Language of document : ECLI:EU:T:2020:461

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

5 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Tiftix għaż-żejt – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Franza ‐ Garanzija impliċita u illimitata tal-Istat mogħtija lill IFPEN permezz tal-għoti tal-istatus ta’ EPIC – Vantaġġ – Preżunzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ – Proporzjonalità”

Fil-Kawżi magħquda T‑479/11 RENV u T‑157/12 RENV,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn M. P. Dodeller, bħala aġent,

rikorrenti fil-Kawża T‑479/11 RENV,

IFP Énergies nouvelles, stabbilit f’Rueil‑Malmaison (Franza), irrappreżentat minn E. Lagathu u É. Barbier de La Serre, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑157/12 RENV,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u D. Grespan, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/26/UE tad‑29 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 35/08 (ex NN 11/08) mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku “Institut Français du Pétrole” (ĠU 2012, L 14, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

Komposta minn A. M. Collins, President tal-Awla, M. Kancheva (Relatur) u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tar-rikors tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u IFP Énergies nouvelles (iktar ’il quddiem l-“IFPEN”), li qabel it-13 ta’ Lulju 2010 kien l-Institut français du pétrole, jitolbu l-annullament totali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/26/UE tad-29 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 35/08 (ex NN 11/08) mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku “Institut Français du Pétrole” (ĠU 2012, L 14, p. 1, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”).

2        L-IFPEN huwa stabbiliment pubbliku ta’ riċerka inkarigat bi tliet missjonijiet ta’ interess ġenerali, jiġifieri, missjoni ta’ riċerka u ta’ żvilupp fl-oqsma tat-tħaffir għaż-żejt u l-gass, tat-teknoloġiji tar-raffinar u tal-industriji petrokimiċi, missjoni ta’ taħriġ għall-inġiniera u għall-persunal tekniku u missjoni ta’ informazzjoni u ta’ dokumentazzjoni tas‑setturi (premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Barra minn hekk, l-IFPEN għandu direttament u indirettament il‑kontroll ta’ tliet kumpanniji kummerċjali, Axens, Beicip-Franlab u Prosernat, li magħhom ikkonkluda ftehimiet esklużivi ta’ riċerka u ta’ liċenzjar.

4        Sal-2006, l-IFPEN kien ikkostitwit fil-forma ta’ persuna ġuridika rregolata mid‑dritt privat, imqiegħda, skont id-dispożizzjonijiet interni Franċiżi, taħt il-kontroll ekonomiku u finanzjarju tal-Gvern Franċiż. Skont il-Liġi Nru 2005‑781, tat-13 ta’ Lulju 2005, dwar il-programm li jistabbilixxi l‑linji gwida tal-politika tal-enerġija (JORF tal-14 ta’ Lulju 2005, p. 11570), l-IFPEN inbidel, b’effett mis-6 ta’ Lulju 2006, f’persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, b’mod iktar preċiż fi stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (EPIC) (premessi 21 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Mill-proċess jirriżulta, minn naħa, li din il-bidla kienet motivata mix-xewqa tal-awtoritajiet Franċiżi li n-natura u l-mod ta’ funzjonament tal-IFPEN isiru koerenti mal-mod ta’ finanzjament tiegħu. Fil-fatt, sa fejn l-IFPEN kien prinċipalment iffinanzjat minn allokazzjoni baġitarja, il-bidla kellha l-għan li tnaqqas id‑diskrepanza bejn l-istatus privat ta’ dan l-istabbiliment u l‑provenjenza pubblika ta’ parti sinjifikattiva mir-riżorsi tiegħu. Min‑naħa l-oħra, din il-bidla kienet tifforma parti mill-proċess sabiex l-istatus tal‑istabbilimenti Franċiżi ta’ riċerka jsir uniformi.

6        F’dak li jirrigwarda l-istatus ġuridiku tal-EPIC fid-dritt Franċiż, għandu jiġi speċifikat li dawn l-istabbilimenti jikkostitwixxu kategorija ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku li jeżerċitaw attivitajiet ta’ natura ekonomika. Huma għandhom personalità ġuridika separata mill-Istat u awtonomija finanzjarja kif ukoll kompetenzi speċjali ta’ għoti, li ġeneralment jinkludu l-eżerċizzju ta’ funzjoni waħda jew iktar ta’ servizz pubbliku. Skont id-dritt Franċiż, il-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku ma jaqgħux taħt id-dritt komuni tal-proċeduri ta’ insolvenza skont il-prinċipju ġenerali ta’ immunità mis-sekwestru ta’ beni pubbliċi. L‑inapplikabbiltà tal-proċeduri ta’ insolvenza għall-EPIC ġiet ikkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Cour de cassation Franċiża (il-Qorti tal-Kassazzjoni) ifformulata abbażi tal-Liġi Nru 85-98, tal-25 ta’ Jannar 1985, dwar l-amministrazzjoni u l-likwidazzjoni ta’ kumpaniji f’diffikultà (JORF tas-26 ta’ Jannar 1985, p. 1097).

7        Il-karatteristiċi speċifiċi tal-istatus ġuridiku tal-EPIC ġibdu l-attenzjoni tal‑Kummissjoni Ewropea, li, fid-Deċiżjoni 2010/605/UE tas-26 ta’ Jannar 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/07 (ex E 15/05) mogħtija minn Franza lil La Poste (ĠU 2010, L 274, p. 1, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni La Poste”), għall-ewwel darba eżaminat dan l-istatus fid-dawl tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat fl-Unjoni Ewropea. F’din id‑deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, minħabba l-istatus tagħhom, l-EPIC kienu jibbenefikaw minn garanzija impliċita u illimitata tal‑Istat fuq l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom li jinvolvu riżorsi pubbliċi. Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-punti li ġejjin (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata u premessi 20 sa 37 tad‑deċiżjoni La Poste):

–        il-proċeduri ta’ insolvenza tad-dritt komuni ma humiex applikabbli għall-EPIC;

–        għall-kuntrarju, l-EPIC huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal‑Liġi Nru 80‑539, tas-16 ta’ Lulju 1980, dwar il-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti fi proċeduri amministrattivi u l‑eżekuzzjoni tas-sentenzi mill-persuni ġuridiċi rregolati bid-dritt pubbliku (JORF tas‑17 ta’ Lulju 1980, p. 1799), u tal-atti ta’ implimentazzjoni tagħha. Issa, dawn jaħtru espressament lill-Istat bħala l-awtorità kompetenti għall-irkupru tad-djun tal‑istabbilimenti pubbliċi, billi jagħtuh poteri importanti bħalma huma l-poter li jinħareġ ordni għall-ħlas ex officio u l-ħolqien ta’ riżorsi suffiċjenti, u jistabbilixxu prinċipju ta’ responsabbiltà bħala l-aħħar alternattiva tal‑Istat għad-djun tal-persuni ġuridiċi rregolati bid-dritt pubbliku;

–        fl-ipoteżi ta’ xoljiment ta’ EPIC, il-prinċipju tat-trasferiment tad‑djun lill-Istat jew lil xi entità pubblika oħra huwa ġeneralment applikabbli, b’tali mod li kull kreditur ta’ EPIC ikun żgurat li qatt ma jitlef il-kreditu li jkollu ma’ dan it-tip ta’ stabbiliment;

–        l-EPIC jista’ jkollhom aċċess privileġġat għall-“kontijiet ta’ self tat-Teżor”.

8        Fid-Deċiżjoni La Poste, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-garanzija impliċita u illimitata inerenti fl-istatus ta’ EPIC ta’ La Poste kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkwantu kienet tippermetti lil La Poste tikseb kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli minn dawk li kienet tikseb kieku kellha tkun ikkunsidrata fuq il-merti tagħha biss (premessi 256 sa 300 tad-Deċiżjoni La Poste).

9        Kien fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad‑Deċiżjoni La Poste li, matul is-sena 2006, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni dwar il-bidla tal-IFPEN f’EPIC. Din l‑informazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa fl-2005 u li kienet tirrigwarda l-eżami, fid-dawl tar-regoli tal‑għajnuna mill-Istat, ta’ finanzjament pubbliku mogħti lill-IFPEN mill-awtoritajiet Franċiżi (premessi 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tifred l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-bidla tal-IFPEN f’EPIC setgħetx tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE mill-eżami tal-finanzjament pubbliku tal-IFPEN. Għalhekk, fis-16 ta’ Lulju 2008, hija għalqet l-eżami tal‑finanzjament pubbliku mogħti lill-IFPEN bl-adozzjoni tad‑Deċiżjoni 2009/157/KE, dwar il-miżura ta’ għajnuna implimentata minn Franza favur il-grupp IFP [C 51/05 (ex NN 84/05)] (ĠU 2009, L 53, p. 13). Fl-istess jum, permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 259, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali”), hija ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali relatata mal-garanzija illimitata tal‑Istat favur l-IFPEN u stiednet lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet.

11      Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, il-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari, li l-IFPEN ħa vantaġġ mill-bidla tiegħu f’EPIC prinċipalment permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament meqjusa iktar favorevoli li minnhom kien jibbenefika fis-swieq finanzjarji. Dan il-vantaġġ, iffinanzjat permezz tar-riżorsi tal-Istati, jikkostitwixxi, skont il-Kummissjoni, għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Avviż tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Garanziji”).

12      L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din id-deċiżjoni permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ottubru 2008. Sussegwentement, huma rrispondew ukoll għal mistoqsijiet addizzjonali tal-Kummissjoni u taw informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u diversi gruppi ta’ kredituri. Fl-20 ta’ Mejju 2010 inżammet ukoll laqgħa bejn il-Kummissjoni u l‑awtoritajiet Franċiżi.

13      Barra minn hekk, kompetitur ta’ Axens, UOP Limited, li hija kumpannija Ingliża stabbilita f’Guilford (ir-Renju Unit), ippreżentat il‑kummenti tagħha b’risposta għad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali. L-awtoritajiet Franċiżi setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn il-kummenti.

14      Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

15      Fl-ewwel lok, billi applikat l-istess raġunament bħal dak żviluppat fid‑deċiżjoni La Poste, u, barra minn hekk, billi rreferiet diversi drabi għall-imsemmija deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 98 et seq. tad‑deċiżjoni kkontestata), fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-bidla tal-IFPEN f’EPIC, f’Lulju 2006, tatu l-benefiċċju ta’ garanzija illimitata u impliċita tal-Istat. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni kkunsidrat li l-imsemmija garanzija wasslet għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-punt 2.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji inkwantu l-IFPEN ma kien iħallas l-ebda primjum għal din il‑garanzija. B’dan il-mod, skont il-Kummissjoni, kien hemm kemm vantaġġ għall-impriża kif ukoll piż fuq ir-riżorsi pubbliċi, peress li l‑Istat irrinunzja għar-remunerazzjoni li normalment tkun marbuta mal‑garanziji. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-garanzija toħloq riskju ta’ impenn potenzjali u futur fuq ir-riżorsi tal-Istat, li jista’ jsib ruħu obbligat iħallas id-dejn tal-IFPEN (premessi 134 u 135 tad‑deċiżjoni kkontestata).

16      Għall-kuntrarju, f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji sussidjarji tal-IFPEN, il-Kummissjoni osservat li, bħala kumpanniji kummerċjali, huma kienu suġġetti għall-proċeduri ta’ insolvenza tad-dritt komuni u li, barra minn hekk, il-kredituri tagħhom ma setgħux jirrikorru awtomatikament għar‑responsabbiltà tal-azzjonist prinċipali tagħhom. Minn dan hija kkonkludiet li dawn is-sussidjarji ma kinux koperti mill-garanzija illimitata tal-Istat li kien jibbenefika minnha l-IFPEN minħabba l-istatus tiegħu ta’ EPIC (premessi 176 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni spjegat li l-garanzija illimitata tal-Istat li tirriżulta mill-istatus ta’ EPIC tal-IFPEN setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sa fejn kienet tkopri l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu. Hija għalhekk iddeċidiet li tillimita l-portata tal-eżami tagħha tal-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat biss għall-attivitajiet li għandhom natura ekonomika li jsiru mill-IFPEN, b’kuntrast, minn naħa, mal-attivitajiet tas-sussidjarji tiegħu, li ma kinux koperti bl-imsemmija garanzija, u, min-naħa l-oħra, mal-attivitajiet mhux ekonomiċi tal‑IFPEN. Il-Kummissjoni indikat li l-attivitajiet ekonomiċi tal-IFPEN kienu limitati għall-attivitajiet ta’ riċerka kuntrattwali li huwa kien iwettaq għan-nom tas-sussidjarji tiegħu u għan-nom ta’ terzi, għall‑attivitajiet ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji fl-oqsma ta’ attività esklużivi tas-sussidjarji Axens, Prosernat u Beicip-Franlab kif ukoll għall-attivitajiet ta’ kiri ta’ bini, ta’ provvista ta’ persunal u ta’ provvista ta’ servizzi ġuridiċi għas-sussidjarji tiegħu (premessi 187 u 189 sa 191 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-garanzija impliċita u illimitata inkwistjoni tatx vantaġġ selettiv lill-grupp kompost mill-IFPEN u mis-sussidjarji tiegħu (iktar ’il quddiem il-“grupp IFPEN”)

19      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddeċidiet, qabelxejn, li teżamina l‑kwistjoni dwar jekk l-IFPEN setax huwa stess jieħu vantaġġ mill‑garanzija impliċita u illimitata tal-Istat u, sussegwentement, li tivverifika jekk setax jittrasferixxi dan il-vantaġġ lis-sussidjarji tiegħu (premessa 192 tad‑deċiżjoni kkontestata).

20      F’dak li jirrigwarda l-vantaġġ li minnu kien ibbenefika l-IFPEN, il‑Kummissjoni ddeċidiet li teżamina r-relazzjonijiet ta’ dan l-EPIC mal‑istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, mal-fornituri u mal-klijenti (premessi 193 u 194 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan l-istabbiliment ma kien ħa l-ebda vantaġġ ekonomiku reali mill‑garanzija tal-Istat inerenti fl-istatus tiegħu ta’ EPIC matul il-perijodu bejn il-bidla tiegħu f’EPIC f’Lulju 2006 sal‑aħħar tas-sena 2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkonċernat”) (premessi 195 sa 199 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni madankollu enfasizzat li tali konklużjoni kienet tgħodd biss għall-imgħoddi, inkwantu hija ma setgħetx tippreżumi l‑aġir futur tal-operaturi tas-suq, u lanqas l-iżvilupp tal-perċezzjoni tagħhom tal-impatt tal-garanzija tal-Istat fuq ir-riskju ta’ falliment tal-IFPEN (premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata). B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li timponi fuq ir-Repubblika Franċiża l-obbligu li tibagħtilha informazzjoni relatata mal-livell u mal-kundizzjonijiet tad-dejn tal‑IFPEN u li tipproduċi l-prova li dawn is-self kienu konformi mal‑kundizzjonijiet tas-suq u li żżid l-ekwivalenti tal-għajnuna korrispondenti mal-istima tal-ammonti massimi tal-effetti tal-garanzija. Il-Kummissjoni indikat li l-obbligi imposti fuq ir-Repubblika Franċiża u l-impenji li din tal-aħħar daħlet għalihom li għal kull tranżazzjoni ddaħħal, fil-kuntratt ta’ finanzjament, in-nota bil-miktub li teskludi li l-Istat jissostitwixxi ruħu finanzjarjament għall-IFPEN fir-rigward tal-ħlas tad-dejn fil-każ ta’ insolvenza ta’ dan tal-aħħar, mingħajr ma jsolvu l-problemi kollha tal-garanzija, jippermettu li tiġi applikata l-eċċezzjoni tar-riskju aċċettat u li jiġu limitati b’mod kunsiderevoli r-riperkussjonijiet negattivi possibbli tal-garanzija (premessi 201 u 202 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Wara dan, fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-fornituri tiegħu, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-IFPEN kien ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, li jikkonsisti fi tnaqqis fil-prezzijiet mitluba mill-fornituri tiegħu. Dan it-tnaqqis fil-prezzijiet kien ir-riżultat ta’ evalwazzjoni iktar favorevoli minn dawn tal-aħħar tar-riskju ta’ inadempjenza min-naħa tal-IFPEN, minħabba l-garanzija illimitata tal-Istat li kien jagħtih l-istatus ta’ EPIC (premessi 203 sa 215 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-klijenti tiegħu, il-Kummissjoni qieset li, b’kunsiderazzjoni għall-garanzija mogħtija mill-Istat lill-IFPEN, il-klijenti tiegħu kienu assigurati li dan tal-aħħar qatt ma huwa ser ikun f’pożizzjoni ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, u għalhekk dejjem ser ikun f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, jew, fil-każ li ma jkunx jista’, li huma jirċievu kumpens għal dan in-nuqqas. Madankollu, fl-assenza ta’ din il-garanzija, klijent li jixtieq jibbenefika mill-istess livell ta’ protezzjoni jkollu jissottoskrivi ma’ intermedjarju finanzjarju għal garanzija ta’ prestazzjoni. Għalhekk, l-IFPEN ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, li jikkonsisti fl-assenza ta’ ħlas ta’ primjum li jikkorrispondi għal garanzija ta’ prestazzjoni jew, tal-inqas, għal garanzija ta’ sforz aqwa, vantaġġ li huwa offra lill-klijenti tiegħu (premessi 216 sa 237 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Il-Kummissjoni qieset li l-vantaġġ ekonomiku miksub mill-IFPEN minħabba l-garanzija tal-Istat kien selettiv, sa fejn il-kompetituri tal-IFPEN, suġġetti għall-proċeduri ta’ insolvenza tad-dritt komuni, ma kinux jibbenefikaw minn garanzija tal-Istat paragunabbli (premessi 215 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      F’dak li jirrigwarda eventwali trasferiment tal-vantaġġ maħluq għall-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu rregolati mid-dritt privat, filwaqt li għamlet riferiment għall-analiżi tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u s-sussidjarji tiegħu mwettqa fid-Deċiżjoni 2009/157, il-Kummissjoni ddeċidiet li, għalkemm ir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u Beicip-Franlab kienu jitwettqu f’kundizzjonijiet normali tas-suq, is-sussidjarji Axens u Prosernat setgħu, sa ċertu punt, ibbenefikaw mill-vantaġġ ekonomiku mnissel għall-IFPEN minħabba l-garanzija li dan kellu abbażi tal-istatus tiegħu ta’ EPIC. Hija kkwalifikat dan il-vantaġġ bħala wieħed selettiva minħabba li l-kompetituri ta’ Axens u ta’ Prosernat ma kellhomx aċċess għat-teknoloġiji u għall-mezzi umani u materjali tal-IFPEN f’kundizzjonijiet daqshekk favorevoli (premessi 226 u 243 sa 250 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ. Il-Kummissjoni osservat li l-garanzija tal-Istat “[setgħet] twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż tal-funzjonament tal-[IFPEN] għas-servizzi li dan jipprovdi lil parti terza (riċerka kuntrattwali), u għal tnaqqis fl-ispejjeż tal-funzjonament ta’ Axens u ta’ Prosernat għas-servizzi li huma jiksbu mill-kumpanija possedenti [omm] tagħhom (riċerka fil-qasam esklussiv tagħhom, riċerka kuntrattwali, provvista ta’ persunal u ta’ tagħmir, servizzi amministrattivi), li jkollu l-effett li jiffavorixxi lill-grupp IFP[EN] u għalhekk ifixkel il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1), tat-TFUE”. Skont il-Kummissjoni, sa fejn is-swieq li fihom huwa attiv il-grupp IFPEN huma miftuħa sew għall-iskambji fl-Unjoni, l-għoti tal-garanzija tal-Istat lill-IFPEN jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-intrapriżi kompetituri li għandhom, jew li jixtiequ jiżviluppaw, attivitajiet ekonomiċi simili fis-swieq ikkonċernati u, għaldaqstant, jista’ jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 251 sa 153).

27      Il-Kummissjoni minn dan ikkonkludiet li din il-garanzija kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessa 255).

28      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna billi għamlet distinzjoni, minn naħa, bejn l-għajnuna fil-qasam tar-riċerka kuntrattwali u tal-provvista ta’ servizzi mwettqa mill-IFPEN kemm għan-nom ta’ terzi kif ikoll għan-nom tas-sussidjarji tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna lill-grupp IFPEN fl-oqsma ta’ attività esklużivi ta’ Axens u ta’ Prosernat. Hija kkonkludiet li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-grupp IFPEN kienet kompatibbli mas-suq intern, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet, speċifikati fid-deċiżjoni kkontestata.

29      Il-punti essenzjali tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huma riprodotti hawn taħt:

“Artikolu 1

1.      L-għotja minn Franza tal-istatut ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali lil IFP[EN] ta lil dan tal-aħħar, mis-7 ta’ Lulju 2006, garanzija pubblika bla limitu (minn hawn ’il quddiem “garanzija mill-Istat”) għall-attivitajiet kollha tiegħu

2.      Il-kopertura mill-garanzija mill-Istat tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-[IFPEN], partikolarment tal-attivitajiet tiegħu ta’ taħriġ bil-ħsieb li jkollu riżorsi umani akbar u aktar ikkwalifikati, l-attivitajiet tiegħu ta’ [riċerka u ta’ żvilupp] indipendenti għal għarfien aktar estensiv u għal fehim aħjar, u l-attivitajiet tiegħu ta’ tixrid tar-riżultati ta’ riċerka, ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 (1) tat-TFUE.

3.      Il-kopertura mill-garanzija mill-Istat tal-attivitajiet ta’ trasferimenti teknoloġiċi mwettqa mill-[IFPEN] fl-oqmsa stipulati mill-ftehim esklussiv ta’ żvilupp, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ użu ffirmat mas-sussidjarja tiegħu Beicip-Franlab ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 (1) tat-TFUE.

4. Il-kopertura mill-garanzija mill-Istat tal-attivitajiet ta’ trasferimenti teknoloġiċi mwettqa mill-[IFPEN] fl-oqsma stabbiliti mill-ftehimiet esklussivi ffirmati mas-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni [2009/157] tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 (1) tat-TFUE.

5. Il-kopertura mill-garanzija mill-Istat tas-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali u tas-servizzi mwettqa minn IFP[EN], kemm għal parti terza kif ukoll għas-sussidjarji tiegħu, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 (1) tat-TFUE.

[…]

Artikolu 3

Għall-perjodu bejn is-7 ta’ Lulju 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2009, il-kopertura mill-garanzija mill-Istat tal-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1 (4 u 5) ta’ din id-Deċiżjoni, kienet tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 4

Mill-1 ta’ Jannar 2010, u sat-tmiem tal-ftehimiet esklussivi bejn l-[IFPEN u] s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat imsemmija fl-Artikolu 3 (1) tad-Deċiżjoni [2009/157], il-kopertura mill-garanzija mill-Istat tal-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1 (4) ta’ din id-Deċiżjoni, tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq intern, sakemm ikunu rispettati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.      Ir-rapport finanzjarju annwali msemmi fl-Artikolu 4 (2) tad-Deċiżjoni [2009/157] għandu jinkludi, minbarra l-elementi diġà msemmija fl-Artikolu 5 (1) ta’ din id-Deċiżjoni, l-elementi elenkati fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Ir-rapport finanzjarju annwali għandu jinkludi l-ammont, ir-rata tal-interess u l-kundizzjonijiet kuntrattwali tas-self irreġistrat mill-[IFPEN] matul il-perjodu annwali kkunsidrat, kif ukoll stima tal-ammont gross ekwivalenti għal sussidju taż-żieda possibbli fl-interessi marbuta mal-garanzija mill-Istat, ħlief biex tingħata l-prova li dawn il-kuntratti ta’ self huma konformi mal-kundizzjonjiet normali tas-suq, kemm billi jitqabblu l-kundizzjonijiet tagħhom ma’ dawk miksuba mill-[IFPEN] qabel ma bidel l-istatut tiegħu, kemm abbażi ta’ metodoloġija aktar preċiża approvata minn qabel mill-Kummissjoni.

3.      Ir-rapport finanzjarju annwali għandu jinkludi t-total tal-assi u s-servizzi miksuba mill-[IFPEN] mingħand fornituri biex iwettaq is-servizzi ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1 (4 u 5) ta’ din id-Deċiżjoni, matul il-perjodu annwali meqjus, kif ukoll stima massima tal-ammont gross ekwivalenti għal sussidju tal-għajnuna li jirriżulta minn apprezzament aktar favorevoli mill-fornituri tar-riskju ta’ falliment tal-intrapriża. Din l-istima għandha titwettaq kemm bl-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 2.5 % fuq it-total tal-akkwisti mwettqa, kif ukoll fuq il-bażi ta’ metodoloġija aktar preċiża approvata minn qabel mill-Kummissjoni.

4.      Ir-rapport finanzjarju annwali għandu jinkludi t-total tal-attivitajiet ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 1 (4 u 5) ta’ din id-Deċiżjoni, imwettqa mill-[IFPEN] matul il-perjodu annwali meqjus, kif ukoll stima massima tal-ammont gross ekwivalenti għal sussidju tal-għajnuna li tirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas ta’ primjum korrispondenti għal garanzija ta’ prestazzjoni, jew tal-anqas ta’ sforz aqwa, offruta lill-benefiċjarji tas-servizzi ekonomiċi msemmija. Din l-istima għandha titwettaq kemm bl-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 5 % fuq it-total tas-servizzi mwettqa, kif ukoll fuq il-bażi ta’ metodoloġija aktar preċiża approvata minn qabel mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

1.      L-ammont totali tal-fondi pubbliċi allokati għall-attivitajiet tal-[IFPEN] fl-oqsma tal-attività esklussivi ta’ Axens u ta’ Prosernat, inkluż l-impatt massimu tal-garanzija mill-Istat hekk kif stmata fl-Artikolu 5 (2, 3 u 4) ta’ din id-Deċiżjoni, għandu jkun inqas mill-intensità massima awtorizzata mill-Qafas Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

2.      F’każ li jinqabeż il-limitu msemmi fil-Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jekk ikun meħtieġ l-għajnuna żejda għandha titħallas lura mis-sussidjarja kkonċernata Axens jew Prosernat lill-[IFPEN].

Artikolu 7

Mill-1 ta’ Jannar 2010, il-kopertura mill-garanzija mill-Istat tal-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1 (5) tikkostitwixi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern sakemm jiġu rispettati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

1.      L-attivitajiet ta’ riċerka kuntrattwali u tal-għotja ta’ servizzi mwettqa mill-[IFPEN], imsemmija fl-Artikolu 1 (5) ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu kumplementari għall-attività prinċipali tiegħu ta’ riċerka pubblika indipendenti.

[…]

3.      Kull sena, Franza għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport dwar l-attivitajiet ta’ riċerka kuntrattwali u ta’ għotja ta’ servizzi mwettqa mill-[IFPEN], li jispeċifika l-proporzjon tat-total tagħhom fil-baġit iddedikat mill-[IFPEN] għall-attivitajiet ta’ riċerka pubblika indipendenti tiegħu.

Artikolu 9

1.      L-awtoritajiet Franċiżi u l-[IFPEN] għandhom jinkludu n-nota li ġejja, għal kull operazzjoni [tranżazzjoni], fil-kuntratt ta’ finanzjament (għal kull strument kopert minn kuntratt):

‘Il-ħruġ/il-programm/is-self ma jibbenefika mill-ebda garanzija tal-ebda tip, diretta jew indiretta, min-naħa tal-Istat. F’każ ta’ insolvenza, l-Istat ma jkunx obbligat li jassisti finanzjarjament lill-[IFPEN] għall-ħlas tad-dejn.’

2.      L-awtoritajiet Franċiżi għandhom idaħħlu klawżola simili, li tneħħi r-responsabbiltà tal-Istat, f’kull kuntratt relatat mas-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali jew tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 1 (5) ta’ din id-Deċiżjoni.

3.      L-awtoritajiet Franċiżi għandhom idaħħlu klawżola simili, li tneħħi r-responsabbiltà tal-[IFPEN] u tal-Istat, f’kull kuntratt li jinvolvi dejn iffirmat mill-kumpaniji b’responsabbiltà limitata Axens, Beicip-Franlab, u Prosernat.

4.      L-[IFPEN] għandu jastjeni milli jagħti xi forma ta’ garanzija, ittra ta’ intenzjoni jew ta’ konfort għall-benefiċċju tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata Axens, Beicip-Franlab, u Prosernat li ma tkunx konformi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

[…]”.

 Proċeduri preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2011, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat rikors kontra d‑deċiżjoni kkontestata, irreġistrat bin-numru T‑479/11.

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ April 2012, l-IFPEN ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata irreġistrat bin-numru T‑157/12.

32      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Diċembru 2013, wara li sema’ lill-partijiet, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ssospenda l-proċedura fil-kawżi li taw lok, minn dak iż-żmien, għas-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Franza u IFP Énergies nouvelles vs Il‑Kummissjoni (T‑479/11 u T‑157/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2016:320), sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li temmet il-proċeduri fil-kawża li tat lok, minn dak iż-żmien, għas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217).

33      Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċaħdet, permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), l-appell ippreżentat mir-Repubblika Franċiża kontra s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2012, Franza vs Il‑Kummissjoni (T‑154/10, EU:T:2012:452), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet ir-rikors ta’ din tal-aħħar kontra d-deċiżjoni La Poste, il-Qorti Ġenerali talbet lir-Repubblika Franċiża, lill-IFPEN u lill-Kummissjoni jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li kellhom jinsiltu mis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), fir-rigward tar-rikorsi fil-kawżi li taw lok, minn dak iż-żmien, għas-sentenza inizjali.

34      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 2014, ir-Repubblika Franċiża rrinunzjat għal-motivi li permezz tagħhom hija kienet qiegħda tikkontesta l-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti għall-istatus ta’ EPIC, kif ukoll ir-rabta bejn l-allegat vantaġġ li minnu kien jibbenefika l-IFPEN abbażi tal-imsemmija garanzija u t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Permezz ta’ ittra tal-istess ġurnata, l-IFPEN irrinunzja wkoll għall-motiv li permezz tiegħu huwa kien qiegħed jikkontesta l-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti għall-istatus ta’ EPIC.

35      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2015, wara li sema’ lill‑partijiet, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali għaqqad il-kawżi li taw lok, minn dak iż-żmien, għas-sentenza inizjali għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza.

36      Is-sottomissjonijiet orali u r-risposti għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali tal-partijiet fil-kawżi magħquda nstemgħu matul is-seduta li nżammet fit-8 ta’ Ottubru 2015

37      Permezz tas-sentenza inizjali, mogħtija fis-26 ta’ Mejju 2016, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikorsi ppreżentati mir-Repubblika Franċiża u mill-IFPEN u annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet ikklassifikat bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-garanzija li tirriżulta mill-istatus ta’ EPIC tal-IFPEN u ddeterminat il-konsegwenzi ta’ din il-klassifikazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikorsi.

38      B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-vantaġġ fir-relazzjoni tal-IFPEN mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu, il-Kummissjoni kienet kisret kemm l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha kif ukoll l-obbligu tagħha li tipproduċi l-prova ta’ dan il-vantaġġ u wettqet żbalji ta’ liġi billi għażlet li tuża l-fatturazzjoni u l-garanzija ta’ prestazzjoni biex tikkalkola l-ammont tal-vantaġġ inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li, biex tipproduċi l-prova ta’ dan il-vantaġġ, il-Kummissjoni ma setgħetx tuża l-preżunzjoni ta’ vantaġġ mogħti lil EPIC mill-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat marbuta mal-istatus tiegħu, stabbilita mil-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217). Il-Qorti Ġenerali fil-fatt iddeċidiet li, minn naħa, l-ipoteżi li fuqha kienet imsejjsa din il-preżunzjoni ma kinitx plawżibbli f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn l-IFPEN u l-fornituri tiegħu u, min-naħa l-oħra, peress li l-Kummissjoni ma kinitx iddefiniet il-vantaġġ li kien jirriżulta mill-garanzija għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti tiegħu, il-preżunzjoni li fuqha hija kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha kienet mingħajr skop. Iktar minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din il-preżunzjoni ta’ vantaġġ kienet limitata għat-tranżazzjonijiet li jinvolvu finanzjament, self jew, b’mod iktar ġenerali, kreditu u li għalhekk ma setgħetx tkopri r-relazzjonijiet ta’ EPIC mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li, għalkemm il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217) biex tipproduċi l-prova tal-eżistenza tal-vantaġġ li l-IFPEN kien jislet mill-istatus tiegħu ta’ EPIC fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, din il-preżunzjoni kienet ġiet ikkonfutata f’dan il-każ. Il-Qorti Ġenerali fil-fatt osservat li, wara t-trasformazzjoni ta’ IFPEN f’EPIC, f’Lulju 2006, sa tmiem il-perijodu eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri tmiem is-sena 2010, l-IFPEN ma kien silet, mill-istatus tiegħu ta’ EPIC, l-ebda vantaġġ ekonomiku reali fil-forma ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli mogħtija lilu mill-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll li, ladarba l-preżunzjoni kienet ġiet ikkonfutata fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni, din ma setgħetx tiġi invokata mill-ġdid sabiex tiġi prodotta l-prova li l-garanzija inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ lill-IFPEN fir-relazzjonijiet ġejjiena tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji mingħajr ma jkun hemm bdil sostanzjali fiċ-ċirkustanzi li fihom din kienet ġiet ikkonfutata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq is‑sempliċi possibbiltà, mogħtija mill-att kostituttiv tiegħu, li jissellef sabiex tikkunsidra li l‑vantaġġ futur għall-IFPEN jista’ jiġi stabbilit permezz tal-preżunzjoni.

39      Fuq appell mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Settembru 2018, Il-Kummissjoni vs Franza u IFP Énergies nouvelles (C‑438/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell”, EU:C:2018:737), annullat is-sentenza inizjali u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

40      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-tieni aggravju invokat mill-Kummissjoni billi qieset li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li l-possibbiltà li wieħed jibbaża ruħu fuq il-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), kienet imsejjsa fuq l-eżistenza ta’ effetti reali favur il-benefiċjarju tal-garanzija u li, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, din il-preżunzjoni kienet ġiet ikkonfutata. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-preżunzjoni inkwistjoni setgħet tiġi kkonfutata biss sa fejn jintwera li, meqjus il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li minnu tifforma parti l-garanzija marbuta mal-istatus tal-EPIC ikkonċernat, fl-imgħoddi, dan tal-aħħar ma kienx kiseb u, x’aktarx, ma huwiex ser jikseb fil-ġejjieni, xi vantaġġ ekonomiku reali minn din il-garanzija.

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ukoll it-tielet aggravju tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), kienet limitata għal relazzjonijiet li jinvolvu tranżazzjoni ta’ finanzjament, self jew, b’mod iktar ġenerali, kreditu min-naħa ta’ kreditur ta’ EPIC, b’mod partikolari għar-relazzjonijiet bejn dan l-EPIC u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, peress li l-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), hija bbażata fuq l-ipoteżi li, bis-saħħa tal-garanzija marbuta mal-istatus tiegħu, l-EPIC ikkonċernat kien jibbenefika jew seta’ jibbenefika minn kundizzjonijiet finanzjarji iktar vantaġġużi minn dawk li kienu normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji, din il-preżunzjoni setgħet tiġi applikata għar-relazzjonijiet tal-EPIC mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu biss jekk tali kundizzjonijiet ikunu jinstabu fir-relazzjonijiet ma dawn tal-aħħar fis-swieq ikkonċernati, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-Kummissjoni.

42      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet kompletament l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, hija qieset li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, sa fejn it-trasformazzjoni tal-IFPEN f’EPIC setgħet tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, din kienet tikkostitwixxi għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament Nru°659/1999.

43      Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li, bil-kontra ta’ dak li kienet qiegħda ssostni l-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN kienu tabilħaqq ikkontestaw, diversi drabi u b’mod suffiċjentement iddettaljat, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ favur l-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

44      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2018, il-Qorti Ġenerali għaqdet il-Kawżi T‑479/11 RENV u T‑157/12 RENV għall-finijiet tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, tal-eventwali fażi orali ta’ din tal-aħħar u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza. Dawn il-kawżi ġew assenjati lit-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali.

45      Konformement mal-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw, separatament, osservazzjonijiet bil-miktub. L-osservazzjonijiet tal-IFPEN ġew ippreżentati fit-28 ta’ Novembru 2018, filwaqt li dawk tar-Repubblika Franċiża u dawk tal-Kummissjoni ġew ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2018.

46      Fil-21 ta’ Frar 2019, konformement mal-Artikolu 217(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll, separatament, nota addizzjonali.

47      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Marzu 2019, l-IFPEN talab li tinżamm seduta.

48      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu fit-terminu mogħti.

49      Fit-28 ta’ Novembru 2019, instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali.

50      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

51      L-IFPEN jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-partijiet tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata li huma vvizzjati b’difett;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

52      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża u lill-IFPEN għall-ispejjeż tal-istanza.

 Id-dritt

53      Fil-Kawża T‑479/11, ir-Repubblika Franċiża qiegħda tinvoka issa żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx suffiċjentement skont id-dritt l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni interpretat ħażin il-kunċett ta’ vantaġġ selettiv. Permezz ta’ dan il-motiv, maqsum f’żewġ partijiet, minn naħa, ir-Repubblika Franċiża issostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-eżistenza ta’ garanzija toħloq vantaġġ favur l-IFPEN kemm fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu kif ukoll fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Min-naħa l-oħra, u sussidjarjament, hija tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tat-trasferiment tal-imsemmi vantaġġ lis-sussidjarji rregolati mid-dritt privat ta’ IFPEN, Axens u Prosernat.

54      Fil-Kawża T‑157/12, l-IFPEN qiegħed issa jinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tiegħu.

55      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku reali favur l-IFPEN u s-sussidjarji tiegħu. Permezz ta’ dan il-motiv, maqsum fi tliet partijiet, l-IFPEN isostni, qabel kollox, li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi, fl-osservanza tal-istandard ta’ prova impost mill-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku reali mnissel favurih minħabba l-garanzija inkwistjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u r-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti. Wara dan, huwa jsostni li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement skont id-dritt it-trasferiment tal-imsemmi vantaġġ ekonomiku lejn is-sussidjarji tiegħu rregolati mid-dritt privat Axens u Prosernat. Fl-aħħar nett, huwa jqis li ma teżistix rabta suffiċjenti bejn l-imsemmi vantaġġ ekonomiku u t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li ġejjin mill-garanzija inkwistjoni.

56      It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji jew, sussidjarjament, tal-Artikolu 107(1) TFUE. Permezz ta’ dan il-motiv, l-IFPEN isostni, essenzjalment, li l-punt 1.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jivvalida l-eżistenza ta’ rabta awtomatika bejn, minn naħa, l-impossibbiltà legali u ġuridika li entità tkun suġġetta għal proċedura ta’ falliment u, min-naħa l-oħra, il-vantaġġ ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament iktar favorevoli fis-swieq, li jikkostitwixxi vantaġġ selettiv.

57      It-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-vantaġġ mogħti lill-IFPEN. Permezz ta’ dan il-motiv, maqsum f’żewġ partijiet, minn naħa, l-IFPEN jikkontesta r-rilevanza tal‑użu tal-fatturazzjoni u tal-garanziji ta’ prestazzjoni jew tal-garanziji ta’ sforz aqwa sabiex jiġi stmat l-ammont tal-vantaġġ li huwa ħa mill‑garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal‑klijenti. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod żbaljat l-intensità tal-għajnuna mill-Istat allegatament identifikata kemm għalih kif ukoll għas-sussidjarji tiegħu.

58      Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Permezz ta’ dan il-motiv, l-IFPEN isostni, essenzjalment, li l-konsegwenzi li jirriżultaw mir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur EPIC li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-obbligu ta’ notifika minn qabel u obbligi oħra imposti fuqu u fuq ir-Repubblika Franċiża, huma sproporzjonati.

59      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li peress li l-eżistenza tal-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti għall-istatus ta’ EPIC ma hijiex iktar ikkontestata fil-kuntest ta’ din it-tilwima, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-Repubblika Franċiża u mill-IFPEN, il-Qorti Ġenerali għandha, għall-ewwel, teżamina l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta kkonkludiet li l-kopertura minn din il-garanzija, minn naħa, tal-attivitajiet ta’ trasferimenti teknoloġiċi mwettqa mill-IFPEN fl-oqsma stabbiliti mill-ftehimiet esklużivi konklużi mas-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat u, min-naħa l-oħra, tas-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali u ta’ servizzi mwettqa mill-IFPEN, kemm għan-nom ta’ terzi kif ukoll għan-nom tas-sussidjarji, jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat abbażi tal-Artikolu 107(1) TFUE.

60      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ser teżamina qabel kollox il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta qieset, f’dan il-każ, li l-IFPEN kien jibbenefika minn vantaġġ fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, mal-klijenti tiegħu u mal-fornituri tiegħu, li jirriżulta mill-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat marbuta mal-istatus tiegħu, kif ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wrietx suffiċjentement skont id-dritt li dan il-vantaġġ kien ġie ttrasferit lis-sussidjarji tal-IFPEN, Axens u Prosernat. Wara dan, skont il-każ, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-motivi li permezz tagħhom ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN jikkontestaw li dan il-vantaġġ jimplika t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

61      Fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali jkollha tikkonstata li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet li kienet teżisti għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għandha, it-tieni nett, tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern imposti mill-Kummissjoni jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità hekk kif isostni l-IFPEN.

 Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u dwar l-eżistenza u l-kalkolu tal-vantaġġ għall-IFPEN

62      L-ewwel parti tat-tieni motiv u r-raba’ motiv tar-rikors fil-Kawża T‑157/12 kif ukoll it-tieni parti tal-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tielet motiv tar-rikors fil-Kawża T‑479/11 jirrigwardaw essenzjalment l-eżistenza tal-vantaġġ li l-IFPEN allegatament kiseb mill-garanzija tal-Istat inerenti għall-istatus tiegħu ta’ EPIC u, b’mod iktar ristrett, l-istima tal-ammont ta’ dan il-vantaġġ.

63      L-argumenti tar-Repubblika Franċiża u tal-IFPEN jirrigwardaw, essenzjalment, it-turija, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-klijenti tiegħu u mal-fornituri tiegħu. Ir-Repubblika Franċiża tikkontesta madankollu wkoll ċerti osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-vantaġġ li jista’ jkun hemm fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

64      Għandu għalhekk jiġi eżaminat, l-ewwel nett, l-argumenti dwar il-vantaġġ imnissel fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri u l-klijenti tiegħu u, t-tieni nett, il-vantaġġ li jista’ jitnissel fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

 Fuq il-vantaġġ f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri u l-klijenti tiegħu

65      Fl-ewwel lok, fir-rikorsi tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN isostnu li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi, fl-istandard ta’ prova impost mill-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku reali favur l-IFPEN f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu. Huma għalhekk jiddikjaraw li, għalkemm l-analiżi tal-Kummissjoni tista’ tkun prospettiva, hija ma tistax tkun kompletament ipotetika, iżda għandha, għall-kuntrarju, tippermetti li jiġi ddefinit vantaġġ ekonomiku reali.

66      Issa, skont ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN, f’dan il-każ, it-turija tal-eżistenza tal-vantaġġ fir-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu kienet ibbażata fuq ipoteżi mhux sostnuti minn provi. Ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN jenfasizzaw b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda xhieda ta’ fornitur jew ta’ klijent u, a fortiori, ma wrietx in-natura abitwali u sistematika tal-antiċipazzjoni, mill-fornituri u mill-klijenti, tal‑impossibbiltà li EPIC jiġi suġġett għal proċedura ta’ insolvenza. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti, ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN jenfasizzaw in-natura konfuża, jekk mhux saħansitra inkomprensibbli, ta’ ċerti siltiet tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN jikkonkludu li l-Kummissjoni ma osservatx l‑obbligi tagħha fil-qasam ta’ investigazzjoni meta argumentat abbażi ta’ preżunzjoni minflok ma fittxet mingħand fornituri u klijenti tal-IFPEN eventwali provi tanġibbli tal-imġieba attribwita lilhom.

67      Fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal-appell għas-soluzzjoni tat-tilwima, ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN isostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), biex turi l-eżistenza tal-vantaġġ mislut mill-IFPEN mill-garanzija illimitata tal-Istat fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu mingħajr ma tkun, minn qabel, ivverifikat li l-aġir tal-atturi fis-suq kien jiġġustifika ipoteżi ta’ vantaġġ analogu għal dik li tinstab fir-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Skont ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN, ma hemmx tali verifika fid-deċiżjoni kkontestata.

68      Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Franċiża, l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li minnu jifforma parti s-suq affettwat mir-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu jippermetti li tiġi eskluża l-plawżibbiltà ta’ ipoteżi ta’ vantaġġ analoga għal dik li tinstab fir-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Wara dan, fl-osservazzjonijiet tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN jesponi diversi punti ta’ fatt sabiex juru li l-preżunzjoni ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri tiegħu u l-klijenti tiegħu hija, f’kull każ, ikkonfutata.

69      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN jikkontestaw il-metodu magħżul mill-Kummissjoni biex tistma l-ammont tal-vantaġġ mogħti lill-IFPEN mill-garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu. B’mod partikolari, huma jsostnu li l-fatturazzjoni u l-garanziji ta’ prestazzjoni jew ta’ sforz aqwa, li l-Kummissjoni għażlet bħala indikaturi ta’ paragun, ma humiex rilevanti sabiex issir tali stima.

70      Il-Kummissjoni ssostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal-appell għas-soluzzjoni tat-tilwima, li l-ibbażar fuq preżunzjoni kien iġġustifikat biex tintwera l-eżistenza tal-vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu u l-fornituri tiegħu. Il-Kummissjoni tosserva li, f’dak li jirrigwarda s-suq li fih jopera l-IFPEN, l-attivitajiet ekonomiċi tal-korpi ta’ riċerka jinkludu, b’mod partikolari, kuntratti ta’ riċerka u ta’ provvista ta’ servizzi lil impriżi jew ukoll, hekk kif huwa l-każ għall-IFPEN, attivitajiet ta’ trasferiment ta’ teknoloġija. Il-Kummissjoni għalhekk tenfasizza li korp ta’ riċerka jista’ jikseb strumenti, tagħmir u diversi mezzi ta’ riċerka għal-laboratorji tiegħu mingħand fornituri. F’dak li jirrigwarda l-klijenti tal-IFPEN, il-Kummissjoni tosserva li miegħu dawn kienu jikkonkludu kuntratti ta’ riċerka. Issa, skont il-Kummissjoni, is-sempliċi ċirkustanza li l-proġetti ta’ riċerka tal-IFPEN kienu kkaratterizzati minn livell għoli ta’ inċertezza u għalhekk mill-aċċettazzjoni ta’ riskju għoli għall-imsieħba kummerċjali tal-korp ta’ riċerka ma timplikax, madankollu, li dawn l-imsieħba huma indifferenti għar-riskju ta’ falliment tal-parti kontraenti l-oħra. It-terminu twil tal-kuntratti ta’ riċerka u ta’ żvilupp jenfasizza, bil-kontra ta’ dan, l-interess li jista’ jkollha, għall-klijenti tal-IFPEN, protezzjoni kontra l-falliment tal-parti kontraenti l-oħra, b’mod partikolari meta huma jimpenjaw ruħhom fit-tul f’riċerka kumplessa. Skont il-Kummissjoni, għandha ssir distinzjoni bejn ir-riskju inerenti għall-proġett u r-riskju ta’ falliment tal-parti kontraenti l-oħra. Il-garanzija li minnha jibbenefika l-IFPEN tista’ għalhekk tikkostitwixxi vantaġġ kompetittiv meta mqabbel mal-korpi l-oħra ta’ riċerka f’dak li jirrigwarda l-kuntratti fit-tul. Barra minn hekk, ċerti kuntratti ta’ riċerka u ta’ żvilupp jimplikaw servizzi kunsiderevoli ta’ wara l-bejgħ, b’tali mod li l-imsieħba kummerċjali jibqgħu ħafna iktar dipendenti fuq xulxin milli fil-kuntest tax-xiri ta’ prodott jew ta’ servizz iktar standardizzat. Raġunament simili jista’ jsir f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-fornituri tiegħu. F’dan il-każ ukoll, anki jekk parti mill-provvisti hija standardizzata, kuntratti oħra ta’ provvisti jistgħu jkunu jirrigwardaw strumenti speċjalizzati ħafna li jistgħu jiġu kkunsinnati biss wara perijodu twil. Din iċ-ċirkustanza tista’ tinċentiva lill-fornituri ta’ korp ta’ riċerka sabiex jippruvaw jipproteġu ruħhom kontra r-riskju ta’ falliment tal-parti kontraenti l-oħra. Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, il-prezz għoli ta’ tali strumenti jista’ jwassal għal ħlas bin-nifs li, dan ukoll, jesponi lill-fornitur għal riskju u jipproduċi l-istess inċentivar. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ibbażar fuq preżunzjoni sabiex tintwera l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-garanzija illimitata tal-Istat favur l-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti tiegħu u mal-fornituri tiegħu kien kompletament iġġustifikat.

71      Fl-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha l-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-argument tar-Repubblika Franċiża u tal-IFPEN li jgħid li l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tas-suq li fih jopera l-IFPEN kien iwassal sabiex l-ipoteżi li l-garanzija illimitata tal-Istat tippermetti li l-IFPEN jibbenefika, fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu, minn vantaġġ analogu għal dak li jinstab fir-relazzjonijiet ta’ EPIC mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, tiġi mċaħħda mill-plawżibbiltà. Il-Kummissjoni barra minn hekk tikkontesta li l-preżunzjoni ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri u l-klijenti tiegħu ġiet ikkonfutata f’dan il-każ.

72      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-Repubblika Franċiża u l-IFPEN, l-użu tal-fatturazzjoni u tal-garanzija ta’ prestazzjoni għall-ikkalkolar tal-vantaġġ li l-IFPEN silet mill-garanzija illimitata tal-Istat fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu huwa xieraq. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tenfasizza li l-użu tar-“raġunament f’termini ta’ spiża ta’ kopertura tar-riskju ekwivalenti” sabiex jiġi stmat il-valur tal-vantaġġ li l-IFPEN seta’ jislet mill-garanzija inkwistjoni kien iġġustifikat mid-diffikultajiet li hija kellha tegħleb meta kienet qiegħda twettaq din l-istima, diffikultajiet li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-assenza fis-suq ta’ servizz paragunabbli għal garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza kkummerċjalizzata bħala tali.

73      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE, ta’ miżura meħuda fir-rigward ta’ impriża tirrikjedi li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ esklużivament favur ċerti impriżi jew ċerti setturi ta’ attività. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, EU:C:2006:197, punti 38 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Settembru 2000, C U M vs Il‑Kummissjoni, T‑55/99, EU:T:2000:223, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, iżda wkoll l-interventi li, taħt forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment ikunu ta’ piż għall-baġit ta’ impriża u li, mingħajr ma huma sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi. Huma wkoll ikkunsidrati bħala għajnuna l-interventi kollha mill-Istat li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu li huma vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Wara dan, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, T‑68/03, EU:T:2007:253, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, skont il‑ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas‑suq, il‑Kummissjoni għandha tagħmel analiżi kompleta tal-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni kkontestata u tal-kuntest tagħha, inkluż tas‑sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 251, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il‑Kummissjoni, T‑163/05, EU:T:2010:59, punt 37).

76      F’dak li jirrigwarda l-produzzjoni tal-prova fis-settur tal-għajnuna mill‑Istat, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni għandha twettaq il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżuri inkriminati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, meta tiġi biex adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-iktar elementi kompleti u affidabbli possibbli biex tagħmel dan (ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Madankollu, hekk kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-imsemmi eżami, il-Kummissjoni tista’ tuża preżunzjoni sempliċi li tgħid li l-għoti ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur impriża li ma hijiex suġġetta għall-proċeduri ordinarji ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja u ta’ stralċ iwassal għal titjib fil-pożizzjoni finanzjarja tagħha permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li, normalment, huma ta’ piż fuq il-baġit tagħha. Għalhekk, fil-kuntest ta’ proċedura dwar għajnuna li diġà teżisti, sabiex tipprova l-vantaġġ mogħti minn tali garanzija lill-impriża benefiċjarja, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza nnifisha ta’ din il-garanzija, mingħajr ma jkollha turi l-effetti reali prodotti minnha b’effett mill-għoti tagħha (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punti 98 u 99, u s-sentenza tal-appell, punt 110).

78      F’dak li jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit f’din id‑dispożizzjoni, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola, u fid-dawl tal-elementi konkreti tat-tilwima mressqa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal‑evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep vs Il‑Kummissjoni, T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE meta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa. Madankollu, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep vs Il‑Kummissjoni, T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika li għandhom isiru fil-kuntest tal-Unjoni, dan ma jfissirx li l‑qorti tal-Unjoni għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. Fil‑fatt, skont il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll b’mod partikolari tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet mislutin minnha (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep vs Il‑Kummissjoni, T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Issa, minn naħa, hekk kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-appell, il-miżura inkwistjoni, jiġifieri t-trasformazzjoni tal-IFPEN f’EPIC, ma hijiex koperta mill-kunċett ta’ skema ta’ għajnuna, msemmi fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nruo659/1999, iżda, sa fejn din setgħet tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, din kienet tikkostitwixxi għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament Nruo659/1999. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi ġenerali ta’ din il-miżura sabiex turi li din kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (sentenza tal-appell, punti 64 sa 73 u 82).

82      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-preżunzjoni ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), esposta fil-punt 77 iktar ’il fuq, hija bbażata fuq l-ipoteżi li tgħid li, permezz tal-garanzija marbuta mal-istatus tiegħu, l-EPIK ikkonċernat jibbenefika jew jista’ jibbenefika minn kundizzjonijiet finanzjarji iktar vantaġġużi minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-imsemmija preżunzjoni għar-relazzjonijiet tal-EPIK mal-fornituri u mal-klijenti tkun iġġustifikata biss sa fejn tali kundizzjonijiet iktar vantaġġużi jkunu jinsabu wkoll fir-relazzjonijiet ma’ dawn tal-aħħar fis-swieq ikkonċernati (sentenza tal-appell, punt 150).

83      Konsegwentement, meta l-Kummissjoni tkun trid tapplika l-imsemmija preżunzjoni, hija għandha teżamina l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li minnu jifforma parti s-suq affettwat mir-relazzjonijiet inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni hija marbuta li tivverifika jekk l-aġir tal-atturi fis-suq ikkonċernat jiġġustifikax ipoteżi ta’ vantaġġ analoga għal dik li tinsab fir-relazzjonijiet tal-EPIK mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji (sentenza tal-appell, punt 151).

84      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu evalwati l-ilmenti magħmula mir-Repubblika Franċiża u mill-IFPEN.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ prova tal-vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri tiegħu

85      Għandu jiġi osservat li mill-premessi 203 u 214 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, jeżisti fenomenu ta’ tnaqqis tal-prezzijiet li jirriżulta mill-evalwazzjoni iktar favorevoli mill-partijiet kontraenti l-oħrajn tar-riskju ta’ falliment ta’ entità li huma jafu li hija protetta mir-riskju ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja minħabba l‑istatut tagħha ta’ stabbiliment pubbliku.

86      Fil-premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-metodu li hija kienet użat sabiex tevalwa l-ammont tat-tnaqqis tal-prezzijiet f’dawn it-termini:

“Biex tqis it-tnaqqis fil-prezz li jirriżulta mill-evalwazzjoni aktar favorevoli tar-riskju ta’ falliment ta’ [E]PIK mill-fornituri tiegħu, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tagħmel il-kalkoli f’termini tal-ispiża tal-kopertura għal riskju ekwivalenti. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ garanzija mil-Istat, fornitur tal-istabbiliment pubbliku [IFPEN] li jixtieq jibbenefika minn garanzija komparabbli (jiġifieri, ikopri lilu nnifsu kompletament mir-riskju ta’ falliment tal-kokuntrattur tiegħu) ikun jista’ jirrikorri għas-servizzi ta’ stabbiliment tal-kreditu jew tal-assigurazzjoni speċjalizzat. Din l-aċċettazzjoni tar-riskju ta’ falliment hija partikolarment proposta bħalissa mill-kumpaniji speċjalizzati fil-fatturazzjoni”.

87      L-osservazzjonijiet esposti fil-premessi 203 u 204 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessa 214 tal-imsemmija deċiżjoni, jenfasizzaw il-fatt li l-Kummissjoni ppostulat l-eżistenza ta’ tnaqqis tal-prezzijiet li huwa dovut għal evalwazzjoni iktar favorevoli, mill-fornituri, tar-riskju ta’ falliment tal-IFPEN, mingħajr ma vverifikat il-fondatezza ta’ din il-postulazzjoni, u li hija wara dan impenjat ruħha fl-evalwazzjoni tad-daqs ta’ dan it-tnaqqis tal-prezzijiet permezz ta’ indikatur li ma kienx ikejjel it-tnaqqis tal-prezzijiet innifsu, iżda biss il valur ta’ garanzija li hija qieset bħala paragunabbli għal dik li minnha kien jibbenefika l-IFPEN. Din il-konklużjoni hija msaħħa mill-assenza, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ kull studju dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet realment mitluba mill-fornituri tal-IFPEN qabel u matul il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni.

88      Il-Kummissjoni ġiet mistiedna, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tippreċiża jekk id-dikjarazzjoni li tgħid li l-vantaġġ li minnu kien ibbenefika l-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu kien jikkonsisti fi tnaqqis tal-prezzijiet mitluba minn dawn tal-aħħar kinitx imsejjsa fuq tali eżami u, skont il-każ, f’liema parti tad-deċiżjoni kkontestata kien twettaq dan l-eżami.

89      B’risposta għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fil-premessi 203 u 204 tad-deċiżjoni kkontestata, “[hija kienet] ippreżumiet li l-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata kienet ta’ natura li tinfluwenza l-perċezzjoni, mill-fornituri tal-IFP[EN], tar-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ [dan tal-aħħar], u dan kellu loġikament jittraduċi ruħu f’serje ta’ vantaġġi mogħtija inkambju lill-benefiċjarju tal-garanzija (u b’mod partikolari permezz ta’ tnaqqis tal-prezzijiet)”. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni indikat ukoll li “il-konklużjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku reali għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu tal-garanzija inkwistjoni, u u li jikkonsisti fi tnaqqis tal-prezzijiet mitluba minn dawn tal-aħħar, ma kinitx imsejjsa] fuq analiżi empirika u konkreta tad-determinazzjoni tal-prezzijiet mill-fornituri tal-IFP[EN] f’dan is-suq, iżda fuq preżunzjoni kkompletata minn ċerti osservazzjonijiet empiriċi” u li “fi kliem ieħor, din [kienet] dimostrazzjoni indiretta bbażata b’mod wiesa fuq elementi loġiċi”. B’konklużjoni ta’ dan, il-Kummissjoni indikat li d-dipartimenti tagħha kienu fil-proċess li jerġgħu jeżaminaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza tal-appell.

90      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, matul is-seduta, il-Kummissjoni nnifisha ddikjarat li, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri tiegħu u l-klijenti tiegħu, fid-deċiżjoni kkontestata hemm elementi li jissuġġerixxu li hija kienet irraġunat permezz ta’ preżunzjoni, l-istess bħal ċerti elementi tas-suq, iżda li fiha ma kienx hemm dimostrazzjoni f’forma xierqa kkompletata minn dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset bħala neċessarju fil-kuntest tas-sentenza tal-appell. Skont il-Kummissjoni, hija din iċ-ċirkustanza li tispjega l-konklużjoni tar-risposta tagħha għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali ċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq.

91      Għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, hekk kif ammettiet il-Kummissjoni fin-noti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u kif, wara dan, iddikjarat matul is-seduta, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix id-dimostrazzjoni li l-aġir tal-atturi fis-suq ikkonċernat kien jiġġustifika l-ipoteżi ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri tiegħu analogu għal dik li teżisti fir-relazzjonijiet bejn EPIC u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, rikjesta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-appell.

92      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet, fil-premessi 203 u 214 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-IFPEN kien ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, li jikkonsisti fit-tnaqqis tal-prezzijiet mitluba mill-fornituri tiegħu u li jirriżulta minn evalwazzjoni iktar favorevoli min-naħa ta’ dawn tal-aħħar tar-riskju ta’ falliment tiegħu.

93      Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti li permezz tagħhom ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN jikkontestaw in-natura rilevanti tal-użu tal-fatturazzjoni sabiex jiġi stmat l-ammont tal-vantaġġ mogħti lill-IFPEN mill-garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq l-istima ta’ vantaġġ li l-eżistenza tiegħu bl-ebda mod ma ġiet ipprovata.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ prova tal-vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu

94      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddefinixxiet il-vantaġġ li l-IFPEN seta’ jikseb mill-garanzija tal-Istat inerenti għall-istatus tiegħu ta’ EPIC fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti tiegħu bħala li kien l-assenza ta’ ħlas ta’ primjum li jikkorrispondi għal garanzija ta’ prestazzjoni jew, minn tal-inqas, ta’ sforz aqwa li huwa seta’ joffri lill-klijenti tiegħu.

95      Din id-definizzjoni hija bbażata fuq konstatazzjoni sostnuta biss mill-osservazzjonijiet ta’ UOP Limited, li jgħidu li, fil-qasam ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji, ix-xerrejja kienu partikolarment sensittivi għall-garanziji li l-fornituri tagħhom setgħu jipprovdulhom, f’termini ta’ kopertura ta’ responsabbiltà kuntrattwali u extrakuntrattwali (premessa 216 tad-deċiżjoni kkontestata). Filwaqt li titlaq minn din il-konstatazzjoni, u wara li eskludiet bħala mhux rilevanti l-assenza ta’ kopertura mill-garanzija inkwistjoni tar‑responsabbiltà extrakuntrattwali tal-IFPEN, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“(220)      […] b’kunsiderazzjoni għall-garanzija mogħtija mill-Istat lill-[IFPEN], il-klijenti tiegħu huma assigurati [żgurati] li dan tal‑aħħar qatt mhu ser ikun f’pożizzjoni ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, u għalhekk dejjem ser ikun f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, jew, fl-ipoteżi li ma jkunx jista’, li huma jirċievu kumpens għal dan in-nuqqas […]

(221)      Bħalma għamlet fir-raġunament [espost] fil-Punti 204 u sussegwenti f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet mal‑fornituri, il-Kummissjoni tqis li fin-nuqqas ta’ garanzija mill-Istat, klijent li jkun jixtieq jibbenefika mill-istess livell ta’ protezzjoni jkollu jirreġistra ma’ intermedjarju finanzjarju (pereżempju stabbiliment bankarju jew kumpanija tal-assigurazzjoni) għal garanzija ta’ prestazzjoni (bl-Ingliż, ‘performance bond’) biex ikun assigurat il-ħlas tal-kuntratt li jorbtu mal-[IFPEN]. L-għan ta’ tali protezzjoni huwa li jiggarantixxi kumpens finanzjarju lil dak il-klijent f’każ ta’ preġudizzju minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni (totali jew parzjali) tal-kuntratt.”

96      Fil-premessi sussegwenti tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet l-istima tal-ispiża ta’ garanzija ta’ prestazzjoni jew ta’ garanzija ta’ sforz aqwa u kkunsidrat li tali garanzija timplika rata massima ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mis-servizz kopert (premessi 223 sa 225 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ppruvat tistabbilixxi wkoll, fost l-attivitajiet ekonomiċi tal-IFPEN, servizzi li huma koperti minn “garanzija bħal din” (premessi 226 sa 235 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej:

“[…] biex iwettaq l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu, l-[IFPEN] ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ primjum li jikkorrispondi għal garanzija ta’ prestazzjoni [jew], tal‑anqas, għal sforz aqwa, li huwa seta’ joffri lill-klijenti tiegħu fuq l‑attivitajiet ta’ riċerka tiegħu, inklużi s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat fil-qasam esklużiv tagħhom. Mingħajr ma hija fil-pożizzjoni li tikkwantifika l‑ammont eżatt ta’ dan il-vantaġġ, b’kunsiderazzjoni tal‑ispeċifiċità tar‑riskju kopert, il-Kummissjoni tqis li fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jinqabżu, għal kull servizz, sena wara sena, is-somom murija fit-Tabella 5 li tidher f’dan il-punt […]”.

97      Mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati fil-punti 95 u 96 iktar ’il fuq jirriżulta li l-vantaġġ li minnu allegatament jibbenefika l-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti tiegħu jirriżulta mill-fatt li, fid-dawl tal-garanzija illimitata tal-Istat marbuta mal-istatus tiegħu ta’ EPIC, huwa joffrilhom garanzija li mhux ser ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja u, konsegwentement, li huwa ser ikun dejjem f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, jew, fl-ipoteżi li huwa ma jagħmilx dan, li jiġu kkumpensati għal dan in-nuqqas, filwaqt li, fl-assenza ta’ tali garanzija, l-imsemmija klijenti jkunu obbligati li jissottoskrivu garanzija ta’ prestazzjoni ma intermedjarju finanzjarju.

98      Hekk kif josservaw ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN, ir-raġunament applikat mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi l-vantaġġ li minnu bbenefika l‑IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti tiegħu huwa msejjes fuq l-ipoteżi li, fil‑kundizzjonijiet normali tas-suq, il-klijenti tal-istituzzjonijiet ta’ riċerka bħall-IFPEN jagħmlu użu mill-garanziji ta’ prestazzjoni jew mill-garanziji ta’ sforz aqwa sabiex jipproteġu ruħhom kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-parti kontraenti l-oħra u li, fil-preżenza ta’ garanzija bħal dik li minnha jibbenefika l-IFPEN, il-klijenti ta’ dan tal-aħħar ma għandhomx iktar għalfejn jieħdu tali garanzija ta’ prestazzjoni jew ta’ sforz aqwa.

99      Issa, bl-eċċezzjoni tal-osservazzjonijiet tal-kumpannija UOP Limited esposti fil-premessa 216 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li “[fil-]qasam tat-trasferiment ta’ teknoloġiji […] ix-xerrejja huma partikolarment sensittivi għall-garanziji li l-fornituri tas-servizzi tagħhom jistgħu jipprovdulhom, f’termini ta’ kopertura ta’ responsabbiltà kuntrattwali kif ukoll ekstrakuntrattwali”, il-Kummissjoni ma ssemmi l-ebda element tas-suq li jista’ jiġġustifika l-fondatezza tal-ipoteżi, miġburin fil-qosor fil-punt 98 iktar ’il fuq.

100    Għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tabilħaqq tinkludi argumenti dwar il-garanzija ta’ sforz aqwa u dwar il-garanzija ta’ prestazzjoni fil-premessi 221 sa 236, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li dawn kienu intiżi biss li jikkwantifikaw l-ammont tal-vantaġġ preżunt, hekk kif jirriżulta mir-riferiment għar-raġunament espost fil-premessi 204 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-vantaġġ preżunt fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri tiegħu. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li fir-risposta tagħha l-Kummissjoni indikat li l-garanzija ta’ sforz aqwa u l-garanzija ta’ prestazzjoni ma jistgħux jiġu assimilati għall-garanzija illimitata tal-Istat li minnha jibbenefika l-IFPEN, li tkopri kamp ferm iktar vast minn dak kopert minn dawn iż-żewġ garanziji u li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar ħafna li hija użat dawn it-tipi ta’ garanziji inkwantu għodda ta’ pparagunar, sabiex tikseb l-iktar approssimazzjoni ġusta possibbli tal-valur tal-vantaġġ mogħti lill-IFPEN mill-garanzija tal-Istat fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti tiegħu. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li, fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet din il-parti tar-raġunament tagħha abbażi ta’ kwantifikazzjoni possibbli tal-vantaġġ diġà rċevut, u mhux fuq il-kapaċità tal-miżura li tagħti vantaġġ.

101    Għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni użat raġunament ipotetiku. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tistax, f’dan il-każ, tiġġustifika tali raġunament billi tinvoka l-preżunzjoni ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217).

102    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tinkludix eżami minn qabel tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tas-suq inkwistjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq, li jkun jippermetti li tiġi aċċettata l-plawżibbiltà ta’ ipoteżi ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu, analoga għal dik li tinstab fir-relazzjonijiet bejn EPIC u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, fatt li barra minn hekk ġie espliċitament ammess mill-Kummissjoni matul is-seduta, hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 90 iktar ’il fuq.

103    Minn dan isegwi li, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-vantaġġ li l-IFPEN silet mill-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat mogħtija lilu mill-istatus tiegħu ta’ EPIC fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti tiegħu, il-Kummissjoni mhux biss talli naqset milli tosserva l-obbligu tagħha li tipproduċi l-prova ta’ dan il-vantaġġ skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet, fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, li, bis-saħħa tal-garanzija inkwistjoni, l-IFPEN kien ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, li jikkonsisti fl-assenza ta’ ħlas ta’ primjum li jikkorrispondi għal garanzija ta’ prestazzjoni jew, minn tal-inqas, ta’ sforz aqwa, li huwa seta’ joffri lill-klijenti tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet ta’ riċerka tiegħu, inkluż lis-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat fil-qasam esklużiv tagħhom.

104    Minn dan isegwi li ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti li permezz tagħhom ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN jikkontestaw in-natura rilevanti tal-użu tal-garanziji ta’ prestazzjoni jew tal-garanziji ta’ sforz aqwa biex jiġi stmat l-ammont tal-vantaġġ mogħti lill-IFPEN mill-garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti.

105    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ vantaġġ li l-IFPEN seta’ jikseb mill-garanzija inkwistjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova, hekk kif iddefinit mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq.

 Fuq il-vantaġġ f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji

106    Fir-rikors fil-Kawża T‑157/12, l-IFPEN kien sostna li huwa ma kien kiseb l-ebda vantaġġ mill-garanzija tal-Istat f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, fatt li ġie ammess mill-Kummissjoni nnifisha fil-premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, huwa jsostni li ma hemmx lok li din il-kwistjoni terġa’ tiġi eżaminata.

107    Fil-Kawża T‑479/11, ir-Repubblika Franċiża sostniet ukoll li fil-premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kienet ammettiet li, fil-perijodu ta’ bejn il-bidla fl-istatus tiegħu u s-sena 2010, l-IFPEN ma kienx kiseb vantaġġ ekonomiku reali mill-istatus tiegħu ta’ EPIC fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

108    Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża kienet sostniet li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet barra minn hekk qiegħdha tikkontesta, li tgħid li vantaġġ ekonomiku reali jista’ jseħħ fil-ġejjieni fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, ma kienet imsejjsa fuq l-ebda dimostrazzjoni.

109    F’dan ir-rigward ir-Repubblika Franċiża kienet ikkontestat d-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha li tgħid li kienu l-awtoritajiet Franċiżi li kellhom juru li, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, il-kundizzjonijiet ta’ self tal-IFPEN għadhom paragunabbli għal dawk li huwa kien jikseb qabel il-bdil tal-istatus tiegħu. Ir-Repubblika Franċiża kienet sostniet li ma kienx possibbli li tali prova tiġi prodotta minħabba n-natura imprevedibbli tas-sitwazzjoni ekonomika. Ir-Repubblika Franċiża kienet enfasizzat li l-Kummissjoni nnifisha kienet ammettiet li hija ma setgħetx tippreżumi l-aġiri ġejjiena tal-operaturi tas-suq.

110    Matul is-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2015, ir-Repubblika Franċiża kienet invokat l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 2010/1645 tat-28 ta’ Diċembru 2010 ta’ programmazzjoni tal-finanzi pubbliċi għas-snin 2011 sa 2014 (JORF tad-29 ta’ Diċembru 2010, p. 22868), li jipprevedi li “[m]inkejja kull dispożizzjoni li tipprevedi mod ieħor tat-testi applikabbli għalihom, korpi Franċiżi li jiffurmaw parti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ċentrali, fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità, li ma humiex l-Istat, il-Caisse d’amortissement de la dette sociale [il-Fond għat-Tnaqqis tad-Dejn tal-Kumpanniji], iċ-Caisse de la dette publique [il-Fond għad-Dejn Pubbliku] u s-Société de prises de participation de l’État [il-Kumpannija tal-Investiment tal-Istat], ma jistgħux jikkuntrattaw mingħand stabbiliment ta’ kreditu self li t-terminu tiegħu huwa ta’ iktar minn tnax‑il xahar, u lanqas ma jistgħu joħorġu titolu ta’ kreditu li t-terminu tiegħu jaqbeż dan it-terminu” u li “[d]igriet konġunt tal-Ministru għall-Ekonomija u tal-Ministru għall-Baġit għandu jistabbilixxi l-lista tal-korpi li fir-rigward tagħhom tapplika din il-projbizzjoni”. Skont ir-Repubblika Franċiża, minn din id-dispożizzjoni kien jirriżulta li l-IFPEN ma setax jikkuntratta mingħand stabbiliment ta’ kreditu self li t-terminu tiegħu kien ta’ iktar minn tnax‑il xahar, u dan kien jeskludi, f’kull każ, li fil-ġejjieni jimmaterjalizza ruħu vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Il-Kummissjoni kienet eċċepixxiet l-inammissibbiltà ta’ dan l-argument billi sostniet li l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux invokaw din id-dispożizzjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

111    Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal-appell, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà tal-argument ibbażat fuq l-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Settembru 2010 hija irrilevanti fid-dawl tan-natura oġġettiva u pubblika tal-imsemmija liġi. Mill-kumplament, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, skont il-ġurisprudenza, l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali għandu jkopri d-data kollha rilevanti prodotta mir-rikorrenti, kemm jekk din tkun preċedenti kif ukoll jekk tkun sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata, kemm jekk din tkun ġiet prodotta minn qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew, għall-ewwel darba, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tenfasizza, b’mod partikolari, li peress li matul il-proċedura amministrattiva la ġiet diskussa l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ vantaġġ u lanqas in-neċessità li din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata fil-ġejjieni, hija ma tistax tiġi kkritikata talli ma għarrfitx lill-Kummissjoni bl-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Settembru 2010.

112    Ir-Repubblika Franċiża tkompli tesponi li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Settembru 2010 ġiet riprodotta fil-Liġi 2014-1653 tad-29 ta’ Diċembru 2014, ta’ programmazzjoni tal-finanzi pubbliċi għas-snin 2014 sa 2019 (JORF tat-30 ta’ Diċembru 2014, test Nru 1), kif ukoll fil-Liġi 2018-32, tat-22 ta’ Jannar 2018, ta’ programmazzjoni tal-finanzi pubbliċi għas-snin 2018 sa 2022 (JORF tat-23 ta’ Jannar 2018, test Nru 1). Ir-Repubblika Franċiża ssemmi wkoll id-digriet tal-4 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi l-lista tad-diversi korpi ta’ amministrazzjoni ċentrali li huma pprojbiti milli jikkuntrattaw mingħand stabbiliment ta’ kreditu self li t-terminu tiegħu huwa ta’ iktar minn tnax‑il xahar jew milli joħorġu titolu ta’ kreditu li t-terminu tiegħu jaqbeż dan it-terminu (JORF Nru 230 tal-5 ta’ Ottubru 2018, test Nru 22).

113    Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal-appell, l-IFPEN issostni li l-Kummissjoni nnifisha injorat l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), inkluż għall-ġejjieni. Dan jirriżulta mill-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni kkonkludiet l-eżami tagħha tal-eventwali vantaġġ għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji billi speċifikat, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni “ma [setgħetx] tipprevedi dwar l-aġir futur tal-operaturi tas-suq, u l-anqas dwar l-iżvilupp tal-ħsieb tagħhom dwar l-impatt tal-garanzija mill-Istat fuq ir-riskju ta’ falliment min-naħa tal-istabbiliment pubbliku IFP”. Skont l-IFPEN, din il-konklużjoni dwar l-assenza ta’ użu ta’ preżunzjoni hija iktar u iktar valida peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma waslet għal ebda konklużjoni ċara dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ favurih. Għalhekk, minkejja li l-Artikolu 107 TFUE jimponi fuq il-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova, l-obbligu li tipprova vantaġġ u mhux il-possibbiltà ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni kkuntentat ruħha li tinvoka, fil-premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-imgħoddi, vantaġġ potenzjali li ma mmaterjalizzax ruħu, u, għall-ġejjieni, fil-premessa 200 ta’ din id-deċiżjoni, l-impossibbiltà li tipprevedi l-aġiri ġejjiena tal-operaturi rilevanti fis-suq.

114    F’kull każ, l-IFPEN iqis li l-preżunzjoni sempliċi ta’ vantaġġ ma hijiex ikkonfutata biss għall-imgħoddi, hekk kif turi l-analiżi tal-ispiża tas-self li huwa kkuntratta wara l-bdil tal-istatus tiegħu u sax-xahar ta’ Novembru 2018, iżda wkoll għall-ġejjieni.

115    F’dan l-aħħar rigward, l-IFPEN issostni li n-nuqqas ta’ plawżibbiltà ta’ vantaġġ futur favurih huwa kkonfermat mill-elementi kollha tal-kuntest li l-awtoritajiet Franċiżi ressqu quddiem il-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. L-IFPEN jirreferi, f’dan ir-rigward, għal tliet elementi partikolari. L-ewwel nett, l-assenza ta’ impatt tat-trasformazzjoni tiegħu f’EPIC fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u fuq il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tiegħu, konformement ma prinċipju ta’ kontinwità ġenerali, sanċit fl-Artikolu 95-VI tal-Liġi tat-13 ta’ Lulju 2005. It-tieni nett, il-ġestjoni finanzjarja eċċellenti tal-IFPEN kienet tittraduċi ruħha f’żieda kontinwa tar-riżorsi rispettivi tiegħu. It-tielet nett, l-assenza ta’ self għal iktar minn sena f’dawn l-aħħar ħames snin u l-eżistenza ta’ self wieħed ta’ ammont insinjifikattiv bi skadenza ta’ inqas minn sena, osservati fil-premessi 197 u 198 tad-deċiżjoni kkontestata.

116    Skont argument simili għal dak tar-Repubblika Franċiża, l-IFPEN issostni li n-nuqqas ta’ plawżibbiltà ta’ vantaġġ futur favur l-IFPEN huwa barra minn hekk muri mill-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Settembru 2010.

117    Barra minn hekk, skont l-IFPEN, la jista’ jiġi sostnut li huwa u r-Repubblika Franċiża kellhom diversi okkażjonijiet biex jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ dan it-test matul il l-proċedura amministrattiva, peress li dan ġie ppubblikat fid-29 ta’ Diċembru 2010, jiġifieri iktar minn xahar wara r-risposta tal-awtoritajiet Franċiżi għall-aħħar talba għal informazzjoni li kienet saritilhom fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, u lanqas li l-assenza ta’ produzzjoni ta’ dan it-test matul il-proċedura amministrattiva huwa r-riżultat tar-rieda li dan jintuża fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża.

118    Fl-aħħar nett, l-IFPEN isostni li l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2010, għalkemm inaqqas strutturalment il-possibbiltajiet tiegħu ta’ self, ma jipprekludix il-possibbiltà li self ta’ ammont għoli jagħtih vantaġġ fuq sena, huwa kkonfutat mid-data prodotta minn tliet stabbilimenti bankarji.

119    Il-Kummissjoni ssostni, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal-appell, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li hija ma kinitx obbligata turi l-effetti reali prodotti mill-garanzija fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, sa fejn kienet teżisti preżunzjoni sempliċi li tgħid li din il-garanzija kienet tikkostitwixxi vantaġġ fl-imsemmija relazzjonijiet. Skont il-Kummissjoni, mis-sentenza tal-appell jirriżulta li sabiex din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata ma huwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat li fl-imgħoddi l-garanzija ma kellha l-ebda effett reali fuq ir-relazzjoni bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, iżda għandu jintwera wkoll li, meqjus il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li minnu tifforma parti l-garanzija marbuta mal-istatus tal-EPIC ikkonċernat, dan tal-aħħar, x’aktarx, ma huwiex ser jikseb, fil-ġejjieni, xi vantaġġ ekonomiku reali minn din il-garanzija.

120    Matul is-seduta l-Kummissjoni kkontestat l-argument tal-IFPEN li jgħid li hija ma kinitx użat preżunzjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-vantaġġ relatat mar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

121    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza, l-argumenti tar-Repubblika Franċiża u tal-IFPEN intiżi li jikkonfutaw din il-preżunzjoni għall-ġejjieni għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn dawn huma msejsa fuq punti ta’ fatt sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata jew sa fejn dawn ma kinux ġew mgħarrfa lilha mir-Repubblika Franċiża u mill-IFPEN matul il-proċedura amministrattiva, minkejja li din il-proċedura kienet tat lok għal skambju voluminuż ta’ ittri fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-IFPEN.

122    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika Franċiża u tal-IFPEN, jekk jitqies li huwa ammissibbli, li jgħid li l-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2010 kien ta’ natura li jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji għall-ġejjieni.

123    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-appell, is-sempliċi fatt li l-IFPEN jibbenefika minn garanzija tal-Istat kien ta’ natura li jippermetti li l-Kummissjoni tinvoka l-preżunzjoni ta’ vantaġġ, kif stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), sa fejn din il-preżunzjoni hija bbażata fuq l-idea li, bis-saħħa tal-garanzija marbuta mal-istatus tiegħu, EPIC jibbenefika jew jista’ jibbenefika minn kundizzjonijiet finanzjarji iktar vantaġġużi minn dawk li huma normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji (sentenza tal-appell, punt 116).

124    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-IFPEN, il-Kummissjoni kienet tabilħaqq użat, f’dan il-każ, raġunament ibbażat fuq preżunzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

125    Għalhekk, għall-ewwel, wara li eżaminat id-data prodotta mir-Repubblika Franċiża fil-premessi 196 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 199 ta’ din id-deċiżjoni, li tali vantaġġ ma kienx immaterjalizza ruħu matul il-perijodu mil-bdil tal-status tal-IFPEN sas-sena 2010.

126    Sussegwentement, fil-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li l-konklużjoni li tgħid li l-garanzija tal-Istat ma kinitx tat vantaġġ lill-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji matul il-perijodu inkwistjoni kienet tgħodd biss għall-imgħoddi sa fejn hija “ma [setgħetx] tipprevedi dwar l-aġir futur tal-operaturi tas-suq, u l-anqas dwar l-iżvilupp tal-ħsieb tagħhom dwar l-impatt tal-garanzija mill-Istat fuq ir-riskju ta’ falliment tal-[IFPEN]”.

127    Dejjem fil-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li, “fil-kuntest tar-rapporti annwali li l-awtoritajiet Franċiżi jkunu obbligati li jibagħtu lill-Kummissjoni fil-ġejjieni, [ikun] jaqbel li [dawn] l-awtoritajiet […] jipprovdu informazzjoni relatata mal-livelli u l-kundizzjonijiet tad-dejn tal-[IFPEN], u jagħtu l-prova li dan is-self huwa konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, jew iżidu l-proporzjon ekwivalenti gross tal-għajnuna korrispondenti fl-istima tal-ammonti massimi tal-effetti tal-garanzija skont metodoloġija simili għal dik deskitta [fid-deċiżjoni kkontestata]”.

128    Mill-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni impliċitament, iżda neċessarjament, ippreżumiet l-eżistenza tal-vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji meta qieset li hija ma setgħetx teskludi tali vantaġġ fil-ġejjieni u billi imponiet, b’konsegwenza ta’ dan, l-obbligu fuq l-awtoritajiet Franċiżi li juru li ma huwiex ser ikun hemm dan il-vantaġġ u li, jekk ikun hemm tali vantaġġ, dan ser jibqa’ fil-limiti tal-effetti massimi awtorizzati tal-garanzija.

129    Għandu jitfakkar li, hekk kif ġie speċifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-appell, sabiex tali preżunzjoni tiġi kkonfutata, għandu jintwera li, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li minnu tifforma parti l-garanzija marbuta mal-istatus tal-EPIC ikkonċernat, fl-imgħoddi dan tal-aħħar ma kisibx u, x’aktarx, ma huwiex ser jikseb fil-ġejjieni, xi vantaġġ ekonomiku reali minn din il-garanzija (sentenza tal-appell, punt 117).

130    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li fil-premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni nnifisha kkonstatat li l-vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji ma kienx immaterjalizza ruħu matul il-perijodu mit-trasformazzjoni tal-IFPEN f’EPIC sas-sena 2010 u, għaldaqstant, ammettiet li l-preżunzjoni ta’ vantaġġ kienet ġiet ikkonfutata fir-rigward tal-imgħoddi.

131    Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk l-argumenti magħmula mir-Repubblika Franċiża u mill-IFPEN humiex ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ vantaġġ għall-ġejjieni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-appell u mfakkar fil-punt 129 iktar ’il fuq.

132    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha fil-mument meta hija adottatha (ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, C‑472/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:885, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli l-argumenti tal-IFPEN ibbażati fuq analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament mogħtija lilu mill-istabbilimenti bankarji bejn l-2011 u l-2018, kif ukoll fuq proċess imniedi mill-IFPEN mal-banek biex juri li fl-2016 huwa kien ingħata linja ta’ kreditu fuq żmien qasir b’kundizzjonijiet kummerċjali tas-suq, peress li dawn l-argumenti huma msejsa fuq informazzjoni sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-istess jgħodd għall-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li l-projbizzjoni għal ċerti korpi pubbliċi milli jikkuntrattaw mingħand stabbiliment ta’ kreditu self li t-terminu tiegħu jkun ta’ iktar minn tnax‑il xahar, stabbilit fl-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2010, ġie sistematikament riprodott fil-liġijiet ta’ programmazzjoni tal-finanzi pubbliċi sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata.

134    F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika Franċiża bbażat fuq l-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2010, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija obbligata li tmexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżuri kontenzjużi b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha, meta tadotta d-deċiżjoni finali, l-iktar elementi kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑53/16, EU:T:2018:943, punti 223 u 224 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali punti ta’ fatt jew ta’ liġi li setgħu jiġu prodotti quddiemha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx prodotti, sa fejn il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li teżamina, ex officio u billi tippreżumi, l-elementi li setgħu jiġu prodotti quddiemha (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑53/16, EU:T:2018:943, punt 223 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-Repubblika Franċiża u l-IFPEN ma għarrfux lill-Kummissjoni b’dan it-test matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li mill-fajl ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet konxja mit-test inkwistjoni meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

137    Għaldaqstant, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-argument tar-Repubblika Franċiża bbażat fuq l-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2010 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

138    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti magħmula mir-Repubblika Franċiża.

139    Għalhekk, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38), iċċitata mir-Repubblika Franċiża hija irrilevanti f’dan il-każ.

140    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet, fil-punt 72 tas-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38), li l-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, li l-istħarriġ fid-dettall tagħhom, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, għandu jiġi żgurat mill-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrenti u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha prodotti minn dawn tal-aħħar, kemm jekk dawn ikunu ġew prodotti qabel u kemm jekk wara d-deċiżjoni meħuda, kemm jekk ikunu ġew ippreżentati qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew jekk għall-ewwel darba, fil-kuntest tar-rikors imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn dawn l-elementi tal-aħħar ikunu rilevanti għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72).

141    Madankollu, mill-kliem innifsu tal-punt 72 tas-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38), espost iktar ’il fuq, jirriżulta li din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u mhux l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 107 TFUE.

142    It-tieni nett, ir-Repubblika Franċiża ma tistax issostni li hija għandha tkun awtorizzata tinvoka t-test tal-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Jannar 2010 sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ vantaġġ tal-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji quddiem il-Qorti Ġenerali biss għar-raġuni li hija ma setgħetx tinvokaha fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għaliex f’dak l-istadju ma kien hemm l-ebda diskussjoni dwar l-imsemmija preżunzjoni.

143    Għandu fil-fatt jiġi osservat li, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni kienet indikat li, minkejja l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Franċiżi, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-garanzija tal-Istat li minnha kien jibbenefika l-IFPEN minħabba l-istatus tiegħu ta’ EPIC, hija ma setgħetx teskludi l-fatt li l-IFPEN jibbenefika minn vantaġġ ekonomiku marbut mal-possibbiltà li l-Istat jaġixxi fl-aħħar lok. Il-Kummissjoni speċifikat ukoll li dan il-vantaġġ kien jirriżulta minn evalwazzjoni iktar favorevoli min-naħa tal-kredituri tar-riskju tar-rimbors tal-krediti, bis-saħħa tal-preżenza tal-garanzija illimitata tal-Istat u li dan jista’ jittraduċi ruħu f’kundizzjonijiet aħjar ta’ kreditu. Minn dan isegwi li hija r-Repubblika Franċiża, li pparteċipat fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li għandha tipproduċi l-informazzjoni li hija kienet tqis li kienet ta’ natura li tikkonfuta l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-imsemmija proċedura, fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, inkluż, skont il-każ, it-test tal-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2010.

144    F’kull każ, anki jekk jitqies li r-Repubblika Franċiża tista’ tinvoka t-test tal-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2010 fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li dan ma kienx, fih innifsu, ta’ natura li jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji fid-data li fiha l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

145    Fil-fatt, l-Artikolu 12(1) tal-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2010 kien jipprovdi li, “[m]inkejja kull dispożizzjoni li tipprevedi mod ieħor tat-testi applikabbli għalihom, korpi Franċiżi li jiffurmaw parti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ċentrali, fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità, li ma humiex l-Istat, iċ-Caisse d’amortissement de la dette sociale [il-Fond għat-Tnaqqis tad-Dejn tal-Kumpanniji], iċ-Caisse de la dette publique [il-Fond għad-Dejn Pubbliku] u s-Société de prises de participation de l’État [il-Kumpannija tal-Investiment tal-Istat], ma jistgħux jikkuntrattaw mingħand stabbiliment ta’ kreditu self li t-terminu tiegħu huwa ta’ iktar minn tnax-il xahar, u lanqas ma jistgħu joħorġu titolu ta’ kreditu li t-terminu tiegħu jaqbeż dan it-terminu” u li “[d]igriet konġunt tal-Ministru għall-Ekonomija u tal-Ministru għall-Baġit [kien] jistabbilixxi l-lista tal-korpi li fir-rigward tagħhom [kienet] tapplika din il-projbizzjoni”.

146    Għalhekk, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li sostniet ir-Repubblika Franċiża matul is-seduta, is-sempliċi riferiment għall-kategorija tal-amministrazzjonijiet pubbliċi ċentrali fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU 1996, L 310, p. 1), ma setgħax jippermetti li jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni kienet applikabbli għall-IFPEN, sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni kienet, min-naħa tagħha, tipprevedi li l-lista tal-korpi li fir-rigward tagħhom hija kellha tkun applikabbli kellha tiġi stabbilita b’digriet ministerjali.

147    Barra minn hekk għandu jiġi enfasizzat li, b’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Franċiża speċifikat li l-IFPEN kien inkluż fil-lista tal-korpi Franċiżi li jiffurmaw parti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ċentrali kkonċernati mill-Artikolu 12 tal-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2010 annessa mad-digriet tat-28 ta’ Settembru 2011 li jistabbilixxi l-lista tal-imsemmija korpi li huma pprojbiti milli jikkuntrattaw mingħand stabbiliment ta’ kreditu self li t-terminu tiegħu huwa ta’ iktar minn tnax‑il xahar jew milli joħorġu titolu ta’ kreditu li t-terminu tiegħu jaqbeż dan it-terminu (JORF Nru 232, tas-6 ta’ Ottubru 2011, p. 16907).

148    F’dak li jirrigwarda l-argument tal-IFPEN li jgħid li l-elementi tal-kuntest prodotti mill-awtoritajiet Franċiżi quddiem il-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, imfakkar fil-punt 115 iktar ’il fuq, kienu suffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet bejnu u bejn l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji fil-ġejjieni, għandu jiġi osservat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li dawn l-elementi, li jirrigwardaw l-imgħoddi, kienu suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-eżistenza tal-vantaġġ ġejjieni, sa fejn l-istatuti tal-IFPEN kienu jinkludu dispożizzjoni li tipprevedi l-possibbiltà li dan tal-aħħar jikkuntratta self mingħajr limitu ta’ terminu jew ta’ ammont.

149    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Franċiża u l-IFPEN ma rnexxielhomx jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji għall-ġejjieni.

150    Għalhekk, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta qieset li l-garanzija tal-Istat li minnha jibbenefika l-IFPEN minħabba l-istatus tiegħu ta’ EPIC jagħti lil dan tal-aħħar vantaġġ ekonomiku.

151    Għaldaqstant, minkejja l-konstatazzjoni, fil-punt 105 iktar ’il fuq, li tgħid li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ l-IFPEN seta’ jikseb mill-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-motivi bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u relatati mal-eżistenza u mal-kalkolu tal-vantaġġ favur l-IFPEN.

 Fuq il-motivi, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, u relatati mat-trasferiment tal-vantaġġ lis-sussidjarji tal-IFPEN, Axens u Prosernat

152    L-argumenti relatati mat-trasferiment tal-vantaġġ li minnu allegatament ibbenefika l-IFPEN minħabba l-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti għall-istatus tiegħu ta’ EPIC lis-sussidjarji tiegħu irregolati mid-dritt privat, Axens u Prosernat, isiru fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikors fil-Kawża T‑157/12 u f’dak tat-tieni parti tat-tielet motiv tar-rikors fil-Kawża T‑479/11.

153    L-IFPEN u r-Repubblika Franċiża jsostnu li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement skont id-dritt it-trasferiment tal-vantaġġ ekonomiku li minnu allegatament ibbenefika l-IFPEN minħabba l-garanzija tal-Istat inkwistjoni lejn is-sussidjarji tiegħu rregolati mid-dritt privat Axens u Prosernat.

154    L-IFPEN josserva, f’dan ir-rigward, il-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk huwa jsostni li, sa fejn il-Kummissjoni hija obbligata li teżamina, f’kull waħda mid-deċiżjonijiet tagħha, il-fatti speċifiċi tal-każ, il-proċess tagħha li kien jikkonsisti f’li tibbaża r-raġunament żviluppat fid-deċiżjoni kkontestata fuq analoġija mar-raġunament applikat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 5412 final tal-21 ta’ Diċembru 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat N 531/2005, Franza – Rigward il-miżuri marbuta mal-ħolqien u mal-ħidma tal-Banque postale (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Banque postale”), ma huwiex xieraq u huwa infondat. F’dan ir-rigward, huwa josserva li din id-deċiżjoni kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura partikolari tal-funzjonament tal-Grupp La Poste, li hija differenti minn dik tal-grupp IFPEN, u li n-natura speċifika tal-attivitajiet tal-IFPEN u tas-sussidjarji tiegħu bl-ebda mod ma hija paragunabbli mal-attivitajiet postali. Barra minn hekk, l-IFPEN isostni li mill-premessa 246 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, peress li l-Kummissjoni ma sabitx traċċi ta’ trasferiment tal-vantaġġ fil-kontabbiltà tiegħu, hija bbażat it-turija ta’ dan it-trasferiment biss fuq il-preżunzjoni li l-vantaġġ ġie ttrasferit permezz tan-nuqqas ta’ tariffikazzjoni, lis-sussidjarji, tal-ispejjeż marbuta mal-kopertura mill-garanzija tal-Istat għas-servizzi mwettqa f’isem l-IFPEN.

155    Ir-Repubblika Franċiża ssostni, minn naħa, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ interpretazzjoni tad-deċiżjoni Banque postale u, min-naħa l-oħra, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-provvisti ta’ servizzi u s-servizzi ta’ riċerka pprovduti mill-IFPEN kienu jiġu ffatturati abbażi tal-ispejjeż sostnuti mill-IFPEN miżjuda b’marġini u għalhekk li r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-IFPEN u s-sussidjarji tiegħu kienu jiġu konklużi f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Ir-Repubblika Franċiża ssostni wkoll li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u ta’ fatt meta qieset li r-raġunament li hija kienet segwiet fid-Deċiżjoni 2009/157/KE seta’ jiġi traspost għar-relazzjonijiet kollha bejn l-IFPEN u s-sussidjarji tiegħu filwaqt li hija messha llimitat ruħha biss għar-relazzjonijiet stabbiliti fil-kuntest tal-ftehimiet esklużivi nnegozjati bejn l-IFPEN u s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat.

156    Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, mid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kwistjoni tat-trasferiment tal-vantaġġ lis-sussidjarji hija inseparabbli mill-bqija tal-imsemmija deċiżjoni.

157    Il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni tat-trasferiment tal-vantaġġ hija sussidjarja għall-finijiet tat-turija tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat favur l-IFPEN li tirriżulta mill-istatus ta’ EPIC u tista’ tkun intiża biss għal annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dik il-parti li tirrigwarda t-trasferiment tal-għajnuna lis-sussidjarji. Skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni tal-eventwali trasferiment tal-vantaġġ lis-sussidjarji tal-IFPEN hija separabbli mill-kwistjoni minn qabel tal-eżistenza tal-vantaġġ favur l-IFPEN.

158    Il-Kummissjoni tikkontesta, barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika Franċiża u tal-IFPEN u titlob li dawn il-motivi jiġu miċħuda.

159    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwarda l-kopertura mill-garanzija tal-Istat tal-attivitajiet ta’ trasferimenti teknoloġiċi mwettqa mill-IFPEN fl-oqsma stabbiliti mill-ftehimiet esklużivi konklużi ma Axens u Prosernat.

160    Għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 249 u 250 tad-deċiżjoni kkontestata, il-vantaġġ ekonomiku fl-oqsma ta’ attività esklużivi tas-sussidjarji Axens u Prosernat, mislut mill-kopertura mill-garanzija tal-Istat mogħtija lill-IFPEN, huwa vantaġġ selettiva sa fejn dan jippermetti li s-sussidjarji jibbenefikaw minn aċċess għat-teknoloġija u għall-mezzi umani u materjali tal-IFPEN f’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk tal-kompetituri tagħhom.

161    Minn dan isegwi li t-turija tat-trasferiment tal-vantaġġ favur l-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat hija neċessarja sabiex il-miżura msemmija fl-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat abbażi tal-Artikolu 107(1) TFUE.

162    Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-kopertura mill-garanzija tal-Istat tas-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali u ta’ servizzi mwettqa mill-IFPEN kemm għan-nom ta’ terzi kif ukoll għan-nom tas-sussidjarji.

163    Għandu jiġi osservat li, per definizzjoni, il-kwalifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna mill-Istat ma timplikax it-turija tat-trasferiment tal-vantaġġ favur l-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali u s-servizzi mwettqa mill-IFPEN għan-nom ta’ terzi, kif ukoll għan-nom tas-sussidjarji tiegħu lil hinn mill-oqsma stabbiliti mill-ftehimiet esklużivi.

164    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li t-turija tat-trasferiment tal-vantaġġ tal-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat hija determinanti sabiex il-kopertura mill-garanzija tal-Istat tas-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali u tal-provvisti ta’ servizzi mwettqa mill-IFPEN għan-nom tal-imsemmija sussidjarji fl-oqsma stabbiliti mill-ftehimiet esklużivi konklużi ma dawn tal-aħħar tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, huwa tabilħaqq is-sussidjarji tal-IFPEN, Axens u Prosernat, li huma l-benefiċjarji tal-għajnuna peress li, minħabba l-ftehimiet ta’ esklużività, l-imsemmija servizzi setgħu jiġu pprovduti mill-IFPEN biss f’isimhom.

165    Minn dan isegwi li, hekk kif isostni essenzjalment il-Kummissjoni, il-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ turija tat-trasferiment tal-vantaġġ għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv sa fejn dan huwa intiż li jikkontesta l-kwalifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-miżura msemmija fl-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din tikkonċerna l-kopertura mill-garanzija tal-Istat tas-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali u ta’ servizzi mwettqa mill-IFPEN kemm għan-nom ta’ terzi kif ukoll għan-nom tas-sussidjarji lil hinn mill-kamp tal-ftehimiet ta’ esklużività.

166    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminat l-ilmenti mqajma mir-Repubblika Franċiża u mill-IFPEN.

167    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-ilment tal-IFPEN li jgħid li l-Kummissjoni kienet, żbaljatament, ibbażat t-turija tagħha tat-trasferiment tal-vantaġġ favur l-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat fuq analoġija mhux xierqa mar-raġunament applikat fid-deċiżjoni Banque postale u, għaldaqstant, naqset milli tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, għandu jiġi osservat li dan huwa msejjes fuq premessa żbaljata.

168    Għalhekk, fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li, “b’kunsiderazzjoni tan-nuqqas, fil-liġi Franċiża, tar-responsabbiltà ġenerali tal-azzjonist minħabba s-sussidjarji tiegħu fil-gruppi ta’ kumpaniji, [ma kienx hemm] għalfejn jitqies li l-[IFPEN], u għalhekk l-Istat Franċiż, jistgħu jkunu responsabbli għar-rimborż tad-djun dovuti lil partijiet terzi fuq l-attivitajiet ekonomiċi ta’ Axens u Prosernat, partikolarment fl-ipoteżi li dawn tal-aħħar jitpoġġew f’likwidazzjoni ġudizzjarja”.

169    Il-Kummissjoni għalhekk eskludiet li Axens u Prosernat jistgħu jibbenefikaw mit-trasferiment dirett tal-vantaġġ li minnu kien preċedentement ibbenefika l-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-kredituri tiegħu.

170    Il-Kummissjoni madankollu qieset, fil-premessi 241 sa 247 tad-deċiżjoni kkontestata, li Axens u Prosernat kienu bbenefikaw minn trasferiment indirett tal-vantaġġ inkwistjoni, skont ir-raġunament li ġej:

“(241)      Madankollu ta’ min jinnota li fid-Deċiżjoni [Banque postale] imsemmija qabel […] anke jekk din qieset li La Banque Postale bħala kumpanija b’responsabbiltà limitata, baqgħet soġġetta għal-liġi komuni fil-qasam ta’ ristrutturar u ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja u għalhekk ma kinitx tibbenefika hi nnifisha minn garanzija bla limitu mill-Istat, il-Kummissjoni xorta waħda ttrattat il-kwistjoni ta’ trasferiment possibbli lis-sussidjarja tal-effetti tal-garanzija pubblika mogħtija lill-azzjonist uniku tagħha.

(242)      B’mod aktar preċiż, il-Kummissjoni qieset li l-istruttura tal-funzjonament tal-grupp kienet twassal għal trasferibbiltà bejn l-azzjonist (La Poste) u s-sussidjarja (La Banque Postale), minħabba l-effett kombinat ta’ i) l-użu mis-sussidjarja tal-mezzi umani u materjali li jitpoġġew għad-dispożizzjoni mill-kumpanija possedenti [omm] u ii) ir-remunerazzjoni ta’ dawn il-mezzi fuq il-bażi tal-ispejjeż appoġġjati mill-kumpanija possedenti, b’tali mod li f’każ ta’ vantaġġ ekonomiku li jista’ jnaqqas l-ispejjeż ta’ La Poste, ir-remunerazzjoni mħallsa minn La Banque Postale lilll-kumpanija possedenti tagħha kienet tiġi mnaqqsa bl-ammont xieraq, li jwassal għal trasferiment (tal-anqas parzjali) ta’ dan il-vantaġġ ekonomiku lis-sussidjarja.

(243)      Bl-istess mod, fid-Deċiżjoni C 51/2005 imsemmija qabel, il-Kummissjoni qieset li kien jeżisti ċertu ammont ta’ fluwidità, partikolarment fl-għażliet ta’ rati ta’ ħlas li l-[IFPEN] jopera għas-servizzi mogħtija lil Axens u Prosernat fil-qasam esklussiv tagħhom, b’tali mod li r-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-grupp ma jsegwux loġika tas-suq, imma għall-kuntrarju joffru l-possibbiltà ta’ sussidju inkroċjat tal-attivitajiet ekonomiċi tas-sussidjarji permezz tal-fondi pubbliċi li jkunu għad-dispożizzjoni tal-kumpanija possedenti [omm]. […]

(244)      Fil-każ imsemmi qabel dwar La Banque Postale, il-Kummissjoni qieset li huwa neċessarju li l-awtoritajiet Franċiżi jinvolvu ruħhom sabiex jippermettu li jitwaqqaf mekkaniżmu li jinnewtralizza, fil-livell tas-sussidjarja, il-vantaġġi li jista’ jkollu l-kap [fi ħdan il-] tal-kumpanija possedenti [omm]. […].

(245)      F’dan il-każ, l-awtoritajiet Franċiżi impenjaw ruħhom, fil-kundizzjonijiet ta’ self tas-sussidjarji tal-[IFPEN] (Axens, Beicip-Franlab, Prosernat), li jsemmu bil-miktub fil-kuntratt ta’ finanzjament (għal kull strument kopert minn kuntratt), ma’ kull operazzjoni, li “skont il-liġi Franċiża (partikolarment il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni leġiżlattiva speċifika għal kull garanzija), din l-operazzjoni ta’ finanzjament mhi se tibbenefika mill-ebda garanzija ta’ kwalunkwe natura, la diretta u l-anqas indiretta min-naħa tal-Istat”.

(246)      F’dak li jikkonċerna l-użu mis-sussidjarji tal-mezzi umani u materjali li jingħataw mill-kumpanija possedenti [omm] tagħhom, kif innutat il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C 51/2005 imsemmija qabel, “[jekk] ikun hemm sussidju ta’ attivitajiet ekonomiċi, dan jirriżulta mil-livell tar-remunerazzjonijiet imħallsin mis-sussidjarji kkonċernati lill-kumpanija possedenti u jiġi rifless fil-kontijiet ta’ IFP” […]. Issa, fl-eżaminazzjoni tal-kontijiet [tal-IFPEN], l-uniku elementi ta’ spiża li għadhom ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni, għas-sena 2006 fid-Deċiżjoni C 51/2005 tagħha msemmija qabel, u għas-snin sussegwenti fir-rapporti annwali mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi, huma dawk relatati mal-kopertura, skont il-garanzija bla limitu, tas-servizzi mogħtija mill-[IFPEN] lis-sussidjarji tiegħu. Il-primjum korrispondenti għal garanzija ta’ prestazzjoni, jew tal-anqas ta’ sforz aqwa, billi ma tħallasx lill-Istat, l-anqas ma seta’ jitniżżel bħala ħlas għas-servizzi mogħtija lis-sussidjarji.

(247)      B’konsegwenza, hemm lok li jitqies li l-vantaġġ ekonomiku li joriġina fil-kap [fi ħdan] tal-istabbiliment pubbliku minħabba l-garanzija statutorja tiegħu għalhekk ġie trasferit lis-sussidjarji tiegħu rregolati bil-liġi privata Axens u Prosernat.”

171    Barra minn hekk, fil-premessa 269 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li “[i]r-rata tal-ħlas tas-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali tal-[IFPEN] hija stabbilita fuq il-bażi tal-prezz tagħhom komplut, li għalih tiġi applikata marġini, li r-rata tiegħu tvarja skont ir-riżultat tan-negozjar mal-klijent […]” u li “ [m]inkejja dan, l-uniku element ta’ nefqa li jidher li ma ġiex ikkunsidrat mill-[IFPEN] jikkorrispondi preċiżament għall-primjum ta’ kopertura tal-garanzija ta’ prestazzjoni (jew ta’ sforz aqwa) tal-[IFPEN]”.

172    Mill-premessi ċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li t-turija tat-trasferiment tal-vantaġġ favur l-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat hija msejsa fuq il-konstatazzjoni ta’ sotto tariffikazzjoni tas-servizzi tal-IFPEN lill-imsemmija sussidjarji, li tirriżulta, minn naħa, mid-Deċiżjoni 2009/157, li fiha l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ fluwidità, b’mod partikolari fl-oqsma esklużivi ta’ Axens u ta’ Prosernat li tippermetti sussidji inkroċjati, fir-rigward tas-sena 2006 u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li r-rapporti annwali pprovduti mill-awtoritajiet Franċiżi għas-snin 2007 sa 2009, sabiex jintwera li t-tariffikazzjoni tas-servizzi pprovduti mill-IFPEN għan-nom tas-sussidjarji tiegħu kienet konformi mal-prezz tas-suq, ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-IFPEN ma kienx jiffattura lis-sussidjarji tiegħu, inkwantu klijenti, il-kopertura tal-imsemmija servizzi mill-garanzija tal-Istat li minnha huwa jibbenefika minħabba l-istatus tiegħu ta’ EPIC.

173    Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-IFPEN, il-Kummissjoni ma bbażatx it-turija tat-trasferiment tal-vantaġġ favur l-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat fuq sempliċi analoġija mar-raġunament applikat fid-deċiżjoni Banque postale, iżda ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi għar-relazzjonijiet interni tal-grupp IFPEN.

174    Għal din ir-raġuni, anki l-ilment tar-Repubblika Franċiża li jgħid li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat id-deċiżjoni Banque postale għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

175    It-tieni nett, fid-dawl tal-konstatazzjoni li tinstab fil-punt 172 iktar ’il fuq fir-rigward tar-raġunament li fuqu l-Kummissjoni bbażat ruħha biex turi t-trasferiment tal-vantaġġ favur l-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat, anki l-argument tal-IFPEN li jgħid li l-Kummissjoni bbażat l-imsemmija turija biss fuq il-preżunzjoni ta’ trasferiment tal-vantaġġ permezz tan-nuqqas ta’ tariffikazzjoni tal-ispejjeż tal-kopertura mill-garanzija tal-Istat tas-servizzi pprovduti mill-IFPEN għan-nom tas-sussidjarji tiegħu għandu jiġi miċħud bħala infondat.

176    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li, essenzjalment, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq id-Deċiżjoni 2009/157 sabiex turi t-trasferiment tal-vantaġġ favur l-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu fil-kuntest tas-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali u tal-provvisti ta’ servizzi mogħtija mill-IFPEN għan-nom tal-imsemmija sussidjarji lil hinn mill-oqsma ta’ esklużività ta’ dawn tal-aħħar, għandu jitqies li, peress li dan ma jirrigwardax it-trasferiment tal-vantaġġ fl-oqsma koperti mill-ftehimiet ta’ esklużività, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv għar-raġunijiet esposti fil-punt 165 iktar ’il fuq.

177    Ir-raba’ nett, ir-Repubblika Franċiża tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-provvisti ta’ servizzi u s-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali huma ffatturati mill-IFPEN lis-sussidjarji tiegħu skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

178    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza fir-rigward tat-turija tat-trasferiment tal-vantaġġ favur l-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat lil hinn mill-kamp tal-attivitajiet esklużivi ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk, hekk kif tosserva l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, mill-premessa 269 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm id-deskrizzjoni tal-metodu ta’ stabbiliment tal-prezzijiet tal-IFPEN ipprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi kienet turi li t-tariffikazzjoni tas-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali tal-IFPEN, lil hinn mill-kamp tar-relazzjonijiet esklużivi tiegħu mas-sussidjarji tiegħu, kienet stabbilita abbażi tal-prezz tagħhom komplut li miegħu kienet tiġi applikata marġni, madankollu din ma kinitx issemmi l-primjum ta’ riskju mħallas lill-Istat b’kontroparti għall-garanzija illimitata tiegħu.

179    Min-naħa l-oħra, hekk kif issostni wkoll il-Kummissjoni, mill-premessa 246 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni bbażat ruħha, f’dak li jirrigwarda t-turija tat-trasferiment tal-vantaġġ favur l-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat, fil-qasam ta’ attività esklużiva ta’ dawn tal-aħħar, fuq id-Deċiżjoni 2009/157, li mill-premessi 146 u 147 tagħha jirriżulta li r-remunerazzjonijiet imħallsa minn Axens u minn Prosernat lill-IFPEN għas-servizzi pprovduti fl-oqsma ta’ esklużività tagħhom kienu inferjuri għall-prezz tagħhom u kienu jinvolvu trasferiment ta’ għajnuna mill-Istat. Issa, għandu jiġi osservat li r-Repubblika Franċiża ma kkontestatx id-Deċiżjoni 2009/157 u lanqas ma kkontestat il-konklużjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar ir-remunerazzjonijiet imħallsa minn Axens u minn Prosernat lill-IFPEN għas-servizzi pprovduti fl-oqsma ta’ esklużività tagħhom fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

180    Għaldaqstant, l-ilment tar-Repubblika Franċiża bbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-fatt li l-provvisti ta’ servizzi u s-servizzi ta’ riċerka kuntrattwali huma ffatturatti mill-IFPEN lis-sussidjarji tiegħu bil-prezz tas-suq, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

181    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li l-motivi bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, u relatati mat-trasferiment tal-vantaġġ favur l-IFPEN lejn is-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, u relatat mal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat

182    Permezz ta’ argument żviluppat fit-tielet parti tat-tieni motiv tar-rikors fil-Kawża T‑157/12, l-IFPEN isostni, għall-kompletezza, li ma teżistix rabta suffiċjenti bejn il-vantaġġ li minnu huwa allegatament ibbenefika u t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat provenjenti mill-garanzija illimitata. Kemm jekk fir-rigward tar-relazzjoni mal-fornituri tiegħu jew ta’ dik mal-klijenti tiegħu, ir-rabta bejn allegat tnaqqis tal-prezzijiet jew l-allegat użu tal-garanzija ta’ prestazzjoni, minn naħa, u t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, min-naħa l-oħra, hija oġġettivament artifiċjali u kompletament mibnija fuq argumenti ipotetiċi li ma huma msejsa fuq ebda data oġġettiva.

183    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-argumenti tal-IFPEN ġew ippreżentati fil-parti tar-rikors tiegħu li tirrigwarda l-eżistenza tal-vantaġġ, dawn jirreferu għal kundizzjoni oħra tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jiġifieri l-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

184    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-argumenti jikkonċernaw biss ir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri tiegħu u l-klijenti tiegħu.

185    Minn dan isegwi li, peress li fil-punt 105 iktar ’il fuq il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur l-IFPEN kienet tat, jew setgħet tagħti, vantaġġ esklużivament favur l-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri tiegħu u mal-klijenti tiegħu, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

186    L-argumenti dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jitressqu mill-IFPEN fil-kuntest tal-ħames motiv tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑157/12.

187    Dawn l-argumenti jitressqu f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, l-IFPEN isostni, essenzjalment li, sa fejn il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipproduċi prova oġġettiva tal-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur l-EPIC u, għaldaqstant, ibbażat ir-raġunament tagħha fuq serje ta’ ipoteżi mhux ivverifikati, ir-rekwiżit li l-ħolqien ta’ EPIC jiġi sistematikament suġġett għal obbligu ta’ notifika minn qabel u, sussegwentement, għal serje ta’ rapporti amministrattivi fir-rigward tal-kompatibbiltà, huwa sproporzjonat. Il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa iktar u iktar evidenti meta, minn naħa, il-prinċipji applikabbli għall-EPIC huma preċedenti għat-Trattat ta’ Ruma u l-Gvern Franċiż sostna argument ġuridiku solidu sabiex juri n-natura żbaljata tat-teżi tal-Kummissjoni u meta, min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż kien ipprovda rimedju suffiċjenti biex ixejjen id-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ garanzija favur l-EPIC, billi ppropona li jemenda d-digriet ta’ implimentazzjoni tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 1980.

188    Permezz tat-tieni parti, l-IFPEN isostni li d-deċiżjoni kkontestata timponi fuq l-awtoritajiet Franċiżi u, b’konsegwenza ta’ dan, fuqu, l-osservanza ta’ ċertu numru ta’ obbligi li huma manifestament sproporzjonati kemm meta mqabbla mal-għan imfittex kif ukoll meta mqabbla mal-parametru ridott ħafna, fil-każ tiegħu, tal-effetti tal-istatus ta’ EPIC.

189    Għalhekk, fl-ewwel lok, l-IFPEN josserva li d-deċiżjoni kkontestata timponi fuq l-awtoritajiet Franċiżi, u għaldaqstant fuqu, l-obbligu li kull sena jiġi prodott, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010 u sa tmiem il-ftehimiet esklużivi, rapport finanzjarju annwali li jinkludi l-elementi elenkati fl-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni. Issa, minn naħa, skont l-IFPEN, l-eżerċizzju mitlub mill-Kummissjoni li fir-rapport annwali tiġi inkluża evalwazzjoni tal-effett ta’ żieda tal-allegata garanzija illimitata li jirriżulta mill-evalwazzjoni iktar favorevoli tar-riskju ta’ falliment tal-IFPEN mill-fornituri u mill-assenza ta’ ħlas ta’ primjum ta’ allegata garanzija ta’ prestazzjoni twassal għal tberbiq tar-riżorsi rispettivi tiegħu, filwaqt li tali eżerċizzju huwa totalment artifiċjali u ma jikkorrispondi għal ebda realtà ekonomika. Il-fatt li tali “żieda” ma teżistix fil-kontijiet tal-IFPEN u li l-Kummissjoni ma hijiex kapaċi, wara diversi snin, ssib rati ta’ paragun aċċettabbli jikkonferma n-natura eċċessivament artifiċjali, jekk mhux saħansitra fantasjuża, ta’ kull proposta ta’ “żieda”. Min-naħa l-oħra, l-IFPEN josserva li, bejn id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u d-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw, konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2009/157, it-tiġdid tal-ftehimiet ta’ riċerka industrijali bejnu u bejn is-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat fl-oqsma ta’ attività esklużivi ta’ dawn tal-aħħar. Skont l-IFPEN, id-deċiżjoni kkontestata tissuġġetta espliċitament l-eżami pożittiv tal-kompatibbiltà tat-tiġdid tal-imsemmija ftehimiet għall-kundizzjoni tal-osservanza tal-integralità tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, bħala prinċipju, id-deċiżjoni kkontestata timponi fuq l-awtoritajiet Franċiżi l-obbligu li jipproduċu rapport annwali sa tmiem il-ftehimiet esklużivi, jiġifieri għal terminu ta’ għaxar snin, li huwa manifestament sproporzjonat fid-dawl tal-għan ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat li dwar l-eżistenza tagħha jista’ leġittimament ikun hemm dubji.

190    Fit-tieni lok, l-IFPEN jikkritika lill-Kummissjoni talli imponiet fuq l-awtoritajiet Franċiżi l-obbligu li fil-kuntratti tal-IFPEN jiżdiedu l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 9 tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkostitwixxi miżura estremament vinkolanti u ħafna inqas iġġustifikata peress li l-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti għajnuna mill-Istat abbażi ta’ serje ta’ ipoteżi mhux ikkonfermati u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

191    F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, għandu jiġi osservat li din hija msejsa fuq il-premessa li l-Kummissjoni ma wrietx li l-istatus ta’ EPIC jagħti lill-IFPEN il-benefiċċju ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat.

192    Madankollu, minn naħa, għandu jitfakkar li fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ tali garanzija li ma tirriżulta b’mod espress mill-ebda test leġiżlattiv jew kuntrattwali, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq il-metodu ta’ sensiela ta’ indizji serji, preċiżi u konkordanti, sabiex tivverifika jekk kienx hemm, fid-dritt nazzjonali, obbligu veru u proprju għall-Istat li jimpenja r-riżorsi rispettivi tiegħu sabiex ikopri t-telf ta’ EPIC li sejra ħażin u għalhekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita, riskju ekonomiku biżżejjed konkret ta’ spejjeż fuq il-baġit tal-Istat (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 65).

193    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar ukoll li, meta ġie mistoqsi mill-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), għall din il-kawża, l-IFPEN speċifika, fl-ittra tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2014, li kien iqis li l-kunsiderazzjoni esposta fil-punt 192 iktar ’il fuq kienet applikabbli f’dan il-każ u li huwa qiegħed jirrinunzja, konsegwentement, għall-ewwel motiv tiegħu, ibbażat fuq żball ta’ liġi, li jgħid li l-Kummissjoni qabżet il-limiti permessi lilha sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

194    Minn dan isegwi li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, sa fejn ma ġietx irtirata mill-IFPEN, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

195    F’dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ dan il-motiv, l-IFPEN issostni li l-obbligi imposti fuq ir-Repubblika Franċiża u, indirettament, fuqu, permezz tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 9(1) sa (3) tad-deċiżjoni kkontestata huma sproporzjonati.

196    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u li l-iżvantaġġi li tista’ ġġib magħha ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li jkunu jridu jintlaħqu (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins, C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 45).

197    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li mill-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-miżura msemmija fl-Artikolu 1(4) ta’ din l-istess deċiżjoni tikkostitwixxi, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010 u sa tmiem il-ftehimiet esklużivi bejn l-IFPEN u s-sussidjarji tiegħu Axens u Prosernat, għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern bla ħsara għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmija deċiżjoni.

198    Skont l-Artikolu 5(1) tad-deċiżjoni kkontestata, “[i]r-rapport finanzjarju annwali msemmi fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni C 51/2005 għandu jinkludi, minbarra l-elementi diġà msemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-Deċiżjoni, l-elementi elenkati fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.”

199    L-Artikolu 5(2) tad-deċiżjoni kkontestata jistipula li “[i]r-rapport finanzjarju annwali għandu jinkludi l-ammont, ir-rata tal-interess u l-kundizzjonijiet kuntrattwali tas-self irreġistrat mill-[IFPEN] matul il-perjodu annwali kkunsidrat, kif ukoll stima tal-ammont gross ekwivalenti għal sussidju taż-żieda possibbli fl-interessi marbuta mal-garanzija mill-Istat, ħlief biex tingħata l-prova li dawn il-kuntratti ta’ self huma konformi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq, kemm billi jitqabblu l-kundizzjonijiet tagħhom ma’ dawk miksuba mill-[IFPEN] qabel ma bidel l-istatut tiegħu, kemm abbażi ta’ metodoloġija aktar preċiża approvata minn qabel mill-Kummissjoni.”

200    L-Artikolu 5(3) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li “[i]r-rapport finanzjarju annwali għandu jinkludi t-total tal-assi u s-servizzi miksuba mill-[IFPEN] mingħand fornituri biex iwettaq is-servizzi ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1(4 u 5) ta’ din id-Deċiżjoni, matul il-perjodu annwali meqjus, kif ukoll stima massima tal-ammont gross ekwivalenti għal sussidju tal-għajnuna li jirriżulta minn apprezzament aktar favorevoli mill-fornituri tar-riskju ta’ falliment tal-intrapriża” u li “[d]in l-istima għandha titwettaq kemm bl-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 2.5 % fuq it-total tal-akkwisti mwettqa, kif ukoll fuq il-bażi ta’ metodoloġija aktar preċiża approvata minn qabel mill-Kummissjoni.”

201    Skont l-Artikolu 5(4) tad-deċiżjoni kkontestata “[i]r-rapport finanzjarju annwali għandu jinkludi t-total tal-attivitajiet ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 1(4 u 5) ta’ din id-Deċiżjoni, imwettqa mill-[IFPEN] matul il-perjodu annwali meqjus, kif ukoll stima massima tal-ammont gross ekwivalenti għal sussidju tal-għajnuna li tirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas ta’ primjum korrispondenti għal garanzija ta’ prestazzjoni, jew tal-anqas ta’ sforz aqwa, offruta lill-benefiċjarji tas-servizzi ekonomiċi msemmija” u li “[d]in l-istima għandha titwettaq kemm bl-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 5 % fuq it-total tas-servizzi mwettqa, kif ukoll fuq il-bażi ta’ metodoloġija aktar preċiża approvata minn qabel mill-Kummissjoni.”

202    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jimponi fuq l-IFPEN, essenzjalment, obbligi intiżi li jivverifikaw il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mogħtija lilu mill-Istat. Huwa jimponi fuq din l-entità l-obbligu li tittrażmetti lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, data dwar il-kundizzjonijiet ta’ self li hija ssottoskriviet, dwar l-ammonti ta’ oġġetti u servizzi li hija xtrat mingħand il-fornituri sabiex twettaq l-attivitajiet ekonomiċi tagħha, bi stima massima tal-ammont gross ekwivalenti għal sussidju tal-għajnuna u, fl-aħħar nett, l-ammont tal-attivitajiet ekonomiċi li hija wettqet bi stima massima tal-ammont gross ekwivalenti għal sussidju tal-għajnuna.

203    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-każ li miżura statali tista’ tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, din hija suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE. Għaldaqstant, l-obbligu li informazzjoni neċessarja tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni sabiex din tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna ma jistax jitqies li jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità bħala tali.

204    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-obbligi imposti fuq l-IFPEN jifformaw parti mill-kontinwità tal-obbligi imposti fuqu mid-Deċiżjoni 2009/157, li la ġiet ikkontestata mill-IFPEN u lanqas mir-Repubblika Franċiża.

205    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, hekk kif issostni wkoll il-Kummissjoni, it-trażmissjoni ta’ rapport annwali fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna hija prattika normali u proporzjonali għall-għan ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

206    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-obbligu impost mill-Artikolu 5(2) tad-deċiżjoni kkontestata huwa relatat mal-preżunzjoni ta’ vantaġġ favur l-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji li, skont il-Qorti Ġenerali, kienet intużat korrettament mill-Kummissjoni sabiex tikkwalifika l-miżura msemmija fl-Artikolu 1(4) ta’ din l-istess deċiżjoni bħala għajnuna mill-Istat, dan ma jgħoddx għall-obbligi imposti mill-Artikolu 5(3) u (4) tal-istess deċiżjoni.

207    Fil-fatt, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-obbligi imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw il-vantaġġ li minnu allegatament ibbenefika l-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal-klijenti, li fir-rigward tiegħu, hekk kif ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 105 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx uriet l-eżistenza. Minn dan isegwi li tali obbligi ma jistgħux, per definizzjoni, jitqiesu li huma xierqa u neċessarji fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkar fil-punt 196 iktar ’il fuq.

208    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 9(1) sa (3) tad-deċiżjoni kkontestata jobbliga lill-awtoritajiet Franċiżi, essenzjalment, sabiex fil-kuntratti konklużi mill-IFPEN jinkludu klawżola ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà tal-Istat u fil-kuntratti konklużi mis-sussidjarji tal-IFPEN jinkludu klawżola li teskludi r-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar kif ukoll dik tal-Istat.

209    Madankollu, l-IFPEN jillimita ruħu li jsostni, f’dan ir-rigward, li l-obbligu ta’ inklużjoni tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà huwa partikolarment ta’ piż għalih, mingħajr ma jispjega għaliex id-diversi klawżoli msemmija fl-Artikolu 9 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex neċessarji jew xierqa f’dan il-każ.

210    Għaldaqstant, tali lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza li tgħid li, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u abbażi tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jkun jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors, skont il-każ mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn. Ir-rikors għandu, għal din ir-raġuni, jindika espliċitament fhiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li s-sempliċi artikolazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Eżiġenzi analogi huma rikjesti meta ilment jiġi invokat insostenn ta’ motiv (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Winkler vs Il‑Kummissjoni, T‑369/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:334, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

211    Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tiġi milqugħa sa fejn din tirrigwarda l-Artikolu 5(3) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata, u miċħuda bħala inammissibbli fir-rigward tal-kumplament.

212    Minn dan isegwi li r-rikors tal-IFPEN fil-Kawża T‑157/12 għandu jiġi milqugħ parzjalment.

213    Peress li l-motivi kollha mqajma mir-Repubblika Franċiża ġew miċħuda, ir-rikors fil-Kawża T‑479/11 għandu, min-naħa l-oħra, jiġi miċħud.

 Fuq il-portata tal-annullament

214    L-IFPEN jitlob, prinċipalment, l-annullament tat-totalità tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, l-annullament tal-partijiet ivvizzjati tad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni.

215    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ilment milqugħ, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jirrigwarda biss il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà tal-miżuri kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat fl-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata.

216    Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, għandhom jiġu annullati kemm l-Artikolu 5(3) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jirrigwarda l-impatt massimu tal-garanzija tal-Istat kif stmat fl-Artikolu 5(3) u (4) tal-imsemmija deċiżjoni, u r-rikors għandu jiġi miċħud għall-kumplament.

 Fuq l-ispejjeż

217    B’applikazzjoni tal-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi, fid-deċiżjonijiet mogħtija wara li jiġu annullati u mibgħuta lura, fuq l-ispejjeż relatati, minn naħa, mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

218    Sa fejn fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali u rriżervat l-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi, f’din is-sentenza, kemm dwar l-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri mibdija quddiemha, inkluża l-proċedura tal-ewwel istanza, kif ukoll dwar l-ispejjeż relatati mal-proċedura ta’ appell fil-Kawża C‑438/16 P.

219    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 134(3) tal-istess regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew fuq diversi kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk jidher li jkun iġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, parti tbati wkoll parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

220    Peress li r-Repubblika Franċiża, l-IFPEN u l-Kummissjoni tilfu parzjalment fil-proċedura tal-ewwel istanza, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fil-kuntest ta’ dik il-proċedura.

221    Ir-Repubblika Franċiża, l-IFPEN u l-Kummissjoni għandhom, kull wieħed minnhom, ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell.

222    Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet fil-Kawża T‑479/11 RENV, hija għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kif mitlub minn din tal-aħħar.

223    Peress li l-IFPEN u l-Kummissjoni t-tnejn li huma tilfu fil-Kawża T‑157/12 RENV, sa fejn il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata u ċaħdet il-kumplament tar-rikors, l-IFPEN u l-Kummissjoni għandhom isostnu l-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5(3) u (4), kif ukoll l-Artikolu 6(1) sa fejn dan jirrigwarda l-impatt massimu tal-garanzija tal-Istat kif stmat fl-Artikolu 5(3) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/26/UE tad‑29 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 35/08 (ex NN 11/08) mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku Institut Français du Pétrole huma annullati.

2)      Il-kumplament tar-rikorsi huma miċħuda.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Franċiża u IFP Énergies nouvelles għandhom, kull wieħed minnhom, ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti fil-Kawżi T479/11 u T157/12.

4)      Ir-Repubblika Franċiża, IFP Énergies nouvelles u l-Kummissjoni għandhom, kull wieħed minnhom, ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti fil-Kawża C438/16 P.

5)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawża T479/11 RENV.

6)      IFP Énergies nouvelles u l-Kummissjoni għandhom, kull wieħed minnhom, ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti fil-Kawża T157/12 RENV.

Collins

Kancheva

De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Ottubru 2020.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.