Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (l-Awstrija) fis-16 ta’ Marzu 2022 – CK

(Kawża C-203/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: CK

Partijiet oħra fil-proċedura: Dun & Bradstreet Austria GmbH, Magistrat der Stadt Wien

Domandi preliminari

Liema huma r-rekwiżiti sostantivi li għandhom jiġu ssodisfatti minn informazzjoni pprovduta sabiex titqies bħala suffiċjentement “utli” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”) 1 ?

Fil-każ ta’ tfassil ta’ profil, il-kontrollur għandu jipprovdi wkoll, fil-kuntest tal-informazzjoni dwar il-“loġika sottostanti”, l-informazzjoni essenzjali sabiex wieħed jifhem ir-riżultat tad-deċiżjoni individwali awtomatizzata – eventwalment suġġett għall-osservanza ta’ sigriet ta’ impriża eżistenti? Fost din l-informazzjoni, huma inklużi, fost l-oħrajn 1) il-komunikazzjoni tad-data pproċessata dwar il-persuna kkonċernata, 2) il-komunikazzjoni tal-elementi tal-algoritmu li fuqu huwa bbażat it-tfassil tal-profil neċessarji sabiex ikun jista’ jinftiehem u 3) l-informazzjoni rilevanti sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn l-informazzjoni pproċessata u l-evalwazzjoni mwettqa?

Fil-każijiet li jinvolvu tfassil ta’ profil, anki fil-każ li jiġi invokat sigriet ta’ impriża, il-persuna li għandha dritt għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD għandha dritt li tikseb l-aċċess għall-informazzjoni li ġejja, rigward l-ipproċessar konkret li jikkonċernaha, sabiex hija tkun tista’ tipproteġi d-drittijiet tagħha taħt l-Artikolu 22(3) tar-RĠPD:

trażmissjoni tal-informazzjoni kollha, eventwalment psewdo-anonimizzata, b’mod partikolari dwar il-mod kif id-data tal-persuna kkonċernata hija pproċessata, li tippermetti li jiġi vverifikat ir-rispett tar-RĠPD,

tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data ta’ input użata għat-tfassil tal-profil,

il-parametri u l-varjabbli ta’ input użati sabiex issir l-evalwazzjoni,

l-influwenza ta’ dawn il-parametri u varjabbli ta’ input fuq l-evalwazzjoni kkalkolata,

informazzjoni dwar il-ksib tal-parametri jew tal-varjabbli ta’ input,

spjegazzjoni tar-raġuni għalfejn il-persuna li għandha dritt għal informazzjoni ġiet assoċjata ma’ riżultat ta’ evalwazzjoni speċifiku fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RPDĠ, u preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni assoċjata ma’ din l-evalwazzjoni,

elenkar tal-kategoriji ta’ profili u spjegazzjoni dwar liema dikjarazzjonijiet ta’ evalwazzjoni huma assoċjati ma’ kull waħda mill-kategoriji ta’ profili?

Id-dritt ta’ aċċess mogħti permezz tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD huwa marbut mad-drittijiet iggarantiti permezz tal-Artikolu 22(3) tar-RĠPD li wieħed jesprimi l-perspettiva tiegħu u li wieħed jikkontesta deċiżjoni awtomatizzata meħuda fis-sens tal-Artikolu 22 tar-RĠPD, sa fejn il-portata tal-informazzjoni pprovduta wara talba għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD hija suffiċjentement “utli” biss jekk il-persuna li titlob l-informazzjoni u s-suġġett tad-data fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD titqiegħed f’pożizzjoni li teżerċita d-dritt iggarantit permezz tal-Artikolu 22(3) tar-RĠPD li tesprimi l-perspettiva tagħha u d-dritt li tikkontesta deċiżjoni awtomatizzata fis-sens tal-Artikolu 22(3) tar-RĠPD b’mod effettiv, iddettaljat u promettenti?

a) L-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx lok li jitqies li hija “informazzjoni utli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ħlief meta din l-informazzjoni tkun daqstant estensiva li tippermetti lill-persuna li għandha dritt għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD tistabbilixxi jekk din l-informazzjoni pprovduta tikkorispondix effettivament għall-fatti, u għaldaqstant jekk id-deċiżjoni awtomatizzata konkretament mitluba hijiex effettivament ibbażata fuq l-informazzjoni kkomunikata?

b) Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv: kif għandu wieħed jipproċedi meta l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta minn kontrollur tista’ tiġi vverifikata biss jekk data ta’ terz li hija protetta mir-RĠPD għandha wkoll tinġab għall-attenzjoni tal-persuna li għandha dritt għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD (Black-Box)?

Din it-tensjoni bejn id-dritt ta’ aċċess fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-RĠPD u d-dritt għall-protezzjoni tad-data ta’ terzi tista’ tiġi solvuta wkoll billi tiġi kkomunikata d-data ta’ terzi meħtieġa għal verifika tal-eżattezza, li wkoll ġiet suġġetta għall-istess tfassil ta’ profil, esklużivament lill-awtorità jew lill-qorti, b’mod li l-awtorità jew il-qorti għandha tivverifika b’mod awtonomu jekk id-data kkomunikata ta’ dawn it-terzi tikkorrispondix għall-fatti?

c) Jekk tingħata risposta fl-affermattiv: liema huma d-drittijiet li għandhom f’kull każ jingħataw lill-persuna li għandha dritt għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD fil-każ li jkun neċessarju li tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ terzi fis-sens tal-Artikolu 15(4) tar-RĠPD billi tinħoloq il-Black-Box imsemmija taħt il-punt 3(b)?

F’dan il-każ, il-persuna li għandha dritt għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD għandha tiġi pprovduta mill-inqas bid-data ta’ persuni oħra, f’forma psewdo-anonimizzata, biex tkun tista’ ssir il-verifika tal-korrettezza tat-teħid ta’ deċiżjoni tal-kontrollur fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-RĠPD?

a) Kif għandu wieħed jipproċedi jekk l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD tissodisfa wkoll r-rekwiżiti ta’ sigriet kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Know-How”) 1 ?

It-tensjoni bejn id-dritt għal informazzjoni ggarantit permezz tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD u d-dritt protett permezz tad-Direttiva Know-How għal nuqqas ta’ żvelar ta’ sigriet kummerċjali tista’ tiġi solvuta bil-fatt li dak li huwa kklassifikat bħala sigriet kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva Know-How jiġi żvelat biss lill-awtorità jew lill-qorti, b’mod li l-awtorità jew il-qorti għandhom jivverifikaw b’mod awtonomu jekk jistax jiġi preżunt li jeżisti sigriet kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva Know-How, u jekk l-informazzjoni pprovduta mill-kontrollur fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-RĠPD tikkorrispondix għall-fatti?

b) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv: liema drittjiet għandhom jingħataw f’kull każ lill-persuna li għandha dritt għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD fil-każ li jkun neċessarju li tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ terzi fis-sens tal-Artikolu 15(4) tar-RĠPD billi tinħoloq il-Black-Box imsemmija fil-punt 4(a)?

Fil-każ (ukoll) ta’ diverġenza bejn l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-awtorità jew lill-qorti u l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-persuna li għandha dritt għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD, għandu f’kull każ jiġi kkomunikat lill-persuna li għandha dritt għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD l-informazzjoni li ġejja rigward l-ipproċessar konkret li jikkonċernaha, sabiex hija tkun tista’ tipproteġi b’mod sħiħ id-drittijiet tagħha taħt l-Artikolu 22(3) tar-RĠPD?

trażmissjoni tal-informazzjoni kollha, eventwalment psewdo-anonimizzata, b’mod partikolari dwar il-mod kif id-data tal-persuna kkonċernata hija pproċessata, li tippermetti li jiġi vverifikat ir-rispett tar-RĠPD,

tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data ta’ input użata għat-tfassil tal-profil,

il-parametri u l-varjabbli ta’ input użati sabiex issir l-evalwazzjoni,

l-influwenza ta’ dawn il-parametri u varjabbli ta’ input fuq l-evalwazzjoni kkalkolata,

informazzjoni dwar il-ksib tal-parametri jew tal-varjabbli ta’ input,

spjegazzjoni tar-raġuni għalfejn il-persuna li għandha dritt għal informazzjoni ġiet assoċjata ma’ riżultat ta’ evalwazzjoni speċifiku fis-sens tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RPDĠ, u preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni assoċjata ma’ din l-evalwazzjoni,

elenkar tal-kategoriji ta’ profili u spjegazzjoni dwar liema dikjarazzjonijiet ta’ evalwazzjoni huma assoċjati ma’ kull waħda mill-kategoriji ta’ profili?

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 15(4) tar-RĠPD tillimita b’xi mod il-portata tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta taħt l-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD?

Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, b’liema mod huwa dan id-dritt ta’ aċċess limitat mill-Artikolu 15(4) tar-RĠPD, u kif għandha tiġi ddeterminata l-portata tal-limitazzjoni f’kull każ?

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 4(6) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data, li tgħid li “id-dritt tal-persuna kkonċernata li tikseb aċċess mingħand kontrollur, skont l-Artikolu 15 tar-RĠPD, bla ħsara għal restrizzjonijiet legali oħra, ġeneralment ma jeżistix meta l-għoti ta’ dan l-aċċess ikun jikkomprometti sigriet kummerċjali jew industrijali tal-kontrollur jew ta’ terz” hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 22(3) tar-RĠPD? Fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet tkun teżisti tali kompatibbiltà?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.

1     ĠU 2016, L 157, p. 1.