Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gericht Erster Instanz Eupen (il-Belġju) fl-14 ta’ Jannar 2021 – IO vs Wallonische Region

(Kawża C-23/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Gericht Erster Instanz Eupen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: IO

Konvenut: Wallonische Region

Domandi preliminari

Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik applikata mill-Wallonische Region (ir-Reġjun ta’ Wallonie), li bis-saħħa tagħha l-użu, mingħajr obbligu ġdid ta’ reġistrazzjoni, ta’ vettura ta’ kumpannija barranija mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ direttur (jew professjonist) li jirrisjedi fil-Belġju minn impriża (bi jew mingħajr personalità ġuridika) stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li ma huwiex il-Belġju, suġġetta għall-kundizzjoni li dan id-direttur (jew professjonist) iżomm fil-vettura attestazzjoni mill-kumpannija (bi jew mingħajr personalità ġuridika) jew il-prova ta’ ordni (jiġifieri attestazzjoni fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3(2) tal-Königlichen Erlasses vom 20. Juli 2001 (id-Digriet Irjali tal-20 ta’ Lulju 2001), tmur kontra r-regoli rilevanti tad-dritt Ewropew u b’mod partikolari, kontra l-Artikoli 49 (libertà ta’ stabbiliment) u 56 (libertà li jiġu pprovduti servizzi) TFUE?

Ir-rekwiżit għall-użu ta’ vettura ta’ kumpannija rreġistrata barra mill-pajjiż li tkun disponibbli għal azzjonist u għal direttur li jgħix fil-Belġju, li dan tal-aħħar irid jirċievi salarju jew dħul mill-kumpannija, huwa kompatibbli mar-regoli rilevanti tad-dritt Ewropew u b’mod partikolari mal-Artikoli 49 (libertà ta’ stabbiliment) u 56 (libertà li jiġu pprovduti servizzi) TFUE?

Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta iktar ’il fuq u implimentata mir-Reġjun ta’ Wallonie hija ġġustifikata minn rekwiżiti marbuta mas-sigurtà pubblika jew ma’ miżuri oħra ta’ protezzjoni u, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, huwa meħtieġ li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi osservata billi tiġi interpretata fis-sens li teżiġi ż-żamma obbligatorja fil-vettura ta’ prova ta’ ordni kif ukoll ta’ attestazzjoni tal-provvista tal-vettura, jew l-għan seta’ wkoll jintlaħaq b’mod ieħor permezz ta’ mezzi inqas stretti u inqas formalistiċi?

____________