekwiżit ta’ osservanza tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, il-kwistjoni tal-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit hija, fl-opinjoni tiegħi, sottostanti għar-raba’ u għas-sitt domanda preliminari. Din hija r-raġuni għalfejn nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tindirizzaha.

96.      F’dan ir-rigward, infakkar li, fil-punt 150 tal-Opinjoni 1/15, filwaqt li rrikonoxxiet li d-data PNR “tista’, jekk ikun il-każ, tiżvela informazzjoni preċiża ħafna dwar il-ħajja privata ta’ persuna” (95) u li din l-informazzjoni tista’ tiżvela, direttament jew indirettament, data sensittiva tal-persuna kkonċernata (96), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkonkludiet, fir-rigward tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE, li, peress li “in-natura ta’ din l-informazzjoni [kienet] limitata għal ċerti aspetti ta’ din il-ħajja privata, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-vjaġġi bl-ajru bejn il-Kanada u l-Unjoni”, il-ksur tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata ma kienx tali li jaffettwa l-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt.

97.      Issa, apparti l-fatt li d-data PNR koperta mill-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE kellha tiġi ttrasferita lejn Stat terz u li l-ipproċessar ulterjuri tagħha kellu jsir mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat terz fit-territorju tiegħu, l-indħil fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata li jirriżulta mill-imsemmi abbozz ta’ ftehim u dak previst mid-Direttiva PNR huwa, fir-rigward tan-natura tiegħu, ferm koinċidenti. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tad-data PNR ikkonċernata, tan-natura sistematika u ġġeneralizzata tat-trasferiment u tal-ipproċessar ta’ din id-data, tan-natura awtomatizzata tiegħu kif ukoll taż-żamma tal-imsemmija data. Għall-kuntrarju, dak li jiddistingwi ż-żewġ kawżi huwa, sabiex ngħid hekk, il-“kopertura ġeografika” ta’ dan l-indħil. Fil-fatt, kif indikajt fil-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ipproċessar tad-data inkwistjoni f’din il-kawża ma huwiex limitat għall-kollegamenti tal-ajru ma’ pajjiż terz wieħed, bħalma kien il-każ fl-Opinjoni 1/15, iżda jirrigwarda kważi t-titjiriet kollha li jidħlu u joħorġu mill-Unjoni u operati fi ħdanha. Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE, id-Direttiva PNR timponi l-ipproċessar sistematiku ta’ numru kunsiderevolment ħafna ikbar ta’ passiġġieri tal-ajru, li jivvjaġġaw bl-ajruplan ġewwa u barra mill-Unjoni. Barra minn hekk, fid-dawl taż-żieda fil-volum tad-data pproċessata kif ukoll tal-frekwenza li biha din tinġabar, l-ipproċessar tagħha probabbilment jista’ jipprovdi informazzjoni kemm iktar preċiża kif ukoll iktar ampja fuq il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati (drawwiet tal-ivvjaġġar, relazzjonijiet personali, sitwazzjonijiet finanzjarji, eċċ.).

98.      Xorta jibqa’ l-fatt li, bħalma kien il-każ fl-Opinjoni 1/15, din l-informazzjoni, ikkunsidrata b’mod iżolat, tirrigwarda biss ċerti aspetti tal-ħajja privata, marbuta mal-vjaġġi bl-ajru. Issa, fid-dawl tan-neċessità li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “kontenut essenzjali” tad-drittijiet fundamentali b’mod restrittiv, sabiex dan iżomm il-funzjoni tiegħu ta’ devjazzjoni kontra l-attakki fuq is-sustanza stess ta’ dawn id-drittijiet, jiena tal-opinjoni li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 150 tal-Opinjoni 1/15 tista’ tiġi trasposta għal din il-kawża.

99.      Fl-Opinjoni 1/15, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet ukoll preġudizzju għall-kontenut essenzjali tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (97). Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni hija wkoll trasponibbli għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Fil-fatt, bħalma kien il-każ tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE, id-Direttiva PNR tillimita, fl-Artikolu 1(2) tagħha, l-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data PNR. Barra minn hekk, din id-direttiva kif ukoll l-atti l-oħra tal-Unjoni li għalihom tirreferi, b’mod partikolari r-RĠPD u d-Direttiva tal-Pulizija, jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi li jiżguraw, b’mod partikolari, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità ta’ din id-data, kif ukoll li jipproteġuha kontra l-aċċess u l-ipproċessar illegali. Għalkemm ma jistax jitqies li leġiżlazzjoni bħal dik prevista mid-Direttiva PNR tolqot il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, xorta jibqa’ l-fatt li din għandha tkun suġġetta għal stħarriġ strett u rigoruż tal-proporzjonalità tagħha.

c)      Fuq losservanza tarrekwiżit li lindħil għandu jissodisfa għan ta’ interess ġenerali

100. Id-Direttiva PNR hija intiża, b’mod partikolari, li tiżgura s-sigurtà interna tal-Unjoni u li tipproteġi l-ħajja u s-sigurtà tal-persuni permezz ta’ trasferiment tad-data PNR lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bil-għan li din tintuża fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja (98).

101. B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-premessi 6 u 7 tagħha, kif ukoll mill-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem il-“Proposta għal Direttiva PNR”) (99), jirriżulta li, fil-kuntest ta’ tali għan, id-data PNR tintuża mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi (100) b’modi differenti. L-ewwel, din id-data tintuża sabiex jiġu identifikati l-persuni implikati jew issuspettati li huma implikati f’reati terroristiċi u f’kriminalità serja li diġà twettqu, sabiex jinġabru provi kif ukoll, jekk ikun il-każ, sabiex jinstabu l-kompliċi ta’ kriminali u għaż-żarmar ta’ networks kriminali (użu b’“mod reattiv”). It-tieni, id-data PNR tista’ tiġi evalwata qabel il-wasla jew it-tluq tal-passiġġieri sabiex jiġi evitat it-twettiq ta’ reat u sabiex jiġu identifikati persuni li qabel ma kinux issuspettati li pparteċipaw f’reati terroristiċi jew f’kriminalità serja u li, abbażi tar-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jiġu suġġetti għal eżami iktar fil-fond mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi (użu b’“mod reali”). Fl-aħħar, id-data PNR tintuża sabiex jiġu ddefiniti kriterji ta’ evalwazzjoni li jistgħu sussegwentement jiġu applikati fl-evalwazzjoni tar-riskju li jirrappreżentaw il-passiġġieri qabel il-wasla tagħhom u qabel it-tluq tagħhom (użu b’“mod proattiv”). Tali użu proattiv tad-data PNR għandu jippermetti lis-servizzi tal-infurzar tal-liġi jiġġieldu t-theddida li jirrappreżentaw il-kriminalità kbira u t-terroriżmu minn angolu differenti minn dak li jippermetti l-ipproċessar ta’ kategoriji oħra ta’ data personali (101).

102. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika, li jkopri b’mod partikolari l-prevenzjoni, it-tfittxija, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni kemm ta’ reati terroristiċi kif ukoll ta’ reati kriminali li jaqgħu taħt il-kriminalità serja, jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jista’ jiġġustifika ndħil, anki serju, fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (102).

103. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika u ta’ ġlieda kontra l-kriminalità serja jikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn (103). Għalhekk, fir-rigward tal-ponderazzjoni bbilanċjata bejn dawn l-għanijiet u d-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (104), għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-importanza tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 3, 4, 6 u 7 tal-Karta. F’dan ir-rigward, għalkemm, fis-sentenza La Quadrature du Net, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 6 tal-Karta “ma għandux jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu fuq l-awtoritajiet pubbliċi li jadottaw miżuri speċifiċi sabiex jissanzjonaw ċertu ksur kriminali” (105), għall-kuntrarju, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ġlieda effettiva kontra r-reati kriminali li tagħhom huma vittmi, b’mod partikolari, il-minuri u l-persuni vulnerabbli l-oħra, hija enfasizzat li obbligi pożittivi fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jirriżultaw kemm mill-Artikolu 7 tal-Karta, bil-għan li jiġu adottati miżuri legali intiżi li jipproteġu l-ħajja privata u tal-familja, kif ukoll tal-Artikoli 3 u 4 tagħha, fir-rigward tal-protezzjoni tal-integrità fiżika u tas-saħħa mentali tal-persuni kif ukoll tal-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattament inuman u degradanti (106).

104. Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-importanza tal-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tmur lil hinn minn dik tal-għanijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, anki serja, kif ukoll ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika u li, għalhekk, dan jista’ jiġġustifika miżuri li jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali iktar serju minn dak li jistgħu jiġġustifikaw dawn l-għanijiet l-oħra (107). Peress li l-attivitajiet terroristiċi jistgħu jikkostitwixxu theddid għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri, is-sistema implimentata mid-Direttiva PNR, safejn isservi bħala strument għall-ġlieda kontra tali attivitajiet, tikkontribwixxi għall-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri.

d)      Fuq losservanza talprinċipju ta’ proporzjonalità

105. Konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali rrikonoxxut minnha jistgħu jsiru biss jekk ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn.

106. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adegwati sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (108).

107. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fil-livell tal-Unjoni teżiġi li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha jsiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jiġi segwit mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan għandu jiġi kkonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura, u dan billi ssir ponderazzjoni bbilanċjata bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni (109). B’mod iktar speċifiku, il-proporzjonalità ta’ limitazzjoni tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandha tiġi evalwata billi titqies il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni tinvolvi u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali segwit minn din il-limitazzjoni hija proporzjonata ma’ din il-gravità (110).

108. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, id-Direttiva PNR, bħala bażi legali li tinvolvi l-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta deskritt fil-punti 70 sa 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri li jinvolvu tali ndħil, u timponi rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni li d-data tagħhom tkun ġiet ittrasferita jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li d-data personali tagħhom tiġi protetta b’mod effikaċi kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illeċitu ta’ din id-data (111). In-neċessità li wieħed ikollu tali garanziji hija iktar u iktar importanti meta, bħal f’dan il-każ, id-data personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat u meta tkun involuta l-protezzjoni ta’ din il-kategorija partikolari ta’ data personali li hija d-data sensittiva (112).

109. Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tar-rwol importanti li għandha l-protezzjoni tad-data personali fir-rigward tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-indħil f’dawn id-drittijiet li d-Direttiva PNR tinvolvi, is-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni tirriżulta mnaqqsa b’tali mod li dan l-istħarriġ għandu jkun strett (113).

1)      Fuq ladegwatezza talipproċessar taddata PNR imsemmi mid-Direttiva PNR fiddawl tal-għan imfittex

110. Fil-punt 153 tal-Opinjoni 1/15, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fir-rigward tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE, li t-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada u l-ipproċessar sussegwenti tagħha jistgħu jitqiesu bħala li huma adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan relatat mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika u tas-sikurezza pubblika. Din l-adegwatezza, irrikonoxxuta għal żmien twil kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak dinji (114), ma jidhirlix li tista’ tiġi kkontestata fir-rigward tal-ġbir u tal-ipproċessar sussegwenti tad-data PNR għal dak li jikkonċerna kemm it-titjiriet barra l-UE kif ukoll it-titjiriet ġewwa l-UE (115).

111. Madankollu, l-effikaċja tas-sistema ta’ pproċessar tad-data PNR stabbilita mid-direttiva tista’ biss tiġi evalwata b’mod konkret, billi jiġu evalwati r-riżultati tal-applikazzjoni tagħha (116). F’din il-perspettiva, huwa essenzjali li tali effikaċja tkun suġġetta għal evalwazzjoni kontinwa abbażi ta’ data statistika l-iktar preċiża u affidabbli possibbli (117). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha, f’intervalli regolari, twettaq eżami mill-ġdid analogu għal dak diġà previst fl-Artikolu 19 tad-Direttiva PNR.

2)      Fuq innatura strettament neċessarja talindħil

112. Għalkemm il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) ma qajmitx b’mod espliċitu dubji dwar il-fatt li d-Direttiva PNR fiha regoli ċari, preċiżi u limitati għal dak li huwa strettament neċessarju f’dak li jirrigwarda d-delimitazzjoni tal-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data PNR (118), l-analiżi tal-proporzjonalità tas-sistema prevista minn din id-direttiva, mitluba mill-qorti tar-rinviju, ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tonqos milli tindirizza din il-kwistjoni (119).

i)      Fuq iddelimitazzjoni tal-iskopijiet talipproċessar taddata PNR

113. Delimitazzjoni ċara tal-iskopijiet li għalihom l-aċċess għal data personali mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll l-użu ulterjuri tagħha minnhom huma permessi tikkostitwixxi rekwiżit essenzjali ta’ kull sistema ta’ pproċessar ta’ data b’mod partikolari għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi. L-issodisfar ta’ dan ir-rekwiżit huwa, barra minn hekk, neċessarju sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tevalwa l-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni, billi jiġi applikat it-test ta’ gravità tal-indħil meta mqabbla mal-importanza tal-għan imfittex stabbilit fil-ġurisprudenza tagħha (120).

114. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza ta’ delimitazzjoni ċara tal-iskopijiet tal-miżuri li jinvolvu limitazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali b’mod partikolari fis-sentenza Digital Rights, li fiha hija ddikjarat bħala invalida d-Direttiva 2006/24. Fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li din id-direttiva ma kienet tipprevedi “ebda kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġi ddelimitat l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data u l-użu ulterjuri tagħha għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni kriminali ta’ reati li jistgħu, fir-rigward tal-kobor u tal-gravità tal-inġerenza fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jitqiesu li huma suffiċjentement gravi biex jiġġustifikaw tali inġerenza” u li hija kienet tillimita ruħha, għall-kuntrarju, “tirreferi fl-Artikolu 1(1) tagħha, b’mod ġenerali għar-reati gravi kif inhuma ddefiniti minn kull Stat Membru fid-dritt intern tiegħu”.

115. L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR jistabbilixxi kriterju ġenerali ta’ limitazzjoni tal-iskopijiet li jipprovdi li “id-data tal-PNR miġbura f’konformità ma’ din id-Direttiva tista’ tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l- iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja”. Madankollu, kuntrarjament għad-Direttiva 2006/24, id-Direttiva PNR ma tillimitax ruħha għal tali dikjarazzjoni, iżda tiddefinixxi hija stess, fil-punti 8 u 9 tal-Artikolu 3 tagħha, kemm il-kunċett ta’ “reati terroristiċi” kif ukoll dak ta’ “kriminalità serja”, l-ewwel wieħed b’riferiment għall-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18) (issostitwita bid-Direttiva (UE) 2017/541) (121), u t-tieni wieħed, minn naħa, billi telenka, fl-Anness II, il-kategoriji ta’ reati kriminali li jikkorrispondu għal dan il-kunċett u, min-naħa l-oħra, billi tistabbilixxi livell ta’ gravità f’termini ta’ tul massimu tas-sentenza ta’ detenzjoni jew tal-miżura ta’ sigurtà li bihom dawn ir-reati huma punibbli.

116. Għalkemm ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2017/541 jippermetti li jiġu kkaratterizzati b’mod suffiċjentement ċar u preċiż l-atti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala reati terroristiċi skont il-punt 8 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR u li tiġi evalwata l-gravità tagħhom għall-finijiet tal-ibbilanċjar tal-importanza tal-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika mfittex minn din id-direttiva u tal-gravità tal-indħil li din tinvolvi fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, l-istess konklużjoni ma hijiex imposta b’evidenza simili fir-rigward tar-reati kollha elenkati fl-Anness II.

117. Fil-punt 177 tal-Opinjoni 1/15, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE kien jiddefinixxi b’mod ċar u preċiż il-grad ta’ gravità tar-reati koperti mill-kunċett ta’ “kriminalità transnazzjonali serja”, billi jimponi li dawn ir-reati jkunu “punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin jew b’piena iktar ħarxa”, billi jirreferi “għar-reati ddefiniti mil-liġi Kanadiża” u, billi jsemmi “id-diversi sitwazzjonijiet li fihom reat jitqies li huwa ta’ natura transnazzjonali”.

118. Meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik l-opinjoni, id-Direttiva PNR, l-ewwel, ma tiħux inkunsiderazzjoni, fid-definizzjoni tal-ksur ikkonċernat, in-natura transnazzjonali tiegħu, it-tieni, tipprevedi katalogu eżawrjenti ta’ reati li, min-natura tagħhom, jitqiesu bħala li jaqgħu taħt il-kriminalità serja, bil-kundizzjoni li jintlaħaq il-minimu tal-piena massima previst fil-punt 9 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, it-tielet, tnaqqas, bħala prinċipju, il-livell ta’ gravità, billi tadotta kriterju bbażat fuq il-livell tal-piena massima u billi tiffissa dan il-livell għal tliet snin.

119. Fir-rigward, l-ewwel, tan-nuqqas ta’ kriterju ta’ limitazzjoni bbażat fuq in-natura transnazzjonali, huwa ċertament minnu li l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva PNR għall-kriminalità “transkonfinali” serja biss kienet tippermetti li jiġu mmirati reati li jistgħu, min-natura tagħhom, ikollhom, tal-inqas potenzjalment, rabta oġġettiva mal-vjaġġi bl-ajru u, konsegwentement, mal-kategoriji ta’ data miġbura u pproċessata skont id-Direttiva PNR (122). Madankollu, jiena naqbel, bħala prinċipju, mal-perspettiva espressa mill-Kummissjoni, li skontha, b’mod differenti milli fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali, ir-rilevanza u l-ħtieġa ta’ tali kriterju huma inqas ovvji fir-rigward ta’ mekkaniżmu għall-ġlieda kontra l-kriminalità li l-għan tiegħu huwa dak li jipproteġi s-sigurtà interna tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif tiddikjara dejjem il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ elementi transkonfinali ma huwiex fih innifsu indikazzjoni li tippermetti li tiġi eskluża l-gravità ta’ ksur.

120. Fir-rigward, it-tieni, tal-kriterju li jistabbilixxi l-livell ta’ gravità tar-reati msemmija — li, sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni ex ante ta’ din il-gravità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għat-tul massimu tal-piena ta’ detenzjoni jew tal-miżura ta’ sigurtà prevista mil-liġi u mhux għal dak li jista’ konkretament jinkorri f’każ partikolari — dan il-kriterju, għalkemm huwa bbażat fuq il-minimu ta’ piena massima u mhux fuq il-minimu ta’ piena minima ma huwiex fih innifsu inadegwat sabiex jiġi identifikat livell suffiċjenti ta’ gravità li jista’ jiġġustifika l-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta kkawżat mill-ipproċessar ta’ data previst mid-Direttiva PNR. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan għandu jiġi interpretat bħala kriterju li jidentifika livell ta’ gravità “minimu”. Għalhekk, tali kriterju, għalkemm jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jqisu bħala “kriminalità serja” reati msemmija fl-Anness II li għalihom id-dritt kriminali nazzjonali tagħhom jipprevedi piena ta’ detenzjoni jew miżura ta’ sigurtà ta’ tul massimu ta’ inqas minn tliet snin, għall-kuntrarju dan ma jobbligahomx jirrikonoxxu awtomatikament tali klassifikazzjoni għar-reati kollha li jistgħu jiġu inklużi fl-imsemmi Anness II li huma punibbli b’piena li tilħaq il-livell previst fil-punt 9 tal-Artikolu 3tad-Direttiva PNR, meta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet tas-sistema kriminali tagħhom, tali rikonoxximent jirriżulta f’użu tas-sistema prevista mid-Direttiva PNR għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta, ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ kriminalità serja komuni, kuntrarju għall-iskopijiet segwiti minn din id-direttiva.

121. It-tielet, fir-rigward tal-katalogu tal-Anness II, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li l-fatt li d-Direttiva PNR telenka b’mod limitat ir-reati li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “kriminalità serja”, jikkostitwixxi garanzija formali u sostanzjali fundamentali sabiex tiġi żgurata l-legalità tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR u ċ-ċertezza legali tal-passiġġieri. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi katalogu jinkludi, kemm reati li, min-natura tagħhom, għandhom livell ta’ gravità inkontestabbilment għoli — bħal, pereżempju, it-traffikar ta’ bnedmin, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, it-traffikar tal-armi, jew ta’ materjal nukleari jew radjoattiv, il-ħtif illegali ta’ inġenji tal-ajru/ta’ bastiment, ir-reati serji li jaqgħu taħt il-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-qtil, l-istupru, il-ħtif, is-sekwestru u t-teħid ta’ ostaġġi (123), — kif ukoll reati li għalihom tali livell ta’ gravità jirriżulta inqas ovvju, bħal, pereżempju, il-frodi, il-falsifikazzjoni u l-piraterija ta’ prodotti, il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u t-traffikar ta’ dokumenti foloz, kif ukoll it-traffikar ta’ vetturi misruqa (124). Barra minn hekk, fost ir-reati inklużi fl-Anness II, uħud minnhom jistgħu iktar minn oħrajn ikollhom, min-natura tagħhom stess, natura transnazzjonali, bħal, pereżempju, it-traffikar ta’ bnedmin, it-traffikar tad-droga jew tal-armi, l-isfruttament sesswali tat-tfal, l-iffaċilitar ta’ dħul u ta’ residenza mhux awtorizzati, il-ħtif illegali ta’ inġenji tal-ajru, u jkollhom ukoll rabta mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

122. Fir-rigward tan-natura suffiċjentement ċara u preċiża tat-taqsimiet inklużi fl-Anness II, hemm ukoll, il-livell huwa varjabbli ħafna. Għalhekk, minkejja li l-lista li tinsab f’dan l-anness għandha titqies bħala li hija eżawrjenti, diversi mit-taqsimiet tagħha għandhom natura “miftuħa” (125) u oħrajn jirreferu għal kunċetti ġeneriċi, li jistgħu jinkludu numru kbir ħafna ta’ ksur ta’ gravità varjabbli, minkejja li dejjem fil-limitu tal-livell massimu previst fil-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR (126).

123. F’dan ir-rigward, nirrileva, minn naħa, li d-direttivi ta’ armonizzazzjoni adottati fl-oqsma previsti fl-Artikolu 83(1) TFUE, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jipprovdu elementi rilevanti li jippermettu li jiġu identifikati mill-inqas xi wħud mir-reati kriminali serji li jistgħu jaqgħu taħt it-taqsimiet korrispondenti tal-Anness II. Għalhekk, b’mod partikolari, id-Direttiva 2013/40 tiddefinixxi, fl-Artikoli 3 sa 8 tagħha, diversi reati kriminali li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ċiberkriminalità” previst fil-punt 9 ta’ dan l-Anness II, filwaqt li tieħu ħsieb, f’kull każ, li teskludi l-atti li jikkostitwixxu “każijiet minuri” (127). Bl-istess mod, id-Direttiva 2019/713 tiddefinixxi ċerti tipi ta’ reati frawdolenti, u d-Direttiva 2017/1371 tiddefinixxi l-elementi kostitwenti ta’ “frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni”. F’dan il-kuntest, għandha tissemma wkoll id-Direttiva 2008/99, adottata abbażi tal-Artikolu 175(1) KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tad-dritt kriminali (128), li tiddefinixxi, fl-Artikolu 3 tagħha, sensiela ta’ reati ambjentali serji, li jistgħu jiġu inklużi fit-Taqsima 10 tal-Anness II, inklużi l-atti li jikkwalifikaw bħala “traffikar illeċitu ta’ speċi ta’ annimali fil-periklu li jinqerdu u ta’ speċi ta’ pjanti u varjetajiet fil-periklu li jinqerdu”, filwaqt li teskludi kwalunkwe aġir li għandu impatt negliġibbli fuq l-oġġett protett. Fl-aħħar, infakkar, id-Direttiva 2002/90/KE (129), li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, ta’ tranżitu u ta’ residenza mhux awtorizzati kif ukoll id-Deċiżjoni Qafas 2002/946/JHA (130), intiża li ssaħħaħ il-kuntest kriminali sabiex jiġu impediti dawn ir-reati, id-Deċiżjoni Qafas 2003/568/JHA (131), li tiddefinixxi r-reati kriminali kklassifikati bħala “korruzzjoni attiva u passiva fis-settur privat”, u d-Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI (132), li tiddefinixxi r-reati relatati mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.

124. Min-naħa l-oħra, nirrileva, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni sħiħa tad-dritt kriminali sostantiv, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi akkużat li ma ppreċiżax iktar ir-reati previsti fl-Anness II. Għalhekk, b’differenza għal dak li ser jiġi osservat iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-lista tad-data PNR li tinsab fl-Anness I, it-traspożizzjoni fid-dritt intern tal-katalogu ta’ reati tal-Anness II neċessarjament teħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu, skont l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi kriminali nazzjonali tagħhom, ir-reati li jistgħu jkunu previsti. Din l-operazzjoni għandha madankollu titwettaq b’osservanza sħiħa tal-kriterju li jipprovdi li kull indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. Għalhekk, pereżempju, ma huwiex, fil-fehma tiegħi, eskluż li l-Istati Membri jipprevedu li l-użu tad-data PNR ikun limitat, għal ċerti reati, bħal pereżempju, dawk imsemmija fil-punti 7, 16, 17, 18, 25 tal-Anness II għall-każijiet fejn dawn ir-reati jkunu ta’ natura transkonfinali, jew jitwettqu fil-kuntest ta’ organizzazzjoni kriminali, jew ikunu jinvolvu ċerti ċirkustanzi aggravanti. Huma l-qrati tal-Istati Membri, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandhom jinterpretaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-imsemmi katalogu fid-dritt intern b’mod konformi kemm mad-Direttiva PNR kif ukoll mal-Karta, b’mod li l-ipproċessar tad-data PNR jibqa’, għal kull taqsima, limitat għar-reati li jilħqu il-livell għoli ta’ gravità meħtieġ minn din id-direttiva kif ukoll għar-reati li għalihom tali pproċessar jirriżulta rilevanti (133).

125. Bla ħsara għall-preċiżazzjonijiet magħmula fil-punti 120 u 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR kif ukoll il-katalogu ta’ reati inkluż fl-Anness II tagħha jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

126. Madankollu, għandu jiġi rrikonoxxut li s-soluzzjoni esposta fil-punt 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma hijiex kompletament sodisfaċenti. Fil-fatt, minn naħa, hija tħalli marġni sinjifikattiv ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, b’mod li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-ipproċessar tad-data PNR jista’ jvarja b’mod sinjifikattiv minn Stat Membru għal ieħor, u b’hekk jiġi kompromess l-għan ta’ armonizzazzjoni segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni (134). Min-naħa l-oħra, hija timplika li l-kontroll ta’ proporzjonalità fuq element essenzjali tas-sistema, bħal-limitazzjoni tal-iskopijiet ta’ dan l-ipproċessar, jiġi eżerċitat ex post fuq il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni, pjuttost milli ex ante fuq id-Direttiva PNR stess. Għalhekk ikun mixtieq li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, kif nissuġġerixxilha li tagħmel, li tikkunsidra l-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR kif ukoll il-katalogu ta’ reati inkluż fl-Anness II tagħha bħala konformi mal-Artikoli 7, 8, u mal-Artikolu 51(2) tal-Karta, hija tiġbed l-attenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni għall-fatt li tali evalwazzjoni hija biss provviżorja u li timplika min-naħa ta’ dan il-leġiżlatur li huwa jivverifika, fid-dawl tat-traspożizzjoni li saret mill-Istati Membri ta’ din id-dispożizzjoni u ta’ dan il-katalogu kif ukoll fuq il-bażi tad-data statistika msemmija fl-Artikolu 20 tad-Direttiva PNR, il-ħtieġa: i) li jiġu speċifikati iktar, billi tiġi limitata l-portata tagħhom, il-kategoriji ta’ reati koperti mill-imsemmija katalogu, (ii) li jiġu eliminati minnu r-reati li għalihom l-ipproċessar tad-data PNR jirriżulta jew sproporzjonat, jew mhux rilevanti jew ineffettiv, u iii) li jiżdied il-livell ta’ gravità tar-reati msemmija fil-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR (135). F’dan ir-rigward, nirrileva li, għalkemm l-Artikolu 19(2)(b) tad-Direttiva PNR jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li twettaq eżami mill-ġdid tal-elementi kollha ta’ din id-direttiva, billi tagħti attenzjoni partikolari “[l]in-neċessità u l-proporzjonalità tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data tal-PNR għal kull wieħed mill-finijiet stabbiliti” fiha, la r-rapport tal-Kummissjoni tal‑2020 u lanqas id-dokument ta’ xogħol tal‑2020 li jakkumpanjah ma jinkludu, fil-fehma tiegħi, eżami sodisfaċenti fuq dan il-punt.

ii)    Fuq ilkategoriji ta’ data PNR previsti mid-Direttiva PNR (ittieni u ttielet domanda preliminari)

127. Id-Direttiva PNR tipprevedi t-trasferiment lill-PIU ta’ 19‑il kategorija ta’ data PNR miġbura mit-trasportaturi tal-ajru għall-finijiet tar-riżervazzjoni ta’ titjiriet. Dawn il-kategoriji, elenkati fl-Anness I, jikkorrispondu għal dawk li jidhru fis-sistemi ta’ riżervazzjonijiet tal-kumpanniji tal-ajru u għal dawk elenkati fl-Anness I tal-Linji Gwida dwar id-Data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fl‑2010 (136) (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-ICAO”).

128. Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-Anness I fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, b’teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tal-portata tad-data personali elenkata f’dan l-anness — u b’mod partikolari tad-data API msemmija fil-punt 18 tiegħu, sa fejn din teċċedi d-data elenkata fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API — u, min-naħa l-oħra, tal-possibbiltà li din id-data, meħuda flimkien, tiżvela data sensittiva u tikser b’hekk il-limiti ta’ “dak li huwa strettament neċessarju”. Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha — li tirrigwarda, kif diġà kelli l-okkażjoni nenfasizza, l-osservanza tal-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li tipprovdi li kull indħil fi dritt fundamentali għandu jkun “previst mil-liġi” — il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tistaqsi għall-kuntrarju lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-punti 12 u 18 tal-Anness I, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura “miftuħa” tagħhom.

129. Peress li l-eżami li għandu jsir fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari jippreżupponi dak dwar in-natura suffiċjentement ċara u preċiża tal-kategoriji ta’ data personali msemmija fl-Anness I, l-ewwel ser nindirizza it-tielet domanda preliminari.

–       Fuq innatura suffiċjentement ċara u preċiża talpunti 12 u 18 talAnness I (ittielet domanda preliminari)

130. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-portata u l-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li tinvolvi miżura li tintroduċi limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet tiddependi, qabelxejn, mill-portata u min-natura tad-data personali li tikkostitwixxi s-suġġett tal-ipproċessar. L-identifikazzjoni ta’ din id-data tikkostitwixxi għalhekk operazzjoni essenzjali, li għaliha kull bażi legali li tintroduċi tali miżura għandha obbligatorjament tipproċedi bl-iktar mod ċar u preċiż possibbli.

131. Dan ir-rekwiżit ġie rrikonoxxut, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data PNR, mill-Opinjoni 1/15. Hija u tiddeċiedi fir-rigward tat-taqsimiet li jinsabu fl-anness tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE li jinkludi l-elenkar tad-data PNR imsemmija fil-ftehim previst, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod partikolari, f’dik l-opinjoni, li l-użu ta’ kategoriji ġenerali ta’ informazzjoni li ma jiddeterminawx b’mod suffiċjenti l-portata tad-data li għandha tiġi ttrasferita, kif ukoll l-użu ta’ listi ta’ eżempji ta’ data li ma jiffissaw ebda limitazzjoni fir-rigward tan-natura u l-portata tal-informazzjoni li tista’ tidher fit-taqsima kkonċernata ma kinux jissodisfaw l-kundizzjonijiet ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni.

132. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata t-tielet domanda preliminari.

133. Fir-rigward tal-punt 12 tal-Anness I, dan huwa fformulat kif ġej:

“12. Kummenti ġenerali (inkluża l-informazzjoni kollha disponibbli fuq minuri mhux akkumpanjati taħt it‑18‑il sena, bħall-isem u s-sess tal-minuri, l-età, l-ilsien (ilsna) mitkellem (mitkellma), l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodja mat-tluq u r-relazzjoni mal-minuri, l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodja mal-wasla u r-relazzjoni mal-minuri, l-aġent tat-tluq u tal-wasla)”.

134. Sa fejn jirreferi għall-“[k]ummenti ġenerali”, dan il-punt jikkostitwixxi, bħat-Taqsima 17 tal-Anness tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE, taqsima msejħa “test liberu”, li hija intiża li tinkludi kull informazzjoni miġbura mit-trasportaturi tal-ajru fil-kuntest tal-attività tagħhom ta’ provvista ta’ servizz, minbarra dik espressament elenkata fil-punti l-oħra tal-Anness I. Issa, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 160 tal-Opinjoni 1/15, li taqsima ta’ dan it-tip “ma tagħti ebda indikazzjoni dwar in-natura u l-portata tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa u tidher li tista’ saħansitra tinkludi informazzjoni li ma għandha ebda rabta mal-għan tat-trasferiment tad-data PNR”. Barra minn hekk, peress li l-preċiżazzjoni bejn parenteżi li tinsab fil-formulazzjoni tal-punt 12 tal-Anness 1, li tirrigwarda l-informazzjoni dwar il-minuri mhux akkumpanjati, hija pprovduta biss bħala eżempju, kif jixhed l-użu tat-terminu “inkluża”, dan il-punt ma jistabbilixxi ebda limitazzjoni fir-rigward tan-natura u tal-portata tal-informazzjoni li tista’ tkun inkluża fih (137).

135. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt 12 tal-Anness I ma jistax jitqies bħala li huwa ddelimitat b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti.

136. Għalkemm jidher li l-Kummissjoni u l-Parlament jaqblu ma’ din il-konklużjoni, l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet fuq it-tielet domanda preliminari, kif ukoll il-Kunsill jopponu din il-konklużjoni u dan abbażi ta’ argumenti li jikkoinċidu ħafna.

137. L-ewwel, l-ewwel sett ta’ argumenti huwa intiż, b’mod ġenerali, li jikkontesta l-possibbiltà li jiġu trasposti għal din il-kawża l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/15.

138. F’dan ir-rigward, filwaqt li ninsab konxju tad-differenza tal-kuntest li jikkaratterizza ż-żewġ kawżi, ser nillimita ruħi nosserva hawnhekk li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 160 tal-Opinjoni 1/15 fir-rigward tat-Taqsima 17 tal-anness mal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE kienet ibbażata fuq interpretazzjoni purament semantika u strutturali ta’ din it-taqsima. Issa, tali interpretazzjoni hija perfettament trasponibbli għall-punt 12 tal-Anness I, li l-formulazzjoni tiegħu hija, għall-parti mhux eżemplari, identika għal dik tal-imsemmija taqsima u għandha struttura analoga. Barra minn hekk, kif ser naraw f’iktar dettall iktar ’il quddiem, iż-żewġ regoli inkwistjoni jaqgħu fl-istess kuntest regolamentari multilaterali, ikkostitwit b’mod partikolari mil-Linji gwida tal-ICAO, li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet referenza għalihom b’mod espress fil-punt 156 tal-Opinjoni 1/15. F’dawn il-kundizzjonijiet, mhux biss ma hemm xejn li jipprekludi li wieħed isegwi, għall-punt 12 tal-Anness I, l-istess interpretazzjoni bħal dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 160 tal-Opinjoni 1/15 għat-Taqsima 17 tal-anness mal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE, iżda fuq kollox ma hemm xejn li jiġġustifika li wieħed jitbiegħed minnha.

139. Fit-tieni lok, numru kbir ta’ Stati Membri jenfasizzaw li d-diversi punti tal-Anness I, inkluż il-punt 12, jikkorrispondu għat-taqsimiet tal-Anness I tal-Linji gwida tal-ICAO, li t-trasportaturi tal-ajru jafu sew u li lilhom dawn huma perfettament kapaċi li jattribwixxu kontenut preċiż. Dan il-punt 12 jikkorrispondi b’mod partikolari għall-aħħar żewġ taqsimiet tal-imsemmi anness, intitolati rispettivament “Kummenti ġenerali” u “Test liberu/kampijiet tal-kodiċi f’OSI (Other Supplementary Information), SSR (Special Service Request), SSI (Special Service Information), Kummenti/storja” u li jkopru “informazzjoni addizzjonali” jew “dwar servizzi mitluba” (138).

140. F’dan ir-rigward, nosserva qabel kollox li l-korrispondenza bejn it-taqsimiet tal-Anness I tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE, minn naħa, u t-taqsimiet tal-Anness I tal-Linji gwida tal-ICAO, min-naħa l-oħra, ma pprekludietx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddikjara, fl-Opinjoni 1/15, li wħud mit-taqsimiet li jinsabu fl-Anness I tal-imsemmi abbozz ta’ ftehim ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li miżura li tillimita l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tissodisfa. Sussegwentement, nirrileva li riferiment, barra minn hekk mhux espliċitu (139), għal-Linji gwida tal-ICAO, ma jippermettix, kuntrarjament għal dak li ċerti Stati Membri jidhru li jqisu, li tiġi ppreċiżata iktar in-natura u l-portata tal-informazzjoni li tista’ tiġi kkontemplata fil-punt 12 tal-Anness I. Għall-kuntrarju, il-qari ta’ dawn il-linji gwida jsaħħaħ il-konklużjoni li taqsima “Test liberu”, bħall-imsemmi punt 12, tinkludi numru indefinit ta’ informazzjoni ta’ natura differenti minbarra dik li tinsab ex officio fil-PNR (140).

141. Fit-tielet lok, ċerti gvernijiet isostnu li huma l-Istati Membri, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi interni u b’osservanza tal-limiti imposti mill-Artikoli 7, 8 u mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, li għandhom jippreċiżaw l-informazzjoni li tista’ tidher fil-punt 12 tal-Anness I. Fil-fatt, ikun fin-natura stess ta’ direttiva li l-Istati Membri jitħallilhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-mezzi neċessarji għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li hija tistabbilixxi.

142. F’dan ir-rigward, kif diġà esponejt fil-punt 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-opinjoni li, meta miżuri li jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta joriġinaw minn att leġiżlattiv tal-Unjoni, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jistabbilixxi, fl-osservanza tal-kriterji ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-portata eżatta ta’ dan l-indħil. Minn dan isegwi li, meta l-istrument magħżul minn dan il-leġiżlatur ikun direttiva, ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi ddelegata lill-Istati Membri, waqt it-traspożizzjoni tagħha fid-drittijiet nazzjonali tagħhom, id-determinazzjoni ta’ elementi essenzjali li jiddefinixxu l-portata tal-indħil, bħal, fil-każ ta’ imitazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, in-natura u l-portata tad-data personali suġġetta għall-ipproċessar.

143. Fir-raba’ lok, ċerti Stati Membri josservaw li l-punt 12 tal-Anness I għandu jinftiehem bħala li jirreferi biss għal informazzjoni relatata mal-provvista ta’ trasport. Interpretat b’dan il-mod, dan il-punt ikun kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

144. Lanqas dan l-argument ma jikkonvinċini. Qabel kollox, fil-fatt, l-informazzjoni li tista’ tidher f’taqsima “Kummenti ġenerali” u taħt il-kodiċijiet OSI, SSI, u SSR hija ta’ natura eteroġenja ħafna (kura medika, ikliet speċjali jew preferenzi tal-ikel, kull talba għal assistenza, informazzjoni dwar il-minuri li jivvjaġġaw waħedhom, eċċ.) (141) u kollha għandha rabta mal-provvista ta’ trasport sa fejn din hija intiża, b’mod partikolari, li tippermetti lil trasportatur tal-ajru jadatta din il-provvista għar-rekwiżiti ta’ kull passiġġier. Kriterju interpretattiv ibbażat fuq ir-rilevanza tal-informazzjoni fir-rigward tas-servizz ta’ trasport ma jippermettix għalhekk li tiġi ppreċiżata iktar il-portata ta’ dan il-punt 12. Sussegwentement, nirrileva li, filwaqt li rrikorriet, fil-punt 159 tal-Opinjoni 1/15, għal dan il-kriterju sabiex tinterpreta b’mod konformi mar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni taqsima differenti tal-anness mal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu eskludiet li tista’ tipproċedi b’dan il-mod fir-rigward tat-Taqsima 17 ta’ dan l-anness, li tikkorrispondi għall-punt 12 tal-Anness I.

145. Fil-ħames lok, xi Stati Membri enfasizzaw il-fatt li l-informazzjoni li hija intiża li tissemma fil-punt 12 tal-Anness I hija pprovduta b’mod volontarju lit-trasportaturi tal-ajru mill-passiġġieri stess, li huma debitament informati bit-trasferiment ulterjuri ta’ din id-data lill-awtoritajiet pubbliċi. L-idea sottostanti għal tali argument hija, fil-fehma tiegħi, li hemm tip ta’ kunsens impliċitu min-naħa tal-passiġġier ikkonċernat sabiex id-data li huwa jipprovdi lill-kumpanniji tal-ajru tiġi sussegwentement ittrasferita lill-awtoritajiet pubbliċi.

146. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika li ma tistax tkun kwistjoni ta’ “kunsens” meta l-persuna kkonċernata ma tistax toġġezzjona b’mod liberu għall-ipproċessar tad-data personali tagħha (142). Issa, għal parti kbira tal-informazzjoni li tista’ tidher fil-punt 12 tal-Anness I, il-passiġġier ikkonċernat ma għandux għażla reali, iżda huwa obbligat jipprovdiha sabiex ikun jista’ juża s-servizz ta’ trasport. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa, jew għall-persuni li jeħtieġu kura medika jew anki għall-minuri mhux akkumpanjati. Barra minn hekk infakkar li, fil-punti 142 u 143 tal-Opinjoni 1/15, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat b’mod ċar li l-ipproċessar tad-data PNR minn awtoritajiet pubbliċi, li għandu għan differenti minn dak li għalih tinġabar din id-data mit-trasportaturi tal-ajru, ma jistax jitqies bħala li huwa bbażat fuq xi forma ta’ kunsens mogħti mill-passiġġieri bil-għan ta’ dan il-ġbir.

147. Fl-aħħar, il-parti l-kbira tal-Istati Membri jsostnu li l-ipproċessar ta’ data previst mid-Direttiva PNR huwa marbut ma’ diversi garanziji, fosthom, fir-rigward tat-trasferiment ta’ data lill-PIU, l-obbligu li dawn għandhom li jħassru d-data li ma tinsabx fl-Anness I kif ukoll id-data li tista’ tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika ta’ persuna, l-opinjonijiet politiċi tagħha, ir-reliġjon tagħha jew it-twemmin filosofiku tagħha, is-sħubija tagħha ma’ f’sindakat, l-istat ta’ saħħa tagħha, il-ħajja sesswali tagħha jew l-orjentazzjoni sesswali tagħha.

148. F’dan ir-rigward, ngħid qabelxejn li, fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement ċara u preċiża tar-regoli li jiddefinixxu l-portata u n-natura tad-data li tista’ tkun is-suġġett ta’ trasferiment lill-awtoritajiet pubbliċi, sa fejn din hija intiża li tiżgura li miżura li tinvolvi ndħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tosserva l-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, għandha titwettaq mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji marbuta mal-ipproċessar li għalih din id-data tkun suġġetta mill-imsemmija awtoritajiet, peress li dawn il-garanziji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss meta tiġi eżaminata l-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni. Huwa barra minn hekk b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet, fil-punti 155 sa 163 tal-Opinjoni 1/15, l-evalwazzjoni tagħha tat-taqsimiet tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE. Inżid, b’mod iktar ġenerali, li attenzjoni partikolari għandha tingħata għan-neċessità li tinżamm distinzjoni ċara bejn id-diversi fażijiet li jinvolvi l-eżami ta’ miżura li tinvolvi ndħil fid-drittijiet fundamentali, peress li amalgamazzjoni bejn dawn id-diversi fażijiet tkun, fil-fehma tiegħi, dejjem għad-detriment ta’ protezzjoni effettiva tagħhom.

149. Dan premess, hawnhekk ser nillimita ruħi nirrileva, minn naħa, li l-obbligu impost fuq il-PIU, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva PNR, li jħassru d-data minbarra dik elenkata fl-Anness I huwa utli biss jekk dan l-anness jinkludi katalogu ċar u magħluq ta’ data li għandha tiġi ttrasferita. L-istess japplika għall-obbligu tal-PIU, skont l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva PNR, li jħassru d-data msejħa “sensittiva” (143). Fil-fatt, definizzjoni wisq vaga, impreċiża jew miftuħa tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa żżid kemm il-probabbiltà li tali data tkun indirettament is-suġġett ta’ trasferiment, kif ukoll ir-riskju li hija ma tiġix identifikata immedjatament u mħassra. Fi kliem ieħor, il-garanziji msemmija iktar ’il fuq jistgħu jissodisfaw b’mod utli l-funzjoni tagħhom biss jekk ir-regoli li jiddefinixxu n-natura u l-portata tad-data PNR li t-trasportaturi tal-ajru huma mitluba jittrasferixxu lill-PIU jkunu suffiċjentement ċari u preċiżi u jekk il-lista ta’ din id-data tkun ta’ natura magħluqa u eżawrjenti.

150. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, u kif antiċipajt fil-punt 135 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-opinjoni li l-punt 12 tal-Anness I, fil-parti fejn jinkludi l-“Kummenti ġenerali” fost id-data li t-trasportaturi tal-ajru huma obbligati li jittrasferixxu lill-PIU konformement mad-Direttiva PNR ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa fl-Artikolu 52(1) tal-Karta kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja (144) u li għalhekk dan għandu, f’din il-miżura, jiġi ddikjarat invalidu.

151. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Kummissjoni u l-Parlament issuġġerew lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrikorri pjuttost għal “interpretazzjoni konformi” tal-punt 12 tal-Anness I, billi dan jinqara fis-sens li jirrigwarda biss l-informazzjoni dwar il-minuri msemmija fih b’mod espliċitu bejn parenteżi. Nammetti li għandi xi diffikultajiet nikkunsidra li tali qari josserva l-limiti ta’ sempliċi interpretazzjoni konformi. Huwa, ċertament, minnu li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, kemm jista’ jkun possibbli, b’mod li ma tiġix affettwata l-validità tiegħu u f’konformità mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta (145). Huwa wkoll minnu li, fir-rigward tad-Direttiva PNR, il-possibbiltà ta’ tali interpretazzjoni tidher iffavorita mill-enfasi mqiegħda, b’mod partikolari, minn ħafna premessi ta’ din id-direttiva fuq ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata kif ukoll fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (146). Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li interpretazzjoni konformi hija permessa biss meta t-test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jkun jista’ jkollu iktar minn interpretazzjoni waħda u għalhekk huwa possibbli li tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konsistenti mad-dritt primarju pjuttost milli lil dik li twassal għal konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tagħha miegħu (147).

152. Issa, il-punt 12 tal-Anness I, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi interpretat kif jissuġġerixxu l-Kummissjoni u l-Parlament, sakemm ma tingħatax interpretazzjoni “contra legem”. Fil-fatt, dan il-punt jirrigwarda, kif esponejt iktar ’il fuq, kategorija wiesgħa ta’ data ta’ natura differenti, li ma tistax tiġi identifikata a priori, li fir-rigward tagħha d-data dwar il-minuri tikkostitwixxi biss subkategorija. Il-fatt li dan il-punt jinqara fis-sens li jkopri biss din is-subkategorija jkun iwassal mhux biss sabiex tiġi injorata parti mill-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll jaqleb l-ordni loġika tad-dikjarazzjoni li tinsab f’dan il-punt. Tali operazzjoni, li tikkonsisti essenzjalment fit-tneħħija tal-parti mill-formulazzjoni tal-punt 12 tal-Anness I li titqies li ma hijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, tista’, fil-fehma tiegħi, titwettaq biss billi jiġi ddikjarat annullament parzjali.

153. Fir-rigward tal-kumplament tal-punt 12 tal-Anness I, li jelenka serje ta’ data dwar il-minuri mhux akkumpanjati, jiena tal-opinjoni li dan jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni bil-kundizzjoni li jiġi interpretat fis-sens li dan ikopri biss l-informazzjoni li tikkonċerna l-minuri mhux akkumpanjati li għandha rabta diretta mat-titjira u li hija espressament imsemmija f’dan il-punt.

154. Fir-rigward tal-punt 18 tal-Anness I, dan huwa fformulat kif ġej:

“Kwalunkwe data rigward informazzjoni antiċipata dwar il-passiġġieri (API) (inkluż it-tip, numru, pajjiż tal-ħruġ u data tal-iskadenza ta’ kwalunkwe dokument ta’ identità, ċittadinanza, isem tal-familja, isem mogħti, sess, data tat-twelid, linja tal-ajru, numru tat-titjira, data tat-tluq, data tal-wasla, port tat-tluq, port tal-wasla, ħin tat-tluq u l-ħin tal-wasla)”.

155. Dan il-punt għandu struttura analoga għal dik tal-punt 12 tal-Anness I. Huwa jsemmi wkoll kategorija ġenerali ta’ data, jiġifieri l-informazzjoni minn qabel dwar il-passiġġieri (Advance Passenger Information – API), segwita, bejn parenteżi, minn lista ta’ data kkunsidrata bħala inkluża f’din il-kategorija ġenerali, li tingħata purament bħala eżempju, kif juri l-użu tal-espressjoni “inkluż”.

156. Madankollu, kuntrarjament għall-punt 12 tal-Anness I, il-punt 18 ta’ dan l-anness jirreferi għal kategorija ta’ data li tista’ tiġi identifikata aħjar għal dak li jirrigwarda kemm in-natura kif ukoll il-portata tagħha. Fil-fatt, mill-premessa 4 tad-Direttiva PNR jirriżulta li, meta din tirreferi għal din il-kategorija ta’ data, hija tirreferi għall-informazzjoni li, skont id-Direttiva API, li għaliha tirreferi espressament din il-premessa, hija s-suġġett ta’ trażmissjoni mit-trasportaturi tal-ajru lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għall-finijiet tat-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali. Din id-data hija elenkata fl-Artikolu 3(2) ta’ din l-aħħar direttiva.

157. Barra minn hekk, mill-premessa 9 (148) tad-Direttiva PNR kif ukoll mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API u mil-lista ta’ eżempju li tinsab fil-punt 18 tal-Anness I jirriżulta li d-data API msemmija fl-imsemmi punt hija, minn naħa, data bijografika li tippermetti li tiġi vverifikata l-identità tal-passiġġier tal-ajru u, min-naħa l-oħra, data dwar it-titjira rriżervata. Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-ewwel kategorija, dik tad-data bijografika, l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API u fil-punt 18 tal-Anness I tkopri data, iġġenerata mar-reġistrazzjoni, li tista’ tiġi estratta mill-parti ta’ passaport (jew dokument ieħor tal-ivvjaġġar) li tista’ tinqara mill-magna (149).

158. Għalhekk, il-punt 18 tal-Anness I, interpretat fid-dawl tal-premessi 4 u 9 tad-Direttiva PNR, jidentifika bħala prinċipju b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti tal-inqas in-natura tad-data li huwa jsemmi.

159. Fir-rigward tal-portata tagħha, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API huwa huwa wkoll redatt b’mod “miftuħ”, peress li l-lista ta’ data li huwa jelenka hija ppreċeduta mill-espressjoni “din id-data tinkludi” (150), u, min-naħa l-oħra, li fil-kategorija tad-data API, kif iddefinita fl-istrumenti multilaterali ta’ armonizzazzjoni fil-qasam, hemm ukoll data differenti minn dik imsemmija kemm mid-Direttiva API kif ukoll mill-punt 18 tal-Anness I (151).

160. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex il-punt 18 tal-Anness I jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u preċiżjoni meħtieġa għall-bażijiet legali li jinvolvu ndħil fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, dan għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss id-data API li hija elenkata espressament f’dan il-punt kif ukoll fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API u li nġabret mit-trasportaturi tal-ajru fil-kors normali tal-attivitajiet tagħhom (152).

161. F’dan l-istadju għandhom jiġu riveduti fil-qosor il-punti l-oħra tal-Anness I li, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, huma wkoll ta’ natura “miftuħa” jew li ma humiex suffiċjentement preċiżi, u dan minkejja li l-qorti tar-rinviju ma staqsietx espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tagħhom (153).

162. Fir-rigward, qabel kollox, tal-punt 5 tal-Anness I, li jsemmi “[i]ndirizz u informazzjoni tal-kuntatt (numru tat-telefon, indirizz tal-posta elettronika)”, jekk dan għandu jitqies bħala li jirrigwarda biss l-informazzjoni tal-kuntatt b’mod espress bejn parentesi u għalhekk huwa ta’ natura eżawrjenti, dan ma jispeċifikax madankollu, kif kien il-każ fir-rigward tat-taqsima korrispondenti tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE (154), jekk din l-informazzjoni tal-kuntatt tagħmilx referenza għall-vjaġġatur biss jew għat-terzi li għamlu r-riżervazzjoni tat-titjira għall-passiġġier tal-ajru, għat-terzi li permezz tagħhom jista’ jiġi kkuntattjat passiġġier tal-ajru, jew ukoll għat-terzi li għandhom jiġu infurmati fil-każ ta’ emerġenza (155). Fid-dawl tal-fatt li interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Anness I bħala li jirrigwarda wkoll il-kategoriji ta’ terzi msemmija iktar ’il fuq testendi l-indħil li tinvolvi d-Direttiva PNR għal suġġetti oħra minbarra l-passiġġieri tal-ajru fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ data preċiża li tippermetti li jitqies li l-akkwist sistematiku u ġġeneralizzat tal-informazzjoni tal-kuntatt ta’ dawn it-terzi jikkostitwixxi element strettament meħtieġ għall-effiċjenza tas-sistema ta’ pproċessar tad-data PNR stabbilita minn din id-direttiva, tinterpreta l-imsemmi punt bħala li jirrigwarda biss l-informazzjoni ta’ kuntatt espressament imsemmija fih u li tikkonċerna l-passiġġier tal-ajru li f’ismu tkun saret ir-riżervazzjoni. Ċertament, id-Direttiva PNR ma teskludix li d-data personali ta’ persuni oħra minbarra l-passiġġieri tal-ajru tista’ tkun is-suġġett ta’ trasferiment lill-PIU (156). Madankollu, huwa essenzjali li l-każijiet fejn dan ikun possibbli jkunu indikati b’mod ċar u espliċitu, bħalma huwa l-każ għall-aġenti tal-ivvjaġġar, imsemmija fil-punt 9 tal-Anness I, jew il-kustodji tal-minuri li jivvjaġġaw waħedhom, imsemmija fil-punt 12 ta’ dan l-anness. Fil-fatt, huwa biss jekk din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta li jista’ jitqies li d-deċiżjoni li din id-data tiġi inkluża f’dik li għandha tiġi ttrasferita lill-PIU kienet is-suġġett ta’ ponderazzjoni bejn id-diversi interessi involuti, fis-sens tal-premessa 15 tad-Direttiva PNR, u li t-terzi kkonċernati jistgħu jiġu informati b’mod adegwat dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

163. F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-punt 6 tal-Anness I, li jirrigwarda “[l]-forom kollha tal-informazzjoni dwar il-ħlas, inkluż l-indirizz fejn jintbagħat il-kont”, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 159 tal-Opinjoni 1/15, fir-rigward tat-taqsima korrispondenti tal-anness mal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, dan il-punt għandu jiġi interpretat bħala “li [j]kopri biss l-informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ ħlas u dwar il-ħruġ tal-fattura għall-biljett tal-ajru, bl-esklużjoni ta’ kull informazzjoni oħra li ma hijiex marbuta direttament mat-titjira”. Din l-informazzjoni ma tistax, għaldaqstant, tinkludi, pereżempju, dik dwar il-modalitajiet ta’ ħlas ta’ servizzi oħra li ma humiex direttament marbuta mat-titjira, bħall-kiri ta’ vettura mal-wasla (157).

164. Fir-rigward tal-punt 8, li jirrigwarda l-“[i]nformazzjoni dwar dawk li jivvjaġġaw ta’ spiss”, dan huwa ddefinit mir-regoli tal-ICAO bħala li jirrigwarda n-numru tal-kont u l-istatus ta’ dak li jivvjaġġa ta’ spiss (158). Interpretat f’dan is-sens, dan il-punt jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni.

165. Fir-rigward tal-punt 10 tal-Anness I, li jirrigwarda l-“[is]tatus tal-ivvjaġġar tal-passiġġier, inklużi konfermi, status taċ-check-in, informazzjoni dwar in-nuqqas jew il-preżenza” u tal-punt 13 ta’ dan l-anness, li jirrigwarda l-“[i]nformazzjoni fil-qasam tal-biljetti, inkluż in-numru tal-biljett, id-data tal-ħruġ tal-biljett u biljetti lejn direzzjoni waħda, spazji tal-automated ticket fare quote”, minkejja l-formulazzjoni miftuħa tagħhom, dawn il-punti jirrigwardaw biss informazzjoni preċiża ħafna u identifikabbli b’mod ċar, direttament relatata mat-titjira. L-istess japplika fir-rigward tal-punt 14 tal-Anness I, li jirrigwarda n-“[n]umru tal-post u informazzjoni oħra dwar il-post” u tal-punt 16 ta’ dan l-anness, li jirrigwarda “[l]-informazzjoni kollha dwar il-bagalji”.

–       Fuq ilportata taddata elenkata flAnness I (ittieni domanda preliminari)

166. Fost l-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa n-natura proporzjonata ta’ miżura li tinvolvi ndħil fid-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u8 tal-Karta hemm in-natura adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva tad-data personali pproċessata (prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data”) (159). L-istess test huwa previst mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (160) u rrakkomandat mill-Konvenzjoni 108 (161).

167. Mill-premessa 15 tad-Direttiva PNR jirriżulta li l-lista tad-data PNR li għandha tiġi trażmessa lill-PIU ġiet stabbilita bil-għan, kemm, li jiġu riflessi r-rekwiżiti leġittimi tal-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja kif ukoll li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali permezz tal-applikazzjoni ta’ “standards għoljin”, skont il-Karta, il-Konvenzjoni 108 u l-KEDB. L-istess premessa tippreċiża li d-data PNR għandha, b’mod partikolari, tinkludi biss informazzjoni dwar ir-riżervazzjonijiet u l-itinerarji tal-vjaġġ tal-passiġġieri li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw lill-passiġġieri tal-ajru li jirrappreżentaw theddida għas-sigurtà interna.

168. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura adegwata u rilevanti tad-data PNR li tinsab fl-Anness I, id-diversi punti ta’ dan l-anness, inklużi l-punti 5, 6, 8 u 18, kif nipproponi li jiġu interpretati (162), u l-punt 12, bl-eċċezzjoni tal-parti li nipproponi li tiġi ddikjarata invalida (163), jirrigwardaw biss data li tipprovdi informazzjoni direttament marbuta mal-vjaġġi bl-ajru li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PNR. Barra minn hekk, din id-data għandha rabta oġġettiva mal-iskopijiet imfittxija minn din id-direttiva. B’mod iktar partikolari, id-data API tista’ tintuża b’mod partikolari b’“mod reattiv”, sabiex tiġi identifikata persuna diġà magħrufa mis-servizzi tal-infurzar tal-liġi, pereżempju għaliex hija ssuspettata li hija involuta f’reati terroristiċi jew f’kriminalità serja li diġà twettqu, jew li qiegħda fil-punt li twettaq tali reat, filwaqt li d-data PNR tista’ tintuża pjuttost b’“mod reali jew proattiv”, sabiex jiġi identifikat theddid li ġej minn persuna li għadha ma hijiex magħrufa mis-servizzi tal-infurzar tal-liġi.

169. F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-portata tad-data PNR elenkata fl-Anness I, din id-data, inkluża dik li tinsab fil-punti 5, 6, 8, 12 u 18 ta’ dan l-anness, kif nipproponi li jiġu interpretati fil-punti 134 sa 164 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma tidhirx eċċessiva, fid-dawl, minn naħa, tal-importanza tal-għan ta’ sigurtà pubblika mfittex mid-Direttiva PNR u, min-naħa l-oħra, tal-kapaċità tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva li tilħaq tali għan.

170. Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-data API, li dwarha tistaqsi b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju, nirrileva li din id-data, ta’ natura bijografika u li tikkonċerna r-rotta meħuda, bħala regola ġenerali tippermetti biss li tinkiseb informazzjoni limitata dwar il-ħajja privata tal-passiġġieri kkonċernati. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-punt 18 tal-Anness I jirrigwarda informazzjoni li ma tinsabx fost dik espressament imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API, din l-informazzjoni, dwar l-identità tal-passiġġier tal-ajru (is-sess), id-dokument tal-ivvjaġġar użat (pajjiż ta’ ħruġ, data ta’ skadenza ta’ kull dokument tal-identità), jew ukoll dwar it-titjira meħuda (kumpannija tal-ajru, numru tat-titjira, data u ajruport tat-tluq u tal-wasla), tikkoinċidi parzjalment jew tista’ tiġi estratta mid-data PNR li tidher f’punti oħra tal-Anness I, pereżempju l-punti 3, 7 u 13. Barra minn hekk, sa fejn din tirrigwarda data bijografika jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar użati, l-imsemmija informazzjoni tista’ tgħin lis-servizzi tal-infurzar tal-liġi sabiex jivverifikaw l-identità ta’ persuna u b’hekk tnaqqas, kif tirrileva l-premessa 9 tad-Direttiva PNR, ir-riskju li persuni innoċenti jiġu suġġetti għal verifiki u għal investigazzjonijiet mhux iġġustifikati. Fl-aħħar, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li l-punt 18 tal-Anness I jinkludi data addizzjonali meta mqabbla ma’ dik li tinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API ma jistax iwassal awtomatikament għall-affermazzjoni tan-natura eċċessiva ta’ din id-data, sa fejn din id-direttiva u d-Direttiva PNR ifittxu għanijiet differenti.

171. Fir-rigward tad-data li tikkonċerna l-minuri mhux akkumpanjati, elenkata fil-punt 12 tal-Anness I, din tikkonċerna kategorija vulnerabbli ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali, inkluż fir-rigward tar-rispett għall-ħajja privata tagħhom u l-protezzjoni tad-data personali tagħhom (164). Jibqa’ l-fatt li limitazzjoni ta’ dawn id-drittijiet tista’ tkun meħtieġa, b’mod partikolari sabiex it-tfal jiġu protetti minn kriminalità serja li jistgħu jkunu vittmi tagħha, bħat-traffikar u l-isfruttament sesswali tat-tfal jew il-ħtif tat-tfal. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat a priori li l-punt 12 tal-Anness I, sa fejn jeżiġi t-trasferiment ta’ numru ta’ data personali ikbar għal dak li jirrigwarda l-minuri mhux akkumpanjati jeċċedi dak li huwa strettament neċessarju.

172. Għalkemm id-data personali li t-trasportaturi tal-ajru huma obbligati jittrażmettu lill-PIU skont id-Direttiva PNR tissodisfa, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżiti ta’ adegwatezza u ta’ rilevanza u għalkemm il-portata tagħha ma taqbiżx dak li huwa strettament neċessarju għall-funzjonament ta’ sistema stabbilita minn din id-direttiva, jibqa’ l-fatt li tali trażmissjoni tikkonċerna numru sinjifikattiv ta’ data personali ta’ natura varjata għal kull passiġġier ikkonċernat kif ukoll numru estremament għoli ta’ tali data f’termini assoluti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa essenzjali li tali trasferiment ikun marbut ma’ garanziji suffiċjenti intiżi, minn naħa, li jiżguraw li tiġi ttrasferita biss id-data espressament imsemmija u, min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data ttrasferita.

173. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-leġiżlatur tal-Unjoni, qabel kollox, ippreveda serje ta’ garanziji li jippermettu li jiġu limitati l-kategoriji ta’ data PNR magħmula aċċessibbli mis-servizzi tal-infurzar tal-liġi u li jiġi żgurat li dan l-aċċess jibqa’ limitat għad-data biss li l-ipproċessar tagħha huwa meqjus bħala neċessarju għall-finijiet tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva PNR. Għalhekk, l-ewwel, din id-direttiva telenka, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tar-risposta għat-tielet domanda preliminari, b’mod eżawrjenti u preċiż id-data li tista’ tiġi ttrasferita lill-PIU. It-tieni, id-Direttiva PNR tindika espliċitament li biss id-data inkluża f’din il-lista, li tirriżulta minn ponderazzjoni bejn l-interessi u r-rekwiżiti differenti msemmija fil-premessa 15 ta’ din id-direttiva, tista’ tkun is-suġġett ta’ trasferiment lill-PIU (Artikolu 6(1) tad-Direttiva PNR). It-tielet, din id-direttiva tippreċiża li, meta d-data PNR ittrasferita jkun fiha data differenti minn dik elenkata fl-Anness I, il-PIU tħassarha “immedjatament u permanentement malli tasal” (Artikolu 6(1) tad-Direttiva PNR). Ir-raba’, l-imsemmija direttiva tipprevedi li d-data PNR imsemmija fl-Anness I tista’ tkun is-suġġett ta’ trasferiment biss sa fejn din tkun diġà nġabret mit-trasportaturi tal-ajru fil-kors normali tal-attivitajiet tagħhom (Artikolu 8(1) tad-Direttiva PNR u l-premessa 8 tagħha), fatt li jimplika li mhux id-data kollha li tinsab fl-Anness I hija sistematikament aċċessibbli għall-PIU, iżda biss dik li tinsab fis-sistema ta’ riżervazzjoni tal-operatur ikkonċernat. Il-ħames, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva PNR jimponi fuq it-trasportaturi tal-ajru li jużaw il-metodu “push” sabiex jittrażmettu d-data PNR lill-PIU. Dan il-metodu, irrakkomandat mil-Linji gwida tal-ICAO (165), jimplika li l-imsemmija trasportaturi jittrasferixxu huma stess id-data PNR fid-databases tal-PIU. Meta mqabbel mal-metodu “pull”, li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jaċċedu għas-sistemi tal-operaturi u jirtiraw mid-databases tagħhom kopja tad-data meħtieġa, il-metodu “push”, jippreżenta iktar garanziji peress li jagħti lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat ir-rwol ta’ gwardjan u ta’ kontrollur tad-data PNR. Fl-aħħar, filwaqt li tikkonforma mal-Linji gwida tal-ICAO u mal-prinċipju ta’ “one-stop shop” (166), id-Direttiva PNR tipprevedi li t-trasferiment tad-data PNR iseħħ permezz ta’ organu wieħed, il-PIU, li taġixxi taħt is-superviżjoni tal-uffiċjal imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva u, fuq kollox, taħt dik tal-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva.

174. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva PNR tipprevedi ċertu numru ta’ garanziji intiżi li jippreżervaw is-sigurtà tad-data PNR. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva, li jirrendi applikabbli għall-ipproċessar kollu ta’ data personali mwettaq bis-saħħa tagħha l-Artikoli 28 u 29 tad-Direttiva tal-Pulizija, dwar il-kunfidenzjalità tal-ipproċessar u s-sigurtà tad-data, kif ukoll għall-Artikolu 13(3) li, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data PNR mit-trasportaturi tal-ajru, ifakkar l-obbligi imposti fuq dawn tal-aħħar taħt ir-RĠPD, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li għandhom jittieħdu sabiex tiġi protetta s-sigurtà u l-kunfidenzjalità ta’ din id-data (167).

175. Fl-aħħar, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva PNR tirrikonoxxi, fil-premessi 29 u 37 tagħha, id-dritt tal-passiġġieri li jirċievu “informazzjoni preċiża li hi faċilment aċċessibbli u li tista’ tinftiehem faċilment”, fost l-oħrajn, dwar il-ġbir tad-data PNR, filwaqt li titlob lill-Istati Membri jiżguraw li dan id-dritt jiġi rrispettat. Għalkemm dan ir-rikonoxximent ma huwiex rifless, fit-test tad-Direttiva PNR, f’dispożizzjoni li għandha valur vinkolanti, infakkar li, kif indikajt waqt l-eżami tal-ewwel domanda preliminari, id-dispożizzjonijiet tar-RĠPD japplikaw għat-trasferiment tad-data PNR lill-PIU. Għaldaqstant, it-trasportaturi tal-ajru huma obbligati, fil-kuntest ta’ dan it-trasferiment, jikkonformaw ruħhom, inter alia, mal-Artikoli 13 u 14 tar-RĠPD, li jipprevedu d-dritt għal informazzjoni tal-persuni kkonċernati minn ipproċessar ta’ data personali. Għalkemm jeħtieġ li, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva PNR, l-Istati Membri jipprevedu espressament id-dritt għal informazzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, kif irrikonoxxut mill-premessi 29 u 37 ta’ din id-direttiva, fi kwalunkwe każ huma ma jistgħux, sa fejn ikun kuntrarju għall-ispirtu tagħha, jillimitaw il-portata tal-Artikoli 13 u 14 tar-RĠPD skont l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament. Issa, sabiex ikun effettiv, tali dritt għandu jirrigwarda wkoll il-kategoriji ta’ data PNR li huma s-suġġett ta’ trasferiment.

176. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-opinjoni li d-data PNR li l-ipproċessar tagħha huwa previst mid-Direttiva PNR, bla ħsara għal-limitazzjonijiet issuġġeriti u għall-preċiżazzjonijiet magħmula fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari, hija rilevanti, adegwata u mhux eċċessiva fid-dawl tal-iskopijiet imfittxija minn din id-direttiva u li l-portata tagħha ma tmurx lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-iskopijiet.

–       Fuq iddata sensittiva

177. Id-Direttiva PNR tipprojbixxi b’mod ġenerali kull ipproċessar tad-“data sensittiva” (168).

178. Għalkemm din id-direttiva ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “data sensittiva”, mill-Artikolu 13(4) tagħha jirriżulta li hija tinkludi, tal-inqas, id-“data tal-PNR li tiżvela r-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew twemmin filosofiku, is-sħubija ma’ trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna” (169). Fil-punt 165 tal-Opinjoni 1/15, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li kull miżura bbażata fuq il-premessa li waħda jew iktar minn dawn il-karatteristiċi “tista’, fiha nfisha u indipendentement mill-aġir individwali tal-ivjaġġatur ikkonċernat, tkun rilevanti fid-dawl tal-għan tal-ipproċessar tad-data tal-PNR [] tikser id-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tagħha”. Billi tipprojbixxi kull ipproċessar tad-data msemmija fl-Artikolu 13(4) tagħha, id-Direttiva PNR tosserva għalhekk il-limiti imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-użu ta’ dawn il-kategoriji ta’ data fil-kuntest ta’ sistema ta’ pproċessar tad-data PNR, kemm jekk taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, taħt id-dritt tal-Unjoni jew taħt ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni.

179. Il-projbizzjoni ġenerali ta’ pproċessar ta’ data sensittiva stabbilita mid-Direttiva PNR tinkludi wkoll il-ġbir tagħha. Għalhekk, kif tindika espressament il-premessa 15 ta’ din id-direttiva, id‑19‑il taqsima li jinsabu fl-Anness I ma humiex ibbażati fuq id-data PNR imsemmija fl-Artikolu 13(4) tagħha.

180. Għalkemm l-ebda waħda minn dawn it-taqsimiet ma ssemmi espliċitament tali data, din tal-aħħar tista’ madankollu taqa’ b’mod partikolari taħt it-taqsima “Kummenti ġenerali”, prevista fil-punt 12 tal-Anness I, li tikkostitwixxi “kamp miftuħ”, li tista’ tkopri, kif diġà kelli l-okkażjoni nosserva fil-kuntest tal-eżami tat-tielet domanda preliminari, numru indefinit ta’ informazzjoni ta’ natura differenti. Fil-fatt jeżisti riskju konkret, kif barra minn hekk irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 164 tal-Opinjoni 1/15, li informazzjoni li taqa’ taħt l-imsemmija taqsima, li tirrigwarda pereżempju preferenzi dijetetiċi, talbiet għal assistenza, rati fissi ta’ prezz favur ċerti kategoriji ta’ persuni jew ta’ assoċjazzjonijiet, tiżvela, b’mod dirett, data sensittiva fis-sens tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva PNR, dwar b’mod partikolari t-twemmin reliġjuż tal-passiġġieri kkonċernati, l-istat ta’ saħħa tagħhom jew is-sħubija tagħhom f’sindakat jew f’partit politiku.

181. Issa, peress li l-ipproċessar ta’ din id-data huwa fi kwalunkwe każ eskluż mid-Direttiva PNR, it-trasferiment tagħha mit-trasportaturi tal-ajru mhux biss jeċċedi manifestament dak li huwa strettament neċessarju, iżda jirriżulta wkoll nieqes minn kull utilità. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-PIU huma fi kwalunkwe każ obbligati, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva PNR, iħassru immedjatament id-data PNR li tiżvela waħda mill-informazzjoni elenkata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(4) dan il-paragrafu ma jippermettix li jiġi awtorizzat jew iġġustifikat trasferiment ta’ din id-data (170), peress li l-projbizzjoni tal-ipproċessar tagħha stabbilita mill-imsemmija direttiva għandha tapplika mill-ewwel stadju tal-ipproċessar tad-data PNR. L-obbligu ta’ tħassir tad-data sensittiva għalhekk jikkostitwixxi biss garanzija supplimentari li din id-direttiva tipprevedi fil-każ fejn, eċċezzjonalment, tali data tiġi ttrasferita lill-PIU bi żball.

182. Barra minn hekk, nirrileva, kif osserva l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-punt 222 tal-konklużjonijiet tiegħu fl-Opinjoni 1/15 (171), li, peress li l-informazzjoni li taqa’ taħt it-taqsimiet “test liberu” bħat-taqsima “Kummenti ġenerali”, prevista fil-punt 12 tal-Anness I li tista’ tinkludi data sensittiva skont l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva PNR, hija kkomunikata mill-passiġġieri b’mod fakultattiv biss, ftit li xejn huwa probabbli li persuni involuti f’reati terroristiċi jew li jaqgħu taħt il-kriminalità serja jipproċedu għal tali komunikazzjoni spontanja, b’mod li t-trasferiment sistematiku ta’ din id-data jista’ probabbilment jikkonċerna biss, fil-parti l-kbira, persuni li jkunu talbu sabiex jibbenefikaw minn servizz addizzjonali li fir-realtà ma huma ta’ ebda interess għas-servizzi tal-infurzar tal-liġi (172).

183. Fil-kuntest tal-eżami tat-tielet domanda preliminari, wasalt għall-konklużjoni li l-punt 12 tal-Anness I, sa fejn jirreferi għat-taqsima “Kummenti ġenerali”, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Għar-raġunijiet li għadni kif esponejt, inqis li l-inklużjoni ta’ din it-taqsima fil-kategoriji ta’ data li hija s-suġġett ta’ trasferiment sistematiku lill-PIU, mingħajr ma tingħata ebda preċiżazzjoni dwar l-informazzjoni li din tista’ tkopri, lanqas ma tissodisfa l-kriterju ta’ neċessità previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja (173).

184. Madankollu, l-esklużjoni tat-taqsimiet imsejħa “test liberu” mil-lista tad-data PNR li għandha tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet tal-Istat fil-kuntest ta’ sistema ta’ pproċessar tad-data PNR ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi eliminat ir-riskju li data sensittiva madankollu titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet. Tali data tista’ fil-fatt mhux biss tiġi dedotta direttament minn informazzjoni li taqa’ f’dawn it-taqsimiet, iżda wkoll tiġi żvelata indirettament jew preżunta minn informazzjoni li tinsab f’taqsimiet “ikkodifikati”. Għalhekk, sabiex nagħti eżempju, l-isem tal-passiġġier tal-ajru jista’ jipprovdi indikazzjonijiet jew, tal-inqas, jippermetti li jitressqu suppożizzjonijiet, fuq l-oriġini etnika jew fuq l-appartenenza reliġjuża tal-passiġġier ikkonċernat. L-istess japplika għan-nazzjonalità. Din id-data ma tistax, bħala prinċipju, tiġi eskluża mil-lista tad-data PNR li għandha tiġi ttrasferita, u lanqas ma tista’ titħassar mill-awtoritajiet awtorizzati jirċevuha. Għalhekk, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ stigmatizzazzjoni, abbażi ta’ karatteristiċi protetti, ta’ numru kbir ta’ individwi li madankollu ma huma ssuspettati b’ebda reat, huwa neċessarju li sistema ta’ pproċessar tad-data PNR tipprevedi garanziji suffiċjenti li jippermettu li jiġi eskluż, f’kull stadju tal-ipproċessar tad-data miġbura, li dan l-ipproċessar ikun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni, direttament jew indirettament tali karatteristiċi, pereżempju, billi jiġu applikati, waqt l-analiżi awtomatizzata, seletturi bbażati fuq dawn il-karatteristiċi. Ser nerġa’ lura għal dan il-punt iktar ’il quddiem fl-analiżi tiegħi.

185. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, inqis, bla ħsara għall-konklużjoni li wasalt għaliha fil-punt 183 iktar ’il fuq, li d-Direttiva PNR tipprevedi, fl-istadju tat-trasferiment tad-data PNR lill-PIU, garanziji suffiċjenti intiżi li jipproteġu d-data sensittiva.

iii) Fuq ilkunċett ta’ “passiġġier” (irraba’ domanda preliminari)

186. Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk is-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR, sa fejn tippermetti t-trasferiment u l-ipproċessar iġġeneralizzat tad-data PNR ta’ kull persuna li tissodisfa l-kunċett ta’ “passiġġier” fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, indipendentement minn kull element oġġettiv li jippermetti li jitqies li l-persuna kkonċernata tista’ tippreżenta riskju għas-sigurtà pubblika, hijiex kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Hija tistaqsi b’mod partikolari dwar il-possibbiltà li tiġi trasposta għas-sistema ta’ pproċessar ta’ data personali stabbilita mid-Direttiva PNR il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward taż-żamma u tal-aċċess għad-data fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

187. F’din il-ġurisprudenza, f’dak li huwa ta’ interess għall-proċedura preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li leġiżlazzjoni li, bil-għan li tiġġieled kontra l-kriminalità serja, tipprevedi ż-żamma preventiva ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data ta’ lokalizzazzjoni (174), bil-għan tal-aċċess mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, mingħajr ma ssir ebda distinzjoni, limitazzjoni u lanqas eċċezzjoni abbażi tal-għan imfittex, ma tistax, bħala prinċipju, titqies bħala ġġustifikata f’soċjetà demokratika (175). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet bl-istess mod fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, bil-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kienet tipprevedi l-analiżi awtomatizzata tad-data kollha msemmija permezz ta’ filtrazzjoni mwettqa mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u b’applikazzjoni ta’ parametri ddeterminati minnhom (176). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali miżuri jistgħu jiġu ġġustifikati biss f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat ikollu quddiemu theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tkun reali u attwali jew prevedibbli u meta d-deċiżjoni li tipprovdi għall-implimentazzjoni tagħhom tkun is-suġġett ta’ eżami effettiv jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti (177). L-użu ta’ dawn il-miżuri f’sitwazzjonijiet bħal dawn għandu, barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ikun limitat fiż-żmien għal dak li huwa strettament neċessarju u ma jistax fi kwalunkwe każ ikun ta’ natura sistematika (178).

188. Barra minn hekk, nirrileva li għalkemm, f’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma waslitx sabiex tiddikjara espressament, bħal fis-sentenza Schrem I, l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, hija madankollu qieset li l-miżuri inkwistjoni kienu jilħqu livell ta’ gravità tal-indħil tali li, ħlief fil-każ limitat ta’ theddid speċifiku għas-sigurtà nazzjonali ta’ Stat Membru, dawn ma setgħux sempliċement jitqiesu bħala limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u għalhekk konformi mal-Karta (179), indipendentement mill-garanziji eventwali previsti kontra r-riskji ta’ abbuż u aċċess illegali għad-data kkonċernata (180).

189. Diġà kelli l-okkażjoni li nenfasizza li leġiżlazzjoni bħal dik prevista mid-Direttiva PNR tikkondividi ma’ miżuri bħal dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijet ċertu numru ta’ elementi komuni, li jagħtuha natura partikolarment intrużiva. Għalhekk, din id-direttiva tistabbilixxi sistema ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ ġbir u ta’ analiżi awtomatizzata tad-data personali ta’ porzjon sinjifikattiv tal-popolazzjoni, li tapplika b’mod globali għall-persuni kollha li jissodisfaw il-kunċett ta’ “passiġġier” li jinsab fil-punt 4 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva u, konsegwentement, ukoll għal dawk li għalihom ma teżisti ebda indikazzjoni ta’ natura li tagħti x’jinftiehem li l-aġir ta’ dawn il-persuni jista’ jkollu rabta, anki indiretta jew imbiegħda, ma’ attivitajiet ta’ terroriżmu jew li jaqgħu taħt il-kriminalità serja. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-ġurisprudenza tistax tiġi trasposta għal sistema ta’ pproċessar tad-data PNR bħal dik stabbilita mid-Direttiva PNR.

190. F’dan ir-rigward, nirrileva li, fl-Opinjoni 1/15, meta eżaminat, fil-punti 186 sa 189 tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE, il-Qorti tal-Ġustizzja evitat kull paragun bejn, minn naħa, il-miżuri intiżi għaż-żamma u l-aċċess iġġeneralizzat u indifferenzjat għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għad-data dwar it-traffiku u għad-data ta’ lokalizzazzjoni u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment tad-data PNR u l-ipproċessar awtomatizzat tagħha fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri prevista mill-imsemmi ftehim. Madankollu, fiż-żmien meta ngħatat din l-opinjoni, diġà kien hemm ġurisprudenza stabbilita sew – ikkonfermata, ftit xhur biss qabel din ingħatat, mis-sentenza Tele2 Sverige, li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju –, li fiha l-imsemmija miżuri kienu, ħlief għal sitwazzjonijiet speċifiċi u puntwali (181), meqjusa inkompatibbli mal-Karta (182). Is-sentenzi l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, u b’mod partikolari s-sentenza La Quadrature du Net, jinsabu fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, filwaqt li jippreċiżawha u, f’ċerti aspetti, jisfumawha.

191. Fl-imsemmija punti tal-Opinjoni 1/15, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod espliċitu li ma kienx jidher li l-Ftehim PNR Kanada‑UE kien jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, f’dak li kien jippermetti t-trasferiment u l-ipproċessar awtomatizzat, għall-finijiet tal-evalwazzjoni minn qabel tagħha, tad-data PNR tal-passiġġieri kollha tal-ajru lejn il-Kanada, u dan minkejja li tali trasferiment u tali pproċessar kellhom iseħħu “indipendentement minn kwalunkwe element oġġettiv li jippermetti li jitqies li l-passiġġieri jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika fil-Kanada” (183). Fil-punt 187 ta’ din l-opinjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet sabiex tafferma li “l-esklużjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni, jew ta’ ċerti żoni ta’ oriġini, tkun ta’ natura li timpedixxi li jintlaħaq l-għan tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR, jiġifieri l-identifikazzjoni, permezz ta’ verifika ta’ din id-data, tal-persuni li jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika fost il-passiġġieri tal-ajru kollha, u li tippermetti li tiġi evitata din il-verifika” (184).

192. Għalhekk, tal-inqas fir-rigward tat-trasferiment iġġeneralizzat u indifferenzjat tad-data PNR, il-Qorti tal-Ġustizzja tbegħdet mill-approċċ, iktar rigoruż, adottat fil-qasam taż-żamma u tal-aċċess għall-metadata.

193. Għalkemm ma jistax jiġi miċħud li, fir-raġunament tagħha, hija ħadet inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 152 u 188 tal-Opinjoni 1/15, minn naħa, il-konstatazzjoni li l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR jiffaċilita l-kontrolli ta’ sigurtà, b’mod partikolari fil-fruntieri, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li, konformement mal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-passiġġieri tal-ajru li jixtiequ jidħlu fit-territorju ta’ Stat parti għal din il-konvenzjoni huma obbligati li jissuġġettaw ruħhom għall-kontrolli u li josservaw il-kundizzjonijiet għad-dħul u għall-ħruġ stabbiliti minn dan l-Istat, inkluża l-verifika tad-data PNR tagħhom, inqis li hemm raġunijiet oħra li jimmilitaw favur tali diversità ta’ approċċ u, fost dawn, fl-ewwel lok, in-natura tad-data pproċessata.

194. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi li mhux biss il-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda wkoll il-metadata jistgħu jiżvelaw informazzjoni dwar “numru sinjifikattiv ta’ aspetti tal-ħajja privata tal‑persuni kkonċernati, inkluż informazzjoni sensittiva bħall‑orjentazzjoni sesswali, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż, filosofiku, soċjali u oħrajn kif ukoll l-istat tas-saħħa”, li din id-data, meħuda fit-totalità tagħha, “tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħalma huma l-użanzi tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ soġġorn permanenti jew temporanji, il-vjaġġi ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom” u li l-imsemmija data tipprovdi, b’mod partikolari, il-mezzi sabiex jiġi stabbilit “il-profil tal-persuni kkonċernati, informazzjoni li hija daqstant ieħor sensittiva, fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata bħalma huwa l-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet” (185). Infakkar, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjonijiet eżaminati sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż dik li tinsab fid-Direttiva 2006/24, ma kienu jipprevedu l-ebda eċċezzjoni u kienu japplikaw ukoll għall-komunikazzjonijiet lejn jew minn servizzi ta’ natura soċjali jew reliġjuża jew professjonisti suġġetti għal obbligi ta’sigriet professjonali. Għalhekk, filwaqt li ma stabbilixxietx ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu affermat li, “fid-dawl tan-natura sensittiva tal-informazzjoni li d-data dwar it‑traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni tista’ tagħti, il-kunfidenzjalità ta’ din id-data hija essenzjali għad-dritt tar-rispett tal-ħajja privata” (186).

195. Għall-kuntrarju, għalkemm huwa minnu li, kif fakkart fil-punti 77 u 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fl-Opinjoni 1/15, li d-data PNR tista’, jekk ikun il-każ, tiżvela informazzjoni preċiża ħafna dwar il-ħajja privata ta’ persuna (187), hija madankollu affermat li n-natura ta’ din l-informazzjoni hija limitata għal ċerti aspetti ta’ din il-ħajja privata (188), fatt li jirrendi l-aċċess għal tali data inqas intrużiv mill-aċċess għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll għad-data dwar it-traffiku u għad-data ta’ lokalizzazzjoni.

196. Fit-tieni lok, mhux biss in-natura tad-data PNR hija differenti minn dik tad-data dwar it-traffiku u tad-data ta’ lokalizzazzjoni, iżda huma differenti wkoll in-numru u l-varjetà tal-informazzjoni li tista’ tiġi żvelata minn dawn id-diversi kategoriji ta’ data, peress li dik li tinsab fid-data PNR hija kemm kwantitattivament kif ukoll kwalitattivament iktar limitata. Dan jiddependi mhux biss mill-fatt li s-sistemi ta’ pproċessar iġġeneralizzat u indifferenzjat tad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jikkonċernaw kważi t-totalità tal-popolazzjoni kkonċernata, filwaqt li s-sistemi ta’ pproċessar tad-data PNR japplikaw għal ċirku iktar ristrett, għalkemm b’mod numeriku sinjifikattiv, ta’ individwi, iżda wkoll mill-frekwenza ta’ użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi u mill-multipliċità tagħhom. Barra minn hekk, id-Direttiva PNR tipprevedi l-ġbir u l-ipproċessar ta’ numru limitat u speċifikat b’mod eżawrjenti ta’ data PNR, bl-esklużjoni ta’ data li taqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Artikolu 13(4) ta’ din id-direttiva, b’mod li, jekk mhux il-kwantità tal-inqas is-sensittività tal-informazzjoni dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati li tista’ tirriżulta minnhom tista’, parzjalment, tiġi evalwata minn qabel (189). Issa, tali limitazzjoni tat-tipoloġija tad-data msemmija, li tippermetti li tiġi eskluża parti kbira minn dik li tista’ taħbi informazzjoni sensittiva, hija biss parzjalment possibbli fir-rigward tad-data dwar it-traffiku u tad-data ta’ lokalizzazzjoni, fid-dawl tan-numru ta’ utenti u ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni kkonċernati (190).

197. Fit-tielet lok, kull ipproċessar tal-metadata tal-komunikazzjonijiet elettroniċi mhux biss jista’ jaffettwa l-isfera intima tal-ħajja ta’ kważi t-totalità tal-popolazzjoni, iżda wkoll jinterferixxi mal-eżerċizzju ta’ libertajiet oħra li permezz tagħhom tiġi eżerċitata l-parteċipazzjoni ta’ kull individwu fil-ħajja soċjali u demokratika ta’ pajjiż (191), u joħloq riskju, b’mod partikolari, li jkollu effett dissważiv fuq il-libertà tal-espressjoni tal-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (192), li tikkostitwixxi “wieħed mill-bażijiet essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralista” li tagħmel parti mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (193). Dan l-aspett huwa inerenti għall-miżuri li jirrigwardaw dawn il-kategoriji ta’ data personali u ma jikkonċernax, bħala prinċipju, is-sistemi ta’ pproċessar tad-data PNR.

198. Fir-raba’ lok, prinċipalment minħabba n-numru u l-varjetà tal-informazzjoni ta’ natura sensittiva li tista’ tiġi estratta mill-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll mid-data dwar it-traffiku u mid-data ta’ lokalizzazzjoni, jeżisti riskju ta’ arbitrarjetà marbut mal-ipproċessar ta’ din id-data sinjifikattivament ogħla milli fir-rigward tas-sistemi ta’ pproċessar tad-data PNR.

199. Għar-raġunijiet kollha li għadni kif esponejt, jiena tal-opinjoni li l-approċċ iktar strett segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ma huwiex trasponibbli bħala tali għas-sistemi tal-ipproċessar tad-data PNR. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà esprimiet ruħha, tal-inqas impliċitament, f’dan is-sens fl-Opinjoni 1/15, fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali li jistabbilixxi tali sistema għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà ta’ pajjiż terz. L-istess pożizzjoni hija ġġustifikata, fil-fehma tiegħi, a fortiori, fir-rigward tad-Direttiva PNR, li l-għan tagħha huwa l-protezzjoni tas-sigurtà interna tal-Unjoni.

200. Dan premess, għandu jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-punt 216 tal-konklużjonijiet tiegħu fl-Opinjoni 1/15 (194), li l-interess stess tas-sistemi ta’ pproċessar tad-data PNR, kemm jekk jiġu adottati b’mod unilaterali jew kemm jekk ikunu s-suġġett ta’ ftehim internazzjonali, huwa preċiżament li tiġi ggarantita t-trażmissjoni massiva ta’ data li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw, bl-għajnuna ta’ għodod ta’ pproċessar awtomatizzat u ta’ xenarji jew ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel, individwi, mhux magħrufa mis-servizzi tal-infurzar tal-liġi, iżda li jidhru li huma ta’ “interess” jew ta’ riskju għas-sigurtà pubblika u li għalhekk jistgħu jkunu suġġetti sussegwentement għal kontrolli individwali iktar iddettaljati. Ir-rekwiżit ta’ “suspett raġonevoli” li huwa affermat fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-interċettazzjonijiet mmirati pprattikati fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali (195) u f’dik tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żamma tal-metadata (196) huwa għalhekk, inqas rilevanti fil-kuntest ta’ tali trażmissjoni u tali pproċessar (197). L-għan, b’mod partikolari, ta’ prevenzjoni segwit minn tali sistemi lanqas ma jista’ jintlaħaq billi l-applikazzjoni tagħhom tiġi limitata għal kategorija speċifika ta’ individwi, kif il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk affermat fil-punti tal-Opinjoni 1/15 imfakkra fil-punt 191 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod li l-portata tad-Direttiva PNR tidher li tiżgura l-kisba effettiva ta’ dan l-għan (198).

201. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-importanza strateġika tal-ipproċessar tad-data PNR bħala strument essenzjali tar-rispons komuni tal-Unjoni għat-terroriżmu u għall-kriminalità serja u bħala komponent ewlieni tal-Unjoni tas-Sigurtà ġiet enfasizzata diversi drabi mill-Kummissjoni (199). Fil-kuntest ta’ “approċċ globali” għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-rwol li għandhom is-sistemi ta’ pproċessar tad-data PNR ġie rrikonoxxut ukoll mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li, fir-Riżoluzzjoni 2396 (2017) (200), impona fuq l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti “[jsaħħu] il-kapaċità tagħhom li jiġbru, jipproċessaw u janalizzaw, fil-kuntest tal-istandards u tal-prattiki rrakkomandati tal-ICAO, id-data [PNR] u jiżguraw li din id-data tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha u użata minnhom, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u b’osservanza sħiħa tal-libertajiet fundamentali bil-għan li jiġu evitati, skoperti u investigati r-reati terroristiċi u l-ivjaġġar terroristiku” (201). Dan l-obbligu huwa affermat mill-ġdid fir-Riżoluzzjoni 2482/2019 dwar it-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja (202).

202. F’dan il-kuntest, l-adozzjoni ta’ sistema ta’ pproċessar tad-data PNR armonizzata fil-livell tal-Unjoni, kemm fir-rigward tat-titjiriet barra l-UE kif ukoll, għall-Istati li użaw l-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR, fir-rigward tat-titjiriet ġewwa l-UE, tippermetti li jiġi żgurat li l-ipproċessar ta’ din id-data jsir b’osservanza tal-livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta stabbilit minn din id-direttiva u tipprovdi sistema legali ta’ riferiment għan-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-data PNR (203).

203. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li s-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR tkopri b’mod indifferenzjat lill-passiġġieri tal-ajru kollha, kif ġustament enfasizza b’mod partikolari l-Parlament fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, u kif enfasizza wkoll il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni 2396(2017), li jsemmi r-riskju konkret tal-użu tal-avjazzjoni ċivili għal finijiet terroristiċi kemm bħala mezz ta’ trasport kif ukoll bħala mira (204), teżisti rabta oġġettiva bejn it-trasport bl-ajru u t-theddid għas-sigurtà pubblika assoċjat, b’mod partikolari, mat-terroriżmu u, għall-inqas, ma’ ċertu kriminalità serja, bħal, mod partikolari, it-traffikar tad-droga jew it-traffikar ta’ bnedmin, li għandhom, barra minn hekk, komponent transkonfinali qawwi.

204. Fl-aħħar, għandu jiġi enfasizzat, kif argumentaw il-Parlament, il-Kunsill u diversi Stati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, li l-passiġġieri tal-ajru huma meħtieġa jissottomettu ruħhom għal kontrolli ta’ sigurtà mad-dħul jew mal-ħruġ mill-Unjoni (205). It-trasferiment u l-ipproċessar tad-data PNR qabel il-wasla tagħhom jew qabel it-tluq tagħhom jiffaċilitaw u jħaffu dawn il-kontrolli, kif irrilevat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/15, billi jippermettu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jiffokaw fuq il-passiġġieri li fir-rigward tagħhom huma jkollhom elementi fattwali li jindikaw riskju reali għas-sigurtà (206).

205. Fl-aħħar, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-estensjoni tas-sistema tad-Direttiva PNR għat-titjiriet ġewwa l-UE, għalkemm kull impatt fuq il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni, stabbilita b’mod partikolari fl-Artikolu 45 tal-Karta, ma jistax jiġi eskluż a priori, l-indħil fil-ħajja privata li tinvolvi d-Direttiva PNR, għalkemm serju, ma huwiex, fil-fehma tiegħi, tali li jkollu, fih innifsu, effett dissważiv fuq l-eżerċizzju ta’ din il-libertà, peress li l-ipproċessar tad-data PNR jista’ saħansitra jiġi pperċepit mill-pubbliku bħala miżura meħtieġa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-vjaġġi bl-ajru (207). Jibqa’ l-fatt li l-eventwalità ta’ tali effett dissważiv għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ kontinwi.

206. Madankollu, sabiex tiġi osservata l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 107 u 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva PNR ma tistax tillimita ruħha li teżiġi li l-aċċess u l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha jissodisfaw l-iskop imfittex, iżda hija għandha tipprevedi wkoll, u dan b’mod ċar u preċiż, il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw dan l-aċċess u dan l-ipproċessar kif ukoll l-użu ulterjuri ta’ din id-data (208) u tipprevedi garanziji adegwati f’kull stadju ta’ dan il-proċess. Diġà semmejt, waqt l-eżami tat-tieni domanda preliminari, il-garanziji marbuta mat-trasferiment tad-data PNR lill-PIU. Ser nirrevedi, waqt l-eżami tas-sitt domanda preliminari, dawk li jakkumpanjaw b’mod iktar speċifiku l-ipproċessar awtomatizzat ta’ din id-data, kif ukoll, fil-kuntest tal-eżami tat-tmien domanda preliminari, dawk marbuta maż-żamma tagħha.

207. Qabel ma nibda dan l-eżami, nixtieq nenfasizza, l-importanza fundamentali li għandu, fil-kuntest tas-sistema ta’ garanziji stabbilita mid-Direttiva PNR, il-kontroll eżerċitat mill-awtorità indipendenti msemmija fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva. Konformement ma’ dan l-artikolu, kull ipproċessar ta’ data previst mill-imsemmija direttiva huwa suġġett għas-sorveljanza ta’ awtorità ta’ sorveljanza indipendenti, li għandha s-setgħa tivverifika l-legalità ta’ dan l-ipproċessar, li twettaq investigazzjonijiet, spezzjonijiet u awditi, u li tittratta l-ilmenti mressqa minn kwalunkwe persuna kkonċernata. Tali kontroll, eżerċitat minn suġġett estern, inkarigat mid-difiża ta’ interessi potenzjalment f’kunflitt ma’ dawk segwiti mill-awturi tal-ipproċessar tad-data PNR, u investit bir-rwol li jiżgura l-osservanza tal-limitazzjonijiet u tas-salvagwardji kollha marbuta mal-imsemmi pproċessar, jikkostitwixxi garanzija essenzjali, espliċitament imsemmija fl-Artikolu 8(3) tal-Karta, li l-effikaċja tagħha, f’termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kkonċernati, hija saħansitra superjuri għas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli għall-individwi. Għalhekk huwa fundamentali, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta b’mod estensiv il-portata tas-setgħat ta’ sorveljanza previsti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva PNR u li l-Istati Membri, waqt it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt intern, jirrikonoxxu lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tagħhom il-portata sħiħa ta’ dawn is-setgħat billi jagħtuha mezzi materjali u ta’ persunal meħtieġa għat-twettiq tal-kompitu tagħha.

208. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha nqis li d-Direttiva PNR ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju sa fejn tippermetti t-trasferiment u l-ipproċessar awtomatizzat tad-data ta’ kull persuna li tissodisfa l-kunċett ta’ “passiġġier” fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

iv)    Fuq innatura suffiċjentement ċara, preċiża u limitata għal dak li huwa strettament neċessarju talevalwazzjoni minn qabel talpassiġġieri (issitt domanda preliminari)

209. Permezz tas-sitt domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-evalwazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva PNR hijiex kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Għalkemm il-formulazzjoni ta’ din id-domanda tiffoka fuq in-natura sistematika u ġġeneralizzata tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha li din l-evalwazzjoni minn qabel tinvolvi, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni iktar globali tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ legalità u ta’ proporzjonalità fil-kuntest ta’ tali pproċessar. Iktar ’il quddiem ser nipproċedi għal din l-evalwazzjoni, filwaqt li nirreferi għall-analiżi mwettqa waqt l-eżami tar-raba’ domanda preliminari għal dak li jirrigwarda n-natura mhux immirata tal-imsemmi pproċessar awtomatizzat.

210. L-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR jipprevedi li l-PIU għandhom iwettqu evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri tal-ajru, qabel il-wasla tagħhom prevista fl-Istat Membru jew it-tluq tagħhom previst minnu. Din l-evalwazzjoni hija intiża li tidentifika l-persuni li għalihom huwa meħtieġ eżami iktar fil-fond min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, “fid-dawl tal-fatt li tali persuni jistgħu jkunu involuti f’reat terroristiku jew kriminalità serja”. Skont l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva PNR, il-PIU ta’ Stat Membru għandha tittrażmetti d-data PNR tal-persuni identifikati fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni jew ir-riżultat tal-ipproċessar ta’ din id-data lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva ta’ dan l-istess Stat Membru, bil-għan ta’ “aktar analiżi”.

211. Skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva PNR, l-evalwazzjoni minn qabel imwettqa skont l-Artikolu 6(2)(a) għandha titwettaq billi d-data PNR tiġi pparagunata ma’ databases “rilevanti” (Artikolu 6(3)(a)) jew billi tiġi pproċessata abbażi ta’ kriterji stabbiliti (Artikolu 6(3)(b)).

212. Qabel ma nibda l-eżami ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ pproċessar ta’ data, nirrileva li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3) imsemmija iktar ’il fuq ma jirriżultax b’mod ċar jekk l-Istati Membri humiex obbligati li jipprevedu li l-evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri ssir billi titwettaq sistematikament u fil-każijiet kollha kemm waħda kif ukoll l-oħra analiżi awtomatizzata jew jekk, kif jidher li jikkorrobora l-użu tal-verb “tista’” u tal-konġunzjoni disġuntiva “jew”, dawn humiex awtorizzati jorganizzaw is-sistemi tagħhom b’mod li jirriżervaw, pereżempju, l-eżami previst fl‑Artikolu 6(3)(b) għal każijiet speċifiċi. F’dan ir-rigward, nippreċiża li l-Proposta għal Direttiva PNR kienet tipprevedi li dan l-eżami kellu jsir biss fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-reati transkonfinali serji (209).

213. Bħall-Kummissjoni, inqis li jirriżulta b’mod partikolari mis-sens tad-Direttiva PNR li l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu ż-żewġ tipi ta’ pproċessar awtomatizzati, għal raġunijiet marbuta wkoll mar-rekwiżit li tiġi żgurata applikazzjoni l-iktar uniformi possibbli tas-sistema ta’ pproċessar tad-data PNR tal-Unjoni. Madankollu, dan ma jimplikax li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati — u saħansitra obbligati, sabiex jiggarantixxu li l-ipproċessar ta’ data li l-evalwazzjoni minn qabel imwettqa skont l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR tinvolvi jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju — jillimitaw l-analiżi skont l-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva PNR, skont ir-riżultati tagħha f’termini ta’ effikaċja għal kull wieħed mir-reati previsti minn din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, jirriżervawha biss għal uħud minn dawn ir-reati. Timmilita f’dan is-sens il-premessa 7 tad-Direttiva PNR li tipprovdi li “biex jiġi żgurat li l-ipproċessar tad-data tal-PNR jibqa’ limitat għal dak li hu neċessarju, il-ħolqien u l-applikazzjoni tal-kriterji tal-valutazzjoni għandhom jiġu limitati għal reati terroristiċi u l-kriminalità serja li għalihom ikun rilevanti li jintużaw ċerti kriterji”.

–       Fuq l-ipparagunar ma’ databases fissens talArtikolu 6(3)(a) tadDirettiva PNR

214. L-ewwel parti tal-evalwazzjoni minn qabel li jwettqu l-PIU skont l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR, timplika, konformement mal-Artikolu 6(3)(a), li d-data PNR (“data matching”) tiġi pparagunata ma’ databases, sabiex jinstabu eventwali korrispondenzi pożittivi (“hits”). Dawn il-hits huma maħsuba sabiex jiġu vverifikati mill-PIU, konformement mal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva PNR u, jekk ikun il-każ, sabiex jiġu tradotti f’“match” qabel ma jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti.

215. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 172 tal-Opinjoni 1/15, il-portata tal-indħil li jinvolvu dawn it-tipi ta’ analiżi awtomatizzati fid-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tiddependi essenzjalment mid-databases li fuqhom dawn huma bbażati. Konsegwentement huwa essenzjali li d-dispożizzjonijiet li jipprevedu tali pproċessar ta’ data jidentifikaw b’mod suffiċjentement ċar u preċiż id-databases li magħhom huwa awtorizzat it-tqabbil tad-data li għandha tiġi pproċessata.

216. Skont l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR, il-PIU għandhom jipparagunaw id-data PNR mad-“databases rilevanti” (210) fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni ssemmi wkoll kategorija speċifika ta’ databases, jiġifieri dawk li jikkonċernaw lill-“persuni jew oġġetti mfittxija jew soġġetti għal allert”, li l-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk ried espliċitament jikklassifikahom bħala “rilevanti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

217. Minbarra din il-preċiżazzjoni, il-kunċett ta’ “databases rilevanti” lanqas ma huwa spjegat. B’mod partikolari, ma huwiex indikat jekk, sabiex jitqiesu bħala “rilevanti”, id-databases użati għall-iskopijiet tat-tqabbil tad-data PNR għandhomx jiġu amministrati minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew, b’mod iktar ġenerali, minn kull awtorità pubblika, jew sempliċement ikunu direttament jew indirettament aċċessibbli għalihom. In-natura tad-data li tali databases jista’ jkollhom u r-rabta tagħhom mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva PNR lanqas ma huma speċifikati (211). Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR jirriżulta li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “databases rilevanti” databases kemm nazzjonali u tal-Unjoni kif ukoll internazzjonali, fatt li jwessa’ iktar il-lista tad-databases potenzjalment previsti u jżid in-natura miftuħa ta’ dan il-kunċett (212).

218. F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni mfakkar fil-punt 151 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR u, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “databases rilevanti” b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa mill-Karta. Barra minn hekk, peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi ndħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, hija għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali, kif iddikjarat b’mod partikolari fil-premessa 15 tad-Direttiva PNR. Barra minn hekk, din għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskopijiet li għalihom id-data PNR tista’ tiġi pproċessata, stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR.

219. Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, hemm lok, fl-opinjoni tiegħi, li l-kunċett ta’ “databases rilevanti” jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss id-databases nazzjonali amministrati mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva PNR, kif ukoll id-databases tal-Unjoni u internazzjonali użati direttament minn dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tal-missjoni tagħhom. L-imsemmija databases għandhom, barra minn hekk, ikollhom rabta diretta u mill-qrib mal-iskopijiet ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja segwiti mid-Direttiva PNR, fatt li jimplika li dawn ikunu ġew żviluppati għal dawn l-iskopijiet. Interpretat b’dan il-mod, dan il-kunċett jirrigwarda essenzjalment jekk mhux esklużivament id-databases li jikkonċernaw il-persuni jew l-oġġetti mfittxija jew li huma s-suġġett ta’ senjalazzjoni, imsemmija espliċitament fl-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR.

220. Huma b’mod ġenerali esklużi mill-kunċett ta’ “databases rilevanti” id-databases amministrati jew użati mis-servizzi tal-intelliġenza tal-Istati Membri, sakemm dawn ma jissodisfawx strettament il-kundizzjoni li jkunu marbuta mill-qrib mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva PNR, u sakemm l-Istat Membru inkwistjoni ma jirrikonoxxix lis-servizzi ta’ intelliġenza tiegħu kompetenzi speċifiċi fil-qasam tal-infurzar tal-liġi (213).

221. L-interpretazzjoni proposta iktar ’il fuq hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 172 tal-Opinjoni 1/15.

222. Madankollu, anki hekk interpretat, l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR ma jippermettix identifikazzjoni suffiċjentement preċiża tad-databases li ser jintużaw mill-Istati Membri fil-kuntest tat-tqabbil mad-data PNR u ma jistax jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-dispożizzjoni għandha għalhekk tinqara fis-sens li tobbliga lill-Istati Membri, fil-kuntest tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva PNR, jippubblikaw lista tal-imsemmija databases u jżommuha aġġornata. Barra minn hekk, huwa mixtieq li lista ta’ databases “rilevanti”, fis-sens tal-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR, amministrati mill-Unjoni b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri u tad-databases internazzjonali tkun redatta fil-livell tal-Unjoni, sabiex issir uniformi f’dan ir-rigward il-prassi tal-Istati Membri.

–       Fuq lipproċessar taddata PNR skont kriterji stabbiliti minn qabel

223. It-tieni parti tal-evalwazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR tikkonsisti f’analiżi awtomatizzata fid-dawl ta’ kriterji stabbiliti minn qabel. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, id-data PNR hija pproċessata, essenzjalment għal finijiet ta’ predikattivi, permezz tal-applikazzjoni ta’ algoritmi intiżi li jippermettu li “jiġu identifikati” l-passiġġieri li jistgħu jkunu involuti f’reati terroristiċi jew f’kriminalità serja. F’dan il-kuntest, il-PIU twettaq essenzjalment attività ta’ tfassil tal-profil (214). Peress li tali pproċessar jista’ jkollu konsegwenzi sinjifikattivi għall-individwi identifikati mill-algoritmu (215), dan jeħtieġ qafas preċiż kemm fir-rigward tal-modalitajiet tat-twettiq tiegħu kif ukoll fir-rigward tal-garanziji li għandhom ikunu marbuta miegħu. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 172 tal-Opinjoni 1/15, il-portata tal-indħil li dawn it-tipi ta’ analiżi jinvolvu fid-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tiddependi essenzjalment mill-mudelli u mill-kriterji stabbiliti minn qabel applikati.

224. F’dan ir-rigward, nirrileva, fl-ewwel lok, li t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR tippreċiża li l-kriterji stabbiliti minn qabel li fir-rigward tagħhom titwettaq l-evalwazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 6(3)(b) ta’ din id-direttiva għandhom ikunu “mmirati, proporzjonati u speċifiċi”. L-ewwel minn dawn ir-rekwiżiti jirrigwarda l-għan imfittex mill-evalwazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 6(2)(a), jiġifieri l-identifikazzjoni tal-persuni li għalihom huwa meħtieġ eżami iktar fil-fond mill-awtoritajiet kompetenti u għalhekk jissodisfa l-ħtieġa, enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/15, li l-kriterji użati jirnexxilhom “jimmiraw” l-individwi li fir-rigward tagħhom jista’ jkun hemm “suspett raġonevoli” ta’ parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew f’kriminalità serja (216). Tali “mmirar” jinvolvi l-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni astratti jew, sabiex tintuża frażi li tidher fir-Rakkomandazzjoni tal‑2021 dwar it-tfassil tal-profili, “profili” (217) li permezz tagħhom “tiġi ffiltrata” data PNR sabiex jiġu identifikati passiġġieri li jissodisfawhom u li għalhekk jistgħu ikunu s-suġġett ta’ kontroll iktar fil-fond. Għall-kuntrarju, id-Direttiva PNR ma tawtorizzax tfassil tal-profil individwali tal-passiġġieri tal-ajru kollha li d-data tagħhom hija analizzata, pereżempju billi tiġi assoċjata ma’ kull wieħed minnhom kategorija ta’ riskju fuq skala ddefinita minn qabel, taħt piena ta’ ksur kemm tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-limiti imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR fl-Opinjoni 1/15.

225. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(4), il-kriterji stabbiliti minn qabel imsemmija fl-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva PNR għandhom, barra minn hekk, ikunu “speċifiċi” (218), jiġifieri adattati għall-iskop imfittex u rilevanti fir-rigward tiegħu, kif ukoll “proporzjonati” (219), jiġifieri ma jaqbżux il-limiti ta’ dan l-iskop. Sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti, u b’mod partikolari “biex jiġi żgurat li l-ipproċessar tad-data tal-PNR jibqa’ limitat għal dak li hu neċessarju”, il-premessa 7 tad-Direttiva PNR, kif diġà enfasizzajt, tipprovdi li “il-ħolqien u l-applikazzjoni tal-kriterji tal-valutazzjoni għandhom jiġu limitati għal reati terroristiċi u l-kriminalità serja li għalihom ikun rilevanti li jintużaw ċerti kriterji”.

226. Fl-aħħar, kemm mill-preambolu u mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR kif ukoll mir-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/15 jirriżulta li l-kriterji stabbiliti minn qabel imsemmija fl-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva PNR għandhom ikunu wkoll “aġġornati” (220), fatt li jfisser, minn naħa, li għandhom ikunu mfassla sabiex jimminimizzaw ir-riskju ta’ żbalji (221) u, min-naħa l-oħra, li jridu jkunu “attwali” (222). F’dan ir-rigward, it-tielet sentenza tal-Artikolu 6(4), tad-Direttiva PNR timponi fuq l-Istati Membri jiżguraw li dawn il-kriterji jiġu “stabbiliti u jiġu rieżaminati b’mod regolari mill-PIU f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7” (223). Sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà ta’ dawn il-kriterji u sabiex jiġu limitati kemm jista’ jkun ir-riżultati pożittivi foloz, huwa wkoll meħtieġ, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn ikunu mfassla b’mod li jieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-provi inkriminanti kif ukoll il-provi li jiskaġunaw.

227. Fit-tieni lok, id-Direttiva PNR tipprojbixxi espressament it-tfassil tal-profil diskriminatorju. Għalhekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva tipprevedi li l-evalwazzjoni minn qabel fir-rigward tal-kriterji stabbiliti minn qabel skont l-Artikolu 6(3)(b) “għandha titwettaq b’mod nondiskriminatorju”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm it-tielet sentenza ta’ dan l-Artikolu 6(4) tipprovdi li l-imsemmija kriterji “fl-ebda ċirkostanza ma għandhom jiġu bbażati fuq l-oriġini ta’ razza jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin filosofiku, is-sħubija fi trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna”, il-projbizzjoni ġenerali ta’ tfassil tal-profil diskriminatorju għandha tinftiehem bħala li tkopri r-raġunijiet kollha ta’ diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta, anki dawk li ma humiex espressament imsemmija (224).

228. Fit-tielet lok, kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva PNR kif ukoll mis-sistema ta’ garanziji marbuta mal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR previst mid-Direttiva PNR jirriżulta li l-funzjonament tal-algoritmi użati fil-kuntest tal-analiżi prevista f’din id-dispożizzjoni għandu jkun trasparenti u r-riżultat tal-applikazzjoni tagħhom għandu jkun traċċabbli. Dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza ovvjament ma jimplikax li l-“profili” użati għandhom isiru pubbliċi. Għall-kuntrarju, dan jeħtieġ li tiġi żgurata n-natura identifikabbli tat-teħid tad-deċiżjoni algoritmika. Fil-fatt, minn naħa, ir-rekwiżit li l-kriterji li fir-rigward tagħhom għandha titwettaq din l-analiżi għandhom ikunu “stabbiliti minn qabel” jeskludi li dawn jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr intervent uman u, għalhekk, jipprekludi l-użu ta’ teknoloġiji ta’ intelliġenza artifiċjali magħrufa bħala “machine learning” (225), li, filwaqt li jistgħu jippreżentaw grad ogħla ta’ preċiżjoni, huma diffiċli sabiex jiġu interpretati, anki għall-operaturi li jkunu wettqu l-ipproċessar awtomatizzat (226). Min-naħa l-oħra, il-garanzija stabbilita fl-Artikolu 6(5) u(6) tad-Direttiva PNR, li skontha kwalunkwe konkordanza pożittiva miksuba bħala riżultat tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR imwettaq taħt l-Artikolu 6(2)(a) tiġi eżaminata mill-ġdid individwalment permezz ta’ mezzi mhux awtomatizzati, sabiex tkun effettiva, teħtieġ – fir-rigward tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva PNR – li jkun possibbli li wieħed jifhem ir-raġuni li għaliha l-programm ikun wasal għal tali konkordanza, fatt li ma jistax jiġi żgurat b’mod partikolari meta jintużaw sistemi ta’ tagħlim awtomatiku. L-istess japplika għall-kontroll tal-legalità ta’ din l-analiżi, inkluż dak li jirrigwarda n-natura nondiskriminatorja tar-riżultati miksuba, li huma investiti bih l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza, skont, rispettivament, l-Artikolu 6(7) tad-Direttiva PNR, u l-Artikolu 15(3)(b) ta’ din id-direttiva. It-trasparenza tal-funzjonament tal-algoritmi użati hija wkoll kundizzjoni neċessarja sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jressqu lment kif ukoll id-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

–       Fuq ilgaranziji marbuta malipproċessar awtomatizzat taddata PNR

229. Diġà kelli l-okkażjoni nsemmi xi wħud mill-garanziji li jakkumpanjaw l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR, u li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/15, jiġifieri, il-projbizzjoni ta’ pproċessar abbażi ta’ kriterji stabbiliti minn qabel diskriminatorji (l-ewwel u r-raba’ sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR; Opinjoni 1/15, punt 172), l-aġġornament f’intervalli regolari tal-kriterji stabbiliti minn qabel li fid-dawl tagħhom għandha titwettaq l-evalwazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 6(3)(b) ta’ din id-direttiva (it-tielet sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR; Opinjoni 1/15, punt 174), l-eżami mill-ġdid permezz ta’ mezzi mhux awtomatizzati ta’ kwalunkwe konkordanza pożittiva miksuba wara l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR (Artikolu 6(5) u (6) tad-Direttiva PNR; Opinjoni 1/15, punt 173) u l-kontroll tal-legalità ta’ dan l-ipproċessar mill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza (Artikolu 6(7) u Artikolu 15(3)(b) ta’ tad-Direttiva PNR). F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li l-kontroll imwettaq minn awtorità indipendenti, bħall-awtorità msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva PNR, minn naħa, jista’ jirrigwarda kull aspett inerenti għall-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR, inkluża l-identifikazzjoni tad-databases użati għall-finijiet tal-ipparagunar fis-sens tal-Artikolu 6(3)(a) ta’ din id-direttiva u l-elaborazzjoni tal-kriterji stabbiliti minn qabel applikati għall-finijiet tal-analiżi skont l-Artikolu 6(3)(b) tal-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, jista’ jiġi eżerċitat kemm ex ante kif ukoll ex post.

230. Għandu jiġi enfasizzat li l-garanziji msemmija iktar ’il fuq għandhom jitqiesu bħala applikabbli b’mod trasversali għaż-żewġ tipi ta’ analiżi msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva PNR u dan minkejja l-kliem li bih dawn huma fformulati. Għalhekk, għalkemm l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva tfakkar ir-rekwiżit tal-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni biss fir-rigward tal-evalwazzjoni minn qabel imwettqa fid-dawl ta’ kriterji stabbiliti minn qabel, dan ir-rekwiżit huwa impost f’kull stadju tal-proċess ta’ pproċessar tad-data PNR u għalhekk ukoll meta din tkun ipparagunata mad-databases rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel fis-sens tal-Artikolu 6(3)(a) ta’ din id-direttiva. L-istess japplika għar-rekwiżit li l-kriterji stabbiliti minn qabel użati fil-kuntest tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva PNR għandhom ikunu affidabbli u aġġornati, li għandu jinftiehem bħala li jkopri wkoll id-data inkluża fid-databases użati għall-finijiet tal-ipparagunar previst fl-Artikolu 6(3)(a) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, nirrileva, b’mod iktar ġenerali, li l-garanziji kollha applikabbli għall-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali previst mid-Direttiva tal-Pulizija huma applikabbli wkoll fil-kuntest tad-Direttiva PNR, peress li l-analiżi awtomatizzati mwettqa fil-kuntest ta’ din id-direttiva għandhom jitqiesu bħala li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Pulizija.

231. Mal-garanziji elenkati fil-punt 229 iktar ’il fuq tiżdied dik prevista fl-Artikolu 7(6) tad-Direttiva PNR li tikkompleta, minn naħa, il-projbizzjoni li kull proċess deċiżjonali jiġi bbażat esklużivament fuq ir-riżultati tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR u, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fl-ipproċessar u fl-użu ta’ din id-data. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi li “[l]-awtoritajiet kompetenti ma għadhom jieħdu l-ebda deċiżjoni li tipproduċi effett legali negattiv fuq persuna jew li taffettwah b’mod sinifikattiv sempliċiment minħabba l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR” u li dawn id-deċiżjonijiet “ma għandhomx jittieħdu abbażi tar-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew twemmin filosofiku, is-sħubija fi trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna”. Bħalma indikajt fil-punt 227 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR, dan il-katalogu ta’ raġunijiet ta’ diskriminazzjoni għandu jiġi kkompletat billi jiżdiedu fih dawk li jinsabu fl-Artikolu 21 tal-Karta u li ma jissemmewx espressament.

232. Fir-rigward tas-sigurtà tad-data PNR, l-Artikolu 6(8) tad-Direttiva PNR jipprevedi li l-ħżin, l-ipproċessar u l-analiżi ta’ din id-data mill-PIU għandhom jitwettqu esklużivament f’post jew f’postijiet siguri li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri.

–       Konklużjoni fuq issitt domanda preliminari

233. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti u bla ħsara għall-interpretazzjonijiet proposti b’mod partikolari fil-punti 213, 219, 220, 222, 227, 228, 230 u 231 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-opinjoni li l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR josserva r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni u huwa limitat għal dak li huwa strettament neċessarju.

v)      Fuq iżżamma taddata PNR (ittmien domanda preliminari)

234. Permezz tat-tmien domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi perijodu ġenerali ta’ żamma tad-data PNR ta’ ħames snin, mingħajr ma tiddistingwi jekk il-passiġġieri kkonċernati jirriżultawx, fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel, li jistgħu jew le jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika.

235. L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva PNR jipprevedi li d-data PNR għandha tinżamm f’database “għal perijodu ta’ ħames snin wara t-trasferiment tagħha lill-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu t-titjira tkun ser tinżel jew li minnu tkun ser titlaq”. Skont l-Artikolu 12(2), fl-iskadenza ta’ “perijodu inizjali ta’ żamma” (227) ta’ perijodu ta’ sitt xhur, id-data PNR għandha tiġi ddepersonalizzata permezz tal-ħabi ta’ ċerta data li tista’ sservi sabiex tiġi identifikata direttament il-persuna kkonċernata. Skont l-Artikolu 12(3), mal-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ sitt xhur, il-komunikazzjoni tad-data PNR kollha, inklużi l-elementi moħbija, hija awtorizzata biss meta “jitwemmen raġonevolment” li din hija neċessarja għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva PNR u meta din tkun ġiet approvata minn awtorità ġudizzjarja jew awtorità nazzjonali oħra kompetenti skont id-dritt nazzjonali sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għal komunikazzjoni humiex issodisfatti. Fl-aħħar, l-Artikolu 12(4) jipprevedi li, fit-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 12(1), id-data PNR għandha titħassar b’mod definittiv.

236. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva PNR tistabbilixxi hija stess is-sistema ta’ żamma tad-data PNR, inkluż it-tul ta’ din iż-żamma, billi tistabbilixxih għal ħames snin (228), b’mod li l-Istati Membri bħala prinċipju ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, fatt li barra minn hekk ġie kkonfermat mill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif diġà kelli l-okkażjoni nosserva, it-tmien domanda preliminari, għalkemm ifformulata bħala domanda ta’ interpretazzjoni, tistieden fir-realtà lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija sistema mal-Karta.

237. Huwa prinċipju ġenerali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali li din id-data ma għandhiex tinżamm, f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni, diretta jew indiretta, tal-persuni kkonċernati għal perijodu li jaqbeż dak meħtieġ fir-rigward tal-iskopijiet li għalihom tkun pproċessata (229). Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li leġiżlazzjoni li tipprevedi żamma ta’ data personali għandha tissodisfa dejjem kriterji oġġettivi, li jistabbilixxu rabta bejn id-data personali li għandha tinżamm u l-għan imfittex (230).

238. Fl-Opinjoni 1/15, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward tad-data miġbura mad-dħul fil-Kanada, li r-rabta meħtieġa bejn id-data PNR u l-għan imfittex mill-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE kienet stabbilita għall-passiġġieri tal-ajru kollha sakemm huma jinsabu fit-territorju ta’ dan il-pajjiż terz (231). Fir-rigward, għall-kuntrarju, tal-passiġġieri tal-ajru li jkunu telqu mill-Kanada u li għalihom ma kienx ġie identifikat riskju fir-rigward ta’ terroriżmu jew ta’ kriminalità transnazzjonali serja mal-wasla tagħhom f’dan il-pajjiż terz u sakemm telqu minnu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali rabta, anki jekk indiretta biss, li tiġġustifika ż-żamma tad-data PNR tagħhom, ma dehritx li teżisti (232). Madankollu hija ddeċidiet li tali żamma setgħet tkun ammissibbli “sa fejn, jiġu identifikati f’każijiet partikolari, elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li ċerti passiġġieri tal-ajru jistgħu, anki wara tluq tagħhom mill-Kanada, jistgħu jippreżentaw riskju f’termini tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja” (233).

239. Trasposti fil-kuntest tad-Direttiva PNR, il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/15 jimplikaw li d-data PNR tat-titjiriet barra l-UE miġbura mad-dħul fl-Unjoni kif ukoll id-data PNR tat-titjiriet ġewwa l-UE miġbura mad-dħul fl-Istat Membru kkonċernat tista’ tinżamm biss, wara l-analiżi preliminari tagħha fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR, sakemm il-passiġġieri kkonċernati jibqgħu fit-territorju tal-Unjoni jew f’dak ta’ dan l-Istat Membru. Fir-rigward tad-data PNR tat-titjiriet barra l-UE miġbura mal-ħruġ mill-Unjoni u tad-data tal-PNR tat-titjiriet ġewwa l-UE miġbura mal-ħruġ mill-Istat Membru kkonċernat, din tista’, bħala prinċipju, tinżamm biss, wara l-imsemmija evalwazzjoni minn qabel, fil-każ tal-passiġġieri li fir-rigward tagħhom elementi oġġettivi jippermettu li tiġi żvelata l-eżistenza ta’ riskju f’termini tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja (234).

240. Il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jopponu b’mod ġenerali għal traspożizzjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża tal-prinċipji stabbiliti fl-Opinjoni 1/15 fil-qasam taż-żamma tad-data PNR. F’dan ir-rigward, ċertament, ma huwiex eskluż li l-użu mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ kriterju marbut mar-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Kanada seta’ kien influwenzat mill-fatt li hija kienet ikkonfrontata minn żamma ta’ data personali fit-territorju ta’ pajjiż terz. Huwa wkoll possibbli li l-applikazzjoni ta’ tali kriterju fil-kuntest tad-Direttiva PNR tista’ konkretament tirriżulta f’indħil fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali potenzjalment ħafna ikbar għal ċerti kategoriji ta’ persuni, b’mod partikolari dawk li għandhom ir-residenza permanenti tagħhom fl-Unjoni u li jivvjaġġaw fi ħdanha jew li jirritornaw wara soġġorn barra mill-pajjiż. Fl-aħħar, huwa minnu li l-imsemmi kriterju jista’ jirriżulta diffiċli li jiġi implimentat fil-prattika, tal-inqas għat-titjiriet ġewwa l-UE, kif enfasizzaw ċerti Stati Membri u l-Kunsill.

241. Jibqa’ l-fatt li, anki jekk jiġi injorat il-kriterju li rrikorriet għalih il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/15, żamma tad-data PNR kollha tal-passiġġieri kollha tal-ajru, irrispettivament mir-riżultat tal-evalwazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR u mingħajr ma ssir ebda distinzjoni skont ir-riskju fir-rigward ta’ terroriżmu jew kriminalità serja fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u verifikabbli, tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 237 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tapplika fl-imsemmija opinjoni. Issa, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 201 sa 203 ta’ dawn il-konklużjonijiet fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ domanda preliminari, għalkemm fil-fehma tiegħi jippermettu li jiġi ġġustifikat it-trasferiment iġġeneralizzat u indifferenzjat tad-data PNR, kif ukoll l-ipproċessar awtomatiku tagħha fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR, dawn ma jippermettux, fl-opinjoni tiegħi, waħedhom, li jiġġustifikaw żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ din id-data, anki wara tali evalwazzjoni.

242. Barra minn hekk, nirrileva li l-istess perijodu ta’ żamma ta’ ħames snin huwa applikat kemm għall-ġlieda kontra t-terroriżmu kif ukoll għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, fil-kuntest ta’ dan l-aħħar skop, għar-reati kollha msemmija fl-Anness II mingħajr eċċezzjoni. Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punt 121 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-lista hija partikolarment wiesgħa u tkopri reati ta’ tipoloġija u gravità differenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ġustifikazzjoni mressqa prattikament mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura, marbuta mat-tul u mal-kumplessità tal-investigazzjonijiet hija invokata b’mod konkret biss għar-reati terroristiċi u għal ċerti reati li għandhom natura eminentement transnazzjonali, bħat-traffikar ta’ bnedmin jew it-traffikar tad-droga, kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, għal ċerti forom ta’ kriminalità organizzata. Infakkar, barra minn hekk, li, fl-Opinjoni 1/15, ġustifikazzjoni simili ġiet aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja biss fir-rigward taż-żamma tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru li fir-rigward tagħhom jeżisti riskju oġġettiv f’termini tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jew il-kriminalità transnazzjonali serja, li għalihom detenzjoni tad-data ta’ ħames snin tqieset bħala li ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (235). Għall-kuntrarju, din il-ġustifikazzjoni tqieset bħala li ma tistax tawtorizza “ħażna kontinwa tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha [] għall-finijiet ta’ eventwali aċċess għall-imsemmija data, indipendentement minn kwalunkwe rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja” (236).

243. Huwa ċertament minnu, kif jenfasizzaw il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni, kif ukoll il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet dwar it-tmien domanda preliminari, li d-Direttiva PNR tipprevedi garanziji speċifiċi kemm fir-rigward taż-żamma tad-data PNR, li hija parzjalment moħbija wara perijodu inizjali ta’ sitt xhur, kif ukoll fir-rigward tal-użu tagħha matul il-perijodu ta’ żamma, li huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti. Madankollu, l-ewwel, nirrileva, minn naħa, li l-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE kien jipprevedi wkoll sistema ta’ depersonalizzazzjoni tad-data PNR permezz ta’ ħabi (237) u, min-naħa l-oħra, li, għalkemm tali depersonalizzazzjoni, kif jenfasizza b’mod partikolari l-Kumitat Konsultattiv tal-Konvenzjoni 108 (238), tista’ tnaqqas ir-riskji kkawżati minn perijodu ta’ żamma estiż tad-data, bħal aċċess abbużiv, id-data moħbija xorta waħda tippermetti madankollu li jiġu identifikati l-persuni u tibqa’ f’dan ir-rigward data personali, li ż-żamma tagħha għandha wkoll tiġi limitata ratione temporis sabiex tiġi evitata sorveljanza permanenti ġġeneralizzata. F’dan ir-rigward, nirrileva li perijodu ta’ żamma ta’ ħames snin għandu bħala konsegwenza li numru kbir ta’ passiġġieri, b’mod partikolari dawk li jivvjaġġaw ġewwa l-Unjoni, jistgħu jsibu ruħhom irreġistrati b’mod kważi permanenti. It-tieni, fir-rigward tar-restrizzjonijiet għall-użu tad-data, nosserva li ż-żamma ta’ data personali u l-aċċess għal tali data huma ndħil distint fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, li jeħtieġ li jkun iġġustifikat b’mod awtonomu. Għalkemm l-eżistenza ta’ garanziji stretti fil-qasam tal-aċċess għad-data miżmuma tippermetti li jiġi evalwat globalment l-impatt ta’ miżura ta’ sorveljanza fuq l-imsemmija drittijiet fundamentali, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ma jippermettux li jiġi eliminat l-indħil marbut ma’ żamma ġġeneralizzata estiża.

244. Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li huwa neċessarju li tinżamm id-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha sabiex il-PIU jkunu jistgħu jwettqu l-kompitu, imsemmi fl-Artikolu 6(2)(c) tad-Direttiva PNR, li jaġġornaw jew jiddefinixxu kriterji ġodda li għandhom jintużaw għall-evalwazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 6(3)(b), nirrileva li, filwaqt li nammetti li l-preċiżjoni ta’ dawn il-kriterji tiddependi parzjalment mill-ipparagunar tagħhom ma’ aġir “normali”, kif issostni l-Kummissjoni, jibqa’ l-fatt li l-elaborazzjoni tagħhom trid issir fuq il-bażi ta’ aġir “kriminali”. Tali argument, li, barra minn hekk, tressaq biss minn numru limitat ta’ Stati Membri, ma jistax, fil-fehma tiegħi, ikollu l-importanza deċiżiva li tidher li tagħtih il-Kummissjoni u jiġġustifika, waħdu, żamma ġġeneralizzata tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha, taħt forma mhux anonima.

245. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva PNR li tkun konformi mal-Artikoli 7, 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, din id-dispożizzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata fis-sens li ż-żamma tad-data PNR ipprovduta mit-trasportaturi tal-ajru lill-PIU f’database matul perijodu ta’ ħames snin wara t-trasferiment tagħha lill-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-punt tal-wasla jew tat-tluq tat-titjira hija permessa biss, wara li tkun saret l-evalwazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva, inkwantu tiġi stabbilita, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, rabta bejn din id-data u l-ġlieda kontra t-terroriżmu jew il-kriminalità serja. Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data PNR f’forma mhux anonimizzata tista’ tiġi ġġustifikata biss, b’analoġija għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat f’din l-istess ġurisprudenza, fil-każ ta’ theddida serja għas-sigurtà tal-Istati Membri li tirriżulta reali u attwali jew prevedibbli, marbuta, pereżempju, ma’ attivitajiet terroristiċi, u bil-kundizzjoni li t-tul ta’ din iż-żamma jkun limitat għal dak strettament neċessarju.

246. Id-delimitazzjoni tal-miżura ta’ żamma prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva PNR tista’, pereżempju, tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tar-riskji jew fuq l-esperjenza miksuba mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jippermettu li jttieħdu inkunsiderazzjoni ċerti kollegamenti bl-ajru, modalitajiet tal-ivvjaġġar iddefiniti, aġenziji li permezz tagħhom isiru r-riżervazzjonijiet, jew anki kategoriji ta’ persuni jew żoni ġeografiċi speċifiċi, identifikati fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u mhux diskriminatorji, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha fil-qasam taż-żamma tal-metadata tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (239). Barra minn hekk, b’analoġija mal-Opinjoni 1/15, ir-rabta meħtieġa bejn id-data PNR u l-għan imfittex mid-Direttiva PNR għandha titqies bħala li hija stabbilita sakemm il-passiġġieri tal-ajru jkunu jinsabu fl-Unjoni (jew fl-Istat Membru kkonċernat) jew ikunu ser jitilqu minnha. L-istess japplika għad-data tal-passiġġieri li rriżultat f’konkordanza pożittiva vverifikata.

247. Sabiex nikkonkludi dwar it-tmien domanda preliminari, nixtieq nagħmel xi riflessjonijiet dwar ir-regoli li jirregolaw l-aċċess għad-data PNR u l-użu tagħha wara li tkun twettqet l-evalwazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR u qabel id-depersonalizzazzjoni tagħha mal-iskadenza tal-perijodu inizjali ta’ żamma ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva PNR.

248. Minn qari flimkien tal-Artikolu 6(2)(b) u tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva PNR jirriżulta li, matul dan il-perijodu inizjali, data PNR mhux iddepersonalizzata jew ir-riżultat tal-ipproċessar tagħha jistgħu jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma jiġu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tat-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet (240). L-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva PNR fil-fatt jillimita ruħu li jipprovdi li t-talbiet tal-awtoritajiet kompetenti bil-għan ta’ tali pproċessar u ta’ tali komunikazzjoni għandhom ikunu “debitament motivat[i]” u “bbażat[i] fuq raġunijiet suffiċjenti”.

249. Skont ġurisprudenza stabbilita, imfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/15, leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tillimita ruħha tirrikjedi li l-aċċess minn awtorità għal data personali miżmuma leġittimament jissodisfa wieħed mill-iskopijiet ta’ dan ir-regolament, iżda għandha tipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw dan l-użu (241), sabiex, b’mod partikolari, tiġi protetta l-imsemmija data kontra r-riskju ta’ abbuż (242). F’dik l-Opinjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu tad-data PNR wara li tkun ġiet ivverifikata mal-wasla tal-passiġġieri tal-ajru fil-Kanada u matul is-soġġorn tagħhom f’dan il-pajjiż kellu jkun ibbażat fuq ċirkustanzi ġodda li jiġġustifikaw dan l-użu (243), filwaqt li ppreċiżat li “meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li d-data PNR ta’ passiġġier tal-ajru wieħed jew iktar tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-għan tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja, l-użu ta’ din id-data ma jidhirx li jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju” (244). B’riferiment b’analoġija għall-punt 120 tas-sentenza Tele2 Sverige, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet “huwa essenzjali li l-użu matul is-soġġorn tal-passiġġieri tal-ajru tad-data PNR miżmuma għandu jkun suġġett, bħala prinċipju, ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba mmotivata tal-awtoritajiet kompetenti, imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali” (245) Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk issuġġettat il-possibbiltà ta’ użu tad-data PNR miżmuma wara l-verifika tagħha fil-każ tal-ivjaġġar bl-ajru għal kundizzjoni doppja, kemm sostantiva – jiġifieri l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw dan l-użu – kif ukoll proċedurali – jiġifieri l-istħarriġ minn qorti jew il-kontroll minn awtorità amministrattiva indipendenti. L-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, mhux talli ma hijiex “kuntestwali”, iżda tikkostitwixxi l-applikazzjoni fil-qasam tad-data PNR tal-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi Digital Rights u Tele2 Sverige.

250. Issa, is-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR matul l-ewwel sitt xhur ta’ żamma tad-data PNR, li tawtorizza, wara l-evalwazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva, il-komunikazzjoni u l-ipproċessar, potenzjalment irrepetuti, tad-data PNR fl-assenza ta’ garanziji proċedurali adegwati u ta’ regoli sostantivi suffiċjentement ċari u preċiżi li jiddefinixxu l-għan u l-modalitajiet ta’ dan l-indħil differenti ma tosservax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/15. Lanqas ma tidher li tissodisfa r-rekwiżit ta’ użu tad-data PNR limitat għal dak li huwa strettament neċessarju.

251. Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva PNR b’mod li l-ipproċessar ta’ data skont din id-dispożizzjoni li jseħħ matul il-perijodu inizjali ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva josserva r-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/15.

252. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, ta’ natura sostantiva, li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat l-użu ulterjuri tad-data PNR, jiena tal-opinjoni li l-kunċetti ta’ “raġunijiet raġonevoli” fis-sens tal-Artikolu 12(3)(a) tad-Direttiva PNR u ta’ “raġunijiet suffiċjenti” skont l-Artikolu 6(2)(b) ta’ din id-direttiva jistgħu mingħajr diffikultà jiġu interpretati fis-sens li t-talbiet min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jirreferu għal “elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li d-data PNR ta’ passiġġier tal-ajru wieħed jew iktar tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-għan tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità […] serja” (246).

253. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, ta’ natura proċedurali, hemm lok, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-Artikolu 12(3) tagħha u fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ approvazzjoni minn qabel min-naħa ta’ awtorità ġudizzjarja jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti previst fl-Artikolu 12(3)(b) ta’ din id-direttiva japplika għall-ipproċessar kollu tad-data PNR imwettaq b’applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(2)(b).

4.      Konklużjonijiet dwar ittieni, ittielet, irraba’, issitt u ttmien domanda preliminari

254. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinvalida l-punt 12 tal-Anness I safejn dan jinkludi l-“Kummenti ġenerali” fost il-kategoriji ta’ data PNR li t-trasportaturi tal-ajru huma obbligati jittrażmettu, skont l-Artikolu 8 tal-Direttiva PNR, lill-PIU u tiddikjara li l-eżami tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’, tas-sitt u tat-tmien domanda preliminari ma żvela ebda fattur ieħor ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ din id-direttiva, bla ħsara għall-interpretazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tagħha proposti fil-punti 153, 160, 161 sa 164, 219, 228, 239 u 251 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

255. Fid-dawl tar-risposta li nissuġġerixxi li tingħata għad-domandi preliminari dwar il-validità tad-Direttiva PNR, it-talba mressqa b’mod partikolari mill-Kunsill, intiża għaż-żamma tal-effetti tad-Direttiva PNR fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tinvalida totalment jew parzjalment id-Direttiva PNR fl-intier tagħha, ma tistax, irrispettivament minn kull kunsiderazzjoni oħra, tiġi milqugħa.

C.      Fuq ilħames domanda preliminari

256. Permezz tal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva PNR, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti bħala skop tal-ipproċessar tad-data PNR il-monitoraġġ ta’ ċerti attivitajiet tas-servizzi tal-intelliġenza u tas-sigurtà. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn l-attivitajiet huma dawk imwettqa mis-Sigurtà tal-Istat u mis-Servizz Ġenerali tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà fil-kuntest tal-missjoni tagħhom relatata mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

257. Kif indikajt fil-punti 113 u 114 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-limitazzjoni tal-iskopijiet tal-ipproċessar ta’ data personali hija garanzija essenzjali li għandha tiġi osservata sabiex l-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Diġà ppreċiżajt ukoll li, fir-rigward tal-indħil f’dawn id-drittijiet fundamentali previst mid-Direttiva PNR, kien il-kompitu tal-leġiżlatur tal-Unjoni, sabiex josserva l-prinċipji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri li jinvolvu tali ndħil.

258. Issa, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR jippreċiża li d-data tal-PNR miġbura konformement magħha “ tista’ tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, kif previst fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 6(2)”. Skont din id-dispożizzjoni, il-PIU għandhom jipproċessaw id-data PNR biss bil-għan li jwettqu evalwazzjoni minn qabel tal-passiġġieri tal-ajru (Artikolu 6(2)(a)), li jwieġbu għat-talbiet speċifiċi tal-awtoritajiet kompetenti (Artikolu 6(2)(b)) u li jaġġornaw jew li jiddefinixxu kriterji ġodda li għandhom jintużaw għall-evalwazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 6(3)(b) (Artikolu 6(2)(a)). Fit-tliet każijiet, huma espressament imfakkra l-għanijiet indikati fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja.

259. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva jispeċifika li mhux biss l-ipproċessar tad-data PNR previst fl-Artikolu 6 tagħha, iżda wkoll l-ipproċessar ulterjuri ta’ din id-data u tar-riżultat ta’ dan l-ipproċessar mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu limitati “biss għall-finijiet speċifiċi tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja”.

260. In-natura eżawrjenti tad-determinazzjoni tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva PNR tirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tagħha, u hija kkorroborata, minbarra mill-Artikoli 6(2) u mill-Artikolu 7(4) tagħha, diġà msemmija, minn diversi artikoli u premessi ta’ din id-direttiva li jorbtu sistematikament kull stadju tal-proċess ta’ aċċess, ta’ pproċessar, ta’ żamma u ta’ qsim tad-data PNR ma’ dawn l-uniċi għanijiet speċifiċi (247).

261. Kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR kif ukoll mill-interpretazzjoni tagħha fid-dawl tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità, li jimponu li jiġu limitati b’mod eżawrjenti l-iskopijiet tal-miżuri li jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, jirriżulta li kull estensjoni tal-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data PNR lil hinn mill-għanijiet ta’ sigurtà msemmija espressament f’din id-dispożizzjoni tmur kontra d-Direttiva PNR.

262. Din il-projbizzjoni li jiġu estiżi l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva tapplika, fil-fehma tiegħi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ intelliġenza tal-Istati Membri, inkluż minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza li tikkaratterizza l-modus operandi tagħhom. Dwar dan il-punt, il-pożizzjoni tiegħi taqbel ma’ dik tal-Kummissjoni, jiġifieri li dawn is-servizzi ma għandhomx, bħala regola ġenerali, ikollhom aċċess dirett għad-data PNR. F’dan il-kuntest, inqis diġà fih innifsu kritikabbli l-fatt li l-PIU nazzjonali jistgħu, bħalma huwa l-każ tal-PIU Belġjana, jinkludu fost il-membri tagħhom uffiċjali kkollokati tas-servizzi ta’ sigurtà (248).

263. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ħames domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva PNR, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tammetti bħala skop tal-ipproċessar tad-data PNR il-monitoraġġ ta’ ċerti attivitajiet tas-servizzi tal-intelliġenza u tas-sigurtà, sa fejn, fil-kuntest ta’ tali skop, il-PIU nazzjonali jkollha tipproċessa l-imsemmija data u/jew tittrażmettiha jew ir-riżultat tal-ipproċessar tagħha lill-imsemmija servizzi għal finijiet oħra għajr dawk indikati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, fatt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

D.      Fuq isseba’ domanda preliminari

264. Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva PNR għandux jiġi interpretat fis-sens li l-PIU tikkostitwixxi “awtorità nazzjonali kompetenti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tista’ tawtorizza l-komunikazzjoni tad-data PNR kollha mal-iskadenza tal-perijodu inizjali ta’ sitt xhur wara t-trasferiment ta’ din id-data.

265. Infakkar li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva PNR jipprevedi li, mal-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur, id-data PNR għandha tiġi ddepersonalizzata permezz tal-ħabi ta’ ċerti elementi li jistgħu jservu sabiex jiġi identifikat direttament il-passiġġier li għalih din tirreferi. Wara dan il-perijodu, il-komunikazzjoni tat-totalità tal-imsemmija data hija awtorizzata biss fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(3), u, b’mod partikolari, meta din il-komunikazzjoni tkun ġiet approvata minn qabel minn “awtorità ġudizzjarja” (Artikolu 12(3)(b)(i)) jew “awtorità nazzjonali kompetenti oħra skont il-liġi nazzjonali biex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-iżvelar humiex issodisfati, soġġett għall-kundizzjoni li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-PIU jiġi informat u li ssir analiżi ex post minn dak l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data” (Artikolu 12(3)(b)(ii)).

266. Il-parti l-kbira tal-gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom f’din il-proċedura ma esprimewx ruħhom fuq is-seba’ domanda preliminari. Il-Gvern Ċek jikkunsidra, bħall-Kummissjoni, li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva PNR ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-PIU tista’ tikkostitwixxi “awtorità nazzjonali kompetenti”. Għall-kuntrarju, il-Gvern Belġjan (249), Irlandiż, Spanjol, Franċiż u dak Ċiprijott ma jaqblux ma’ tali interpretazzjoni. Huma jqisu, essenzjalment, li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva PNR jew tad-dritt tal-Unjoni ma tipprekludi n-nomina tal-PIU fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Artikolu 12(2)(b)(ii) tal-imsemmija direttiva u li l-PIU, min-natura ,hija awtorità suffiċjentement indipendenti sabiex tkun tista’ tipproċedi bl-awtorizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data PNR.

267. Min-naħa tiegħi, nirrileva, l-ewwel, li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva PNR u, b’mod partikolari, mill-użu tal-konġunzjoni “jew”, li tgħaqqad iż-żewġ każijiet fil-punti (i) u (ii) ta’ din id-dispożizzjoni, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iqiegħed fuq l-istess livell il-kontroll eżerċitat mill-awtorità nazzjonali msemmija fil-punt (ii) u l-istħarriġ imwettaq mill-awtorità ġudizzjarja msemmija fil-punt (i). Minn dan isegwi li l-imsemmija awtorità nazzjonali għandu jkollha livell ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità b’mod li l-kontroll li hija teżerċita jista’ jitqies bħala alternattiva paragunabbli għall-istħarriġ li jista’ jitwettaq minn awtorità ġudizzjarja (250).

268. It-tieni, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva PNR jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni, minn naħa, ma adottax il-proposta tal-Kummissjoni li l-kap tal-PIU jiġi inkarigat bil-kompitu li jawtorizza l-komunikazzjoni tad-data PNR kollha (251), u, min-naħa l-oħra, tawwal, billi estendieh għal sitt xhur, il-perijodu inizjali ta’ żamma ta’ din id-data propost minn din l-istituzzjoni, li kien jammonta għal 30 jum. Huwa f’dan il-kuntest, ikkaratterizzat mit-tfittxija ta’ ekwilibriju bejn it-tul tal-perijodu ta’ żamma qabel id-depersonalizzazzjoni tad-data PNR u l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett il-ħabi tagħha fi tmiem dan il-perijodu li tinsab id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li l-aċċess sħiħ għad-data PNR ikun suġġett għal kundizzjonijiet proċedurali iktar stretti minn dawk inizjalment previsti mill-Kummissjoni u li tinkariga lil awtorità indipendenti bil-kompitu li tivverifika li l-kundizzjonijiet għal komunikazzjoni huma ssodisfatti.

269. It-tielet, kif ġustament osservat il-Kummissjoni, mis-sens tad-Direttiva PNR jirriżulta li r-raġuni wara l-proċedura ta’ approvazzjoni prevista fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva PNR tinsab fl-attribuzzjoni lil entità terza imparzjali tal-kompitu li twettaq, f’kull każ inkwistjoni, bilanċ bejn id-drittijiet tal-persuni kkonċernati u l-iskop ta’ infurzar tal-liġi mfittex minn din id-direttiva.

270. Ir-raba’, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li entità inkarigata li twettaq il-kontroll minn qabel meħtieġ sabiex jiġi awtorizzat l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal data personali miżmuma b’mod leġittimu għandha jkollha s-setgħat kollha u tippreżenta l-garanziji kollha neċessarji sabiex tiżgura konċiljazzjoni tal-interessi u tad-drittijiet differenti inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li din l-entità għandha tgawdi minn status li jippermettilha taġixxi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha b’mod oġġettiv u imparzjali u għandha tkun, għal dan il-għan, ħielsa minn kull influwenza esterna (252). B’mod partikolari, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ indipendenza meħtieġ, speċjalment fil-qasam kriminali, l-awtorità inkarigata mill-kontroll minn qabel għandu jkollha l-kwalità ta’ terz fir-rigward ta’ dik li titlob l-aċċess għad-data, b’mod li ma għandhiex tkun involuta fit-tmexxija ta’ investigazzjoni kriminali u għandha żżomm pożizzjoni ta’ newtralità fir-rigward tal-partijiet fil-proċedura kriminali (253).

271. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-PIU ma għandhiex il-garanziji kollha ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li għandha tissodisfa l-awtorità inkarigata li teżerċita l-kontroll minn qabel previst fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva PNR. Fil-fatt il-PIU huma direttament marbuta mal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-prevenzjoni u tal-iskoperta tar-reati terroristiċi u tal-kriminalità serja kif ukoll tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet fil-qasam. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva PNR, il-PIU nnifisha hija tali awtorità jew fergħa tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3) jipprevedi li l-membri tal-persunal tal-PIU jistgħu jkunu membri tal-persunal ikkollokati mill-awtoritajiet kompetenti. Dan huwa l-każ b’mod partikolari tal-PIU Belġjana li, skont l-Artikolu 14 tal-Liġi PNR, hija komposta, b’mod partikolari, minn membri kkollokati tad-dipartimenti tal-pulizija, tas-Sigurtà tal-Istat, tas-Servizz Ġenerali tal-Intelliġenza u tas-Sigurtà, u tal-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana u d-Dazju tas-Sisa.

272. Ċertament, b’mod ġenerali, il-membri tal-PIU għandhom joffru kull garanzija ta’ integrità, ta’ kompetenza, ta’ trasparenza u ta’ indipendenza, u l-Istati Membri għandhom jiżguraw, jekk ikun il-każ, li, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rabtiet li jorbtuhom mal-korpi ta’ appartenenza tagħhom, dawn il-garanziji jistgħu konkretament jiġu osservati, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li l-awtoritajiet kompetenti li fl-istruttura tagħhom dawn il-membri huma oriġinarjament inklużi jkollhom aċċess dirett għad-databank PNR, u mhux biss għar-riżultati tal-ġbir imwettaq mill-PIU. Xorta jibqa’ l-fatt li l-membri tal-PIU li huma membri kkollokati tal-awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva PNR iżommu inevitabbilment rabta mas-servizzi ta’ oriġini tagħhom matul il-perijodu tal-kollokament tagħhom, filwaqt li jżommu l-istatus tagħhom anki jekk jitqiegħdu taħt l-awtorità funzjonali u ġerarkika tal-uffiċjal mexxej tal-PIU.

273. Il-konklużjoni li l-PIU ma hijiex awtorità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 12(3)(b)(ii) tad-Direttiva PNR hija barra minn hekk ikkorroborata mill-fatt li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-PIU kkonċernata għandu jkun “informat” dwar it-talba għal komunikazzjoni u jeżerċita “eżami ex post”. Fil-fatt, fil-każ fejn il-PIU kienet awtorizzata, bħala “awtorità nazzjonali [] oħra”, tapprova talba għal komunikazzjoni skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva PNR, l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, li huwa fost oħrajn inkarigat, b’mod konformi mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, li jimplimenta l-garanziji rilevanti marbuta mal-ipproċessar tad-data PNR, ikun informat bit-talba għal aċċess fil-mument tat-tressiq tagħha u l-kontroll tagħha jsir neċessarjament ex ante (254).

274. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għas-seba’ domanda preliminari li l-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva PNR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-PIU ma tikkostitwixxix “awtorità nazzjonali kompetenti oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

E.      Fuq iddisa’ domanda preliminari

275. Permezz tad-disa’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, jekk id-Direttiva API hijiex kompatibbli mal-Artikolu 3(2) TUE u mal-Artikolu 45 tal-Karta sa fejn din tapplika għat-titjiriet ġewwa l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, jekk din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(2) TUE u mal-Artikolu 45 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u tat-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri, tawtorizza sistema ta’ ġbir u ta’ pproċessar tad-data tal-passiġġieri li tista’ indirettament timplika stabbiliment mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

276. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda preliminari tidħol fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv tar-rikors, imressaq sussidjarjament mil-LDH. Dan il-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 22 tal-Constitution Belge (il-Kostituzzjoni Belġjana), moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) TUE u mal-Artikolu 45 tal-Karta huwa intiż kontra l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 8(2) u l-Kapitolu 11, b’mod partikolari l-Artikolu 28 sa 31 tal-Liġi PNR. Għalkemm l-ewwel wieħed minn dawn l-artikoli jistabbilixxi, f’termini ġenerali, l-għan ta’ din il-liġi, billi jippreċiża li hija “tiddetermina l-obbligi tat-trasportaturi u tal-operaturi tal-ivvjaġġar relatati mat-trażmissjoni tad-data tal-passiġġieri għad-destinazzjoni ta’, ġejjin minn u li jkunu qegħdin jgħaddu mit-territorju nazzjonali”, l-Artikolu 8(2) tal-imsemmija liġi jipprevedi li “[t]aħt il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 11 [tagħha,] id-data tal-passiġġieri għandha tiġi pproċessata wkoll għall-finijiet tat-titjib tal-kontrolli tal-persuni fil-fruntieri esterni u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali”. Fil-kuntest ta’ dan l-iskop, konformement mal-Artikolu 29(1) tal-Liġi PNR, biss id-“data tal-passiġġieri” msemmija fl-Artikolu 9(1)(18) tagħha (jiġifieri d-data API msemmija fil-punt 18 tad-Direttiva PNR), li tikkonċerna tliet kategoriji ta’ passiġġieri, tiġi trażmessa lid-dipartimenti tal-pulizija responsabbli għall-kontroll fil-fruntieri u lill-Office des étrangers (l-Uffiċċju tal-Barranin, il-Belġju). Dawn huma “passiġġieri li għandhom il-ħsieb li jidħlu jew li daħlu fit-territorju permezz tal-fruntieri esterni tal-Belġju”, “passiġġieri li għandhom il-ħsieb jitilqu jew li telqu mit-territorju permezz tal-fruntieri esterni tal-Belġju” u “passiġġieri li għandhom il-ħsieb jgħaddu minnu, jinsabu fi jew għaddew minn żona internazzjonali ta’ tranżitu li tinsab fil-Belġju” (255). Mill-Artikolu 29(3) tal-Liġi PNR jirriżulta li l-imsemmija data għandha tiġi trażmessa lid-dipartimenti tal-pulizija responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri u lill-Uffiċċju tal-Barranin mill-PIU “immedjatament wara r-reġistrazzjoni tagħha fid-databank tal-passiġġieri” u li din għandha tinqered erbgħa u għoxrin siegħa wara t-trażmissjoni tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, wara dan il-perijodu, l-Uffiċċju tal-Barranin jista’ wkoll iressaq talba motivata lill-PIU sabiex jikseb l-aċċess għal din l-istess data meta dan jirriżulta neċessarju fil-kuntest tal-missjoni legali tiegħu. Għaldaqstant, il-kuntest legali li fih taqa’ d-disa’ domanda preliminari jaqa’ barra minn dak tad-Direttiva PNR, fid-dawl tal-iskop imfittex mill-ipproċessar tad-data msemmi fl-Artikoli 28 u 29 tal-Liġi PNR, sabiex jaqa’ f’dak tad-Direttiva API. Barra minn hekk, mill-fajl ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, b’mod partikolari, li t-tieni motiv tal-LDH huwa bbażat fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 11 tal-Liġi PNR li tipprovdi li dawn japplikaw ukoll fil-każ ta’ qsim tal-fruntieri interni tal-Belġju.

277. L-ewwel parti tad-disa’ domanda preliminari hija bbażata fuq preżunzjoni żbaljata u fil-fehma tiegħi ma teħtieġx risposta min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva API, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) u (d) tagħha, jirriżulta b’mod inekwivoku li din id-direttiva tipprevedi l-obbligu għat-trasportaturi tal-ajru li jittrażmettu d-data API lill-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni biss f’dak li jirrigwarda t-titjiriet li jittrasportaw passiġġieri lejn punt ta’ qsim awtorizzat għall-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi. Bl-istess mod, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi biss l-ipproċessar tad-data API relatata ma’ dawn it-titjiriet. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li d-Direttiva PNR tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jestendu l-obbligu li tiġi ttrasferita d-data API miġbura wkoll għat-trasportaturi tal-ajru li joperaw titjiriet ġewwa l-UE, din l-estensjoni għandha tinftiehem bla ħsara għad-Direttiva API (256). Fil-kuntest tad-Direttiva PNR, id-data API ttrasferita tiġi pproċessata biss fil-kuntest tal-iskopijiet ta’ infurzar tal-liġi previsti minn din id-direttiva. Għall-kuntrarju, il-premessa 34 tad-Direttiva PNR tipprevedi li din hija bla ħsara għar-regoli attwali tal-Unjoni dwar il-modalitajiet tal-kontrolli fil-fruntieri jew għar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw id-dħul fit-territorju tal-Unjoni u l-ħruġ minnu, u t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(9) ta’ din id-direttiva tistipula li, meta evalwazzjonijiet skont l-Artikolu 6(2) jitwettqu għal titjiriet ġewwa l-UE bejn Stati Membri li għalihom japplika l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (257), il-konsegwenzi ta’ dawn l-evalwazzjonijiet għandhom josservaw l-imsemmi regolament.

278. Il-formulazzjoni mill-ġdid ta’ din il-parti tad-disa’ domanda preliminari, kif tissuġġerixxi, sussidjarjament, il-Kummissjoni, fis-sens li din tirrigwarda l-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-Karta mhux tad-Direttiva API, iżda tad-Direttiva PNR, u b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tagħha, timplika mhux biss li l-att li fir-rigward tiegħu l-qorti tar-rinviju talbet evalwazzjoni tal-validità jiġi emendat, iżda tfisser ukoll il-ħruġ mill-kuntest legali li fih tinsab din id-domanda preliminari. Fil-fatt, kif spjegajt, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 11 tal-Liġi PNR, li kontrihom huwa indirizzat it-tieni motiv, jittrasponu d-Direttiva API u mhux id-Direttiva PNR.

279. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal tali formulazzjoni mill-ġdid, nillimita ruħi għal xi riflessjonijiet li ġejjin f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni minn qabel li l-Istati Membri huma awtorizzati jwettqu fuq id-data PNR tal-passiġġieri ta’ titjiriet ġewwa l-UE, konformement mal-possibbiltà li huma għandhom fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR, tistax titqies bħala ekwivalenti għall-eżerċizzju tal-“verifiki fuq il-fruntiera” fis-sens tal-Artikolu 23(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (258). L-ewwel, għalkemm l-evalwazzjoni minn qabel tad-data PNR ma ssirx “fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera” jew fil-“mument tal-qsim tal-fruntiera”, iżda qabel dan il-mument, din issir madankollu “minħabba” l-qsim imminenti tal-fruntieri. It-tieni, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR, l-Istati Membri huma awtorizzati jestendu l-evalwazzjoni minn qabel tad-data tal-PNR prevista fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR għall-passiġġieri tat-titjiriet kollha ġewwa l-UE, indipendentement mill-aġir tal-persuni kkonċernati u miċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu riskju ta’ theddid għas-sigurtà pubblika. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni minn qabel hija ta’ natura sistematika. Issa, l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jidher li jissodisfa l-indikazzjonijiet previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 23(a)(ii), (iii) u (iv) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (259). It-tielet, fir-rigward tal-indikazzjonijiet imsemmija fil-punti (i) u (ii) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(a), nistaqsi jekk l-evalwazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva PNR tikkoinċidix, għallinqas parzjalment, mal-iskop tal-verifiki fil-fruntieri mwettqa skont l-Artikolu 8(2)(b) u (3)(a)(vi) u (g)(iii) ), tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kif emendat bir-Regolament 2017/458, u, fuq kollox jekk din hijiex distinta b’mod ċar, fir-rigward tal-modalitajiet tagħha, minn dawn il-verifiki sistematiċi (260). F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikolu 8(2e) u (3)(ia) ta’ dan il-kodiċi jispeċifika li l-imsemmija verifiki “jistgħu jitwettqu minn qabel abbażi ta’ data dwar il-passiġġieri riċevuta f’konformità mad-Direttiva [API] jew ma’ liġi oħra tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali”. Madankollu, huwa minnu li l-iskop tad-Direttiva PNR ma huwiex dak li “jiġi żgurat li l-persuni jistgħu jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru jew li joħorġu minnu”, jew dak li “li jiġu preklużi l-persuni milli jevitaw il-verifiki fil-fruntiera”, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li huma l-għanijiet tal-“kontrolli fuq il-fruntiera” skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (261), peress li din id-direttiva għandha biss skop esklużivament ta’ infurzar tal-liġi. Barra minn hekk, il-punt (ii) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(a) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi espliċitament li l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ verifiki fil-fruntieri meta l-kontrolli jkunu intiżi, b’mod partikolari, għall-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali (262). Fl-aħħar, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt, enfasizzat b’mod partikolari mill-Kummissjoni, li l-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR jawtorizza lill-Istati Membri biss jimponu fuq it-trasportaturi tal-ajru t-trasferiment tad-data PNR li jkunu ġabru fil-kors normali tal-attivitajiet tagħhom u għalhekk ma jipprevedix obbligu simili għal dak previst mid-Direttiva API għall-qsim tal-fruntieri esterni.

280. Fir-rigward tat-tieni parti tad-disa’ domanda preliminari, inqis, bħall-Kummissjoni, li hija għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-qsim tal-fruntieri interni u bħala li hija intiża li tikseb kjarifiki mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tevalwa l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 11 tal-Liġi PNR mal-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni tal-Istati Membri fiż-żona Schengen.

281. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ftit elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita ruħi sabiex nirrileva li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 11 tal-Liġi PNR jistgħu jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 67(2) TFUE biss jekk jiġu interpretati fis-sens li dawn jirrigwardaw biss it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data API tal-passiġġieri li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Belġju ma’ pajjiżi terzi.

282. Sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tifformula mill-ġdid it-tieni parti tad-disa’ domanda preliminari fis-sens li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva PNR fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 11 tal-Liġi PNR, nillimita ruħi sabiex nirrileva li l-ipproċessar tad-data API previst fl-Artikoli 28 u 29 ta’ din il-liġi huwa marbut mas-sistema stabbilita mil-leġiżlatur Belġjan sabiex jittrasponi d-Direttiva PNR. B’hekk, l-ewwel, id-data API li hija s-suġġett ta’ pproċessar hija dik elenkata fil-punt 12 tal-Anness I ta’ din id-direttiva u mhux biss dik li tinsab fil-lista inkluża fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API. It-tieni, skont l-Artikolu 29(1) tal-Liġi PNR, din id-data hija trażmessa lid-dipartimenti tal-pulizija responsabbli għall-kontroll fil-fruntieri u lill-Uffiċċju tal-Barranin mill-PIU — li hija responsabbli għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data PNR fil-kuntest tal-iskopijiet biss imfittxija mid-Direttiva PNR —, u mhux, kif previst mid-Direttiva API, direttament mit-trasportaturi tal-ajru. Barra minn hekk, din it-trażmissjoni tikkonċerna wkoll id-data tal-passiġġieri li għandhom l-intenzjoni jitilqu jew li telqu mit-territorju Belġjan u ma għandhiex bħala l-uniċi destinatarji l-awtoritajiet inkarigati mill-kontrolli fil-fruntieri, iżda wkoll l-Uffiċċju tal-Barranin, li huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-popolazzjoni immigrata u mill-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali. It-tielet, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(4) tal-Liġi PNR, l-Uffiċċju tal-Barranin jidher li huwa awtorizzat iressaq talbiet għall-aċċess għad-data API lill-PIU anki wara l-ipproċessar ta’ din id-data fl-okkażjoni tal-qsim tal-fruntieri tal-passiġġieri kkonċernati. F’dan is-sens, dan l-uffiċċju huwa de facto assimilat ma’ awtorità kompetenti skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva PNR, filwaqt li ma għandux in-natura tagħha u ma huwiex inkluż fil-lista ta’ dawn l-awtoritajiet li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni mill-Belġju. Issa, tali amalgamazzjoni bejn is-sistemi previsti mid-Direttiva API u mid-Direttiva PNR ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tiġi aċċettata peress li tikser il-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskopijiet stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva PNR (263).

283. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-disa’ domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva API, li abbażi tiegħu l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu l-obbligu, għat-trasportaturi tal-ajru, li jittrażmettu, fuq talba tal-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni, qabel it-tmiem tar-reġistrazzjoni, l-informazzjoni dwar il-passiġġieri msemmija fl-Artikolu 3(2), moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) u (d) ta’ din id-direttiva, jikkonċerna biss il-passiġġieri ttrasportati lejn punt ta’ qsim awtorizzat għall-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi. Leġiżlazzjoni nazzjonali li, bil-għan biss tat-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, testendi dan l-obbligu għad-data tal-persuni li jaqsmu l-fruntieri interni tal-Istat Membru kkonċernat bl-ajruplan jew b’mezzi oħra ta’ trasport tmur kontra l-Artikolu 67(2) TFUE u l-Artikolu 22 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

F.      Fuq lgħaxar domanda preliminari

284. Permezz tal-għaxar domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fil-każ li tasal għall-konklużjoni li l-Liġi PNR tikser l-Artikoli 7, 8 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, hija tistax iżżomm provviżorjament l-effetti ta’ din il-liġi sabiex tevita inċertezza legali u tippermetti li d-data miġbura u miżmuma preċedentement tkun tista’ tibqa’ tintuża għall-finijiet previsti mil-Liġi PNR.

285. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal domanda li għandha l-istess kontenut fis-sentenza La Quadrature du Net dwar il-ħażna tal-metadata tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, mogħtija wara t-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, fakkret il-ġurisprudenza tagħha li tipprovdi li s-supremazija u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jiġu ppreġudikati jekk qrati nazzjonali kellhom is-setgħa li jagħtu supremazija lid-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq id-dritt tal-Unjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru, anki b’mod provviżorju. Sussegwentement, hija fakkret li, fis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (264), li kienet tirrigwarda l-legalità ta’ miżuri adottati bi ksur tal-obbligu stabbilit mid-dritt tal-Unjoni li titwettaq evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent u fuq sit protett, hija ammettiet li qorti nazzjonali tista’, jekk id-dritt intern jippermetti dan, b’mod eċċezzjonali żżomm l-effetti ta’ tali miżuri meta din iż-żamma tkun iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta man-neċessità li tiġi evitata theddida reali u serja ta’ qtugħ tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat għaż-żmien strettament meħtieġ sabiex tiġi rrimedjata din l-illegalità. Madankollu, hija kkonkludiet li, kuntrarjament għall-ommissjoni ta’ obbligu proċedurali bħall-evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ proġett fil-qasam speċifiku tal-protezzjoni tal-ambjent, ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jistax ikun is-suġġett ta’ regolarizzazzjoni permezz ta’ proċedura paragunabbli ma’ dik prevista fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq (265). Fil-fehma tiegħi, l-istess risposta għandha tingħata għall-għaxar domanda preliminari f’din il-kawża.

286. Sa fejn kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni u l-Kunsill jistaqsu dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix użu, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, tal-informazzjoni jew tal-provi miksuba bl-użu tad-data PNR miġbura, ipproċessata u/jew miżmuma b’mod inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, infakkar li, fil-punt 222 tas-sentenza La Quadrature du Net, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali biss li jiddetermina r-regoli relatati mal-ammissibbiltà u l-evalwazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati b’atti ta’ kriminalità serja, ta’ informazzjoni u ta’ provi li nkisbu billi permezz ta’ żamma ta’ data li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju jimponi fuq il-qorti kriminali nazzjonali l-obbligu li ma tiħux inkunsiderazzjoni informazzjoni u provi li jkunu nkisbu permezz ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data ta’ lokalizzazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati b’atti ta’ kriminalità, jekk dawn il-persuni ma jkunux f’pożizzjoni li jieħdu pożizzjoni b’mod effikaċi fuq din l-informazzjoni u dawn il-provi, li joriġinaw minn qasam lil hinn mill-għarfien tal-qrati u li jistgħu jinfluwenzaw b’mod predominanti l-evalwazzjoni tal-fatti. Dawn il-prinċipji huma wkoll trasponibbli mutatis mutandis għall-fatti tal-proċedura prinċipali.

IV.    Konklużjoni

287. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju):

1)      L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        li dan japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tirregola l-ipproċessar tad-data PNR imwettaq mit-trasportaturi tal-ajru u minn operaturi ekonomiċi oħra, inkluż it-trasferiment ta’ data PNR lill-unitajiet tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri (PIU) imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, previst fl-Artikolu 8 tagħha;

–        li dan ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2016/681 sa fejn din tirregola l-ipproċessar ta’ data mwettaq għall-iskopijiet previsti fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi l-PIU u, jekk ikun il-każ, is-servizzi tas-sigurtà u tal-intelliġenza tal-Istat Membru kkonċernat;

–        li dan japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri, u d-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE, għall-finijiet tat-titjib tal-kontrolli tal-persuni fil-fruntieri esterni u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

2)      Il-punt 12 tal-Anness I tad-Direttiva 2016/681 huwa invalidu sa fejn dan jinkludi l-“Kummenti ġenerali” fost il-kategoriji ta’ data li t-trasportaturi tal-ajru huma obbligati jittrażmettu lill-PIU, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.

3)      L-eżami tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’, tas-sitt u tat-tmien domanda ma żvela ebda fattur ieħor ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2016/681.

4)      Il-punt 12 tal-Anness I tad-Direttiva 2016/681, għall-parti li ma hijiex iddikjarata invalida, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ikopri l-informazzjoni biss li tikkonċerna l-minuri li hija espressament imsemmija fih u li għandha rabta diretta mat-titjira.

5)      Il-punt 18 tal-Anness I tad-Direttiva 2016/681 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ikopri biss l-informazzjoni minn qabel dwar il-passiġġieri li hija elenkata espressament f’dan il-punt kif ukoll fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/82 u li nġabret mit-trasportaturi tal-ajru fil-kors normali tal-attivitajiet tagħhom.

6)      Il-kunċett ta’ “databases rilevanti” msemmi fl-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva 2016/681 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ikopri biss id-databases nazzjonali amministrati mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll id-databases tal-Unjoni u internazzjonali użati direttament minn dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tal-missjoni tagħhom. L-imsemmija databases għandhom ikollhom rabta diretta u mill-qrib mal-iskopijiet ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja segwiti mill-imsemmija direttiva, fatt li jimplika li dawn ikunu ġew żviluppati għal dawn l-iskopijiet. Fil-kuntest tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tagħhom tad-Direttiva 2016/681, l-Istati Membri huma obbligati jippubblikaw lista tal-imsemmija databases u jżommuha aġġornata.

7)      L-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2016/681 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-użu, fil-kuntest tal-ipproċessar awtomatizzat previst f’din id-dispożizzjoni, ta’ sistemi algoritmiċi li jistgħu jwasslu għal modifika, mingħajr intervent uman, tal-kriterji stabbiliti minn qabel li abbażi tagħhom sar dan l-ipproċessar u li ma jippermettux li jiġu identifikati b’mod ċar u trasparenti r-raġunijiet li wasslu għal konkordanza pożittiva wara l-imsemmi pproċessar.

8)      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2016/681, moqri b’mod konformi mal-Artikoli 7, 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ż-żamma tad-data PNR ipprovduta mit-trasportaturi tal-ajru lill-PIU f’database matul perijodu ta’ ħames snin wara t-trasferiment tagħha lill-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-punt tal-wasla jew tat-tluq tat-titjira hija permessa biss, wara li tkun saret l-evalwazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva, inkwantu tiġi stabbilita, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, rabta bejn din id-data u l-ġlieda kontra t-terroriżmu jew il-kriminalità serja. Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ din id-data PNR f’forma mhux anonimizzata tista’ tiġi ġġustifikata biss fil-każ ta’ theddida serja għas-sigurtà tal-Istati Membri li tirriżulta reali u attwali jew prevedibbli, marbuta, pereżempju, ma’ attivitajiet terroristiċi, u bil-kundizzjoni li t-tul ta’ din iż-żamma jkun limitat għal dak strettament neċessarju.

9)      L-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 2016/681 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni tad-data PNR jew tar-riżultat tal-ipproċessar ta’ din id-data skont din id-dispożizzjoni, li sseħħ matul il-perijodu inizjali ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, għandha tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(3)(b) tal-imsemmija direttiva.

10)      Id-Direttiva 2016/681, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tammetti bħala skop tal-ipproċessar tad-data PNR il-monitoraġġ ta’ ċerti attivitajiet tas-servizzi tal-intelliġenza u tas-sigurtà, sa fejn, fil-kuntest ta’ tali skop, il-PIU nazzjonali jkollha tipproċessa l-imsemmija data u/jew tittrażmettiha jew ir-riżultat tal-ipproċessar tagħha lill-imsemmija servizzi għal finijiet oħra għajr dawk indikati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, fatt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

11)      L-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva 2016/681 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-PIU ma tikkostitwixxix “awtorità nazzjonali kompetenti oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

12)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/82, li abbażi tiegħu l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu l-obbligu, għat-trasportaturi tal-ajru, li jittrażmettu, fuq it-talba tal-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni, qabel it-tmiem tar-reġistrazzjoni, l-informazzjoni dwar il-passiġġieri msemmija fl-Artikolu 3(2), moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) u (d) ta’ din id-direttiva, jikkonċerna biss il-passiġġieri ttrasportati lejn punt ta’ qsim awtorizzat għall-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi. Leġiżlazzjoni nazzjonali li, bil-għan biss tat-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, testendi dan l-obbligu għad-data tal-persuni li jaqsmu l-fruntieri interni tal-Istat Membru kkonċernat bl-ajruplan jew b’mezzi oħra ta’ trasport tmur kontra l-Artikolu 67(2) TFUE u l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

13)      Qorti nazzjonali ma tistax tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tawtorizzaha tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità imposta fuqha, bis-saħħa ta’ dan id-dritt, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq it-trasportaturi tal-ajru, terrestri u marittimi kif ukoll fuq l-operaturi tal-ivvjaġġar, bil-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, trasferiment tad-data PNR u li tipprevedi pproċessar u żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ din id-data inkompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Skont il-prinċipju ta’ effettività, il-qorti kriminali nazzjonali hija obbligata ma tiħux inkunsiderazzjoni informazzjoni u provi miksuba b’applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni suspettati b’atti ta’ terroriżmu jew ta’ kriminalità serja, jekk dawn il-persuni ma jkunux f’pożizzjoni li jieħdu pożizzjoni b’mod effikaċi fuq din l-informazzjoni u dawn il-provi, li joriġinaw minn qasam lil hinn mill-għarfien tal-qrati u li jistgħu jinfluwenzaw b’mod predominanti l-evalwazzjoni tal-fatti.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.


3      ĠU 2016, L 119, p. 132.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 74.


5      Moniteur belge tal‑25 ta’ Jannar 2017, p. 12905.


6      Skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR “titjira barra l-UE” tfisser “kull titjira skedata jew mhux skedata minn trasportatur bl-ajru li jtir minn pajjiż terz u ppjanata li tinżel fit-territorju ta’ Stat Membru jew li jtir mit-territorju ta’ Stat Membru u ppjanata li tinżel f’pajjiż terz, li tinkludi fiż-żewġ każijiet titjiriet b’waqfa fit-territorju ta’ Stati Membri jew pajjiżi terzi”.


7      Skont il-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR, “titjira ġewwa l-UE” tfisser “kull titjira skedata jew mhux skedata minn trasportatur bl-ajru li jtir mit-territorju ta’ Stat Membru u ppjanata li tinżel fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed ieħor jew aktar, mingħajr waqfa fit-territorju ta’ pajjiż terz”.


8      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva PNR jipprevedi li kull Stat Membru għandu jadotta lista tal-awtoritajiet kompetenti awtorizzati sabiex jitolbu lill-PIU jew sabiex jirċievu mingħandhom data PNR jew ir-riżultat tal-ipproċessar ta’ tali data sabiex jitwettaq eżami iktar fil-fond ta’ din l-informazzjoni jew sabiex jittieħdu l-miżuri xierqa għall-finijiet tal-prevenzjoni u tal-iskoperta ta’ reati terroristiċi jew ta’ kriminalità serja, kif ukoll tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet fil-qasam. Din il-lista ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni fl‑2018 (ĠU 2018, C 194, p. 1).


9      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2008, dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 60).


10      ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6. L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI ġie ssostitwit bl-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-Pulizija.


11      Ara l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva PNR.


12      Ara l-Artikolu 15(3)(a) u (b) tad-Direttiva PNR.


13      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU 2010, L 283, p. 1).


14      Moniteur belge tat‑18 ta’ Diċembru 1998, p. 40312.


15      C‑203/15 u C‑698/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tele2 Sverige”, EU:C:2016:970.


16      Iktar ’il quddiem l-“Opinjoni 1/15”, EU:C:2017:592.


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 61).


18      Skont l-Artikolu 2(1) tar-RĠPD “[d]an ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar”.


19      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 84), kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 62).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Privacy International”, EU:C:2020:790, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont l-Artikolu 4(2) tal-GDPR tikkostitwixxi “ipproċessar” “kwalunkwe attività […] li [titwettaq] fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali [], bħalma huma […] l-iżvelar bi trażmissjoni”.


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 69). Skont il-punt 7(a) u (b) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Pulizija, hija “awtorità kompetenti” “(a) kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika; jew (b) kwalunkwe korp jew entità oħra fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi” għal dawn l-istess finijiet.


22      Ebda indikazzjoni f’dan is-sens ma tirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju.


23      Tali operatur lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat bħala “proċessur” fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD jew tal-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Pulizija, peress li huwa iktar “kontrollur” fis-sens tat-tieni sentenza tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD. Skont il-punt 8 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD u l-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Pulizija, li huma redatti b’mod identiku, il-“proċessur” huwa l-“persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f’isem il-kontrollur”. Fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, il-“kontrollur”, huwa il-“persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li [] jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar []”, it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tippreċiża li “fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”.


24      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Volum 15, p. 355). Din id-direttiva tħassret u ġiet issostitwita bir-RĠPD, ara l-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament.


25      C‑317/04 u C‑318/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill”, EU:C:2006:346. Fil-kawżi li taw lok għal din is-sentenza, il-Parlament kien talab, minn naħa, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/496/KE tas‑17 ta’ Mejju 2004 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data PNR minn Trasportaturi ta’ l-Ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fid-Dipartiment tal-Homeland Security ta’ l-Istati Uniti (ĠU 2006, L 142M, p. 49) u, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/535/KE tal‑14 ta’ Mejju 2004 dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali tal-passiġġieri ta’ l-ajru miżmuma fil-Passenger Name Reċord u trasferiti lill-United States’ Bureau of Ċustoms and Border Proteċtion (ĠU 2005, L 267M, p. 18).


26      Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, din id-direttiva ma kinitx tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali “fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali” (korsiv miżjud minni).


27      Dwar l-“approċċ teleoloġiku” u “kuntestwali” tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez‑Bordona fil-kawżi magħquda La Quadrature du Net et (C‑511/18 u C‑512/18, EU:C:2020:6, punti 47 u 62).


28      C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, iktar ’il quddiem is-sentenza “La Quadrature du Net”, EU:C:2020:791.


29      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punti 100 sa 102.


30      Ara, fl-istess sens, is-sentenza Privacy International, punt 47.


31      C‑207/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ministerio Fiscal”, EU:C:2018:788, punt 34.


32      Ara, b’analoġija, is-sentenzi Tele2 Sverige, punti 72 sa 74 u Ministerio fiscal, punt 34. Dawn is-sentenzi kienu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), li tipprevedi klawżola ta’ limitazzjoni analoga għal dik li tinsab fl-Artikolu 23(1)(a) sa (d) tar-RĠPD.


33      Riferiment għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kien ġustifikat fil-kuntest ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-klawżola ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(3) tagħha, li tirreferi, b’mod ġenerali, għall-“attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali”.


34      Ara, b’analoġija, is-sentenza Privacy International punti 38 u 39.


35      Dan huwa l-ipproċessar irregolat mill-Kapitoli 7 sa 10 u 12 tal-Liġi PNR.


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi La Quadrature du Net, punt 103, u Privacy International, punt 48.


37      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza La Quadrature du Net.


38      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 66).


39      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504).


40      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata.


41      Il-kundizzjonijiet li japplikaw għal dan l-ipproċessar ta’ data huma previsti fil-Kapitolu 11 tal-Liġi PNR.


42      Ara l-premessi 8, 9 u 12 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva API u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2010/65.


43      L-użu tal-informazzjoni minn qabel dwar il-passiġġieri (iktar ’il quddiem id-“data API”) minn servizzi tal-infurzar tal-liġi huwa espressament previst fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva API.


44      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Ara b’mod partikolari s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza La Quadrature du Net, punt 122.


47      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punt 123.


48      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata.


49      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 2015, Roman Zakharov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2015:1204JUD004714306, punt 227), il-Qorti EDB, 18 ta’ Mejju 2010, Kennedy vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2010:0518JUD002683905, punt 130); u l-Qorti EDB, 25 ta’ Mejju 2021, Centrum för Rättvisa vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2021:0525JUD003525208, punt 246).


51      Ara l-Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 2015, Roman Zakharov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2015:1204JUD004714306, punt 228); il-Qorti EDB, 4 ta’ Mejju 2000, Rotaru vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2000:0504JUD002834195, punt 52); il-Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 2008, S. u Marper vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2008:1204JUD003056204, punt 95); il-Qorti EDB, 18 ta’ Mejju 2021, Kennedy vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2010:0518JUD002683905, punt 151); u l-Qorti EDB, 25 ta’ Mejju 2021, Centrüm för Rättvisa vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2021:0525JUD003525208, punt 246).


52      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑78/18, ECLI:EU:C:2020:476, punti 124 u 126, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); ara, ukoll, il-Qorti EDB, 4 ta’ Mejju 2000, Rotaru vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2000:0504JUD00283419, punt 48); il-Qorti EDB, 26 ta’ Marzu 1987, Leander vs L‑Isvezja (CE:ECHR:1987:0326JUD000924881, punt 46); u l-Qorti EDB, 29 ta’ Ġunju 2006, Weber u Saravia vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2006:0629DEC005493400, punt 79).


53      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza Ministerio Fiscal, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.


54      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑78/18, ECLI:EU:C:2020:476, punt 126), kif ukoll is-sentenza Ministerio Fiscal, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.


55      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Digital Rights”, EU:C:2014:238, punti 34).


56      Ara Opinjoni 1/15, punti 121 sa 123.


57      Ara, b’analoġija, is-sentenza Privacy International, punti 79 u 80, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


58      Ara l-Artikolu 2(1) sa (3) tad-Direttiva PNR.


59      Ara l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva PNR.


60      Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, peress li dan l-Istat Membru ma pparteċipax fl-adozzjoni tad-Direttiva PNR, huwa la huwa marbut minn din id-direttiva u lanqas ma huwa suġġett għall-applikazzjoni tagħha (ara l-premessa 40 ta’ din id-direttiva). Madankollu mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern Daniż jirriżulta li r-Renju tad-Danimarka adotta fl‑2018 liġi dwar il-ġbir, l-użu u ż-żamma tad-data PNR, li d-dispożizzjonijiet tagħha jikkonkordaw ħafna ma’ dawk tad-Direttiva PNR. Fir-rigward tal-Irlanda, mill-premessa 39 tad-Direttiva PNR jirriżulta li dan l-Istat Membru nnotifika, konformement mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, ix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.


61      Il-Kummissjoni ppubblikat lista aġġornata tal-Istati Membri li ddeċidew li japplikaw id-Direttiva PNR għat-titjiriet ġewwa l-UE msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [PNR] (ĠU 2020, C 358, p. 7), irrettifikata f’Settembru 2021 biż-żieda tas-Slovenja u t-tneħħija tar-riferiment għar-Renju Unit (ĠU 2021, C 360, p. 8). L-Irlanda u l-Awstrija ma humiex inklużi f’din il-lista. Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tad-Direttiva [PNR], tal‑24 ta’ Lulju 2020, (COM(2020)305 final, p. 11 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Kummissjoni tal-2020”)) isemmi li l-Istati Membri kollha, b’eċċezzjoni waħda, estendew il-ġbir tad-data PNR għat-titjiriet ġewwa l-UE.


62      Ara, b’mod partikolari l-punti 4 u 18 tal-Anness I dwar l-ismijiet, is-sess, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità u d-dokumenti tal-identità tal-passiġġier.


63      Ara, b’mod partikolari, il-punti 2, 3, 7, 13 u 18 tal-Anness I tad-Direttiva PNR li jsemmu, b’mod partikolari, in-numru tat-titjira, l-ajruporti tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll id-dati u l-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla.


64      Ara l-punti 5, 6, 9, 12 u 16 tal-Anness I.


65      Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15, punt 131.


66      SWD(2020)128 final.


67      Id-dokument tax-xogħol tal‑2020 (p. 28 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 55), isemmi marġni ta’ konkordanzi pożittivi ta’ 0.59 % għas-sena 2019, li minnhom 0.11 % biss kienu s-suġġett ta’ trasferiment lill-awtoritajiet kompetenti. Għas-sena 2018, il-perċentwali korrispondenti kienu ta’ 0.25 % u ta’ 0.4 % rispettivament.


68      Ara Opinjoni 1/15, punt 132.


69      Is-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR setgħet tkopri, qabel il-kriżi sanitarja, sa biljun passiġġier kull waħda, data aċċessibbli fuq https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/ttr00012/default/table?lang=mt.


70      Jiġifieri kull persuna li tissodisfa l-kunċett ta’ “passiġġier”, kif iddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR u li taqbad “titjira barra l-UE”, kif ukoll, de facto, “titjira ġewwa l-UE”.


71      Fi studju adottat mill-Kummissjoni Ewropea għad-demokrazija permezz tad-dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja) fl‑2015, tali miżuri huma kkunsidrati li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “sorveljanza strateġika” u jsegwu “tendenza ġenerali” għall-użu ta’ “sorveljanza proattiva” tal-popolazzjoni; ara l-istudju Aġġornament tar-Rapport tal2007 Dwar il-Kontroll Demokratiku tas-Servizzi tas-Sigurtà u Rapport Dwar il-Kontroll Demokratiku tal-Aġenziji tal-Ġbir ta’ Informazzjoni ta’ Oriġini Elettromanjetika, adottat mill-Kummissjoni ta’ Venezja fil‑102 sessjoni plenarja tagħha (Venezja, 20 u 21 ta’ Marzu 2015), https://www.venice.coe.int/webforms/documents/?pdf=CDL-AD(2015)006-e, punt 61.


72      Fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-KEDB, ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Mejju 2021, Big Brother Watch et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2021:0525JUD005817013, punt 325, iktar ’il quddiem is-“sentenza Big Brother Watch”) dwar il-miżuri ta’ interċettazzjoni bil-massa, fejn il-Qorti EDB tiddikjara li l-intensità tal-indħil fl-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ dawn il-miżuri tiżdied hekk kif jinqabżu id-diversi stadji tal-proċess, jiġifieri l-interċettazzjoni u ż-żamma inizjali tal-komunikazzjonijiet u tad-data assoċjata, l-ipproċessar awtomatizzat bl-applikazzjoni ta’ seletturi, l-eżami minn analisti u ż-żamma sussegwenti tad-data kif ukoll l-użu tal-“prodott finali”.


73      Ara, f’dan is-sens, il-premessi 6 u 7 tad-Direttiva PNR; ara, għal analiżi fil-fond tal-iskop u tal-implikazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali, ir-rapport intitolat Passenger Name Records (PNR), data mining and data protection: the need for strong safeguards, ippreparat minn D. Korff, bil-kontribuzzjoni ta’ M. Georges, https://rm.coe.int/16806a601b (iktar ’il quddiem ir-“rapport Korff”).


74      Kif indikat fir-rapport Korff “PNR is not an isolated issue, but a new symptom of a much wider disease”.


75      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 175); tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers (C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza Privacy International, punt 65.


76      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Ġunju 2006, Lupsa vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2006:0608JUD001033704, punti 32 u 33), u tal‑15 ta’ Diċembru 2020, Piskin vs It‑Turkija (CE:ECHR:2020:1215JUD00333991, punt 206); ara wkoll is-sentenza Big Brother Watch, punt 333. Dwar il-ħtieġa li tingħata lill-espressjoni “prevista mil-liġi” fl-Artikolu 52(1) tal-Karta l-istess interpretazzjoni bħal dik adottata mill-Qorti EDB, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:606, punti 134 sa 143).


77      Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza Big Brother Watch, punt 333.


78      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81); ara, ukoll, il-Qorti EDB, l‑1 ta’ Lulju 2008, Liberty et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2008:0701JUD005824300, punt 69), kif ukoll is-sentenza Big Brother Watch, punt 333.


79      Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-Rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, adottata fi Strasbourg fit‑28 ta’ Jannar 1981 u rratifikata mill-Istati Membri kollha, iktar magħrufa bħala l-“Konvenzjoni 108”. Fl‑2018 ġie redatt protokoll ta’ emenda ta’ din il-konvenzjoni bil-għan li din tiġi mmodernizzata. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/682 tad‑9 ta’ April 2019 (ĠU 2019, L 115, p. 7), l-Istati Membri ġew awtorizzati jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni, l-imsemmi protokoll ta’ emenda sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi wkoll għat-test tal-Konvenzjoni 108 mmodernizzata, li għalkemm għadha ma ġietx irratifikata mill-Istati Membri kollha u għadha ma daħlitx fis-seħħ tipprevedi, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2019/682, garanziji bbażati fuq l-istess prinċipji bħal dawk stabbiliti fir-RĠPD u fid-Direttiva tal-Pulizija.


80      https://rm.coe.int/t-pd-2016-18rev-avis-pnr-mt/16807b6c09, p. 3 u 5. Ir-rapport ta’ spjega li jakkumpanja l-protokoll ta’ emenda tal-Konvenzjoni 108 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ spjega dwar il-Konvenzjoni 108 mmodernizzata”) jenfasizza wkoll ir-rekwiżit li l-miżura li tipprevedi indħil fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tkun “aċċessibbli”, “prevedibbli”, “suffiċjentement iddettaljata” u “fformulata b’mod ċar”; ara l-punt 91 ta’ dan ir-rapport ta’ spjega, aċċessibbli fuq https://rm.coe.int/convention-108-convention-pour-la-protection-des-personnes-a-l-egard-d/16808b3726.


81      Ara, a contrario, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 135).


82      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza La Quadrature du Net, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, ukoll, il-Qorti EDB, sentenza Big Brother Watch, punt 334.


83      Ara, f’dan ir-rigward, T. Tridimas, G. Gentile, “The essence of Rights: an unreliable Boundary?”, German Law Journal, 2019, p. 796; K. Lenaerts, “Limits on limitations : The Essence of Fundamental Rights in the EU”, German Law Journal, 2019, 20, p. 779 et seq.


84      Mis-sentenza tal-Qorti EDB tal‑24 ta’ Ottubru 1979, Winterwerp vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:ECHR:1979:1024JUD000630173, punt 60).


85      Ara Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17, b’mod partikolari “Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 52”, p. 32, iktar ’il quddiem l-“Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta”).


86      Ara, diġà f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il‑Kummissjoni (4/73, EU:C:1974:51, punt 14) u tat‑13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, EU:C:1979:290, punt 23).


87      C‑362/14, iktar ’il quddiem is-sentenza “Schrems I”, EU:C:2015:650, punti 94 sa 98.


88      Ara K. Lenaerts, op. cit., p. 781, T. Tridimas, G. Gentile, op. cit., p. 803.


89      L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jirrikonoxxu espressament li “d-dinjità tal-persuna umana tagħmel parti mis-sustanza tad-drittijiet inklużi fil-Karta” u li “[g]ħalhekk din ma tistax tiġi ppreġudikata, anki fil-każ ta’ limitazzjoni ta’ dritt”.


90      F’dan ir-rigward, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fl-opinjoni parzjalment konkordanti komuni għall-Imħallfin Lemmens, Vehabović u Bošniak fis-sentenza Big Brother Watch, punti 3 sa 10.


91      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54).


92      Ara s-sentenza Digital Rights, punt 39; ara, ukoll, fir-rigward tad-Direttiva 2002/58, is-sentenza Tele2 Sverige, punt 101.


93      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 150.


94      Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Digital Rights, punt 40.


95      Ara, f’dan l-istess sens, l-Opinjoni 1/15, punt 128.


96      Ara l-Opinjoni 1/15 punti 164 u 165.


97      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 150.


98      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 5, 6, 15 u 22 tad-Direttiva PNR.


99      Proposta tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Frar 2011 dwar l-użu tad-dejta fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u delitti serji (COM(2011) 32 finali, p. 4).


100      Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, f’dawn il-konklużjonijiet, ser nuża l-espressjonijiet “servizzi tal-infurzar tal-liġi” jew “awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi” sabiex nindika, b’mod ġenerali, kull awtorità li għandha setgħat fl-oqsma tal-iskoperta, tal-prevenzjoni, tal-prosekuzzjoni jew tal-investigazzjoni fil-qasam tat-terroriżmu jew tal-kriminalità serja, koperti mid-Direttiva PNR.


101      Ara l-premessa 7 tad-Direttiva PNR. Ara, ukoll, il-Proposta għal Direttiva PNR, p. 5.


102      Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15, kif ukoll is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Prokuratuur”, EU:C:2021:152, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


103      Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza La Quadrature du Net.


104      Ara, iktar ’il quddiem, l-analiżi dwar il-proporzjonalità tal-indħil.


105      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punt 125.


106      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata.


107      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punt 136.


108      Ara s-sentenza Digital Rights, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.


109      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 140, kif ukoll is-sentenza La Quadrature du Net, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ir-rekwiżit li l-ipproċessar ta’ data personali jirrifletti, f’kull stadju, “bilanċ ġust bejn l-interessi kollha involuti, kemm pubbliċi kif ukoll privati, kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet inkwistjoni” huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni 108.


110      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenzi La Quadrature du Net, punt 131 u Prokuratuur, punt 32.


111      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Digital Rights, punt 54, u Schrems I, punt 91, kif ukoll l-Opinjoni 1/15, punt 141.


112      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata.


113      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Digital Rights, punt 48.


114      Ara, f’dan is-sens, il-punti 201 sa 203 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


115      F’dan ir-rigward, nirreferi għad-data li tinsab fid-dokument tax-xogħol tal‑2020.


116      Ara, f’dan is-sens, l-opinjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2016, p. 5.


117      Fuq l-importanza tal-istatistika għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effikaċja tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR, ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/2011 tal‑14 ta’ Ġunju 2011, dwar il-Proposta għal Direttiva PNR, https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/1786-FRA-PNR-Opinion-2011_EN.pdf, punt 2.1.2.1 (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni 1/2011 tal-FRA”)


118      Min-naħa l-oħra, din id-domanda hija magħmula b’mod ċar mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja), fil-Kawża pendenti C‑215/20.


119      Il-Kummissjoni ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ mistoqsija għal tweġiba bil-miktub. Il-partijiet ikkonċernati l-oħra setgħu jieħdu pożizzjoni matul is-seduta.


120      Ara l-punt 107 in fine ta’ dawn il-konklużjonijiet.


121      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU 2017, L 88, p. 6).


122      Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ “reat ta’ natura transnazzjonali” kif iddefinit, pereżempju, fl-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE kien wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludi wkoll reati mwettqa f’pajjiż wieħed u fejn l-awtur “ikun jinsab f’pajjiż ieħor jew ikollu l-intenzjoni li jivvjaġġa lejn pajjiż ieħor”; ara l-Artikolu 3(3)(e) tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE, li l-formulazzjoni tiegħu hija riprodotta fil-punt 30 tal-Opinjoni 1/15. Ninnota wkoll li fl-Opinjoni 1/2011 tagħha (punti 2.2.3.1 u 3.7), il-FRA kienet issuġġerixxiet li s-sistema PNR tal-Unjoni tiġi limitata għar-reati transnazzjonali serji biss. Il-Proposta għal Direttiva PNR, kienet tipprevedi għall-kuntrarju ipproċessar awtomatizzat iddifferenzjat għar-reati transnazzjonali u għal dawk li ma humiex ta’ din in-natura (ara l-Artikolu 4(2)(a) ta’ din il-proposta).


123      Ninnota, barra minn hekk, li parti mir-reati msemmija fl-Anness II jaqgħu taħt oqsma ta’ kriminalità kklassifikata bħala “partikolarment gravi” mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 83(1) TFUE u elenkati fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Dawn huma b’mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali tat-tfal, it-traffikar illeċitu ta’ droga, it-traffiku illeċitu ta’ armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas, il-kriminalità fl-informatika u l-kriminalità organizzata. F’diversi minn dawn l-oqsma, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 83(1) TFUE, direttivi li jistabbilixxu “regoli minimi rigward id-definizzjoni tar-reati kriminali u tas-sanzjonijiet”, ara, b’mod partikolari, id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU 2011, L 101, p. 1), id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU 2011, L 335, p. 1), id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU 2013, L 218, p. 8), id-Direttiva (UE) 2019/713 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI (ĠU 2019, L 123, p. 18), id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29), u d-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2018, L 284, p. 22).


124      Nirrileva, madankollu, li r-reati kollha msemmija fl-Anness I, bl-eċċezzjoni tal-“[i]spjunaġġ industrijali”, jinsabu fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 6, p. 34). Għalkemm ma humiex espliċitament ikklassifikati bħala serji, huma madankollu jagħtu lok, meta jilħqu l-istess livell ta’ piena li ċċaħħad il-libertà previst fil-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR, għall-konsenja abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, mingħajr stħarriġ tal-inkriminazzjoni doppja tal-fatt. Kważi t-totalità tal-imsemmija reati, bl-eċċezzjoni tas-“sabutaġġ”, tal-“ħtif illegali ta’ inġenji tal-ajru” u tal-“[i]spjunaġġ industrijali” tinsab ukoll fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018, dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU 2018, L 295, p. 138), li jelenka l-lista ta’ “forom ta’ kriminalità serja” li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ Eurojust.


125      Dawn huma, b’mod partikolari, il-punti 7, 8, 10 u 16.


126      Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-“frodi” (punt 7), tal-“korruzzjoni” (punt 6), taċ-“ċiberkriminalità” (punt 9) tal-“kriminalità ambjentali” (punt 10). Huwa fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ksur frawdolenti li l-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) tistaqsi, fil-Kawża pendenti C‑215/20.


127      Barra minn hekk, din id-direttiva tippreċiża, fl-Artikolu 9 tagħha, it-tul minimu tal-piena massima ta’ priġunerija li għandhom ikunu suġġetti għalih l-imsemmija reati, livell li biss f’ċerti ċirkustanzi jilħaq tliet snin.


128      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2008, L 328, p. 28).


129      Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 64).


130      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2002, dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 61).


131      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 6, p. 182, rettifika fil-ĠU 2019, L 255, p. 7).


132      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU 2008, L 300, p. 42).


133      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 7 u 22 tad-Direttiva PNR.


134      Ara l-premessa 35 tad-Direttiva PNR.


135      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 61 u 62) kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punti 91 u 94).


136      Ara d-Dokument 9944, approvat mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO u ppubblikat taħt l-awtorità tiegħu. Il-verżjoni Ingliża ta’ dan id-dokument hija aċċessibbli fuq is-sit: https://www.icao.int/Security/FAL/ANNEX9/Documents/9944_cons_en.pdf. Skont il-punt 9.22 tal-Anness 9 (Faċilitazzjonijiet) mal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis‑7 ta’ Diċembru 1944) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), l-Istati kontraenti ta’ din il-konvenzjoni li jeħtieġu d-data PNR huma meħtieġa jallinjaw il-bżonnijiet tagħhom fil-qasam tad-data u l-ipproċessar ta’ din id-data, fost l-oħrajn, fuq dawn il-linji gwida.


137      Fl-istess sens, ara l-Opinjoni 1/15, punt 160.


138      Ara l-punti 2.1.2, 2.1.5 tal-Linji gwida tal-ICAO.


139      L-unika riferiment għal-Linji gwida tal-ICAO fid-Direttiva PNR jinsab fil-premessa 17 tagħha u jikkonċerna biss il-“formati aċċettati tad-data għat-trasferimenti tad-data tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru lill-Istati Membri”.


140      Għalhekk, il-punt 2.1.5 tal-imsemmija linji gwida jsemmi “informazzjoni addizzjonali” jew “dwar servizzi mitluba”, li tista’ tirrigwarda “talbiet għal kura medika jew ikel speċjali, “minorenni li jivvjaġġaw waħedhom”, talbiet għal assistenza, eċċ.”. Il-punt 2.1.6 jippreċiża, min-naħa tiegħu, li l-“kamp ‘Kummenti ġenerali’” jista’ jinkludi wkoll “ċerta informazzjoni, bħall-korrispondenzi jew il-komunikazzjonijiet interni bejn il-persunal tal-kumpanniji tal-ajru u l-aġenti ta’ riżervazzjoni”.


141      Ara l-punti 2.1.5 u 2.1.6 tal-Linji gwida tal-ICAO.


142      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 32), dwar il-każ tal-applikant għal passaport obbligat li jissottometti ruħu għat-teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali tiegħu sabiex ikun jista’ jkollu dokument li jippermettilu jivvjaġġa lejn pajjiż terz.


143      Ser nerġa’ nirreferi għal din il-kategorija ta’ data iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet.


144      Il-FRA esprimiet ruħha f’dan is-sens fl-Opinjoni 1/2011, p. 13. Fl-opinjoni tagħha tal‑25 ta’ Marzu 2011 dwar il-Proposta għal Direttiva PNR, (https://edps.europa.eu/sites/edp/files/publication/11-03-25_pnr_en.pdf, punt 47) (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal-EDPS tal‑25 ta’ Marzu 2011”), l-EPDS ippropona li tiġi eskluża t-taqsima “Kummenti ġenerali” mil-lista tal-Anness I.


145      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad‑19 ta’ Settembru 2013, Review Commission vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 40); kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et  (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).


146      Ara b’mod partikolari l-premessi 5, 7, 11, 15, 16, 20, 22, 23, 25, 27, 28, 31, 36 u 37 tad-Direttiva PNR.


147      Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 28), kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et  (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 77).


148      Għal dak li jirrigwarda hawnhekk, il-premessa 9 tipprovdi li “[l]-użu tad-data tal-PNR flimkien mad-data tal-API huwa valur miżjud fl-assistenza lill-Istati Membri sabiex jivverifikaw l-identità ta’ individwu, u b’hekk isaħħu l-valur tal-infurzar tal-liġi ta’ dak ir-riżultat u jnaqqsu r-riskju li jwettqu kontrolli u investigazzjonijiet fuq persuni innoċenti”.


149      F’dan is-sens, ara, ukoll, il-Proposta għal Direttiva PNR, p. 7, punt 1. Din l-istess data hija inkluża fil-Linji Gwida Dwar l-Informazzjoni Minn Qabel Dwar il-Passiġġieri (API) redatti mill Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) u l-ICAO, http://www.wcoomd.org/~/media/wco/public/fr/pdf/topics/facilitation /instruments-and-tools/tools/api-guidelines-and-pnr-doc/api-guidelines-_f.pdf?db=web) ((iktar ’il quddiem il-“Linji gwida API”), punt 8.1.5(a)), bħala “elementi prinċipali ta’ data li jistgħu jidhru fiż-żona li tista’ tinqara mill-magna tad-dokumenti tal-ivvjaġġar uffiċjali”.


150      L-Artikolu 3(2) jipprovdi kif ġej: “L-informazzjoni msemmija fuq għandha tinkludi: n-numru u t-tip ta’ document ta’ vvjaġġar użat, ċittadinanza, ismijiet sħaħ, id-data tat-twelid, il-punt ta’ qsim fuq il-fruntiera bħala dħul fit-territorju ta’ l-Istati Membri, il-kodiċi tat-trasport, il-ħin tat-tluq u tal-wasla tat-trasport, in-numru totali ta’ passiġġieri ttrasportati, il-punt inizjali ta’ imbark”. Nenfasizza li fil-Programm ta’ ħidma tagħha għall‑2022, COM(2021) 645 final, p. 9, il-Kummissjoni kkunsidrat aġġornament tad-Direttiva API. F’Settembru 2020, hija ppubblikat evalwazzjoni ta’ din id-direttiva li tikkostitwixxi l-bażi għar-reviżjoni futura tagħha, SWD(2020), 174 final (iktar ’il quddiem id-“dokument tax-xogħol tal‑2020 dwar id-Direttiva API”). Fl-imsemmi dokument, il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari l-fatt li l-lista ta’ data li tinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva API ma hijiex konformi mal-istandards internazzjonali dwar id-data API, b’mod partikolari sa fejn din ma tinkludix id-data kollha li tinsab fil-parti li tista’ tinqara mill-magna tad-dokumenti tal-identità (ara, b’mod partikolari, p. 48).


151      Ara l-Linji gwida API, punti 8.1.5(b) u (c).


152      Interpretazzjoni analoga tat-taqsima korrispondenti tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE tinsab fil-punt 161 tal-Opinjoni 1/15.


153      Nirrileva li attwalment il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’sensiela ta’ domandi preliminari li jirrigwardaw speċifikament in-natura suffiċjentement preċiża ta’ diversi punti tal-Anness I, u b’mod partikolari tal-punti 4, 8, 12, 18 (ara l-Kawża pendenti C‑215/20).


154      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 158.


155      Nirrileva li l-informazzjoni dwar l-aġenzija jew l-aġent tal-ivvjaġġar hija diġà msemmija fil-punt 5 tal-Anness I.


156      Ara d-definizzjoni ta’ data PNR fil-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR.


157      F’dan is-sens, ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fl-Opinjoni 1/15, ((Ftehim PNR UE‑Kanada), EU:C:2016:656), punt 218.


158      Ara t-taqsima korrispondenti tal-Appendiċi I għal-Linji gwida tal-ICAO.


159      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Digital Rights, punt 57. Fir-rigward tar-rekwiżit li l-kategoriji ta’ data koperti minn miżura ta’ aċċess ikunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju għall-għan imfittex, ara, fl-aħħar lok, is-sentenza Prokuratuur, punt 38. Il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data huwa inter alia previst fl-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD u fl-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva tal-Pulizija.


160      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 18 ta’ April 2013, M.K. vs Franza (CE:ECHR:2013:0418JUD001952209, punt 35).


161      Ara r-rapport ta’ spjega tal-Konvenzjoni 108 tal‑1981, (https://rm.coe.int/16800ca471), punt 40 tal-Artikolu 5, kif ukoll ir-rapport ta’ spjega dwar il-Konvenzjoni 108 mmodernizzata, punt 51 tal-Artikolu 5.


162      Ara l-punti 154 sa 158 u 162 sa 164 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


163      Ara l-punti 133 sa 153 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


164      Id-dritt tat-tfal għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom huwa stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl‑20 ta’ Novembru 1989 u li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Settembru 1990.


165      Ara l-punt 2.7.3 tal-Linji gwida tal-ICAO.


166      Ara l-punt 2.7.4 tal-Linji gwida tal-ICAO.


167      Ir-rekwiżit li jiġu ggarantiti s-sigurtà u l-affidabbiltà tat-trasferiment tad-data lill-PIU huwa barra minn hekk imfakkar fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva PNR dwar il-mezzi elettroniċi użati għal dan it-trasferiment u kien wieħed mill-kriterji li l-Kummissjoni kkonformat magħhom għall-finijiet tal-adozzjoni, meħtieġa fl-Artikolu 16(3), tal-protokolli komuni u tal-formati ta’ data li għandhom jintużaw mit-trasportaturi tal-ajru waqt l-imsemmi trasferiment, ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/759 tat‑28 ta’ April 2017 dwar protokolli komuni u formati tad-data biex jintużaw minn trasportaturi tal-ajru meta tiġi trasferita data tal-PNR lill-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (ĠU 2017, L 113, p. 48).


168      Ara l-premessa 37 tad-Direttiva PNR.


169      Il-kategoriji ta’ data personali elenkati fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva PNR huma kollha inklużi f’dawk li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kategoriji speċjali ta’ data personali” msemmi fl-Artikolu 9(1) tar-RĠPD.


170      F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, huma irrilevanti l-allegazzjonijiet magħmula minn diversi Stati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet dwar it-tieni domanda preliminari, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ mezzi tekniċi li jippermettu li titħassar faċilment id-data sensittiva trażmessa mit-trasportaturi tal-ajru.


171      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fl-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), EU:C:2016:656.


172      Nirrileva li anki l-Linji gwida tal-ICAO, filwaqt li ma jeskludux li d-data sensittiva li tista’ tiġi estratta mit-taqsimiet “test liberu” tista’ tkun utli għall-evalwazzjoni tar-riskju li passiġġier jista’ jirrappreżenta, jirrakkomandaw madankollu lill-Istati kontraenti jiżguraw li din id-data tittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk ikunu jeżistu indikazzjonijiet konkreti li jitolbu l-użu tagħha għall-finijiet segwiti mis-sistemi PNR tagħhom.


173      Infakkar li tali esklużjoni kienet diġà ġiet issuġġerita mill-EDPS fl-opinjoni tiegħu tal‑25 ta’ Marzu 2011, punt 47.


174      Din hija data li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali li huwa juża.


175      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi La Quadrature du Net, punti 141 sa 145, u Tele2 Sverige, punti 105 u 106, mogħtija fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif ukoll is-sentenza Digital Rights, punti 57 u 58, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat l-invalidità tad-Direttiva 2006/24.


176      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punt 177.


177      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punti 134 sa 139 u 177. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-responsabbiltà li għandhom l-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali “tikkorrispondi mal-interess primordjali ta’ protezzjoni tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u tal-interessi fundamentali tas-soċjetà u tinkludi l-prevenzjoni u r-ripressjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jiddestabilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jheddu direttament is-soċjetà, il-popolazzjoni jew l‑Istat bħala tali, bħal b’mod partikolari attivitajiet terroristiċi”; ara s-sentenzi La Quadrature du Net, punt 135, u Privacy International, punt 74


178      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punti 138 u 178.


179      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Quadrature du Net, punti 141 sa 145.


180      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punti 115 u 116; ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sanchéz‑Bordona fil-kawżi magħquda SpaceNet u Telekom Deutschland (C‑793/19 u C‑794/19, EU:C:2021:939, punti 74 u 75).


181      Ara s-sentenza Tele2 Sverige, punt 119.


182      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tele2 Sverige, punti 103 sa 107 u 119, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


183      Ara l-Opinjoni 1/15, punti 186 u 187.


184      Fis-sentenzi Digital Rights (punt 59) u Tele2 Sverige (punt 111), bħal fil-ġurisprudenza sussegwenti, (ara, b’mod partikolari, is-sentenza La Quadrature du Net, punti 143 sa 150), huwa preċiżament il-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma kinitx tibbaża ruħha fuq “elementi oġġettivi” tat-tip bħal dawk imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 187 tal-Opinjoni 1/15, li jippermettu li jittieħed inkunsiderazzjoni pubbliku li d-data tiegħu setgħet tiżvela rabta, għall-inqas indiretta, ma’ atti ta’ kriminalità serja, li jirrendi din il-leġiżlazzjoni mhux proporzjonata.


185      Ara s-sentenza La Quadrature du Net (punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll is-sentenza Prokuratur ( punt 36).


186      Sentenza La Quadrature du Net, punt 142.


187      Ara l-Opinjoni 1/15, punti 128 u 150.


188      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 150.


189      Fuq id-diffikultà ta’ tali evalwazzjoni fir-rigward tal-metadata, ara s-sentenza Prokuratuur, punt 40.


190      Il-leġiżlatur Ġermaniż għamel sforz f’dan is-sens fil-leġiżlazzjoni li hija s-suġġett tal-Kawżi magħquda C‑793/19 u C‑794/19, SpaceNet u Telekom Deutschland,, li fihom l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez‑Bordona ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu (EU:C:2021:939, punti 60 u 61).


191      F’dan ir-rigward, nirreferi għall-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


192      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata.


193      Ara s-sentenza Tele2 Sverige, punt 93.


194      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fl-Opinjoni 1/15 ((Ftehim PNR UE‑Kanada), EU:C:2016:656).


195      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 2015, Roman Zakharov vs Ir‑Russja, (CE:ECHR:2015:1204JUD004714306, punt 260).


196      Ara s-sentenzi La Quadrature du Net, (punti 146 sa 151), u Tele2 Sverige (punt 119).


197      F’dan is-sens, fir-rigward tal-miżuri ta’ interċettazzjoni tal-massa, ara s-sentenza Big Brother Watch, punt 348.


198      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑70/18, EU:C:2019:823, punt 61).


199      Ara, reċentement, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà (COM(2020) 605 final, p. 28), kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Aġenda kontra t-terroriżmu għall-UE: antiċipazzjoni, prevenzjoni, protezzjoni, rispons, (COM(2020) 795 final, p. 15 et seq.).


200      Riżoluzzjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni 2396 (2017”)), https://undocs.org/en/S/RES/2396 (2017).


201      Ara r-Riżoluzzjoni 2396(2017), punt 12; f’dan l-istess punt 12, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti “iħeġġeġ lill-ICAO taħdem mal-Istati Membri tagħha sabiex tistabbilixxi standard għall-ġbir, għall-użu, għall-ipproċessar u għall-protezzjoni tad-data PNR”. Wara tali stedina, fit‑23 ta’ Ġunju 2020, l-ICAO adottat l-emenda Nru 28 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago li, kif diġà ġie indikat, tistabbilixxi standards internazzjonali fil-qasam tal-faċilitazzjoni u li s-Sezzjoni D tal-Kapitolu 9 tagħha tirrigwarda speċifikament il-PNR. Fit‑12 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan [l-ICAO] fir-rigward ta’ din l-emenda, (COM(2021) 16 finali).


202      Riżoluzzjoni tad‑19 ta’ Lulju 2019, (punt 15(c)) https://undocs.org/en/S/RES/2482(2019).


203      Attwalment jeżistu żewġ ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni rispettivament mal-Awstralja, (Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta [PNR] minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri (ĠU 2012, L 186, p. 4)) u mal-Istati Uniti tal-Amerika (Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment [tad-data PNR] lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (ĠU 2012, L 215, p. 5)). Hemm għaddejja evalwazzjoni konġunta ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet, fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda. Fit‑18 ta’ Frar 2020, il-Kunsill barra minn hekk awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Ġappun.


204      Ara r-Riżoluzzjoni 2396(2017), p. 4.


205      Inklużi l-persuni li għandhom id-dritt għall-moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni, ara r-Regolament (UE) 2017/458 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar it-tisħiħ tal-verifiki fuq il-fruntieri esterni ma’ bażijiet ta’ data rilevanti (ĠU 2017, L 74, p. 7).


206      F’dan is-sens, ara, ukoll, l-Opinjoni 1/15, punt 187. Ara, ukoll il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ dejta tar-Reġistru [PNR] lil pajjiżi terzi (COM(2010) 492 finali, p. 6, punt 2.2).


207      Dan huwa, b’xi mod, dak li timplika l-Kummissjoni fil-proposta tagħha għad-Direttiva PNR, p. 3.


208      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prokuratuur, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.


209      Ara l-Artikolu 4(2)(a) tal-Proposta għal Direttiva PNR.


210      Għalkemm fil-verżjoni Franċiża tiegħu, l-Artikolu 6(3)(a) isemmi “bases de données utiles” (databases utli), fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, din id-dispożizzjoni tkopri pjuttost “databases rilevanti”: ara, b’mod partikolari, il-verżjoni Spanjola (“pertinentes”), Ġermaniża (“massgeblich”), Ingliża (“relevant”), Taljana (“pertinenti”), Olandiża (“relevant”), u dik Portugiża (“relevantes”).


211      Kif redatt, l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR jidher li jippermetti analiżi fil-forma ta’ esplorazzjoni ta’ data permezz ta’ tqabbil ma’ data varjata ħafna, sakemm din l-esplorazzjoni tkun iffinalizzata sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minn din id-direttiva. Fuq ir-riskji marbuta mad-“data Mining” fil-qasam tad-data PNR, ara r-rapport Korff, p. 77. L-EDPS enfasizza b’saħħa n-nuqqas ta’ preċiżjoni u ta’ prevedibbiltà tal-identifikazzjoni tad-databases li d-data PNR tista’ tiġi pparagunata magħhom fl-opinjoni tiegħu tal‑25 ta’ Marzu 2011, punt 18.


212      In-natura vaga u miftuħa tal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR hija riflessa fi traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali varjata ħafna, li testendi minn interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “databases rilevanti”, li tillimita l-analiżi prevista għas-sempliċi pparagunar mad-databases espliċitament imsemmija f’din id-dispożizzjoni (dan huwa l-każ tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja) għal interpretazzjoni iktar wiesgħa li tkopri kull database disponibbli jew aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-missjoni tagħhom (f’dan is-sens huwa redatt b’mod partikolari l-Artikolu 24(1)(1) tal-Liġi PNR.


213      F’ebda każ, fil-fehma tiegħi, Stat Membru ma għandu jqis lilu nnifsu obbligat, abbażi tal-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR, jawtorizza lill-PIU tiegħu tipparaguna sistematikament id-data PNR ma’ “databases rilevanti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, amministrati mis-servizzi tal-intelliġenza tiegħu.


214      Il-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Pulizija jiddefinixxi t-“tfassil tal-profil” bħala “kwalunkwe forma ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data personali li jikkonsisti fl-użu ta’ data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma’ persuna fiżika, b’mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti ta’ dik il-persuna fiżika”. L-istess definizzjoni tinsab fil-punt 4 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD u fil-punt 1(c) tal-anness mar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2021)8 tat‑3 ta’ Novembru 2021 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data personali fil-kuntest tat-tfassil tal-profil, https://search.coe.int/cm/pages/result_details.aspx?ObjectId=0900001680a46148, (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni tal‑2021 dwar it-tfassil tal-profil”).


215      Il-punt 1(j)(i) tar-Rakkomandazzjoni tal‑2021 dwar it-tfassil tal-profil jiddefinixxi bħala “operazzjonijiet ta’ tfassil tal-profil b’riskju għoli” it-“tfassil tal-profil li l-funzjonament tiegħu jwassal għal effetti legali jew li għandhom impatt sinjifikattiv fuq il-persuna kkonċernata jew fuq il-grupp ta’ persuni identifikat mill-opperazzjoni ta’ tfassil tal-profil”.


216      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 272.


217      Skont il-punt 1.1(d) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni tal‑2021 dwar it-tfassil tal-profil, il-kelma “profil” tindika “sett ta’ data attribwit lil persuna, li jikkaratterizza kategorija ta’ persuni jew li huwa intiż li jiġi applikat fir-rigward ta’ persuna”. Kif jispjega r-Rapport dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni (2010)13 dwar it-tfassil tal-profil (https://rm.coe.int/t-pd-2019-07fin-fr-rapport-profilage-2770-2878-8993-1-final-clean-2755/1680a0925b, p. 21), li ppreċeda l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal‑2021 dwar it-tfassil tal-profil, il-kunċett ta’ “profil” iżomm it-tifsira sħiħa tiegħu f’sistemi li, bħad-Direttiva PNR, jiddistingwu l-operazzjonijiet ta’ ħolqien ta’ profili (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(2)(b) ta’ din id-direttiva) minn dawk li japplikawh u jippermetti “trasparenza tal-kriterji li huma sussegwentement applikati mill-operazzjoni tat-tfassil tal-profil”.


218      Ara l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR kif ukoll l-Opinjoni 1/15, punt 172.


219      Ara l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR.


220      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 172.


221      Ara l-premessa 7 tad-Direttiva PNR.


222      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 174.


223      L-istess rekwiżit jinsab fil-punt 174 tal-Opinjoni 1/15.


224      Nirrileva li r-raġunijiet kollha ta’ diskriminazzjoni li jinsabu fl-Artikolu 21 tal-Karta huma riprodotti fil-premessa 20 tad-Direttiva PNR. Il-FRA, fl-Opinjoni 1/2011 tagħha, p. 8, kienet ipproponiet allinjament mal-lista tar-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni pprojbiti msemmija fl-Artikolu 21.


225      Skont il-punt 1.1(g) tal-anness mar-Rakkomandazzjoni tal‑2021 dwar it-tfassil tal-profil, l-espressjoni “machine learning” tirreferi għal “ipproċessar li juża metodi partikolari ta’ intelliġenza artifiċjali bbażat fuq approċċi statistiċi sabiex tingħata lill-kompjuters il-kapaċità li ‘jitgħallmu’ minn data, jiġifieri li jtejbu l-prestazzjonijiet tagħhom li jsolvu kompiti mingħajr ma jkunu espliċitament ipprogrammati għal kull wieħed minnhom”.


226      Fir-rigward tal-effetti tal-opaċità tas-sistemi algoritmiċi fuq il-possibbiltà ta’ kontroll mill-bniedem intiż li jiġu evitati l-effetti dannużi ta’ dawn is-sistemi u l-impatti negattivi tagħhom fuq id-drittijiet tal-bnedmin, ara Rakkomandazzjoni CM/Rec(2020)1 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar l-impatti tas-sistemi algoritmiċi fuq id-drittijiet tal-bniedem.


227      Din id-definizzjoni tinsab fil-premessa 25 tad-Direttiva PNR.


228      Id-dikjarazzjoni li tinsab fil-premessa 37 tad-Direttiva PNR, li tipprevedi “ż-żamma tad-data tal-PNR fil-PIUs għal perijodu ta' mhux aktar minn ħames snin li warajh din id-data għandha titħassar” (korsiv miżjud minni), ma tippermettix, fl-opinjoni tiegħi, li tiġi kkontestata l-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva.


229      Ara, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali għal finijiet ta’ skoperta, prevenzjoni, prosekuzzjoni u investigazzjoni fil-qasam ta’ reati kriminali, id-Direttiva tal-Pulizija, l-Artikolu 4(e) u l-premessa 26. Ara, b’mod iktar ġenerali, l-Artikolu 5(1)(e) tar-RĠPD u l-Artikolu 5(4)(e) tal-Konvenzjoni 108 mmodernizzata.


230      Ara, is-sentenzi Schrems I (punt 93), Tele2 Sverige (punt 110); l-Opinjoni 1/15 (punt 191), kif ukoll is-sentenza La Quadrature du Net (punt 133).


231      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 197.


232      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 205.


233      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 207.


234      Din hija applikazzjoni b’analoġija tal-punti 187 et seq. tal-Opinjoni 1/15, peress li din tal-aħħar kienet tirrigwarda biss l-ipoteżi tad-data PNR miġbura mad-dħul fit-territorju tal-Kanada.


235      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 209.


236      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 205.


237      L-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE kien jipprevedi ħabi tal-ismijiet tal-passiġġieri kollha tletin jum wara li l-Kanada tirċevihom u ħabi ta’ informazzjoni oħra espressament elenkata sentejn wara din ir-riċezzjoni; ara l-Artikolu 16(3) tal-Abbozz ta’ Ftehim PNR Kanada‑UE eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-punt 30 tal-Opinjoni 1/15.


238      Ara l-Opinjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2016, p. 9.


239      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza La Quadrature du Net, punti 148 u 149.


240      L-istess japplika għat-talbiet għall-komunikazzjoni tad-data PNR imressqa mill-PIU ta’ Stati Membri oħra skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva PNR.


241      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata. Iktar reċentement, ara s-sentenzi Privacy International, punt 77 u, b’analoġija, Prokuratuur, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.


242      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 200.


243      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 200.


244      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 201.


245      Ara l-Opinjoni 1/15, punt 202.


246      Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15, punt 201.


247      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 4, l-Artikolu 7(1) u (2), l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva PNR; ara, b’mod partikolari, il-premessi 6, 9, 10, 11, 15, 23, 25, 35 u 38 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, infakkar li l-Proposta għal Direttiva PNR kienet tispeċifika, fil-premessa 28 tagħha li, “[d]in id-Direttiva ma taffetwax il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprovdu, taħt il-liġi domestika tagħhom, għal sistema ta’ ġbir u ġestjoni ta’ dejta tal-PNR għal skopijiet oħrajn minbarra dawk speċifikati f’din id-Direttiva []”. Issa, din il-preċiżazzjoni ma ġietx inkluża fit-test finali tad-Direttiva PNR.


248      Din il-possibbiltà hija madankollu aċċettata fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva PNR, li jipprovdi li “[i]l-membri tal-persunal ta’ PIU jistgħu jiġu sekondati minn awtoritajiet kompetenti”, tal-inqas sa fejn is-servizzi tal-intelliġenza u tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jiġu kklassifikati bħala “awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva.


249      Fir-rigward tad-dubji espressi mill-Gvern Belġjan dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għas-seba’ domanda preliminari, għandu jiġi nnotat li, skont it-termini ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva PNR u mhux dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ din id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi indikazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, li jippermettulhom jevalwaw din il-kompatibbiltà (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU: C:2016:637, punt 54 u ġurisprudenza ċċitata).


250      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati tad-dritt komuni) (C‑192/18, ECLI:EU:C:2019:924, punti 108 sa 110).


251      Ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-Proposta għal Direttiva PNR kienet tipprovdi li “[a]ċċess għad-dejta tal-PNR kollha għandu jkun permess biss mill-Kap tal-Unità tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri”.


252      Sentenza Prokuratuur, punti 52 u 53.


253      Sentenza Prokuratuur, punti 53 u 54. Fl-istess sens, ara s-sentenza Big Brother Watch punti 349 sa 352.


254      Ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-Proposta għal Direttiva PNR kienet tipprovdi li “[a]ċċess għad-dejta tal-PNR kollha għandu jkun permess biss mill-Kap tal-Unità tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri […]”.


255      Liġi PNR, Artikolu 29(1) u (2).


256      Ara l-premessa 10 tad-Direttiva PNR.


257      Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32).


258      L-Artikolu 23(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprovdi li l-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għall-eżerċizzju tal-verifiki fil-fruntieri meta l-miżuri tal-pulizija “(i) ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fuq il-fruntiera; (ii) ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità transkonfini; (iii) huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni; (iv) huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji”.


259      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Touring Tours und Travel u Sociedad de transportes (C‑412/17 u C‑474/17, EU:C:2018:1005, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2020, FU (C‑554/19, mhux ippubblikat, EU:C:2020:439, punti 49 sa 56).


260      F’dan ir-rigward, nirrileva li, fil-punt 188 tal-Opinjoni 1/15, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “l-identifikazzjoni, permezz tad-data PNR, tal-passiġġieri li jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika tifforma parti mill-kontrolli fil-fruntieri”.


261      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Touring Tours und Travel u Sociedad de transportes (C‑412/17 u C‑474/17, EU:C:2018:1005, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata)


262      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2020, FU (C‑554/19, mhux ippubblikat, EU:C:2020:439, punt 46).


263      Fid-dokument tax-xogħol tagħha tal‑2020 dwar id-Direttiva API (p. 20), il-Kummissjoni tenfasizza wkoll in-natura problematika ta’ sovrapożizzjoni tas-sistemi ta’ pproċessar tad-data PNR u API fuq il-livell nazzjonali.


264      C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 175, 176, 179 u 181.


265      Ara s-sentenza La Quadrature du Net, punti 217 sa 219.