Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Ġunju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour constitutionnelle - il-Belġju) – Ligue des droits humains vs Conseil des ministres

(Kawża C-817/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali – Data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 2(2)(d) – Kamp ta’ applikazzjoni – Direttiva (UE) 2016/681 – Użu tad-data PNR tal-passiġġieri tat-titjiriet tal-ajru operati bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi – Possibbiltà li tiġi inkluża d-data tal-passiġġieri tat-titjiriet tal-ajru operati fi ħdan l-Unjoni – Ipproċessar awtomatizzat ta’ din id-data – Perijodu ta’ żamma – Ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja – Validità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 21 kif ukoll l-Artikolu 52(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi l-applikazzjoni tas-sistema PNR għal trasport ieħor operat fi ħdan l-Unjoni – Moviment liberu fi ħdan l-Unjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 45)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour constitutionnelle

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Ligue des droits humains

Konvenut: Conseil des ministres

Dispożittiv

L-Artikolu 2(2)(d) u l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan ir-regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi, fid-dritt nazzjonali, kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri, kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE u kif ukoll dawk tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, għal dak li jirrigwarda, minn naħa, ipproċessar ta’ data mwettaq minn operaturi privati u, min-naħa l-oħra, ipproċessar ta’ data mwettaq minn awtoritajiet pubbliċi li jaqa’, unikament jew ukoll, taħt id-Direttiva 2004/82 jew taħt id-Direttiva 2010/65. Għall-kuntrarju, l-imsemmi regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data previst minn tali leġiżlazzjoni li jaqa’ biss taħt id-Direttiva 2016/681, li jitwettaq mill-unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri jew mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

Peress li interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/681 fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 21 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tiżgura l-konformità ta’ din id-direttiva ma’ dawn l-artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-eżami tat-tieni sar-raba’ domanda preliminari u tas-sitt domanda preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-imsemmija direttiva.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/681, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (data PNR) miġbura konformement ma’ din id-direttiva għal finijiet differenti minn dawk espressament imsemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva.

L-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva 2016/681 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-awtorità stabbilita bħala unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri (PIU) tkun ukoll awtorità nazzjonali kompetenti awtorizzata tapprova l-komunikazzjoni tad-data PNR mal-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur wara t-trasferiment ta’ din id-data lill-PIU.

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2016/681, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi perijodu ġenerali ta’ żamma tad-data PNR ta’ ħames snin, applikabbli mingħajr distinzjoni għall-passiġġieri kollha tal-ajru, inkluż għal dawk li fir-rigward tagħhom la l-evalwazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva, la l-verifiki eventwali mwettqa matul il-perijodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva u lanqas xi ċirkustanza oħra ma jkunu żvelaw l-eżistenza ta’ elementi oġġettivi ta’ natura li jistabbilixxu riskju fil-qasam ta’ reati terroristiċi jew ta’ kriminalità serja li jkollhom rabta oġġettiva, tal-inqas indiretta mat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

Id-Direttiva 2004/82 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għat-titjiriet, kemm jekk skedati kif ukoll jekk le, imwettqa minn trasportatur tal-ajru li joriġinaw mit-territorju ta’ Stat Membru u li jkunu intiżi li jinżlu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, mingħajr waqfa fit-territorju ta’ pajjiż terz (titjiriet ġewwa l-UE).

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/681, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, u tal-Artikolu 67(2) TFUE u tal-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi:

–    leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fl-assenza ta’ theddida terroristika reali u attwali jew prevedibbli li jaffronta l-Istat Membru kkonċernat, sistema ta’ trasferiment, mit-trasportaturi tal-ajru u mill-operaturi tal-ivvjaġġar, kif ukoll ta’ pproċessar, mill-awtoritajiet kompetenti, tad-data PNR tat-titjiriet kollha ġewwa l-UE u tat-trasport kollu mwettaq permezz ta’ mezzi oħra fi ħdan l-Unjoni, li jkunu ġejjin minn jew għad-destinazzjoni ta’ dan l-Istat Membru jew anki li jkunu qegħdin jgħaddu minnu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità serja. F’tali sitwazzjoni, l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2016/681 għandha tkun limitata għat-trasferiment u għall-ipproċessar tad-data PNR tat-titjiriet u/jew tat-trasport relatati, b’mod partikolari, ma’ ċerti rotot jew ma’ skemi tal-ivvjaġġar jew ukoll ma’ ċerti ajruporti, stazzjonijiet jew portijiet marittimi li fir-rigward tagħhom ikunu jeżistu indikazzjonijiet ta’ natura li jkunu jiġġustifikaw din l-applikazzjoni. Huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jagħżel it-titjiriet ġewwa l-UE u/jew it-trasport imwettaq permezz ta’ mezzi oħra fi ħdan l-Unjoni li fir-rigward tagħhom ikunu jeżistu tali indikazzjonijiet u li għandu jeżamina mill-ġdid b’mod regolari l-imsemmija applikazzjoni skont l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi li jkunu ġġustifikaw l-għażla tagħhom, sabiex jiżgura li l-applikazzjoni ta’ din is-sistema għal dawn it-titjiriet u/jew għal dan it-trasport tkun dejjem limitata għal dak li jkun strettament neċessarju, u

–    leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tali sistema ta’ trasferiment u ta’ pproċessar tal-imsemmija data għall-finijiet tat-titjib tal-kontrolli fil-fruntieri u tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha tagħmel, abbażi tad-dritt nazzjonali, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq it-trasportaturi tal-ajru, ferrovjarji u bit-triq kif ukoll fuq l-operaturi tal-ivvjaġġar, it-trasferiment tad-data PNR u li tipprevedi pproċessar u żamma ta’ din id-data inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/681, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, tal-Artikolu 67(2) TFUE, tal-Artikoli 7, 8 u 45 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-ammissibbiltà tal-provi miksuba b’dan il-mod taqa’, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

____________

1     ĠU C 36, 3.2.2020.