Language of document :

Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Awwissu 2013 – Iran Liquefied Natural Gas vs Il-Kunsill

(Kawża T-5/13 R)

(“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti kummerċjali fis-seħħ – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Inammissibbiltà manifesta tal-eċċezzjoni ta’ illegalità li fuqha hija bbażata t-talba – Inammissibbiltà tat-talba)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Iran Liquefied Natural Gas Co. (Teheran, l-Iran) (rappreżentanti: J. Grayston, solicitor, G. Pandey, P. Gjørtler u D. Rovetta, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bishop u A. De Elera, aġenti)

Suġġett

Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16), sa fejn dawn l-atti inkludew isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1263/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 (ĠU L 356, p. 34), sa fejn dan l-att irendi impossibbli l-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi mir-rikorrenti ma’ msiebħa stabbiliti fl-Unjon Ewropea.

Dispożittiv

It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

L-ispejjeż huma rriżervati.