Language of document : ECLI:EU:T:2024:253

Kawża T119/23

Insider LLC

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas17 ta’ April 2024

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea in Insajderi – Trade mark verbali preċedenti nazzjonali INSAJDERI u trade mark figurattiva preċedenti nazzjonali in Insajderi Gazetë online – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Portata tal-eżami li għandu jitwettaq mill-Bord tal-Appell – Artikolu 27(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 – Nuqqas ta’ produzzjoni tal-provi – Traduzzjoni – Artikolu 7 tar-Regolament Delegat 2018/625 – Dritt għal smigħ – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001 – Possibbiltà għall-Bord tal-Appell li jaċċetta provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu – Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625 – Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001”

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ appell – Appell ippreżentat minn deċiżjoni ta’ diviżjoni tal-Uffiċċju li tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza u mibgħut quddiem il-Bord tal-Appell – Kontinwità funzjonali bejn dawn iż-żewġ istanzi – Eżami tal-appell mill-Bord tal-Appell – Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 71(1))

(ara l-punt 16)

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Dispożizzjonijiet proċedurali – Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Portata tal-prinċipju

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 94(1))

(ara l-punti 27 sa 33, u 46)

3.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ appell – Appell ippreżentat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Uffiċċju – Eżami mill-Bord tal-Appell – Portata – Fatti u provi mhux ippreżentati insostenn tal-oppożizzjoni fit-terminu mogħti għal dan il-għan – Teħid inkunsiderazzjoni – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 95(2); Regolament tal-Kummissjoni 2018/625, Artikoli 8(1) u 27(4))

(ara l-punti 38 sa 40, u 45)

Sunt

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (1) abbażi tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), minħabba li r-rikorrenti ma kinitx nstemgħet dwar kwistjonijiet imqajma ex officio mill-Bord tal-Appell li affettwawha b’mod negattiv.

Florim Alaj kien ippreżenta, quddiem l-EUIPO, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv “in Insajderi” għal servizzi ta’ provvista, permezz tal-internet, ta’ informazzjoni, ta’ aħbarijiet u ta’ kummenti fil-qasam tal-aħbarijiet (2). Insider LLC, ir-rikorrenti, opponiet din l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (3) fuq il-bażi ta’ żewġ trade marks preċedenti rreġistrati fil-Kosovo. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet din l-oppożizzjoni.

Madankollu, il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni minħabba li r-rikorrenti ma kinitx uriet li t-trade marks preċedenti invokati kienu jeżistu u li hija kienet il-proprjetarja tagħhom. Huwa rrileva b’mod partikolari l-assenza ta’ verżjoni oriġinali taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti u qies li t-traduzzjonijiet iċċertifikati konformi tagħhom, prodotti mir-rikorrenti bħala prova, kienu jikkostitwixxu traduzzjonijiet mhux uffiċjali li fihom it-test oriġinali ma kienx viżibbli, b’tali mod li kien impossibbli li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni essenzjali kinitx imsemmija fiċ-ċertifikat oriġinali.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001 jikkostitwixxi applikazzjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta. Fil-fatt, l-atti kollha tal-Unjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif irrikonoxxuti mill-Karta peress li dan ir-rispett jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tagħhom li l-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ fil-kuntest tas-sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-dritt għal smigħ f’kull proċedura, dan id-dritt jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha waqt proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward tagħha li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tagħha. Dan id-dritt għal smigħ jestendi għall-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta. Għaldaqstant, huwa l-EUIPO li għandu l-obbligu li jqiegħed lill-partijiet fi proċedimenti pendenti quddiem l-istanzi tiegħu f’pożizzjoni li jsostnu l-perspettiva tagħhom dwar l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ dawn l-istanzi.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt li l-Bord tal-Appell kien irrileva ex officio l-assenza tal-verżjonijiet oriġinali taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti u kien esprima dubji dwar l-awtentiċità tat-traduzzjonijiet tagħhom, mingħajr ma sema’ lir-rikorrenti fuq dan il-punt, kien jikkostitwixxi irregolarità proċedurali. Madankollu, ksur tad-drittijiet tad-difiża jista’ jiġi kkonstatat biss meta n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-pożizzjoni ta’ parti kkonċernata jkun kellu effett konkret fuq il-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tiddefendi ruħha. Madankollu, ma jistax jiġi impost fuq ir-rikorrent li juri li d-deċiżjoni kkontestata kien ikollha kontenut differenti fl-assenza tal-ksur ikkonstatat, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża peress li r-rikorrent kien ikun jista’ jiddefendi ruħu aħjar fl-assenza tal-irregolarità proċedurali.

Kien fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, f’dan il-każ, ma kienx kompletament eskluż li l-proċedura kienet twassal għal riżultat differenti fl-assenza tal-irregolarità proċedurali. Fil-fatt, li kieku l-Bord tal-Appell kien qiegħed lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-kwistjoni tal-assenza tal-verżjonijiet oriġinali taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti, din kienet tkun f’pożizzjoni li tipprovdihom, fatt li kien jippermetti lill-Bord tal-Appell jeżaminahom u jiżgura għalhekk l-awtentiċità tat-traduzzjonijiet. Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kienet ġiet adottata bi ksur tad-dritt għal smigħ iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.


1      Deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑5 ta’ Diċembru 2022 (Każ R 1152/2022-5).


2      Dan kien jirrigwarda servizzi li jaqgħu fil-klassi 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.


3      Ibbażat fuq l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).