Language of document : ECLI:EU:C:2011:822

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Diċembru 2011 (1)

Kawża C‑41/11

Inter-Environnement Wallonie ASBL

u

Terre wallonne ASBL

vs

Région wallonne

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju))

“Protezzjoni tal-ambjent — Direttiva 2001/42/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Direttiva 91/676/KEE — Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli — Programmi ta’ azzjoni dwar iż-żoni vulnerabbli identifikati — Annullament ta’ regola nazzjonali meqjusa bħala li tmur kontra d-Direttiva 2001/42/KE — Possibbiltà li jinżammu, għal perijodu qasir, l-effetti ta’ din ir-regola”






I –    Introduzzjoni

1.        Huwa konformi mal-liġi tal-Unjoni Ewropea li jinżamm fis-seħħ, sal-adozzjoni ta’ miżura alternattiva, programm ta’ azzjoni fil-qasam ambjentali adottat bi ksur ta’ direttiva proċedurali, jekk dan il-programm jimplementa l-kontenut ta’ direttiva oħra? Din hija essenzjalment id-domanda li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

2.        Fil-fatt, il-Conseil d’État għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar il-konsegwenzi ta’ ksur tad-direttiva dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi (2) fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ESEA”, ESEA għal evalwazzjoni strateġika dwar l-effetti fuq l-ambjent).

3.        Fil-kawża prinċipali, żewġ NGOs Belġjani, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, jopponu r-Région Wallonne fir-rigward tal-validità ta’ programm ta’ azzjoni adottat mir-reġjun biex tiġi trasposta d-Direttiva dwar in-nitrati (3).

4.        Il-kisi bid-demel tal-uċuħ tar-raba’ huwa suġġett għar-regoli stabbiliti bid-direttiva dwar in-nitrati u bil-programmi ta’ azzjoni li għandhom jiġu adottati għall-implementazzjoni tiegħu. Il-bdiewa jdemmlu l-għelieqi tagħhom mhux biss sabiex itejbu t-tkabbir tal-uċuħ tar-raba’ tagħhom, iżda wkoll biex jeħilsu mill-effluwenti li joriġinaw mill-annimali. Meta impriża tipproduċi iktar effluwenti minn dak li l-uċuħ tar-raba’ jistgħu jassorbu, dan iġib miegħu eċċess li jniġġes regolarment l-ilmijiet (4).

5.        Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’waħda mill-ewwel proċeduri għal deċiżjoni preliminari li programm ta’ azzjoni ta’ dan it-tip jeħtieġ evalwazzjoni tiegħu tal-effetti fuq l-ambjent skont id-direttiva ESEA (5).

6.        Skont l-osservazzjonijiet tal-Conseil d’État, peress illi l-programm ta’ azzjoni tar-Région Wallonne inkwistjoni kien f’dan il-każ adottat mingħajr ma kien suġġett għat-tali evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha minn issa ’l quddiem tiddetermina jekk huwiex meħtieġ li dan il-programm jiġi rrevokat. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-revoka retroattiva tal-programm ta’ azzjoni tikkostitwixxi s-sanzjoni normali għall-ksur tad-Direttiva ESEA. Madankollu, din ikollha neċessarjament bħala effett in-nuqqas ta’ traspożizzjoni kompluta tad-direttiva dwar in-nitrati mill-Wallonie. Fil-prattika, ir-restrizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-fertilizzant jistgħu jitneħħew, imma possibbilment jista’ jiġri l-istess lid-drittijiet ta’ applikazzjoni tal-bdiewa.

7.        L-effett ta’ revoka tista’ tkun suġġetta għal limitazzjoni ratione temporis peress li l-Wallonie adottat fil-frattemp programm ta’ azzjoni ġdid (6) u l-Belġju juri, eżatt bħall-Kummissjoni, li dan jieħu inkunsiderazzjoni d-Direttiva ESEA. Id-domanda mqajma għalhekk hija dwar jekk il-programm ta’ azzjoni l-antik tar-Région Wallonne għandux ikun irrevokat b’mod retroattiv għall-perijodu li jibda mill-15 ta’ Frar 2007 u jispiċċa mas-6 ta’ Mejju 2011, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-programm il-ġdid.

II – It-talba għal deċiżjoni preliminari

8.        Il-Conseil d’État,

–        adit b’rikors għall-annullament ta’ digriet tal-Gvern ta’ Wallonie tal-15 ta’ Frar 2007, li jemenda l-Ktieb II tal-Kodiċi tal-Ambjent li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Ilma, fir-rigward tal-ġestjoni sostenibbli tan-nitroġenu fl-agrikoltura,

–        li jikkonstata li dan id-digriet ġie adottat mingħajr osservanza tal-proċedura pprovduta fid-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima [l-evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent u li, għal din ir-raġuni, imur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea u għandu jiġi annullat,

–        iżda li fl-istess waqt jikkonstata li d-digriet ikkontestat jipprovdi implementazzjoni xierqa tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli,

–        jista’ jipposponi fiż-żmien l-effetti tal-annullament ġudizzjarju għall-perijodu qasir li huwa neċessarju għat-tfassil mill-ġdid tal-att annullat sabiex iżomm fid-dritt ambjentali tal-Unjoni ċerta implementazzjoni konkreta mingħajr interruzzjoni tal-kontinwità?,

9.        Inter-Environnement Wallonie ASBL, Terre Wallonne ASBL, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ħlief Terre wallone, kollha ħadu sehem ukoll fis-seduta tas-8 ta’ Novembru 2011.

III – Il-kuntest ġuridiku

10.      L-għanijiet tad-Direttiva ESEA huma stabbiliti fl-Artikolu 1:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima [evalwazzjoni] ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent.”

11.      Il-premessi 4 u 5 tad-Direttiva ESEA jindikaw f’dan ir-rigward li:

“(4) L-istima ambjentali hi għodda mportanti biex ikunu integrati l-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent fl-Istati Membri, minħabba li din tassigura li dawn l-effetti ta’ pjanijiet u programmi li jkunu ser jiġu mplimentati jkunu kkunsidrati matul il-preparazzjoni tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom.

(5) L-adozzjoni ta’ proċeduri ta’ stima ambjentali fil-livelli ta’ ppjanar u programmar għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-impriżi billi jipprovdulhom qafas aktar konsistenti li fih joperaw bl-inklużjoni ta’ l-informazzjoni ambjentali rilevanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet. L-inklużjoni ta' sett aktar wisa’ ta' fatturi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet għandha tikkontribwixxi għal soluzzjonijiet aktar sostenibbli u effettivi.”

Kunsiderazzjonijiet legali

A –    Dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deciżjoni preliminari

12.      Il-Kummissjoni tqis li ma għadux neċessarju li tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari wara l-adozzjoni tal-programm ta’ azzjoni l-ġdid tal-Wallonie. Skont il-Kummissjoni, ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrispondix għal domandi ipotetiċi (7), it-talba hija inammissibbli.

13.      Mistoqsi mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Conseil d’État, indika madankollu li tweġiba kienet tabilħaqq meħtieġa biex tinqata’ l-kawża sospiża. Skont il-Conseil d’État, il-programm ta’ azzjoni l-ġdid ma għandu l-ebda effett retroattiv. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tiddikjara n-nullità tal-programm ta’ azzjoni l-antik għall-perijodu li jibda mill-adozzjoni tiegħu u jispiċċa mar-revoka tiegħu permezz tal-programm il-ġdid.

14.      Dan l-istat tal-kawża jiddistingwi l-kawża preżenti b’mod partikolari mill-kawża li wasslet għas-sentenza Fluxys. Din il-kawża kienet tikkonċerna l-konformità ta’ ċerti regoli interni mad-dritt tal-Unjoni Ewropea (8). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ma kienx għad hemm lok li tittieħed deċiżjoni wara li l-Qorti Kostituzzjonali Belġjana ddeċidiet ir-revoka retroattiva tar-regoli inkwistjoni (9), u li għalhekk dawn ma setgħux ikunu applikati fil-kawża prinċipali. Fil-kawża preżenti, il-Conseil d’État għadu jrid jiddeċiedi jekk jeħtieġx li tiġi deċiża n-nullità tal-programm ta’ azzjoni b’mod retroattiv.

15.      Għaldaqstant hemm lok li d-domanda preliminari tingħata risposta.

B –    Dwar id-domanda tal-Conseil d’État

16.      Il-Conseil d’État jixtieq ikun jaf jekk jistax jiddikjara ż-żamma fis-seħħ tal-programm ta’ azzjoni tal-Wallonie li jittrasponi d-direttiva dwar in-nitrati u li ġie adottat bi ksur tad-Direttiva SUP sal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni alternattiva.

1.      Dwar is-sentenza Winner Wetten

17.      F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État u l-partijiet jeżaminaw b’mod intensiv is-sentenza Winner Wetten (10). Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, id-domanda magħmula kienet dik dwar jekk il-qrati nazzjonali setgħux jiddikjaraw iż-żamma provviżorja fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna l-logħob tal-azzard inkompatibbli mal-libertajiet fundamentali.

18.      Bħala regola ġenerali, mis-supremazija tal-liġi tal-Unjoni jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jopponuha huma inapplikabbli (11). Skont il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-partijiet f’kawża jistgħu wkoll isostnu din is-supremazija quddiem il-qrati (12).

19.      Huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, abbażi tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal dawk kollha interessati li jinvokaw dispożizzjoni li hija interpretat bl-iskop li tikkontesta relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali limitazzjoni tista’ tiġi aċċettata biss fl-istess sentenza li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba (13).

20.      Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Winner Wetten, l-Istati Membri intervenjenti essenzjalment sostnew li l-għarfien tal-eżistenza ta’ prinċipju li jawtorizza, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, iż‑żamma provviżorja tal-effetti ta’ regola nazzjonali meqjusa bħala li tikser regola tad-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli tista’ tiġi ġġustifikata, b’analoġija, fid-dawl tal-ġurisprudenza li ġiet żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, bl-effett li provviżorjament iżżomm l-effetti tal-atti tad-dritt tal-Unjoni li hija kienet annullat taħt l-Artikolu 263 TFUE jew ikkonstatat l-invalidità tagħhom taħt l-Artikolu 267 TFUE (14).

21.      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja madanakollu ma ddeċidietx jekk kienx possibbli li tiġi sospiża s-supremazija tal-liġi tal-Unjoni minħabba interessi predominanti oħra fir-rigward tan-nuqqas, f’dan il-każ speċifiku, ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jiġġustifikawha. Madanakollu, hija enfasizzat li hija biss tista’ tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ tali sospensjoni (15).

22.      F’dan il-każ, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni jiddeduċu minn dawn l-osservazzjonijiet li huwa possibbli li tittieħed deċiżjoni dwar iż-żamma provviżorja fis-seħħ tal-programm ta’ azzjoni l-antik abbażi ta’ bbilanċjar.

23.      Ir-risposta għad-domanda tal-Conseil d’État madanakollu ma tinsab la fis-sentenza Winner Wetten u lanqas f’sentenzi simili (16). Leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli ma’ waħda mil-libertajiet fundamentali — jew kwalunkwe regola oħra tal-liġi tal-Unjoni — tikser dak id-dritt ma’ kull applikazzjoni ġdida. Bħala regola ġenerali, din ma tistax tiġi applikata ladarba, fil-każ kuntrarju, l-applikazzjoni (uniformi) tal-liġi tal-Unjoni tiġi mhedda.

24.      Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ evalwazzjoni meħtieġa tal-effetti fuq l-ambjent tikkostitwixxi, l-ewwel nett, ksur definittiv tal-liġi tal-Unjoni li ma huwiex (neċessarjament) aggravat bl-applikazzjoni ta’ pjan jew ta’ programm. Huwa possibbli li miżura identika tkun ġiet adottata wara li jkun għadda mill-evalwazzjoni.

25.      Kuntrarju għall-opinjoni ta’ partijiet differenti, ma jinvolvix għalhekk li direttiva tingħata s-supremazija fuq oħra jew li ssir għażla bejn il-ksur ta’ waħda u mhux l-oħra. Id-Direttiva ESEA diġà nkisret. Il-konsegwenzi ta’ dan il-ksur jistgħu biss jitnaqqsu. Jekk madanakollu il-programm ta’ azzjoni l-antik dwar l-implementazzjoni tad-direttiva dwar in-nitrati kien annullat minħabba ksur tad-Direttiva ESEA, il-ksur ta’ direttiva oħra jiżdied ma’ dak tad-direttiva ESEA.

26.      Is-sentenza Winner Wetten u s-supremazija tal-liġi tal-Unjoni ma jikkostitwixxux għalhekk bażijiet xierqa biex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-Conseil d’État.

2.      Dwar il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza

27.      Jeħtieġ min-naħa l-oħra li jiġu invokati l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

28.      Is-supremazija tal-liġi tal-Unjoni tirregola l-effett legali ta’ kunflitt ta’ regoli billi tipprojbixxi l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali (17).

29.      Min-naħa l-oħra, il-liġi tal-Unjoni ma tirregolax fid-dettall kif wieħed jipproċedi bi standard adottat mingħajr il-valutazzjoni tal-impatti ambjentali tiegħu preskritta mid-Direttiva ESEA imma li l-kontenut tiegħu ma jikkontradixxi l-ebda standard tal-liġi tal-Unjoni.

30.      La d-Direttiva ESEA u lanqas id-direttiva dwar in-nitrati ma jinkludu b’mod partikolari regoli dwar il-konsegwenzi ta’ żbalji fil-proċedura tat-twaqqif ta’ programmi ta’ azzjoni.

31.      Fil-qasam tad-Direttiva EIE (18), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat madanakollu li, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TFUE, l-Istati Membri huma mitluba jħassru l-konsegwenzi illeċiti ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni (19). Din il-kunsiderazzjoni għandha tapplika wkoll għad-Direttiva ESEA.

32.      Għalhekk, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jidentifika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, kemm-il darba, min-naħa, dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jkunux jistgħu jrendu d-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (20).

33.      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza mhux miksur f’dan il-każ peress li l-Conseil d’État jindika li jista’ jżomm b’mod provviżorju xi dispożizzjonijiet, anki f’każ ta’ fatti purament interni, wara li jkun annullahom (21).

34.      Il-prinċipju ta’ effettività jista’ madanakollu jkun ta’ ostakolu għaż-żamma fis-seħħ tal-programm ta’ azzjoni tal-Wallonie. Kull każ, li fih tqum id-domanda ta’ jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-irwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tiegħu u l-karatteristiċi partikolari tiegħu quddiem id-diversi qrati nazzjonali (22). Dan jinvolvi r-riżultat tal-evalwazzjoni individwali ta’ kull każ, meħuda b’osservanza għall-kuntest fattwali u ġuridiku kollu speċifiku għal kull kawża, li ma jistgħux jiġu trasposti awtomatikament f’oqsma differenti minn dawk fil-kuntest li minnhom kienu jirriżulta (23).

35.      Każ ta’ impossibbiltà huwa eskluż f’dan il-każ: id-dritt għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, b’konsultazzjoni mal-pubbliku, jista’ jintlaħaq ukoll f’każ ta’ żamma provviżorja fis-seħħ tal-programm ta’ azzjoni l-antik, jekk programm ġdid li jieħu inkunsiderazzjoni d-Direttiva ESEA jkun adottat.

36.      Madankollu, għad hemm il-ħtieġa li jiġi vverifikat jekk iż-żamma provviżorja fis-seħħ tal-programm ta’ azzjoni l-antik ma tagħmilx eċċessivament iktar diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

37.      Id-dritt għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma huwiex sempliċiment stadju formali tal-proċedura, imma jrid jiggarantixxi, skont l-Artikolu 1 kif ukoll il-premessi 4 u 5 tad-Direttiva ESEA, li jiġu meħuda inkunsiderazzjoni, waqt il-preparazzjoni u l-adozzjoni tal-pjanijiet u programmi, l-effetti fuq l-ambjent tal-implementazzjoni tagħhom. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sett iktar wiesa’ ta’ fatturi meta jittieħdu d-deċiżjonijiet għandu jikkontribwixxi għal soluzzjonijiet iktar sostenibbli u effettivi.

38.      Konsegwentement, ma jistax ikun preżunt li l-miżura kienet ukoll se tkun adottata b’kontenut identiku li kieku għadda minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent normali. Minflok, jaqbel li jkun preżunt li miżura li kienet suġġett għal evalwazzjoni kienet tkun iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-ambjent milli miżura li ma kinitx evalwata. B’mod partikolari, għandha tipproduċi inqas effetti negattivi fuq l-ambjent.

39.      Kif issostni l-Kummissjoni, korrispondent potenzjali jeżisti preċiżament waqt l-adozzjoni ta’ programmi ta’ azzjoni skont id-direttiva dwar in-nitrati peress li l-Istati Membri għandhom flessibbiltà fir-rigward tal-portata tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jistgħu japplikaw ladarba din il-flessibbiltà tiġi użata.

40.      Is-suppożizzjoni li miżura evalwata kienet tkun iktar favorevoli hija, prima facie, favur is-sospensjoni tal-kontinwazzjoni tat-twettiq tal-miżura mhux evalwata, tal-inqas sa meta tkun għaddiet minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ awtorizzazzjoni diġà mogħtija sabiex tiġi effettwata evalwazzjoni (assenti) tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett inkwistjoni kif previst fid-Direttiva EIA tikkostitwixxi, pereżempju, miżuri xierqa biex jipprovdu rimedju għal ksur ta’ din id-direttiva (24).

41.      Bħal riżultati oħra fir-rigward tad-Direttiva EIA (25), din ir-riflessjoni tista’ tiġi trasposta għall-pjanijiet u għall-programmi li huma kundizzjoni għat-twettiq ta’ proġetti li jistgħu jkollhom effetti negattivi fuq l-ambjent. Bħal fil-każ tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett, is-sospensjoni jew l-irtirar ta’ pjan jew programm iwaqqaf provviżorjament il-programmi milli jkunu eżegwiti. Għalhekk dawn ma jistgħu jkollhom l-ebda effett negattiv fuq l-ambjent.

42.      B’differenza għal awtorizzazzjonijiet ta’ proġett, il-pjanijiet u l-programmi jistgħu madankollu jagħmlu parti minn ġerarkija ta’ leġiżlazzjoni jew jissostitwixxu leġiżlazzjoni preċedenti. Jekk miżuri bħal dawn huma rtirati jew sospiżi, leġiżlazzjoni iktar ġenerali jew aħjar leġiżlazzjoni preċedenti japplikaw minflok dawn il-miżuri. Din il-leġiżlazzjoni jista’ jkollha effetti iktar negattivi fuq l-ambjent (26) mill-miżura adottata b’mod irregolari. Jekk dawn l-effetti jistgħu jseħħu, dan imur kontra l-għanijiet tad-Direttiva ESEA li jsir irtirar jew sospensjoni tal-miżura inkwistjoni.

43.      Fil-kuntest tad-deċiżjonijiet tal-qorti dwar il-pjanijiet u l-programmi adottati mingħajr l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent stabbilita, ikun hemm għalhekk bżonn li ssir verifika ta’ liema regoli japplikaw f’każ ta’ annullament jew sospensjoni. Jekk dawn ir-regoli jkunu inqas favorevoli għall-ambjent mill-miżura inkwistjoni, il-qorti tista’, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ effettività, tordna ż-żamma provviżorja fis-seħħ tal-miżura eżistenti sakemm miżura alternattiva tkun adottata abbażi ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

44.      Miżura bħal din tippreżumi naturalment li l-qorti nazzjonali tkun kompetenti biex tordna ż-żamma fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni adottata minħabba ksur tar-regoli ta’ proċedura. F’dan ir-rigward, tista’ tqum il-kwistjoni dwar jekk kompetenza bħal din hijiex stabbilita mil-liġi tal-Unjoni meta l-miżura inkwistjoni tikkonċerna dan id-dritt. Madanakollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn taqta’ din id-domanda f’dan il-każ. Fil-fatt, il-Conseil d’État għandu l-kompetenzi neċessarji (27).

45.      Fl-aħħar, huwa meħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ż-żamma provviżorja fis-seħħ tista’ tagħmel inqas urġenti l-ħtieġa li tkun issostitwita l-miżura adottata bi ksur tar-regoli ta proċedura permezz ta’ miżura bbażata fuq evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq l-ambjent. Il-prinċipju ta’ effettività jkun, fi kwalunkwe każ, miksur jekk l-adozzjoni ta’ miżura evalwata b’mod xieraq tkun ittardjata minħabba ż-żamma tal-miżura l-antika. F’dan il-każ, ma għadux iktar meħtieġ madanakollu li jiġi ddeterminat liema sanzjoni teżiġi l-liġi tal-Unjoni f’każ bħal dan. Fil-fatt, huwa paċifiku li miżura alternattiva diġà kienet adottata u għaddiet, skont l-osservazzjonijiet tar-Renju tal-Belġju u tal-Kummissjoni, minn evalwazzjoni suffiċjenti tal-effetti fuq l-ambjent.

46.      F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ qabel l-adozzjoni tal-programm ta’ azzjoni l-antik ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-direttiva dwar in-nitrati (28). Il-Kummissjoni ssostni min-naħa l-oħra li l-programm l-antik kien jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Għalhekk hemm il-ħtieġa li jiġi preżunt li l-ambjent ikun iktar protett kontra l-kontribuzzjonijiet tan-nitrati jekk il-programm ta’ azzjoni l-antik jinżamm provviżorjament fis-seħħ milli li kieku jiġi annullat.

47.      L-eżistenza effettiva ta’ dawn l-vantaġġi preżunti ma tistax madanakollu tiġi vverifikata ħlief fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji nazzjonali, b’mod partikolari jekk l-oġġezzjonijiet dwar il-mertu motivati jkunu tqajmu biex imorru kontra r-regoli tal-programm ta’ azzjoni l-antik.

IV – Konklużjoni

48.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti t-tweġiba segwenti għad-domanda preliminari:

Fil-kuntest ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali dwar pjan jew programm adottat fl-assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent kif stabbilit bid-Direttiva 2011/42/KE, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat liema regoli japplikaw minflok il-miżura inkwistjoni jekk din tkun ġiet annullata. Jekk dawn ir-regoli huma inqas favorevoli għall-ambjent mill-miżura inkwistjoni, il-qorti tista’, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ effettività, tordna ż-żamma fis-seħħ tal-miżura eżistenti sakemm tiġi adottata miżura alternattiva abbażi ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

F’każ ta’ programm ta’ azzjoni adottat skont id-Direttiva 91/676/KEE, il-preċedenza għandha, bħala regola ġenerali, tingħata liż-żamma provviżorja ta’ programm adottat mingħajr verifika tal-effetti fuq l-ambjent, li iżda ma huwiex ikkontestat, u mhux jiġi annullat.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima [evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).


3 –      Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68) kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE id-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).


4 –      Ara, fir-rigward tar-rekwiżiti tad-direttiva dwar in-nitrati, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑266/00, Ġabra, p. I-2073); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑322/00, Ġabra, p. I-11267); tat-22 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑221/03, Ġabra, p. I-8307); u tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs il-Lussemburgu (C‑526/08, Ġabra p. I-6151).


5 –      Is-sentenza, tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne (C‑105/09 u C‑110/09, Ġabra p. I-5611).


6 –      Digriet tal-Gvern tal-Wallonie tal-31 ta’ Marzu 2011 li temenda l-Ktieb II tal-Kodiċi dwar l-Ambjent li fih il-Kodiċi tal-Ilma f’dak li għandu x’jaqsam mall-ġestjoni sostenibbli tan-nitroġenu fl-agrikoltura (Moniteur Belge, tas-26 ta’ April 2011, p. 25217).


7 –      Sentenza, tal-15 ta’ Settembru 2011, Gueye (C‑483/09 u C‑1/10, Ġabra p. I-8263, punt 40).


8 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Trstenjak, tat-28 ta’ Settembru 2010, Fluxys (C‑241/09, Ġabra p. I-12773).


9 –      Sentenza, tad-9 ta’ Diċembru 2010, Fluxys (C‑241/09, Ġabra p. I-12773, punti 32 u 33).


10 –      Sentenza, tat-8 ta’ Settembru 2010 (C‑409/06, Ġabra p. I-8015, punti 53 sa 69).


11 –      Sentenza Winner Wetten, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punti 53 sa 57).


12 –      Sentenza Winner Wetten, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 58).


13 –      Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, Ġabra p. I-1835, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 –      Sentenza Winner Wetten, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 63).


15 –      Sentenza Winner Wetten, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 67).


16 –      Fost l-oħrajn, is-sentenza Meilicke, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 13 (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17 –      Sentenzi, tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra p. 1141, 1253, 1269 u 1270); tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629, punti 21 sa 24); tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C‑213/89, Ġabra p. I-2433, punti 19 sa 21), u, tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki (C‑188/10 u C‑189/10, Ġabra p. I-5667, punt 44).


18 –      Direttiva tal-Kunsill Nru 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu. 15, Vol. 1, p. 248).


19 –      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, Ġabra p. I-723, punt 64).


20 –      Sentenza, tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I-6057, punt 95); tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, Ġabra p. I-8055, punt 67), u, tat-12 ta’ Mejju 2011, Trianel Kohlekraftwerk Lünen (C‑115/09, Ġabra p. I-3673, punt 43).


21 –      Il-Conseil d’État jirreferi għall-Artikolu 14b tal-Liġijiet Ikkonsolidati dwar il-Conseil d’État.


22 –      Sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, Ġabra p. I-4599, punt 14); tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I-2271, punt 54), u, tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, Ġabra p. I-7003, punt 35).


23 –      Sentenza, tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C‑473/00, Ġabra p. I-10875, punt 37).


24 –      Sentenza Wells, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 19 (punt 65).


25 –      Ara, pereżempju, is-sentenza, tat-22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et (C‑295/10, Ġabra p. I-8819, punt 47) kif ukoll il-konklużjonijiet tagħna, tal-4 ta’ Marzu 2010, Terre wallonne (C-105/09 u C-110/09, Ġabra p. I-5611, punt 30), u, tat-13 ta’ Ottubru 2011 fil-kawża pendenti Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C-43/10, punti 162 u 163, punt 175), u punt 31 hawn fuq.


26 –      Minbarra din il-kawża, il-konklużjonijiet li ppreżentajt fis-17 ta’ Novembru 2011 fil-kawża pendenti Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, punti 40 u 41) huma wkoll illustrattivi f’dan ir-rigward.


27 –      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21.


28 –      Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.