Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Awwissu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-519/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B.-R. Killmann u D. Recchia, bħala aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi ma wettqitx ir-rikostituzzjoni tal-karriera tal-ex letturi sabiex tiggarantilhom ir-remunerazzjoni dovuta lilhom u l-ħlas tal-arretrati korrispondenti, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 45 TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Taljana ma applikatx b’mod korrett l-Artikolu 45 TFUE dwar ir-rikostituzzjoni tal-karriera tal-persunal universitarju preċedentement irreklutat minn bosta universitajiet tal-Istat bħala “letturi”.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni tal-ex letturi, impjegati dak iż-żmien minn sitt universitajiet tal-Istat Taljani. Fis-sentenza mogħtija fil-Kawża C-212/99 1 , il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li tiegħu l-Artikolu 45 TFUE huwa espressjoni, jipprojbixxi mhux biss diskriminazzjoni ċara bbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li twassal fil-fatt għall-istess riżultat 2 , u li l-kuntest ġuridiku fis-seħħ dak iż-żmien fl-Italja ppermetta lil sitt universitajiet Taljani jimplimentaw prattiki amministrattivi u kuntrattwali diskriminatorji billi ma jagħtux lill-ex letturi rikostituzzjoni tal-karriera li tiggarantilhom l-istess drittijiet bħal dawk mogħtija lill-ħaddiema nazzjonali (inklużi ż-żidiet fis-salarju, l-anzjanità u l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mid-data tal-ewwel reklutaġġ tagħhom) 3 .

Fis-sentenza fil-Kawża C-119/04 1 , il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-evoluzzjoni tal-kuntest ġuridiku Taljan li wasslet għad-decreto legge n. 2 – Disposizioni urgenti relative al trattamento economico dei collaboratori linguistici presso talune Università ed in materia di titoli equipollenti (Digriet-Liġi Nru 2, li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti dwar it-Trattament Ekonomiku tal-Kollaboraturi Lingwistiċi f’Ċerti Universitajiet u dwar l-Ekwivalenzi) 2 . Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dan il-kuntest ġuridiku, li ma kienx inkorrett, ippermetta lill-universitajiet ikkonċernati jipproċedu bir-rikostituzzjoni tal-karriera tal-ex letturi 3 .

Minkejja dan id-Digriet-Liġi u minkejja l-krediti annwali ta’ iktar minn tmien miljun euro li għandhom jiġu allokati mill-2017 lill-universitajiet li jimpjegaw jew kienu jimpjegaw ex letturi (krediti li inizjalment kienu suġġetti għall-konklużjoni ta’ kuntratti komplementari, iżda li bħalissa huma ħielsa minn din il-kundizzjoni), ħafna ex letturi għadhom ma kisbux ir-rikostituzzjoni tal-karriera tagħhom. Konsegwentement, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, tippersisti sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 45 TFUE fil-konfront ta’ dawn l-ex letturi.

____________

1     Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-212/99, EU:C:2001:357).

1     Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-212/99, EU:C:2001:357, punt 24).

1     Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-212/99, EU:C:2001:357, punti 30 et seq.).

1     Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-119/04, EU:C:2006:489).

1     GURI Nru 11, tal-15 ta’ Jannar 2004. Id-Digriet-Liġi Nru 2/2004 sar liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 36 tal-5 ta’ Marzu 2004 (GURI Nru 60, tat-12 ta’ Marzu 2004).

1     Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-119/04, EU:C:2006:489, punti 38 u 39).