Language of document : ECLI:EU:C:2022:491

Kawża C817/19

Ligue des droits humains

vs

Il-Kunsill tal-Ministri

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Ġunju 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 2(2)(d) – Kamp ta’ applikazzjoni – Direttiva (UE) 2016/681 – Użu tad-data PNR tal-passiġġieri ta’ titjiriet tal-ajru operati bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi – Possibbiltà li tiġi inkluża d-data tal-passiġġieri tat-titjiriet tal-ajru operati fi ħdan l-Unjoni – Ipproċessar awtomatizzat ta’ din id-data – Perijodu ta’ żamma – Ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja – Validità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 21 u kif ukoll l-Artikolu 52(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi l-applikazzjoni tas-sistema PNR għal trasport ieħor fi ħdan l-Unjoni – Libertà ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 45

1.        Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Kamp ta’ applikazzjoni – Ipproċessar ta’ data personali previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali intiża sabiex tittrasponi d-direttivi 2004/82, 2010/65 u 2016/681 – Inklużjoni – Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikoli 2(2)(d) u 23; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/65, 2016/680 u 2016/681; Direttiva tal-Kunsill 2004/82)

(ara l-punti 67, 68, 73, 74, 80, 83, 84 u d-dispożittiv 1)

2.        Kooperazzjoni mill-pulizija – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja – Direttiva 2016/681 – Data PNR – Portata – Passiġġieri tal-ajru u titjiriet ikkonċernati – Ipproċessar awtomatizzat ta’ din id-data – Ksur tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 21 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/681, Artikoli 1(2) u 2, il-punti 2, 4, 8 u 9 tal-Artikolu 3, Artikoli 6 u 12 u l-annessi I u II))

(ara l-punti 94 sa 97, 111, 122, 123, 129, 131 sa 140, 152, 157, 162, 169‑175, 184, 188, 197, 202, 213, 218‑220, 225 sa 228 u d-dispożittiv 2)

3.        Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni tad-data personali – Limitazzjonijiet – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 52(1))

(ara l-punti 115 sa 118)

4.        Kooperazzjoni mill-pulizija – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja – Direttiva 2016/681 – Ipproċessar ta’ data PNR – Skopijiet – Ipproċessar għal skopijiet għajr dawk espressament previsti – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/681, Artikoli 1(2) u 6)

(ara l-punti 233, 235, 237, 288, 289 u d-dispożittiv 3)

5.        Kooperazzjoni mill-pulizija – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja – Direttiva 2016/681 – Komunikazzjoni ta’ data PNR lil hinn minn sitt xhur wara t-trasferiment tagħha mit-trasportaturi tal-ajru – Kundizzjoni – Approvazzjoni minn awtorità nazzjonali kompetenti – Kunċett – Unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri – Esklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/681, Artikoli 4(1) sa (3), u 12(3)(b))

(ara l-punti 244, 245, 247 u d-dispożittiv 4)

6.        Kooperazzjoni mill-pulizija – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja – Direttiva 2016/681 – Perijodu ta’ żamma ta’ data PNR – Perijodu ġenerali ta’ żamma ta’ ħames snin, applikabbli mingħajr distinzjoni għall-passiġġieri tal-ajru kollha – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoi 7, 8, 45 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/681, Artikolu 12)

(ara l-punti 251, 255 sa 259, 262 u d-dispożittiv 5)

7.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Obbligu għat-trasportaturi li jikkomunikaw id-data tal-passiġġieri – Direttiva 2004/82/KE – Kamp ta' applikazzjoni – Titjiriet intraUE – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/681, Artikolu 2; Direttiva tal-Kunsill 2004/82, Artikoli 2(a), (b) u (d), 3(1) u (2), u 6 (1))

(ara l-punti 266 sa 269 u d-dispożittiv 6)

8.        Kooperazzjoni mill-pulizija – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja – Direttiva 2016/681 – Applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għat-titjiriet intraUE – Applikazzjoni għat-titjiriet intraUE u għat-trasporti b’mezzi oħra kollha fi ħdan l-Unjoni fl-assenza ta’ theddida terroristika reali u attwali jew prevedibbli – Inammissibbiltà – Applikazzjoni limitata – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 3(2) TUE; Artikolu 67(2) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 45 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/681)

(ara l-punti 277 sa 282, 285, 290, 291 u d-dispożittiv 7)

9.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Supremazija – Direttiva 2016/681 – Annullament, mill-qorti nazzjonali, ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali inkompatibbli ma’ din id-direttiva – Possibbiltà li jinżammu l-effetti tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni – Assenza – Ammissibbiltà ta’ provi miksuba skont dawn id-dispożizzjonijiet – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali – Limiti – Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

(Artikolu 3(2) TUE; Artikolu 67(2) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 45 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/681)

(ara l-punti 293 sa 298 u d-dispożittiv 8)

Sunt

Id-data PNR (Passenger Name Record) hija informazzjoni ta’ riżervazzjoni maħżuna mit-trasportaturi tal-ajru fis-sistemi tagħhom ta’ riżervazzjoni u ta’ kontroll tat-tluq. Id-Direttiva PNR (1) tobbliga lil dawn it-trasportaturi jittrasferixxu d-data ta’ kull passiġġier li juża titjira extra-UE, operata bejn pajjiż terz u l-Unjoni Ewropea, lill-Unità tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (iktar ’il quddiem l-“UIP”) tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni jew ta’ tluq tat-titjira kkonċernata, sabiex jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-forom serji ta’ kriminalità. Fil-fatt, id-data PNR ittrasferita b’dan il-mod hija suġġetta għal evalwazzjoni minn qabel mill-UIP (2) u sussegwentement tinżamm fid-dawl ta’ eventwali evalwazzjoni sussegwenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jew minn dawk ta’ Stat Membru ieħor. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw id-Direttiva wkoll għat-titjiriet intra-UE (3).

Il-Cour constitutionelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) ġiet adita mil-Ligue des droits humains b’azzjoni għal annullament tal-Liġi tal-25 ta’ Diċembru 2016 (4), li tittrasponi fid-dritt Belġjan kemm id-Direttiva PNR kif ukoll id-Direttiva API (5). Skont ir-rikorrenti, din il-liġi tmur kontra d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali. Hija tikkritika, minn naħa, in-natura wiesgħa ħafna tad-data PNR u, min-naħa l-oħra, in-natura ġenerali tal-ġbir, tat-trasferiment u tal-ipproċessar ta’ din id-data. Il-liġi tippreġudika wkoll il-moviment liberu tal-persuni sa fejn din terġa’ tistabbilixxi indirettament kontrolli fil-fruntieri billi testendi s-sistema PNR għat-titjiriet intra-UE u għal trasport imwettaq b’mezzi oħra ġewwa l-Unjoni.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja għaxar domandi preliminari dwar, b’mod partikolari, il-validità u l-interpretazzjoni tad-Direttiva PNR, kif ukoll l-applikabbiltà tar-RĠPD (6).

Dawn id-domandi jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra mill-ġdid l-ipproċessar tad-data PNR fid-dawl tad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali (7), stipulati mill-Karta tad-Drittijiet Fundamenatli tal-Unjoni Ewropea (8). Permezz tas-sentenza tagħha, mogħtija bħala Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-validità tad-Direttiva PNR sa fejn din tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mal-Karta u tagħmel preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha (9).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Wara li ppreċiżat liema huma, fost il-forom ta’ pproċessar ta’ data personali previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali intiża, bħal dik inkwistjoni, sabiex tittrasponi kemm id-Direttiva API kif ukoll id-Direttiva PNR, dawk li għalihom japplikaw ir-regoli ġenerali tar-RĠPD (10), il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-validità tad-Direttiva PNR.

Fuq il-validità tad-Direttiva PNR

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, peress li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva PNR fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7, 8 u 21 u kif ukoll mill-Artikolu 52(1) tal-Karta (11) tiżgura l-konformità ta’ din id-direttiva ma’ dawn l-artikoli, l-eżami tad-domandi magħmula ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-imsemmija direttiva.

Preliminarjament, hija tfakkar li att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, b’mod li ma jippreġudikax il-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta, filwaqt li l-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħha li tidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra rrikonoxxuti f’dan l-ordinament ġuridiku. Fir-rigward tad-Direttiva PNR, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li numru kbir ta’ premessi u dispożizzjonijiet tagħha jeħtieġu tali interpretazzjoni konformi, billi jenfasizzaw l-importanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti, b’riferiment għal livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, għar-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali stipulati mill-Karta.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-Direttiva PNR tinkludi ndħil ta’ gravità ċerta fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, sa fejn hija intiża b’mod partikolari sabiex tistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza kontinwa, mhux immirata u sistematika, li tinkludi l-evalwazzjoni awtomatizzata ta’ data personali tal-persuni kollha li jużaw servizzi ta’ trasport bl-ajru. Hija tfakkar li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiġġustifikaw tali ndħil għandha tiġi evalwata billi titkejjel il-gravità tiegħu u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex hija marbuta ma’ din il-gravità.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li t-trasferiment, l-ipproċessar u ż-żamma tad-data PNR previsti minn din id-direttiva jistgħu jitqiesu li huma limitati għal dak li huwa strettament neċessarju għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-forom serji ta’ kriminalità, bil-kundizzjoni li s-setgħat previsti mill-imsemmija direttiva jiġu interpretati b’mod restrittiv. F’dan ir-rigward, is-sentenza mogħtija llum tippreċiża, b’mod partikolari, li:

–        Is-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR għandha tkopri biss l-informazzjoni identifikata b’mod ċar u ċirkoskritta fit-taqsimiet li jinsabu fl-Anness I tagħha, li hija relatata mat-titjira mwettqa u mal-passiġġier ikkonċernat, li jimplika, għal ċerti taqsimiet li jidhru f’dan l-anness, li hija biss l-informazzjoni msemmija espressament li hija koperta (12).

–        L-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR għandha tkun limitata għar-reati terroristiċi u biss għall-forom serji ta’ kriminalità li għandhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta, mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri. Fir-rigward ta’ dawn il-forom, l-applikazzjoni ta’ din is-sistema ma tistax tiġi estiża għal reati li, minkejja li jissodisfaw il-kriterju previst minn din id-direttiva dwar il-livell minimu ta’ gravità u huma inter alia msemmija fl-Anness II tagħha, jaqgħu taħt il-kriminalità ordinarja fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema kriminali nazzjonali.

–        L-estensjoni eventwali tal-applikazzjoni tad-Direttiva PNR għat-titjiriet intra‑UE kollha jew parti minnhom, li dwar dan Stat Membru jista’ jiddeċiedi billi jagħmel użu mill-fakultà prevista minn din id-direttiva, għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju. Għal dan il-għan, hija għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ effettiv minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, li d-deċiżjoni tagħha għandu jkollha effett vinkolanti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li:

–        Fis-sitwazzjoni fejn l-imsemmi Stat Membru jikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi suffiċjentement konkreti sabiex jikkunsidra li huwa jaffronta theddida terroristika li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għat-titjiriet kollha intra‑UE li ġejjin jew sejrin lejn l-imsemmi Stat Membru, għal perijodu limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded, ma teċċedix il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (13).

–        Fl-assenza ta’ tali theddida terroristika, l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ma tistax testendi għat-titjiriet kollha intra‑UE, iżda għandha tkun limitata għat-titjiriet intra‑UE relatati b’mod partikolari ma’ ċerti rotot tal-ajru jew ma’ skemi tal-ivvjaġġar jew ma’ ċerti ajruporti li fir-rigward tagħhom jeżistu, skont l-evalwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, indikazzjonijiet ta’ natura li jiġġustifikaw din l-applikazzjoni. In-natura strettament neċessarja ta’ din l-applikazzjoni għat-titjiriet intra‑UE hekk magħżula għandha regolarment tiġi eżaminata mill-ġdid, skont l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet li ġġustifikaw l-għażla tagħhom.

–        Għall-finijiet tal-evalwazzjoni minn qabel tad-data PNR, li għandha l-għan li tidentifika l-persuni li għalihom huwa meħtieġ eżami iktar dettaljat qabel il-wasla jew it-tluq tagħhom u li, fl-ewwel lok, isir permezz ta’ pproċessar awtomatizzat, l-UIP tista’ biss, minn naħa, tivverifika din id-data abbażi tad-databases li jirrigwardaw il-persuni jew l-oġġetti mfittxija jew li huma suġġetti għal senjalazzjoni ta’ allert (14). Dawn id-databases għandhom ikunu nondiskriminatorji u operati, mill-awtoritajiet kompetenti, b’rabta mal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-forom serji ta’ kriminalità li għandhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta, mat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-evalwazzjoni minn qabel fid-dawl tal-kriterji stabbiliti minn qabel, l-UIP ma tistax tuża teknoloġiji ta’ intelliġenza artifiċjali fil-kuntest ta’ sistemi ta’ tagħlim awtomatiku (machine learning), li jistgħu jbiddlu, mingħajr intervent u kontroll tal-bniedem, il-proċess ta’ evalwazzjoni u, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ evalwazzjoni li fuqhom huwa bbażat ir-riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan il-proċess kif ukoll il-piż li jingħata lil dawn il-kriterji. L-imsemmija kriterji għandhom jiġu ddeterminati b’mod li l-applikazzjoni tagħhom tkun immirata, speċifikament, lejn l-individwi li fir-rigward tagħhom jista’ jkun hemm suspett raġonevoli ta’ parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew f’forom serji ta’ kriminalità u b’mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm elementi “inkriminanti” kif ukoll elementi “li jiskaġunaw”, filwaqt li ma jingħatax lok għal diskriminazzjonijiet diretti jew indiretti (15).

–        Fid-dawl tar-rata ta’ żball inerenti għal tali pproċessar awtomatizzat tad-data PNR u tan-numru pjuttost konsegwenti ta’ riżultati “pożittivi foloz”, li nkisbu wara l-applikazzjoni tagħhom matul is-snin 2018 u 2019, il-kapaċità tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR li tilħaq l-għanijiet imfittxija tiddependi essenzjalment mill-funzjonament tajjeb tal-verifika tar-riżultati pożittivi, miksuba fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar, li l-UIP twettaq, fit-tieni lok, permezz ta’ mezzi mhux awtomatizzati. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jipprevedu regoli ċari u preċiżi ta’ natura li jiggwidaw u jirregolaw l-analiżi mwettqa mill-membri tal-persunal tal-UIP responsabbli għal dan l-eżami mill-ġdid individwali sabiex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali stipulati fl-Artikoli 7, 8 u 21 tal-Karta u, b’mod partikolari, sabiex tiġi ggarantita prassi amministrattiva konsistenti fi ħdan l-UIP li tosserva l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. B’mod partikolari, huma għandhom jiżguraw li l-UIP tistabbilixxi kriterji ta’ eżami mill-ġdid oġġettivi li jippermettu lill-membri tal-persunal tagħha jivverifikaw, minn naħa, jekk u sa fejn konkordanza pożittiva (hit) tikkonċernax effettivament individwu li jista’ jkun involut fir-reati terroristiċi jew fil-forom serji ta’ kriminalità, kif ukoll, min-naħa l-oħra, in-natura nondiskriminatorja tal-ipproċessar awtomatizzat. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza wkoll li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tifhem il-funzjonament tal-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel u tal-programmi li japplikaw dawn il-kriterji, b’mod li hija tkun tista’ tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk teżerċitax jew le d-dritt tagħha għal azzjoni ġudizzjarja. Bl-istess mod, fil-kuntest ta’ tali azzjoni, il-qorti responsabbli għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll, minbarra l-każijiet ta’ theddid għas-sigurtà tal-Istat, il-persuna kkonċernata stess għandhom ikunu jistgħu jieħdu konjizzjoni kemm tal-motivi kollha kif ukoll tal-provi li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni, inklużi l-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel u l-funzjonament tal-programmi li japplikaw dawn il-kriterji.

–        Il-komunikazzjoni u l-evalwazzjoni sussegwenti tad-data PNR, jiġifieri wara l-wasla jew it-tluq tal-persuna kkonċernata, jistgħu jitwettqu biss abbażi ta’ ċirkustanzi ġodda u ta’ elementi oġġettivi li jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw suspett raġonevoli ta’ involviment ta’ din il-persuna f’forom serji ta’ kriminalità li għandhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta, mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, jew li jkunu jippermettu li jitqies li din id-data tista’, f’każ konkret, tagħti kontribut effettiv għall-ġlieda kontra r-reati terroristiċi li għandhom tali rabta. Il-komunikazzjoni tad-data PNR għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni sussegwenti għandha, bħala prinċipju, ħlief f’każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, tkun suġġetta għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti, fuq talba motivata tal-awtoritajiet kompetenti, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din it-talba ġietx ippreżentata qabel jew wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur wara t-trasferiment ta’ din id-data lill-UIP (16).

Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva PNR

Wara li kkonstatat il-validità tad-Direttiva PNR, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva. L-ewwel, hija tirrileva li d-Direttiva telenka l-għanijiet imfittxija mill-ipproċessar tad-data PNR b’mod eżawrjenti. Għaldaqstant, din id-direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-ipproċessar tad-data PNR għal finijiet oħra minbarra l-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-forom serji ta’ kriminalità. Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti barra minn hekk, bħala għan tal-ipproċessar tad-data PNR, is-segwitu tal-attivitajiet previsti mis-servizzi tal-intelliġenza u tas-sigurtà tista’ tmur kontra n-natura eżawrjenti ta’ dan il-lista. Bl-istess mod, is-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR ma tistax tkun prevista għall-finijiet tat-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina (17). Minn dan isegwi wkoll li d-data PNR ma tistax tinżamm f’database unika li tista’ tiġi kkonsultata sabiex jiġu segwiti kemm l-iskopijiet tad-Direttiva PNR kif ukoll skopijiet oħra.

It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega l-kunċett ta’ awtorità nazzjonali indipendenti, kompetenti sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ komunikazzjoni tad-data PNR, għall-finijiet tal-evalwazzjoni sussegwenti tagħha, humiex issodisfatti u sabiex tapprova tali komunikazzjoni. B’mod partikolari, l-awtorità stabbilita bħala UIP ma tistax tiġi kklassifikata bħala tali peress li hija ma għandhiex il-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-awtorità li titlob l-aċċess għad-data. Fil-fatt, peress li l-membri tal-persunal tagħha jistgħu jkunu membri tal-persunal ikkollokati mill-awtoritajiet awtorizzati sabiex jitolbu tali aċċess, jidher li l-UIP hija neċessarjament marbuta ma’ dawn l-awtoritajiet. Għalhekk, id-Direttiva PNR tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità stabbilita bħala UIP għandha wkoll il-kwalità ta’ awtorità nazzjonali kompetenti, awtorizzata sabiex tapprova l-komunikazzjoni tad-data PNR mal-iskadenza tas-sitt xhur wara t-trasferiment ta’ din id-data lill-UIP.

It-tielet, fir-rigward tal-perijodu ta’ żamma tad-data PNR, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 12 tad-Direttiva PNR, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 u kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi perijodu ġenerali ta’ żamma ta’ din id-data ta’ ħames snin, applikabbli għall-passiġġieri tal-ajru kollha mingħajr distinzjoni.

Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ żamma inizjali ta’ sitt xhur, ma jidhirx li ż-żamma tad-data PNR hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju f’dak li jirrigwarda l-passiġġieri tal-ajru li fir-rigward tagħhom la l-evalwazzjoni minn qabel, la l-eventwali verifiki mwettqa matul il-perijodu ta’ żamma inizjali ta’ sitt xhur, u lanqas ebda ċirkustanza oħra ma rrivelaw l-eżistenza ta’ elementi oġġettivi – bħall-fatt li d-data PNR tal-passiġġieri kkonċernati tat lok għal konkordanza pożittiva vverifikata fil-kuntest tal-evalwazzjoni preliminari – ta’ natura li jistabbilixxu riskju fil-qasam tar-reati terroristiċi jew ta’ forom serji ta’ kriminalità li għandhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta, mal-vjaġġ tal-ajru ta’ dawn il-passiġġieri. B’mod kontrastanti, hija tqis li, matul il-perijodu inizjali ta’ sitt xhur, iż-żamma tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha suġġetti għas-sistema stabbilita minn din id-direttiva ma tidhirx, bħala prinċipju, li teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

Ir-raba’, il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi indikazzjonijiet dwar eventwali applikazzjoni tad-Direttiva PNR, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-forom serji ta’ kriminalità, għal mezzi oħra ta’ trasport li jġorru passiġġieri fl-Unjoni. Issa, id-Direttiva, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, tal-Artikolu 67(2) TFUE u tal-Artikolu 45 tal-Karta, tipprekludi sistema ta’ trasferiment u ta’ pproċessar tad-data PNR tat-trasport kollu mwettaq b’mezzi oħra fi ħdan l-Unjoni fl-assenza ta’ theddida terroristika reali u attwali jew prevedibbli li l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja. F’sitwazzjoni bħal din, bħal fil-każ tat-titjiriet intra‑UE, l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mid-Direttiva PNR għandha tkun limitata għad-data PNR tat-trasport relatata b’mod partikolari ma’ ċerti rotot jew ma’ skemi tal-ivvjaġġar jew ma’ ċerti stazzjonijiet jew ċerti portijiet marittimi li għalihom hemm indikazzjonijiet ta’ natura li jiġġustifikaw din l-applikazzjoni. Huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jagħżel it-trasporti li għalihom tali indikazzjonijiet jeżistu u li jeżamina mill-ġdid regolarment din l-applikazzjoni abbażi tal-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet li ġġustifikaw l-għażla tagħhom.


1      Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU 2016, L 119, p. 132) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva PNR”).


2      Din l-evalwazzjoni minn qabel tipprevedi l-identifikazzjoni ta’ persuni li għalihom huwa meħtieġ eżami iktar iddettaljat mill-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tal-fatt li dawn il-persuni jistgħu jkunu involuti f’reat terroristiku jew f’forma serja ta’ kriminalità. Din issir b’mod sistematiku u permezz ta’ mezzi awtomatizzati, billi d-data PNR tiġi vverifikata ma’ databases “utli” jew tiġi pproċessata fid-dawl ta’ kriterji stabbiliti minn qabel fl-Artikolu 6(2)(a) u (3) tad-Direttiva PNR.


3      Bl-użu tal-possibbiltà prevista mill-Artikolu 2 tad-Direttiva PNR.


4      Liġi tal-25 ta’ Diċembru 2016 dwar l-ipproċessar tad-data tal-passiġġieri (Moniteur belge tal-25 ta’ Jannar 2017, p. 12905).


5      Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 74) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva API”. Din id-direttiva tirregola t-trażmissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, mit-trasportaturi tal-ajru, ta’ informazzjoni minn qabel dwar il-passiġġieri (bħan-numru u t-tip tad-dokument tal-ivvjaġġar użat kif ukoll in-nazzjonalità), sabiex jittejbu l-kontrolli fil-fruntieri u sabiex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali.


6      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).


7      Iktar ’il quddiem id-“drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta”. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat il-kompatibbiltà, ma’ dawn id-drittijiet, tas-sistema ta’ ġbir u ta’ pproċessar tad-data PNR prevista mill-abbozz ta’ ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592)).


8      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


9      B’mod partikolari, l-Artikolu 2 (“Applikazzjoni [tad-]Direttiva għal titjiriet ġewwa l‑UE”), l-Artikolu 6 (“Ipproċessar tad-data tal-PNR”), u l-Artikolu 12 (“Perijodu ta’ żamma tad-data u depersonalizzazzjoni”), tad-Direttiva PNR.


10      Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li r-RĠPD huwa applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali previst minn tali leġiżlazzjoni, għal dak li huwa, minn naħa, ipproċessar ta’ data li jsir minn operaturi privati u, min-naħa l-oħra, ipproċessar ta’ data li jsir minn awtoritajiet pubbliċi li jaqa’ taħt, unikament jew ukoll, id-Direttiva API. B’mod kontrastanti, ir-RĠPD ma huwiex applikabbli għall-ipproċessar previst minn leġiżlazzjoni li jaqa’ biss taħt id-Direttiva PNR, li jsir mill-UIP jew mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jikkombattu r-reati terroristiċi u l-forom serji ta’ kriminalità.


11      Skont din id-dispożizzjoni, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali tagħhom. Barra minn hekk, limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u libertajiet jistgħu jsiru biss meta dawn ikunu neċessarji u jkunu fil-fatt jirriflettu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħadd ieħor.


12      Għalhekk, inter alia, “il-forom kollha tal-informazzjoni dwar il-ħlas” (taqsima 6 tal-Anness) għandhom ikunu limitati għall-modalitajiet ta’ ħlas u għall-ħruġ tal-fattura tal-biljett tal-ajru, bl-esklużjoni ta’ kull informazzjoni oħra li ma għandhiex rabta diretta mat-titjira, u l-“kummenti ġenerali” (taqsima 12) għandhom jikkonċernaw biss l-informazzjoni espressament elenkata f’din it-taqsima, dwar il-passiġġieri minuri.


13      Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali theddida hija ta’ natura, fiha nnifisha, li tistabbilixxi relazzjoni bejn it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data kkonċernata u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Għaldaqstant, il-possibbiltà li d-Direttiva PNR tiġi applikata għat-titjiriet intra‑UE kollha li jkunu ġejjin jew sejrin lejn l-Istat Membru kkonċernat, għal żmien limitat, ma teċċedix il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, filwaqt li d-deċiżjoni li tipprevedi din l-applikazzjoni għandha tkun tista’ tiġi mistħarrġa minn qorti jew entità amministrattiva indipendenti.


14      Jiġifieri d-databases li jikkonċernaw il-persuni jew l-oġġetti mfittxija jew li huma suġġetti għal senjalazzjoni ta’ allert fis-sens tal-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva PNR. B’mod kontrastanti, analiżijiet minn databases differenti jistgħu jieħdu l-forma ta’ esplorazzjoni tad-data (data mining) u jistgħu jagħtu lok għal użu sproporzjonat ta’ din id-data, billi jipprovdu l-mezzi sabiex jiġi stabbilit il-profil preċiż tal-persuni kkonċernati għas-sempliċi raġuni li dawn għandhom l-intenzjoni li jivvjaġġaw bl-ajruplan.


15      Il-kriterji stabbiliti minn qabel għandhom ikunu mmirati, proporzjonati u speċifiċi, u għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid f’intervalli regolari (Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR). L-evalwazzjoni minn qabel fid-dawl tal-kriterji stabbiliti minn qabel għandha ssir b’mod nondiskriminatorju. Skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva PNR, il-kriterji fl-ebda ċirkustanza ma għandhom jiġu bbażati fuq l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin filosofiku, is-sħubija fi trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna.


16      Skont l-Artikolu 12(1) u (3) tad-Direttiva PNR, tali stħarriġ huwa espressament previst biss għat-talbiet għal komunikazzjoni ta’ data PNR imressqa wara l-perijodu ta’ sitt xhur wara t-trasferiment ta’ din id-data lill-UIP.


17      Jiġifieri l-għan tad-Direttiva API.